Brussell, 8.3.2018

COM(2018) 115 final

2018/0050(COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran

{SWD(2018) 59 final}
{SWD(2018) 60 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Il-Punent tal-Mediterran huwa wieħed mill-iktar sottoreġjuni żviluppati f’termini tas-sajd fil-Mediterran. Madwar 31 % mill-ħatt l-art kollu li jsir fil-Mediterran (jiġifieri EUR 1,35 biljun minn ammont totali ta’ EUR 4,76 biljuni) isir f’dan ir-reġjun, u madwar 19 % mill-flotta tas-sajd tal-Mediterran irrappurtata b’mod uffiċjali tinsab f’dan ir-reġjun 1 .

Għalkemm ma jirrappreżentax l-ikbar proporzjon ta’ ħatt l-art, is-sajd għall-ħut tal-qiegħ huwa mfittex ferm mis-sajjieda minħabba l-valur kummerċjali għoli ta’ dan it-tip ta’ ħut. Is-sajd għall-ħut tal-qiegħ fil-Mediterran huwa kumpless ħafna u jinkludi ħafna speċijiet ta’ ħut u ta’ krustaċji. L-ispeċijiet ewlenin tal-ħut tal-qiegħ li jinqabdu fil-Punent tal-Mediterran huma l-merluzz (Merluccius merluccius), it-trilja tal-ħama (Mullus barbatus), il-gamblu aħmar il-kbir (Aristaeomorpha foliacea), il-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris), il-gamblu blu u aħmar (Aristeus antennatus) u l-iskampu (Nephrops norvegicus). Dan it-tip ta’ sajd jinvolvi ħafna speċijiet u xi wħud mill-istokkijiet tal-ħut ipassu mill-ibħra territorjali ta’ diversi Stati Membri. L-irkaptu ewlieni li jintuża biex jinqabdu l-ispeċijiet tal-ħut tal-qiegħ huma x-xbieki tat-tkarkir, li bihom jinqabad l-ikbar ammont ta’ ħut u li jintużaw fuq l-iktar bastimenti b’magna b’saħħitha, iżda jintuża wkoll irkaptu passiv ieħor bħall-pariti, l-għeżula, in-nases u l-konzijiet.

Bħalissa, is-sajd għall-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran huwa ġestit permezz ta’ pjanijiet ta’ ġestjoni nazzjonali adottati skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 (“ir-Regolament dwar il-Baħar Mediterran”) 2 . L-Italja għandha tliet pjanijiet ta’ ġestjoni għall-bastimenti tat-tkarkir (li ġew adottati fl-2011 permezz ta’ att leġiżlattiv wieħed) 3 , Franza għandha pjan ta’ ġestjoni wieħed għal dawn il-bastimenti (li ġie adottat fl-2013) 4 u Spanja wkoll għandha pjan ta’ ġestjoni wieħed għal dawn il-bastimenti (li daħal fis-seħħ fl-2013) 5 . Il-pjanijiet jissejsu fuq il-kontrolli tad-dħul, jiġifieri fuq ir-restrizzjoni tal-isforz tas-sajd). Is-soltu dan l-approċċ għall-ġestjoni jkun jinkludi miżuri bħar-restrizzjonijiet tal-irkaptu tas-sajd u tal-għadd ta’ awtorizzazzjonijiet u ta’ liċenzji tas-sajd, l-iffissar ta’ għadd massimu ta’ jiem tas-sajd u l-waqfien temporanju jew permanenti tal-attivitajiet tas-sajd. Fil-livell tal-UE, fl-2016 ġie adottat pjan ta’ tliet snin għall-iskartar tal-ħut 6 , 7 biex jiġi implimentat l-obbligu tal-ħatt l-art li ġie stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 8 (“ir-Regolament dwar il-PKS”) għall-ispeċijiet li huma suġġetti għal daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni. Fil-livell internazzjonali, fl-2009 l-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran (il-GFCM) adottat Rakkomandazzjoni dwar żona b’sajd ristrett fil-Golf tal-Iljuni (fit-Tramuntana tal-Punent tal-Mediterran) sabiex jitħarsu l-ġlejjeb tal-ħut riproduttiv (b’mod partikulari tal-merluzz) u l-ħabitats sensittivi tal-fond 9 . Kif spjegat hawn taħt, dawn il-miżuri mhumiex restrittivi biżżejjed biex is-sajd jimxi lejn l-għanijiet ta’ konservazzjoni stabbiliti fir-Regolament dwar il-Baħar Mediterran u fil-politika komuni tas-sajd (il-PKS).

Ħafna mill-istokkijiet kummerċjali fil-Punent tal-Mediterran jiġu mistada f’livelli li huma ferm ogħla mill-meded tal-mortalità mis-sajd li jippermettu li jinkisbu l-miri tar-rendiment massimu sostenibbli (l-FMSY) — fil-fatt, iktar minn 80 % mill-istokkijiet ivvalutati huma mistada żżejjed f’dan is-sottoreġjun 10 . Barra minn hekk, il-bijomassa ta’ xi wħud minn dawn l-istokkijiet tinsab qrib il-punt ta’ referenza ta’ limitu (il-BLIM) 11 u dan juri li hemm probabbiltà kbira li dawk l-istokkijiet jiġu eżawriti. Il-merluzz u t-trilja tal-ħama huma l-iktar stokkijiet mistada żżejjed, b’livelli attwali ta’ sfruttament li huma sa għaxar darbiet iktar mill-miri stmati għall-FMSY. Għalkemm l-istatus ta’ ħafna mill-istokkijiet tal-ħut l-oħrajn mhuwiex magħruf, wisq probabbli dawn jinsabu f’qagħda simili. Waqt diversi konsultazzjonijiet li saru fl-2015 u fl-2016, fosthom bħala parti mill-“proċess ta’ Catania”, fil-maġġoranza l-kbira tagħhom, il-partijiet interessati qablu li l-istokkijiet tal-ħut fil-Mediterran huma mistada żżejjed b’mod serju. Barra minn hekk, il-komunità xjentifika Ewropea u internazzjonali ilha tisħaq li hemm bżonn jittieħdu miżuri urġenti biex jitnaqqsu l-livelli għoljin ta’ sajd eċċessiv fil-baċir tal-Mediterran.

Din il-proposta tindirizza l-livelli għoljin ta’ sajd eċċessiv u l-qafas regolatorju li mhuwiex effettiv billi, għall-ewwel darba, iddaħħal pjan pluriennali fil-livell tal-UE. L-għan ta’ dan il-pjan pluriennali huwa li jinkisbu l-għanijiet tar-Regolament dwar il-PKS (mogħtija fl-Artikolu 2 tiegħu) b’rabta mas-sajd għall-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran, u b’mod partikulari li jiġi żgurat li l-attivitajiet tas-sajd ikunu sostenibbli fit-tul mil-lat ambjentali u li dawn jiġu ġestiti b’mod li jiżgura li jkun hemm benefiċċji ekonomiċi, soċjali u għall-impjiegi. Il-pjan se jiffaċilita wkoll l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art u se jippermetti li jintuża approċċ reġjonalizzat li, permezz tiegħu, l-Istati Membri kkonċernati jkunu involuti fit-tfassil tal-miżuri ta’ ġestjoni.

Ir-Regolament dwar il-PKS jistabbilixxi qafas ġenerali u jidentifika s-sitwazzjonijiet li fihom il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iridu jadottaw pjanijiet pluriennali; b’mod iktar speċifiku:

l-Artikolu 9 jistabbilixxi l-prinċipji u l-objettivi tal-pjanijiet pluriennali. B’mod partikulari, jenħtieġ li jittieħdu miżuri ta’ konservazzjoni biex l-istokkijiet tal-ħut jiġu ripristinati u jinżammu ’l fuq minn livelli li jkunu kapaċi jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (l-MSY);

l-Artikolu 10 jelenka l-kontenut tal-pjanijiet pluriennali. Il-miri kwantifikabbli li jikkorrispondu għar-rendiment massimu sostenibbli huma mogħtija bħala meded tal-FMSY. Dawn jippermettu xi ftit flessibbiltà sabiex jitqies is-sajd imħallat u jiżguraw li jkun hemm iktar konsistenza fl-istabbiliment tal-miżuri ta’ ġestjoni għad-diversi stokkijiet, minħabba li jagħtu ċertu lok għall-immanuvrar. Ma’ dawn il-miri għandu jkun hemm dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja marbutin ma’ punti ta’ referenza ta’ prekawzjoni u ta’ limitu dwar il-konservazzjoni;

skont l-Artikolu 15, il-pjanijiet iridu jispeċifikaw id-dettalji ta’ kif se jintlaħaq l-obbligu tal-ħatt l-art, fosthom id-dettalji li ġejjin: id-dispożizzjonijiet speċifiċi dwar is-sajd jew dwar l-ispeċijiet koperti mill-obbligu; l-eżenzjonijiet, inklużi l-eżenzjonijiet de minimis ta’ mhux aktar minn 5 % tal-qabdiet annwali totali tal-ispeċijiet kollha suġġetti għall-obbligu; id-dispożizzjonijiet dwar id-dokumentazzjoni tal-qabdiet; u fejn ikun il-każ, l-iffissar ta’ daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni; u

l-Artikolu 18 jistabbilixxi qafas għall-kooperazzjoni reġjonali dwar il-miżuri ta’ konservazzjoni. L-Istati Membri li jkollhom interess ta’ ġestjoni dirett jistgħu jippreżentaw rakkomandazzjonijiet konġunti għal ċerti miżuri li jridu jittieħdu mill-Kummissjoni, f’każijiet fejn din tkun ingħatat is-setgħa li tadotta atti delegati jew atti ta’ implimentazzjoni biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fil-pjan. Il-pjan jistabbilixxi l-kooperazzjoni reġjonali fost l-Istati Membri bil-għan li jiġu adottati d-dispożizzjonijiet għall-obbligu tal-ħatt l-art u miżuri speċifiċi ta’ konservazzjoni għal ċerti stokkijiet.

It-Taqsima 5 tagħti ħarsa ġenerali lejn id-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-pjan pluriennali.

Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti f’dan il-qasam ta’ politika

Din il-proposta għal pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran hija konsistenti mar-Regolament dwar il-PKS u mal-pjanijiet pluriennali preċedenti għall-istokkijiet tal-bakkaljaw, tal-aringi u tal-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku 12 , għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana 13 u għall-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku 14 .

Ir-Regolament dwar il-Baħar Mediterran jistabbilixxi miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni bħad-daqs minimu tal-malja, id-distanza u l-fond minimu għall-użu tal-irkaptu tas-sajd u d-daqs minimu tal-ħatt l-art. Ħafna minn dawn il-miżuri se jinbidlu jekk tiġi adottata l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament dwar il-konservazzjoni tar-riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni tal-ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi 15 .

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta u l-għanijiet tagħha huma konsistenti ma’ politiki oħrajn tal-Unjoni, b’mod speċjali mal-politiki ambjentali, bħal dawk mogħtija fid-Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina 16 , u mal-għan li, sal-2020, ikun żgurat li l-ilmijiet marini tal-UE jkollhom status ambjentali tajjeb.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-bażi ġuridika ta’ din il-proposta hija l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea.

Sussidjarjetà

Il-proposta għandha x’taqsam mal-konservazzjoni tar-riżorsi bijoloġiċi tal-baħar, li tidħol fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. B’hekk, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

Proporzjonalità

Il-miżuri proposti jikkonformaw mal-prinċipju tal-proporzjonalità billi huma xierqa u meħtieġa, filwaqt li ma hemm l-ebda miżura inqas restrittiva oħra disponibbli biex jintlaħqu l-għanijiet mixtieqa tal-politika.

Għażla tal-istrument

L-istrument propost huwa Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

Evalwazzjonijiet ex-post/kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Ma japplikawx.

Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Fl-2016 u fl-2017 saru diversi konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati. Dawn il-konsultazzjonijiet kellhom l-għan: (i) li jqajmu kuxjenza dwar is-sitwazzjoni allarmanti tal-biċċa l-kbira tal-istokkijiet tal-ħut fil-Mediterran; (ii) li jintlaħaq qbil dwar il-bżonn li jittieħdu miżuri urġenti fil-livell nazzjonali, f’dak tal-UE u f’dak internazzjonali; u (iii) li jiġbru informazzjoni mingħand l-ikbar għadd ta’ partijiet ikkonċernati possibbli u l-fehmiet tagħhom dwar kif l-aħjar tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni.

