Brussell, 18.4.2018

COM(2018) 206 final

2018/0101(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jimplimenta d-dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja u mekkaniżmi oħra li jippermettu l-irtirar temporanju ta’ preferenzi f’ċerti ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u ċerti pajjiżi terzi


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.IL-KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Din il-proposta tikkonċerna l-inkorporazzjoni fil-liġi tal-Unjoni Ewropea (i) tad-dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja u (ii) ta’ kwalunkwe mekkaniżmu speċjali għall-irtirar ta’ preferenzi tariffarji jew trattamenti preferenzjali oħra li jeħtieġ regolament ta’ implimentazzjoni previst fi ftehimiet futuri konklużi mill-UE.

Ir-Regolament għalissa jipprevedi l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Singapore, il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles UE-Vjetnam, u l-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Ġappun. Huwa propost ukoll li ftehimiet kummerċjali futuri jiżdiedu mal-ambitu tar-regolament permezz ta’ atti delegati.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-maġġoranza tal-ftehimiet kummerċjali tal-UE jinkludu dispożizzjoni ta’ salvagwardja bilaterali. Id-dispożizzjoni tipprevedi l-possibbiltà li l-liberalizzazzjoni ulterjuri tariffarja tiġi sospiża jew li terġa tiddaħħal it-tariffa tal-pajjiż l-aktar favorit meta, bħala konsegwenza tal-liberalizzazzjoni tal-kummerċ, isiru importazzjonijiet bi kwantitajiet tant ikbar min-normal u taħt tali kundizzjonijiet li jikkawżaw (jew jheddu li jikkawżaw) dannu serju lill-produtturi domestiċi li jipproduċu l-prodott simili jew li jikkompeti direttament miegħu. Barra minn hekk, xi ftehimiet kummerċjali tal-UE jistgħu jinkludu xi mekkaniżmi speċjali li wkoll jagħtu l-possibbiltà li terġa’ tiddaħħal it-tariffa tal-pajjiż l-aktar favorit.

Sabiex dawn il-miżuri jkunu operattivi, jenħtieġ li din id-dispożizzjoni ta’ salvagwardja bilaterali tiġi inkorporata fil-liġi tal-Unjoni Ewropea u l-aspetti proċedurali tal-applikazzjoni tagħhom kif ukoll id-drittijiet tal-partijiet interessati għandhom bżonn jiġu speċifikati.

Sa issa, kienet prattika konsisenti li l-Kummissjoni tipproponi regolament ta’ implimentazzjoni flimkien ma’ kull ftehim kummerċjali riċenti separat.

Fuq il-bażi tal-esperjenza tal-imgħoddi u r-regolamenti eżistenti, qiegħed jiġi ssuġġerit li l-proċess kollu jista’ jiġi ssimplifikat billi jiġi propost regolament ta’ salvagwardja orizzontali bilaterali li jkun jista’ jintuża għall-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles futuri kollha. Il-parti prinċipali tat-test tar-regolament tkun tiffoka fuq id-dettalji tekniċi u proċedurali komuni tal-istrument ta’ salvagwardja bilaterali (it-tmexxija tal-investigazzjonijiet, proċeduri għal miżuri proviżorji u definittivi, eċċ.). Kapitolu separat jistabbilixxi r-regoli proċedurali li jikkonċernaw mekkaniżmi speċjali. Anness ikun jirrifletti l-applikabbiltà tar-regolament għal sieħeb speċifiku fi ftehim ta’ kummerċ ħieles inkwistjoni kif ukoll l-ispeċifiċitajiet kollha tal-ftehim kummerċjali inkwistjoni.

L-Annessi li jkun fihom il-ftit elementi li jkunu speċifiċi għal kull ftehim individwali jkunu emendati permezz ta’ atti delegati. L-atti delegati jkunu qed jimplimentaw il-ftehimiet kummerċjali li diġà huma approvati mill-Parlament Ewropew u l-Kunsill u b’hekk ikunu qed jagħtu lill-Kummissjoni għażla politika limitata ħafna.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta mehmuża għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tikkostitwixxi l-istrument legali għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja u ta’ kwalunkwe mekkaniżmu speċjali tal-Ftehim Kummerċjali tal-UE.

L-Artikolu 207(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post / kontrolli tal-idoneità ta’ leġiżlazzjoni eżistenti

Din il-proposta għal Regolament hija meħuda direttament mit-testi tal-Ftehimiet negozjati ma’ bosta pajjiżi oħra bħall-Kolombja, il-Perù, pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, ir-Repubblika tal-Moldova, u l-Georgia. Għaldaqstant, la hemm bżonn ta’ konsultazzjoni separata mal-partijiet interessati u lanqas ta’ valutazzjoni tal-impatt. Il-proposta hija fil-biċċa l-kbira bbażata fuq regolamenti ta’ implimentazzjoni eżistenti.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

5.ELEMENTI OĦRAJN

Se jiġi pprovdut rapport annwali lill-Kunsill u lill-PE li jippreżenta l-istatistiċi tan-negozju mas-sieħeb tal-ftehim ta’ kummerċ ħieles rilevanti, kif ukoll l-informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-regolament.

2018/0101 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jimplimenta d-dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja u mekkaniżmi oħra li jippermettu l-irtirar temporanju ta’ preferenzi f’ċerti ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u ċerti pajjiżi terzi

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 207(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)L-Unjoni ta’ spiss tikkonkludi ftehimiet kummerċjali (“Ftehimiet”) ma’ ċerti pajjiżi terzi li jistgħu jinkludu dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja. Huwa meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri li jiggarantixxu l-applikazzjoni effettiva tad-dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja li jkunu ġew miftiehma mal-pajjiżi kkonċernati.

