Brussell, 21.3.2018

COM(2018) 151 final

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għall-emendar tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd u għall-konklużjoni ta’ Protokoll mar-Renju tal-Marokk


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u objettivi tal-proposta

Il-Kummissjoni tipproponi li tiġi nnegozjata emenda fil-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd (FPA) bejn il-Komunitajiet Ewropej u r-Renju tal-Marokk u li tikkonkludi Protokoll li jimplimenta dan il-ftehim li jissodisfa l-bżonnijiet tal-flotta tal-Unjoni u li jkun konformi mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd u mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Dimensjoni Esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd.

Din il-proposta hija ppreżentata wara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-27 ta’ Frar 2018 fil-Kawża C-266/16 (Western Sahara Campaign UK) li biha l-Qorti tal-Ġustizzja ssostni li l-ilmijiet maġenb it-territorju tas-Saħara tal-Punent mhumiex parti miż-żona ta’ sajd imsemmija fil-Ftehim dwar is-Sajd.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti fil-qasam ta’ politika

Il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd attwali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk daħal fis-seħħ fit-28 ta’ Frar 2007 1 . Dan il-ftehim ġie implimentat b’żewġ Protokolli suċċessivi li taw aċċess lill-bastimenti tal-Unjoni li jistadu għall-ispeċijiet pelaġiċi u demersali għaż-żona tas-sajd tal-Marokk sal-14 ta’ Diċembru 2011, li hija d-data tat-terminazzjoni tat-tieni Protokoll ta’ implimentazzjoni, minħabba li l-Parlament ma tax il-kunsens tiegħu għall-konklużjoni tiegħu. Il-PE tefa’ dubju fuq is-sostenibbiltà, il-valur għall-flus u l-legalità internazzjonali tal-istrument propost. It-tielet Protokoll, li qies it-tħassib tal-PE, ġie konkluż fl-2014 2 u se jiskadi fl-14 ta’ Lulju 2018.

B’kollox, il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd jippermetti bastimenti minn 11-il Stat Membru joperaw f’sitt kategoriji tas-sajd differenti li jkopru speċijiet ta’ ħut pelaġiku żgħir, ħut demersali u ħut migratorju ħafna. Iż-żona tas-sajd tal-Marokk tirrappreżenta l-limitu tat-Tramuntana taż-żona ta’ distribuzzjoni tal-istokk tal-ħut pelaġiku żgħir “C” 3 li tifrex fuq l-ilmijiet tal-Mauritania, tas-Senegal u tal-Guinea-Bissau, li kollha huma inklużi fin-netwerk ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija bilaterali dwar is-Sajd Sostenibbli (SFPAs).

Il-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli jikkontribwixxu għall-promozzjoni tal-objettivi tal-PKS internazzjonalment, u jiżguraw li l-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni ’l barra mill-ilmijiet tal-Unjoni jkunu bbażati fuq l-istess prinċipji u standards bħal dawk applikabbli bil-liġi tal-Unjoni. Barra minn hekk, il-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli jsaħħu l-pożizzjoni tal-Unjoni Ewropea fl-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali tas-sajd, b’mod partikolari fil-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT). Fl-aħħar nett, il-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli huma bbażati fuq l-aqwa parir xjentifiku disponibbli u jikkontribwixxu għat-titjib tal-konformità mal-miżuri internazzjonali, inkluża l-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (IUU).

Se tingħata attenzjoni partikolari lill-eżekuzzjoni u lill-implimentazzjoni tal-kumpens finanzjarju mogħti lill-Marokk biex jappoġġa l-ġestjoni sostenibbli tas-sajd, partikolarment fid-dawl tar-rakkomandazzjonijiet tar-Rapport Speċjali tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri Nru 11 tal-2015 dwar il-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

In-negozjar ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd u Protokoll mar-Renju tal-Marokk huwa konformi mal-azzjoni esterna tal-UE fil-konfront tal-pajjiżi ġirien u huwa skont l-objettivi tal-Unjoni fir-rigward tar-rispett tal-prinċipji demokratiċi u tad-drittijiet tal-bniedem.

Wara s-sentenza msemmija hawn fuq tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, huwa neċessarju li jiġi ċċarat l-ambitu ġeografiku tal-Ftehim.

