Brussell, 9.3.2018

COM(2018) 121 final

2018/0055(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Ministri AKP-UE dwar ir-reviżjoni tal-Anness IC tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.Suġġett tal-proposta

Din il-proposta tirrigwarda d-deċiżjoni li tistabbilixxi l-pożizzjoni li trid tittieħed f'isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Ministri AKP-UE b’rabta mal-adozzjoni prevista ta’ deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri li tirrigwarda t-tqassim mill-ġdid ta’ fondi għall-allokazzjoni għall-finanzjament tal-kooperazzjoni interreġjonali u intra-AKP ma’ ħafna jew mal-Istati kollha tal-AKP.

2.Kuntest tal-proposta

2.1.Il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE ("il-Ftehim ta' Cotonou")

Il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE 1 ("il-Ftehim") għandu l-għan li jwaqqaf Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati AKP. Il-Ftehim daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2003 u ġie rivedut fl-2005 u fl-2010 skont il-klawżola ta’ reviżjoni sabiex il-Ftehim jiġi eżaminat kull ħames snin.

B’konformità mal-Artikolu 95(2) tal-Ftehim, il-protokolli ta’ finanzjament huma definiti għal perjodu speċifiku. Tali protokolli finanzjarji jistabbilixxu l-ammont ġenerali tal-assistenza finanzjarja tal-UE.

Il-protokoll finanzjarju ġie adottat mid-Deċiżjoni Nru 1/2013 tal-Kunsill ta’ Ministri AKP-UE tas-7 ta’ Ġunju 2013 għall-perjodu 2014-2020 2 : jieħu l-forma tal-Anness IC għall-Ftehim.

L-Artikolu 100 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE jiddikjara li l-Annessi tiegħu jistgħu jiġu riveduti u / jew emendati mill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għall-Finanzjament tal-Iżvilupp AKP-EU.

Il-punt 2(b) tal-Artikolu 15 tal-Ftehim jiddikjara li l-funzjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE għandhom ikunu li jieħdu d-deċiżjonijiet meħtieġa għall-implimentazzjoni tad-dispożizzjoni tal-“Ftehim”.

2.2.Il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE

Il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jista’ jieħu deċiżjonijiet li jkunu legalment vinkolanti fuq il-Partijiet. Il-Kunsill tal-Ministri jinkludi, fuq naħa waħda, il-membri tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u, fuq in-naħa l-oħra, membru mill-gvern ta’ kull Stat tal-AKP. Alternattivament, l-uffiċċju tal-President tal-Kunsill tal-Ministri jinżamm minn membru tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u membru mill-gvern ta’ kull Stat tal-AKP. Bħala regola, il-Kunsill jiltaqa’ darba fis-sena bl-inizjattiva tal-President u kull meta jqis meħtieġ, f’forma u kompożizzjoni ġeografika xierqa għall-kwistjonijiet li jridu jiġu indirizzati.

2.3.L-att previst tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE

Il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE għandu jadotta deċiżjoni rigward il-modifika tal-Anness IC tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE (“l-att previst”).

Id-Deċiżjoni tapplika għall-Anness IC, il-punti 2(a) u 2(b) u tikkonċerna t-tqassim mill-ġdid ta’ fondi għall-allokazzjoni għall-finanzjament tal-kooperazzjoni interreġjonali u intra-AKP ma’ ħafna jew mal-istati kollha tal-AKP.

Minn naħa, EUR 425 miljun se jitnaqqsu mill-allokazzjoni għall-finanzjament tal-programmi indikattivi nazzjonali u reġjonali msemmija fil-punt 2(a) tal-Anness IC.

Min-naħa l-oħra, l-allokazzjoni għall-finanzjament tal-kooperazzjoni interreġjonali u intra-AKP, imsemmija fil-punt 2(b) tal-Anness IC se tiżdied b’EUR 425 miljun biex tikkontribwixxi għall-finanzjament taż-żewġ inizjattivi, jiġifieri l-Inizjattiva Spotlight u s-Sħubija Globali għall-Edukazzjoni (GPE).

L-inizjattiva Spotlight hija azzjoni globali konġunta bejn l-UE u n-NU mmirata lejn il-prevenzjoni u r-rispons għall-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fil-pajjiżi fil-mira.

L-objettiv globali tal-GPE huwa li jimmobilizza l-isforzi globali u nazzjonali biex jinkisbu edukazzjoni u tagħlim ta’ kwalità għal kulħadd permezz ta’ sħubija inklużiva, enfasi fuq sistemi ta’ edukazzjoni effettivi u l-finanzjament għall-edukazzjoni bażika.