Għall-finijiet tas-sempliċità, ġbarna flimkien l-attivitajiet ta’ konsultazzjoni fi tliet gruppi: dawk li saru fil-kuntest tal-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar Mediterran, dawk li saru fil-kuntest tal-“proċess ta’ Catania” u l-konsultazzjoni pubblika.

Il-Kunsill Konsultattiv tal-Baħar Mediterran (il-MEDAC)

Il-MEDAC huwa l-aktar organizzazzjoni rappreżentattiva tal-partijiet ikkonċernati fil-qasam tas-sajd fir-reġjun tal-Mediterran. Huwa jirrappreżenta l-partijiet kollha li jintlaqtu minn din l-inizjattiva, jiġifieri s-settur tas-sajd (inkluż is-sajd fuq skala żgħira), it-trejdjunjins u gruppi ta’ interess oħrajn bħall-organizzazzjonijiet ambjentali, il-gruppi tal-konsumaturi u l-assoċjazzjonijiet tas-sajd sportiv jew rikreattiv li jaħdmu fiż-żona tal-Mediterran skont il-PKS.

Fl-2017, il-MEDAC iltaqa’ erba’ darbiet biex jiddiskuti b’mod speċifiku l-pjan pluriennali, u f’dawn il-laqgħat ħadu sehem rappreżentanti tal-industrija, rappreżentanti tal-amministrazzjonijiet tas-sajd tal-Istati Membri, rappreżentanti tal-komunità tar-riċerka xjentifika, rappreżentanti tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd u rappreżentanti tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (id-DĠ Affarijiet Marittimi u Sajd). Dan ix-xogħol wassal biex f’Novembru tal-2017 il-MEDAC adotta opinjoni 17 . Ħafna mill-elementi li l-MEDAC irrakkomanda ddaħħlu f’din il-proposta, u dawn huma dawn li ġejjin:

il-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjan pluriennali f’dak li għandu x’jaqsam mal-kopertura ġeografika, mal-istokkijiet u mal-irkaptu tas-sajd (inkluż għas-sajd rikreattiv);

l-użu ta’ opportunitajiet tas-sajd imsejsin fuq limiti tal-isforz tas-sajd (mogħti bħala jiem fuq il-baħar jew l-għadd ta’ bastimenti li joħorġu jistadu ta’ kuljum), skont il-parir xjentifiku;

l-estensjoni tal-projbizzjoni fuq l-irkaptu tat-tkarkir tal-qiegħ minn 50 metru sa fond adattat biex jitħarsu iktar il-ħabitats essenzjali tal-ħut mal-kosta;

l-użu tal-għeluq ġeotemporali tas-sajd sabiex jitħarsu ż-żoni ta’ tkabbir u ta’ riproduzzjoni tal-ħut;

aġġornamenti dwar id-daqsijiet minimi tal-ħatt l-art tal-ispeċijiet imniżżlin fl-Anness III tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006.

Żewġ elementi (jiġifieri l-introduzzjoni ta’ sistemi elettroniċi ta’ monitoraġġ għall-bastimenti kollha li għalihom jgħodd il-pjan pluriennali u l-appoġġ addizzjonali min-naħa tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd (l-FEMS)), ma ddaħħlux f’din il-proposta minħabba li tqies li xi oqfsa legali trażversali oħrajn kienu iktar adattati.

Il-“proċess ta’ Catania”

Waqt il-laqgħa ta’ livell għoli li saret fi Frar tal-2016, li tat bidu għall-proċess ta’ Catania, il-parteċipanti rrikonoxxew il-progress li sar b’rabta mal-pariri xjentifiċi, mal-kooperazzjoni intergovernattiva permezz tal-GFCM u (sa ċertu punt iżda mhux daqshekk) mal-adozzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni għal ċerti stokkijiet tal-ħut. Mill-banda l-oħra, ġie nnutat li dan il-progress ma sarrafx f’titjib fl-istatus tal-istokkijiet tal-ħut. Fil-Baħar Mediterran, iktar minn 90 % tal-istokkijiet kummerċjali tal-ħut evalwati jiġu sfruttati f’livelli li huma ferm iktar mil-limiti bijoloġiċi sikuri, filwaqt li l-qagħda ta’ ħafna stokkijiet għadha mhix magħrufa. Sabiex tiġi indirizzata din is-sitwazzjoni, il-parteċipanti talbu b’mod unanimu li jittieħed impenn mill-ġdid favur ċerti miżuri biex is-sajd fil-Mediterran jerġa’ jinġieb f’livelli sostenibbli.

Dan il-momentum politiku wassal biex, f’Ġunju tal-2016, id-diretturi tal-qasam tas-sajd tat-tmien Stati Membri tal-Mediterran iltaqgħu sabiex jieħdu azzjoni li tmur lil hinn mill-impenji ġenerali fit-teorija u sabiex jiżguraw li l-UE tieħu azzjonijiet konkreti biex terfa’ r-responsabbiltajiet tagħha. Huma ġibdu l-attenzjoni wkoll għal oqsma ta’ prijorità li fihom għandhom jittieħdu miżuri nazzjonali addizzjonali. Għall-Punent tal-Mediterran, Franza u Spanja pproponew li jistabbilixxu għeluq ġeotemporali konġunt fil-Golf tal-Iljuni sabiex jonqos l-isforz tas-sajd u tittejjeb is-selettività għall-merluzz f’din iż-żona.

Il-proċess ta’ konsultazzjoni ġie konkluż f’Marzu tal-2017, meta ġiet iffirmata d-Dikjarazzjoni Ministerjali dwar is-sostenibbiltà tas-sajd fil-Mediterran 18 , li tistabbilixxi qafas strateġiku ġdid għall-governanza tas-sajd f’dan ir-reġjun u sett ta’ ħames azzjonijiet għall-għaxar snin li ġejjin b’riżultati li jistgħu jitkejlu. Din l-inizjattiva hija parti mill-miżuri li ttieħdu fil-livell tal-UE biex il-livelli tal-istokkijiet tal-ħut fil-Punent tal-Mediterran jerġgħu jinġiebu f’livelli sostenibbli.

Il-konsultazzjoni pubblika

Bejn it-30 ta’ Mejju u t-30 ta’ Settembru 2016, id-DĠ Affarijiet Marittimi u Sajd għamel konsultazzjoni pubblika onlajn dwar “pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran”. L-għan ġenerali tiegħu kien li jiġbor il-fehmiet tal-partijiet ikkonċernati u l-kummenti tagħhom, b’mod partikulari fl-istadju inizjali tat-tfassil.

Dawk li wieġbu ntalbu jimlew kwestjonarju li kien magħmul minn mistoqsijiet bi tweġiba miftuħa jew bi tweġiba li għaliha riedu jagħżlu minn lista ta’ tweġibiet mogħtija, li minnhom sitta kienu dwar il-parteċipanti u 18 kienu marbutin mal-aspetti bijoloġiċi, soċjoekonomiċi u tekniċi tas-sajd għall-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran. Is-suġġetti ttrattati kienu jinkludu l-perċezzjoni tal-problema, l-għażliet ta’ ġestjoni u l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ pjan possibbli pluriennali u l-kontenut tiegħu.

Is-sejbiet ewlenin kienu dawn li ġejjin 19 :

(1)il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu qablu li l-qafas ta’ ġestjoni attwali (jiġifieri l-pjanijiet ta’ ġestjoni nazzjonali adottati skont ir-Regolament dwar il-Baħar Mediterran) mhux biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet tal-PKS. Barra minn hekk, 67 % minnhom kienu tal-fehma li l-fatt li l-qafas attwali jiġi kkumplimentat b’miżuri fuq perjodu qasir fil-livell nazzjonali jew tal-UE mhux se jkun biżżejjed biex jinkisbu l-għanijiet;

(2)ħafna minn dawk li wieġbu kienu tal-fehma li, f’ħafna aspetti, il-qafas ta’ ġestjoni attwali ma ġiex implimentat tajjeb, u ma ġiex implimentat bl-istess mod fil-pajjiżi kollha u għall-flotot tas-sajd kollha. Żewġ fatturi ewlenin wasslu biex dan ma jkunx effettiv: (i) in-nuqqas ta’ involviment tal-partijiet ikkonċernati (fosthom tas-settur tas-sajd) fit-tfassil tal-miżuri; u (ii) in-nuqqas ta’ kontrolli effettivi;

(3)ħafna minn dawk li wieġbu kienu tal-fehma li pjan pluriennali tal-UE għas-sajd għall-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran kien l-aħjar soluzzjoni fit-tul. In-natura mħallta tas-sajd, l-għadd ta’ Stati Membri involuti u l-interazzjonijiet bejn it-tipi ta’ rkaptu tas-sajd differenti u t-tipi ta’ sajd differenti jiġġustifikaw dan l-approċċ;

(4)il-biċċa l-kbira ta’ dawk li wieġbu kienu favur li l-pjan pluriennali jkun jinkludi l-għanijiet li ġejjin: (i) il-kisba ta’ rendimenti massimi sostenibbli; (ii) l-adozzjoni ta’ qafas ta’ ġestjoni effettiv u trasparenti; (iii) it-tisħiħ tas-sistemi ta’ kontroll, ta’ monitoraġġ u ta’ sorveljanza; u (iv) l-iżgurar tal-istabbiltà soċjoekonomika tas-settur tas-sajd;

(5)il-konsultazzjoni pubblika tat daqqa t’għajn ukoll lejn il-kwistjoni tal-identifikazzjoni ta’ miżuri alternattivi għas-sajd għall-ħut tal-qiegħ fil-Mediterran, bħall-iffissar ta’ qabdiet totali permissibbli (it-TACs). L-NGOs u xi ċittadini kienu favur din il-miżura. Madankollu, l-ebda assoċjazzjoni tas-sajjieda jew amministrazzjoni pubblika ma kienet favuriha, minħabba li huwa kkumplikat ħafna li wieħed jimplimenta t-TACs fil-każ tas-sajd imħallat;

(6)dawk li wieġbu kważi kollha kienu favur l-użu ta’ reġim ta’ sforzi flimkien ma’ miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni bħala l-aħjar mod kif jiġi ġestit is-sajd għall-ħut tal-qiegħ fil-Mediterran. L-iktar miżuri li kienu appoġġati kienu l-għeluq ġeotemporali, il-modifiki tekniċi biex titjieb is-selettività, id-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni u l-iskemi ta’ ġestjoni konġunta.

Ġbir u użu tal-kompetenzi

L-aspetti xjentifiċi u tekniċi ta’ din l-inizjattiva indirizzawhom b’mod ewlieni l-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-STECF), id-DĠ Affarijiet Marittimi u Sajd u l-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura. Żewġ gruppi ta’ ħidma magħmulin minn esperti tal-STECF iltaqgħu fl-2015 u fl-2016 sabiex joħorġu b’valutazzjoni bijoloġika tal-għażliet tal-politika u b’pariri dwar diversi aspetti tal-pjan pluriennali. Fl-2017, is-servizzi tal-Kummissjoni ħarġu b’lista tal-partijiet ikkonċernati milqutin u għamlu analiżi soċjoekonomika. L-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura pprovda iktar dejta dwar id-dinamika tas-suq fil-Punent tal-Mediterran.

Il-valutazzjoni tal-istatus tal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran tissejjes fuq l-iktar xogħol riċenti tal-STECF u tal-Kumitat Xjentifiku Konsultattiv (l-SAC) tal-GFCM.

Barra minn hekk, din l-inizjattiva tissejjes ukoll fuq iż-żewġ studji li ġejjin:

l-evalwazzjoni retrospettiva tar-Regolament dwar il-Baħar Mediterran 20 , li ntużat biex tiġi analizzata l-implimentazzjoni tar-Regolament min-naħa tal-Istati Membri u biex jiġi vvalutat sa liema punt din wasslet biex jinkisbu l-għanijiet tal-PKS. L-istudju tal-każ tal-Golf tal-Iljuni kien importanti ferm biex tiġi ddefinita n-natura tal-problema; u

l-analiżi fid-dettall tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tal-Istati Membri li għamel l-STECF 21 , 22 , li kkontribwiet biex tiġi ddefinita l-problema, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mar-raġunijiet għala tqies li l-pjanijiet ma kinux biżżejjed biex jinkisbu livelli sostenibbli tas-sajd sal-2020.