(2)Il-Ftehimiet jistgħu jinkludu mekkaniżmi oħrajn għall-irtirar temporanju ta’ tariffi jew ta’ trattament preferenzjali ieħor. Huwa wkoll meħtieġ li jiġu stabbiliti l-proċeduri għall-applikazzjoni ta’ tali mekkaniżmi, meta inklużi fil-Ftehimiet.

(3)Il-miżuri ta’ salvagwardja bilaterali jistgħu jitqiesu biss fejn il-prodott inkwistjoni jiġi importat fl-Unjoni fi kwantitajiet tant ikbar min-normal, f’termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni tal-Unjoni, u f’tali kundizzjonijiet li jikkawżaw, jew jheddu li jikkawżaw, dannu serju lill-produtturi tal-Unjoni ta’ prodotti simili jew li jkunu f’kompetizzjoni diretta. Jenħtieġ li l-miżura ta’ salvagwardja bilaterali jieħdu waħda mill-forom imsemmija fil-Ftehim.

(4)Jenħtieġ li s-segwitu u r-rieżami tal-Ftehimiet, it-twettiq tal-investigazzjonijiet u, fejn xieraq, l-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja jitwettqu b’mod trasparenti.

(5)Jenħtieġ li l-Istati Membri jinfurmaw lill-Kummissjoni b’kull xejra fl-importazzjonijiet li tista’ tkun teħtieġ l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja.

(6)Għalhekk, l-affidabbiltà tal-istatistika tal-importazzjonijiet kollha mill-pajjiżi kkonċernati lejn l-Unjoni hija kruċjali meta jiġi stabbilit jekk ġewx sodisfati l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja.

(7)Il-monitoraġġ mill-qrib tal-prodotti sensittivi, jekk ikun hemm, għandu jiffaċilita deċiżjoni f’waqtha dwar it-tnedija possibbli ta’ investigazzjoni u l-applikazzjoni sussegwenti ta’ miżuri. Jenħtieġ għalhekk li l-Kummissjoni timmonitorja b’mod regolari l-importazzjonijiet ta’ prodotti sensittivi, jekk ikun hemm, mid-data ta’ applikazzjoni proviżorja jew tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehimiet, jekk ma jkunx hemm applikazzjoni proviżorja. Il-monitoraġġ għandu jiġi estiż għal setturi oħra wara talba ġustifikata kif xieraq mill-industrija rilevanti.

(8)Huwa wkoll meħtieġ li jiġu stabbiliti l-limiti taż-żmien sabiex tinbeda investigazzjoni u sabiex jiġi stabbilit jekk il-miżuri ta’ salvagwardja humiex xierqa, bil-ħsieb li jiġi żgurat li dawn il-kunsiderazzjonijiet isiru malajr, sabiex tiżdied iċ-ċertezza tad-dritt għall-operaturi ekonomiċi kkonċernati.

(9)Għandu jkun hemm investigazzjoni qabel l-applikazzjoni ta’ kwalunkwe miżura ta’ salvagwardja, soġġett li l-Kummissjoni titħalla tapplika miżuri ta’ salvagwardja proviżorji f’ċirkostanzi kritiċi.

(10)Il-miżuri ta’ salvagwardja għandhom jiġu applikati biss sa fejn, u għal tant żmien li, jista’ jinħtieġ biex ma jsirx dannu serju u biex jiġi ffaċilitat l-aġġustament. It-tul massimu taż-żmien tal-miżuri tas-salvagwardja għandu jiġi stabbilit u għandhom jiġu stabbiliti d-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar l-estensjoni u r-rieżami ta’ dawn il-miżuri.

(11)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tidħol f’konsultazzjonijiet mal-pajjiżi kkonċernati affettwati mill-miżuri jekk il-ftehimiet speċifiċi jkunu jeħtieġu dan.

(12)Sabiex jiżdied jew jitneħħa Ftehim mill-Anness, biex fl-Anness jiżdiedu xi dispożizzjonijiet li jistabbilixxu regoli speċjali inklużi fi Ftehim, jew biex jiżdiedu prodotti identifikati bħala “sensittivi” fl-Anness, jenħtieġ li l-Anness jiġi emendat. Sabiex jiġi emendat l-Anness ta’ dan ir-Regolament,is-setgħa li jiġu adottati atti skont l-Artikolu 290 tat-Trattat għandha tiġi ddelegata lill-Kummissjoni.

(13)Hu partikolarment importanti li l-Kummissjoni tagħmel konsultazzjonijiet xierqa matul il-ħidma ta’ tħejjija tagħha, inkluż fil-livell ta’ esperti. Meta tkun qed tħejji u tikteb l-atti delegati, jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura trażmissjoni simultanja, fil-ħin u xierqa tad-dokumenti rilevanti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

(14)L-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja jew mekkaniżmi u kriterji oħra għas-sospensjoni temporanja tal-preferenzi tariffarji jew preferenzi oħra previsti fil-ftehimiet teħtieġ kundizzjonijiet uniformi għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja proviżorji u definittivi, għall-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ sorveljanza ta’ qabel, għat-tmiem ta’ investigazzjoni mingħajr miżuri u għas-sospensjoni temporanja tat-tariffi preferenzjali jew trattament preferenzjali ieħor.

(15)Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawn is-setgħat ikunu eżerċitati skont ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 .

(16)Il-proċedura konsultattiva għandha tintuża għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ sorveljanza u miżuri proviżorji ta’ salvagwardja minħabba l-effetti li għandhom dawn il-miżuri u l-loġika sekwenzjali tagħhom f’rabta mal-adozzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja definittivi. Il-proċedura ta’ eżami għandha tapplika għall-impożizzjoni ta’ miżuri definittivi ta’ salvagwardja u għar-rieżamijiet ta’ dawn il-miżuri.