Il-finanzjament se jiġi allokat permezz tal-FEŻ, mir-riżerva ġenerali għall-Programmi Indikattivi Nazzjonali u Reġjonali sal-kooperazzjoni intra-AKP kif ġej:

- Ammont ta’ EUR 350 miljun huwa allokat għall-inizjattiva Spotlight;

- Ammont ta’ EUR 75 miljun huwa allokat għall-GPE.

L-att ippjanat isir vinkolanti fuq il-partijiet f'konformità mal-Artikolu 15.3 tal-Ftehim li jipprevdi li “l-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jista’ jieħu deċiżjonijiet li jkunu vinkolanti fuq il-Partijiet”.

3.Pożizzjoni li għandha tittieħed f'isem l-Unjoni

Skont l-Artikolu 100 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jista’ jirrevedi, jeżamina u / jew jemenda l-Ftehim abbażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għall-Finanzjament tal-Iżvilupp AKP-UE.

L-Unjoni Ewropea hija impenjata bil-qawwa favur l-ugwaljanza bejn is-sessi, it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa ta’ kull età u l-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ vjolenza kontra n-nisa u l-bniet madwar id-dinja.

L-inizjattiva Spotlight hija azzjoni globali konġunta bejn l-UE u n-NU mmirata lejn il-prevenzjoni u r-rispons għall-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet fil-pajjiżi fil-mira. Ġiet imnedija uffiċjalment fit-Tnejn u Sebgħin (72) sessjoni tal-Assemblea Ġenerali tan-NU fl-20 ta’ Settembru 2017.

Fuq il-bażi tal-evidenza, l-inizjattiva Spotlight se tiffoka fuq forom partikolari ta’ vjolenza sesswali u l-vjolenza abbażi ta’ sess li huma prevalenti jew li joħorġu b’mod prominenti f’reġjuni speċifiċi u b’hekk se tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-SDG 5 dwar “Ugwaljanza bejn is-Sessi”.

Se jitnieda mekkaniżmu ta’ Fond Multidonatur għall-inizjattiva dwar is-Sessi, li se jiġi mmaniġġat mill-Uffiċċju Eżekuttiv tas-SĠ tan-NU. Il-finanzjament se jiġi allokat permezz tal-Istrument tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (SKŻ) tal-UE għall-Amerka Latina u l-Asja u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp (FEŻ) għal pajjiżi AKP.

L-inizjattiva tal-GPE tappoġġa l-kisba ta’ tliet għanijiet ta’ livell għoli. L-ewwel żewġ għanijiet huma l-ekwità inklużi l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-inklużjoni, u t-tagħlim ta’ kwalità. It-tielet għan huwa l-bini ta’ sistemi edukattivi aktar b’saħħithom bil-kapaċità li jagħtu servizzi edukattivi bbilanċjati u ta’ kwalità. L-inizjattiva nħolqot fl-2012 biex twettaq impenji globali tal-edukazzjoni li saru fil-Forum Dinji għall-Edukazzjoni f'Dakar u fis-Summit tal-Millenju.

Il-GPE hija sħubija bejn ħafna partijiet interessati u pjattaforma ta’ finanzjament bil-għan li ssaħħaħ is-sistemi edukattivi f’pajjiżi bi dħul medju baxx, jew iktar baxxi, billi ttejjeb l-pjanijiet settorjali tal-edukazzjoni u l-implimentazzjoni tagħhom.

L-UE, flimkien mal-Grupp ta’ Stati tal-AKP, ilha tappoġġa l-GPE mill-2005. It-tkomplija tal-finanzjament ta’ din is-sħubija taqbel sew mal-qafas ta’ politika tal-UE-AKP.

Iż-żewġ inizjattivi huma u se jkunu f’konformità mal-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp li jippromwovi approċċ aktar komprensiv lejn l-iżvilupp uman. Fir-rigward tal-edukazzjoni, dan l-approċċ ifisser aktar għajnuna għal edukazzjoni ta’ kwalità inklużiva u bbilanċjata għal kulħadd u t-tagħlim tul il-ħajja (SDG 4) b’attenzjoni partikolari fuq il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi (SDG 5).

B'hekk, il-Kummissjoni qed tipproponi lill-Kunsill jadotta d-deċiżjoni attwali.

4.Bażi ġuridika

4.1.Bażi ġuridika proċedurali

4.1.1.Prinċipji

L-Artikolu 218(9) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi deċiżjonijiet li jistabbilixxu “l-pożizzjonijiet li għandhom jiġu adottati f'isem l-Unjoni f'sede stabbilita fi ftehim, meta dik is-sede tintalab tadotta atti li jkollhom effetti legali, sakemm dawn ma jkunux atti li jissupplimentaw jew jemendaw il-qafas istituzzjonali tal-ftehim”.