Inġabar ukoll materjal ieħor ta’ appoġġ billi saret riċerka fil-pubblikazzjonijiet xjentifiċi, fir-rapporti tekniċi u fil-kotba.

Valutazzjoni tal-impatt

Bi qbil mal-Linji Gwida għal Regolamentazzjoni Aħjar, il-Kummissjoni ħejjiet valutazzjoni tal-impatt li fiha ġabret l-evidenza kollha meħtieġa favur din l-inizjattiva u analizzatha. Dan kien jinvolvi l-verifika tal-eżistenza ta’ problema, deskrizzjoni tal-għażliet ewlenin tal-politika u eżami tal-impatti ambjentali, soċjali u ekonomiċi li dawn jista’ jkollhom.

Żewġ problemi ewlenin jolqtu s-sajd għall-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran. Dawn huma l-livelli għoljin ta’ sajd eċċessiv u l-qafas regolatorju li mhuwiex effettiv. L-użu eċċessiv tal-kapaċità tas-sajd (jiġifieri wisq bastimenti u wisq sforz tas-sajd) ġie identifikat bħala r-raġuni ewlenija għas-sajd eċċessiv. Fl-istess ħin, il-qafas regolatorju attwali mhuwiex effettiv minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tiegħu, l-implimentazzjoni bil-mod u ħażina tiegħu u n-nuqqas ta’ responsabbiltà tal-partijiet ikkonċernati fih. B’mod dirett jew indirett, dawn il-problemi wasslu għall-qagħda allarmanti tal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ (fil-fatt, iktar minn 80 % mill-istokkijiet ivvalutati huma mistada żżejjed u l-bijomassa ta’ xi wħud minnhom hija baxxa ħafna, li juri li hemm probabbiltà kbira li dawk l-istokkijiet jiġu eżawriti), għal implikazzjonijiet soċjoekonomiċi għas-sajjieda u għas-settur tas-sajd, u għal impatti fuq l-ambjent marin.

Il-problemi deskritti hawn fuq jaffettwaw b’mod ewlieni lill-flotot tal-UE ta’ Franza, l-Italja u Spanja. Skont id-dejta li ġiet irrappurtata fil-kuntest tal-ġbir tad-dejta dwar is-sajd fl-UE, din l-inizjattiva jaf tolqot lil madwar 13 000 bastiment 23 . Minnhom madwar 76 % huma bastimenti Taljani, 15 % huma bastimenti Spanjoli u 9 % huma bastimenti Franċiżi. L-iżgħar segmenti tal-flotta huma l-iktar l-irkaptu passiv u l-bastimenti tas-sajd bil-konz (kważi 10 400 bastiment li jaqbdu madwar 1 500 tunnellata ta’ ħut), filwaqt li l-ikbar segmenti huma l-iktar bastimenti tat-tkarkir tal-qiegħ (kważi 2 800 bastiment li jaqbdu madwar 13 500 tunnellata ta’ ħut). Il-biċċa l-kbira tal-azjendi tas-sajd involuti huma mikrointrapriżi (bħala medja, 89 % tal-intrapriżi għandhom bastiment wieħed biss).

F’dan l-isfond, tqiesu tliet għażliet tal-politika, kif ġej:

l-Għażla nru 1 — “l-ebda bidla fil-politika” jew iż-żamma tal-istatus quo (jiġifieri jibqa’ japplika l-qafas regolatorju eżistenti) — din l-għażla sservi ta’ parametru referenzjarju li miegħu jitqabblu l-għażliet l-oħrajn;

l-Għażla nru 2 — “l-emendar tal-qafas ta’ ġestjoni attwali” — il-pjanijiet ta’ ġestjoni nazzjonali se jiġu riveduti sabiex ikunu jinkludu l-għanijiet tal-PKS, l-iktar billi jiġi emendat il-kamp ta’ applikazzjoni tagħhom (f’termini tal-istokkijiet tal-ħut, tat-tip ta’ sajd u taż-żona li jkopru) u billi fihom jiddaħħlu għanijiet ġodda ta’ konservazzjoni bħar-rendiment massimu sostenibbli, miri kwantifikabbli u skedi taż-żmien, u salvagwardji ġodda; u

l-Għażla nru 3 — “l-adozzjoni ta’ pjan pluriennali fil-livell tal-UE”, bil-għan li jiġi żgurat li l-flotot tas-sajd tal-UE li jistadu għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran ikunu koperti minn qafas regolatorju ssimplifikat u integrat fil-livell tal-UE.

Meta titqies l-evidenza kollha li nġabret u li ġiet analizzata matul il-proċess tal-valutazzjoni tal-impatt, l-għażla ppreferuta hija l-Għażla nru 3, jiġifieri pjan pluriennali fil-livell tal-UE. Ir-raġunijiet għal dan huma mniżżlin hawn taħt:

(1)il-pjan pluriennali jkollu iktar impatti ambjentali pożittivi. B’mod partikulari, se jkun hemm probabbiltà ta’ madwar 36 % li jinkisbu l-miri tal-mortalità mis-sajd għall-istokkijiet kollha. Għad li dan l-indikatur xorta waħda huwa baxx u ferm ’il bogħod mill-mira tal-MSY, joffri riżultati aħjar minn dawk tal-Għażla nru 1 u tal-Għażla nru 2 (li joffru probabbiltà ta’ 0 % u ta’ 28 % rispettivament);

(2)madwar 70 % mill-istokkijiet ivvalutati se jiżdiedu għal-livelli tal-bijomassa tal-istokk riproduttiv (SSB) ’il fuq mill-punt ta’ referenza ta’ prekawzjoni (BPA), meta mqabbla ma’ 5 % minnhom fil-każ tal-Għażla nru 1 u ma’ 72 % minnhom fil-każ tal-Għażla nru 2. Il-pjan se jdaħħal ukoll salvagwardji marbutin mal-bijomassa li jkunu jeħtieġu miżuri ddefiniti minn qabel biex jerġgħu jiżdiedu l-livelli tal-istokkijiet li jkunu waqgħu taħt il-limiti bijoloġiċi sikuri, u b’hekk iżid ukoll il-probabbiltà li jinżammu livelli sostenibbli tal-bijomassa. Barra minn hekk, hemm iktar riskji inerenti fl-Għażla nru 2 marbutin mal-kisba tal-FMSY milli hemm fil-pjan, għal żewġ raġunijiet bażiċi: (i) iridu jiġu ssodisfati ħafna iktar kundizzjonijiet sabiex ikun hemm qafas ta’ ġestjoni effettiv (pereżempju iktar kooperazzjoni, armonizzazzjoni u koordinazzjoni fost l-Istati Membri); u (ii) anke jekk jiġi emendat il-qafas attwali, ma hemmx garanzija li l-implimentazzjoni ħażina li ġiet innutata s’issa mhux se tkompli;

(3)għalkemm il-pjan jinvolvi iktar spejjeż tranżitorji marbutin mal-impjiegi u mal-profittabilità minħabba t-tnaqqis fl-isforz tas-sajd, il-prestazzjoni soċjoekonomika tal-flotot kollha mistennija titjieb sal-2025, u sa dak iż-żmien flotta waħda biss mistennija tkun f’riskju finanzjarju (filwaqt li disa’ segmenti tal-flotta mistennija jkunu f’riskju finanzjarju fil-każ tal-Għażla nru 1 u erba’ fil-każ tal-Għażla nru 2);

(4)meta mqabbel mal-pjanijiet ta’ ġestjoni nazzjonali attwali, il-pjan pluriennali se jkun sempliċi (se jkun hemm qafas regolatorju wieħed), stabbli (għax iqis il-perspettiva fit-tul) u trasparenti (it-tliet Stati Membri kkonċernati flimkien se jtellgħu l-livelli tal-mortalità mis-sajd għal livelli sostenibbli);

(5)il-pjanijiet pluriennali huma iktar konsistenti mar-riforma tal-PKS, b’mod partikulari mal-Artikolu 2 tagħha, minħabba li huma, bil-wisq, l-għodda ppreferuta għall-ġestjoni tal-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut.

Fl-aħħar nett, il-konsultazzjoni wiesgħa wriet li ħafna mill-partijiet ikkonċernati (l-amministrazzjonijiet pubbliċi, is-settur tas-sajd, l-NGOs u l-pubbliku inġenerali) iqisu pjan pluriennali tal-UE bħala l-aħjar għażla għall-ġestjoni tas-sajd għall-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Filwaqt li din il-proposta mhijiex inizjattiva li tifforma parti mill-programm dwar l-idoneità u l-prestazzjoni tar-regolamentazzjoni (REFIT) tal-Kummissjoni, hija se ddaħħal qafas ta’ ġestjoni iktar sempliċi, iktar stabbli u iktar trasparenti. Wara perjodu ta’ tranżizzjoni, wieħed jista’ jistenna li jkun hemm is-simplifikazzjoni, minħabba li l-pjan pluriennali se jissostitwixxi d-dispożizzjonijiet li bħalissa jinsabu mifruxin fil-pjanijiet ta’ ġestjoni nazzjonali u se jiżgura l-konsistenza bejn id-diversi għodod ta’ ġestjoni li jintużaw għal dan it-tip ta’ sajd.

Il-proposta se tipprevedi wkoll sistema iktar ċara biex il-pariri xjentifiċi jissarrfu f’miżuri konkreti ta’ ġestjoni. Ix-xjenzati se jagħtu l-parir xjentifiku tagħhom kull sena, fost affarijiet oħra, dwar il-limiti tal-isforz sabiex ikunu żgurati livelli sostenibbli tas-sajd, u dan imbagħad se jissarraf fi proposta annwali tal-Kummissjoni fil-kuntest tar-Regolament dwar l-opportunitajiet tas-sajd.

Drittijiet fundamentali

Mhux applikabbli.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Ma hemm l-ebda implikazzjoni baġitarja.

5.ELEMENTI OĦRA

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rapportar

Il-monitoraġġ ta’ xi ftit mill-effetti tal-miżuri ta’ ġestjoni jifforma parti mix-xogħol ta’ rutina assoċjat mal-implimentazzjoni tal-PKS. L-Istati Membri diġà jiġbru d-dejta li se tkun meħtieġa biex jiġu mmonitorjati l-impatti soċjoekonomiċi u ambjentali tal-proposta fil-kuntest tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-ġbir tad-dejta. L-STECF diġà jagħti pariri xjentifiċi dwar l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ ikkonċernati (jiġifieri l-merluzz, it-trilja tal-ħama, il-gamblu blu u aħmar, il-gamblu abjad, il-gamblu aħmar il-kbir u l-iskampu). L-impatti fuq is-suq se jiġu mmonitorjati permezz tal-Osservatorju Ewropew tas-Suq tal-Prodotti tas-Sajd u tal-Akkwakultura.

Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar il-PKS, il-pjanijiet pluriennali għandhom jipprevedu evalwazzjoni inizjali ex-post u mbagħad evalwazzjonijiet sussegwenti, b’mod partikulari biex jitqies it-tibdil fil-parir xjentifiku. Ħames snin wara li jidħol fis-seħħ il-pjan, l-STECF se jivvalutah u se jivvaluta l-impatti tiegħu. Imbagħad il-Kummissjoni se tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar dan. Evalwazzjoni qabel dan iż-żmien mhijiex fattibbli, minħabba li jkun għadda ammont konsiderevoli taż-żmien bejn l-implimentazzjoni tal-pjan u l-punt li fih id-dejta meħtieġa għall-evalwazzjoni tkun disponibbli. Madankollu, l-evalwazzjoni perjodika ma żżommx lil-leġiżlaturi milli jemendaw il-pjan bi tweġiba għal xi żviluppi xjentifiċi, politiċi jew soċjoekonomiċi li jista’ jkun hemm.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni

Mhux applikabbli.

Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

B’konformità mad-dispożizzjonijiet dwar il-prinċipji u l-objettivi tal-pjanijiet pluriennali u l-kontenut tagħhom (mogħtija fl-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament dwar il-PKS rispettivament), l-elementi prinċipali tal-pjan huma dawn li ġejjin:

il-kamp ta’ applikazzjoni: il-proposta tapplika għall-istokkijiet mistada waqt is-sajd għall-ħut tal-qiegħ (jiġifieri l-merluzz, it-trilja tal-ħama, il-gamblu abjad, il-gamblu blu u aħmar, il-gamblu aħmar il-kbir u l-iskampu), għall-istokkijiet tal-qabdiet aċċessorji u għal stokkijiet tal-ħut tal-qiegħ oħrajn li dwarhom ma hemmx biżżejjed dejta disponibbli. Hija tapplika wkoll għas-sajd kummerċjali u rikreattiv li jisfrutta dawk l-istokkijiet fil-Punent tal-Mediterran (jiġifieri fis-subżoni 1, 2, 5, 6, 7, 8, 9, 10 u 11 tal-GFCM);

l-għanijiet: l-għanijiet tal-proposta huma li tikkontribwixxi għall-għanijiet mogħtija fl-Artikolu 2 tar-Regolament dwar il-PKS, b’mod partikulari li jinkisbu r-rendimenti massimi sostenibbli, li jiġi applikat l-approċċ ta’ prekawzjoni u li jiġi implimentat l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema. Il-proposta se tiffaċilita wkoll l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art;

miri kwantifikabbli: il-miri tal-mortalità mis-sajd proposti huma meded tal-FMSY, mogħtija bħala bijomassa tal-istokk riproduttiv, li għandhom jinkisbu sa mhux aktar tard mill-2020. Dawn il-meded se jippermettu li l-istokkijiet ikkonċernati jiġu ġestiti abbażi tal-MSY, filwaqt li joffru xi ftit flessibbiltà fil-kuntest tas-sajd imħallat;

il-punti ta’ referenza dwar il-konservazzjoni: il-punti ta’ referenza dwar il-konservazzjoni proposti, mogħtija bħala bijomassa tal-istokk riproduttiv, huma skont il-parir xjentifiku għall-Baħar Mediterran. Għal kull stokk, il-proposta ddaħħal punt ta’ referenza ta’ limitu (jew valur ta’ limitu tal-bijomassa, il-BLIM), li fih l-istokk ikun f’periklu kbir li jiġi eżawrit, u punt ta’ referenza ta’ prekawzjoni (jew valur ta’ prekawzjoni tal-bijomassa, il-BPA), bħala marġni ta’ sikurezza;

salvagwardji u miżuri ta’ rimedju: il-proposta ddaħħal miżuri ta’ salvagwardja sabiex l-istokk jitħalla jirkupra f’każ li jkunu nqabżu l-punti ta’ referenza ta’ limitu jew ta’ prekawzjoni. Dawn il-miżuri jkopru diversi azzjonijiet, fosthom miżuri ta’ emerġenza tal-Kummissjoni jew tal-Istati Membri;

reġim tal-isforz tas-sajd: il-proposta ddaħħal reġim tal-isforz tas-sajd fil-livell tal-UE għall-bastimenti tat-tkarkir kollha fiż-żoni mogħtija fl-Anness I li jidħlu fil-kategoriji tat-tul tal-bastimenti mogħtija f’dak l-Anness. Kull sena, abbażi tal-parir xjentifiku, il-Kunsill se jiddeċiedi l-isforz tas-sajd massimu permissibbli (l-għadd ta’ jiem tas-sajd) għal kull grupp ta’ sforz u għal kull Stat Membru. Barra minn hekk, il-proposta tipprevedi tnaqqis sostanzjali fl-isforz tas-sajd fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni tagħha, b’konformità mal-parir xjentifiku;

żoni magħluqin għas-sajd: bħala miżura kumplimentari, il-proposta tistabbilixxi għeluq ġeotemporali li jipprojbixxi l-bastimenti tat-tkarkir milli jistadu fl-isobat ta’ 100 metru mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena. B’hekk iż-żona ta’ mal-kosta tispiċċa rriżervata għal irkaptu iktar selettiv sabiex jitħarsu ż-żoni ta’ tkabbir tal-ħut u l-ħabitats sensittivi u sabiex tiżdied is-sostenibbiltà soċjali tas-sajd fuq skala żgħira. Minħabba l-importanza soċjoekonomika tal-merluzz u l-ħtieġa urġenti li titnaqqas il-mortalità għolja mis-sajd tiegħu, qed jiġi promoss l-għeluq ta’ żoni addizzjonali għas-sajd biex jitħares il-merluzz riproduttiv, permezz tar-reġjonalizzazzjoni;

l-obbligu tal-ħatt l-art: il-proposta tagħti dettalji dwar l-implimentazzjoni fit-tul tal-obbligu tal-ħatt l-art. B’mod partikulari, hija ddaħħal dispożizzjonijiet dwar ir-reġjonalizzazzjoni, skont il-bżonn, biex jittawwal il-perjodu tal-eżenzjonijiet għal speċijiet li għalihom l-evidenza turi rati għoljin ta’ sopravvivenza u l-perjodu tal-eżenzjonijiet de minimis u/jew biex dawn l-eżenzjonijiet jiġu emendati;

kooperazzjoni reġjonali: il-proposta tistabbilixxi kooperazzjoni reġjonali fost l-Istati Membri bil-għan li jiġu adottati dispożizzjonijiet għall-obbligu tal-ħatt l-art u miżuri speċifiċi ta’ konservazzjoni, inklużi miżuri tekniċi, għal ċerti stokkijiet;

il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni: il-proposta ddaħħal il-monitoraġġ xjentifiku sabiex jiġi vvalutat il-progress li jkun qed isir fil-kisba tar-rendiment massimu sostenibbli għall-istokkijiet mistada waqt is-sajd għall-ħut tal-qiegħ u, meta jkun possibbli, għall-istokkijiet tal-qabdiet aċċessorji. Dan huwa essenzjali fil-Mediterran, minħabba li se jiżgura li l-istokkijiet li għalihom jgħodd il-pjan se jiġu evalwati b’mod regolari. Il-pjan innifsu għandu jiġi evalwat ħames snin wara li jkun beda jiġi implimentat.

2018/0050 (COD)

Proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari l-Artikolu 43(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 24 ,

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja,

Billi:

(1)Il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-10 ta’ Diċembru 1982 dwar il-Liġi tal-Baħar, li tagħha l-Unjoni hija parti kontraenti, tipprevedi obbligi ta’ konservazzjoni, inklużi ż-żamma jew l-irkupru tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet maqbuda f’livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (l-“MSY”).

(2)Fis-Summit Dinji dwar l-Iżvilupp Sostenibbli li sar fi New York fl-2015, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha ntrabtu li, sal-2020, jirregolaw b’mod effettiv il-qbid u jtemmu b’mod effettiv is-sajd eċċessiv, is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat u l-prattiki tas-sajd qerrieda u jimplimentaw pjanijiet ta’ ġestjoni bbażati fuq ix-xjenza, sabiex l-istokkijiet tal-ħut jiġu ripristinati fl-inqas żmien fattibbli, u jinġiebu tal-inqas f’livelli li jkunu jistgħu jipproduċu l-MSY, kif stabbilit mill-karatteristiċi bijoloġiċi tagħhom.

(3)Id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Malta MedFish4Ever tat-30 ta’ Marzu 2017 25 tistabbilixxi qafas ġdid għall-governanza tas-sajd fil-Mediterran u tipprovdi programm ta’ ħidma li jinkludi ħames azzjonijiet konkreti għall-għaxar snin li ġejjin. Wieħed mill-impenji li saru f’din id-Dikjarazzjoni huwa li jiġu stabbiliti pjanijiet pluriennali.

(4)Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 26 jistabbilixxi r-regoli tal-politika komuni tas-sajd (il-“PKS”) b’konformità mal-obbligi internazzjonali tal-Unjoni. Il-PKS trid tikkontribwixxi għall-ħarsien tal-ambjent marin, għall-ġestjoni sostenibbli tal-ispeċijiet kollha sfruttati b’mod kummerċjali u, b’mod partikulari, għall-kisba ta’ status ambjentali tajjeb sal-2020.

(5)L-għanijiet tal-PKS huma, fost l-oħrajn, li jkun żgurat li l-attivitajiet tas-sajd u tal-akkwakultura jkunu sostenibbli fit-tul mil-lat ambjentali, li jiġi applikat l-approċċ ta’ prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd u li jiġi implimentat l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd.

(6)Sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-PKS, jenħtieġ li jiġu adottati għadd ta’ miżuri ta’ konservazzjoni bħalma huma l-pjanijiet pluriennali, il-miżuri tekniċi u l-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd u l-allokazzjoni tagħhom.

(7)Skont l-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-pjanijiet pluriennali jridu jissejsu fuq pariri xjentifiċi, tekniċi u ekonomiċi. Bi qbil ma’ dawk id-dispożizzjonijiet, jenħtieġ li l-pjan pluriennali previst f’dan ir-Regolament ikun fih għanijiet, miri kwantifikabbli bi skedi taż-żmien ċari, punti ta’ referenza dwar il-konservazzjoni, salvagwardji u miżuri tekniċi maħsuba biex jiġu evitati u mnaqqsa l-qabdiet inċidentali.

(8)“L-aqwa parir xjentifiku disponibbli” tirreferi għall-parir xjentifiku disponibbli għall-pubbliku li għandu l-appoġġ tal-iktar dejta u tal-iktar metodi xjentifiċi aġġornati u li nħareġ minn korp xjentifiku indipendenti rrikonoxxut fil-livell tal-Unjoni jew fil-livell internazzjonali jew li ġie rrivedut minnu.

(9)Jenħtieġ li l-Kummissjoni tikseb l-aqwa parir xjentifiku disponibbli għall-istokkijiet li jidħlu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-pjan pluriennali. Sabiex tagħmel dan, jenħtieġ li hija tikkonsulta, b’mod partikulari, lill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-“STECF”). B’mod partikulari, jenħtieġ li l-Kummissjoni tikseb pariri xjentifiċi disponibbli għall-pubbliku, fosthom pariri dwar is-sajd imħallat, li jqisu l-pjan previst f’dan ir-Regolament u li jindikaw il-meded tal-FMSY u l-punti ta’ referenza dwar il-konservazzjoni (il-BPA u l-BLIM).

(10)Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 27 jistabbilixxi qafas ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli tar-riżorsi tas-sajd fil-Mediterran u jeżiġi li jiġu adottati pjanijiet ta’ ġestjoni għas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir, bit-tartaruni, bit-tartaruni tal-kosta, bix-xbieki tat-tidwir u bil-gangmi fl-ibħra territorjali tal-Istati Membri.

(11)Franza, l-Italja u Spanja adottaw pjanijiet ta’ ġestjoni skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006. Madankollu, il-pjanijiet mhumiex konsistenti ma’ xulxin u ma jqisux l-irkaptu kollu li jintuża għas-sajd għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ u l-firxa transżonali ta’ ċerti stokkijiet u ta’ ċerti flotot tas-sajd. Barra minn hekk, dawk il-pjanijiet ma kinux effettivi biex jintlaħqu l-għanijiet stabbiliti fil-PKS. L-Istati Membri u l-partijiet interessati esprimew appoġġ għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni ta’ pjan pluriennali fil-livell tal-Unjoni għall-istokkijiet ikkonċernati.

(12)L-STECF wera li l-isfruttament ta’ ħafna mill-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran jaqbeż bil-kbir il-livelli meħtieġa biex jinkiseb l-MSY.

(13)Għalhekk huwa xieraq li jiġi stabbilit pjan pluriennali (“il-pjan”) għall-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran.

(14)Jenħtieġ li dak il-pjan iqis in-natura mħallta tas-sajd u d-dinamika bejn l-istokkijiet mistada waqt dan it-tip ta’ sajd, jiġifieri l-merluzz (Merluccius merluccius), it-trilja tal-ħama (Mullus barbatus), il-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris), l-iskampu (Nephrops norvegicus), il-gamblu blu u aħmar (Aristeus antennatus) u l-gamblu aħmar il-kbir (Aristaeomorpha foliacea). Jenħtieġ li jqis ukoll l-ispeċijiet tal-qabdiet aċċessorji u l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ li dwarhom ma hemmx biżżejjed dejta disponibbli. Jenħtieġ li huwa japplika għas-sajd għall-ħut tal-qiegħ (b’mod partikulari dak bix-xbieki tat-tkarkir, bix-xbieki tal-qiegħ, bin-nases u bil-konzijiet), li jsir fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Punent tal-Mediterran jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ’l barra mill-ilmijiet tal-Unjoni f’dik iż-żona.

