Brussell, 18.4.2018

COM(2018) 199 final

2018/0097(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 110/2008 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwantitajiet nominali għat-tqegħid fis-suq tal-Unjoni tal-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “FMT:Italicshochu/FMT”, li jsir fil-Ġappun b’lampik tat-tip “pot still” u li jiġi bbottiljat f’dan il-pajjiż


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Fid-29 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tibda n-negozjati mal-Ġappun dwar Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles.

Il-Kummissjoni nnegozjat Ftehim ambizzjuż u komprensiv ta’ Sħubija Ekonomika mal-Ġappun abbażi tad-direttivi għan-negozjar li l-Kunsill kien adotta fl-2012 1 , bil-għan li jinħolqu opportunitajiet ġodda u tingħata ċ-ċertezza legali sabiex ikunu jistgħu jiżviluppaw il-kummerċ u l-investiment bejn iż-żewġ naħat. It-testi li ntlaħaq qbil dwarhom fi tmiem in-negozjati ġew ippubblikati u jinsabu fis-sit web li ġej:

http://trade.ec.europa.eu/doclib/press/index.cfm?id=1684.

Din il-proposta qed issir fl-istess ħin li qed isiru l-proposti li ġejjin:

-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun;

-Proposta għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun;

-Proposta għal Regolament li jimplimenta d-dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja li se jkopri s-salvagwardji previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun.

Din il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li timplimenta d-dispożizzjonijiet tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun f’dak li għandu x’jaqsam mal-esportazzjoni, mill-Ġappun lejn l-Unjoni, tal-ispirtu ddistillat darba biss, imsejjaħ “shochu”, li jsir fil-Ġappun b’lampik tat-tip “pot still” u li jiġi bbottiljat f’dan il-pajjiż, u li għandu jiġi esportat lejn l-Unjoni fi fliexken tradizzjonali ta’ erba’ “go” 合) jew ta’ “sho” wieħed ) 2 .

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti f’dan il-qasam ta’ politika

Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun huwa konsistenti għalkollox mal-politiki tal-Unjoni, u l-UE mhu se jkollha bżonn temenda l-ebda regola, regolament jew standard tagħha fl-ebda qasam irregolat minħabba fih (pereżempju r-regoli tekniċi u l-istandards tal-prodotti, ir-regoli sanitarji u fitosanitarji, ir-regolamenti dwar l-ikel u dwar is-sikurezza, l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza, ir-regoli dwar l-organiżmi ġenetikament modifikati, ir-regoli dwar il-ħarsien ambjentali u r-regoli dwar il-ħarsien tal-konsumaturi) - hija se jkollha biss iddaħħal deroga sabiex tiġi ffaċilitata l-esportazzjoni Ġappuniża tal-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu”, li jsir fil-Ġappun b’lampik tat-tip “pot still” u li jiġi bbottiljat f’dan il-pajjiż, u li dan il-pajjiż jesporta fi fliexken tradizzjonali ta’ erba’ “go” (合) jew ta’ “sho” wieħed (升).

Din il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li ddaħħal deroga mir-regoli tal-Unjoni dwar id-daqs tal-fliexken għall-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu”, li jsir fil-Ġappun b’lampik tat-tip “pot still” u li jiġi bbottiljat f’dan il-pajjiż, u li jinbiegħ b’mod tradizzjonali fi fliexken ta’ erba’ “go” (合) jew ta’ “sho” wieħed (升), li jikkorrispondu għal kwantitajiet nominali ta’ 720 ml (minħabba li “go” wieħed jikkorrispondi għal 180 ml) u ta’ 1 800 ml rispettivament, li bħalissa mhumiex fost il-kwantitajiet nominali permessi fl-Unjoni skont id-Direttiva 2007/45/KE li tistabbilixxi r-regoli dwar il-kwantitajiet nominali tal-prodotti imballati minn qabel.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun huwa konsistenti għalkollox mal-politiki tal-Unjoni, u l-UE mhi se jkollha bżonn temenda l-ebda regola, regolament jew standard tagħha fl-ebda qasam irregolat minħabba fih (pereżempju r-regoli tekniċi u l-istandards tal-prodotti, ir-regoli sanitarji u fitosanitarji, ir-regolamenti dwar l-ikel u dwar is-sikurezza, l-istandards tas-saħħa u tas-sikurezza, ir-regoli dwar l-organiżmi ġenetikament modifikati, ir-regoli dwar il-ħarsien ambjentali u r-regoli dwar il-ħarsien tal-konsumaturi).