(17)Il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni applikabbli immedjatament fejn, f’każijiet debitament ġustifikati, dewmien fl-impożizzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja proviżorji jkun jikkawża dannu li jkun diffiċli li jissewwa jew biex jiġi evitat impatt negattiv fuq is-suq tal-Unjoni bħala riżultat ta’ żieda fl-importazzjonijiet fejn raġunijiet imperattivi ta’ urġenza hekk jesiġu.

(18)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehimiet fl-Anness ta’ dan ir-Regolament u dwar l-applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja.

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Is-suġġett u l-kamp ta’ applikazzjoni

1. Dan ir-Regolament jistabbilixxi dispożizzjonijiet għall-implimentazzjoni tal-klawżoli ta’ salvagwardja bilaterali u mekkaniżmi oħra dwar l-irtirar temporanju ta’ preferenzi tariffarji jew trattament preferenzjali ieħor fil-Ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni u pajjiż terz imsemmi fl-Anness.

2. Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għal xi dispożizzjonijiet speċjali fil-Ftehimiet imsemmija fl-Anness.

3. L-Artikolu 194 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 għandu jkompli japplika għall-implimentazzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja u mekkaniżmi oħra fil-Ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni u terzi pajjiżi li mhumiex imsemmija fl-Anness 2 .

Artikolu 2

Definizzjonijiet

1. Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament:

(a)“klawżola ta’ salvagwardja bilaterali” tfisser dispożizzjoni stipulat fi Ftehim bejn l-Unjoni u pajjiż ikkonċernat terz wieħed jew iktar imsemmija fl-Anness dwar is-sospensjoni temporanja ta’ preferenzi tarriffarji;

(b)“partijiet interessati” tfisser il-partijiet milquta mill-importazzjonijiet tal-prodott;

(c)“Industrija tal-Unjoni” tfisser il-produtturi tal-Unjoni kollha flimkien ta’ prodotti simili jew ta’ prodotti f’kompetizzjoni diretta, li jkunu joperaw fit-territorju tal-Unjoni, jew produtturi tal-Unjoni li l-produzzjoni kollettiva tagħhom ta’ prodotti simili jew ta’ prodotti f’kompetizzjoni diretta tikkostitwixxi proporzjon kbir tal-produzzjoni totali tal-Unjoni ta’ dawk il-prodotti, jew, fejn prodott simili jew prodott f’kompetizzjoni diretta jkun biss wieħed minn fost diversi prodotti magħmulin minn produtturi tal-Unjoni, l-industrija tal-Unjoni għandha tiġi definita fir-rigward tal-operazzjonijiet speċifiċi li huma involuti fil-produzzjoni tal-prodott simili jew f’kompetizzjoni diretta;

(d)“dannu serju” tfisser ħsara sinifikanti ġenerali għall-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni;

(e)“theddida ta’ dannu serju” għall-pożizzjoni tal-industrija tal-Unjoni tfisser dannu serju li jkun imminenti b’mod ċar;

(f)“prodott sensittiv” tfisser prodott identifikat fi ftehim speċifiku bħala relattivament iktar vulnerabbli minn prodotti oħra għal żieda f’importazzjonijiet;

(g)“Ftehim” tfisser ftehim kummerċjali msemmi fl-Anness;

(h)“perjodu ta’ tranżizzjoni” tfisser perjodu ta’ 10 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, sakemm mhux definit mod ieħor fil-Ftehim rilevanti msemmi fl-Anness;

(i)“pajjiż ikkonċernat” tfisser pajjiż li huwa parti għal Ftehim imsemmi fl-Anness.

Artikolu 3

Prinċipji

1. Miżura ta’ salvagwardja tista’ tiġi imposta f’konformità ma’ dan ir-Regolament meta prodott li joriġina f’pajjiż ikkonċernat jiġi impurtat fl-Unjoni:

(a)f’tali kwantitajiet miżjuda, f’termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni tal-Unjoni, u taħt tali kundizzjonijiet,

(b)li joħolqu jew jheddu li joħolqu dannu serju lill-industrija tal-Unjoni; kif ukoll,

(c)iż-żieda ta’ importazzjonijiet hija riżultat tal-effett ta’ obbligi mġarrba taħt il-Ftehim rispettiv konkluż bejn l-Unjoni u pajjiż terz, inkluż it-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tad-dazji tad-dwana fuq dak il-prodott.

2. Miżura ta’ salvagwardja tista’ tieħu waħda mill-forom li ġejjin:

(a)sospensjoni ta’ aktar tnaqqis fir-rata tad-dazju doganali fuq il-prodott ikkonċernat prevista fl-Iskeda ta’ Tneħħija tat-Tariffi tal-Ftehim mal-pajjiż ikkonċernat;

(b)żieda fir-rata ta’ dazju doganali fuq il-prodott ikkonċernat sa livell li ma jaqbiżx l-inqas minn dawn:

i) ir-rata tad-dazju applikata tal-pajjiż l-aktar iffavorit fuq il-prodott ikkonċernat li tkun fis-seħħ fiż-żmien li fih tittieħed il-miżura ta’ salvagwardja; jew

ii) ir-rata ta’ bażi ta’ dazju ta’ dwana kif speċifikata fl-Iskeda għat-Tneħħija tat-Tariffi tal-Ftehim mal-pajjiż ikkonċernat.

Artikolu 4

Monitoraġġ

1. Il-Kummissjoni għandha timmonitorja l-evoluzzjoni tal-istatistika dwar l-importazzjoni ta’ prodotti sensittivi, jekk ikun hemm, li jkunu imsemmija fl-Anness fir-rigward ta’ kull Ftehim. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni għandha tikkoopera u tiskambja dejta b’mod regolari mal-Istati Membri u mal-industrija tal-Unjoni.

