IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 14.3.2018
COM(2018) 135 final
2018/0063(COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar is-servizzjanti tal-kreditu, ix-xerrejja tal-kreditu u l-irkupru tal-kollateral
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
{SWD(2018) 75 final}
{SWD(2018) 76 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Din il-proposta hija parti importanti mill-ħidma biex tissaħħaħ l-Unjoni Ekonomika u Monetarja Ewropea (UEM). Sistema finanzjarja iktar integrata żżid ir-reżiljenza tal-UEM għal xokkijiet negattivi billi tiffaċilita l-kondiviżjoni tar-riskju privat bejn il-fruntieri, filwaqt li fl-istess waqt tnaqqas il-ħtieġa ta’ kondiviżjoni pubblika tar-riskji. Sabiex jinkisbu dawn l-objettivi, l-UE issa trid tlesti l-Unjoni Bankarja u tistabbilixxi l-pedamenti kollha għal Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU). Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta’ Ottubru 2017 tistabbilixxi t-triq ’il quddiem biex tlesti l-Unjoni Bankarja billi tippromwovi t-tnaqqis tar-riskji u l-kondiviżjoni tar-riskji b’mod parallel, bħala parti mill-pjan direzzjonali li għandu jsaħħaħ l-EMU mniedi mill-Kummissjoni fis-6 ta’ Diċembru 2017.
L-indirizzar ta’ ħażniet għoljin ta’ self improduttiv (NPLs) u tal-akkumulazzjoni possibbli tagħhom fil-ġejjieni huwa essenzjali biex titlesta l-Unjoni Bankarja. Dan se jkompli jnaqqas ir-riskji u jippermetti li l-banek jiffokaw fuq l-għoti ta’ self lin-negozji u liċ-ċittadini. L-NPLs huma self fejn il-mutwatarju ma jkunx jista’ jagħmel il-ħlasijiet skedati biex ikopri l-imgħax jew ir-rimborżi tal-kapital. Meta l-pagamenti jkunu pendenti tul aktar minn 90 ġurnata, jew f’każ li jitqies improbabbli li s-self jitħallas lura mill-mutwatarju, dan jiġi kklassifikat bħala NPL. Il-kriżi finanzjarja u r-reċessjonijiet sussegwenti kkaġunaw inabbiltà aktar mifruxa fost il-mutwatarji biex iħallsu lura s-self tagħhom, peress li aktar kumpaniji u ċittadini ffaċċjaw diffikultajiet kontinwi fil-pagamenti jew saħansitra fallimenti. Dan kien partikolarment il-każ fl-Istati Membri li ffaċċjaw perjodi twal ta’ reċessjonijiet. B’konsegwenza ta’ dan u ta’ fatturi oħrajn, ħafna banek irreġistraw fil-kotba tagħhom akkumulazzjoni ta’ NPLs.
Ħażniet għoljin ta’ NPLs jistgħu jxekklu l-prestazzjoni tal-banek permezz ta’ żewġ kanali ewlenin. L-ewwel nett, l-NPLs jiġġeneraw inqas dħul għal bank minn self produttiv, u b’hekk inaqqsu l-profittabbiltà tal-bank u jistgħu jikkawżaw telf li jnaqqas il-kapital tiegħu. Fl-aktar każijiet severi, dawn l-effetti jistgħu jpoġġu f’dubju l-vijabbiltà tal-bank, b’implikazzjonijiet potenzjali fuq l-istabbiltà finanzjarja. It-tieni nett, l-NPLs jorbtu ammonti sinifikanti ta’ riżorsi bankarji, kemm umani kif ukoll finanzjarji. Dan inaqqas il-kapaċità tal-bank li jsellef, inkluż lil intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs).
L-SMEs huma partikolarment affettwati mit-tnaqqis fil-provvista tal-kreditu, peress li dawn jiddependu mis-self mill-banek ferm aktar minn kumpaniji akbar, u b’hekk jintlaqtu wkoll it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi. Is-self bankarju spiss ikun għoli ħafna u l-volumi ta’ self bankarju lill-SMEs ġew affettwati serjament mill-kriżi finanzjarja tal-2008, u dan xekkel l-iżvilupp u t-tkabbir tal-SMEs.
Is-swieq sekondarji ta’ NPLs żviluppati tajjeb huma wkoll wieħed mis-sisien ta’ CMU li tiffunzjona tajjeb. Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-prijorità tal-Kummissjoni li tistabbilixxi s-CMU huwa li tipprovdi sorsi ġodda ta’ finanzjament għan-negozji tal-UE, għall-SMEs u għal kumpaniji innovattivi b’rata għolja ta’ tkabbir b’mod partikolari. Filwaqt li l-proġett tas-CMU jiffoka fuq l-iffaċilitar tal-aċċess għal finanzi mhux bankarji u fuq id-diversifikazzjoni tagħhom għan-negozji tal-UE, dan jirrikonoxxi wkoll ir-rwol importanti li għandhom il-banek fil-finanzjament tal-ekonomija tal-UE. Għalhekk, wieħed mill-flussi ta’ ħidma tal-CMU għandu l-għan li jtejjeb il-kapaċità tal-banek li jsellfu lin-negozji, inkluż billi jsaħħaħ il-kapaċità tagħhom li jirkupraw il-valur mill-kollateral ipprovdut biex jinkiseb is-self.
Il-livelli għoljin ta’ NPLs iridu jiġu indirizzati b’approċċ komprensiv. Filwaqt li r-responsabbiltà ewlenija biex jiġu ttrattati l-livelli għoljin ta’ NPLs tibqa’ tal-banek u tal-Istati Membri, hemm ukoll dimensjoni ċara tal-UE biex jitnaqqsu l-ħażniet attwali ta’ NPLs kif ukoll biex tiġi evitata kwalunkwe akkumulazzjoni eċċessiva ta’ NPLs fil-ġejjieni, minħabba l-interkonnessjoni tas-sistema bankarja tal-UE u b’mod partikolari dik taż-żona tal-euro. B’mod partikolari, hemm effetti konsegwenzjali potenzjali importanti kkaġunati mill-Istati Membri b’livelli għoljin ta’ NPLs fuq l-ekonomija tal-UE inġenerali, kemm f’termini ta’ tkabbir ekonomiku kif ukoll f’termini ta’ stabbiltà finanzjarja.
Il-Kunsill irrifletta din id-dimensjoni tal-UE u kompla jibni fuq il-qbil komuni dwar il-ħtieġa li jitkomplew u li jiġu estiżi l-azzjonijiet li diġà nbdew mill-Kummissjoni billi f’Lulju 2017 adotta “Pjan ta’ Azzjoni biex jiġi Indirizzat is-Self Improduttiv fl-Ewropa”. Il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi approċċ komprensiv li jiffoka fuq taħlita ta’ azzjonijiet kumplimentari ta’ politika f’erba’ oqsma: (i) is-superviżjoni u r-regolamentazzjoni bankarja, (ii) ir-riforma tal-oqfsa tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-irkupru tad-dejn, (iii) l-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għal assi f’diffikultà, u (iv) t-trawwim tar-ristrutturar tas-sistema bankarja. L-azzjonijiet f’dawn l-oqsma għandhom jittieħdu fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni fejn ikun xieraq. Xi miżuri se jkollhom impatt aktar qawwi fuq il-valutazzjoni tar-riskju tal-banek fil-punt li fih joriġina s-self, filwaqt li oħrajn se jrawmu rikonoxximent rapidu u ġestjoni aħjar tal-NPLs, u miżuri ulterjuri se jsaħħu l-valur tas-suq ta’ dawn l-NPLs. Dawn il-miżuri jsaħħu lil xulxin b’mod reċiproku u ma jkunux effettivi biżżejjed jekk jiġu implimentati waħidhom.
Din il-proposta, flimkien mal-miżuri l-oħra li l-Kummissjoni qiegħda tressaq bħala pakkett komprensiv għall-NPLs, kif ukoll l-azzjoni meħuda mill-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u mill-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) huma partijiet kruċjali f’dan l-isforz. Bl-għaqda ta’ diversi miżuri komplimentari, il-Kummissjoni tgħin biex jinħoloq l-ambjent li jixraq għall-banek biex jittrattaw l-NPLs fuq il-karti tal-bilanċ tagħhom, u biex jitnaqqas ir-riskju ta’ akkumulazzjoni ta’ NPLs fil-ġejjieni.
Il-banek se jkunu meħtieġa jwarrbu riżorsi suffiċjenti meta s-self ġdid li jingħata jsir improduttiv, biex b’hekk jinħolqu inċentivi xierqa biex jiġu indirizzati l-NPLs fi stadju bikri u tiġi evita akkumulazzjoni kbira żżejjed ta’ NPLs.
Jekk is-self isir improduttiv, mekkaniżmi ta’ eżekuzzjoni aktar effiċjenti għal self garantit se jippermettu li l-banek jindirizzaw l-NPLs, b’mod li jkunu soġġetti għal salvagwardji xierqa għad-debituri. Jekk il-ħażniet tal-NPLs isiru għoljin wisq – kif inhu bħalissa l-każ ta’ xi banek u xi Stati Membri – il-banek se jkunu jistgħu jbigħuhom lil operaturi oħra fi swieq sekondarji effiċjenti, kompetittivi u trasparenti. F’dan se jiggwidawhom is-superviżuri, abbażi tal-poteri speċifiċi tal-bank inkwistjoni, l-hekk imsejħa poteri tal-Pilastru 2, skont ir-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapitali (CRR). Fil-każijiet li fihom l-NPLs isiru problema sinifikanti u wiesgħa, l-Istati Membri jistabbilixxu kumpaniji maniġerjali tal-assi nazzjonali jew miżuri oħrajn fil-qafas tar-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-Istat u r-riżoluzzjoni bankarja.
Din il-proposta se tevita l-akkumulazzjoni eċċessiva ta’ NPLs fil-ġejjieni fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek b’żewġ modi.
L-ewwel nett, il-proposta se tgħin lill-banek biex jimmaniġġjaw aħjar l-NPLs billi jżidu l-effiċjenza tal-proċeduri tal-irkupru tad-dejn permezz tad-disponibbiltà ta’ proċedura distinta u komuni ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral (AECE). Fil-maġġoranza tal-każijiet, il-banek jindirizzaw l-NPLs tagħhom huma stess billi jirkupraw il-valur permezz ta’ riassorbiment. Sehem kbir mis-self li jsir NPL huwa self garantit b’kollateral. Filwaqt li l-banek jistgħu jinfurzaw il-kollateral taħt l-oqfsa nazzjonali għall-insolvenza u għall-irkupru tad-dejn, il-proċess jista’ spiss ikun kajman u imprevedibbli. Sadanittant, l-NPLs jibqgħu fuq il-karti tal-bilanċ tal-banek, u b’hekk iżommu lill-bank espost għal inċertezza dejjem titwal u jokkupawlu r-riżorsi tiegħu. Dan jimpedixxi lill-bank milli jiffoka fuq self ġdid lil klijenti vijabbli. Għalhekk, il-proposta tagħmel disponibbli metodi oħra aktar effiċjenti għal banek u għal entitajiet awtorizzati oħra sabiex joħorġu self garantit biex jirkupraw flushom minn self garantit lil mutwatarju kummerċjali, barra mill-qorti. Din il-proċedura aktar effiċjenti u extraġudizzjarja se tkun aċċessibbli meta jsir qbil bil-quddiem dwar dan mis-sellief u mill-mutwatarju fil-ftehim tas-self. Din mhix se tkun applikabbli għal krediti tal-konsumaturi u tfasslet b’mod li ma taffettwax ir-ristrutturar preventiv jew il-proċedimenti ta’ insolvenza u b’manjiera li ma tbiddilx il-ġerarkija tal-kredituri fl-insolvenza. Il-proċedimenti ta’ ristrutturar u ta’ insolvenza jipprevalu fuq il-proċedura ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral deskritta f’din il-proposta.
It-tieni, il-proposta se tħeġġeġ l-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għall-NPLs. F’ċerti ċirkostanzi, il-banek jistgħu ma jibqgħux kapaċi jimmaniġġjaw l-NPLs tagħhom b’mod effettiv jew effiċjenti. F’dawn il-każijiet, il-banek jirkupraw inqas valur mis-self tagħhom milli kieku kien ikun possibbli. Din is-sitwazzjoni tista’ tiġri, pereżempju, meta l-banek jaffaċċjaw akkumulazzjoni kbira ta’ NPLs u ma jkollhomx persunal jew għarfien espert biżżejjed għas-servizzjar kif suppost tal-NPLs tagħhom. Il-banek jistgħu wkoll ibatu biex jimmaniġġjaw portafoll ta’ NPLs meta n-natura tas-self tkun lil hinn mill-għarfien espert ewlieni tal-bank biex jirkupra l-kreditu. F’dawn, jekk l-aħjar għażla tista’ tkun li jew jiġi esternalizzat is-servizzjar ta’ dan is-self lil xi fornitur speċjalizzat fis-servizzjar tal-kreditu jew li jinbiegħ il-kuntratt ta’ kreditu lil xerrej li jkollu l-predispożizzjoni għar-riskju u l-kompetenza meħtieġa biex jimmaniġġjah. Għal dawn ir-raġunijiet, din il-proposta tneħħi kull impediment mhux meħtieġ għas-servizzjar tal-kreditu minn partijiet terzi u għat-trasferiment ta’ krediti sabiex jiġu żviluppati aktar is-swieq sekondarji għall-NPLs. Il-qafas leġiżlattiv diverġenti attwali għall-NPLs fl-Istati Membri fixkel l-iżvilupp ta’ suq sekondarju effettiv għall-NPLs. Il-proposta toħloq sett komuni ta’ regoli li s-servizzjanti terzi tal-kreditu għandhom jirrispettaw sabiex joperaw fl-Unjoni. Il-proposta tistabbilixxi standards komuni biex tiżgura l-kondotta u s-superviżjoni adegwata tagħhom fl-Unjoni kollha, filwaqt li tippermetti kompetizzjoni akbar bejn is-servizzjanti msemmija fl-armonizzazzjoni tal-aċċess għas-suq fl-Istati Membri kollha. Dan inaqqas l-ispiża tad-dħul għal xerrejja potenzjali ta’ self billi jżid l-aċċessibbiltà u jnaqqas l-ispejjeż tas-servizzjar tal-kreditu. Aktar xerrejja fis-suq għandhom, jekk mill-bqija kollox jibqa’ l-istess, iwittu t-triq għal suq aktar kompetittiv b’għadd akbar ta’ xerrejja, biex b’hekk tikber d-domanda u jiżdiedu l-prezzijiet tat-tranżazzjonijiet.
Din il-proposta hija komplimentari għal għadd ta’ miżuri oħra li qed jiġu ppreżentati llum kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “L-Ewwel Rapport ta’ Progress dwar it-Tnaqqis tas-Self Improduttiv fl-Ewropa”. Sabiex jiġi evitat ir-riskju ta’ sottoprovediment ta’ NPLs fil-ġejjieni, il-Kummissjoni qed tressaq ukoll proposta separata fir-rigward tat-tnaqqis ta’ proviżjonament insuffiċjenti għal skoperturi improduttivi li temenda r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta’ Kapital (CRR). L-emenda tintroduċi l-hekk imsejħin garanziji prudenzjali statutorji ta’ kontinġenza li jammontaw għal livelli minimi ta’ provedimenti u ta’ tnaqqis minn fondi proprji li l-banek se jkunu meħtieġa jagħmlu sabiex ikopru t-telf imġarrab u mistenni fuq self ġdid li aktar tard isir improduttiv. Bħala parti ulterjuri tal-pakkett NPL, l-Istati Membri se tingħatalhom ukoll gwida mhux vinkolanti dwar kif jistgħu jistabbilixxu, fejn ikun xieraq, kumpaniji maniġerjali tal-assi nazzjonali (AMCs) f’konformità sħiħa mar-regoli bankarji u tal-għajnuna mill-Istat tal-UE. Il-programm tal-AMC jipprovdi rakkomandazzjonijiet prattiċi għat-tfassil u għall-istabbiliment tal-AMCs fil-livell nazzjonali, billi jibni fuq l-aħjar prattiki mill-esperjenzi tal-imgħoddi fl-Istati Membri.
Dawn l-inizjattivi se jirrinfurzaw lil xulxin. Il-garanziji ta’ kontinġenza prudenzjali statutorji jiżguraw li t-telf ta’ kreditu fuq NPLs futuri jkunu koperti biżżejjed, u b’hekk ir-riżoluzzjoni jew il-bejgħ tagħhom isiru aktar faċli. Il-programm AMC jassisti lill-Istati Membri li jkunu jixtiequ jirristrutturaw il-banek tagħhom permezz tat-twaqqif ta’ kumpaniji maniġerjali tal-assi li jittrattaw l-NPLs. Dawn l-effetti huma kkomplimentati mill-isforz favur l-iżvilupp ulterjuri tas-swieq sekondarji għall-NPLs minħabba li dawn iżidu l-kompetittività fid-domanda għall-NPLs u jgħollu l-valur tas-suq tagħhom. Barra minn hekk, l-eżekuzzjoni aċċellerata tal-kollateral bħala mekkaniżmu rapidu għall-irkupru tal-valur tal-kollateral tnaqqas il-kostijiet fuq ir-riżoluzzjoni tal-NPLs. Fl-istess waqt, il-proposta ma taffettwax id-diversi salvagwardji għal mutwatarji li huma disponibbli taħt il-leġiżlazzjoni tal-UE u dik nazzjonali. Din tintroduċi għadd ta’ salvagwardji addizzjonali, sabiex jiġu limitati r-riskji potenzjali mill-bejgħ ta’ self lill-konsumaturi u ta’ krediti produttivi.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam ta’ politika
Din il-proposta tistandardizza r-reġim regolatorju (definizzjoni, awtorizzazzjoni, superviżjoni, regoli ta’ kondotta) għas-servizzjanti tal-kreditu u għax-xerrejja ta’ kreditu. Bħalissa, id-differenzi fil-leġiżlazzjoni u fl-implimentazzjoni nazzjonali fost l-Istati Membri ħolqu varjetà kbira ta’ mudelli kummerċjali u volum inugwali ta’ attività fl-Istati Membri, u b’hekk dawn ikkontribwew għal għadd limitat ħafna ta’ bejgħ ta’ NPLs f’xi Stati Membri bi proporzjonijiet kbar ta’ NPLs. B’konsegwenza ta’ dan, istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkunu jridu jiddisponu minn portafolli ta’ kreditu li jkun fihom l-NPLs qed jaffaċċjaw bażi tal-investituri fframmentata tul il-fruntieri nazzjonali, u s-servizzjanti tal-kreditu qed jaffaċċjaw diffikultajiet sinifikanti fil-ġestjoni ta’ krediti li jinvolvu dimensjoni transfruntiera (b’mod partikolari l-ġbir transfruntiera) u għandhom ukoll ambitu limitat biex jikkonkretizzaw ekonomiji ta’ skala minn attività transfruntiera.
Din il-proposta hija konsistenti mal-Artikolu 169 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), mal-leġiżlazzjoni sekondarja u mar-regoli tal-Unjoni li huma maħsuba biex jiżguraw livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Għal dan il-għan, il-proposta se tistabbilixxi li r-regoli dwar il-ħarsien tal-konsumaturi jibqgħu japplikaw sabiex jiġi żgurat l-istess livell ta’ protezzjoni, irrispettivament minn min jippossjedi jew jisservizzja l-kreditu u irrispettivament mir-reġim legali fis-seħħ fl-Istat Membru tax-xerrej tal-kreditu jew tas-servizzjant tal-kreditu. Il-proposta tiċċara li l-protezzjoni tal-konsumatur u b’mod partikolari d-drittijiet mogħtija lill-konsumaturi mid-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju, mid-Direttiva dwar il-Kreditu tal-Konsumatur u mid-Direttiva dwar il-Termini Kuntrattwali Inġusti fir-rigward ta’ kreditu mogħti minn istituzzjoni ta’ kreditu se jkomplu japplikaw irrispettivament minn min sussegwentement jixtri jew jisservizzja l-kreditu. Barra minn hekk, b’mod simili għall-Artikolu 17 tad-Direttiva dwar il-Kreditu tal-Konsumatur, f’każ li d-drittijiet tal-kreditur jiġu ċeduti lil parti terza, id-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju trid tiġi emendata biex tiddikjara li l-konsumatur għandu jkun intitolat li jeċċepixxi kontra ċ-ċessjonarju kwalunkwe difiża li kienet disponibbli għalih kontra l-kreditur oriġinali.
Din il-proposta hija konsistenti wkoll mad-Direttiva dwar il-Kollaterali Finanzjarji (FCD), li introduċiet reġim Ewropew għall-għoti u għall-infurzar kollaterali fil-forma ta’ pretensjonijiet ta’ titoli, flus u kreditu. Il-proċedura ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata stabbilita f’din il-proposta ma tinterferix mal-kollateral irregolat mill-FCD għaliex din se tirregola l-eżekuzzjoni ta’ tipi differenti ta’ kollateral minn dawk li jaqgħu taħt id-Direttiva dwar il-Kollaterali Finanzjarji. B’mod konkret, din il-proposta tagħmel disponibbli proċeduri extraġudizzjarji effettivi għall-eżekuzzjoni tal-kollateral fil-forma ta’ assi mobbli u immobbli li jiġi pprovdut minn kumpaniji u intraprendituri biex jiksbu self, iżda l-materji rregolati mill-FCD mhumiex se jiġu affettwati minn din il-proposta.
Din l-inizjattiva se tiżgura wkoll konsistenza sħiħa mal-proċedimenti ta’ qabel l-insolvenza u tal-insolvenza mibdija taħt il-liġijiet u r-regolamenti nazzjonali tal-Istati Membri. Il-konsistenza se tkun żgurata permezz tal-prinċipju li l-eżekuzzjoni extraġudizzjarja tal-kollateral stabbilita f’din il-proposta tkun tabilħaqq possibbli, dejjem sakemm is-sospensjoni tal-azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni individwali, skont il-liġijiet nazzjonali applikabbli, ma tkunx applikabbli.
Barra minn hekk, din il-proposta se tiżgura konsistenza sħiħa u komplementarjetà mal-proposta tal-Kummissjoni dwar oqfsa ta’ ristrutturar preventiv (Proposta għar-Ristrutturar) li pproponiet miżuri biex tittejjeb l-effettività tal-proċedimenti tar-ristrutturar u tal-insolvenza u biex tiġi żgurata d-disponibbiltà ta’ proċedimenti ta’ ristrutturar preventiv sabiex kumpaniji vijabbli f’diffikultajiet finanzjarji jkunu jistgħu jevitaw l-insolvenza. Filwaqt li l-Proposta għar-Ristrutturar timmira li tistabbilixxi qafas ġudizzjarju armonizzat dwar ir-ristrutturar preventiv u opportunità oħra għall-kumpaniji u għall-intraprendituri, din il-proposta għandha wkoll l-għan li ssaħħaħ l-effettività tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja barra mill-qorti għall-kollateral. Sabiex tiġi żgurata konsistenza sħiħa u komplementarjetà mal-Proposta għar-Ristrutturar, l-eżekuzzjoni extraġudizzjarja tal-kollateral kif stabbilit f’din il-proposta se tkun possibbli sakemm is-sospensjoni tal-azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni individwali, skont il-Proposta għar-Ristrutturar, ma tkunx applikabbli. Il-Proposta għar-Ristrutturar tipprevedi li kredituri, inklużi kredituri garantiti ta’ kumpanija jew intraprenditur li jkunu soġġetti għal proċedimenti ta’ ristrutturar, ikun soġġetti għas-sospensjoni tal-azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni individwali sabiex isir possibbli li d-debitur jinnegozja pjan ta’ ristrutturar mal-kredituri u jevita l-insolvenza.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Iktar minn erba’ snin wara li l-Kapijiet ta’ Stat u l-Gvernijiet Ewropej qablu li joħolqu Unjoni Bankarja, żewġ pilastri tal-Unjoni Bankarja – superviżjoni u riżoluzzjoni uniċi – jinsabu fis-seħħ, ibbażati fuq il-pedament solidu ta’ ġabra unika tar-regoli għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE. Filwaqt li sar progress importanti, jenħtieġ jittieħdu aktar passi biex titkompla l-Unjoni Bankarja, inkluż il-ħolqien ta’ skema unika ta’ garanzija għad-depożiti, kif stipulat fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-17 ta’ Ottubru 2017 u fil-Pjan Direzzjonali ppreżentat fis-6 ta’ Diċembru, bħala parti mill-pakkett dwar l-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja.