(15)Minħabba l-importanza tas-sajd rikreattiv għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran, jenħtieġ li l-pjan previst f’dan ir-Regolament ikopri wkoll dan it-tip ta’ sajd. Meta t-tali sajd ikollu impatt sinifikanti fuq l-istokkijiet, jenħtieġ li l-pjan pluriennali previst f’dan ir-Regolament jipprevedi l-possibbiltà ta’ miżuri speċifiċi ta’ ġestjoni.

(16)Jenħtieġ li l-ambitu ġeografiku tal-pjan pluriennali jissejjes fuq il-firxa ġeografika tal-istokkijiet kif indikata fl-aqwa parir xjentifiku disponibbli. Jista’ jkun li, fil-ġejjieni, jkun hemm bżonn tinbidel il-firxa ġeografika tal-istokkijiet stabbilita fil-pjan pluriennali minħabba titjib fl-informazzjoni xjentifika disponibbli. Għalhekk jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati li jaġġustaw il-firxa ġeografika tal-istokkijiet stabbilita fil-pjan pluriennali jekk il-parir xjentifiku juri li kien hemm bidla fil-firxa ġeografika tal-istokkijiet rilevanti.

(17)Jenħtieġ li l-pjan previst f’dan ir-Regolament ikollu l-għan li jikkontribwixxi għall-kisba tal-PKS u, b’mod partikulari, li jintlaħaq u jinżamm l-MSY għall-istokkijiet fil-mira, li jiġi implimentat l-obbligu tal-ħatt l-art għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ li huma suġġetti għal daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni u li jiġi promoss livell ġust ta’ għajxien għal dawk li jiddependu mill-attivitajiet tas-sajd, filwaqt li jitqiesu s-sajd ta’ mal-kosta u l-aspetti soċjoekonomiċi. Jenħtieġ li l-pjan jimplimenta wkoll l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd sabiex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar. Jenħtieġ li l-pjan ikun koerenti mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u, b’mod partikulari, mal-għan li jinkiseb status ambjentali tajjeb sal-2020 (skont id-Direttiva 2008/56/KE 28 ) u mal-għanijiet tad-Direttiva 2009/147/KE 29 u tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE 30 .

(18)Jixraq li l-mortalità mis-sajd fil-mira (F) li tikkorrispondi mal-għan li jintlaħaq u jinżamm l-MSY tiġi stabbilita bħala meded ta’ valuri li huma konsistenti mal-kisba tal-MSY (jiġifieri FMSY). Dawk il-meded, ibbażati fuq l-aqwa parir xjentifiku disponibbli, huma meħtieġa sabiex ikun hemm biżżejjed flessibbiltà biex jitqiesu l-iżviluppi fil-pariri xjentifiċi, sabiex jingħata kontribut għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art u sabiex jitqies is-sajd imħallat. Abbażi ta’ dan il-pjan, huma mfasslin biex jagħtu tnaqqis ta’ mhux aktar minn 5 % fir-rendiment fit-tul meta mqabbel mal-MSY. Barra minn hekk, il-limitu massimu tal-medda tal-FMSY huwa limitat bil-għan li l-probabbiltà li l-istokk jaqa’ taħt il-punt ta’ referenza ta’ limitu tal-bijomassa (il-BLIM) ma tkunx ta’ iktar minn 5 %.

(19)Għall-finijiet tal-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd, jenħtieġ li jkun hemm meded tal-FMSY għall-“użu normali” u meded iktar flessibbli tal-FMSY għall-użu f’każ li l-istokkijiet ikkonċernati jkunu fi stat tajjeb. Jenħtieġ li l-opportunitajiet tas-sajd ikunu jistgħu jiġu stabbiliti fil-meded iktar flessibbli biss jekk, abbażi tal-parir xjentifiku, dan ikun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti f’dan ir-Regolament b’rabta mas-sajd imħallat, biex jiġi evitat id-dannu lil xi stokk ikkawżat mid-dinamika tal-istokk tal-ispeċi jew mid-dinamika ta’ bejn l-istokkijiet ta’ speċijiet differenti, jew sabiex jiġu llimitati l-varjazzjonijiet fl-opportunitajiet tas-sajd minn sena għall-oħra.

(20)Għall-istokkijiet li għalihom ikunu disponibbli l-miri marbutin mal-MSY, u għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-miżuri ta’ salvagwardja, jeħtieġ li jiġu stabbiliti punti ta’ referenza dwar il-konservazzjoni mogħtija bħala punti ta’ referenza ta’ prekawzjoni (BPA) u punti ta’ referenza ta’ limitu (BLIM).

(21)Jenħtieġ li jiġu stabbiliti salvagwardji xierqa sabiex ikun żgurat li jintlaħqu l-miri u sabiex jiġu skattati miżuri ta’ rimedju meta jkun hemm bżonn, fost l-oħrajn meta l-livelli tal-istokkijiet jaqgħu taħt il-punti ta’ referenza dwar il-konservazzjoni. Jenħtieġ li l-miżuri ta’ rimedju jinkludu miżuri ta’ emerġenza skont l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd u miżuri speċifiċi ta’ konservazzjoni oħrajn.

(22)Skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-opportunitajiet tas-sajd iridu jikkonformaw mal-miri, mal-iskedi taż-żmien u mal-marġni stabbiliti fil-pjanijiet pluriennali. Għall-finijiet tal-pjan previst f’dan ir-Regolament, “opportunità tas-sajd” tfisser dritt legali kkwantifikat għas-sajd, mogħti f’termini tal-isforz tas-sajd u/jew tal-qabdiet.

(23)Sabiex ikun żgurat aċċess trasparenti għas-sajd u l-kisba tal-mortalitajiet mis-sajd fil-mira, jenħtieġ li jiġi adottat reġim tal-isforz tas-sajd fil-livell tal-Unjoni għax-xbieki tat-tkarkir, li huma l-irkaptu ewlieni li jintuża għas-sajd għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran. Għal dak il-għan, jixraq li jiġu stabbiliti l-gruppi tal-isforz sabiex, ta’ kull sena, il-Kunsill ikun jista’ jistabbilixxi l-isforz tas-sajd massimu permissibbli, mogħti bħala għadd ta’ jiem tas-sajd. Jenħtieġ li r-reġim tal-isforz ikun jinkludi wkoll irkaptu ieħor tas-sajd jekk dan ikun meħtieġ.

(24)Minħabba s-sitwazzjoni ta’ tħassib tal-istokkijiet kważi kollha tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran, u sabiex jitnaqqsu l-livelli attwali għoljin ta’ mortalità mis-sajd, jenħtieġ li r-reġim tal-isforz tas-sajd ikun jinvolvi tnaqqis sinifikanti fl-isforz tas-sajd fl-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-pjan previst f’dan ir-Regolament.

(25)Jenħtieġ li l-Kunsill iqis is-sajd rikreattiv meta l-parir xjentifiku juri li t-tali sajd għandu impatt sinifikanti fuq il-mortalità mis-sajd tal-istokkijiet ikkonċernati. Għal dak il-għan, permezz tar-reġim tal-isforz, il-Kunsill jista’ jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd għall-qabdiet kummerċjali li jkunu jqisu l-volum tal-qabdiet mis-sajd rikreattiv u/jew jadotta miżuri oħrajn li jillimitaw is-sajd rikreattiv.

(26)Meta l-parir xjentifiku juri li r-reġim tal-isforz tas-sajd ma jkunx biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet jew il-miri tal-pjan previst f’dan ir-Regolament, jenħtieġ li jiddaħħlu miżuri ta’ ġestjoni bbażati fuq il-qabdiet totali permissibbli sabiex jikkumplimentaw lir-reġim tal-isforz.

(27)Jenħtieġ li l-Istati Membri jieħdu miżuri speċifiċi sabiex jiżguraw li r-reġim tal-isforz tas-sajd ikun effettiv u jkun jista’ jaħdem, billi jinkludu metodu biex jiġu allokati l-kwoti tal-isforz skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, billi joħolqu lista tal-bastimenti, billi joħorġu awtorizzazzjonijiet tas-sajd u billi jirreġistraw id-dejta rilevanti dwar l-isforz u jibagħtuha.

(28)Sabiex jitħarsu ż-żoni ta’ tkabbir tal-ħut u l-ħabitats sensittivi u sabiex jiġi ssalvagwardjat is-sajd fuq skala żgħira, jenħtieġ li ż-żona ta’ mal-kosta tkun irriżervata b’mod regolari għas-sajd iktar selettiv. Għalhekk jenħtieġ li l-pjan previst f’dan ir-Regolament jistabbilixxi għeluq ta’ tliet xhur kull sena għall-bastimenti tat-tkarkir li jistadu fl-isobat ta’ 100 metru.

(29)Jenħtieġ li jittieħdu iktar miżuri ta’ konservazzjoni b’rabta mal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ. B’mod partikulari, skont il-parir xjentifiku, jixraq li jkun hemm għeluq addizzjonali f’żoni bi ġlejjeb kbar ta’ ħut riproduttiv sabiex jitħares il-merluzz adult li diġà sarlu dannu kbir.

(30)Jenħtieġ li l-approċċ ta’ prekawzjoni japplika għall-istokkijiet tal-qabdiet aċċessorji u għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ li dwarhom ma hemmx biżżejjed dejta disponibbli. Jenħtieġ li jiġu adottati miżuri speċifiċi ta’ konservazzjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 meta l-parir xjentifiku juri li hemm bżonn ta’ miżuri ta’ rimedju.

(31)Jenħtieġ li l-pjan previst f’dan ir-Regolament jipprevedi l-adozzjoni ta’ miżuri tekniċi addizzjonali ta’ konservazzjoni permezz ta’ atti delegati. Dan huwa meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet tal-pjan, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mal-konservazzjoni tal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ u mat-titjib tas-selettività.

(32)Sabiex jikkonforma mal-obbligu tal-ħatt l-art li ġie stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ li l-pjan previst f’dan ir-Regolament jipprevedi miżuri addizzjonali ta’ ġestjoni skont l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(33)Sabiex il-pjan previst f’dan ir-Regolament ikun jista’ jiġi adattat fil-ħin għall-progress tekniku u xjentifiku, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti, skont l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sabiex tissupplimenta lil dan ir-Regolament b’miżuri ta’ rimedju u b’miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni, sabiex timplimenta l-obbligu tal-ħatt l-art u sabiex temenda ċerti elementi tal-pjan. Huwa importanti ferm li l-Kummissjoni twettaq il-konsultazzjonijiet ix-xierqa matul il-ħidma tagħha ta’ tħejjija, inkluż fil-livell tal-esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet twettaqhom skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016 31 . B’mod partikulari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ndaqs fit-tħejjija tal-atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill iridu jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom irid ikollhom aċċess b’mod sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi tal-esperti tal-Kummissjoni li jkunu qed jittrattaw it-tħejjija tal-atti delegati.

(34)Jenħtieġ li tiġi stabbilita skadenza għat-tressiq ta’ rakkomandazzjonijiet konġunti min-naħa ta’ Stati Membri li jkollhom interess ta’ ġestjoni dirett, kif meħtieġ mir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

(35)Sabiex jiġi evalwat il-progress li jkun qed isir fil-kisba tal-MSY, jenħtieġ li l-pjan previst f’dan ir-Regolament jippermetti l-monitoraġġ xjentifiku regolari tal-istokkijiet ikkonċernati u, meta jkun possibbli, tal-istokkijiet tal-qabdiet aċċessorji.

(36)Skont l-Artikolu 10(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, jenħtieġ li l-Kummissjoni tivvaluta b’mod perjodiku l-adegwatezza u l-effettività ta’ dan ir-Regolament. Jenħtieġ li dik il-valutazzjoni ssegwi l-evalwazzjoni perjodika tal-pjan previst f’dan ir-Regolament li ssir mill-STECF abbażi tal-parir xjentifiku wara l-ewwel ħames snin u kull ħames snin wara dak iż-żmien, u li tissejjes fuqha. Dan il-perjodu jippermetti li jiġi implimentat bis-sħiħ l-obbligu tal-ħatt l-art u li jiġu adottati u implimentati miżuri reġjonalizzati u li dawn jibda jkollhom impatt fuq l-istokkijiet u fuq is-sajd. Il-perjodu ta’ ħames snin huwa wkoll il-perjodu minimu li jeħtieġu l-korpi xjentifiċi.