Il-pożizzjoni tal-UE hija li huwa possibbli li jiġu estiżi l-ftehimiet bilaterali mal-Marokk għas-Saħara tal-Punent b’ċerti kundizzjonijiet. Madankollu, huwa mifhum li kwalunkwe arranġament se jkun biss provviżorju sakemm tkun għadha pendenti r-riżoluzzjoni tal-konflitt fil-kuntest tan-Nazzjonijiet Uniti u f’konformità mar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU.

Tul il-proċess sħiħ, in-negozjati se jsiru b’konsultazzjoni mas-Servizzi tal-Kummissjoni interessati kollha, mas-SEAE u bl-appoġġ tad-Delegazzjoni tal-UE kompetenti.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika għad-deċiżjoni hija pprovduta bl-Artikolu 218 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), fil-Parti Ħamsa dwar l-azzjoni esterna tal-Unjoni, fit-Titolu V dwar il-ftehimiet internazzjonali, li jistabbilixxi l-proċedura għan-negozjar u għall-konklużjoni ta’ ftehimiet bejn l-UE u pajjiżi terzi.

Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Mhux applikabbli, kompetenza esklużiva.

Proporzjonalità

Id-deċiżjoni hija proporzjonali mal-objettiv mixtieq.

Għażla tal-istrument

L-istrument huwa previst fl-Artikolu 218(3) u fl-Artikolu 218(4) tat-TFUE.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Fl-2017, il-Kummissjoni wettqet evalwazzjoni ex post/ ex antetal-opportunità biex jiġġedded il-Protokoll dwar is-sajd mar-Renju tal-Marokk. Il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni huma mniżżla separatament f’Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal 4 .

Ir-rapport ta’ evalwazzjoni kkonkluda li l-flotot tal-UE huma interessati ħafna fl-issoktar tas-sajd fil-Marokk. It-tiġdid tal-Protokoll se jgħin ukoll biex jissaħħu l-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza, u jagħti kontribut għal governanza mtejba tas-sajd fir-reġjun. L-evalwazzjoni turi li t-tiġdid tal-Protokoll jista’ jkun ukoll ta’ benefiċċju għall-Marokk minħabba l-importanza tal-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa skont il-Protokoll għall-istrateġija “Halieutis” tal-Marokk għall-iżvilupp tas-settur tas-sajd. Il-Marokk esprima l-interess fil-ftuħ tan-negozjati mal-Unjoni Ewropea dwar it-tiġdid tal-Protokoll.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Il-partijiet ikkonċernati interessati, inklużi r-rappreżentanti tal-industrija u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, ġew ikkonsultati bħala parti mill-evalwazzjoni, partikolarment fil-qafas tal-Kunsill Konsultattiv għall-Flotta ta’ Distanzi Twal.

Ġbir u użu tal-għarfien espert

Ma japplikax

Valutazzjoni tal-impatt

Ma japplikax

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Ma japplikax

Drittijiet fundamentali

Id-Direttivi ta’ negozjar proposti bħala anness mad-deċiżjoni jirrakkomandaw li jiġi awtorizzat il-ftuħ ta’ negozjati bl-inklużjoni ta’ klawżola dwar id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji demokratiċi, li, jekk tinkiser, tista’ twassal għas-sospensjoni tal-Ftehim u tal-Protokoll.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

L-implikazzjonijiet baġitarji marbuta mal-Protokoll il-ġdid jinkludu l-ħlas ta’ kontribuzzjoni finanzjarja lir-Renju tal-Marokk. L-allokazzjonijiet baġitarji relatati f’termini ta’ approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagamenti jeħtieġ jiġu inklużi kull sena fil-linja tal-baġit għall-Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli (11 03 01) u jeħtieġ ukoll ikunu kompatibbli mal-programmar finanzjarju tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali għall-2014-2020. L-ammonti annwali għall-impenji u għall-pagamenti huma stabbiliti fil-proċedura baġitarja annwali, inkluż il-linja ta’ riżerva għal protokolli li ma jiddaħħlux fis-seħħ fil-bidu tas-sena 5 .

In-negozjati mistennija li jiġu ffinalizzati qabel l-iskadenza tal-Protokoll attwali, jiġifieri sal-14 ta’ Lulju 2018.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar

Huwa mistenni li n-negozjati jiftħu fl-ewwel kwart tal-2018.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Il-Kummissjoni tirrakkomanda li:

- Il-Kunsill jenħtieġ li jawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ u tmexxi negozjati għall-emendar tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd mar-Renju tal-Marokk u l-konklużjoni ta’ Protokoll;

- Il-Kummissjoni jenħtieġ li tiġi nnominata bħala n-negozjatur tal-UE dwar dan is-suġġett;

- Il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq in-negozjati tagħha b’konsultazzjoni mal-kumitat speċjali, kif stabbilit fit-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

- Il-Kunsill jenħtieġ li japprova d-Direttivi tan-negozjati annessi ma’ din ir-Rakkomandazzjoni.