Minbarra l-pakkett komprensiv ta’ riformi propost mill-Kummissjoni f’Novembru 2016 (“Pakkett tar-riforma bankarja”), l-iżvilupp ta’ suq sekondarju għas-self u l-provvediment ta’ protezzjoni msaħħa għall-kredituri garantiti huma wħud mill-miżuri li jnaqqsu r-riskji li huma meħtieġa biex tissaħħaħ aktar ir-reżiljenza tas-settur bankarju u li huma paralleli mal-introduzzjoni gradwali tal-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS). Dawn il-miżuri għandhom l-għan li fl-istess waqt jiżguraw ġabra unika tar-regoli kontinwa għall-istituzzjonijiet kollha tal-UE, kemm għal dawk li jinsabu fl-Unjoni Bankarja kif ukoll għal dawk li mhumiex. L-għanijiet ġenerali ta’ din l-inizjattiva, kif deskritti hawn fuq, huma konsistenti u koerenti għalkollox mal-għanijiet fundamentali tal-UE ta’ promozzjoni tal-istabbiltà finanzjarja, ta’ tnaqqis tal-probabbiltà u tal-firxa tal-appoġġ mill-kontribwenti f’każ li istituzzjoni tiġi riżoluta kif ukoll ta’ kontribuzzjoni għal finanzjament armonjuż u sostenibbli tal-attività ekonomika, li twassal għal livell għoli ta’ kompetittività u ta’ protezzjoni tal-konsumatur.
Din l-inizjattiva tħabbret fil-Komunikazzjoni dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Dik il-Komunikazzjoni enfasizzat li s-swieq kapitali jistgħu wkoll jgħinu lill-banek Ewropej biex jegħlbu l-isfidi tal-NPLs. Enfasizzat li l-politiki li għandhom l-għan li jtejbu t-tħaddim tas-swieq sekondarji għall-NPLs huma parti kruċjali minn kwalunkwe soluzzjoni dejjiema, u li l-ġestjoni tal-NPLs għandha tibbenefika wkoll minn oqfsa ta’ eżekuzzjoni aktar effiċjenti u aktar prevedibbli mfassla biex jippermettu l-irkupru rapidu tal-valur minn kredituri garantiti.
Wieħed mill-għanijiet ta’ din il-proposta huwa li ttejjeb il-kapaċità tal-kredituri garantiti li jirkupraw il-valur mill-kollateral b’mod aktar rapidu permezz ta’ proċeduri tal-eżekuzzjoni extraġudizzjarja għall-kollateral. Billi tippermetti lill-kredituri garantiti, inklużi l-banek, jiksbu valur mill-kollateral b’mod aktar rapidu, din il-proposta se tikkontribwixxi biex jiġi ffaċilitat aktar self mill-banek lill-ekonomija, partikolarment l-SMEs u bi prezz orħos, f’konformità mal-objettiv tas-CMU li tiffaċilita l-finanzjament għall-kumpaniji.
Id-dispożizzjonijiet dwar is-servizzjanti u xerrejja tas-self se jiżguraw aktar prevedibbiltà u trasparenza fis-swieq sekondarji għall-NPLs, li min-naħa tagħhom jippermettu li x-xerrejja potenzjali jipprezzaw dawk l-assi b’mod aktar preċiż. Dan jippermetti wkoll li l-banek ibigħu l-NPLs tagħhom lil ġabra akbar ta’ investituri li potenzjalment iwassal għal prezzijiet tat-tranżazzjonijiet li jirriflettu aħjar il-valur tal-assi sottostanti. Dan min-naħa tiegħu se jwassal għal karti tal-bilanċ imnaddfa u istituzzjonijiet ta’ kreditu mħejjija aħjar biex ikunu jistgħu jipprovdu fluss ta’ kreditu ġdid lill-ekonomija.
L-indirizzar tar-riskji li jifdal fis-settur bankarju Ewropew huwa ta’ importanza kbira għat-tħaddim u għall-istabbiltà tiegħu u għaldaqstant ukoll għall-ekonomija usa’. B’mod partikolari, hemm effetti konsegwenzjali potenzjali importanti kkaġunati mill-Istati Membri b’livelli għoljin ta’ NPLs fuq ekonomiji oħrajn tal-UE u fuq l-ekonomija inġenerali, kemm f’termini ta’ tkabbir ekonomiku kif ukoll f’termini ta’ stabbiltà finanzjarja. Swieq tal-NPLs issegmentati tul il-fruntieri nazzjonali minħabba differenzi qawwija fir-reġimi tal-awtorizzazzjoni ma jkunux konsistenti mal-għan tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali.
Din l-inizjattiva hija mingħajr preġudizzju għas-salvagwardji fis-seħħ għall-konsumaturi, inkluż f’każ li l-kreditur oriġinali jiġi sostitwit minn istituzzjoni mhux ta’ kreditu. Il-leġiżlazzjoni tal-UE diġà tinkludi għadd ta’ miżuri dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi. Il-proposta tipprevedi li kemm ix-xerrejja tal-kreditu kif ukoll is-servizzjanti tal-kreditu jridu jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumaturi applikabbli għall-kuntratt tal-kreditu inizjali. Bl-istess mod, ir-regoli kollha dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fis-seħħ fl-Istat Membru tal-konsumatur, jew li jirriżultaw direttament mill-kuntratt inizjali tal-kreditu jew minn regoli oħra applikabbli għal krediti mogħtija lill-konsumaturi jew relatati mar-regoli ġenerali dwar il-protezzjoni tal-konsumatur fis-seħħ fl-Istat Membru tal-konsumatur, se jkomplu japplikaw.
Is-salvagwardji msemmija hawn fuq jinkludu wkoll il-miżuri ta’ karattru obbligatorju jew volontarju pprovduti għall-protezzjoni tal-konsumaturi fl-Istat Membru tar-residenza abitwali tagħhom, b’mod partikolari l-proċeduri formali jew informali tal-irkupru tad-dejn stabbiliti minn korpi pubbliċi jew privati li joffru konsulenza dwar id-dejn lil familji b’dejn eċċessiv, immirati lejn l-irkupru tad-dejn tagħhom. Barra minn hekk, rigward it-twettiq tal-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fil-kuntest transfruntiera, dan l-istrument għandu jkun mingħajr preġudizzju għar-regoli armonizzati tal-UE li jiddeterminaw il-liġi applikabbli, il-ġurisdizzjoni applikabbli u r-rikonoxximent u l-eżekuzzjoni ta’ sentenzi f’materji ċivili u kummerċjali, inkluż fi proċedimenti ta’ insolvenza.
Id-drittijiet tal-mutwatarju, id-drittijiet tal-protezzjoni tad-data personali u d-dispożizzjonijiet nazzjonali tal-liġi ċivili li jirregolaw iċ-ċessjoni tal-kuntratti ma jaqgħux fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-proposta. L-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest ta’ din id-Direttiva għandu jikkonforma bis-sħiħ mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali.
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
L-Artikolu 114 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill il-kompetenza li jadottaw miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stabbiliti bil-liġi, b’regolament jew b’azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-oġġett tagħhom l-istabbiliment u t-tħaddim tas-suq intern. L-Artikolu 114 TFUE jippermetti li l-UE tieħu miżuri mhux biss biex telimina l-ostakli attwali għall-istabbiliment u għall-funzjonament tas-suq intern, iżda wkoll biex tindirizza intoppi li jaqtgħu qalb l-operaturi ekonomiċi milli jieħdu vantaġġ sħiħ mill-benefiċċji ta’ dak is-suq b’mod partikolari billi jinvestu fi Stati Membri oħra. Barra minn hekk, l-Artikolu 53 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jagħti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill il-kompetenza li jadottaw Direttivi għall-koordinazzjoni tad-dispożizzjonijiet nazzjonali dwar attivitajiet ekonomiċi.
Bħalissa, ix-xerrejja tal-kreditu u s-servizzjanti tal-kreditu ma jistgħux jiksbu l-benefiċċji tas-suq intern minħabba l-ostakli maħluqa minn leġiżlazzjonijiet nazzjonali diverġenti fin-nuqqas ta’ reġim regolatorju u superviżorju ddedikat u koerenti.
Ix-xerrejja mhux bankarji ta’ kreditu mogħti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu mhumiex irregolati f’xi Stati Membri, filwaqt li f’oħrajn jistgħu jaffaċċjaw diversi rekwiżiti li xi kultant jirrikjedu liċenzji bankarji sħaħ. Fil-prattika, dan wassal għal sitwazzjoni fejn ix-xerrejja jistgħu joperaw b’mod legali fi Stat Membru wieħed iżda jaffaċċjaw ostakli konsiderevoli biex jixtru l-krediti f’oħrajn. Din hija raġuni waħda għaliex ix-xerrejja joperaw l-aktar f’għadd limitat ta’ Stati Membri, u dan irriżulta f’kompetizzjoni ġenerali limitata fis-suq intern minħabba li l-għadd ta’ xerrejja interessati baqa’ pjuttost baxx, u b’hekk naqas l-ambitu u d-daqs potenzjali ta’ suq tal-NPLs effiċjenti u kompetittiv. Is-swieq għall-NPLs b’mod partikolari għandhom tendenza li jiġu kkaratterizzati minn volumi relattivament żgħar ta’ kummerċ – raggruppament qawwi f’erba’ pajjiżi li minnhom wieħed biss huwa Stat Membru miż-żgħar (l-Italja, l-Irlanda, Spanja u r-Renju Unit). Dawn is-swieq ukoll għandhom tendenza li jkunu ddominati minn xerrejja kbar, u dan jista’ jiġi spjegat sa ċertu punt bl-ostakli kbar fis-seħħ li jipprevjenu d-dħul u jfixklu l-kompetizzjoni.
Is-servizzjanti tal-kreditu jaffaċċjaw ukoll ostakli biex jespandu lil hinn mill-fruntieri u biex jespandu l-attivitajiet tagħhom. L-ewwel nett, ċerti Stati Membri biss jirregolaw l-attività u dawk li jagħmlu dan jiddefinixxu l-attivitajiet koperti b’mod differenti ħafna. Dan fil-prattika joħloq ostaklu għall-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ espansjoni permezz tal-istabbiliment sekondarju jew tal-provvediment transfruntiera tas-servizzi fis-suq intern. It-tieni nett, għadd konsiderevoli ta’ Stati Membri jeħtieġu awtorizzazzjonijiet għal xi wħud mill-attivitajiet li dawn is-servizzjanti ta’ kreditu jinvolvu ruħhom fihom. Dawn l-awtorizzazzjonijiet jimponu rekwiżiti differenti u ma jipprevedux possibbiltajiet ta’ espansjoni transfruntiera. Fl-aħħar nett, f’xi każijiet, l-istabbiliment lokali huwa meħtieġ mil-liġi, u dan fih innifsu jagħmel impossibbli l-eżerċitar tal-libertà fundamentali li jiġu provduti servizzi transfruntiera.
Barra minn hekk, l-ostakli li jipprevjenu lis-servizzjanti tal-kreditu milli joperaw b’mod transfruntiera jaffettwaw indirettament lix-xerrejja potenzjali, li jistgħu ma jkunux f’qagħda li jidħlu f’suq nazzjonali u jixtru krediti mingħand istituzzjonijiet ta’ kreditu, jekk imbagħad ma jkunux jistgħu jesternalizzaw is-servizzjar lil entitajiet oħra barra l-bank li mingħandu jkunu akkwistaw il-kuntratt ta’ kreditu, jew ma jkunux jistgħu jużaw is-servizzi tas-servizzjanti ta’ kreditu minn Stati Membri oħrajn tal-UE.
Id-differenzi kbar fl-istandards regolatorji adottati mill-Istati Membri jikkontribwixxu għall-frammentazzjoni tas-suq, li tirrestrinġi l-fluss liberu tal-kapital u tas-servizzi fl-UE, twassal għal kompetizzjoni insuffiċjenti u tnaqqas ir-rata tal-iżvilupp ta’ suq sekondarju li jiffunzjona għall-krediti bankarji. Parteċipazzjoni limitata ta’ investituri u ta’ servizzjanti timplika pressjoni kompetittiva dgħajfa fuq iż-żewġ swieq (dak tax-xiri u dak tas-servizzjar tal-kreditu). Din tirriżulta fit-tariffi għoljin li l-kumpaniji tas-servizzjar tal-kreditu jimponu fuq ix-xerrejja għas-servizzi tagħhom u fi prezzijiet baxxi li l-banek jistgħu jirrealizzaw jekk ibigħu NPLs lil investituri mhux bankarji, li jnaqqas l-inċentivi għall-banek biex jiskarikaw il-ħażna għolja tagħhom ta’ NPLs.
Il-kredituri li jagħtu self garantit lill-kumpaniji u lill-intraprendituri ma jibbenefikawx fl-Istati Membri kollha minn proċeduri aċċellerati u effettivi biex jinfurzaw dan is-self barra mill-qorti f’każ ta’ inadempjenza mill-mutwatarju kummerċjali. Kieku dawn il-proċeduri jsiru disponibbli, jonqos ir-riskju li l-banek jakkumulaw l-NPLs.
Sabiex jiġi rkuprat il-valur mill-kollateral imqiegħed minn mutwatarju fi Stat Membru differenti, il-kreditur irid isegwi regoli differenti mir-regoli tal-Istat Membru tad-domiċilju tal-kreditur, u li l-effiċjenza tagħhom ma tkunx magħrufa mill-kreditur. Il-kreditur bħalissa ma jistax jagħżel li jaqbel mal-mutwatarju dwar proċedura komuni għall-Istati Membri kollha. Dan joħloq spejjeż minħabba konsulenzi legali u jista’ jikkaġuna dewmien itwal fil-proċeduri tal-irkupru kif ukoll rati ta’ rkupru aktar baxxi. Il-prospett li jiġi rkuprat inqas, jew fl-agħar każ ma jiġi rkuprat xejn, minn self garantit f’każ ta’ inadempjenza mid-debitur jista’ jnaffar lis-selliefa minn self transfruntiera fl-ewwel lok, jew jista’ jżid il-prezz tas-self għall-kumpaniji. Dan imbagħad jikkostitwixxi deterrent għall-mutwatarji biex ifittxu s-servizzi ta’ kredituri fi Stati Membri differenti. Dan ixekkel il-moviment liberu tal-kapital u għandu effett dirett fuq it-tħaddim tas-suq uniku. Hemm potenzjal ta’ CMU mhux sfruttat f’termini tad-disponibbiltà tal-finanzjament għal kumpaniji, b’mod partikolari għall-SMEs, li jiddependu ħafna fuq is-self mill-banek.
Bl-istess mod, l-investituri li jikkunsidraw jixtru portafolli ta’ self mhux produttiv se jqisu l-inċertezzi legali potenzjali fl-irkupru tal-valur mill-kollateral marbut ma’ dak is-self, u jekk l-irkupru tal-valur b’mod transfruntiera jkun iktar diffiċli jew jinvolvi inċertezzi legali, dan ikollu impatt negattiv fuq il-prezz, u għaldaqstant b’konsegwenza, il-possibbiltà li l-banek ibigħu wkoll portafolli lil investituri minn Stat Membru differenti bi prezz li jqarreb kemm jista’ jkun lejn dak diġà stabbilit mill-provvediment tal-banek għal dak is-self.
Il-frammentazzjoni attwali ssarfet fi gradi differenti ta’ opportunitajiet ta’ finanzjament għall-kumpaniji, billi s-self bankarju sar inqas disponibbli għall-kumpaniji, għall-SMEs b’mod partikolari, fl-Istati Membri mingħajr proċeduri effiċjenti biex jiġi rkuprat il-valur minn self garantit.
It-twaqqif ta’ qafas dwar proċeduri effiċjenti ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja tal-kollateral jiżgura li l-kredituri garantiti fl-Istati Membri kollha jibbenefikaw mid-disponibbiltà ta’ għodda distinta komuni u aċċellerata biex jirkupraw il-valur minn self garantit f’każ li l-mutwatarju kummerċjali ma jħallasx is-self lura. Dan għandu joħloq inċentivi għal aktar self transfruntiera billi jnaqqas l-inċertezza dwar l-eżiti tal-proċediment tal-eżekuzzjoni (eż. ir-rata tal-irkupru u ż-żmien li jieħu) f’tranżazzjonijiet transfruntiera.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Skont l-Artikolu 4 TFUE, l-azzjoni tal-UE għall-ikkompletar tas-suq intern trid tiġi vvalutata fid-dawl tal-prinċipju tas-sussidjarjetà stabbilit fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE). Irid jiġi vvalutat jekk l-għanijiet tal-proposta jistgħux jinkisbu mill-Istati Membri fil-qafas tal-ordinamenti ġuridiċi nazzjonali tagħhom u, fid-dawl tal-iskala u tal-effetti tagħhom, jekk jinkisbux aħjar fil-livell tal-UE.
Mill-kriżi finanzjarja tal-2008, il-ħażna li sa dan l-aħħar kienet kompliet tikber ta’ NPLs iddeterjorat il-perċezzjonijiet tas-suq rigward is-settur bankarju Ewropew inġenerali u rrappreżentat esternalitajiet negattivi għall-UE kollha. Dawn il-fatturi saru saħansitra iktar rilevanti fil-kuntest tal-Unjoni Bankarja. Ftit Stati Membri aġixxew b’mod attiv biex jindirizzaw il-ħażna għolja ta’ NPLs f’dawn l-aħħar snin, li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet trawmet permezz ta’ programm UE/FMI ta’ aġġustament ekonomiku.
Għalkemm l-Istati Membri rrikonoxxew is-serjetà tal-problema tal-NPLs, il-biċċa l-kbira sa issa naqsu milli jieħdu miżuri effettivi biex jindirizzaw in-naħa tad-“domanda” tat-trasferimenti tal-NPLs. Dawk li ma rregolawx l-attivitajiet ta’ xiri u ta’ servizzjar tal-kreditu għamlu dan mingħajr ma pprevedew sitwazzjonijiet transfruntiera. Dan wassal għal kompetizzjoni insuffiċjenti fis-suq. L-approċċi varjabbli meħuda mill-Istati Membri u l-interpretazzjonijiet differenti tagħhom, b’mod partikolari tal-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu, kienu qed jifframmentaw lil dawn is-swieq. Għaldaqstant, l-objettivi ma jistgħux jintlaħqu permezz ta’ azzjoni individwali mill-Istati Membri.
Is-Servizzi tal-Kummissjoni ilhom jissorveljaw is-suq tul għadd ta’ snin u rrikonoxxew id-diverġenza u l-amplifikazzjoni tal-problemi dejjem jiżdiedu li jiġġustifikaw intervent fil-livell tal-UE. L-evidenza miġbura permezz ta’ studji u konsultazzjonijiet pubbliċi wriet li l-irkupru fit-tkabbir ekonomiku ma kienx biżżejjed biex inaqqas il-ħażniet tal-NPLs peress li dawn tal-aħħar qed inawru fis-sodezza tal-banek, il-provvediment tal-kreditu tagħhom u l-prospetti ġenerali ta’ tkabbir ekonomiku. Sa issa ma sar ebda sforz ta’ koordinazzjoni fost l-Istati Membri dwar regoli għax-xerrejja u għas-servizzjanti ta’ kreditu bankarju. Azzjoni meħuda mill-Istati Membri tista’ biss tirrimedja l-kundizzjonijiet tas-suq nazzjonali rispettiv tagħhom, li xorta ma jkunx biżżejjed biex jitnaqqas l-impatt negattiv fuq it-tħaddim tas-Suq Uniku.
Il-provvediment ta’ qafas fuq il-livell tal-UE jiżgura kundizzjonijiet ta’ dħul uniformi għax-xerrejja u għas-servizzjanti ta’ kreditu u passaport biex iwettqu l-attivitajiet tagħhom fis-Suq Uniku kollu. Dan jirriżulta b’mod partikolari f’aktar kompetizzjoni bejn investituri potenzjali f’self bankarju u jippermetti lill-banek ibigħuhom bi prezzijiet aktar kompetittivi. Min-naħa tiegħu, dan imbagħad jippermetti li l-banek inaqqsu l-iskopertura għal self li jkun sar improduttiv u li dawn jidderieġu r-riżorsi lejn self ġdid lill-ekonomija. Fl-istess waqt, is-salvagwardji pprovduti għall-konsumaturi se jiżguraw li, fl-Unjoni kollha, il-livell tal-protezzjoni tal-konsumaturi jinżamm ukoll meta self tal-konsumatur oriġinarjament mogħti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu jinbiegħ u jibda jiġi ġestit.
Bl-istess mod, l-Istati Membri li diġà implimentaw proċeduri tal-eżekuzzjoni extraġudizzjarja stabbilew regoli domestiċi għal raġunijiet primarjament relatati ma’ kunsiderazzjonijiet domestiċi. F’xi każijiet, il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja għall-kollateral kienu ilhom stabbiliti żmien twil u mhux neċessarjament jinċentivaw it-tranżazzjonijiet transfruntiera. Minħabba d-differenzi fl-effiċjenza tal-proċeduri nazzjonali eżistenti u tan-nuqqas ta’ dawn il-proċeduri f’xi Stati Membri, l-objettiv hawnhekk huwa li sistemi effettivi bħal dawn isiru disponibbli mal-UE kollha, u li jiġi żgurat li l-banek jew intrapriżi oħrajn awtorizzati li jagħtu kreditu fl-Istati Membri kollha jkunu jistgħu jużaw din il-proċedura. Minħabba r-rabtiet inerenti bejn l-eżekuzzjoni kollaterali u l-liġijiet ċivili, tal-proprjetà, tal-kummerċ, ta’ qabel l-insolvenza, tal-insolvenza u dawk pubbliċi tal-Istati Membri, ir-regoli previsti dwar dan il-mekkaniżmu distint u komuni ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral għandhom ikunu jistgħu jiġu implimentati b’mod konsistenti mal-liġijiet ta’ dawk l-Istati Membri. Id-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt għalhekk jistabbilixxu mekkaniżmu komuni supplimentari li ma jirrikjedix li l-Istati Membri jinterferixxu mas-sistemi extraġudizzjarji nazzjonali tagħhom fejn dawn ikunu jeżistu għat-tip ta’ kollateral kopert fil-proposta. L-AECE hija mfassla bħala mekkaniżmu distint li jiżgura li jkun jista’ jsir ftehim b’kuntratt dwar mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja bejn kreditur u mutwatarju kummerċjali għal assi mobbli u immobbli mpoġġija bħala kollateral.
Dawn l-objettivi jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell tal-UE.
•Proporzjonalità
Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, il-kontenut u l-forma tal-azzjoni tal-UE ma għandhomx jagħmlu iżjed minn dak li jkun meħtieġ sabiex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati.
Din il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex tħeġġeġ id-dħul fis-suq u l-iżvilupp transfruntiera, peress li hija mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali dwar it-trasferiment attwali tad-drittijiet tal-kredituri, jew għal kwalunkwe regoli applikabbli dwar proċeduri ta’ ristrutturar preventiv jew ta’ insolvenza.
Id-dispożizzjonijiet ta’ hawn taħt jistabbilixxu sistema regolatorja li hija proporzjonata f’termini ta’ ħolqien ta’ kundizzjonijiet vinkolanti biżżejjed biex ikunu effettivi sabiex jintlaħqu l-objettivi filwaqt li fl-istess ħin jippermettu lill-Istati Membri jkollhom flessibbiltà massima biex iżommu fis-seħħ dispożizzjonijiet nazzjonali li jipproteġu d-drittijiet u d-difiżi tal-mutwatarji.
Barra minn hekk, filwaqt li dawn ma jaffettwawx ir-regoli eżistenti dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, il-proposta tqis il-ħtieġa ta’ aktar salvagwardji fir-rigward tal-krediti tal-konsumatur. Ġaladarba tirrikonoxxi dan it-tħassib leġittimu, il-proposta tintroduċi rekwiżit li xerrejja minn pajjiżi terzi ta’ self għall-konsumatur jużaw is-servizzi ta’ servizzjanti tal-kreditu awtorizzati, li huma soġġetti għar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva u li huma soġġetti għal superviżjoni fl-UE mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. Bl-istess mod, il-mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral ifittex li jsib bilanċ bejn l-interessi tal-kreditur u tal-mutwatarju kummerċjali. Dan mhuwiex disponibbli għall-infurzar ta’ self mogħti lill-konsumaturi, u għas-sidien tan-negozji dan mhux se jkun disponibbli lanqas biex jiġi infurzat kollateral li jikkonsisti fl-ewwel residenza tal-mutwatarju kummerċjali. Fejn mutwatarju kummerċjali jkun diġà ħallas il-parti l-kbira (85 %) tas-somma pendenti taħt il-kuntratt ta’ kreditu, huwa għandu jingħata żmien addizzjonali biex jagħmel il-ħlas qabel ma l-kollateral ikun jista’ jiġi infurzat.