Il-kunċett ta’ “atti li jkollhom effetti legali” jinkludi atti li jkollhom effetti legali skont ir-regoli tad-dritt internazzjonali li jirregola l-korp (“sede”) inkwistjoni. Jinkludi wkoll strumenti li ma għandhomx effett vinkolanti skont id-dritt internazzjonali, iżda li "jistgħu jinfluwenzaw b’mod determinanti l-kontenut tal-leġiżlazzjoni adottata mil-leġiżlatura tal-Unjoni" 3 .

4.1.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

Il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE huwa korp stabbilit minn ftehim, jiġifieri l-Ftehim ta’ Cotonou.

L-att li l-Kunsill tal-Ministri AKP-UE huwa msejjaħ li jadotta jikkostitwixxi att b’effetti legali. L-att previst se jkun vinkolanti skont id-dritt internazzjonali b’konformità mal-Artikolu 100 tal-Ftehim ta’ Cotonou.

L-att previst la jissupplimenta u lanqas jemenda l-qafas istituzzjonali tal-Ftehim.

Għalhekk, il-bażi ġuridika proċedurali għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 218(9) TFUE.

4.2.Bażi ġuridika sostantiva

4.2.1.Prinċipji

Il-bażi ġuridika sostantiva għal deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE tiddependi primarjament fuq l-objettiv u l-kontenut tal-att previst li fir-rigward tiegħu tiġi meħuda pożizzjoni f’isem l-Unjoni. Jekk l-att previst ikollu żewġ għanijiet jew ikollu żewġ komponenti, u jekk wieħed minn dawn l-għanijiet jew komponenti jkun identifikabbli bħala l-ewlieni filwaqt li l-ieħor ikun sempliċiment inċidentali, id-deċiżjoni skont l-Artikolu 218(9) TFUE trid tkun imsejsa fuq bażi ġuridika sostantiva waħda, jiġifieri dik rikjesta mill-għan jew mill-komponent ewlieni jew predominanti.

4.2.2.Applikazzjoni għal dan il-każ

L-objettiv u l-kontenut ewlieni tal-att previst jirrigwardaw il-"kooperazzjoni għall-iżvilupp". Għalhekk, il-bażi ġuridika sostantiva għad-deċiżjoni proposta hija l-Artikolu 209(2) TFUE.

4.3.Konklużjoni

Il-bażi ġuridika tad-deċiżjoni proposta jenħtieġ li tkun l-Artikolu 209(2) TFUE flimkien mal-Artikolu 218(9) TFUE.

5.Pubblikazzjoni tal-att previst

Billi l-att tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE se japplika għall-Anness IC tal-Ftehim ta’ Cotonou, huwa xieraq li dan jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea wara l-adozzjoni tiegħu.

2018/0055 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Ministri AKP-UE dwar ir-reviżjoni tal-Anness IC tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, (minn hawn ’il quddiem imsejjaħ “il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE")  4 ,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Ftehim ta' Sħubija bejn il-membri tal-Grupp ta' Stati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku ("AKP"), minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra ("il-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE"), ġie ffirmat f'Cotonou fit-23 ta' Ġunju 2000. Il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE daħal fis-seħħ fl-1 ta’ April 2003 u ġie rivedut fl-2005 u fl-2010 skont il-klawżola ta’ reviżjoni sabiex il-Ftehim jiġi eżaminat kull ħames snin.

(2)B’konformità mal-Artikolu 95(2) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, il-protokolli ta’ finanzjament huma definiti għal perjodu speċifiku. Tali protokolli finanzjarji jistabbilixxu l-ammont ġenerali tal-assistenza finanzjarja tal-UE. Il-protokoll finanzjarju ġie adottat mid-Deċiżjoni Nru 1/2013 tal-Kunsill ta’ Ministri AKP-UE tas-7 ta’ Ġunju 2013 għall-perjodu 2014-2020 5 , fil-forma ta’ Anness IC tal-Ftehim.

(3)Skont l-Artikolu 100 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, il-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jista’ jirrevedi, jeżamina u / jew jemenda l-Ftehim abbażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għall-Finanzjament tal-Iżvilupp AKP-UE.