2. B'talba ġġustifikata kif xieraq mill-industrija tal-Unjoni kkonċernata, il-Kummissjoni tista’ twessa’ l-ambitu tal-monitoraġġ għal setturi oħra, jekk ikun hemm, barra minn dawk imsemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

3. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali ta’ monitoraġġ lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar statistika dwar l-importazzjonijiet ta’ prodotti sensittivi, u dawk is-setturi li għalihom ikun ġie estiż il-monitoraġġ.

Artikolu 5

Bidu ta’ investigazzjoni

1. Investigazzjoni għandha tinfetaħ mill-Kummissjoni b'talba ta’ Stat Membru, minn kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika li tkun qed taġixxi f’isem l-industrija tal-Unjoni, jew bl-inizjattiva tal-Kummissjoni, fejn hemm biżżejjed evidenza prima facie, kif stabbilit abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 6(5).

2. It-talba għandha tinkludi l-informazzjoni li ġejja:

(a)(a) ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjoni tal-prodott ikkonċernat f’termini assoluti u relattivi;

(b)(b) is-sehem tas-suq domestiku meħud minn importazzjonijiet miżjuda u l-bidliet fil-livelli ta’ bejgħ, produzzjoni, produttività, użu tal-kapaċità, qligħ u telf, u impjiegi fir-rigward tal-industrija tal-Unjoni.

3. Il-prodott soġġett għal investigazzjoni jista’ jkopri linja tariffarja waħda jew diversi linji tariffarji jew sottosegment tagħhom skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-suq, jew kwalunkwe segmentazzjoni tal-prodott li tkun applikata b’mod komuni fl-industrija tal-Unjoni.

4. Investigazzjoni tista’ tinfetaħ ukoll fejn ikun hemm żieda qawwija tal-importazzjonijiet ikkonċentrati fi Stat Membru wieħed jew f’għadd ta’ Stati Membri, bil-kundizzjoni li jkun hemm biżżejjed evidenza prima facie, kif stabbilit fuq il-bażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 6(5).

5. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Istati Membri kollha meta tirċievi talba biex tibda investigazzjoni jew meta tikkunsidra li jkun xieraq li tibda investigazzjoni b'inizjattiva tagħha stess skont il-paragrafu 1.

6. Jekk ikun jidher li hemm biżżejjed evidenza prima facie li tiġġustifika l-bidu ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni għandha tibda l-investigazzjoni u tippubblika avviż ta’ dan f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. L-investigazzjoni għandhom tinfetaħ fi żmien xahar minn meta l-Kummissjoni tirċievi t-talba jew it-tagħrif skont il-paragrafu 1.

7. L-avviż ta’ bidu tal-investigazzjoni għandu jkun fih l-elementi li ġejjin:

(a)(a) jinkludi sommarju tat-tagħrif li jasal, u jitlob li t-tagħrif rilevanti kollu jiġi kkomunikat lill-Kummissjoni;

(b)(b) id-determinazzjoni tal-perjodu ta’ żmien li fih il-partijiet interessati jkunu jistgħu jwasslu l-fehmiet tagħhom bil-miktub u jippreżentaw it-tagħrif lill-Kummissjoni, jekk iridu li dawn il-fehmiet u t-tagħrif jitqiesu matul l-investigazzjoni;

(c)(c) id-determinazzjoni tal-perjodu li matulu l-partijiet interessati jistgħu japplikaw biex jiġu mismugħa mill-Kummissjoni skont l-Artikolu 6(9).

Artikolu 6

Kondotta ta’ investigazzjoni

1. Wara l-pubblikazzjoni tal-avviż imsemmi fl-Artikolu 5(7), il-Kummissjoni għandha tibda investigazzjoni. Il-perjodu kif stipulat fil-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu għandu jibda dakinhar li tkun ġiet ippubblikata d-deċiżjoni dwar il-bidu tal-investigazzjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

2. Il-Kummissjoni tista’ titlob lill-Istati Membri jipprovdu tagħrif u l-Istati Membri għandhom jieħdu l-passi kollha meħtieġa biex din it-talba ssir effettiva. Jekk dan it-tagħrif ikun ta’ interess ġenerali u ma jkunx kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 12, għandu jiżdied mal-fajl mhux kunfidenzjali kif previst fil-paragrafu 8 ta’ dan l-Artikolu.

3. L-investigazzjoni għandha tiġi konkluża, fejn ikun possibbli, fi żmien sitt xhur mill-bidu tagħha. Dan il-limitu ta’ żmien jista’ jiġi estiż b’perjodu addizzjonali ta’ tliet xhur f’ċirkostanzi eċċezzjonali bħall-involviment ta’ għadd ogħla mis-soltu ta’ partijiet interessati jew sitwazzjonijiet kumplessi tas-suq. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika lill-partijiet interessati kollha dwar kull estensjoni ta’ dan it-tip u tispjega r-raġunijiet li wasslu għaliha.

4. Il-Kummissjoni għandha titlob it-tagħrif kollu li jidhrilha li jkun meħtieġ biex tiddetermina l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 3(1), u għandha, fejn jidhrilha li jkun xieraq, tivverifika dan it-tagħrif.