L-istrument legali magħżul, jiġifieri Direttiva, huwa mfassal biex jinkisbu l-objettivi li jiġu żgurat kundizzjonijiet ekwi bejn il-kredituri garantiti fir-rigward tal-kapaċità tagħhom li jaqblu mal-mutwatarji dwar proċedura extraġudizzjarja biex jiġi rkuprat il-valur mill-kollaterali sabiex b’hekk tinżamm l-istabbiltà finanzjarja u jiżdiedu l-opportunitajiet ta’ finanzjament għall-kumpaniji.
•Għażla tal-istrument
Qed tintgħażel Direttiva li tiżgura li d-dispożizzjonijiet tagħha jistgħu jiġu trasposti mill-Istati Membri b’mod konsistenti mal-liġijiet privati u pubbliċi eżistenti, fid-dawl tal-bosta rabtiet mal-liġijiet ċivili, tal-kummerċ, tal-proprjetà u tal-insolvenza. L-Artikolu 53 TFUE, li huwa wieħed mill-bażijiet legali ta’ din il-proposta, jipprovdi biss għall-adozzjoni ta’ Direttiva.
Barra minn hekk, meta titqies il-ħtieġa li tiġi żgurata l-kooperazzjoni amministrattiva filwaqt li tiġi permessa d-diversità fl-għażliet superviżorji li jeżistu bħalissa fl-Istati Membri fir-rigward tal-attivitajiet koperti minn din il-proposta, Direttiva tidher li hija l-għażla tal-istrument ix-xierqa.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjonijiet ex post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti
Il-kontrolli ex post tal-idoneità ma japplikawx għax dan il-qasam qabel kien irregolat biss fil-livell nazzjonali,
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Is-servizzi tal-Kummissjoni wettqu konsultazzjoni pubblika ddedikata dwar l-Iżvilupp ta’ swieq sekondarji għal self mhux produttiv u dwar il-protezzjoni ta’ kredituri garantiti mill-inadempjenza tal-mutwatarji. Ir-reazzjonijiet għal dik il-konsultazzjoni pubblika taw evidenza kwalitattiva biex jiġi appoġġjat l-iżvilupp ta’ valutazzjoni tal-impatt.
Il-proposta tirrifletti bil-qawwi r-rispons miġbur mill-konsultazzjoni.
Il-proposta tirrifletti wkoll ir-rispons li wasal mill-grupp ta’ esperti li ġie kkonsultat mis-servizzi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-Eżekuzzjoni Extraġudizzjarja Aċċellerata tal-Kollateral. Il-proposta hija approċċ aktar proporzjonat biex jintlaħaq l-għan tal-politika apparagun ma’ armonizzazzjoni sħiħa permezz tal-ħolqien ta’ dritt ta’ titolu sigurtà ġdid, kif oriġinarjament kien previst fil-konsultazzjoni pubblika.
Il-maġġoranza dominanti tat-tweġibiet għall-konsultazzjoni pubblika fir-rigward tas-swieq sekondarji għall-NPLs tafferma li d-daqs, il-likwidità u l-istruttura attwali tas-swieq fl-UE huma ostaklu għall-ġestjoni u għar-riżoluzzjoni tal-NPLs fl-UE.
Għall-maġġoranza ċara tal-parteċipanti li taw l-opinjoni tagħhom, id-differenzi fir-regoli nazzjonali li jirrigwardaw il-bejgħ tal-NPLs huma ostaklu tanġibbli għall-iżvilupp tas-swieq tal-NPLs. Fir-rigward tan-natura tal-ostakli għall-attività transfruntiera, għadd dominanti ta’ tweġibiet jirreferi għall-qafas legali, għar-regoli tal-insolvenza u għall-prattiċi lokali. Ċerti partijiet interessati talbu regoli addizzjonali li jissalvagwardjaw il-protezzjoni tal-konsumatur/tad-debitur filwaqt li partijiet interessati oħrajn jaħsbu li r-regoli attwali huma suffiċjenti u li għandhom jinżammu. Maġġoranza sostanzjali tappoġġja qafas tal-UE għas-servizzjanti tas-self. Kważi dawk kollha li wieġbu li jappoġġjaw qafas tal-UE għas-servizzjanti tas-self jirrakkomandaw li dan għandu jkopri reġim ta’ liċenzjar u madwar nofshom jipproponu li dan jirregola s-superviżjoni tas-servizzjanti tas-self.
•Ġbir u użu tal-għarfien espert
Il-proposta hija bbażata fuq firxa estensiva ta’ riċerka, studji esterni, konsultazzjonijiet immirati, intervisti u sorsi oħra.
Organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali differenti ppubblikaw rapporti analitiċi li komplew jibnu fuq workshops ta’ riċerka u konsultazzjonijiet mal-partijiet interessati (BERS, EBA, MSU, BĊE u FMI). Is-servizzi tal-Kummissjoni jistgħu b’mod partikolari jibnu fuq ir-rapport ta’ sottogrupp iddedikat għal Self Improduttiv tal-Kumitat tas-Servizzi Finanzjarji tal-Kunsill, kif ukoll fuq riċerka minn konsulenzi, akkademiċi u gruppi ta’ riflessjoni. Twaqqaf grupp ta’ esperti mill-Istati Membri u mill-istituzzjonijiet tal-UE f’nofs l-2017 biex isegwi l-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill.
Il-proposta hija wkoll ibbażata fuq talbiet speċifiċi għal informazzjoni lill-Ministeri tal-Ġustizzja u lill-esperti legali tal-Istati Membri, u fuq diversi laqgħat li saru ma’ esperti nazzjonali mill-Istati Membri. Il-ġbir tal-informazzjoni inkluda wkoll laqgħat mal-partijiet ikkonċernati u studji ta’ riċerka akkademika.
•Valutazzjoni tal-impatt
L-impatti ekonomiċi u soċjali prinċipali ġew eżaminati f’żewġ valutazzjonijiet tal-impatt li jakkumpanjaw din il-proposta.
L-ewwel valutazzjoni tal-impatt investigat is-sitwazzjoni tax-xerrejja tal-kreditu u tas-servizzjanti tal-kreditu. Din tiddeskrivi x-xenarju bażi u tqabblu ma’ tliet għażliet possibbli għat-tnaqqis tal-ostakli għad-dħul affaċċjati mix-xerrejja tas-self u mis-servizzjanti tas-self. Ix-xenarju bażi jqis li f’xi Stati Membri se jkomplu jeżistu ostakli speċifiċi għad-dħul u li r-regoli dwar il-kondotta li jiskoraġġixxu d-dħul tal-investitur u l-iżvilupp tar-relazzjoni tal-investitur mas-servizzjanti tas-self se jkomplu jibqgħu effettivi. Abbażi tal-firxa ta’ regoli applikati fl-Istati Membri u ta’ diskussjoni dwar l-aħjar prattiki regolatorji, tfasslu tliet għażliet biex id-dħul fis-suq jiġi ffaċilitat u armonizzat, jintużaw jew prinċipji komuni ta’ livell għoli mhux vinkolanti li fil-mira tagħhom ikollhom l-aktar ostakli sinifikanti, jew standards komuni vinkolanti li jippermettu attività transfruntiera permezz ta’ passaporti, jew ġabra unika ta’ regoli vinkolanti bil-passaporti. Wara l-analiżi magħmula fil-valutazzjoni tal-impatt, irriżulta li l-aħħar żewġ għażliet huma effiċjenti bl-istess mod u fosthom l-għażla ta’ standards komuni vinkolanti ġiet ivvalutata bħala aktar proporzjonata biex jintlaħaq l-objettiv, anke fid-dawl ta’ dispożizzjonijiet differenti ħafna dwar it-trasferimenti ta’ kreditu u dwar id-drittijiet tal-mutwatarji fl-Istati Membri li jistgħu jeħtieġu lok għad-diskrezzjoni nazzjonali.
Il-valutazzjoni tal-impatt tressqet lill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju (“RSB”) fit-8 ta’ Diċembru 2017. L-RSB ta opinjoni negattiva dwar il-valutazzjoni tal-impatt u għamel għadd ta’ rakkomandazzjonijiet għal titjib. Id-dokument ġie rivedut kif xieraq u mressaq mill-ġdid fid-29 ta’ Jannar 2018. Fit-13 ta’ Frar 2018, l-RSB ta opinjoni pożittiva.
Il-bidliet ewlenin introdotti fil-valutazzjoni tal-impatt sabiex jiġu kkunsidrati l-kummenti tal-RSB kienu dawn:
Iddaħħlet introduzzjoni ġdida komuni għat-tliet inizjattivi leġiżlattivi dwar l-NPLs. Din tispjega l-kwistjoni tal-NPLs f’kuntest usa’ u telabora fuq ir-rabtiet bejn id-diversi inizjattivi fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-NPLs f’aktar dettall.
Id-differenzi fid-drittijiet tal-mutwatarji ġew introdotti bħala fatturi problematiċi kif ukoll diskussjonijiet dwar kif dawn jinteraġixxu ma’ bidliet fir-reġim tal-awtorizzazzjoni għall-investituri tal-NPLs u għas-servizzjanti tas-self. Dan ġie inkluż ukoll fid-diskussjoni dwar l-impatt ġenerali tal-inizjattiva.
Id-dispożizzjonijiet konkreti ġew speċifikati aktar, inklużi deskrizzjoni tal-firxa potenzjali ta’ dawn id-dispożizzjonijiet u diskussjoni dwar l-aħjar prattiki u rigward kif dawn jistgħu jiġu kkombinati ma’ reġim regolatorju konsistenti. Ġie ċċarat li l-bejgħ tas-self jinkludi kemm is-self produttiv kif ukoll improduttiv.
Wara r-rakkomandazzjonijiet għat-tieni opinjoni tal-RSB, ġew introdotti l-bidliet li ġejjin:
Is-sett tal-għażliet preferuti ċċekken u r-rabta mad-dispożizzjonijiet konkreti li dan kollu jinvolvi ġew deskritti f’aktar dettall.
Is-sett ta’ indikaturi ta’ monitoraġġ ġie estiż biex ikopri wkoll il-kondotta tas-servizzjanti tas-self u tax-xerrejja tal-NPLs fir-rigward tad-drittijiet tal-mutwatarji u tas-superviżuri.
It-tieni valutazzjoni tal-impatt ittrattat l-eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral. Identifikat u eżaminat erba’ għażliet ta’ politika. L-ewwel għażla rreferiet għal azzjoni mhux regolatorja possibbli bbażata fuq inizjattivi eżistenti ta’ armonizzazzjoni internazzjonali ta’ proċeduri ta’eżekuzzjoni extraġudizzjarja tal-kollateral li permezz tagħhom il-Kummissjoni tirrakkomanda lill-Istati Membri biex jistabbilixxu proċeduri bħal dawn. It-tieni għażla ppreferuta esplorat il-possibbiltà u l-merti li tiġi stabbilita armonizzazzjoni minima tal-proċedura ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja tal-kollateral fl-UE kollha sabiex il-banek fl-Istati Membri kollha jkollhom għad-dispożizzjoni tagħhom proċedura effiċjenti għall-eżekuzzjoni extraġudizzjarja tal-kollateral. It-tielet għażla qieset il-każ tal-ħolqien ta’ titolu ta’ sigurtà ġdid flimkien ma’ proċedura ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja armonizzata bis-sħiħ. Ir-raba’ għażla li twarrbet fi stadju bikri qieset it-twaqqif ta’ mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja tal-Unjoni permezz ta’ reġim alternattiv.
Il-proposta hija appoġġjata b’opinjoni pożittiva maħruġa mill-RSB fir-rigward tal-eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral fit-12 ta’ Jannar 2018.
Kif propost mill-RSB, il-valutazzjoni tal-impatt ġiet emendata billi ġiet inkluża d-deskrizzjoni tal-impatt tal-proposta fuq il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Istati Membri.
•Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni
Qafas ta’ awtorizzazzjoni armonizzat inaqqas l-ispejjeż amministrattivi fl-UE kollha u jippermetti lis-servizzjanti tal-kreditu jespandu l-attivitajiet tagħhom fi Stati Membri differenti billi jużaw il-passaport.
•Drittijiet fundamentali
Il-proposta tirrispetta d-drittijiet fundamentali u tosserva l-prinċipji rikonoxxuti mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b’mod partikolari l-libertà li jitmexxa negozju, id-dritt għal proprjetà, id-dritt għal proċess ġust, il-protezzjoni tad-data personali u l-protezzjoni tal-konsumatur.
4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI
Din il-proposta leġiżlattiva ma timplika ebda kost baġitarju għall-baġit tal-Unjoni Ewropea.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Hija prevista evalwazzjoni wara ħames (5) snin mill-implimentazzjoni tal-miżura u skont il-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni Aħjar. L-objettiv tal-evalwazzjoni se jkun li jiġi vvalutat, fost ħwejjeġ oħra, kemm din kienet effettiva u effiċjenti f’termini ta’ ksib tal-għanijiet tal-politika u li jiġi deċiż dwar jekk ikunux meħtieġa miżuri jew emendi ġodda. L-Istati Membri għandhom jgħaddu lill-Kummissjoni l-informazzjoni meħtieġa għat-tħejjija tar-Rapport.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Fid-dawl tad-diversità tas-sistemi legali u superviżorji nazzjonali u tal-ħtieġa għal implimentazzjoni konsistenti tad-Direttiva, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni meħuda mill-Istati Membri għandha tkun akkumpanjata b’dokument wieħed jew aktar li jispjegaw ir-relazzjoni bejn il-komponenti tad-Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
It-Titolu I jinkludi s-suġġett, il-kamp ta’ applikazzjoni u d-definizzjonijiet
Din id-Direttiva tapplika għal xerrejja u servizzjanti ta’ kreditu oriġinarjament maħruġ minn istituzzjoni ta’ kreditu jew mis-sussidjarji tagħha, irrispettivament mit-tip ta’ mutwatarju involut. Din id-Direttiva ma għandhiex tapplika għax-xiri u għas-servizzjar ta’ kuntratt ta’ kreditu mwettaq minn istituzzjoni ta’ kreditu u mis-sussidjarji tagħha fl-UE jew għax-xiri u għas-servizzjar ta’ kuntratti ta’ kreditu maħruġa minn tipi differenti ta’ kredituri minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-sussidjarji tagħhom.
Fir-rigward tal-proċedura ta’eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral, din id-Direttiva tapplika għal kuntratti ta’ kreditu konklużi bejn kredituri, primarjament banek, u mutwatarji għall-finijiet kummerċjali, tan-negozju jew professjonali tagħhom li jkunu garantiti minn kwalunkwe assi mobbli u immobbli li jkunu fis-sjieda tal-mutwatarju u li jkunu ġew mirhuna lill-kreditur sabiex jiġi garantit il-ħlas lura tas-self. Ir-restrizzjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni għal self korporattiv għandha tevita impatti negattivi fuq il-konsumaturi u fuq l-unitajiet domestiċi. Anke għall-mutwatarji kummerċjali, ir-residenza prinċipali ta’ sid ta’ negozju se tkun eskluża mill-kamp ta’ applikazzjoni, abbażi ta’ kunsiderazzjonijiet soċjali.
L-Artikolu 3 jistabbilixxi d-definizzjonijiet li jintużaw għall-finijiet ta’ din id-Direttiva.
It-Titolu II jistabbilixxi qafas għas-servizzjanti ta’ kuntratti ta’ kreditu maħruġa minn istituzzjonijiet ta’ kreditu.
Il-Kapitolu I fih ir-regoli għall-awtorizzazzjoni tas-servizzjanti ta’ kreditu.
L-Artikolu 5 jistabbilixxi s-sett massimu ta’ rekwiżiti li jenħtieġ jiġu ssodisfati minn servizzjanti ta’ kreditu sabiex jiġu awtorizzati fl-Istat Membru tad-domiċilju tagħhom.
L-Artikolu 6 jistabbilixxi l-proċeduri għall-awtorizzazzjoni u l-Artikolu 7 jistabbilixxi l-każijiet li fihom l-awtorizzazzjoni tista’ tiġi rtirata.
L-Artikolu 8 jintroduċi obbligu għat-twaqqif ta’ reġistru pubbliku tas-servizzjanti ta’ kreditu awtorizzati f’kull Stat Membru.
L-Artikolu 9 fih ir-rekwiżit li r-relazzjoni bejn is-servizzjant ta’ kreditu u l-kreditur hija bbażata fuq kuntratt bil-miktub li, fost kwistjonijiet oħra, jinkludi referenza ċara għall-obbligu li tiġi osservata l-liġi nazzjonali u tal-Unjoni li tkun applikabbli għall-kuntratt ta’ kreditu. Barra minn hekk, is-servizzjant tal-kreditu huwa meħtieġ li tul perjodu ta’ 10 snin iżomm rekords li l-awtoritajiet kompetenti jista’ jkollhom aċċess għalihom.
L-Artikolu 10 jipprevedi regoli rigward l-esternalizzazzjoni ta’ attivitajiet minn servizzjanti ta’ kreditu billi jiżgura li dawn jibqgħu kompletament responsabbli mill-obbligi kollha eżistenti taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.
Il-Kapitolu II jittratta l-provvediment ta’ servizzjar ta’ kreditu fil-livell transfruntiera.
L-Artikolu 11 jirrikjedi li l-Istati Membri jiżguraw il-libertà li jkunu provduti servizzi fl-Unjoni għas-servizzjanti ta’ kreditu awtorizzati. Għal dan l-għan, id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-proċeduri u l-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet tad-domiċilju u ospitanti huma stabbiliti fid-Direttiva.
L-Artikolu 12 jipprevedi regoli speċifiċi dwar kif servizzjanti transfruntiera bħal dawn għandhom jiġu ssorveljati billi jinqasam il-piż tas-superviżjoni bejn l-awtoritajiet tad-domiċilju u ospitanti kompetenti.
It-Titolu III ikopri lix-xerrejja tal-kreditu.
L-Artikolu 13 jipprevedi li l-kredituri għandhom jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa lil xerrej ta’ kreditu qabel ma jidħlu f’kuntratt miegħu, bir-rispett dovut għar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali. Meta l-ewwel trasferiment tal-kreditu jsir minn istituzzjoni ta’ kreditu lil xerrej li mhux istituzzjoni ta’ kreditu, is-superviżur tal-istituzzjoni ta’ kreditu għandu jkun infurmat b’dan.
L-Artikolu 14 jirrikjedi li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jużaw standards ta’ data pprovduti mill-Awtorità Bankarja Ewropea.
L-Artikolu 15 impona obbligu fuq ir-rappreżentanti stabbiliti fl-Unjoni ta’ xerrejja ta’ kreditu mhux stabbiliti fl-Unjoni, li jużaw servizzjant tal-kreditu awtorizzat jew istituzzjoni tal-kreditu tal-Unjoni f’każ ta’ kuntratti ta’ kreditu konklużi ma’ konsumaturi.
L-Artikolu 16 fih ir-regoli li bihom ix-xerrejja ta’ kreditu jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti dwar is-servizzjar tal-kreditu mixtri.
L-Artikolu 17 fih regola li biha, meta jiġi konkluż trasferiment tal-kuntratt ta’ kreditu, ix-xerrej minn pajjiż terz jaħtar rappreżentant stabbilit fl-Unjoni. Dan ir-rappreżentant se jkun responsabbli mill-obbligi imposti fuq ix-xerrejja tal-kreditu skont id-Direttiva.
L-Artikolu 18 jistabbilixxi r-regoli dwar l-infurzar dirett ta’ kuntratt ta’ kreditu mix-xerrej tal-kreditu u dwar l-obbligi ta’ informazzjoni stabbiliti fuq ix-xerrejja tal-kreditu u fuq l-awtoritajiet kompetenti.
L-Artikolu 19 jintroduċi obbligi ta’ informazzjoni tax-xerrej f’każ li x-xerrej jittrasferixxi l-kuntratt ta’ kreditu.
It-Titolu IV ikopri s-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti.
L-Artikolu 20 jistabbilixxi obbligi ta’ konformità kontinwa mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva u l-ħatra ta’ awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-twettiq tal-funzjonijiet u tad-dmirijiet stabbiliti mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw id-Direttiva.
L-Artikolu 21 jiddeskrivi l-poteri superviżorji tal-awtoritajiet kompetenti filwaqt li l-Artikolu 22 jipprevedi regoli dwar penali amministrattivi u dwar miżuri ta’ rimedju.
It-Titolu V jistabbilixxi qafas dwar l-eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral, li huwa strument miftiehem bejn il-kreditur garantit u l-mutwatarju kummerċjali fuq bażi volontarja u li l-kreditur garantit jista’ jeżerċita ladarba jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 23.
L-Artikolu 24 jesiġi li l-Istati Membri jkollhom mill-inqas proċedura ta’ eżekuzzjoni waħda li tista’ tintuża għall-iskop tal-mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral stabbilit f’din il-proposta. L-Istati Membri jistgħu jagħżlu bejn irkant pubbliku u proċeduri ta’ bejgħ privat li jintużaw komunement biex jirrealizzaw il-kollateral. Fejn il-liġi nazzjonali tistabbilixxi l-approprjazzjoni tal-proċedura tal-assi, dik il-proċedura tista’ tintuża wkoll għall-iskop ta’ din il-proċedura ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral. L-Istati Membri għandhom id-diskrezzjoni li jiddeċiedu dwar it-tip ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni li għandha tkun disponibbli għall-kredituri, minħabba d-diversi rabtiet tal-eżekuzzjoni tal-kollateral ma’ liġijiet privati u pubbliċi, u b’mod partikolari, skont it-tip ta’ dritt ta’ titolu ta’ sigurtà li jintuża biex jiġi żgurat il-kollateral.
L-Artikolu 28 jagħti lil mutwatarju d-dritt li jikkontesta l-użu ta’ din il-proċedura ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral quddiem il-qrati nazzjonali.
Sabiex jiġi protett il-mutwatarju, l-Artikolu 29 jirrikjedi li l-kreditur iħallas lill-mutwatarju kummerċjali, f’każ ta’ ammont eċċessiv irkuprat permezz ta’ din il-proċedura ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral apparagun mad-dejn pendenti, kwalunkwe differenza pożittiva bejn is-somma pendenti tal-kuntratt ta’ kreditu garantit u l-profitt iġġenerat mill-bejgħ tal-assi (wara rkant pubbliku jew bejgħ privat). F’każ ta’ approprjazzjoni, ikun xieraq li l-kreditur ikun meħtieġ iħallas lill-mutwatarju kwalunkwe differenza pożittiva bejn is-somma pendenti tal-kuntratt ta’ kreditu garantit u l-valwazzjoni tal-assi.
L-Artikolu 32 għandu l-għan li jiżgura l-konsistenza sħiħa u l-komplementarjetà ta’ din il-proċedura ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral mal-proċessi ta’ qabel l-insolvenza jew tal-insolvenza mibdija skont il-liġijiet tal-Istati Membri. L-Artikolu 32 jimmira wkoll li jiżgura l-konsistenza sħiħa u l-komplementarjetà ta’ din il-proċedura ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral mal-Proposta għar-Ristrutturar billi jiddikjara li l-kredituri, inklużi kredituri garantiti ta’ kumpanija jew intraprendituri li jkunu soġġetti għal proċeduri ta’ ristrutturar, huma soġġetti għas-sospensjoni tal-azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni individwali.
L-Artikolu 33 jirrikjedi li l-Istati Membri u, f’każ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, is-superviżuri tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jiġbru, fuq bażi annwali, data dwar l-għadd ta’ self garantit li jiġu infurzati bi proċeduri extraġudizzjarji, dwar l-iskedi ta’ żmien u dwar il-valur tar-rati tal-irkupru, u li dawn jgħaddu din id-data lill-Kummissjoni kull sena.