Rakkomandazzjoni għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għall-emendar tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd u għall-konklużjoni ta’ Protokoll mar-Renju tal-Marokk

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(3) u (4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni,

Billi jenħtieġ li jinfetħu negozjati mar-Renju tal-Marokk bil-għan li jiġi emendat il-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunitajiet Ewropej u r-Renju tal-Marokk 6 u l-konklużjoni ta’ Protokoll li jimplimenta dan il-Ftehim,

Billi huwa importanti li s-sħubija fis-settur tas-sajd li ġiet żviluppata tul is-snin bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tal-Marokk ma tiġix interrotta, filwaqt li jiġi żgurat li jkun hemm garanziji adegwati għall-ħarsien tad-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp sostenibbli tat-territorji kkonċernati,

Billi l-Unjoni tappoġġa l-isforzi tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tinstab soluzzjoni politika reċiprokament aċċettabbli, li tkun tipprevedi l-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent b’mod konsistenti mal-prinċipji u l-finijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.Il-Kummissjoni hija b’dan awtorizzata biex tiftaħ negozjati mar-Renju tal-Marokk bil-għan li temenda l-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunitajiet Ewropej u r-Renju tal-Marokk u l-konklużjoni ta’ Protokoll li jimplimenta dan il-ftehim.

2.Il-Kummissjoni għandha tkun il-kap tat-tim ta’ negozjar, li jkun jinkludi wkoll lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà.

Artikolu 2

Dawn in-negozjati għandhom jitwettqu b’konsultazzjoni mal-Grupp ta’ Ħidma tal-Kunsill dwar il-Politika Esterna tas-Sajd abbażi tad-direttivi ta’ negozjati tal-Kunsill stabbiliti fl-addendum ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 78, 17.3.2007, p. 31
(2)    ĠU L 349, 21.12.2013, p. 1
(3)    Skont il-klassifikazzjoni xjentifika fl-użu.
(4)    Evaluation rétrospective et prospective du Protocole à l’accord de partenariat dans le domaine de la pêche durable entre l’Union européenne et le Royaume du Maroc. Rapport finali, Settembru 2017 (F&S, Poseidon and Megapesca).
(5)    Il-Kapitolu 40 (il-linja ta’ riżerva 40 02 41) skont il-ftehim interistituzzjonali dwar il-QFP (2013/C 373/01).
(6)    ĠU L 141, 29.05.2006, p. 4.

Brussell,21.3.2018

COM(2018) 151 final

ANNESS

tar-

Rakkomandazzjoni

għal deċiżjoni tal-Kunsill li tawtorizza lill-Kummissjoni biex tiftaħ negozjati f’isem l-Unjoni Ewropea għall-emendar tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd u għall-konklużjoni ta’ Protokoll mar-Renju tal-Marokk


ANNESS

Direttivi ta’ negozjati

L-objettiv tan-negozjati huwa l-emendar tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunitajiet Ewropej u r-Renju tal-Marokk u l-konklużjoni ta’ Protokoll għal dan il-ftehim f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd u mal-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2012 dwar il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2011 dwar id-Dimensjoni Esterna tal-Politika Komuni tas-Sajd.

Biex is-sajd sostenibbli u responsabbli jiġi mħeġġeġ u biex ikun hemm osservanza stretta tal-liġi internazzjonali, filwaqt li jiġu żgurati benefiċċji reċiproċi għall-UE u għall-Marokk permezz ta’ dan il-Protokoll il-ġdid, in-negozjati tal-Kummissjoni għandhom ifittxu li:

·Jipprevedu l-aċċess għall-ilmijiet koperti mill-Ftehim u l-Protokoll attwali u għall-ilmijiet maġenb it-territorju li mhuwiex awtogovernanti tas-Saħara tal-Punent u l-awtorizzazzjonijiet neċessarji għall-bastimenti tal-flotta tal-UE li jistadu għal speċijiet ta’ ħut pelaġiku żgħir, ħut demersali u ħut migratorju ħafna f’dawk l-ilmijiet, sabiex b’hekk jinżamm inter alia, in-netwerk ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli disponibbli għall-operaturi tal-UE;