(4)L-Unjoni għandha tappoġġa t-twassil mill-ġdid ta’ fondi skont l-Anness IC tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE mill-allokazzjoni għall-finanzjament ta’ programmi indikattivi nazzjonali u reġjonali, għall-allokazzjoni għall-finanzjament tal-kooperazzjoni intra-AKP u dik interreġjonali ma’ ħafna jew mal-istati kollha tal-AKP.

(5)Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Ministri AKP-UE billi d-Deċiżjoni se tkun vinkolanti fuq l-Unjoni.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

1.Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Ministri AKP-UE fir-rigward tar-reviżjoni tal-Anness IC tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-att tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE mehmuż ma' din id-Deċiżjoni.

2. Ir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill tal-Ministri AKP-UE jistgħu jiftiehmu dwar tibdil minuri għall-abbozz tad-Deċiżjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 2

Wara l-adozzjoni tagħha, id-Deċiżjoni tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Kummissjoni.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Il-Ftehim (ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3) kif emendat mill-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27) u mill-Ftehim iffirmat f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p 3).
(2)    Id-Deċiżjoni Nru 1/2013 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE tas-7 ta’ Ġunju 2013 adottat protokoll dwar il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2014-2020 taħt il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, ĠU L 173 tas-26.6.2013;
(3)    Is-Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-7 ta' Ottubru 2014, Il-Ġermanja vs Il-Kunsill, il-Kawża C-399/12, ECLI:EU:C:2014:2258, il-paragrafi minn 61 sa 64.
(4)    Il-Ftehim (ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3) kif emendat mill-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27) u mill-Ftehim iffirmat f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p 3).
(5)    Id-Deċiżjoni Nru 1/2013 tal-Kunsill tal-Ministri AKP-UE tas-7 ta’ Ġunju 2013 adottat protokoll dwar il-qafas finanzjarju pluriennali għall-perjodu 2014-2020 taħt il-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-Grupp tal-Istati tal-Afrika, il-Karibew u l-Paċifiku, minn naħa, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra, ĠU L 173 tas-26.6.2013;

Brussell,9.3.2018

COM(2018) 121 final

ANNESS

ta' [...]

Proposta ta'

DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL

dwar il-pożizzjoni li għandha tieħu l-Unjoni Ewropea fil-Kunsill tal-Ministri AKP-UE dwar ir-reviżjoni tal-Anness IC tal-Ftehim ta' Sħubija AKP-UE


ANNESS

DEĊIŻJONI Nru .../2018

TAL-KUNSILL TAL-MINISTRI AKP-UE

ta’ ../../2018

dwar ir-reviżjoni tal-Anness IC tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE

IL-KUNSILL TAL-MINISTRI AKP-UE

Wara li kkunsidra l-ftehim ta’ sħubija bejn il-Membri tal-Grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku, minn naħa waħda, u l-Komunità Ewropea u l-Istati Membri tagħha, min-naħa l-oħra 1 , (minn hawn 'il quddiem “il-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE”), u partikolarment l-Artikolu 15(2) tiegħu, flimkien mal-Artikoli 100 tiegħu;

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 15(2) tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE, il-funzjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri jinkludu t-teħid ta’ kull deċiżjoni biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-Ftehim.

(2)L-Artikolu 100 tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE jiddikjara li l-Annessi tiegħu jista’ jiġi riveduti, eżaminat u / jew emendati mill-Kunsill tal-Ministri AKP-UE fuq il-bażi ta’ rakkomandazzjoni mill-Kumitat ta’ Kooperazzjoni għall-Finanzjament tal-Iżvilupp AKP-UE.

(3)Jinħtieġ li l-Anness IC tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE jiġi modifikat sabiex jassenja mill-ġdid il-fondi bejn l-istrumenti ta’ kooperazzjoni permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp għall-istrument ta’ kooperazzjoni interreġjonali u dak intra-AKP.

Il-fondi mqassmin mill-ġdid għandhom jikkontribwixxu għall-iffinanzjar tal-inizjattiva Spotlight u tas-Sħubija Globali għall-Edukazzjoni (GPE).

L-inizjattiva Spotlight hija azzjoni globali konġunta bejn l-UE u n-NU mmirata lejn il-prevenzjoni u r-rispons għall-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet f’pajjiżi fil-mira. Fuq il-bażi tal-evidenza, l-inizjattiva Spotlight se tiffoka fuq forom partikolari ta’ vjolenza sesswali u l-vjolenza fuq il-bażi ta’ sess li huma prevalenti jew li joħorġu b’mod prominenti f’reġjuni speċifiċi u b’hekk se tikkontribwixxi biex jintlaħaq l-SDG 5 dwar l-“Ugwaljanza bejn is-Sessi”.