It-Titolu VI jipprevedi fl-Artikolu 34 salvagwardji speċifiċi għall-konsumaturi f’każ li ssir modifika fil-kuntratt ta’ kreditu u fl-Artikolu 35 jipprevedi l-ġestjoni tal-ilmenti li jsiru kemm mis-servizzjant tal-kreditu kif ukoll mill-awtoritajiet kompetenti.
L-Artikolu 36 jafferma mill-ġdid l-osservanza tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali.
L-Artikolu 37 jipprevedi obbligu ta’ kooperazzjoni amministrattiva ġenerali bejn l-awtoritajiet kompetenti.
It-Titolu VII fih fl-Artikolu 38 emenda għad-Direttiva dwar il-Kreditu Ipotekarju sabiex tipprevedi li, f’każ ta’ trasferiment ta’ kreditu lil konsumatur kopert minn dik id-Direttiva, il-konsumatur għandu jkun intitolat li jeċċepixxi kontra x-xerrej tal-kreditu kwalunkwe difiża li kienet disponibbli għalih kontra l-kreditur oriġinali u obbligu li jiġi infurmat il-konsumatur.
It-Titolu VIII fih dispożizzjonijiet finali dwar it-twaqqif ta’ Kumitat biex jassisti lill-Kummissjoni, il-valutazzjoni, id-data tal-iskadenza tat-traspożizzjoni, id-dħul fis-seħħ u d-destinatarji
2018/0063 (COD)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL
dwar is-servizzjanti tal-kreditu, ix-xerrejja tal-kreditu u l-irkupru tal-kollateral
(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)
IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 53 u l-Artikolu 114 tiegħu,
Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,
Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,
Billi:
(1)It-twaqqif ta’ strateġija komprensiva biex tiġi indirizzata l-kwistjoni tas-self improduttiv (NPLs) hija prijorità għall-Unjoni. Filwaqt li r-responsabbiltà ewlenija biex jiġu ttrattati l-livelli għoljin ta’ NPLs tibqa’ tal-banek u tal-Istati Membri, hemm ukoll dimensjoni ċara tal-UE biex jitnaqqsu l-ħażniet attwali ta’ NPLs, kif ukoll biex tiġi evitata kwalunkwe akkumulazzjoni eċċessiva ta’ NPLs fil-ġejjieni. Minħabba l-interkonnettività tas-sistemi bankarji u finanzjarji madwar l-Unjoni fejn l-istituzzjonijiet ta’ kreditu joperaw f’diversi ġurisdizzjonijiet u Stati Membri, hemm potenzjal sinifikanti għal effetti konsegwenzjali bejn l-Istati Membri u l-Unjoni inġenerali, kemm f’termini ta’ tkabbir ekonomiku u kemm f’termini ta’ stabbiltà finanzjarja.
(2)Sistema finanzjarja integrata żżid ir-reżiljenza tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja għal xokkijiet negattivi billi tiffaċilita l-kondiviżjoni tar-riskju privat bejn il-fruntieri, filwaqt li fl-istess waqt tnaqqas il-ħtieġa ta’ kondiviżjoni pubblika tar-riskji. Sabiex jinkisbu dawn l-objettivi, l-Unjoni trid tlesti l-Unjoni Bankarja u tiżviluppa b’mod ulterjuri l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU). L-indirizzar ta’ ħażniet għolja ta’ NPLs u tal-akkumulazzjoni possibbli tagħhom fil-ġejjieni huwa essenzjali biex titlesta l-Unjoni Bankarja peress li dan huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-kompetizzjoni fis-settur bankarju, u b’hekk tinżamm l-istabbiltà finanzjarja u jitħeġġeġ is-self sabiex jinħolqu l-impjiegi u t-tkabbir fl-Unjoni.
(3)F’Lulju 2017, fil-“Pjan ta’ Azzjoni biex jiġi Indirizzat is-Self Improduttiv fl-Ewropa” l-Kunsill stieden lil diversi istituzzjonijiet sabiex jieħdu miżuri xierqa biex ikomplu jindirizzaw l-għadd għoli ta’ NPLs fl-Unjoni. Il-Pjan ta’ Azzjoni jistabbilixxi approċċ komprensiv li jiffoka fuq taħlita ta’ azzjonijiet kumplimentari ta’ politika f’erba’ oqsma: (i) is-superviżjoni u r-regolamentazzjoni bankarja (ii) ir-riforma tal-oqfsa tar-ristrutturar, tal-insolvenza u tal-irkupru tad-dejn, (iii) l-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għal assi f’diffikultà, u (iv) t-trawwim tar-ristrutturar tas-sistema bankarja. L-azzjonijiet f’dawn l-oqsma għandhom jittieħdu fil-livell nazzjonali u fil-livell tal-Unjoni fejn ikun xieraq. Il-Kummissjoni ħabbret intenzjoni simili fil-“Komunikazzjoni dwar l-ikkompletar tal-Unjoni Bankarja” tal-11 ta’ Ottubru 2017, li sejħet għal pakkett komprensiv dwar it-trattar tal-NPLs fl-Unjoni.
(4)Din id-Direttiva, flimkien ma’ miżuri oħra li qiegħda tressaq il-Kummissjoni, kif ukoll l-azzjoni meħuda mill-BĊE fil-kuntest tas-superviżjoni bankarja taħt il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU) u mill-Awtorità Bankarja Ewropea se joħolqu l-ambjent li jixraq għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jittrattaw l-NPLs li għandhom fuq il-karti tal-bilanċ tagħhom, u se jnaqqsu r-riskju tal-akkumulazzjoni ta’ NPLs fil-ġejjieni.
(5)L-istituzzjonijiet ta’ kreditu se jkunu meħtieġa jwarrbu riżorsi suffiċjenti meta s-self ġdid li jingħata jsir improduttiv, li suppost se jwasslu biex jinħolqu inċentivi xierqa biex jiġu indirizzati l-NPLs fi stadju bikri u se jipprevjenu akkumulazzjoni eċċessiva tagħhom. Jekk is-self isir improduttiv, mekkaniżmi ta’ eżekuzzjoni aktar effiċjenti għal self garantit se jippermettu lill-banek jindirizzaw l-NPLs, b’mod li jkunu soġġetti għal salvagwardji xierqa għall-mutwatarji. Madankollu, jekk il-ħażniet tal-NPLs isiru għoljin wisq – kif inhu bħalissa l-każ ta’ xi banek u xi Stati Membri – l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jenħtieġ li jkunu jistgħu jbigħuhom lil operaturi oħra fi swieq sekondarji effiċjenti, kompetittivi u trasparenti. F’dan se jiggwidawhom l-awtoritajiet kompetenti tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, abbażi tal-poteri eżistenti speċifiċi tagħhom, l-hekk imsejħa poteri tal-Pilastru 2, skont ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (CRR). Fil-każijiet li fihom l-NPLs isiru problema sinifikanti u wiesgħa, l-Istati Membri jistabbilixxu kumpaniji maniġerjali tal-assi nazzjonali jew miżuri alternattivi oħrajn fil-qafas tar-regoli attwali dwar l-għajnuna mill-istat u r-riżoluzzjoni bankarja.
(6)Din id-Direttiva għandha tippermetti li l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jittrattaw aħjar is-self ladarba dawn isiru improduttivi, billi ttejjeb l-kundizzjonijiet li taħthom jinfurzaw il-kollateral użat biex jiġi garantit il-kreditu jew biex ibigħu l-kreditu lil partijiet terzi. L-introduzzjoni tal-eżekuzzjoni aċċellerata tal-kollateral bħala mekkaniżmu rapidu għall-irkupru tal-valur tal-kollateral għandha tnaqqas l-ispejjeż għar-riżoluzzjoni tal-NPLs u għalhekk tappoġġja kemm lill-istituzzjonijiet ta’ kreditu kif ukoll lix-xerrejja tal-NPLs fl-irkupru tal-valur. Barra minn hekk, meta l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jaffaċċjaw akkumulazzjoni kbira ta’ NPLs u ma jkollhomx persunal jew kompetenzi esperti biżżejjed għas-servizzjar kif suppost tagħhom, soluzzjoni vijabbli minnhom tkun li jew jiġi esternalizzat is-servizzjar ta’ dan is-self lil servizzjant speċjalizzat fis-servizzi tal-kreditu jew li l-kuntratt ta’ kreditu jiġi trasferit lil xerrej tal-kreditu li jkollu l-predispożizzjoni għar-riskju u l-kompetenza meħtieġa biex jimmaniġġjah.
(7)Iż-żewġ soluzzjonijiet li jistgħu jagħżlu l-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jittrattaw l-NPLs previsti minn din id-Direttiva jsaħħu lil xulxin. It-tnaqqis fiż-żmien li tieħu l-eżekuzzjoni u ż-żieda fir-rati tal-irkupru, kif mistenni bl-eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral, iżidu l-valur ta’ NPL. Min-naħa tiegħu dan iżid il-prezzijiet tal-offerti fit-tranżazzjonijiet tal-NPLs. Effett ieħor se jkun li l-bejgħ tal-NPLs isir inqas ikkumplikat jekk is-self ikun ikkollateralizzat. Ir-raġuni għal dan hija li l-iffissar tal-prezz ikun aktar sempliċi għal NPL ikkollateralizzat milli għal wieħed mhux garantit fi tranżazzjoni tas-suq sekondarju, għaliex il-valur tal-kollateral jistabbilixxi valur minimu ta’ NPL. B’suq sekondarju għall-NPLs li jkun aktar likwidu u jiffunzjona aħjar, fejn l-investituri juru interess akbar għall-NPLs li jinkorporaw il-karatteristika tal-eżekuzzjoni aċċellerata, ikun hemm inċentivi addizzjonali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jużaw l-eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral fiż-żmien tal-ħruġ tas-self il-ġdid. Barra minn hekk, l-armonizzazzjoni miksuba b’din id-Direttiva trawwem l-iżvilupp ta’ investituri fl-NPLs f’livell pan-Unjoni, u b’hekk ittejjeb aktar il-likwidità tas-suq.
(8)Filwaqt li t-termini “self” u “banek” jintużaw b’mod komuni fid-dibattitu pubbliku, minn hawn ’il quddiem se jintużaw it-termini legali aktar preċiżi “kreditu” jew “kuntratti ta’ kreditu” u “istituzzjoni ta’ kreditu”. Barra minn hekk, sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, it-termini “bank” u “istituzzjoni ta’ kreditu” jkopru wkoll lis-sussidjarji tagħhom.
(9)Jenħtieġ li din id-Direttiva trawwem l-iżvilupp ta’ swieq sekondarji għall-NPLs fl-Unjoni billi tneħħi l-impedimenti għat-trasferiment ta’ NPLs minn istituzzjonijiet ta’ kreditu lil istituzzjonijiet mhux ta’ kreditu, filwaqt li tissalvagwardja d-drittijiet tal-konsumaturi. Kwalunkwe miżura proposta jenħtieġ ukoll li tissimplifika u tarmonizza r-rekwiżiti tal-awtorizzazzjoni għas-servizzjanti tal-kreditu. Din id-Direttiva jenħtieġ għalhekk li tistabbilixxi qafas għall-Unjoni kollha kemm għax-xerrejja kif ukoll għas-servizzjanti ta’ kuntratti ta’ kreditu maħruġa minn istituzzjonijiet ta’ kreditu.
(10)Madankollu, bħalissa x-xerrejja tal-kreditu u s-servizzjanti tal-kreditu ma jistgħux jiksbu l-benefiċċji tas-suq intern minħabba l-ostakli maħluqa minn leġiżlazzjonijiet nazzjonali diverġenti fin-nuqqas ta’ reġim regolatorju u superviżorju ddedikat u koerenti. L-Istati Membri għandhom regoli differenti ħafna dwar kif istituzzjonijiet mhux ta’ kreditu jistgħu jidħlu f’kuntratt ta’ kreditu minn istituzzjonijiet ta’ kreditu. Istituzzjonijiet li mhux ta’ kreditu li jixtru kreditu maħruġ minn istituzzjonijiet ta’ kreditu mhumiex irregolati f’xi Stati Membri, filwaqt li f’oħrajn dawn huma soġġetti għal diversi rekwiżiti, li xi drabi jinvolvu r-rekwiżit li tinkiseb awtorizzazzjoni minn istituzzjoni ta’ kreditu. Dawn id-differenzi fir-rekwiżiti regolatorji rriżultaw f’ostakli konsiderevoli għax-xiri legali ta’ kreditu f’kuntest transfruntiera fl-Unjoni, prinċipalment billi żiedu l-kostijiet tal-konformità li jiġu ffaċċjati fix-xiri ta’ portafolli ta’ kreditu. B’riżultat ta’ dan, ix-xerrejja ta’ kreditu joperaw biss f’għadd limitat ta’ Stati Membri, u dan irriżulta f’kompetizzjoni baxxa fis-suq intern minħabba li l-għadd ta’ xerrejja tal-kreditu interessati baqa’ baxx. Dan wassal għal suq sekondarju ineffiċjenti għall-NPLs. Barra minn hekk, is-swieq essenzjalment nazzjonali għall-NPLs għandhom it-tendenza li jibqgħu ta’ volum żgħir.
(11)Il-parteċipazzjoni limitata minn istituzzjonijiet mhux ta’ kreditu rriżultat f’domanda baxxa, f’kompetizzjoni dgħajfa u fi prezzijiet baxxi għall-portafolli ta’ kuntratti ta’ kreditu fi swieq sekondarji, u dan huwa diżinċentiv għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex ibigħu l-kuntratti ta’ kreditu improduttivi. Għalhekk, hemm dimensjoni ċara tal-Unjoni għall-iżvilupp ta’ swieq għal krediti mogħtija minn istituzzjonijiet ta’ kreditu u mibjugħa lil istituzzjonijiet mhux ta’ kreditu. Min-naħa waħda, jenħtieġ li jkun possibbli għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jbigħu kuntratti ta’ kreditu improduttivi jew saħansitra li jidħlu f’kuntratti ta’ kreditu fuq l-iskala tal-Unjoni fi swieq sekondarji effiċjenti, kompetittivi u trasparenti. Min-naħa l-oħra, it-tlestija tal-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali tagħmilha neċessarja li tittieħed azzjoni sabiex tiġi evitata l-akkumulazzjoni ta’ kuntratti ta’ kreditu improduttivi fuq il-karti tal-bilanċ tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu sabiex dawn ikunu jistgħu jkomplu jaqdu r-rwol tagħhom fil-finanzjament tal-ekonomija.
(12)Jenħtieġ li l-kredituri jkunu jistgħu jinfurzaw kuntratt ta’ kreditu u jirkupraw l-ammonti dovuti huma stess jew li jkunu jistgħu jafdaw tali rkupru lil persuna oħra li toffri dawn is-servizzi fuq bażi professjonali, jiġifieri s-servizzjanti tal-kreditu. Bl-istess mod, ix-xerrejja ta’ kreditu minn istituzzjonijiet ta’ kreditu ħafna drabi jużaw is-servizzi ta’ servizzjanti tal-kreditu sabiex jirkupraw l-ammonti dovuti lilhom u intant l-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu għadhom mhumiex soġġetti għal qafas tal-Unjoni.
(13)Ċerti Stati Membri jirregolaw l-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu, iżda bi gradi differenti. L-ewwel nett, ftit Stati Membri biss jirregolaw dawn l-attivitajiet, u dawk li jagħmlu dan jiddefinixxuhom b’mod differenti ħafna. Iż-żieda fil-kostijiet ta’ konformità regolatorja tirrappreżenta ostaklu għall-iżvilupp ta’ strateġiji ta’ espansjoni permezz ta’ stabbiliment sekondarju jew tal-forniment ta’ servizzi b’mod transfruntiera. It-tieni nett, għadd kunsiderevoli ta’ Stati Membri jeħtieġ awtorizzazzjonijiet għal xi wħud mill-attivitajiet li huma involuti fihom is-servizzjanti tal-kreditu. Dawn l-awtorizzazzjonijiet jimponu rekwiżiti differenti u ma jipprovdux għal possibbiltajiet ta’ espansjoni transfruntiera, u mill-ġdid dan jirrappreżenta ostaklu għall-forniment ta’ servizzi b’mod transfruntiera. Fl-aħħar nett, f’xi każijiet, l-istabbiliment lokali huwa meħtieġ bil-liġi, u dan ixekkel l-eżerċitar tal-libertà fundamentali ta’ forniment ta’ servizzi b’mod transfruntiera.
(14)Filwaqt li s-servizzjanti ta’ kreditu jistgħu joffru s-servizzi tagħhom lil istituzzjonijiet ta’ kreditu u lil xerrejja ta’ kreditu li mhumiex istituzzjonijiet ta’ kreditu, suq kompetittiv u integrat għas-servizzjanti tal-kreditu huwa marbut mal-iżvilupp ta’ suq kompetittiv u integrat għax-xerrejja tal-kreditu. Peress li x-xerrejja tal-kreditu spiss ma jkollhomx il-kapaċità li jimmaniġġjaw il-kreditu huma stess, huma jistgħu ma jkunux f’qagħda li jixtru kreditu minn istituzzjonijiet ta’ kreditu, jekk ma jkunux jistgħux jesternalizzaw is-servizzjar tal-kreditu lil entitajiet oħra.
(15)In-nuqqas ta’ pressjoni kompetittiva fis-suq tax-xiri tal-kreditu u fis-suq tal-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu jwassal biex ditti tas-servizzjar tal-kreditu jimponu fuq ix-xerrejja tal-kreditu tariffi għoljin għas-servizzi tagħhom, u dan iwassal għal prezzijiet baxxi fi swieq sekondarji tal-kreditu. Dan inaqqas l-inċentivi għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jiskarikaw il-ħażna għolja tagħhom ta’ NPLs.
(16)Għalhekk, jenħtieġ tittieħed azzjoni fil-livell tal-Unjoni biex tiġi indirizzata l-qagħda tax-xerrejja tal-kreditu u tas-servizzjanti tal-kreditu fir-rigward ta’ kreditu oriġinarjament mogħti minn istituzzjonijiet ta’ kreditu. Mhuwiex propost li jiġi kopert kreditu oriġinarjament maħruġ minn istituzzjonijiet mhux ta’ kreditu jew il-ġbir tad-dejn b’mod ġenerali f’dan l-istadju, minħabba li ma hemm ebda evidenza ta’ rilevanza makroekonomika, ta’ inċentivi allinjati ħażin jew ta’ swieq li jiffunzjonaw ħażin li tiġġustifika estensjoni bħal din fil-kamp ta’ applikazzjoni.
(17)Għalkemm l-għan ta’ din id-Direttiva huwa li ssaħħaħ il-kapaċità tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu li jittrattaw kreditu li jkun sar improduttiv jew li jkun f’riskju li jsir improduttiv, is-suq sekondarju tal-kreditu jkopri kemm krediti produttivi u kemm krediti improduttivi. Il-bejgħ fis-suq attwali jinkludi l-portafolli ta’ kreditu, li jikkonsisti f’taħlita ta’ kreditu produttiv, kreditu li mhux produttiv biżżejjed u kreditu improduttiv. Il-portafolli jinkludu kreditu garantit kif ukoll mhux garantit li jkun dovut lill-konsumaturi jew lin-negozji. Fejn ir-regoli tal-eżekuzzjoni tal-kreditu kienu differenti għal kull tip ta’ kreditu jew mutwatarju, se jkun hemm kostijiet addizzjonali għat-tfassil tal-pakkett ta’ dawk il-portafolli ta’ kreditu għall-bejgħ. Id-dispożizzjonijiet f’din id-Direttiva li jittrattaw l-iżvilupp tas-suq sekondarju jkopru l-kreditu produttiv u l-kreditu improduttiv biex jevitaw sitwazzjoni fejn dawn l-ispejjeż addizzjonali jiskoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-investituri u jifframmentaw lil dan is-suq emerġenti. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu se jibbenefikaw mill-fatt li se jkollhom quddiemhom bażi akbar ta’ investituri u servizzjanti ta’ kreditu aktar effiċjenti. Benefiċċji simili se jakkumulaw għal kumpaniji maniġerjali tal-assi li huma strumentali f’xi Stati Membri fil-kummerċjalizzazzjoni ta’ krediti improduttivi u produttivi li joriġinaw minn istituzzjonijiet ta’ kreditu li jkunu ġew solvuti jew ristrutturati jew inkella li jkunu skarikawhom mill-karti tal-bilanċ tagħhom.
(18)L-importanza mogħtija mil-leġiżlatur tal-Unjoni dwar il-protezzjoni pprovduta lill-konsumaturi fid-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fid-Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u fid-Direttiva 93/13/KEE tal-Kunsill tfisser li ċ-ċessjoni tad-drittijiet tal-kreditur taħt kuntratt ta’ kreditu jew tal-kuntratt innifsu lil xerrej ta’ kreditu ma għandhiex taffettwa b’xi mod jew ieħor il-livell ta’ protezzjoni mogħti mil-liġi tal-Unjoni lill-konsumaturi. Ix-xerrejja tal-kreditu u s-servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ għalhekk li jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni kif applikabbli għall-kuntratt ta’ kreditu inizjali, u l-konsumatur jenħtieġ li jibqa’ jgawdi mill-istess livell ta’ protezzjoni kif ipprovdut mil-liġi tal-Unjoni jew kif iddeterminat mir-regoli tal-Unjoni jew nazzjonali rigward il-konflitt tal-liġijiet, irrispettivament mil-liġi applikabbli għax-xerrej tal-kreditu jew għas-servizzjant tal-kreditu.
(19)Din id-Direttiva jenħtieġ li ma taffettwax atti tal-liġi tal-Unjoni rigward il-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji ċivili, notevolment lid-dispożizzjonijiet dwar il-liġi applikabbli għal obbligi kuntrattwali u dwar il-ġurisdizzjoni, inkluża l-applikazzjoni ta’ dawk l-atti u dispożizzjonijiet f’każijiet individwali skont ir-Regolament (KE) Nru 593/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (UE) 1215/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Il-kredituri kollha u kull persuna li tirrappreżentahom huma obbligati li jirrispettaw dawk l-atti tal-liġi tal-Unjoni fit-trattattivi tagħhom mal-konsumatur u mal-awtoritajiet nazzjonali biex jiġi żgurat li d-drittijiet tal-konsumatur ikunu protetti.
(20)Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumatur, il-liġi tal-Unjoni u dik nazzjonali jipprevedu għadd ta’ drittijiet u salvagwardji marbuta mal-kuntratti ta’ kreditu mwiegħda jew mogħtija lill-konsumaturi. Dawk id-drittijiet u salvagwardji japplikaw b’mod partikolari għan-negozjar u għall-konklużjoni tal-kuntratt ta’ kreditu u għall-produttività jew għall-inadempjenza tiegħu. Dan huwa notevolment il-każ fir-rigward ta’ kuntratti ta’ kreditu tal-konsumatur fit-tul li jaqgħu taħt id-Direttiva 2014/17/UE, fir-rigward tad-dritt tal-konsumatur li jeħles bis-sħiħ jew b’mod parzjali mill-obbligi tiegħu taħt kuntratt ta’ kreditu qabel l-iskadenza ta’ dak il-kuntratt jew li jkun infurmat permezz tal-Fuljett Ewropew ta’ Informazzjoni Standardizzata, fejn ikun applikabbli, dwar it-trasferiment possibbli tal-kuntratt ta’ kreditu lil xerrej ta’ kreditu. Id-drittijiet tal-mutwatarji ma għandhomx jinbidlu lanqas jekk it-trasferiment tal-kuntratt ta’ kreditu bejn istituzzjoni ta’ kreditu u xerrej ta’ kreditu jieħu l-forma ta’ kuntratt ta’ novazzjoni.
(21)Barra minn hekk, din id-Direttiva ma tnaqqasx il-kamp ta’ applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-konsumatur, u sal-punt sa fejn ix-xerrejja tal-kreditu jikkwalifikaw bħala kredituri skont id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2014/17/UE u tad-Direttiva 2008/48/KE, dawn jenħtieġ li jkunu soġġetti għal obbligi speċifiċi stabbiliti mill-Artikolu 35 tad-Direttiva 2014/17/UE jew mill-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/48/KE, rispettivament.