·Jappoġġaw l-isforzi tas-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti sabiex tinstab soluzzjoni li tipprevedi l-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent b’mod konsistenti mal-prinċipji u l-finijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

·Iqisu l-aqwa pariri xjentifiċi disponibbli u l-pjanijiet ta’ ġestjoni rilevanti adottati mill-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMO) rilevanti, sabiex tiġi żgurata s-sostenibbiltà ambjentali tal-attivitajiet tas-sajd u biex tiġi promossa l-governanza tal-oċeani fuq skala internazzjonali. Jenħtieġ li l-attivitajiet tas-sajd jiġu diretti esklussivament lejn riżorsi disponibbli, bil-kunsiderazzjoni tal-kapaċità tas-sajd tal-flotta lokali, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lin-natura tranżonali jew migratorja ħafna tal-istokkijiet ikkonċernati;

·Jiksbu sehem xieraq mir-riżorsi tas-sajd, fi proporzjon mal-interessi tal-flotta tal-UE, meta jkunu jinteressaw ukoll lil flotot barranin oħra, kif ukoll l-applikazzjoni tal-istess kundizzjonijiet tekniċi lill-flotot barranin kollha;

·Jiżguraw li l-aċċess għas-sajd ikun ibbażat fuq l-attività tal-flotta tal-UE fir-reġjun, fid-dawl tal-aqwa valutazzjonijiet xjentifiċi u dawk l-iktar aġġornati;

·Jistabbilixxu djalogu li jsaħħaħ il-politika settorjali bil-għan li titħeġġeġ l-implimentazzjoni ta’ politika tas-sajd responsabbli, b’rabta mal-għanijiet ta’ żvilupp tal-pajjiż, b’mod partikolari f’dak li għandu x’jaqsam mal-governanza tas-sajd, il-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux rappurtat u mhux regolat, il-kontroll, il-monitoraġġ u s-sorveljanza tal-attivitajiet tas-sajd u l-provvista ta’ pariri xjentifiċi, u jrawmu attività ekonomika li tikkontribwixxi inter alia sabiex jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-emigrazzjoni;

·Jinkludu klawsola dwar il-konsegwenzi tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji demokratiċi;

·Jinkludu klawżola għall-aċċess preferenzjali tal-flotta tal-UE għal ħażniet żejda disponibbli u għall-applikazzjoni tal-istess kundizzjonijiet tekniċi għall-flotot barranin kollha;

·Jinkludu mekkaniżmi xierqa li jiżguraw li l-Kummissjoni tkun informata biżżejjed u involuta fir-rigward tad-distribuzzjoni ġeografika u soċjali ta’ benefiċċji soċjoekonomiċi skont il-Ftehim u l-Protokoll, sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tiżgura li dawn ikunu ta’ benefiċċju għall-persuni kkonċernati;

·Jinkludu klawsola ta’ reviżjoni li tippermetti li titqies soluzzjoni politika reċiprokament aċċettabbli, li tkun tipprevedi l-awtodeterminazzjoni tal-poplu tas-Saħara tal-Punent b’mod konsistenti mal-prinċipji u l-finijiet tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti;

Barra minn hekk:

·Fil-waqt tal-iffirmar, il-Kummissjoni għandha tivvaluta l-implikazzjonijiet potenzjali ta’ Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli u l-Protokoll tagħha għal żvilupp sostenibbli, b’mod partikolari fir-rigward ta’ benefiċċji għall-persuni kkonċernati u l-isfruttar tar-riżorsi naturali tat-territorji kkonċernati;

·Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura li, fil-waqt tal-proposta tagħha għall-iffirmar u l-konklużjoni, il-persuni kkonċernati mill-ftehim kienu involuti b’mod adegwat.

·Sabiex ma jkunx hemm interruzzjoni tal-attivitajiet tas-sajd, il-Protokoll il-ġdid għandu jinkludi klawsola ta’ applikazzjoni proviżorja.

B’mod partikolari, jenħtieġ li l-Protokoll jiddefinixxi:

·l-opportunitajiet tas-sajd, skont il-kategoriji, li jridu jingħataw lill-bastimenti tal-Unjoni Ewropea;

·il-kumpens finanzjarju u l-kundizzjonijiet għall-ħlas tiegħu; kif ukoll

·il-mekkaniżmi għall-implimentazzjoni effettiva tal-appoġġ settorjali u l-monitoraġġ regolari tagħha.