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

L-Artikolu 114(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, minħabba li din il-proposta temenda r-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008 dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’ xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Skont l-Artikolu 3 tat-TFUE, il-politika kummerċjali komuni, li fil-kuntest tagħha għandu jiġi ffirmat il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun, tidħol fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

Din il-proposta timplimenta dispożizzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun, li tikkonsisti minn deroga mir-regoli attwali tal-Unjoni dwar il-kwantitajiet nominali tal-ispirti li jistgħu jitqiegħdu fis-suq (mogħtija fid-Direttiva 2007/45/KE) għall-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu”. Deroga bħal din tista’ tiddaħħal biss permezz ta’ leġiżlazzjoni tal-Unjoni.

Proporzjonalità

Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun jikkonforma mal-istrateġija Ewropa 2020 u jikkontribwixxi għall-għanijiet tal-UE fl-oqsma tal-kummerċ u tal-iżvilupp. Din il-proposta tal-Kummissjoni għandha l-għan li timplimenta dispożizzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun fl-ordni legali tal-Unjoni.

Għażla tal-istrument

Id-deroga li qed tiġi proposta biex jiġi implimentat il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun tista’ tiddaħħal biss permezz ta’ Regolament minħabba li trid tapplika fl-istess ħin fl-Istati Membri kollha malli jidħol fis-seħħ il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Ġbir u użu tal-kompetenzi

Valutazzjoni tal-impatt

Saru evalwazzjonijiet u konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati bħala parti mill-proċess li wassal għall-konklużjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun. Id-dettalji dwar dawk l-evalwazzjonijiet u dawk il-konsultazzjonijiet jinsabu fil-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun.

Il-kuntrattur estern “London School of Economics Enterprises” wettaq Valutazzjoni tal-Impatt fuq is-sostenibbiltà kummerċjali tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun. Id-dettalji dwar din il-valutazzjoni jinsabu fil-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-iffirmar f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun.

Il-proċeduri tar-REFIT ma japplikawx għall-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun. U lanqas ma japplikaw għal din il-proposta.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta ma taffettwax il-ħarsien tad-drittijiet fundamentali fl-Unjoni.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Din il-proposta ma għandha l-ebda implikazzjoni baġitarja għall-Unjoni.

Il-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-UE u l-Ġappun se jkollu impatt finanzjarju fuq il-baġit tal-Unjoni mil-lat tad-dħul. Qed jiġi stmat li d-dazji mitlufin jistgħu jilħqu ammont ta’ EUR 1,6 biljun ladarba jiġi implimentat għalkollox il-Ftehim.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Għal din il-proposta mhu previst l-ebda pjan speċifiku ta’ implimentazzjoni jew arranġament speċifiku dwar ir-rapportar.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhumiex rilevanti.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-proposta ddaħħal deroga speċifika mill-kwantitajiet nominali għall-ispirti stabbiliti fl-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/45/KE u fit-Taqsima 1 tal-Anness tagħha għall-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu”, li jsir fil-Ġappun b’lampik tat-tip “pot still” u li jiġi bbottiljat f’dan il-pajjiż, sabiex dan ikun jista’ jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni fi fliexken tradizzjonali ta’ erba’ “go” (合) jew ta’ “sho” wieħed (升), li jikkorrispondu għal kwantitajiet nominali ta’ 720 ml u ta’ 1 800 ml rispettivament, dejjem jekk dan l-ispirtu jkun jissodisfa r-rekwiżiti l-oħrajn tal-Unjoni għat-tali spirti.

2018/0097 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jemenda r-Regolament (KE) Nru 110/2008 f’dak li għandu x’jaqsam mal-kwantitajiet nominali għat-tqegħid fis-suq tal-Unjoni tal-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu”, li jsir fil-Ġappun b’lampik tat-tip “pot still” u li jiġi bbottiljat f’dan il-pajjiż

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114(1) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 3 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Permezz ta’ Deċiżjoni li adotta fid-29 ta’ Novembru 2012, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tibda n-negozjati mal-Ġappun dwar Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles.

(2)In-negozjati dwar Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim”) tlestew b’suċċess.

(3)L-Anness 2-D tal-Ftehim jipprevedi li l-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu”, kif iddefinit fis-sottoparagrafu 10 tal-Artikolu 3 tal-Liġi Ġappuniża dwar it-taxxa fuq l-alkoħol (il-Liġi Nru 6 tal-1953), li jsir fil-Ġappun b’lampik tat-tip “pot still” u li jiġi bbottiljat f’dan il-pajjiż, għandu jitħalla jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni Ewropea fi fliexken tradizzjonali ta’ daqs ta’ erba’ “go” ) jew ta’ “sho” wieħed (升), li jikkorrispondu għal kwantitajiet nominali ta’ 720 ml u ta’ 1 800 ml rispettivament, dejjem jekk jiġu ssodisfati r-rekwiżiti legali l-oħrajn tal-Unjoni Ewropea.