(37)Sabiex tingħata ċertezza legali, jixraq li jiġi ċċarat li l-miżuri ta’ waqfien temporanju li ġew adottati sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-pjan previst f’dan ir-Regolament jistgħu jitqiesu bħala miżuri li huma eliġibbli għall-appoġġ skont ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 32 .

(38)Skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, qabel ma ġie abbozzat il-pjan previst f’dan ir-Regolament, ġie vvalutat kif xieraq l-impatt ekonomiku u soċjali probabbli tiegħu 33 ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

KAPITOLU I
DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1
Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.Dan ir-Regolament jistabbilixxi pjan pluriennali (“il-pjan”) għall-konservazzjoni u l-isfruttament sostenibbli tal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran.

2.Dan ir-Regolament japplika għall-istokkijiet li ġejjin:

(a)il-gamblu blu u aħmar (Aristeus antennatus) fis-subżona 1 tal-GFCM;

(b)il-gamblu blu u aħmar (Aristeus antennatus) fis-subżona 5 tal-GFCM;

(c)il-gamblu blu u aħmar (Aristeus antennatus) fis-subżona 6 tal-GFCM;

(d)il-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris) fis-subżona 1 tal-GFCM;

(e)il-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris) fis-subżona 5 tal-GFCM;

(f)il-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris) fis-subżona 6 tal-GFCM;

(g)il-gamblu abjad (Parapenaeus longirostris) mifrux fis-subżoni 9, 10 u 11 tal-GFCM;

(h)il-gamblu aħmar il-kbir (Aristaeomorpha foliacea) fis-subżona 9 tal-GFCM;

(i)il-gamblu aħmar il-kbir (Aristaeomorpha foliacea) fis-subżona 10 tal-GFCM;

(j)il-gamblu aħmar il-kbir (Aristaeomorpha foliacea) fis-subżona 11 tal-GFCM;

(k)il-merluzz (Merluccius merluccius) mifrux fis-subżoni 1, 5, 6 u 7 tal-GFCM;

(l)il-merluzz (Merluccius merluccius) mifrux fis-subżoni 9, 10 u 11 tal-GFCM;

(m)l-iskampu (Nephrops norvegicus) fis-subżona 5 tal-GFCM;

(n)l-iskampu (Nephrops norvegicus) fis-subżona 6 tal-GFCM;

(o)l-iskampu (Nephrops norvegicus) fis-subżona 9 tal-GFCM;

(p)l-iskampu (Nephrops norvegicus) fis-subżona 11 tal-GFCM;

(q)it-trilja tal-ħama (Mullus barbatus) fis-subżona 1 tal-GFCM;

(r)it-trilja tal-ħama (Mullus barbatus) fis-subżona 5 tal-GFCM;

(s)it-trilja tal-ħama (Mullus barbatus) fis-subżona 6 tal-GFCM;

(t)it-trilja tal-ħama (Mullus barbatus) fis-subżona 7 tal-GFCM;

(u)it-trilja tal-ħama (Mullus barbatus) fis-subżona 9 tal-GFCM; u

(v)it-trilja tal-ħama (Mullus barbatus) fis-subżona 10 tal-GFCM.

3.Dan ir-Regolament għandu japplika għall-istokkijiet tal-qabdiet aċċessorji li jinqabdu fil-Punent tal-Mediterran waqt is-sajd għall-istokkijiet imsemmijin fil-paragrafu 1. Huwa għandu japplika wkoll għal kull stokk tal-ħut tal-qiegħ ieħor li jinqabad fil-Punent tal-Mediterran u li dwaru ma hemmx biżżejjed dejta disponibbli.

4.Dan ir-Regolament japplika għas-sajd kummerċjali u rikreattiv għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ imsemmijin fil-paragrafu 2 u fil-paragrafu 3, meta dan isir fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Punent tal-Mediterran jew minn bastimenti tas-sajd tal-Unjoni ’l barra mill-ilmijiet tal-Unjoni f’dik iż-żona.

5.Dan ir-Regolament jispeċifika wkoll id-dettalji tal-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art fl-ilmijiet tal-Unjoni tal-Punent tal-Mediterran għall-istokkijiet kollha tal-ispeċijiet li għalihom japplika l-obbligu tal-ħatt l-art skont l-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

Artikolu 2
Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, minbarra d-definizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 34 u fl-Artikolu 2 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, għandhom japplikaw ukoll id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)“l-istokkijiet ikkonċernati” tfisser l-istokkijiet previsti fl-Artikolu 1(2);

(2)“medda tal-FMSY” tfisser medda ta’ valuri mogħtija fl-aqwa parir xjentifiku disponibbli, u b’mod partikulari fil-parir xjentifiku mogħti mill-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (l-“STECF”), fejn il-livelli kollha ta’ mortalità mis-sajd f’dik il-medda jwasslu għal rendiment massimu sostenibbli (“MSY”) fit-tul b’xejra partikulari tas-sajd u bil-kundizzjonijiet ambjentali medji eżistenti mingħajr ma jaffettwaw b’mod sinifikanti l-proċess ta’ riproduzzjoni tal-istokkijiet ikkonċernati. Din hija mfassla biex tagħti tnaqqis ta’ mhux aktar minn 5 % fir-rendiment fit-tul meta mqabbel mal-MSY. Hija limitata sabiex il-probabbiltà li l-istokk jaqa’ taħt il-punt ta’ referenza ta’ limitu (il-BLIM) ma tkunx ta’ iktar minn 5 %;

(3)“valur tal-punt tal-FMSY” tfisser il-valur tal-istima tal-mortalità mis-sajd li, b’xejra partikulari tas-sajd u bil-kundizzjonijiet ambjentali attwali, iwassal għar-rendiment massimu sostenibbli fit-tul;

(4)“MSY FLOWER” tfisser l-iktar valur baxx fil-medda tal-FMSY;

(5)“MSY FUPPER” tfisser l-ogħla valur fil-medda tal-FMSY;

(6)“il-medda l-baxxa tal-FMSY” tfisser medda li jkun fiha l-valuri mill-MSY FLOWER sal-valur tal-punt tal-FMSY;

(7)“il-medda l-għolja tal-FMSY” tfisser medda li jkun fiha l-valuri mill-valur tal-punt tal-FMSY sal-MSY FUPPER;

(8)“BLIM” tfisser il-punt ta’ referenza ta’ limitu, mogħti bħala bijomassa tal-istokk riproduttiv u mogħti fl-aqwa parir xjentifiku disponibbli, b’mod partikulari f’dak tal-STECF, li taħtu l-kapaċità riproduttiva tista’ tonqos;

(9)“BPA” tfisser il-punt ta’ referenza ta’ prekawzjoni, mogħti bħala bijomassa tal-istokk riproduttiv u mogħti fl-aqwa parir xjentifiku disponibbli, b’mod partikulari f’dak tal-STECF, li jiżgura li l-probabbiltà li l-bijomassa tal-istokk riproduttiv taqa’ taħt il-BLIM tkun ta’ inqas minn 5 %;

(10)“grupp ta’ sforz” tfisser unità ta’ ġestjoni tal-flotta ta’ Stat Membru li għaliha jiġi ffissat sforz tas-sajd massimu permissibbli;

(11)“jum tas-sajd” tfisser jum tal-kalendarju li jibda minn 00:00 sa 24:00 li matulu jitwettqu l-attivitajiet tas-sajd;

(12)“il-Punent tal-Mediterran” tfisser l-ilmijiet tas-subżoni ġeografiċi tal-GFCM li ġejjin: is-subżona 1 (it-Tramuntana tal-Baħar Alboran), is-subżona 2 (il-Gżira Alboran), is-subżona 5 (il-Gżejjer Baleariċi), is-subżona 6 (it-Tramuntana ta’ Spanja), is-subżona 7 (il-Golf tal-Iljuni), is-subżona 8 (il-Gżira ta’ Korsika), is-subżona 9 (il-Baħar Ligurjan u t-Tramuntana tal-Baħar Tirrenjan), is-subżona 10 (in-Nofsinhar tal-Baħar Tirrenjan) u s-subżona 11 (il-Gżira ta’ Sardenja), kif iddefiniti fl-Anness I tar-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 35 .

Artikolu 3
Għanijiet

1.Il-pjan għandu jikkontribwixxi għall-kisba tal-għanijiet tal-politika komuni tas-sajd kif imniżżlin fl-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, b’mod partikulari billi japplika l-approċċ ta’ prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd, u għandu jimmira li jiżgura li l-isfruttament tar-riżorsi bijoloġiċi ħajjin tal-baħar jerġa’ jżid il-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet mistada u jżommhom f’livelli ’l fuq minn dawk li jistgħu jipproduċu l-MSY.

2.Il-pjan għandu jikkontribwixxi għall-eliminazzjoni tal-qbid skartat billi jevita l-qabdiet inċidentali u jnaqqashom kemm jista’ jkun u għandu jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art stabbilit fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għall-ispeċijiet li huma suġġetti għal daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni u li għalihom japplika dan ir-Regolament.

3.Il-pjan għandu jimplimenta l-approċċ ibbażat fuq l-ekosistema għall-ġestjoni tas-sajd sabiex jiżgura li jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-impatti negattivi tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar. Huwa għandu jkun koerenti mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni fil-qasam tal-ambjent u, b’mod partikulari, mal-għan li jinkiseb status ambjentali tajjeb sal-2020 kif stabbilit fl-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2008/56/KE u mal-għanijiet stabbiliti fl-Artikoli 4 u 5 tad-Direttiva 2009/147/KE u fl-Artikoli 6 u 12 tad-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE.

4.B’mod partikulari, il-pjan għandu jimmira:

(a)li jiżgura li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet deskritti fid-deskrittur 3 mogħti fl-Anness I tad-Direttiva 2008/56/KE; u

(b)li jikkontribwixxi sabiex jiġu ssodisfati d-deskritturi rilevanti l-oħrajn mogħtija fl-Anness I tad-Direttiva 2008/56/KE b’mod proporzjonat mar-rwol li s-sajd għandu fl-issodisfar tagħhom.

5.Il-miżuri li jittieħdu fil-kuntest tal-pjan għandhom jittieħdu abbażi tal-aqwa parir xjentifiku disponibbli. Meta ma jkunx hemm biżżejjed dejta disponibbli, għandu jipprova jintlaħaq livell komparabbli ta’ konservazzjoni tal-istokkijiet rilevanti.

KAPITOLU II
MIRI, PUNTI TA’ REFERENZA DWAR IL-KONSERVAZZJONI

U SALVAGWARDJI

Artikolu 4
Miri

1.Il-mortalità mis-sajd fil-mira skont il-meded tal-FMSY iddefiniti fl-Artikolu 2 għandha tintlaħaq mill-aktar fis possibbli u fuq bażi progressiva u inkrimentali sal-2020 għall-istokkijiet ikkonċernati u, wara dak iż-żmien, għandha tinżamm fil-meded tal-FMSY.

2.Il-meded tal-FMSY għandhom jintalbu abbażi ta’ dan il-pjan, b’mod partikulari mingħand l-STECF.

3.Skont l-Artikolu 16(4) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, meta l-Kunsill jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd, huwa għandu jagħmel dan għall-istokkijiet kollha kkonċernati, fil-medda tal-FMSY li tkun disponibbli dak iż-żmien għall-iktar stokk vulnerabbli.

4.B’deroga mill-paragrafi 1 u 3, l-opportunitajiet tas-sajd jistgħu jiġu stabbiliti f’livelli li huma iktar baxxi mill-meded tal-FMSY.

5.B’deroga mill-paragrafi 3 u 4, l-opportunitajiet tas-sajd jistgħu jiġu stabbiliti f’livelli li huma ogħla mill-medda tal-FMSY li tkun disponibbli dak iż-żmien għall-iktar stokk vulnerabbli, dejjem jekk il-livell tal-istokkijiet kollha kkonċernati jkun ogħla mill-BPA:

(a)jekk, abbażi tal-parir xjentifiku jew tal-evidenza xjentifika, dan ikun meħtieġ biex jinkisbu l-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3 fil-każ tas-sajd imħallat;

(b)jekk, abbażi tal-parir xjentifiku jew tal-evidenza xjentifika, dan ikun meħtieġ biex jiġi evitat dannu serju lil xi stokk ikkawżat mid-dinamika tal-istokk tal-ispeċi jew mid-dinamika ta’ bejn l-istokkijiet ta’ speċijiet differenti; jew

(c)sabiex il-varjazzjonijiet fl-opportunitajiet tas-sajd bejn snin konsekuttivi jiġu llimitati għal mhux aktar minn 20 %.