5. Il-Kummissjoni għandha tevalwa l-fatturi rilevanti kollha ta’ natura oġġettiva u kwantifikabbli li jaffettwaw il-qagħda tal-industrija tal-Unjoni, b’mod partikolari, ir-rata u l-ammont taż-żieda fl-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat f’termini assoluti u relattivi, is-sehem tas-suq domestiku meħud mill-importazzjonijiet miżjuda u t-tibdil fil-livelli tal-bejgħ, tal-produzzjoni, tal-produttività, tal-użu tal-kapaċità, tal-qligħ u tat-telf, u tal-impjiegi. Din il-lista mhix eżawrjenti u l-Kummissjoni tista’ tqis fatturi oħra rilevanti meta tkun qed tiddetermina l-eżistenza ta’ dannu serju jew theddida ta’ dannu serju, bħalma huma l-ħażniet, il-prezzijiet, ir-redditu tal-kapital użat, il-likwidità, u fatturi oħra li jkunu qed jikkawżaw jew li diġà jkunu kkawżaw dannu serju, jew jheddu li jikkawżaw dannu serju lill-industrija tal-Unjoni.

6. Il-partijiet interessati li jkunu ppreżentaw tagħrif skont il-punt (b) tal-Artikolu 5(7) u r-rappreżentanti tal-pajjiż ikkonċernat jistgħu, b'talba bil-miktub, jispezzjonaw it-tagħrif kollu li jkun tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni b’konnessjoni mal-investigazzjoni għajr id-dokumenti interni mħejjija mill-awtoritajiet tal-Unjoni jew tal-Istati Membri, bil-kundizzjoni li dan it-tagħrif ikun rilevanti għall-preżentazzjoni tal-każ tagħhom u mhux kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 12 u li jintuża mill-Kummissjoni fl-investigazzjoni. Il-partijiet interessati jistgħu jikkomunikaw il-fehmiet tagħhom dwar it-tagħrif disponibbli lill-Kummissjoni. Jekk ikun hemm biżżejjed evidenza prima facie li ssostni dawk il-fehmiet, il-Kummissjoni għandha tikkunsidrahom.

7. Il-Kummissjoni għandha tiżgura li d-dejta u l-istatistika kollha li jintużaw għall-investigazzjoni jkunu rappreżentattivi, disponibbli, jinftiehmu, trasparenti, u verifikabbli.

8. Il-Kummissjoni, hekk kif jitwaqqaf il-qafas tekniku neċessarju, għandha tiżgura l-aċċess bl-Internet b’password ta’ protezzjoni għall-fajl mhux kunfidenzjali (il-pjattaforma onlajn), li hija għandha tiġġestixxi u li permezz tiegħu għandu jitqassam it-tagħrif kollu rilevanti u mhux kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 12. Għandhom jingħataw l-aċċess għal din il-pjattaforma l-partijiet interessati, l-Istati Membri u l-Parlament Ewropew.

9. Il-Kummissjoni għandha tisma’ lill-partijiet interessati, b’mod partikolari jekk ikunu għamlu applikazzjoni bil-miktub fil-perjodu ta’ żmien stipulat fl-avviż ippubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, jekk juru li x’aktarx ikunu sejrin jintlaqtu mir-riżultat tal-investigazzjoni u li jeżistu raġunijiet speċjali biex jinstemgħu oralment. Il-Kummissjoni għandha tisma’ lill-partijiet interessati f’okkażjonijiet oħra jekk ikun hemm raġunijiet speċjali għal dan.

10. Jekk it-tagħrif ma jkunx ippreżentat fil-limitu ta’ żmien stabbilit mill-Kummissjoni, jew meta l-investigazzjoni tiġi mxekkla b’mod sinifikanti, il-Kummissjoni tista’ tasal għal deċiżjoni fuq il-bażi tal-fatti disponibbli. Jekk il-Kummissjoni ssib li xi parti interessata jew xi terza persuna tkun ipprovdiet tagħrif falz jew qarrieqi, hija għandha tinjora dan it-tagħrif u tista’ tagħmel użu mill-fatti disponibbli.

11. Il-Kummissjoni għandha tinnotifika bil-miktub lill-pajjiż ikkonċernat bil-bidu tal-investigazzjoni.

Artikolu 7

Miżuri ta’ sorveljanza minn qabel

1. Il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri ta’ sorveljanza minn qabel fir-rigward ta’ importazzjonijiet minn pajjiż ikkonċernat fejn ix-xejra fl-importazzjonijiet ta’ prodott tkun tali li tkun tista’ twassal għal waħda mis-sitwazzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 3 u 5. Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 17(2).

2. Il-miżuri ta’ sorveljanza minn qabel għandu jkollhom perjodu ta’ validità limitat. Sakemm ma jiġix stipulat mod ieħor, dawn ma jibqgħux validi fi tmiem it-tieni perjodu ta’ sitt xhur li jsegwi l-ewwel sitt xhur wara l-introduzzjoni tagħhom.

Artikolu 8

Impożizzjoni ta’ miżuri proviżorji ta’ salvagwardja

1. Il-Kummissjoni għandha tadotta miżuri ta’ salvagwardja proviżorji f’ċirkostanzi kritiċi fejn dewmien jista’ joħloq dannu li jkun diffiċli jissewwa, skont determinazzjoni preliminari mill-Kummissjoni abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 6(5) li jkun hemm biżżejjed evidenza prima facie li prodott li joriġina fil-pajjiż ikkonċernat ikun impurtat:

(a)f’tali kwantitajiet miżjuda, f’termini assoluti jew relattivi għall-produzzjoni tal-Unjoni, u taħt tali kundizzjonijiet li,

(b)joħolqu jew jheddu li joħolqu dannu serju lill-industrija tal-Unjoni; kif ukoll,

(c)iż-żieda tal-importazzjonijiet tkun ir-riżultat tat-tnaqqis jew l-eliminazzjoni tad-dazji doganali fuq dan il-prodott.

Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati f’konformità mal-proċedura konsultattiva msemmija fl-Artikolu 17(2).

2. Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jkunu debitament ġustifikati, jekk Stat Membru jitlob intervent immedjata mill-Kummissjoni u jekk il-kundizzjonijiet stipulati mill-paragrafu 1 jkunu ssodisfati, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jkunu immedjatament applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17(4). Il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol minn meta tirċievi t-talba.

3. Il-miżuri ta’ salvagwardja proviżorji ma għandhomx japplikaw għal aktar minn 200 jum tal-kalendarju.

4. Jekk il-miżuri ta’ salvagwardja proviżorji huma mħassra minħabba li l-investigazzjoni tikxef li ma ġewx issodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1), kull dazju doganali miġbur bħala riżultat ta’ dawn il-miżuri ta’ salvagwardja proviżorji għandu jintradd lura awtomatikament.

5. Il-miżuri ta’ salvagwardja proviżorji għandhom japplikaw għal kull prodott li jitqiegħed fiċ-ċirkolazzjoni libera wara d-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dawk il-miżuri. Madankollu, dawn il-miżuri ma jipprevjenux ir-rilaxx fiċ-ċirkolazzjoni libera tal-prodotti li jkunu diġà jinsabu fi triqthom lejn l-Unjoni fejn id-destinazzjoni ta’ dawn il-prodotti ma tkunx tista’ tinbidel.

Artikolu 9

Tmiem tal-investigazzjonijiet u proċedimenti mingħajr miżuri

1. Jekk l-investigazzjoni twassal għall-konklużjoni li l-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 3(1) ma jkunux sodisfati, il-Kummissjoni għandha tippubblika deċiżjoni biex jintemmu l-investigazzjoni u l-proċedura b’konformità mal-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(3).

2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika, waqt li tqis kif dovut il-protezzjoni tat-tagħrif kunfidenzjali fl-ambitu tas-sens tal-Artikolu 12, rapport fejn tippreżenta s-sejbiet tagħha u l-konklużjonijiet motivati li tkun waslet għalihom dwar kull konsiderazzjoni rilevanti ta’ fatt u ta’ liġi.

Artikolu 10

Impożizzjoni ta’ miżuri definittivi ta’ salvagwardja

1. Jekk il-fatti kif finalment stabbiliti juru li l-kundizzjonijiet indikati fl-Artikolu 3(1) ta’ dan ir-Regolament ikunu ssodisfati, il-Kummissjoni tista’ tadotta miżuri ta’ salvagwardja definittivi skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 17(3).

2. Il-Kummissjoni għandha tippubblika, waqt li tqis b’mod xieraq il-protezzjoni tat-tagħrif kunfidenzjali fis-sens tal-Artikolu 12, rapport li jkun fih taqsira tal-fatti materjali u l-kunsiderazzjonijiet rilevanti għad-determinazzjoni.

Artikolu 11

Tul ta’ żmien u rieżami tal-miżuri ta’ salvagwardja

1. Miżura ta’ salvagwardja għandha tibqa’ fis-seħħ biss għall-perjodu taż-żmien meħtieġ biex ma jitħalliex li jsir jew biex jiġi rrimedjat dannu serju għall-industrija tal-Unjoni u biex ikun iffaċilitat l-aġġustament. Dan il-perjodu ma għandux jaqbeż is-sentejn, għajr jekk jiġi estiż skont il-paragrafu 3.

2. Miżura ta’ salvagwardja għandha tibqa’ fis-seħħ, sakemm joħroġ ir-riżultat tar-rieżami skont il-paragrafu 3.

3. Il-perjodu inizjali ta’ tul ta’ żmien ta’ miżura ta’ salvagwardja kif imsemmi fil-paragrafu 1, jista’ jiġi estiż b’mhux iktar minn sentejn kemm-il darba l-miżura ta’ salvagwardja tibqa’ meħtieġa biex ma jitħalliex isir jew jiġi rrimedjat dannu serju għall-industrija tal-Unjoni u jkun hemm evidenza li l-industrija tal-Unjoni tkun qed taġġusta ruħha.

4. Kull estensjoni skont il-paragrafu 3 għandha tiġi ppreċeduta minn investigazzjoni b'talba ta’ Stat Membru, minn kwalunkwe persuna ġuridika jew kwalunkwe assoċjazzjoni li ma jkollhiex personalità ġuridika li tkun qed taġixxi f’isem l-industrija tal-Unjoni, jew bl-inizjattiva tal-Kummissjoni stess jekk ikun hemm biżżejjed evidenza prima facie li l-kundizzjonijiet stipulati fil-paragrafu 3 jkunu sodisfatti, abbażi tal-fatturi msemmija fl-Artikolu 6(5).

5. Il-ftuħ ta’ investigazzjoni msemmija f’paragrafu 4 għandu jiġi ppubblikat skont l-Artikolu 5(6) u (7). L-investigazzjoni għandha ssir skont l-Artikolu 6.

6. Kull deċiżjoni dwar estensjoni skont il-paragrafu 3 għandha ssir skont l-Artikoli 9 u 10.

7. It-tul ta’ żmien totali ta’ miżura ta’ salvagwardja ma jkunx jaqbeż l-erba’ snin, inkluż il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ kull miżura ta’ salvagwardja proviżorja, il-perjodu inizjali tal-applikazzjoni u l-proroga tiegħu.

Artikolu 12

Il-kunfidenzjalità

1. L-informazzjoni rċevuta taħt dan ir-Regolament għandha tintuża biss għall-għan li għalih tkun intalbet.

2. L-ebda tagħrif ta’ natura kunfidenzjali jew xi tagħrif li jintbagħat fuq bażi kunfidenzjali skont dan ir-Regolament ma għandu jiġi żvelat mingħajr il-kunsens espress ta’ min jipprovdi dan it-tagħrif.