(22)L-istituzzjonijiet tal-kreditu tal-Unjoni u s-sussidjarji tagħhom iwettqu attivitajiet ta’ servizzjar ta’ kreditu bħala parti min-negozju normali tagħhom. Dawn għandhom l-istess obbligi fir-rigward tal-kreditu li jkunu ħarġu huma stess u tal-kreditu li jkunu xtraw minn istituzzjoni ta’ kreditu oħra. Peress li huma diġà rregolati u ssir superviżjoni tagħhom, l-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva għall-attivitajiet tagħhom ta’ servizzjar jew ta’ xiri ta’ kreditu tkun tfisser duplikazzjoni mhux meħtieġa tal-kostijiet tal-awtorizzazzjoni u tal-konformità u għalhekk dawn mhumiex koperti b’din id-Direttiva.
(23)Sabiex ix-xerrejja u s-servizzjanti tal-kreditu eżistenti jitħallew jadattaw ruħhom għar-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jimplimentaw din id-Direttiva u, b’mod partikolari, biex is-servizzjanti ta’ kreditu jitħallew jiġu awtorizzati, din id-Direttiva se tapplika biss għal trasferimenti ta’ kuntratti ta’ kreditu li jsiru sitt xhur wara tmiem l-iskadenza tat-traspożizzjoni.
(24)L-awtorizzazzjoni ta’ servizzjant tal-kreditu biex iwettaq attivitajiet ta’ servizzjar ta’ kreditu fl-Unjoni kollha jenħtieġ li tkun soġġetta għal sett uniformi u armonizzat ta’ kundizzjonijiet li jenħtieġ li jiġu applikati b’mod proporzjonat mill-awtoritajiet kompetenti. Sabiex jiġi evitat tnaqqis fil-protezzjoni tad-debitur jew tal-mutwatarju u sabiex tiġi promossa l-fiduċja, il-kundizzjonijiet għall-għoti u għaż-żamma ta’ awtorizzazzjoni bħala servizzjant tal-kreditu jenħtieġ li jiżguraw li s-servizzjanti tal-kreditu, il-persuni li jkollhom parteċipazzjoni kwalifikanti fid-ditta tas-servizzjant tal-kreditu jew li jkunu parti mill-ġestjoni tal-fornitur tas-servizz, ikollhom kondotta tal-pulizija nadifa fir-rigward ta’ reati kriminali serji relatati ma’ reati kontra l-proprjetà, ma’ reati relatati ma’ attivitajiet finanzjarji jew ma’ reati kontra l-integrità fiżika, u jenħtieġ li jiżguraw ukoll li dawn ikollhom reputazzjoni tajba. Bl-istess mod, dawn il-persuni kif ukoll is-servizzjant tal-kreditu jenħtieġ li ma jkunux soġġetti għal proċeduri ta’ insolvenza jew li ma jkunux ġew iddikjarati falluti fl-imgħoddi, sakemm ma jkunux ġew stabbiliti mill-ġdid skont il-liġi nazzjonali. Fl-aħħar nett, sabiex tiġi żgurata l-konformità mal-protezzjoni tad-debitur kif ukoll mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali, jenħtieġ li jkun hemm ir-rekwiżit li jiġu stabbiliti arranġamenti ta’ governanza u mekkaniżmi ta’ kontroll intern adegwati u r-reġistrazzjoni u t-trattament tal-ilmenti u li dawn ikunu soġġetti għal superviżjoni. Barra minn hekk, is-servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ li jkunu obbligati li jaġixxu b’mod ġust u bil-kunsiderazzjoni dovuta għas-sitwazzjoni finanzjarja tal-mutwatarji. Fejn servizzi ta’ konsulenza dwar id-dejn li jiffaċilitaw ir-ripagament tad-dejn ikunu disponibbli fil-livell nazzjonali, is-servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ li jikkunsidraw li jirreferu lill-mutwatarji għand servizzi bħal dawn.
(25)Sabiex jiġu evitati proċeduri twal u inċertezzi, jenħtieġ li jiġu stabbiliti rekwiżiti rigward l-informazzjoni li l-applikanti se jintalbu jressqu, kif ukoll skadenzi raġonevoli għall-ħruġ ta’ awtorizzazzjoni u ċ-ċirkostanzi li fihom l-awtorizzazzjoni tista’ tiġi rtirata. Meta l-awtoritajiet jirtiraw awtorizzazzjoni ta’ servizzjant tal-kreditu li jwettaq attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fi Stati Membri oħra, l-awtoritajiet kompetenti fl-Istat Membru ospitanti jenħtieġ li jkunu infurmati. Bl-istess mod, jenħtieġ li jiġi stabbilit reġistru pubbliku onlajn aġġornat f’kull Stat Membru sabiex tiġi żgurata t-trasparenza fir-rigward tan-numru u tal-identità tas-servizzjanti tal-kreditu awtorizzati.
(26)Jenħtieġ li jiġi stabbilit li s-servizzjanti tal-kreditu jkunu responsabbli milli jiżguraw li meta jesternalizzaw l-attivitajiet tagħhom lil fornituri ta’ servizzi tal-kreditu, dan ma jirriżultax f’riskju operattiv mhux xieraq jew fin-nuqqas ta’ konformità mill-fornitur tas-servizz tal-kreditu ma’ kwalunkwe rekwiżit legali nazzjonali jew tal-Unjoni u lanqas jirrestrinġi l-kapaċità tas-superviżur regolatorju li jwettaq dmiru u jissalvagwardja d-drittijiet tal-mutwatarji.
(27)Ġaladarba meta kreditur jafda l-ġestjoni u l-eżekuzzjoni ta’ kuntratt ta’ kreditu f’idejn parti terza, il-kreditur jiddelega d-drittijiet u d-dmirijiet tiegħu kif ukoll il-kuntatt dirett tiegħu mal-mutwatarju lis-servizzjant tal-kreditu filwaqt li fl-aħħar mill-aħħar xorta jibqa’ responsabbli, ir-relazzjoni bejn kreditur u s-servizzjant tal-kreditu jenħtieġ li tiġi stabbilita b’mod ċar u bil-miktub u jenħtieġ li jkun possibbli li l-awtoritajiet kompetenti jivverifikaw kif tiġi determinata tali relazzjoni.
(28)Sabiex jiġi żgurat id-dritt ta’ servizzjant tal-kreditu li jinvolvi ruħu f’attivitajiet transfruntiera u li jipprovdi għas-superviżjoni tagħhom, din id-Direttiva tistabbilixxi proċedura għall-eżerċitar tad-dritt ta’ servizzjant tal-kreditu awtorizzat li jinvolvi ruħu f’attività transfruntiera. Il-komunikazzjoni bejn l-awtoritajiet fl-Istati Membri tad-domiċilju u ospitanti kif ukoll mas-servizzjant tal-kreditu jenħtieġ li ssir fi skadenzi raġonevoli.
(29)Sabiex issir superviżjoni effettiva u effiċjenti fuq is-servizzjanti tal-kreditu transfruntiera, jenħtieġ li jinħoloq qafas speċifiku għall-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti tad-domiċilju u dawk ospitanti. Dan il-qafas jenħtieġ li jippermetti li jsiru l-iskambji tal-informazzjoni filwaqt li jippreserva l-kunfidenzjalità tagħha, l-ispezzjonijiet fuq il-post u mhux fuq il-post, il-provvediment ta’ assistenza u n-notifika tar-riżultati tal-kontrolli u tal-ispezzjonijiet u ta’ kwalunkwe miżura meħuda.
(30)Prerekwiżit importanti għall-bidu tar-rwol minn xerrejja ta’ kreditu u servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ li jkun li dawn ikunu jistgħu jaċċessaw l-informazzjoni rilevanti kollha u l-Istat Membru jenħtieġ li jiżgura li dan ikun possibbli, filwaqt li jirrispetta r-regoli tal-Unjoni u nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data.
(31)Meta istituzzjoni ta’ kreditu tittrasferixxi kuntratt ta’ kreditu, din jenħtieġ li tkun meħtieġa tinforma lis-superviżur u lill-awtorità kompetenti fis-sorveljanza tal-konformità ma’ din id-Direttiva dwar il-karatteristiċi ewlenin tal-portafoll ta’ kreditu ttrasferit u dwar l-identità tax-xerrej u, fejn ikun applikabbli, dwar l-identità tar-rappreżentant tiegħu fl-Unjoni. Dik l-awtorità kompetenti jenħtieġ li tkun obbligata li tgħaddi dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġu ssorveljati x-xerrej tal-kreditu u l-awtorità kompetenti fejn il-mutwatarju jkun stabbilit. Tali rekwiżiti ta’ trasparenza jippermettu li jsir monitoraġġ armonizzat u effettiv fuq it-trasferiment ta’ kuntratti ta’ kreditu fi ħdan l-Unjoni.
(32)Bħala parti mill-Pjan ta’ Azzjoni tal-Kunsill, l-infrastruttura tad-data tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu se tiġi msaħħa permezz ta’ data uniformi u standardizzata dwar il-kuntratti ta’ kreditu improduttivi. L-Awtorità Bankarja Ewropea żviluppat mudelli tad-data li jipprovdu informazzjoni dwar skoperturi tal-kreditu fil-portafoll bankarju u jippermettu li x-xerrejja potenzjali jevalwaw il-valur tal-kuntratti ta’ kreditu u jwettqu d-diliġenza dovuta tagħhom. L-applikazzjoni ta’ mudelli bħal dawn għal kuntratti ta’ kreditu tnaqqas l-asimetriji fl-informazzjoni bejn xerrejja u bejjiegħa potenzjali ta’ kuntratti ta’ kreditu u, għalhekk, tikkontribwixxi favur l-iżvilupp ta’ suq sekondarju li jiffunzjona fl-Unjoni. L-EBA jenħtieġ għalhekk li tiżviluppa l-mudelli tad-data fl-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni u l-istituzzjonijiet ta’ kreditu jenħtieġ li jużaw dawk l-istandards sabiex tiġi ffaċilitata l-valutazzjoni tal-kuntratti ta’ kreditu għall-bejgħ.
(33)Peress li l-valutazzjoni ta’ portafoll ta’ kreditu improduttiv hija kkomplikata u komplessa, ix-xerrejja attwali fi swieq sekondarji huma investituri sofistikati. Ħafna drabi dawn ikunu fondi ta’ investiment, istituzzjonijiet finanzjarji jew istituzzjonijiet ta’ kreditu. Peress li mhumiex joħolqu kreditu ġdid iżda qed jixtru kreditu eżistenti b’riskju għalihom, dawn ma jikkawżawx tħassib prudenzjali u l-kontribut potenzjali tagħhom għal riskju sistemiku huwa negliġibbli. Għalhekk ma jkunx iġġustifikat li dawk it-tipi ta’ investituri jiġu meħtieġa li japplikaw għal awtorizzazzjoni jew li jiġu stabbiliti kundizzjonijiet speċjali għalihom biex iwettqu attivitajiet bħal dawn. Madankollu huwa importanti li r-regoli tal-Unjoni u nazzjonali dwar il-protezzjoni tal-konsumatur jibqgħu japplikaw u li d-drittijiet tal-mutwatarji jibqgħu jkunu dawk li jirriżultaw mill-kuntratt tal-kreditu inizjali.
(34)Ix-xerrejja ta’ kreditu minn pajjiżi terzi jistgħu jagħmluha iktar diffiċli li l-konsumatur tal-Unjoni jistrieħ fuq id-drittijiet tiegħu skont il-liġi tal-Unjoni u li l-awtoritajiet nazzjonali jissorveljaw l-infurzar tal-kuntratt ta’ kreditu. L-istituzzjonijiet ta’ kreditu jistgħu wkoll jiġu skoraġġuti milli jittrasferixxu tali kuntratti ta’ kreditu lil xerrejja ta’ kreditu minn pajjiżi terzi minħabba r-riskju reputazzjonali involut. L-impożizzjoni ta’ obbligu fuq ir-rappreżentanti tax-xerrejja minn pajjiżi terzi ta’ kreditu għall-konsumatur li jaħtru istituzzjoni ta’ kreditu jew servizzjant tal-kreditu awtorizzat fl-Unjoni għas-servizzjar tal-kuntratt ta’ kreditu tiżgura li jiġu ppreżervati l-istess standards tad-drittijiet tal-konsumaturi wara li jsir it-trasferiment tal-kuntratt ta’ kreditu. Is-servizzjant tal-kreditu huwa obbligat li jirrispetta l-liġijiet applikabbli tal-Unjoni u nazzjonali u l-awtoritajiet nazzjonali fl-Istati Membri individwali jenħtieġ li jingħataw il-poteri meħtieġa biex iwettqu superviżjoni tal-attività tiegħu b’mod effettiv.
(35)Ix-xerrejja tal-kreditu li jużaw is-servizzi ta’ servizzjanti tal-kreditu jew ta’ istituzzjonijiet tal-kreditu jenħtieġ li jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti b’dan sabiex jippermettu li dawn iwettqu s-superviżjoni tagħhom fir-rigward tal-kondotta tas-servizzjant tal-kreditu fir-rigward tal-mutwatarju. Ix-xerrejja tal-kreditu għandhom ukoll l-obbligu li jinfurmaw fil-ħin lill-awtoritajiet kompetenti inkarigati mis-superviżjoni tagħhom jekk jinvolvu istituzzjoni ta’ kreditu jew servizzjant tal-kreditu differenti.
(36)Ix-xerrejja tal-kreditu li jinfurzaw il-kuntratt ta’ kreditu mixtri b’mod dirett jenħtieġ li jagħmlu dan f’konformità mal-liġi applikabbli għall-kuntratt ta’ kreditu, inklużi r-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumatur applikabbli għall-mutwatarju. Regoli nazzjonali li jirrigwardaw b’mod partikolari l-infurzar tal-kuntratti, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-liġi kriminali se jkomplu japplikaw u l-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jiżguraw il-konformità tagħhom magħhom fit-territorju tal-Istati Membri.
(37)Sabiex jiġi ffaċilitat l-infurzar tal-obbligi stabbiliti fid-Direttiva, meta x-xerrej ta’ kreditu ma jkunx stabbilit fl-Unjoni, il-liġi nazzjonali li timplimenta din id-Direttiva jenħtieġ li tipprovdi, meta jiġi konkluż trasferiment ta’ kuntratt ta’ kreditu, li x-xerrej tal-kreditu minn pajjiż terz jaħtar rappreżentant stabbilit fl-Unjoni, bil-mandat li jiġi indirizzat mill-awtoritajiet kompetenti flimkien max-xerrej tal-kreditu jew inkella minfloku. Dan ir-rappreżentant ikun responsabbli mill-obbligi imposti fuq ix-xerrejja tal-kreditu skont din id-Direttiva.
(38)Bħalissa, hemm bosta awtoritajiet differenti li huma inkarigati mill-awtorizzazzjoni u mis-superviżjoni tas-servizzjanti tal-kreditu u tax-xerrejja tal-kreditu fl-Istati Membri, u għalhekk huwa essenzjali li l-Istati Membri jiċċaraw ir-rwol tagħhom u jallokaw poteri adegwati, speċjalment peress li dawn jaf ikollhom iwettqu superviżjoni tal-entitajiet involuti fil-forniment ta’ servizzi fi Stati Membri oħra. Sabiex tiġi żgurata superviżjoni effiċjenti u proporzjonata mal-Unjoni kollha, l-Istati Membri jenħtieġ li jagħtu l-poteri neċessarji lill-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu d-dmirijiet tagħhom skont din id-Direttiva, inklużi s-setgħa li tinkiseb l-informazzjoni meħtieġa, li jiġi investigat kull ksur possibbli, li jiġu ttrattati l-ilmenti tal-mutwatarji u li jiġu imposti sanzjonijiet u miżuri ta’ rimedju, inkluż l-irtirar tal-awtorizzazzjoni. Meta dawn is-sanzjonijiet jiġu applikati, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti japplikawhom b’mod proporzjonat u li jagħtu raġunijiet għad-deċiżjonijiet tagħhom, u li barra minn hekk dawk id-deċiżjonijiet jenħtieġ li jkunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju anke f’każijiet li fihom l-awtoritajiet kompetenti ma jaġixxux fil-limiti taż-żmien ipprovduti.
(39)Fil-“Pjan ta’ Azzjoni biex jiġi Indirizzat is-Self Improduttiv fl-Ewropa” tal-Kunsill, ġiet imnedija inizjattiva leġiżlattiva biex tissaħħaħ il-protezzjoni tal-kredituri garantiti billi ngħatawlhom metodi aktar effiċjenti ta’ rkupru tal-valur minn kreditu garantit permezz ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral.
(40)Mekkaniżmi rapidi u effiċjenti ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja li jippermettu lill-kredituri garantiti li jirkupraw il-valur mill-kollateral f’każ ta’ inadempjenza mill-mutwatarju mhumiex disponibbli f’xi Stati Membri, li jfisser li f’dawk l-Istati Membri l-kredituri garantiti jkunu jistgħu jwettqu eżekuzzjoni tal-kollateral fil-qorti biss, u dan jista’ jieħu ħafna żmien u jqum ħafna flus. Fejn disponibbli, il-kamp ta’ applikazzjoni u l-effiċjenza tal-proċeduri ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja jvarjaw minn Stat Membru għal ieħor. Għal dik ir-raġuni hemm bżonn li jiġi stabbilit mekkaniżmu komuni u distint li jkun disponibbli fl-Istati Membri kollha. Dak il-mekkaniżmu ma għandux, madankollu, jissostitwixxi miżuri ta’ eżekuzzjoni nazzjonali eżistenti inklużi dawk li ma jeħtiġux l-involviment tal-qrati.
(41)L-ineffiċjenza tal-proċeduri extraġudizzjarji ta’ eżekuzzjoni f’xi Stati Membri hija fattur importanti li jispjega r-rati ta’ rkupru baxxi f’każijiet ta’ inadempjenzi mill-mutwatarji kummerċjali fir-rigward ta’ kuntratti ta’ kreditu garantit. It-tul ta’ xi proċeduri eżistenti jinvolvi spejjeż addizzjonali għall-kredituri garantiti u telf fil-valur tal-assi pprovduti bħala kollateral. Fl-Istati Membri li għadhom ma stabbilewx proċeduri ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja għal diversi tipi ta’ kollateral, il-kredituri garantiti spiss jaffaċċjaw proċessi twal ta’ eżekuzzjoni ġudizzjarja.
(42)Il-proċeduri ta’ eżekuzzjoni eżistenti fi ħdan l-Unjoni xi drabi jirriżultaw f’nuqqas ta’ kundizzjonijiet ugwali għall-istituzzjonijiet u għall-kumpaniji ta’ kreditu mal-Unjoni kollha fir-rigward tal-aċċess għall-kreditu, b’mod partikolari l-SMEs li jiddependu mill-kreditu bankarju aktar minn kumpaniji akbar. Ir-rati mhux uniformi ta’ rkupru fl-Istati Membri jwasslu għal differenzi fid-disponibbiltà ta’ kreditu bankarju għall-SMEs, peress li l-kapaċità ta’ self tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu tonqos paripassu mal-akkumulazzjoni ta’ NPLs fuq il-karti tal-bilanċ tagħhom, kaġun tar-rekwiżiti prudenzjali u tar-riżorsi interni li jkollhom jiġu ddedikati biex jittrattaw l-NPLs. Dan jikkontribwixxi għal nuqqas ta’ fiduċja fil-kapaċità li ssir eżekuzzjoni tal-kollateral fi Stati Membri differenti u jista’ jwassal għal spejjeż mutwatarji ogħla li jikkorrispondu mal-post tal-istabbiliment u li ma jqisux l-affidabbiltà kreditizja reali tagħhom. Għalhekk, hija meħtieġa proċedura ġdida komuni għas-suq uniku, għall-Unjoni Bankarja u għall-Unjoni tas-Swieq Kapitali u hemm bżonn li jiġi żgurat li l-istituzzjonijiet u l-intrapriżi ta’ kreditu li jkunu awtorizzati joħorġu kreditu billi jikkonkludu kuntratti ta’ kreditu garantit fl-Istati Membri kollha jkollhom il-kapaċità li jwettqu eżekuzzjoni ta’ dawk il-kuntratti permezz ta’ proċeduri effettivi u mħaffa ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja.
(43)Sabiex jiġu protetti l-konsumaturi, il-kuntratti ta’ kreditu pprovduti lill-konsumaturi jenħtieġ li jiġu esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-mekkaniżmu tal-eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata previst f’din id-Direttiva. Bl-istess mod, sabiex jiġu protetti l-intraprendituri uniċi, dan il-mekkaniżmu jenħtieġ li ma japplikax għal kuntratti ta’ kreditu garantiti b’kollateral fil-forma ta’ proprjetà immobbli li tkun ir-residenza ewlenija tal-intraprenditur uniku.
(44)Peress li dan il-mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral huwa strument volontarju li huwa soġġett għal ftehim bejn il-kreditur garantit u l-mutwatarju kummerċjali, hemm bżonn li l-mutwatarju jkun infurmat bil-konsegwenzi u bil-kundizzjonijiet li taħthom din il-proċedura aċċellerata tista’ tintuża mill-kreditur. Għalhekk il-kundizzjonijiet jenħtieġ li jiġu stabbiliti fi ftehim bil-miktub, jew f’format notarili fejn il-liġi nazzjonali tipprovdi hekk, bejn il-kreditur u l-mutwatarju.
(45)Sabiex jiġu protetti l-mutwatarji kummerċjali, ikun xieraq li jiġi żgurat li jkun hemm fis-seħħ miżuri meħtieġa li jiżguraw li l-kredituri jagħtu lill-mutwatarji perjodu raġonevoli ta’ żmien biex jagħmlu l-pagamenti sabiex tiġi evitata din it-tip ta’ eżekuzzjoni.
(46)Sabiex jiġi żgurat li dan il-mekkaniżmu għall-eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral ikun strument mħaffef u effettiv biex jirkupra l-valur mill-kollateral, dak il-ftehim li l-kreditur garantit u l-mutwatarju kummerċjali jaqblu dwaru jenħtieġ li jinkludi titolu infurzabbli direttament, li hija klawżola fil-ftehim li tippermetti l-eżekuzzjoni diretta tal-kollateral permezz tal-AECE mingħajr il-ħtieġa li jinkiseb titolu infurzabbli mill-qorti.
(47)Fi Stati Membri li diġà stabbilew proċeduri ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja, dawk il-proċeduri huma interkonnessi ma’ elementi tal-liġijiet nazzjonali ċivili, tal-proprjetà, tal-kummerċ, tal-insolvenza u dawk pubbliċi, u t-tip ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni li tkun tista’ tintuża tiddependi mit-tip ta’ assi pprovdut bħala kollateral, bi proċeduri dwar assi immobbli li spiss jinvolvu elementi proċedurali aktar stretti u superviżjoni ġudizzjarja minima. Għalhekk, jenħtieġ li l-Istati Membri jkollhom il-flessibbiltà biex jiddeċiedu dwar it-tip ta’ proċedura ta’ eżekuzzjoni li ssir disponibbli għal kredituri garantiti għall-fini ta’ din l-eżekuzzjoni extraġudizjarja aċċellerata tal-kollateral: irkant pubbliku jew bejgħ privat, jew, taħt xi oqfsa nazzjonali, l-approprjazzjoni tal-assi.
(48)Sabiex jiġi żgurat li l-kreditur garantit jirkupra biss dak li jkun dovut lilu mill-mutwatarju kummerċjali skont il-kuntratt ta’ kreditu, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-kreditur garantit ikun obbligat iħallas lill-mutwatarju kummerċjali kwalunkwe differenza pożittiva bejn is-somma pendenti tal-kuntratt ta’ kreditu garantit u l-profitt iġġenerat mill-bejgħ tal-assi (wara rkant pubbliku jew bejgħ privat) jew, f’każ ta’ approprjazzjoni, kwalunkwe differenza pożittiva bejn is-somma pendenti u l-valwazzjoni tal-assi mwettqa għall-fini tal-approprjazzjoni. Ikun xieraq li meta l-Istati Membri jipprovdu għar-realizzazzjoni tal-kollateral permezz ta’ approprjazzjoni, id-differenza pożittiva li tkun trid titħallas lill-mutwatarju jenħtieġ li tkun id-differenza bejn is-somma pendenti tal-kuntratt ta’ kreditu garantit u l-valwazzjoni tal-assi. Meta jiġi rkuprat inqas mis-somma pendenti tal-kuntratt ta’ kreditu garantit permezz ta’ din l-eżekuzzjoni aċċellerata, l-Istati Membri jenħtieġ li ma jżommux lill-partijiet tal-kuntratt ta’ kreditu garantit milli jaqblu espressament li r-realizzazzjoni tal-kollateral li tkun saret permezz ta’ AECE tkun biżżejjed biex jitħallas lura l-kreditu.