Artikolu 5
Punti ta’ referenza dwar il-konservazzjoni

Għall-finijiet tal-Artikolu 6, għandhom jintalbu l-punti ta’ referenza dwar il-konservazzjoni li ġejjin abbażi ta’ dan il-pjan, b’mod partikulari mingħand l-STECF:

(a)il-punti ta’ referenza ta’ prekawzjoni, mogħtija bħala bijomassa tal-istokk riproduttiv (BPA); u

(b)il-punti ta’ referenza ta’ limitu, mogħtija bħala bijomassa tal-istokk riproduttiv (BLIM).

Artikolu 6
Salvagwardji

1.Meta l-parir xjentifiku juri li l-bijomassa tal-istokk riproduttiv ta’ kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet ikkonċernati tkun taħt il-punt ta’ referenza ta’ prekawzjoni (il-BPA), għandhom jiġu adottati miżuri ta’ rimedju biex ikun żgurat li l-istokk ikkonċernat jerġa’ jitla’ malajr għal livelli li jkunu ’l fuq minn dawk li jistgħu jipproduċu l-MSY. B’mod partikulari, b’deroga mill-Artikolu 4(3) u (5), l-opportunitajiet tas-sajd għandhom jiġu stabbiliti f’livelli li jkunu konsistenti ma’ mortalità mis-sajd li tkun tnaqqset u tkun inġiebet fil-medda tal-FMSY għall-istokk l-iktar vulnerabbli, filwaqt li jitqies it-tnaqqis fil-bijomassa.

2.Meta l-parir xjentifiku juri li l-bijomassa tal-istokk riproduttiv ta’ kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet ikkonċernati tkun taħt il-punt ta’ referenza ta’ limitu (il-BLIM), għandhom jittieħdu iktar miżuri ta’ rimedju biex ikun żgurat li l-istokk ikkonċernat jerġa’ jitla’ malajr għal livelli li jkunu ’l fuq minn dawk li jistgħu jipproduċu l-MSY. B’mod partikulari, b’deroga mill-Artikolu 4(3) u (5), dawk il-miżuri jistgħu jinkludu s-sospensjoni tas-sajd li jkollu fil-mira lill-istokk ikkonċernat u t-tnaqqis ix-xieraq tal-opportunitajiet tas-sajd.

3.Il-miżuri ta’ rimedju msemmijin f’dan l-Artikolu jistgħu jinkludu:

(a)miżuri skont l-Artikoli 7, 8, 11, 12, 13 u 14 ta’ dan ir-Regolament; u

(b)miżuri ta’ emerġenza skont l-Artikoli 12 u 13 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

4.Il-miżuri msemmijin f’dan l-Artikolu għandhom jingħażlu b’mod li jkun adattat għan-natura, għas-serjetà, għat-tul ta’ żmien u għar-repetizzjoni tas-sitwazzjoni fejn il-bijomassa tal-istokk riproduttiv tkun taħt il-livelli msemmijin fl-Artikolu 5.

KAPITOLU III
OPPORTUNITAJIET TAS-SAJD

Artikolu 7
Reġim tal-isforz tas-sajd

1.Għandu japplika reġim tal-isforz tas-sajd għall-bastimenti kollha li jistadu bix-xbieki tat-tkarkir fiż-żoni ddefiniti fl-Anness I li jidħlu fil-kategoriji tat-tul tal-bastimenti ddefiniti f’dak l-Anness.

2.Kull sena, il-Kunsill għandu jistabbilixxi l-isforz tas-sajd massimu permissibbli skont il-parir xjentifiku għal kull grupp ta’ sforz u għal kull Stat Membru.

3.Skont il-parir xjentifiku, għall-ewwel sena ta’ implimentazzjoni tal-pjan, l-isforz tas-sajd massimu permissibbli għandu jkun ħafna inqas mill-valur ta’ referenza previst fil-paragrafu 4.

4.Il-valur ta’ referenza msemmi fil-paragrafu 3 għandu jiġi stabbilit kif ġej:

(a)għall-ewwel sena ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, il-valur ta’ referenza għandu jiġi kkalkulat għal kull grupp ta’ sforz bħala l-isforz medju, mogħti bħala l-għadd ta’ jiem tas-sajd bejn l-1 ta’ Jannar 2015 u l-31 ta’ Diċembru 2017, u għandu jqis biss il-bastimenti li kienu qed jistadu b’mod attiv matul dak il-perjodu;

(b)għas-snin sussegwenti ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament, għal kull sena, il-valur ta’ referenza għandu jkun l-istess bħall-isforz tas-sajd massimu permissibbli tas-sena ta’ qabel.

5.Meta l-parir xjentifiku juri li qed isiru qabdiet sinifikanti ta’ stokk partikulari bl-użu ta’ rkaptu minbarra x-xbieki tat-tkarkir, għandhom jiġu stabbiliti livelli tal-isforz tas-sajd għat-tali rkaptu speċifiku abbażi ta’ dak il-parir xjentifiku.

6.Meta l-parir xjentifiku juri li s-sajd rikreattiv għandu impatt sinifikanti fuq il-mortalità mis-sajd ta’ stokk partikulari, il-Kunsill jista’ jillimita s-sajd rikreattiv meta jkun qed jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd sabiex jiġi evitat li tinqabeż il-mira kollha tal-mortalità mis-sajd.

Artikolu 8
Qabdiet totali permissibbli

Meta l-aqwa parir xjentifiku disponibbli juri li r-reġim tal-isforz tas-sajd mhuwiex biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet jew il-miri stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4, il-Kunsill għandu jadotta miżuri kumplimentari ta’ ġestjoni bbażati fuq il-qabdiet totali permissibbli.

Artikolu 9
Obbligi tal-Istati Membri

1.L-Istati Membri għandhom jimmaniġġjaw l-isforz tas-sajd massimu permissibbli skont il-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 26 sa 34 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009.

2.Kull Stat Membru għandu jiddeċiedi dwar metodu biex l-isforz tas-sajd massimu permissibbli jiġi allokat lil bastimenti individwali jew lil gruppi ta’ bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu skont il-kriterji mogħtija fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. B’mod partikulari, l-Istati Membri għandhom:

(a)jużaw kriterji trasparenti u oġġettivi, inklużi dawk ta’ natura ambjentali, soċjali u ekonomika;

(b)iqassmu l-kwoti nazzjonali b’mod ġust fost is-segmenti tal-flotta, filwaqt li jqisu s-sajd tradizzjonali u artiġjanali; u

(c)jagħtu inċentivi lill-bastimenti tal-Unjoni biex jużaw irkaptu tas-sajd selettiv jew biex jużaw tekniki tas-sajd b’impatt ambjentali mnaqqas.

3.Meta Stat Membru jippermetti lil bastiment li jtajjar il-bandiera tiegħu jistad bix-xbieki tat-tkarkir, huwa għandu jiżgura li t-tali sajd ikun limitat għal mhux aktar minn 12-il siegħa għal kull jum tas-sajd, għal ħamest ijiem tas-sajd fil-ġimgħa jew għal perjodi ekwivalenti.

4.Kull Stat Membru għandu joħroġ l-awtorizzazzjonijiet tas-sajd skont l-Artikolu 7 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 għall-bastimenti li jtajru l-bandiera tiegħu għaż-żoni msemmijin fl-Anness I.

5.L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tal-pjan, il-kapaċità kollha li tikkorrispondi mal-awtorizzazzjonijiet tas-sajd maħruġin skont il-paragrafu 4, mogħtija f’tunnellaġġ gross u f’kilowatts, ma tiżdiedx.

6.Kull Stat Membru għandu jistabbilixxi lista tal-bastimenti li għalihom ikun ħareġ awtorizzazzjoni tas-sajd skont il-paragrafu 4 u jżommha aġġornata, u għandu jqiegħedha għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri l-oħrajn. L-Istati Membri għandhom jibagħtu l-lista tagħhom għall-ewwel darba fi żmien tliet xhur minn meta jidħol fis-seħħ dan ir-Regolament u sa mhux aktar tard mit-30 ta’ Novembru ta’ kull sena wara dik id-data.

7.L-Istati Membri għandhom jimmonitorjaw ir-reġim tal-isforz tas-sajd tagħhom u għandhom jiżguraw li l-isforz tas-sajd massimu permissibbli msemmi fl-Artikolu 7 ma jaqbiżx il-limiti stabbiliti.

Artikolu 10
Komunikazzjoni tad-dejta rilevanti

1.L-Istati Membri għandhom jirreġistraw id-dejta dwar l-isforz u jibagħtuha lill-Kummissjoni skont l-Artikolu 33 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 u skont l-Artikoli 146c sa 146e tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 36 .

2.Id-dejta dwar l-isforz għandha tiġi aggregata għal kull xahar u għandu jkun fiha l-informazzjoni stabbilita fl-Anness II. Id-dejta aggregata għandha tkun fil-format tad-Definizzjoni tal-Iskema XML abbażi tal-istandard P1000-12 tas-CEFACT tan-NU.

3.L-Istati Membri għandhom jibagħtu d-dejta dwar l-isforz imsemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni qabel il-15-il jum ta’ kull xahar.

KAPITOLU IV
MIŻURI TEKNIĊI TA’ KONSERVAZZJONI

Artikolu 11
Żoni magħluqin għas-sajd

1.Minbarra dak li hu previst fl-Artikolu 13 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, għandu jkun ipprojbit l-użu tax-xbieki tat-tkarkir fil-Punent tal-Mediterran fl-isobat ta’ 100 metru mill-1 ta’ Mejju sal-31 ta’ Lulju ta’ kull sena.

2.Fi żmien sentejn minn meta jiġi adottat dan ir-Regolament u abbażi tal-parir xjentifiku, l-Istati Membri kkonċernati għandhom jistabbilixxu żoni magħluqin għas-sajd oħrajn meta jkun hemm evidenza li fihom hemm konċentrazzjoni għolja ta’ ħut li għadu qed jikber jew li dawn iservu ta’ żoni ta’ riproduzzjoni għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ, b’mod partikulari għall-istokkijiet ikkonċernati.

3.Meta l-bastimenti ta’ diversi Stati Membri jkunu se jintlaqtu miż-żoni magħluqin għas-sajd imsemmijin fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 u skont l-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament, u abbażi tal-parir xjentifiku, li jistabbilixxu ż-żoni magħluqin għas-sajd ikkonċernati.

Artikolu 12
Ġestjoni tal-istokkijiet tal-qabdiet aċċessorji u tal-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ
li dwarhom ma hemmx biżżejjed dejta disponibbli

1.Il-ġestjoni tal-istokkijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament għandha ssir abbażi tal-approċċ ta’ prekawzjoni għall-ġestjoni tas-sajd kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(8) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

2.Għandhom jiġu stabbiliti miżuri ta’ ġestjoni għall-istokkijiet imsemmijin fl-Artikolu 1(3) ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikulari miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni bħal dawk imniżżlin fl-Artikolu 13 ta’ dan ir-Regolament, billi jitqies l-aqwa parir xjentifiku disponibbli.

Artikolu 13
Miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni oħrajn

1.Il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 18 li jissupplimentaw lil dan ir-Regolament billi tistabbilixxi l-miżuri tekniċi ta’ konservazzjoni li ġejjin:

(a)miżuri li jispeċifikaw il-karatteristiċi tal-irkaptu tas-sajd, b’mod partikulari d-daqs tal-malja, id-daqs tas-sunnara, l-għadd ta’ snanar, it-tifsila tal-irkaptu, il-ħxuna tal-ħarir, id-daqs tal-irkaptu jew l-użu ta’ tagħmir addizzjonali biex tittejjeb is-selettività;

(b)miżuri li jillimitaw l-użu tal-irkaptu tas-sajd, b’mod partikulari ż-żmien li l-irkaptu jagħmel fl-ilma u l-fond li fih jintuża l-irkaptu, sabiex tittejjeb is-selettività;

(c)miżuri li jipprojbixxu s-sajd f’ċerti żoni jew f’ċerti perjodi taż-żmien jew li jillimitaw is-sajd f’dawk iż-żoni jew f’dawk il-perjodi sabiex jiġi protett il-ħut riproduttiv u l-ħut li għadu qed jikber jew il-ħut ta’ daqs li jkun inqas mid-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni jew biex jiġu protetti l-ispeċijiet tal-ħut li ma jkunux fil-mira;

(d)miżuri li jipprojbixxu s-sajd f’ċerti żoni jew f’ċerti perjodi taż-żmien jew li jillimitaw is-sajd f’dawk iż-żoni jew f’dawk il-perjodi sabiex jiġu protetti l-ekosistemi u l-ispeċijiet vulnerabbli;

(e)miżuri li jistabbilixxu d-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni għal kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament sabiex tkun żgurata l-protezzjoni taż-żgħar tal-organiżmi tal-baħar;

(f)miżuri dwar is-sajd rikreattiv; u

(g)miżuri dwar karatteristiċi oħrajn marbutin mas-selettività.