(4)L-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 4 jipprevedi li l-ispirti mqiegħda f’imballaġġi minn qabel jistgħu jitqiegħdu fis-suq tal-Unjoni biss jekk ikunu imballati minn qabel fil-kwantitajiet nominali elenkati fit-Taqsima 1 tal-Anness ta’ dik id-Direttiva. Fit-Taqsima 1 tal-Anness tad-Direttiva 2007/45/KE jingħataw disa’ kwantitajiet nominali għall-ispirti fil-medda bejn 100 ml u 2 000 ml. Dawn il-kwantitajiet nominali ma jinkludux il-kwantitajiet ta’ 720 ml u 1 800 ml, li huma l-kwantitajiet nominali li fihom jiġi bbottiljat u kkummerċjalizzat fil-Ġappun l-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu”, li jsir b’lampik tat-tip “pot still”.

(5)Għalhekk hemm bżonn ta’ deroga mill-kwantitajiet nominali stabbiliti għall-ispirti fl-Anness tad-Direttiva 2007/45/KE sabiex ikun żgurat li l-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu”, li jsir fil-Ġappun b’lampik tat-tip “pot still” u li jiġi bbottiljat f’dan il-pajjiż, ikun jista’ jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni fi fliexken tradizzjonali li jkunu jesgħu kwantitajiet nominali ta’ 720 ml u ta’ 1 800 ml, li jikkorrispondu għall-fliexken Ġappuniżi tad-daqsijiet ta’ erba’ “go” ) u ta’ “sho” wieħed (rispettivament, kif stabbilit fil-Ftehim.

(6)Din id-deroga trid tiddaħħal permezz ta’ emenda tar-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 sabiex ikun żgurat li l-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu”, li jsir fil-Ġappun b’lampik tat-tip “pot still” u li jiġi bbottiljat f’dan il-pajjiż, ikun jista’ jitqiegħed fis-suq tal-Istati Membri kollha fl-istess ħin malli jidħol fis-seħħ il-Ftehim.

(7)Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament (KE) Nru 110/2008 jiġi emendat.

(8)Sabiex jiġi implimentat il-Ftehim f’dak li għandu x’jaqsam mat-tqegħid fis-suq tal-Unjoni tal-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu”, li jsir fil-Ġappun b’lampik tat-tip “pot still” u li jiġi bbottiljat f’dan il-pajjiż, jenħtieġ li dan ir-Regolament jibda japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 huwa emendat kif ġej:

fil-Kapitolu IV jiżdied l-Artikolu 24a li ġej:

“Artikolu 24a

Deroga mid-Direttiva 2007/45/KE

B’deroga mill-Artikolu 3 tad-Direttiva 2007/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill* u mis-sitt ringiela tat-Taqsima 1 tal-Anness ta’ dik id-Direttiva, l-ispirtu ddistillat darba biss imsejjaħ “shochu”**, li jsir fil-Ġappun b’lampik tat-tip “pot still” u li jiġi bbottiljat f’dan il-pajjiż, jista’ jitqiegħed fis-suq tal-Unjoni fi kwantitajiet nominali ta’ 720 ml u ta’ 1 800 ml.

----------------------------

*    Id-Direttiva 2007/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi regoli dwar kwantitajiet nominali għal prodotti imballati minn qabel, li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 75/106/KEE u 80/232/KEE, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/211/KEE (ĠU L 247, 21.9.2007, p. 17).

**    Kif imsemmi fl-Anness 2-D tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun.”

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-[…] jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu jibda japplika mid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika bejn l-Unjoni Ewropea u l-Ġappun.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-direttivi għan-negozjar ta’ Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles mal-Ġappun jinsabu fid-dokument li ġej: http://data.consilium.europa.eu/doc/document/ST-15864-2012-ADD-1-REV-2-DCL-1/mt/pdf .
(2)    “Sho” wieħed ( huwa ekwivalenti għal 1 800 ml u “go” wieħed  huwa ekwivalenti għal 180 ml.
(3)    ĠU C , , p. .
(4)    Id-Direttiva 2007/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Settembru 2007 li tistabbilixxi regoli dwar kwantitajiet nominali għal prodotti imballati minn qabel, li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 75/106/KEE u 80/232/KEE, u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 76/211/KEE (ĠU L 247, 21.9.2007, p. 17).
(5)    Ir-Regolament (KE) Nru 110/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Jannar 2008dwar id-definizzjoni, id-deskrizzjoni, il-preżentazzjoni, l-ittikkettar, u l-protezzjoni ta’ indikazzjonijiet ġeografiċi, ta’xorb spirituż u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1576/89 (ĠU L 39, 13.2.2008, p. 16).