3. Kull talba għall-kunfidenzjalità għandha tagħti r-raġunijiet għaliex it-tagħrif ikun kunfidenzjali. Il-partijiet interessati li jipprovdu tagħrif kunfidenzjali għandhom ikunu mitluba jipprovdu sommarji mhux kunfidenzjali tiegħu. Dawn is-sommarji għandhom ikunu dettaljati biżżejjed sabiex jippermettu fehim raġonevoli tas-sustanza tat-tagħrif ippreżentat b’mod kunfidenzjali. F’ċirkostanzi eċċezzjonali, tali partijiet jistgħu jindikaw li tali tagħrif ma jistax jitqassar. F’tali ċirkostanzi eċċezzjonali, għandha tingħata dikjarazzjoni tar-raġunijiet għaliex tali taqsira mhijiex possibbli. Madankollu, jekk min jipprovdi t-tagħrif jitlob li t-tagħrif ma jsirx pubbliku jew ma jiġix żvelat, fil-forma sħiħa tiegħu jew fil-qosor, u jekk dik it-talba ma tkunx iġġustifikata, it-tagħrif jista’ ma jitqiesx.

4. It-tagħrif għandu f’kull każ jitqies bħala kunfidenzjali jekk l-iżvelar tiegħu x’aktarx li jkollu impatt negattiv sinifikanti fuq min jipprovdih jew fuq is-sors ta’ dan it-tagħrif.

5. Il-paragrafi minn 1 sa 4 ma għandhomx jipprekludu referenza mill-awtoritajiet tal-Unjoni għal tagħrif ġenerali u b’mod partikolari għar-raġunijiet li fuqhom jissejsu d-deċiżjonijiet meħuda skont dan ir-Regolament. Dawn l-awtoritajiet, madankollu, għandhom iqisu l-interess leġittimu tal-persuni fiżiċi u ġuridiċi kkonċernati li s-sigrieti kummerċjali tagħhom ma jiġux żvelati.

Artikolu 13

Rapport

1. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport annwali lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni, l-implimentazzjoni u t-twettiq tal-obbligi tal-Ftehim konkluż ma’ kull pajjiż ikkonċernat u ta’ dan ir-Regolament.

2. Ir-rapport għandu jkun jinkludi, fost l-oħrajn, informazzjoni dwar l-applikazzjoni ta’ miżuri proviżorji u definittivi, miżuri ta’ sorveljanza preventivi, miżuri ta’ sorveljanza u ta’ salvagwardja reġjonali u t-tmiem ta’ investigazzjonijiet u proċeduri mingħajr miżuri.

3. Ir-rapport għandu jippreżenta wkoll ġabra qasira tal-istatistika u tal-evoluzzjoni tal-kummerċ ma’ kull pajjiż ikkonċernat.

4. Il-Parlament Ewropew jista’, fi żmien xahar mill-preżentazzjoni tar-rapport tal-Kummissjoni, jistieden lill-Kummissjoni għal laqgħa ad hoc tal-kumitat reponsabbli tiegħu sabiex tippreżenta u tispjega kwalunkwe kwistjoni relatata mal-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

5. Mhux aktar tard minn tliet xhur wara l-preżentazzjoni tar-rapport tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, il-Kummissjoni għandha tippubblikah.

Artikolu 14

Mekkaniżmi u kriterji oħra għal irtirar temporanju ta’ preferenzi tarriffarji jew trattament preferenzjarju ieħor

1. Jekk Ftehim jipprevedi mekkaniżmi u kriterji oħra li jippermettu rtirar temporanju ta’ preferenzi fir-rigward ta’ ċerti prodotti, il-Kummissjoni tista’, jekk il-kundizzjonijiet stipulati fil-Ftehim rilevanti jkunu sodisfati, tadotta atti ta’ implimentazzjoni:

(a)tissospendi l-preferenzi għall-prodott ikkonċernat;

(b)tistabbilixxi mill-ġdid il-preferenzi fejn il-kundizzjonijiet stipulati fil-Ftehim rilevanti huma sodisfati;

(c)taġġusta s-sospenzjoni biex tkun konformi mal-kundizzjoni fil-Ftehim rilevanti; jew

(d)tieħu kwalunkwe azzjoni oħra speċifikata f’dak il-Ftehim.

Dawn l-atti ta’ implimentazzjoni huma adottati skont il-proċedura tal-eżami msemmija fl-Artikolu 17(3).

2. Għal raġunijiet imperattivi ta’ urġenza li jkunu debitament ġustifikati, jekk dewmien fl-impożizzjoni ta’ miżuri ta’ salvagwardja proviżorji jkun jikkawża dannu li jkun diffiċli biex jissewwa jew biex tipprevjeni impatt negattiv fuq is-sitwazzjoni fis-suq tal-Unjoni, b’mod partikulari b’riżultat ta’ żieda fl-importazzjoni, jew if ipprovdut mod ieħor fil-Ftehim, il-Kummissjoni għandha tadotta atti ta’ implimentazzjoni li jkunu immedjatament applikabbli skont il-proċedura msemmija fl-Artikolu 17(4).

Artikolu 15

Atti delegati

Il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 16, biex temenda l-Anness bil-għan li:

(a)iżżid Ftehim mal-Anness;

(b)tissupplimenta l-Anness b’regoli speċjali fil-Ftehim;

(c)iżżid fl-Anness kwalunkwe prodott identifikat bħala “sensittiv” minn Ftehim.

Artikolu 16

Eżerċitar tad-delega

1. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati tingħata lill-Kummissjoni soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2. Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 15 għandha tiġi kkonferita lill-Kummissjoni għal perjodu ta’ ħames snin minn [OP – please insert (date of entry into force of this Regulation)]. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport fir-rigward tad-delega ta’ setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ ħames snin. Id-delega ta’ setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ żmien identiċi, ħlief jekk il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill joġġezzjonaw għal tali estensjoni mhux iktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull perjodu.