(49)L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li meta kuntratt ta’ kreditu garantit li jipprevedi l-eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral stabbilit f’din id-Direttiva jiġi ttrasferit mill-kreditur lil parti terza, dik il-parti terza takkwista d-dritt li tuża l-eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral taħt l-istess termini u kundizzjonijiet tal-kreditur garantit.
(50)Sabiex tiġi żgurata l-konsistenza mar-regoli ta’ qabel l-insolvenza u tal-insolvenza, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li meta jinbeda proċediment ta’ ristrutturar preventiv, kif ipprovdut fid-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-ristrutturar preventiv u t-tieni opportunità, fir-rigward ta’ mutwatarju kummerċjali, ir-realizzazzjoni tal-kollateral skont AECE tkun soġġetta għal sospensjoni tal-azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni individwali f’konformità mal-liġijiet nazzjonali applikabbli li jittrasponu dik id-Direttiva. F’każ ta’ proċedimenti ta’ insolvenza li jinbdew fir-rigward tal-mutwatarju kummerċjali, ir-realizzazzjoni tal-kollateral skont l-AECE jenħtieġ ukoll tkun soġġetta għal sospensjoni tal-azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni individwali f’konformità mal-liġijiet nazzjonali applikabbli. Jenħtieġ li tkun il-liġi nazzjonali li tiddeċiedi jekk il-kredituri garantiti jkollhomx aċċess preferenzjali għall-kollateral taħt dan il-mekkaniżmu aċċellerat anki ladarba jinfetħu l-proċedimenti tal-insolvenza.
(51)Minħabba d-disponibbiltà limitata tad-data dwar l-għadd ta’ proċeduri extraġudizzjarji użati mill-istituzzjonijiet ta’ kreditu biex jirkupraw il-valur mill-kollateral f’każ ta’ inadempjenza mill-mutwatarju, l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li jwettqu superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu jenħtieġ li jkunu meħtieġa jiġbru informazzjoni dwar l-għadd ta’ kuntratti ta’ kreditu garantit li tkun qed issir eżekuzzjoni tagħhom permezz tal-AECE u l-iskedi taż-żmien ta’ tali eżekuzzjoni. Sabiex jinkiseb fehim aħjar tal-effikaċja tal-eżerċitar tal-AECE fl-Unjoni, l-Istati Membri jenħtieġ li jgħaddu data statistika annwali dwar dawn il-kwistjonijiet lill-Kummissjoni, minn sena wara d-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva.
(52)Mingħajr preġudizzju għall-obbligi prekuntrattwali skont id-Direttiva 2014/17/UE, id-Direttiva 2008/48/KE u d-Direttiva 93/13/KEE, u sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ protezzjoni tal-konsumaturi, lill-konsumatur jenħtieġ li tingħatalu, għal kwalunkwe modifika fit-termini u fil-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ kreditu, lista ċara u komprensiva ta’ kull bidla bħal din, l-iskedi taż-żmien għall-implimentazzjoni tagħha u d-dettalji meħtieġa kif ukoll l-isem u l-indirizz tal-awtorità nazzjonali fejn ikun jista’ jressaq ilment.
(53)Peress li l-prestazzjoni tas-swieq sekondarji għall-kreditu se tiddependi fil-biċċa l-kbira mir-reputazzjoni tajba tal-entitajiet involuti, is-servizzjanti tal-kreditu jenħtieġ li jistabbilixxu mekkaniżmu effiċjenti li bih jittrattaw l-ilmenti tal-mutwatarji. L-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti għas-superviżjoni tax-xiri ta’ kreditu u s-servizzjanti tal-kreditu jkollhom proċeduri effettivi u aċċessibbli biex jittrattaw l-ilmenti tal-mutwatarji.
(54)Kemm id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill japplikaw għall-ipproċessar ta’ data personali għall-finijiet ta’ din id-Direttiva. B’mod partikolari, meta d-data personali tiġi pproċessata għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, jenħtieġ li jiġi speċifikat l-iskop preċiż, li jkun hemm referenza għall-bażi legali rilevanti msemmija u li jkun hemm konformità mar-rekwiżiti rilevanti tas-sigurtà stipulati fir-Regolament (UE) 2016/679, u jenħtieġ li jiġu rispettati l-prinċipji tan-neċessità, tal-proporzjonalità, tal-limitazzjoni tal-iskop u tal-perjodu proporzjonat għaż-żamma tad-data. Barra dan, il-protezzjoni tad-data personali mid-disinn u l-protezzjoni tad-data b’mod awtomatiku jenħtieġ ukoll li jkunu parti integrali fis-sistemi kollha ta’ pproċessar tad-data żviluppati u użati fil-qafas ta’ din id-Direttiva. Bl-istess mod, il-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza reċiproka bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jenħtieġ li jkunu kompatibbli mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali stabbiliti fir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u f’konformità mar-regoli nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-data li jimplimentaw il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
(55)Sabiex jiġi żgurat li l-livell ta’ protezzjoni tal-konsumatur ma jiġix affettwat f’każ ta’ ċessjoni lil parti terza tad-drittijiet tal-kreditur taħt kuntratt ta’ kreditu ipotekarju jew tal-kuntratt innifsu, jenħtieġ li tiġi introdotta emenda għad-Direttiva 2014/17/UE biex tistabbilixxi li, f’każi ta’ trasferiment ta’ kreditu kopert minn dik id-Direttiva, il-konsumatur ikun intitolat li jeċċepixxi kontra x-xerrej tal-kreditu kwalunkwe difiża li kienet disponibbli għalih kontra l-kreditur oriġinali u li jkun infurmat biċ-ċessjoni.
(56)B’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni, l-Istati Membri impenjaw ruħhom li f’każijiet ġustifikati jakkumpanjaw in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom b’wieħed jew aktar mid-dokumenti li jispjegaw ir-rabta bejn il-komponenti ta’ Direttiva u l-partijiet korrispondenti tal-istrumenti ta’ traspożizzjoni nazzjonali. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawn id-dokumenti hija ġġustifikata,
ADOTTAW DIN ID-DIRETTIVA:
Titolu I
Suġġett, kamp ta’ applikazzjoni u definizzjonijiet
Artikolu 1
Suġġett
Din id-Direttiva tistabbilixxi qafas u rekwiżiti komuni għal:
(a)servizzjanti tal-kreditu li jaġixxu f’isem istituzzjoni ta’ kreditu jew xerrejja ta’ kreditu fir-rigward ta’ kuntratti ta’ kreditu maħruġa minn istituzzjoni ta’ kreditu jew mis-sussidjarji tagħha;
(b)xerrejja ta’ kreditu ta’ kuntratti ta’ kreditu maħruġa minn istituzzjoni ta’ kreditu jew mis-sussidjarji tagħha;
(c)mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral komuni u supplimentari fir-rigward ta’ kuntratti ta’ kreditu garantit konklużi bejn kredituri u mutwatarji kummerċjali li jkunu garantiti b’kollateral.
Artikolu 2
Kamp ta’ applikazzjoni
1.L-Artikoli 3 sa 22 u l-Artikoli 34 sa 43 ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw għal:
(a)servizzjant tal-kreditu ta’ kuntratt ta’ kreditu maħruġ minn istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Unjoni jew mis-sussidjarji tagħha stabbiliti fl-Unjoni li jaġixxi f’isem kreditur, skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali applikabbli.
(b)xerrej ta’ kreditu ta’ kuntratt ta’ kreditu maħruġ minn istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Unjoni jew mis-sussidjarji tagħha stabbiliti fl-Unjoni, fejn ix-xerrej tal-kreditu jidħol għall-obbligi tal-kreditur taħt il-kuntratt ta’ kreditu, skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali applikabbli;
2.L-Artikoli 3, 23 sa 33 u 39 sa 43 ta’ din id-Direttiva għandhom japplikaw għal kuntratti ta’ kreditu garantiti konklużi bejn kredituri u mutwatarji kummerċjali li jkunu garantiti bi kwalunkwe assi mobbli u immobbli li jkunu fis-sjieda tal-mutwatarju kummerċjali u li jkunu tpoġġew bħala kollateral lil kreditur sabiex jiġi żgurat ir-ripagament ta’ pretensjonijiet li jirriżultaw mill-kuntratt ta’ kreditu garantit.
3.Din id-Direttiva ma taffettwax il-protezzjoni mogħtija lill-konsumaturi, skont id-Direttiva 2014/17/UE, id-Direttiva 2008/48/KE, id-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponuhom, fir-rigward tal-kuntratti ta’ kreditu li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tagħha.
4.L-Artikoli 3 sa 22 u l-Artikoli 34 sa 43 ta’ din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għal dawn li ġejjin:
(a)is-servizzjar ta’ kuntratt ta’ kreditu mwettaq minn istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Unjoni jew mis-sussidjarji tagħha stabbiliti fl-Unjoni;
(b)is-servizzjar ta’ kuntratt ta’ kreditu li ma jkunx maħruġ minn istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Unjoni jew mis-sussidjarji tagħha stabbiliti fl-Unjoni, ħlief fejn il-kuntratt ta’ kreditu maħruġ jiġi sostitwit minn kuntratt ta’ kreditu maħruġ minn istituzzjoni bħal din jew mis-sussidjarji tagħha;
(c)ix-xiri ta’ kuntratt ta’ kreditu minn istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Unjoni jew mis-sussidjarji tagħha stabbiliti fl-Unjoni;
(d)it-trasferiment ta’ kuntratti ta’ kreditu li jkunu ġew ittrasferiti qabel id-data msemmija fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 41(2).
5.L-Artikoli 3, 23 sa 33 u 34 sa 43 ta’ din id-Direttiva ma għandhomx japplikaw għal:
(a)kuntratti ta’ kreditu garantit konklużi bejn kredituri u mutwatarji li jkunu konsumaturi kif definiti fil-punt (a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48/KE;
(b)ftehimiet ta’ kreditu garantit konklużi bejn kredituri u mutwatarji kummerċjali li jkunu kumpaniji mingħajr skop ta’ qligħ;
(c)kuntratti ta’ kreditu garantit konklużi bejn kredituri u mutwatarji kummerċjali li jkunu garantiti mill-kategoriji ta’ kollateral li ġejjin:
(i) arranġamenti finanzjarji kollaterali kif definiti fl-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 2002/47/KE;
(ii)proprjetà residenzjali immobbli li tkun ir-residenza ewlenija ta’ mutwatarju kummerċjali.
Artikolu 3
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva, għandhom japplikaw dawn id-definizzjonijiet:
(1)“istituzzjoni ta’ kreditu” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
(2)“kreditur” tfisser istituzzjoni ta’ kreditu jew kwalunkwe persuna ġuridika li tkun ħarġet kreditu matul il-kummerċ, in-negozju jew il-professjoni tagħha, jew xerrej ta’ kreditu;
(3)“mutwatarju” tfisser persuna ġuridika jew fiżika li tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ kreditu ma’ kreditur;
(4)“mutwatarju kummerċjali” tfisser persuna ġuridika jew fiżika, għajr konsumatur, li tkun ikkonkludiet kuntratt ta’ kreditu ma’ kreditur;
(5)“kuntratt ta’ kreditu” tfisser kuntratt kif oriġinarjament maħruġ, immodifikat jew mibdul, li bih kreditur jagħti jew iwiegħed li jagħti kreditu fil-forma ta’ pagament differit, self jew akkomodazzjoni finanzjarja simili oħra;
(6)“kuntratt ta’ kreditu garantit" tfisser kuntratt ta’ kreditu konkluż minn istituzzjoni ta’ kreditu jew minn intrapriża oħra awtorizzata biex toħroġ kreditu, li jkun garantit b’wieħed mill-kollaterali li ġejjin;
(a)self ipotekarju, tariffa, rahan jew dritt ta’ titolu ta’ sigurtà ieħor komparabbli normalment użat fi Stat Membru fir-rigward tal-assi immobbli;
(b)wegħda, ħlas, rahan jew dritt ta’ titolu ta’ sigurtà ieħor komparabbli normalment użat fi Stat Membru fir-rigward tal-assi mobbli;
(7)“xerrej ta’ kreditu” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika li mhijiex istituzzjoni ta kreditu jew sussidjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li tixtri kuntratt ta’ kreditu matul il-kummerċ, in-negozju, jew il-professjoni tagħha;
(8)“servizzjant tal-kreditu” tfisser kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, għajr istituzzjoni ta’ kreditu jew is-sussidjarji tagħha, li twettaq waħda jew aktar mill-attivitajiet li ġejjin f’isem kreditur:
(a)timmonitorja l-prestazzjoni tal-kuntratt ta’ kreditu;
(b)tiġbor u timmaniġġja informazzjoni dwar l-istatus tal-kuntratt ta’ kreditu, dwar il-mutwatarju u dwar kwalunkwe kollateral użat biex jiġi garantit il-kuntratt ta’ kreditu;
(c)tinforma lill-mutwatarju bi kwalunkwe bidla fir-rati tal-imgħax, b’tariffi jew bi ħlasijiet dovuti taħt il-kuntratt ta’ kreditu;
(d)tinforza d-drittijiet u l-obbligi taħt il-kuntratt ta’ kreditu f’isem il-kreditur, inkluża l-amministrazzjoni tar-ripagamenti;
(e)tinnegozja mill-ġdid it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ kreditu mal-mutwatarji, fejn dawn mhumiex “intermedjarju tal-kreditu” kif definiti fl-Artikolu 4(5) tad-Direttiva 2014/17/UE jew fl-Artikolu 3(f) tad-Direttiva 2008/48/KE;
(f)tittratta l-ilmenti tal-mutwatarji.
(9)“Stat Membru ta’ domiċilju” tfisser l-Istat Membru li s-servizzjant tal-kreditu huwa domiċiljat jew stabbilit fih.
(10)“Stat Membru ospitanti” tfisser Stat Membru, barra mill-Istat Membru tad-domiċilju, li fih servizzjant tal-kreditu jkun stabbilixxa fergħa, ħatar aġent jew fejn is-servizzjant tal-kreditu jipprovdi s-servizzi tiegħu.
(11)“konsumatur” tfisser konsumatur kif definit fil-punt (a) tal-Artikolu 3 tad-Direttiva 2008/48/KE.
Titolu II
Servizzjanti tal-kreditu
Kapitolu I
Awtorizzazzjoni tas-servizzjanti tal-kreditu
Artikolu 4
Rekwiżiti ġenerali
1.L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lis-servizzjant tal-kreditu biex jikseb awtorizzazzjoni fi Stat Membru ta’ domiċilju qabel ma jibda l-attivitajiet tiegħu fit-territorju tiegħu skont ir-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.
2.L-Istati Membri għandhom jagħtu lill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 20(3) is-setgħa li jagħtu dawn l-awtorizzazzjonijiet.
Artikolu 5
Rekwiżiti għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu r-rekwiżiti li ġejjin għall-għoti ta’ awtorizzazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 4(1):
(a)l-applikant ikun ċittadin tal-Unjoni jew persuna ġuridika kif imsemmi fl-Artikolu 54 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
(b)fil-każijiet li fihom l-applikant ikun persuna ġuridika, il-membri tal-ġestjoni jew tal-organu amministrattiv tagħha u l-persuni li jkollhom parteċipazzjoni kwalifikattiva fl-applikant, fis-sens tal-punt (36) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, jew fil-każijiet li fihom l-applikant ikun persuna fiżika, għandu jkollhom il-karatteristiċi li ġejjin:
(i)għandu jkollhom reputazzjoni suffiċjentement tajba;
(ii)għandu jkollhom kondotta tal-pulizija nadifa jew ekwivalenti nazzjonali ieħor fir-rigward ta’ reati kriminali serji relatati ma’ proprjetà, ma’ attivitajiet finanzjarji jew ma’ integrità fiżika;
(iii)attwalment ma jkunux soġġetti għal xi proċedura ta’ insolvenza jew ikunu ġew iddikjarati falluti fl-imgħoddi, sakemm ma jkunux ġew stabbiliti mill-ġdid skont il-liġi nazzjonali;
(c)l-applikant ikollu fis-seħħ arranġamenti ta’ governanza u mekkaniżmi ta’ kontroll intern adegwati li jiżguraw ir-rispett għad-drittijiet tal-mutwatarji u l-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali skont il-liġijiet li jirregolaw il-kuntratt ta’ kreditu,
(d)l-applikant japplika politika xierqa li tiżgura t-trattament ġust u diliġenti tal-mutwatarji, inkluż billi jqis is-sitwazzjoni finanzjarja tagħhom u, fejn ikun disponibbli, il-ħtieġa li dawn il-mutwatarji jiġu riferuti għand servizzi ta’ konsulenza dwar id-dejn jew għand servizzi soċjali;
(e)l-applikant ikollu fis-seħħ proċeduri interni adegwati u speċifiċi li jiżguraw ir-reġistrazzjoni u t-trattar tal-ilmenti tal-mutwatarji.
2.L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandhom jirrifjutaw awtorizzazzjoni msemmija fl-Artikolu 4(1), meta l-applikant ma jikkonformax mar-rekwiżiti stabbiliti fil-paragrafu 1.
Artikolu 6
Proċedura għall-għoti jew għar-rifjut ta’ awtorizzazzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu proċedura għall-awtorizzazzjoni ta’ servizzjanti ta’ kreditu li tippermetti li applikant jissottometti applikazzjoni u jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa mill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju biex din tivverifika li l-applikant ikun issodisfa l-kundizzjonijiet kollha stabbiliti fil-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 5(1).
2.L-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun akkumpanjata b’dawn li ġejjin:
(a)evidenza tal-istatus legali tal-applikant u l-istrument ta’ kostituzzjoni tiegħu, fejn xieraq;
(b)l-indirizz tal-uffiċċju prinċipali jew tal-uffiċċju rreġistrat tiegħu;
(c)l-identità tal-membri tal-ġestjoni jew tal-organu amministrattiv tal-applikant li jkollhom parteċipazzjoni kwalifikanti fis-sens tal-punt (36) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013;
(d)evidenza li l-applikant u l-persuni msemmija fil-punt (c) ta’ dan l-Artikolu, jikkonformaw mal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1)(b);
(e)evidenza tal-arranġamenti ta’ governanza u tal-mekkaniżmi ta’ kontroll intern imsemmija fl-Artikolu 5(1)(c);
(f)evidenza tal-politika msemmija fl-Artikolu 5(1)(d);
(g)evidenza tal-proċeduri interni msemmija fl-Artikolu 5(1)(e);
(h)kwalunkwe ftehim ta’ esternalizzazzjoni kif imsemmi fl-Artikolu 10(1).
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ta’ domiċilju jivvalutaw, fi żmien 20 jum tax-xogħol mill-jum li jirċievu l-applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, jekk dik l-applikazzjoni tkunx kompluta. Meta l-applikazzjoni titqies mhux kompluta, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jistabbilixxu data ta’ skadenza sa meta l-applikant ikollu jipprovdi kwalunkwe informazzjoni addizzjonali u għandhom jinnotifikaw lill-applikant meta jqisu li l-applikazzjoni tkun kompluta.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jivvalutaw, fi żmien 30 jum tax-xogħol mill-jum li jirċievu l-applikazzjoni kompluta, jekk l-applikant jikkonformax mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. L-awtoritajiet kompetenti għandhom, meta jtemmu dik il-valutazzjoni, jadottaw deċiżjoni motivata bis-sħiħ dwar l-għoti jew ir-rifjut tal-awtorizzazzjoni li għandha tiġi nnotifikata lill-applikant fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol.
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li applikant ikollu d-dritt li jappella quddiem tribunal jew meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jiddeċiedu li jirrifjutaw applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5(2) jew fejn ma tittieħed ebda deċiżjoni mill-awtoritajiet kompetenti fir-rigward ta’ applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni, fi żmien sitt xhur minn meta titressaq applikazzjoni kompluta.
Artikolu 7
Irtirar tal-awtorizzazzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jkunu jistgħu jirtiraw l-awtorizzazzjoni mogħtija lis-servizzjant tal-kreditu, meta tali servizzjant tal-kreditu jew:
(a)ma jużax l-awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar mill-ħruġ tagħha;
(b)jirrinunzja espressament għall-awtorizzazzjoni;
(c)ma jibqax jinvolvi ruħu fl-attivitajiet ta’ servizzjant tal-kreditu għal aktar minn sitt xhur;
(d)ikun kiseb l-awtorizzazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew b’mezz irregolari ieħor;
(e)ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 5(1),
(f)jikkommetti ksur serju tar-regoli applikabbli, inklużi d-dispożizzjonijiet tal-liġi nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.
2.Meta awtorizzazzjoni tiġi rtirata skont il-paragrafu 1, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jinfurmaw minnufih lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri ospitanti jekk is-servizzjant tal-kreditu jkun jipprovdi servizzi taħt l-Artikolu 11.
Artikolu 8
Reġistru ta’ servizzjanti tal-kreditu awtorizzati
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu u jżommu reġistru nazzjonali tas-servizzjanti tal-kreditu awtorizzati kollha li jkunu awtorizzati biex jipprovdu servizzi fit-territorju tagħhom, inklużi servizzjanti ta’ kreditu li jipprovdu servizzi taħt l-Artikolu 11.
2.Ir-reġistru għandu jkun aċċessibbli pubblikament fuq l-internet u għandu jiġi aġġornat regolarment.
3.F’każ li awtorizzazzjoni tkun ġiet irtirata, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jaġġornaw ir-reġistru mingħajr dewmien.
Artikolu 9
Relazzjoni kuntrattwali bejn servizzjant tal-kreditu u kreditur
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjant tal-kreditu jipprovdi s-servizzi tiegħu fir-rigward tal-ġestjoni u tal-infurzar ta’ kuntratt ta’ kreditu abbażi ta’ ftehim bil-miktub ma’ kreditur.
2.Il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jipprovdi għal dawn li ġejjin:
(a)deskrizzjoni dettaljata tal-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu li se jitwettqu mis-servizzjant tal-kreditu;
(b)il-livell ta’ rimunerazzjoni tas-servizzjant tal-kreditu jew il-mod kif għandha tiġi kkalkulata r-rimunerazzjoni;
(c)il-punt sa fejn is-servizzjant tal-kreditu jista’ jirrappreżenta lill-kreditur fir-rigward tal-mutwatarju;
(d)impenn mill-partijiet biex jikkonformaw mal-liġi tal-Unjoni u ma’ dik nazzjonali applikabbli għall-kuntratt ta’ kreditu, inkluż fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjant tal-kreditu jżomm ir-rekords li ġejjin għal mill-inqas 10 snin mid-data tal-kuntratt imsemmi fil-paragrafu 1:
(a)il-korrispondenza kollha kemm mal-kreditur kif ukoll mal-mutwatarju;
(b)l-istruzzjonijiet kollha li jkun irċieva l-kreditur fir-rigward ta’ kull kuntratt ta’ kreditu li jimmaniġġja u jinforza f’isem dak il-kreditur.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjant tal-kreditu jagħmel ir-rekords imsemmija fil-paragrafu 3 disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti meta ssir talba għalihom.
Artikolu 10
Esternalizzazzjoni minn servizzjant tal-kreditu
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta servizzjant tal-kreditu juża parti terza biex iwettaq attivitajiet li normalment jitwettqu mis-servizzjant tal-kreditur (“fornitur tas-servizz tal-kreditu”), il-kreditur jibqa’ kompletament responsabbli biex jikkonforma mal-obbligi kollha taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. L-esternalizzazzjoni ta’ dawk l-attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)il-konklużjoni ta’ ftehim ta’ esternalizzazzjoni bil-miktub bejn is-servizzjant tal-kreditu u l-fornitur tas-servizz tal-kreditu li taħtu l-fornitur tas-servizz tal-kreditu jkun obbligat li jikkonforma mal-liġi rilevanti tal-Unjoni jew nazzjonali applikabbli għall-kuntratt ta’ kreditu;
(b)l-obbligi tas-servizzjanti tal-kreditu skont din id-Direttiva ma jistgħux jiġu ddelegati;
(c)ir-relazzjoni u l-obbligi kuntrattwali tas-servizzjant tal-kreditu lejn il-klijenti tiegħu ma jinbidlux;
(d)il-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tas-servizzjant tal-kreditu kif stipulati fl-Artikolu 5(1) ma jiġux affettwati;
(e)l-esternalizzazzjoni lill-fornitur tas-servizz tal-kreditu ma xxekkilx is-superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti fuq servizzjant tal-kreditu skont l-Artikoli 12 u 20;
(f)is-servizzjant tal-kreditu jkollu aċċess dirett għall-informazzjoni rilevanti kollha rigward is-servizzi esternalizzati lill-fornitur tas-servizz tal-kreditu;
(g)is-servizzjant tal-kreditu jkollu l-għarfien espert u r-riżorsi disponibbli biex ikun jista’ jipprovdi l-attivitajiet esternalizzati, wara li l-ftehim ta’ esternalizzazzjoni jiġi tterminat.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjant tal-kreditu jżomm rendikont tal-istruzzjonijiet kollha mogħtija lill-fornitur tas-servizz tal-kreditu għal mill-inqas 10 snin mid-data tal-kuntratt imsemmi fil-paragrafu 1.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjant tal-kreditu u l-fornitur tas-servizz tal-kreditu jagħmel l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq talba proprja.