L-objettiv globali tal-GPE huwa li timmobilizza l-isforzi nazzjonali biex tinkiseb edukazzjoni u tagħlim ta’ kwalità għal kulħadd permezz tas-sħubija inklużiva, attenzjoni fuq sistemi ta’ edukazzjoni effettivi u l-iffinanzjar għall-edukazzjoni bażika. Iż-żewġ inizjattivi huma konformi mal-Ftehim ta’ Sħubija ta’ Cotonou kif ukoll mal-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli li jippromwovu approċċ aktar komprensiv għall-iżvilupp tal-bniedem. Fir-rigward tal-edukazzjoni, dan l-approċċ ifisser aktar għajnuna għal edukazzjoni ta’ kwalità inklużiva u bbilanċjata għal kulħadd u t-tagħlim tul il-ħajja (SDG 4) b’attenzjoni partikolari fuq il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi (SDG 5).

IDDEĊIEDA KIF ĠEJ

Artikolu 1

1.Sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti tal-ipprogrammar, il-finanzjament permezz tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp se jitqassam mill-ġdid bejn l-allokazzjonijiet għal strumenti ta’ kooperazzjoni stabbiliti fl-Anness IC tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE.

2.Ammont ta’ EUR 425 miljun se jitqassam mill-ġdid mir-riżerva ġenerali għal Programmi Indikattivi Nazzjonali u Reġjonali, stabbiliti fil-punt 2(a) tal-Anness IC, lill-kooperazzjoni intra-AKP u dik interreġjonali, stabbiliti fil-punt 2 (b) tal-Anness IC, kif ġej:

Ammont ta’ EUR 350 miljun għandu jiġi allokat lill-inizjattiva Spotlight;

Ammont ta’ EUR 75 miljun għandu jiġi allokat lill-Isħubija Globali għall-Edukazzjoni.

Artikolu 2

B’konsegwenza tat-tqassim mill-ġdid ta’ allokazzjonijiet permezz l-Artikolu 1, it-test tal-Anness IC tal-Ftehim ta’ Sħubija AKP-UE għandu jiġi modifikat kif ġej:

1.Il-punt 2(a) tal-Anness IC għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE għandu jiġi sostitwit b'li ġej:

“(a)    EUR 23 940 miljun biex ikunu ffinanzjati programmi indikattivi nazzjonali u reġjonali. Din l-allokazzjoni se tintuża biex tiffinanzja:

(i)    il-programmi indikattivi nazzjonali tal-Istati individwali tal-AKP skont l-Artikoli minn 1 sa 5 tal-Anness IV għal dan il-Ftehim rigward il-proċeduri ta' implimentazzjoni u ta' amministrazzjoni;

(ii)    il-programmi indikattivi reġjonali ta’ appoġġ għall-kooperazzjoni reġjonali u interreġjonali u l-integrazzjoni reġjonali tal-Istati tal-AKP skont l-Artikoli minn 6 sa 11 tal-Anness IV għal dan il-Ftehim rigward il-proċeduri ta' implimentazzjoni u ta' amministrazzjoni;”

2.Il-punt 2(b) tal-Anness IC għall-Ftehim ta' Sħubija AKP-KE għandu jiġi sostitwit b'li ġej:

“(b)    EUR 4 015-il miljun għall-finanzjament tal-kooperazzjoni intra-AKP u interreġjonali ma’ ħafna mill-istati tal-AKP jew għal dawn l-Istati kollha skont l-Artikoli minn 12 sa 14 tal-Anness IV għal dan il-Ftehim rigward il-proċeduri ta' implimentazzjoni u ta' amministrazzjoni. Dan il-pakkett għandu jinkludi appoġġ għall-istituzzjonijiet konġunti u l-korpi maħluqa skont dan il-Ftehim. Għandu jkopri wkoll l-assistenza għall-infiq operattiv tas-Segretarjat tal-AKP imsemmi fil-punti 1 u 2 tal-Protokoll Nru 1 dwar in-nefqa operattiva tal-istituzzjonijiet konġunti".

Artikolu 3

Id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi […], […]

   Għall-Kunsill tal-Ministri AKP-UE

   Il-President

(1)    Il-Ftehim (ĠU L 317, 15.12.2000, p. 3) kif emendat mill-Ftehim iffirmat fil-Lussemburgu fil-25 ta' Ġunju 2005 (ĠU L 209, 11.8.2005, p. 27) u mill-Ftehim iffirmat f'Ouagadougou fit-22 ta' Ġunju 2010 (ĠU L 287, 4.11.2010, p. 3).