3. Id-delega ta’ setgħat imsemmija fil-paragrafu 1 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fih. Ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

4. Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

5. Att delegat addottat skont il-paragrafu 1 jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġi espressa l-ebda oġġezzjoni la mill-Parlament Ewropew u lanqas mill-Kunsill fi żmien xahrejn minn mindu tkun saret in-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill it-tnejn ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dan il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn bl-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

Artikolu 17

Il-proċedura ta’ kumitat

1. Il-Kummissjoni għandha tkun assistita mill-kumitat stabbilit mill-Artikolu 4(1) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 260/2009 3 . Dan il-kumitat ikun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

2. Jekk issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

3. Jekk issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

Jekk l-opinjoni tal-kumitat tinkiseb bi proċedura bil-miktub, din il-proċedura għandha tintemm mingħajr riżultat meta, fil-limitu ta’ żmien għall-għoti tal-opinjoni, dan jiġi deċiż mill-president tal-kumitat jew jintalab minn membru tal-Kumitat.

4. Jekk issir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011, flimkien mal-Artikolu 4 tiegħu.

Artikolu 18

Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).
(2)    Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79 u (KE) Nru 1234/2007 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671).
(3)    Ir-Regolament (KE) Nru 260/2009 tal-Kunsill tas-26 ta’ Frar 2009 dwar regoli komuni għall-importazzjonijiet (ĠU L 84, 31.3.2009, p. 1).

Brussell,18.4.2018

COM(2018) 206 final

ANNESS

tal-proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jimplimenta d-dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja u mekkaniżmi oħra li jippermettu l-irtirar temporanju ta’ preferenzi f’ċerti ftehimiet konklużi bejn l-Unjoni Ewropea u ċerti pajjiżi terzi


ANNESS

Ftehimiet implimentati permezz tar-Regolament u dispożizzjonijiet speċifiċi għal dak il-ftehim

Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Singapore:

Data tal-Applikazzjoni

xx/xx/xxxx

Klawżola ta’ salvagwardja bilaterali

Dispożizzjoni(jiet) speċifika (speċifiċi) stabbilita (stabbiliti) f’dan il-Ftehim:

L-Artikolu 3.10 (Klawżola ta’ salvagwardja bilaterali)

L-Artikolu 3.9, “perjodu tranżitorju”:

“perjodu tranżitorju” tfisser perjodu ta’ 10 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim”

L-Artikolu 3.11(5)c:

“L-ebda parti ma tista’ tapplika miżura ta' salvagwardja bilaterali kif stipulata fil-paragrafu 1 tal-Artikolu 3.10 lil hinn mill-iskadenza tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, ħlief bil-kunsens tal-Parti l-oħra.”

Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam

Data ta’ Applikazzjoni

xx/xx/xxxx

Klawżola ta’ salvagwardja bilaterali

Dispożizzjoni(jiet) speċifika (speċifiċi) stabbilita (stabbiliti) f’dan il-Ftehim:

L-Artikolu 3.11 (Klawżola ta’ salvagwardja bilaterali)

L-Artikolu 3.9, “perjodu tranżitorju”:

“perjodu tranżitorju tfisser perjodu għal prodott mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim sa 10 snin mid-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim.”

L-Artikolu 3.11(6)c:

“L-ebda Parti ma tista’ tapplika miżura ta' salvagwardja bilaterali lil hinn mill-iskadenza tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, ħlief bil-kunsens tal-Parti l-oħra.”

Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun

Data tal-Applikazzjoni

xx/xx/xxxx

Klawżola ta’ Salvagwardja Bilaterali

Dispożizzjoni(jiet) speċifika (speċifiċi) stabbilita (stabbiliti) f’dan il-Ftehim:

L-Artikolu 2.5 (Klawżola ta’ salvagwardja agrikola), 5.2

(Klawżola ta’ salvagwardja bilaterali)

Artikolu 5.1(d):

““perjodu ta’ tranżizzjoni” tfisser, b’rabta ma’ prodott orġinarju partikolari, il-perjodu li jibda fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim u jintemm 10 snin wara d-data tat-tlestija tat-tnaqqis jew it-tneħħija tat-tariffi fuq dak il-prodott f’konformità mal-Anness 2-A.”

L-Artikolu 18 tal-Anness 2-D dwar vetturi bil-mutur u l-partijiet:

“Matul l-10 snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan il-Ftehim, kull waħda mill-Partijiet tirriżerva d-dritt li tissospendi konċessjonijiet ekwivalenti jew obbligi ekwivalenti oħra fil-każ li l-Parti l-oħra:

(a)    ma tapplikax jew ma tibqax tapplika Regolament tan-NU kif speċifikat fl-Appendiċi 2-C-1; jew

b)    tintroduċi jew temenda miżura regolatorja oħra li xxejjen jew ixxekkel il-benefiċċji tal-applikazzjoni ta’ Regolament tan-NU kif speċifikat fl-Appendiċi 2-C-1.

2.    Sospensjonijiet skont il-paragrafu 1 għandhom jibqgħu fis-seħħ biss sakemm issir deċiżjoni f'konformità mal-proċedura tar-riżolviment tat-tilwim aċċellerata msemmija fl-Artikolu 19 ta’ dan l-Anness jew sa ma tinstab soluzzjoni reċiprokament aċċettabbli, inkluż permezz ta’ konsultazzjonijiet skont is-subparagrafu 19(b) ta dan l-Anness, skont liema minnhom tkun l-iktar kmieni.”