Kapitolu II
Servizzjar tal-Kreditu b’Mod Transfruntiera
Artikolu 11
Il-libertà li jkunu provduti attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fi Stat Membru ospitanti
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjant tal-kreditu li jkun kiseb awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5 fi Stat Membru ta’ domiċilju jkollu d-dritt li jipprovdi fl-Unjoni dawk is-servizzi li jkunu koperti minn dik l-awtorizzazzjoni.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta s-servizzjant tal-kreditu awtorizzat skont l-Artikolu 5 fi Stat Membru ta’ domiċilju jkollu l-intenzjoni li jipprovdi servizzi fi Stat Membru ospitanti, dan għandu jissottometti lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju l-informazzjoni li ġejja:
(a)l-Istat Membru ospitanti li fih is-servizzjant tal-kreditu jkollu l-intenzjoni li jipprovdi s-servizzi;
(b)fejn ikun applikabbli, l-indirizz tal-fergħa stabbilita fl-Istat Membru ospitanti;
(c)fejn ikun applikabbli, l-identità u l-indirizz tal-aġent maħtur fi Stat Membru ospitanti;
(d)l-identità tal-persuni responsabbli mill-ġestjoni tal-forniment ta’ attivitajiet ta’ servizzjar ta’ kreditu fl-Istat Membru ospitanti;
(e)skont il-każ, id-dettalji tal-miżuri meħuda biex jiġu adattati l-proċeduri interni, l-arranġamenti ta’ governanza u l-mekkaniżmi ta’ kontroll intern biex tkun żgurata l-konformità mal-liġijiet applikabbli għall-kuntratt ta’ kreditu.
3.L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom, fi żmien 30 jum tax-xogħol minn meta tiġi riċevuta l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, jikkomunikaw dik l-informazzjoni lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti, li min-naħa tagħhom għandhom jirrikonoxxu mingħajr dewmien li jkunu rċevewha. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandhom minnufih jgħarrfu lis-servizzjant tal-kreditu b’dik il-konferma tar-riċevuta.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjant tal-kreditu jkollu d-dritt li jappella quddiem tribunal meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jonqsu milli jikkomunikaw l-informazzjoni.
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li ladarba l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ta’ domiċilju jikkomunikaw l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, is-servizzjant tal-kreditu jkun jista’ jibda jipprovdi servizzi fl-Istat Membru ospitanti mill-iktar xenarju bikri fost dawn li ġejjin:
(a)riċevuta tal-komunikazzjoni mill-awtorità kompetenti fl-Istat Membru ospitanti li tirrikonoxxi r-riċevuta minn din tal-aħħar tal-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 3;
(b)fin-nuqqas ta’ xi riċevuta tal-komunikazzjoni msemmija fil-punt (a), wara li jiskorru xahrejn mid-data tal-komunikazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 3.
6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjant tal-kreditu jinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju dwar kull bidla sussegwenti fl-informazzjoni kkomunikata skont il-paragrafu 3 permezz tal-proċedura stabbilita fil-paragrafi minn 3 sa 5.
7.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jirreġistraw fir-reġistru msemmi fl-Artikolu 8 s-servizzjanti tal-kreditu li huma awtorizzati jipprovdu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fit-territorju tagħhom u d-dettalji tal-Istat Membru ta’ domiċilju.
Artikolu 12
Superviżjoni fuq servizzjanti tal-kreditu li jipprovdu servizzi transfruntiera
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju janalizzaw u jevalwaw il-konformità kontinwa minn servizzjant tal-kreditu li jipprovdi servizzi fi Stat Membru ospitanti mar-rekwiżiti ta’ din id-Direttiva.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti ta’ Stat Membru ta’ domiċilju jkollhom is-setgħa li jwettqu superviżjoni, jinvestigaw u jimponu sanzjonijiet jew penali amministrattivi u miżuri ta’ rimedju fuq servizzjanti tal-kreditu fir-rigward tal-attivitajiet tagħhom fi Stat Membru ospitanti.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jikkomunikaw il-miżuri meħuda fir-rigward tas-servizzjant tal-kreditu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta servizzjant tal-kreditu li jkun domiċiljat jew stabbilit fi Stat Membru ta’ domiċilju jistabbilixxi fergħa jew jaħtar aġent fi Stat Membru ospitanti, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju u l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandhom jikkooperaw mill-qrib fit-twettiq tal-funzjonijiet u d-dmirijiet tagħhom previsti f’din id-Direttiva, b’mod partikolari meta jwettqu verifiki, investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’dik il-fergħa jew fir-rigward ta’ dak l-aġent.
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju fl-eżerċitar tal-funzjonijiet u tad-dmirijiet tagħhom previsti f’din id-Direttiva jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti l-assistenza tagħhom fit-twettiq ta’ spezzjoni fuq il-post ta’ fergħa stabbilita fi Stat Membru ospitanti jew fuq aġent maħtur fih.
6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkunu intitolati li jiddeċiedu dwar l-aktar miżuri xierqa li jkollhom jittieħdu f’kull każ individwali sabiex tintlaqa’ t-talba għall-assistenza mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju.
7.Meta l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jiddeċiedu li jwettqu spezzjonijiet fuq il-post f’isem l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju, dawn għandhom jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju bir-riżultati tagħhom mingħajr dewmien.
8.B’inizjattiva tagħhom stess, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jistgħu jwettqu verifiki, spezzjonijiet u investigazzjonijiet fir-rigward ta’ attivitajiet ta’ servizzjar ta’ kreditu pprovduti fit-territorju tagħhom minn servizzjant tal-kreditu awtorizzat fi Stat Membru ta’ domiċilju. L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti għandhom jipprovdu r-riżultati ta’ dawn il-kontrolli, spezzjonijiet u investigazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju mingħajr dewmien.
9.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li fejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkollhom evidenza li servizzjant tal-kreditu li jipprovdi servizzi fit-territorju tiegħu, skont l-Artikolu 11, ikun qed jikser l-obbligi li joħorġu mid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva, dawn jgħaddu dik l-evidenza lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju u jitolbu li jittieħdu miżuri xierqa.
10.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jikkomunikaw id-dettalji dwar kwalunkwe proċedura amministrattiva jew ta’ xorta oħra mibdija fir-rigward tal-evidenza pprovduta mill-Istat Membru ospitanti, jew dwar sanzjonijiet jew penali u miżuri ta’ rimedju meħuda kontra s-servizzjant tal-kreditu jew deċiżjoni motivata għaliex ma tkun ittieħdet ebda miżura, lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti li jkun irrefera l-evidenza sa mhux aktar tard minn xahrejn mit-talba msemmija fil-paragrafu 8. Meta tkun inbdiet proċedura, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru tad-domiċilju għandhom jinfurmaw b’mod regolari lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti dwar l-istatus tagħha.
11.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta, wara li jkunu infurmaw lill-Istat Membru ta’ domiċilju ma tkun ittieħdet ebda miżura adegwata fi żmien raġonevoli jew meta minkejja l-miżuri meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jew f’każ urġenti, is-servizzjant tal-kreditu jibqa’ jikser l-obbligi taħt din id-Direttiva, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ospitanti jkunu intitolati li jimponu sanzjonijiet jew penali amministrattivi adegwati u miżuri ta’ rimedju sabiex jiżguraw il-konformità mad-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva fit-territorju tiegħu wara li jinfurmaw mingħajr dewmien lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’domiċilju.
Titolu III
Xerrejja tal-kreditu
Artikolu 13
Dritt għall-informazzjoni rigward il-kuntratt ta’ kreditu
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kreditur għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha neċessarja lil xerrej tal-kreditu biex jippermetti li dak ix-xerrej tal-kreditu jevalwa l-valur tal-kuntratt kreditu u l-probabbiltà ta’ rkupru tal-valur ta’ dak il-kuntratt qabel ma jidħol f’kuntratt għat-trasferiment ta’ dak il-kuntratt ta’ kreditu.
2.L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li istituzzjoni ta’ kreditu jew is-sussidjarja ta’ istituzzjoni ta’ kreditu li tittrasferixxi kuntratt ta’ kreditu lil xerrej tal-kreditu tinforma lill-awtoritajiet kompetenti maħtura skont l-Artikolu 20(3) ta’ din id-Direttiva u l-Artikolu 4 tad-Direttiva 2013/36/UE dwar dawn li ġejjin:
(a)it-tip ta’ assi li jiggarantixxi l-kuntratt ta’ kreditu, inkluża informazzjoni dwar jekk ikunx kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ konsumaturi;
(b)il-valur tal-kuntratt ta’ kreditu;
(c)l-identità u l-indirizz tal-mutwatarju u tax-xerrej tal-kreditu u, fejn ikun applikabbli, tar-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 17.
3.L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 2 għandhom jikkomunikaw mingħajr dewmien l-informazzjoni msemmija f’dak il-paragrafu u kwalunkwe informazzjoni oħra li huma jistgħu jqisu bħala meħtieġa għat-twettiq tal-kompitu tagħhom skont din id-Direttiva lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ix-xerrej tal-kreditu jew ir-rappreżentant tiegħu, maħtur skont l-Artikolu 17, ikun stabbilit u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn il-mutwatarju jkun stabbilit jew residenti.
4.Id-dispożizzjonijiet stipulati fil-paragrafi 1, 2 u 3 għandhom japplikaw f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/679 u r-Regolament (KE) Nru 45/2001.
Artikolu 14
Standards tekniċi għad-data dwar l-NPLs
1.L-EBA għandha tiżviluppa abbozzi li jimplimentaw standards tekniċi li jispeċifikaw il-formati li għandhom jintużaw minn kredituri li jkunu istituzzjonijiet ta’ kreditu għall-għoti ta’ informazzjoni kif stabbilit fl-Artikolu 13(1), sabiex jipprovdu informazzjoni dettaljata dwar l-iskoperturi ta’ kreditu tagħhom fil-portafoll bankarju lix-xerrejja tal-kreditu għall-iskrinjar, għad-diliġenza finanzjarja dovuta u għall-valwazzjoni tal-kuntratt ta’ kreditu.
2.L-EBA għandha tissottometti dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni sal-[31 ta’ Diċembru 2018].
3.Il-Kummissjoni tingħatalha s-setgħa li tadotta l-implimentazzjoni tal-istandards tekniċi msemmija fil-paragrafu 1 skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
Artikolu 15
Obbligi tax-xerrejja tal-kreditu
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-rappreżentant ta’ xerrej tal-kreditu msemmi fl-Artikolu 17(1) jaħtar istituzzjoni ta’ kreditu stabbilita fl-Unjoni jew is-sussidjarja tagħha stabbilita fl-Unjoni jew servizzjant tal-kreditu awtorizzat biex jitwettqu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fir-rigward ta’ kuntratti ta’ kreditu konklużi ma’ konsumaturi.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li xerrej tal-kreditu ma jkunx soġġett għal xi rekwiżiti addizzjonali għax-xiri ta’ kuntratti ta’ kreditu minbarra kif previst mill-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.
Artikolu 16
Użu ta’ servizzjanti tal-kreditu, ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu jew tas-sussidjarji tagħhom
1.L-Istati Membri għandhom jeħtieġu li x-xerrej tal-kreditu jew, fejn ikun applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 17, jinforma lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ix-xerrej tal-kreditu jew ir-rappreżentant tiegħu jkun domiċiljat jew stabbilit dwar l-identità u l-indirizz tal-istituzzjoni ta’ kreditu, tas-sussidjarja tagħha jew tas-servizzjant tal-kreditu li huma jkunu qabbdu biex iwettqu attivitajiet ta' servizzjar ta’ kreditu fir-rigward tal-kuntratt ta’ kreditu ttrasferit.
2.Meta x-xerrej tal-kreditu jew ir-rappreżentant maħtur skont l-Artikolu 17 jinvolvi istituzzjoni ta’ kreditu jew sussidjarja differenti għas-servizzjar tal-kreditu jew servizzjant tal-kreditu differenti, huwa għandu jinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 dwar dan mill-inqas ġimagħtejn qabel dik il-bidla u għandu jindika l-identità u l-indirizz tal-istituzzjoni ta’ kreditu l-ġdida, tas-sussidjarja tagħha jew tas-servizzjant tal-kreditu li jkun qabbad biex iwettaq attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu fir-rigward tal-kuntratt ta’ kreditu ttrasferit.
3.L-Istati Membri għandhom jirrikjedu lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ix-xerrej tal-kreditu jew, fejn ikun applikabbli, ir-rappreżentant maħtur tagħhom, skont l-Artikolu 17, ikun iddomiċiljat jew stabbilit biex jgħaddi mingħajr dewmien żejjed lill-awtoritajiet kompetenti responsabbli mis-superviżjoni fuq l-istituzzjoni ta’ kreditu, lis-sussidjarja jew lis-servizzjant tal-kreditu msemmija fil-paragrafi 1 u 2, l-informazzjoni riċevuta skont l-Artikolu 13(3).
Artikolu 17
Rappreżentant tax-xerrejja tal-kreditu mhux stabbilit fl-Unjoni
1.L-Istati Membri għandhom jipprevedu li meta jiġi konkluż trasferiment tal-kuntratt ta’ kreditu, xerrej tal-kreditu li ma jkunx domiċiljat jew stabbilit fl-Unjoni jkun ħatar bil-miktub rappreżentant li jkun domiċiljat jew stabbilit fl-Unjoni.
2.Ir-rappreżentant imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jiġi indirizzat flimkien max-xerrej tal-kreditu jew inkella minfloku mill-awtoritajiet kompetenti dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-konformità kontinwa ma’ din id-Direttiva u għandu jkun kompletament responsabbli mill-konformità mal-obbligi imposti fuq ix-xerrej tal-kreditu taħt id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.
Artikolu 18
Xerrejja tal-kreditu li jwettqu eżekuzzjoni b’mod dirett ta’ kuntratt ta’ kreditu
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li xerrej tal-kreditu jew, fejn ikun applikabbli, ir-rappreżentant maħtur skont l-Artikolu 17, jikkomunika lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ix-xerrej tal-kreditu jew, fejn ikun applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu jkun domiċiljat jew stabbilit, l-intenzjoni tiegħu li jwettaq eżekuzzjoni b’mod dirett tal-kuntratt ta’ kreditu billi jipprovdi l-informazzjoni li ġejja:
(a)it-tip ta’ assi li jiggarantixxi l-kuntratt ta’ kreditu, inkluża informazzjoni dwar jekk ikunx kuntratt ta’ kreditu konkluż ma’ konsumaturi;
(b)il-valur tal-kuntratt ta’ kreditu;
(c)l-identità u l-indirizz tal-mutwatarju u tax-xerrej tal-kreditu jew tar-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 17.
2.L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 jgħaddu mingħajr dewmien żejjed l-informazzjoni riċevuta skont il-paragrafu 1 lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn il-mutwatarju jkun stabbilit.
Artikolu 19
Trasferiment ta’ kuntratt ta’ kreditu minn xerrej tal-kreditu
1.L-Istati Membri għandhom jirrikjedu li xerrej tal-kreditu jew, fejn ikun applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 17, li jittrasferixxi kuntratt ta’ kreditu lil xerrej ieħor ta’ kreditu jinforma lill-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 18(1) dwar it-trasferiment, l-identità u l-indirizz tax-xerrej il-ġdid tal-kreditu u, fejn ikun applikabbli, tar-rappreżentant maħtur skont l-Artikolu 17.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 jgħaddu mingħajr dewmien żejjed l-informazzjoni riċevuta skont l-Artikolu 13(3) lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn ix-xerrej il-ġdid tal-kreditu u, fejn ikun applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu jkun domiċiljat jew stabbilit.
TITOLU IV
Superviżjoni
Artikolu 20
Superviżjoni mill-awtoritajiet kompetenti
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjanti tal-kreditu u, fejn ikun applikabbli, il-fornituri tas-servizzi tal-kreditu li jkunu ġew esternalizzati lilhom attivitajiet skont l-Artikolu 10, jikkonformaw mad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva fuq bażi kontinwa u għandhom jiżguraw li dawk l-attivitajiet ikunu soġġetti għal superviżjoni adegwata mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju sabiex tiġi evalwata din il-konformità.
2.L-Istat Membru fejn ix-xerrejja tal-kreditu jew, fejn ikun applikabbli, ir-rappreżentant tagħhom maħtur skont l-Artikolu 17, ikunu domiċiljati jew stabbiliti għandu jiżgura li l-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ikunu responsabbli mis-superviżjoni tal-obbligi stabbiliti fl-Artikoli 15-19 fir-rigward tax-xerrejja tal-kreditu jew, fejn ikun applikabbli, tar-rappreżentanti tagħhom maħtura skont l-Artikolu 17.
3.L-Istati Membri għandhom jaħtru l-awtoritajiet kompetenti responsabbli mit-twettiq tal-funzjonijiet u tad-dmirijiet skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.
4.Meta l-Istati Membri jaħtru aktar minn awtorità kompetenti waħda skont il-paragrafu 3, dawn għandhom jistabbilixxu l-kompiti rispettivi tagħhom.
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li jiddaħħlu fis-seħħ miżuri adegwati biex l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 3 jkunu jistgħu jiksbu mingħand ix-xerrejja tal-kreditu jew mir-rappreżentanti tagħhom, mis-servizzjanti tal-kreditu, mill-fornituri tas-servizzi tal-kreditu li servizzjant tal-kreditu jkun esternalizza attivitajiet lilhom skont l-Artikolu 10, mill-mutwatarji u minn kwalunkwe persuna jew awtorità pubblika l-informazzjoni meħtieġa biex jitwettaq dan li ġej:
(a)il-valutazzjoni tal-konformità kontinwa mar-rekwiżiti stabbiliti fid-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva;
(b)l-investigazzjoni ta’ ksur possibbli ta’ dawk ir-rekwiżiti;
(c)l-impożizzjoni ta’ sanzjonijiet jew penali amministrattivi u ta’ miżuri ta’ rimedju skont id-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 22.
6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti maħtura skont il-paragrafu 3 jkollhom l-għarfien espert, ir-riżorsi, il-kapaċità operattiva, u s-setgħat meħtieġa sabiex iwettqu l-funzjonijiet u d-dmirijiet tagħhom stabbiliti f’din id-Direttiva.
Artikolu 21
Ir-rwol superviżorju u s-setgħat tal-awtoritajiet kompetenti
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju maħtur skont l-Artikolu 20(3) jingħataw is-setgħat superviżorji, investigattivi u ta’ sanzjonar kollha meħtieġa għall-eżerċitar tal-funzjonijiet u d-dmirijiet tagħhom stabbiliti f’din id-Direttiva, inklużi dawn li ġejjin:
(a)is-setgħa li jagħtu jew jirrifjutaw awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 5;
(b)is-setgħa li jirtiraw awtorizzazzjoni skont l-Artikolu 7;
(c)is-setgħa li jwettqu spezzjonijiet fuq il-post u mhux fuq il-post;
(d)is-setgħa li jimponu sanzjonijiet jew penali amministrattivi u miżuri ta’ rimedju skont id-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 22;
(e)is-setgħa li jirrieżaminaw ftehimiet ta’ esternalizzazzjoni li s-servizzjanti tal-kreditu jkunu daħlu fihom ma’ fornituri tas-servizzi tal-kreditu skont l-Artikolu 10(1).
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju jivvalutaw, mill-inqas darba fis-sena, l-implimentazzjoni mis-servizzjant tal-kreditu tar-rekwiżiti stabbiliti fil-punti (c), (d) u (e) tal-Artikolu 5(1).
3.L-Istati Membri għandhom jiddeterminaw il-firxa tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, wara li jqisu d-daqs, in-natura, l-iskala u l-kumplessità tal-attivitajiet tas-servizzjant tal-kreditu inkwistjoni.
4.L-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju għandhom b’mod regolari, u mill-inqas darba fis-sena, jinfurmaw lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri ospitanti bir-riżultati tal-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, inkluż bid-dettalji dwar kwalunkwe penali amministrattivi jew miżuri ta’ rimedju li jkunu ttieħdu.
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jwettqu l-evalwazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju u dawk ospitanti jiskambjaw l-informazzjoni kollha meħtieġa biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti rispettivi tagħhom stipulati f’din id-Direttiva.
6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru ta’ domiċilju tkun tista’ tirrikjedi li servizzjant tal-kreditu, fornitur tas-servizzi tal-kreditu jew xerrej tal-kreditu jew ir-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 17 li ma jissodisfax ir-rekwiżiti tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva biex jieħu, fi stadju bikri, l-azzjonijiet jew il-passi kollha meħtieġa sabiex jikkonforma ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.
Artikolu 22
Penali amministrattivi u miżuri ta’ rimedju
1.L-Istati Membri għandhom jistabbilixxu regoli li jistipulaw penali amministrattivi u miżuri ta’ rimedju adegwati li jkunu applikabbli mill-inqas fis-sitwazzjonijiet li ġejjin:
(a)servizzjant tal-kreditu jonqos milli jidħol jew jidħol fi ftehim ta’ esternalizzazzjoni bi ksur tad-dispożizzjonijiet li jittrasponu l-Artikolu 10 jew il-fornitur tas-servizz tal-kreditu li l-funzjonijiet ikunu ġew esternalizzati lilu jikkommetti ksur serju tar-regoli legali applikabbli, inkluża l-liġi nazzjonali li tittrasponi din id-Direttiva;
(b)l-arranġamenti ta’ governanza ta’ servizzjant tal-kreditu u l-mekkaniżmi ta’ kontroll intern jonqsu milli jiżguraw ir-rispett lejn id-drittijiet tal-mutwatarji u l-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali;
(c)il-politika ta’ servizzjant tal-kreditu tkun inadegwata għat-trattament xieraq tal-mutwatarji kif stabbilit fl-Artikolu 5(1)(d);
(d)il-proċeduri interni ta’ servizzjant tal-kreditu jonqsu milli jipprevedu għar-reġistrazzjoni u għat-trattar tal-ilmenti tal-mutwatarji skont l-obbligi stabbiliti fil-miżuri nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva;
(e)xerrej tal-kreditu jew, fejn ikun applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 17, jonqos milli jikkomunika l-informazzjoni pprovduta minn miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 16, 18 u 19;
(f)xerrej tal-kreditu jew, fejn ikun applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 17, jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżit tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 15;
(g)xerrej tal-kreditu jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżit tal-miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 17.
2.Il-penali jew il-miżuri msemmija fil-paragrafu 1 għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi u, tal-inqas, għandhom jinkludu dawn li ġejjin:
(a)il-kanċellazzjoni ta’ awtorizzazzjoni biex jitwettqu attivitajiet ta’ servizzjar tal-kreditu;
(b)ordni li tirrikjedi lis-servizzjant tal-kreditu jew lix-xerrej tal-kreditu jew, fejn ikun applikabbli, ir-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 17, biex jirrimedja l-ksur, iwaqqaf dik l-imġiba u joqgħod lura milli jirrepeti dik l-imġiba;
(c)sanzjonijiet pekunjarji amministrattivi.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-penali amministrattivi u l-miżuri ta’ rimedju jiġu implimentati b’mod effettiv.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jiddeterminaw it-tip ta’ penali amministrattivi jew miżuri ta’ rimedju oħrajn u l-ammont ta’ dawk il-penali pekunjarji amministrattivi, l-awtoritajiet kompetenti jqisu ċ-ċirkostanzi kollha li ġejjin, fejn ikun rilevanti:
(a)il-gravità tal-ksur u d-durata tiegħu;
(b)il-grad ta’ responsabbiltà tas-servizzjant tal-kreditu jew tax-xerrej ta’ kreditu jew, fejn ikun applikabbli, ir-rappreżentant maħtur skont l-Artikolu 17, li jkun responsabbli mill-ksur;
(c)is-saħħa finanzjarja tas-servizzjant tal-kreditu jew tax-xerrej tal-kreditu responsabbli mill-ksur, inkluż b’referenza għall-fatturat totali ta’ persuna ġuridika jew għall-introjtu annwali ta’ persuna fiżika;
(d)il-portata tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat kaġun tal-ksur mis-servizzjant tal-kreditu jew mix-xerrej tal-kreditu jew, fejn ikun applikabbli, mir-rappreżentant tiegħu maħtur skont l-Artikolu 17, li jkun responsabbli mill-ksur, sa fejn dawn ikunu jistgħu jiġu ddeterminati;
(e)it-telf ikkawżat lil partijiet terzi mill-ksur, sa fejn dak it-telf ikun jista’ jiġi ddeterminat;
(f)il-livell ta’ kooperazzjoni mis-servizzjant tal-kreditu responsabbli mill-ksur mal-awtoritajiet kompetenti;
(g)każijiet preċedenti ta’ ksur mis-servizzjant tal-kreditu jew mix-xerrej tal-kreditu jew, fejn ikun applikabbli, mir-rappreżentant maħtur skont l-Artikolu 17, li jkun responsabbli mill-ksur;
(h)kwalunkwe konsegwenza sistemika reali jew potenzjali tal-ksur.
5.Meta s-sitwazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 japplikaw għall-persuni ġuridiċi, l-Istati Membri għandhom jiżguraw ukoll li l-awtoritajiet kompetenti japplikaw il-penali amministrattivi u l-miżuri ta’ rimedju stabbiliti fil-paragrafu 2 għall-membri tal-korp maniġerjali jew tal-organu amministrattiv, u għal individwi oħra li jkunu responsabbli mill-ksur skont il-liġi nazzjonali.
6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li qabel ma jieħdu kwalunkwe deċiżjoni li timponi penali amministrattivi jew miżuri ta’ rimedju stabbiliti fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, l-awtoritajiet kompetenti jagħtu lis-servizzjant tal-kreditu inkwistjoni, lix-xerrej tal-kreditu jew, fejn ikun applikabbli, lir-rappreżentant maħtur skont l-Artikolu 17, l-opportunità li jinstema’.
7.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li kwalunkwe deċiżjoni li timponi sanzjonijiet amministrattivi jew miżuri ta’ rimedju kif stipulat fil-paragrafu 2 tkun motivata kif xieraq u tkun soġġetta għad-dritt tal-appell.
TITOLU V
Eżekuzzjoni Extraġudizzjarja Aċċellerata tal-Kollateral
Artikolu 23
Kundizzjonijiet tal-użu volontarju tal-Eżekuzzjoni Extraġudizzjarja Aċċellerata tal-Kollateral
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dan il-mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral ikun jista’ jiġi eżerċitat minn kreditur meta jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:
(a)il-mekkaniżmu jkun ġie miftiehem bil-miktub, jew f’format notarili jekk ikun ipprovdut hekk mill-Istat Membru, mill-kreditur u mill-mutwatarju kummerċjali, u dak il-ftehim jispeċifika l-avveniment tal-eżekuzzjoni u l-perjodu ta’ żmien li fih il-mutwatarju jkun jista’ jagħmel il-pagament wara dak l-avveniment sabiex tiġi evitata l-eżerċitar ta’ din l-eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral;
(b)il-mutwatarju kummerċjali kien infurmat b’mod ċar dwar l-applikazzjoni u l-konsegwenzi ta’ din l-eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral qabel il-konklużjoni tal-ftehim imsemmi fil-punt (a);
(c)fi żmien erba’ (4) ġimgħat mill-avveniment tal-eżekuzzjoni, jew fi żmien aktar tard jekk ikun ġie nnegozjat hekk mill-kreditur u mill-mutwatarju kummerċjali, il-kreditur ikun avża lil mutwatarju kummerċjali, bil-miktub, dwar dan kollu li ġej:
(i)l-intenzjoni tal-kreditur li jirrealizza l-assi permezz ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral biex jissodisfa l-obbligi kuntrattwali tal-kuntratt ta’ kreditu garantit;
(ii)it-tip ta’ miżura ta’ eżekuzzjoni li għandha tiġi applikata kif imsemmi fl-Artikoli 25 u 26;
(iii)il-perjodu ta’ żmien għat-twettiq tal-pagament qabel l-użu tal-mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral imsemmi fil-punt (a);
(iv)l-ammont tal-inadempjenza tal-kuntratt tal-kreditu garantit dovut skont l-obbligi kuntrattwali tal-kuntratt ta’ kreditu garantit;
(d)il-mutwatarju kummerċjali ma jkunx wettaq il-pagament sħiħ kif stipulat fin-notifika tal-kreditur imsemmija fil-punt (c).
Għall-finijiet tal-paragrafu 1, il-ftehim imsemmi fil-paragrafu 1(a) għandu jinkludi titolu direttament infurzabbli.
Għall-finijiet tal-paragrafu 1(a), l-Istati Membri jistgħu jistabbilixxu li f’każijiet li fihom il-mutwatarju kummerċjali jkun ħallas mill-inqas 85 % tal-ammont tal-kuntratt ta’ kreditu garantit, il-perjodu msemmi hemmhekk jista’ jiġi estiż b’mill-inqas sitt xhur.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mutwatarju kummerċjali ma jkollux il-permess li jiddisponi mill-assi mwiegħda bħala kollateral meta jirċievi n-notifika msemmija fil-paragrafu 1(c) u li huwa jkun soġġett għal dmir ġenerali ta’ kooperazzjoni u li jforni l-informazzjoni rilevanti kollha fejn dan il-mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral ikun jista’ jiġi eżerċitat skont il-paragrafu 1.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kreditur jagħti lill-mutwatarju kummerċjali perjodu raġonevoli ta’ żmien biex iwettaq il-pagament u li jagħmel sforzi raġonevoli biex jevita l-użu ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral.
Artikolu 24
Eżekuzzjoni
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kollateral ikun jista’ jiġi realizzat skont dan il-mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral.
2.L-Istati Membri għandhom jipprevedu għal mill-inqas wieħed jew iż-żewġ mezzi li ġejjin biex jiġi realizzat il-kollateral kif imsemmi fil-paragrafu 1 għal kull tip ta’ dritt ta’ titolu ta’ sigurtà u kollateral:
(a)
irkant pubbliku;
(b)
bejgħ privat.
Għal kull wieħed minn dawn il-mezzi, l-Istati Membri jistgħu jipprevedu li nutar, marixxall jew uffiċjal pubbliku ieħor jiġi maħtur fejn ikun xieraq biex jiżgura d-distribuzzjoni effiċjenti u mħaffa tar-rikavat mill-bejgħ u t-trasferiment tal-kollateral lil akkwirent, jew biex jissalvagwardja d-drittijiet tal-mutwatarju.
3.Fejn l-Istati Membri jistabbilixxu l-proċedura ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja permezz ta’ approprjazzjoni, id-dritt tal-kreditur li jżomm l-assi biex jissodisfa l-obbligazzjoni kollha jew parzjali tal-mutwatarju kummerċjali għandu jkun irregolat mil-liġijiet applikabbli f’kull Stat Membru. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li f’każ ta’ approprjazzjoni, id-differenza pożittiva li jkollha titħallas lill-mutwatarju kummerċjali għandha tkun id-differenza bejn is-somma pendenti tal-kuntratt ta’ kreditu garantit u l-valwazzjoni tal-assi.
4.Għall-finijiet tar-realizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kreditur jorganizza valwazzjoni tal-assi, sabiex jiddetermina l-prezz ta’ riżerva f’każi ta’ rkant pubbliku u ta’ bejgħ privat, u li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:
(a)il-kreditur u l-mutwatarju kummerċjali jaqblu dwar il-valwatur li għandu jinħatar;
(b)il-valwazzjoni ssir minn valwatur indipendenti;
(c)il-valwazzjoni tkun ġusta u realistika;
(d)il-valwazzjoni ssir speċifikament għall-finijiet tar-realizzazzjoni tal-kollateral wara l-avveniment tal-eżekuzzjoni;
(e)il-mutwatarju kummerċjali jkollu d-dritt li jikkontesta l-valwazzjoni quddiem qorti skont l-Artikolu 29.
5.Għall-finijiet tal-punt (a), meta l-partijiet ma jkunux jistgħux jaqblu dwar il-ħatra ta’ valwatur għall-finijiet tar-realizzazzjoni tal-kollateral imsemmi fil-paragrafu 2, għandu jinħatar valwatur b’deċiżjoni ta’ qorti ġudizzjarja, skont il-liġi nazzjonali tal-Istat Membru li fih il-mutwatarju kummerċjali jkun stabbilit jew domiċiljat.
Artikolu 25
Irkant pubbliku
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-realizzazzjoni tal-kollateral permezz ta’ rkant pubbliku titwettaq skont l-elementi li ġejjin:
(a)il-kreditur ikun ikkomunika pubblikament il-ħin u l-post tal-irkant pubbliku mill-inqas 10 ijiem qabel dak l-irkant;
(b)il-kreditur ikun għamel sforzi raġonevoli biex jattira l-ogħla għadd ta’ xerrejja potenzjali;
(c)il-kreditur ikun innotifika lill-mutwatarju kummerċjali, u lil kwalunkwe parti terza b’interess jew bi dritt għall-assi, dwar l-irkant pubbliku, inkluż il-ħin u l-post tiegħu, mill-inqas 10 ijiem qabel dak l-irkant;
(d)tkun twettqet valwazzjoni tal-assi qabel l-irkant pubbliku;
(e)il-prezz ta’ riżerva tal-assi jkun mill-inqas ugwali għall-ammont tal-valwazzjoni li jkun ġie ddeterminat qabel l-irkant pubbliku;
(f)l-assi jkun jista’ jinbiegħ bi tnaqqis ta’ mhux aktar minn 20 % tal-ammont tal-valwazzjoni meta japplikaw dawn iż-żewġ xenarji li ġejjin:
(i)ebda xerrej ma jkun għamel offerta fl-irkant pubbliku skont ir-rekwiżiti msemmija fil-punti (e) u (f);
(ii)ikun hemm theddida ta’ deterjorament imminenti tal-assi.
2.Meta l-assi ma jkunx inbiegħ bi rkant pubbliku, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għar-realizzazzjoni tal-kollateral permezz ta’ bejgħ privat.
3.Meta Stat Membru jipprevedi għat-tieni rkant pubbliku, il-punti minn (a) sa (e) tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw iżda l-assi jista’ jinbiegħ bi tnaqqis ulterjuri, kif iddeterminat mill-Istati Membri.
Artikolu 26
Bejgħ privat
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li r-realizzazzjoni tal-kollateral permezz ta’ bejgħ privat titwettaq skont l-elementi li ġejjin:
(a)il-kreditur ikun għamel sforzi raġonevoli, inkluża pubbliċità pubblika adegwata, biex jattira lix-xerrejja potenzjali;
(b)il-kreditur ikun innotifika lill-mutwatarju kummerċjali, u lil kwalunkwe parti terza b’interess jew bi dritt għall-assi, dwar l-intenzjoni tiegħu li jbigħ l-assi mill-inqas 10 ijiem qabel l-assi jiġi offrut għall-bejgħ;
(c)tkun twettqet valwazzjoni tal-assi qabel il-bejgħ privat u/jew qabel l-irkant pubbliku skont il-punt (c) tal-Artikolu 25(1);
(d)il-prezz ta’ gwida tal-assi jkun mill-inqas ugwali għall-ammont stabbilit fil-valwazzjoni msemmija fil-punt (c), fiż-żmien li l-assi jiġu offruti għall-bejgħ privat;
(e)l-assi jkun jista’ jinbiegħ bi tnaqqis ta’ mhux aktar minn 20 % tal-valur meta japplikaw dawn iż-żewġ xenarji li ġejjin:
(i)ebda xerrej ma jkun għamel offerta skont ir-rekwiżiti msemmija fil-punti (d) u (e) fi żmien 30 jum;
(ii)ikun hemm theddida ta’ deterjorament imminenti tal-assi.
2.Meta l-assi ma jkunx inbiegħ f’bejgħ privat fi żmien 30 jum mill-offerta tal-assi għall-bejgħ, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kreditur jirreklama pubblikament il-bejgħ tul perjodu addizzjonali ta’ mill-inqas 30 jum qabel ma jikkonkludi kwalunkwe bejgħ.
3.Meta Stat Membru jipprovdi għat-tieni tentattiv ta’ bejgħ privat, il-punti minn (a) sa (d) tal-paragrafu 1 għandhom japplikaw iżda l-assi jista’ jinbiegħ bi tnaqqis ulterjuri, kif iddeterminat mill-Istati Membri.
Artikolu 27
Drittijiet ta’ titoli ta’ sigurtà f’kompetizzjoni
L-Istati Membri għandhom jipprovdu li l-prijorità marbuta mad-drittijiet ta’ titoli ta’ sigurtà f’kompetizzjoni fl-istess kollateral ma jiġux affettwati bl-infurzar ta’ wieħed minn dawk id-drittijiet permezz tad-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.
Artikolu 28
Dritt għall-kontestazzjoni tal-eżekuzzjoni
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-mutwatarju kummerċjali jkollu d-dritt li jikkontesta l-użu ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral quddiem qorti nazzjonali meta l-bejgħ tal-assi pprovdut bħala kollateral ma jkunx sar skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 24(3), 25 u 26, jew meta l-valwazzjoni tal-assi ma tkunx twettqet skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu l-Artikolu 24(4).
Artikolu 29
Ir-restituzzjoni tal-ammont eċċedenti
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-kreditur ikun meħtieġ iħallas lill-mutwatarju kummerċjali kwalunkwe differenza pożittiva bejn is-somma pendenti tal-kuntratt ta’ kreditu garantit u r-rikavat mill-bejgħ tal-assi.
Artikolu 30
Saldu tal-ammont pendenti
Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 19 sa 23 tad-Direttiva (UE) 20XX/XX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, f’każijiet li fihom l-ammont realizzat wara l-użu ta’ dan il-mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral ikun ammont inqas mis-somma pendenti tal-kuntratt ta’ kreditu garantit, l-Istati Membri jistgħu jipprovdu għas-saldu tal-obbligazzjonijiet kollha taħt dak il-ftehim, skont il-liġijiet nazzjonali applikabbli.
Artikolu 31
Trasferiment ta’ kuntratti ta’ kreditu garantit lil partijiet terzi
L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta kuntratt ta’ kreditu garantit li jipprevedi d-dritt li tintuża l-eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral jiġi ttrasferit mill-istituzzjoni ta’ kreditu jew mis-sussidjarja tagħha lil kwalunkwe parti terza, dik il-parti terza għandha takkwista d-dritt li tuża dan il-mekkaniżmu ta’ eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral f’każ ta’ inadempjenza mill-mutwatarju kummerċjali taħt l-istess termini u kundizzjonijiet tal-istituzzjoni ta’ kreditu.
Artikolu 32
Proċedimenti ta’ ristrutturar u ta’ insolvenza
1.Id-dispożizzjonijiet ta’ din id-Direttiva għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 20XX/XX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li meta jinbdew proċedimenti ta’ insolvenza fir-rigward ta’ mutwatarju kummerċjali, ir-realizzazzjoni tal-kollateral skont il-liġijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva tkun soġġetta għal sospensjoni tal-azzjonijiet ta’ eżekuzzjoni individwali skont il-liġijiet nazzjonali applikabbli.
Artikolu 33
Ġbir tad-data
1.L-Istati Membri u, fil-każ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-awtoritajiet kompetenti li jwettqu superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu għandhom, fuq bażi annwali, jiġbru informazzjoni minn kredituri dwar l-għadd ta’ kuntratti ta’ kreditu garantit li tkun qed issir eżekuzzjoni tagħhom permezz ta’ din l-eżekuzzjoni extraġudizzjarja aċċellerata tal-kollateral u l-iskedi taż-żmien ta’ tali eżekuzzjoni.
2.L-Istati Membri u, fil-każ ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu, l-awtoritajiet kompetenti li jwettqu superviżjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, għandhom, fuq bażi annwali, jiġbru l-informazzjoni li ġejja mingħand il-kredituri:
(a)
l-għadd ta’ proċedimenti skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva li jkunu nbdew, pendenti u rrealizzati, inklużi:
(i) l-għadd ta’ proċedimenti fir-rigward ta’ assi mobbli,
(ii) l-għadd ta’ proċedimenti fir-rigward ta’ assi immobbli.
(b)
it-tul tal-proċedimenti min-notifika sas-saldu, irranġati skont il-mod ta’ realizzazzjoni (bejgħ pubbliku, bejgħ privat, jew approprjazzjoni);
(c)
il-kostijiet medji ta’ kull proċediment, f’EUR;
(d)
ir-rati tas-saldu.
3.L-Istati Membri għandhom jiġbru d-data msemmija fil-paragrafu 2 u jiġbru statistiċi minn dik id-data aggregata għas-sena kalendarja sħiħa li tibda DATE [OP: Jekk jogħġbok daħħal data tal-1 ta’ Jannar ta’ wara l-adozzjoni ta’ dan l-att].
4.L-istatistiċi msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jiġu kkomunikati lill-Kummissjoni fuq bażi annwali u sal-31 ta’ Marzu tas-sena kalendarja ta’ wara s-sena li tkun inġabret id-data dwarha.
TITOLU VI
Salvagwardji u dmir tal-kooperazzjoni
Artikolu 34
Modifika tal-kuntratt ta’ kreditu
Mingħajr preġudizzju għall-obbligi li l-konsumatur jiġi infurmat skont id-Direttiva 2014/17/UE, id-Direttiva 2008/48/KE u d-Direttiva 93/13/KEE, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li qabel ma jimmodifikaw it-termini u l-kundizzjonijiet tal-kuntratt ta’ kreditu jew b’kunsens jew b’operat tal-liġi, il-kreditur jikkomunika l-informazzjoni li ġejja lill-konsumatur:
(a)deskrizzjoni ċara u komprensiva tal-bidliet proposti;
(b)l-iskeda ta’ żmien għall-implimentazzjoni ta’ dawk il-bidliet;
(c)ir-raġunijiet għall-ilmenti disponibbli għall-konsumatur dwar dawk il-modifiki;
(d)il-perjodu ta’ żmien disponibbli għat-tressiq ta’ kwalunkwe lment bħal dan;
(e)l-isem u l-indirizz tal-awtorità kompetenti fejn dak l-ilment ikun jista’ jitressaq.
Artikolu 35
Ilmenti
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjant tal-kreditu jikkomunika, mingħajr dewmien, l-informazzjoni li ġejja lill-mutwatarju:
(a)l-identità tas-servizzjant tal-kreditu;
(b)kopja tal-awtorizzazzjoni tiegħu mogħtija skont l-Artikolu 6;
(c)l-isem, l-indirizz u d-dettalji tal-kuntatt tal-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru fejn il-mutwatarju jkun domiċiljat jew stabbilit u fejn il-mutwatarju jkun jista’ jressaq ilment.
2.Il-komunikazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha ssir bil-miktub, jew b’mezzi elettroniċi meta dan ikun permess skont il-liġi tal-Unjoni jew dik nazzjonali.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, fil-komunikazzjonijiet sussegwenti kollha mal-mutwatarju kif ukoll f’kull komunikazzjoni bit-telefon, is-servizzjant tal-kreditu jinkludi jew jiddikjara l-informazzjoni elenkata fil-punti (a) u (c) tal-paragrafu 1.
4.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li s-servizzjanti tal-kreditu jistabbilixxu u jżommu proċeduri effettivi u trasparenti għall-ittrattar tal-ilmenti li jaslu mingħand il-mutwatarji.
5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li t-trattament mis-servizzjanti tal-kreditu ta’ lmenti li jaslu mingħand il-mutwatarji jkun mingħajr ħlas u li s-servizzjanti tal-kreditu jirreġistraw l-ilmenti u l-miżuri li jkunu ħadu biex jindirizzawhom.
6.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti jistabbilixxu u jippubblikaw proċedura għat-trattar tal-ilmenti mill-mutwatarji li jkunu jirrigwardaw lix-xerrejja tal-kreditu, lis-servizzjanti tal-kreditu u lill-fornituri tas-servizzi tal-kreditu u li jiżguraw li dawn jiġu ttrattati minnufih malli jaslu.
Artikolu 36
Protezzjoni tad-data personali
L-għoti ta’ informazzjoni lill-individwi dwar l-ipproċessar ta’ data personali u l-ipproċessar ta’ dik id-data personali u kull ipproċessar ieħor ta’ data personali għall-finijiet ta’ din id-Direttiva għandhom jitwettqu skont ir-Regolament (UE) 2016/679 u r-Regolament (KE) Nru 45/2001.
Artikolu 37
Kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti
1.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikoli 7, 11, 12, 13, 16, 18, 19 u 21 għandhom jikkooperaw ma’ xulxin kull meta dan ikun meħtieġ għall-fini tat-twettiq tad-dmirijiet tagħhom jew għall-eżerċitar tas-setgħat tagħhom skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva. Dawk l-awtoritajiet għandhom ukoll jikkoordinaw l-azzjonijiet tagħhom sabiex jevitaw duplikazzjoni u sovrapożizzjoni possibbli meta japplikaw il-poteri superviżorji u l-penali u l-miżuri amministrattivi f’każijiet transfruntiera.
2.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti, fuq talba u mingħajr dewmien mhux meħtieġ, jipprovdu lil xulxin l-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tat-twettiq tal-funzjonijiet u tad-dmirijiet tagħhom skont id-dispożizzjonijiet nazzjonali li jittrasponu din id-Direttiva.
3.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-awtoritajiet kompetenti li jirċievu informazzjoni kunfidenzjali fl-eżerċitar tal-funzjonijiet u tad-dmirijiet tagħhom skont din id-Direttiva jużaw dik l-informazzjoni biss matul il-qadi tal-funzjonijiet u tad-dmirijiet tagħhom.
4.L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri amministrattivi u organizzattivi meħtieġa sabiex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni msemmija f’dan l-Artikolu.
5.L-Awtorità Bankarja Ewropea għandha tiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri u tippromwovi l-kooperazzjoni bejniethom.
Titolu VII
Emenda
Artikolu 38
Emenda għad-Direttiva 2014/17/UE
Jiddaħħal l-Artikolu 28a li ġej:
“Artikolu 28a
1.Meta d-drittijiet tal-kreditur taħt kuntratt ta’ kreditu jew il-kuntratt innifsu jiġu ċeduti lil parti terza, il-konsumatur għandu jkun intitolat li jeċċepixxi kontra ċ-ċessjonarju kwalunkwe difiża li kienet disponibbli għalih kontra l-kreditur oriġinali, inkluża tpaċija fejn din tal-aħħar tkun permessa fl-Istat Membru inkwistjoni.
2.Il-konsumatur għandu jkun infurmat dwar iċ-ċessjoni msemmija fil-paragrafu 1.”
Titolu VIII
Dispożizzjonijiet finali
Artikolu 39
Kumitat
1.Il-Kummissjoni għandha tkun megħjuna minn kumitat. Dak il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.
2.Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.
Artikolu 40
Evalwazzjoni
1.Ħames snin wara d-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Direttiva, il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni ta’ din id-Direttiva u tippreżenta rapport dwar is-sejbiet ewlenin lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
2.Meta l-evalwazzjoni tidentifika problemi importanti fit-tħaddim tad-Direttiva, ir-Rapport għandu jiddeskrivi kif il-Kummissjoni tkun biħsiebha tindirizza l-problemi identifikati, inklużi l-passi u l-iskedi tar-reviżjoni potenzjali.
Artikolu 41
Traspożizzjoni
1.Sa mhux aktar tard mill-31 ta’ Diċembru 2020, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa sabiex ikunu konformi ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw minnufih lill-Kummissjoni t-testi ta' dawk id-dispożizzjonijiet.
2.Dawn għandhom japplikaw dawn id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2021.
Madankollu, l-Artikoli 4(1), 7 u 9 sa 12 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2021.
3.Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.
4.L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 42
Dħul fis-seħħ
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 43
Destinatarji
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Parlament Ewropew
Għall-Kunsill
Il-President
Il-President