2.Il-miżuri msemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jikkontribwixxu għall-kisba tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

3.Jekk ma jkunx hemm rakkomandazzjoni konġunta kif imsemmi fl-Artikolu 15(2) u wara li jgħaddu l-iskadenzi applikabbli stabbiliti f’dak l-Artikolu, il-Kummissjoni għandu jkollha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 18 li jissupplimentaw lil dan ir-Regolament billi tadotta l-miżuri mniżżlin fil-paragrafu 1 meta l-parir xjentifiku juri li hemm bżonn ta’ azzjoni speċifika biex ikun żgurat li l-ġestjoni tal-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament issir skont l-Artikolu 3.

KAPITOLU V
OBBLIGU TA’ ĦATT L-ART

Artikolu 14
Dispożizzjonijiet marbutin mal-obbligu tal-ħatt l-art

Għall-istokkijiet kollha tal-ispeċijiet tal-Punent tal-Mediterran li għalihom japplika l-obbligu tal-ħatt l-art skont l-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 15 li jissupplimentaw lil dan ir-Regolament billi tadotta miżuri ddettaljati dwar dak l-obbligu kif previst fl-Artikolu 15(5)(a) sa (e) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

KAPITOLU VI
REĠJONALIZZAZZJONI

Artikolu 15
Kooperazzjoni reġjonali

1.L-Artikolu 18(1) sa (6) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu japplika għall-miżuri msemmijin fl-Artikoli 11, 12, 13 u 14 ta’ dan ir-Regolament.

2.Għall-finijiet tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Istati Membri li jkollhom interess ta’ ġestjoni dirett jistgħu jippreżentaw rakkomandazzjonijiet konġunti skont l-Artikolu 18(1) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013:

(a)għall-ewwel darba mhux iktar tard minn tnax-il xahar wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament u mbagħad tnax-il xahar wara kull sottomissjoni tal-evalwazzjoni tal-pjan skont l-Artikolu 17(2);

(b)sal-31 ta’ Mejju tas-sena ta’ qabel dik li matulha jibdew japplikaw il-miżuri; u/jew

(c)kull meta jqisu li jkun hemm bżonnhom, b’mod partikulari f’każ li jkun hemm tibdil f’daqqa tas-sitwazzjoni ta’ kwalunkwe wieħed mill-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament.

3.Is-setgħat mogħtija skont l-Artikoli 11, 12, 13 u 14 ta’ dan ir-Regolament għandhom ikunu mingħajr preġudizzju għas-setgħat mogħtija lill-Kummissjoni skont dispożizzjonijiet oħrajn tal-dritt tal-Unjoni, inkluż ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013.

KAPITOLU VII
EMENDI U SEGWITU

Artikolu 16
Emendi tal-pjan

1.Meta l-parir xjentifiku juri li kien hemm bidla fil-firxa ġeografika tal-istokkijiet imniżżlin fl-Artikolu 1(2), il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 18 biex temenda dan ir-Regolament billi taġġusta ż-żoni speċifikati fl-Artikolu 1(2) u fl-Anness I sabiex titqies dik il-bidla.

2.Meta l-parir xjentifiku juri li hemm bżonn tiġi emendata l-lista tal-istokkijiet stabbilita fl-Artikolu 1(2), il-Kummissjoni tista’ tressaq proposta biex tiġi emendata dik il-lista.

Artikolu 17
Monitoraġġ u evalwazzjoni tal-pjan

1.Għall-finijiet tar-rapport annwali previst fl-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-indikaturi kwantifikabbli għandhom jinkludu l-istimi annwali tal-F jew tal-FMSY u tal-bijomassa tal-istokk riproduttiv għall-istokkijiet ikkonċernati u, meta jkun possibbli, għall-istokkijiet tal-qabdiet aċċessorji. Ma’ dawn jistgħu jiżdiedu indikaturi oħrajn abbażi tal-parir xjentifiku.

2.Ħames snin wara d-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, u kull ħames snin wara dak iż-żmien, il-Kummissjoni għandha tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar ir-riżultati tal-pjan u l-impatt tiegħu fuq l-istokkijiet li għalihom japplika dan ir-Regolament u fuq is-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, b’mod partikulari f’dak li għandu x’jaqsam mal-kisba tal-għanijiet stabbiliti fl-Artikolu 3.

KAPITOLU VIII
DISPOŻIZZJONIJIET PROĊEDURALI

Artikolu 18
Eżerċizzju tad-delega

1.Il-Kummissjoni qed tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati bil-kundizzjonijiet stabbiliti f’dan l-Artikolu.

2.Il-Kummissjoni għandha tingħata d-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 11, 12, 13, 14 u 16 għal perjodu ta’ ħames snin mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament. Il-Kummissjoni għandha tfassal rapport b’rabta mad-delega tas-setgħa sa mhux aktar tard minn disa’ xhur qabel ma jintemm dak il-perjodu. Id-delega tas-setgħa għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi ta’ ħames snin, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma joġġezzjonawx għat-tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel ma jintemm kull perjodu.

3.Il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill jistgħu jirrevokaw id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikoli 11, 12, 13, 14 u 16 fi kwalunkwe ħin. Id-deċiżjoni ta’ revoka għandha ttemm id-delega tas-setgħa speċifikata f’dik id-Deċiżjoni. Hija għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data iktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità tal-atti delegati li jkunu diġà fis-seħħ.

4.Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta mal-esperti maħturin minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stabbiliti fil-Ftehim Interistituzzjonali dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet tat-13 ta’ April 2016.

5.Malli tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tgħarraf lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fl-istess ħin dwaru.

6.Att delegat adottat skont l-Artikoli 11, 12, 13, 14 u 16 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk la l-Parlament Ewropew u lanqas il-Kunsill ma joġġezzjonaw għalih fi żmien xahrejn minn meta jiġu mgħarrfa bih jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, it-tnejn li huma jkunu għarrfu lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw għalih. Dak il-perjodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

KAPITOLU IX
IL-FOND EWROPEW GĦALL-AFFARIJIET MARITTIMI U S-SAJD

Artikolu 19
Appoġġ min-naħa tal-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd

Il-miżuri ta’ waqfien temporanju adottati sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-pjan għandhom jitqiesu bħala waqfien temporanju tal-attivitajiet tas-sajd għall-finijiet tal-Artikolu 33(1)(a) u (c) tar-Regolament (UE) Nru 508/2014.

KAPITOLU X
DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20
Dħul fis-seħħ

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    Id-dokument tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran dwar il-qagħda tas-sajd fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed imsejjaħ “The State of Mediterranean and Black Sea Fisheries” ( ippubblikat fl-2016 mill-FAO ).
(2)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 ( ĠU L 36, 8.2.2007, p. 6 ).
(3)    Id-Digriet Taljan tal-20 ta’ Mejju 2011 imsejjaħ “Decreto 20 maggio 2011 relativo all’adozione Piani di gestione della flotta a strascico in sostituzione del decreto direttoriale n. 44 del 17 giugno 2010” ( GU Serie Generale n.154 del 5-7-2011, p. 2 ).
(4)    Id-Digriet Franċiż tat-28 ta’ Jannar 2013 imsejjaħ “Arrêté du 28 janvier 2013 portant création d’un régime d’effort de pêche pour la pêche professionnelle au chalut en mer Méditerranée par les navires battant pavillon français” ( TRAM1240482A, p. 3275 ).
(5)    Id-Digriet Spanjol tal-21 ta’ Diċembru 2012 imsejjaħ “Orden AAA/2808/2012, de 21 de diciembre, por la que se establece un Plan de Gestión Integral para la conservación de los recursos pesqueros en el Mediterráneo afectados por las pesquerías realizadas con redes de cerco, redes de arrastre y artes fijos y menores, para el período 2013-2017” ( BOE Nru 313, p. 7 ).
(6)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/86 tal-20 ta’ Ottubru 2016 li jistabbilixxi pjan ta’ skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar Mediterran ( ĠU L 14, 18.1.2017, p. 4 ).
(7)    Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2018/153 tat-23 ta’ Ottubru 2017 li jemenda r-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/86 li jistabbilixxi pjan ta’ skartar għal ċertu sajd demersali fil-Baħar Mediterran ( ĠU L 29, 1.2.2018, p. 1 ).
(8)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE ( ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22 ).
(9)    Rakkomandazzjoni dwar l-istabbiliment ta’ żona b’sajd ristrett fil-Golf tal-Iljuni sabiex jitħarsu l-ġlejjeb tal-ħut riproduttiv u l-ħabitats sensittivi tal-fond ( GFCM/33/2009/1 ).
(10)    Ir-rapport dwar il-monitoraġġ tal-prestazzjoni tal-politika komuni tas-sajd imsejjaħ “Monitoring the performance of the Common Fisheries Policy” ( STECF-17-04) .
(11)    Ir-rapport tal-ewwel parti tal-valutazzjonijiet tal-istokkijiet fil-Baħar Mediterran imsejjaħ “Mediterranean assessments part 1” ( STECF-15-18 ).
(12)    Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Lulju 2016 li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-merluzz, l-aringi u l-laċċ ikħal fil-Baħar Baltiku u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet, li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2187/2005 u li jirrevoka r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1098/2007 ( ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1 ).
(13)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ pjan pluriennali għall-istokkijiet demersali fil-Baħar tat-Tramuntana u s-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 676/2007 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1342/2008 ( COM(2016) 493 final, 3.8.2016 ).
(14)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi pjan pluriennali għall-istokkijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku u għas-sajd li jisfrutta dawk l-istokkijiet ( COM(2017) 97 final, 24.2.2017 ).
(15)    Il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi ( COM(2016) 134 final, 11.3.2016 ).
(16)    Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) ( ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19 ).
(17)    L-opinjoni tal-MEDAC dwar pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran imsejħa “MEDAC Opinion for a multiannual plan (MAP) for the fisheries exploiting demersal stocks in the western Mediterranean Sea”. Ruma ( MEDAC(2017)270, 7.11.2017 ).
(18)    Id-Dikjarazzjoni ta’ Malta MedFish4Ever, iffirmata fil-kuntest tal-Konferenza Ministerjali dwar is-sostenibbiltà tas-sajd fil-Mediterran ( Malta, it-30 ta’ Marzu 2017 ).
(19)    Konsultazzjoni pubblika dwar pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran ( li saret mid-DĠ Affarijiet Marittimi u Sajd mit-30 ta’ Mejju 2016 sat-30 ta’ Settembru 2016 ).
(20)    Ir-rapport finali tal-istudju ta’ evalwazzjoni retrospettiva tar-Regolament dwar il-Baħar Mediterran imsejjaħ “Retrospective evaluation study of the Mediterranean Sea Regulation - final report” (li għad irid jiġi ppubblikat mill-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea) (MRAG(2016)), p. 230.
(21)    Ir-rapport rivedut b’pariri xjentifiċi dwar il-konformità tal-pjanijiet ta’ ġestjoni mar-rekwiżiti tal-politika komuni tas-sajd fil-Baħar Mediterran imsejjaħ “Scientific advice on the conformity of management plans with the requirements of the common fisheries policy in the Mediterranean Sea. Specific Contract N°9, task 4 (ad hoc scientific advice in support of the implementation of the common fisheries policy) - revised report 8.8.2014” (MAREA(2014)).
(22)    Ir-rapport tad-49 laqgħa plenarja ( PLEN-15-02 ).
(23)    Dawn iċ-ċifri mistennija jkunu inqas minħabba li d-dejta uffiċjali mill-Italja tinkludi l-għadd totali ta’ bastimenti li jistadu fil-Mediterran kollu. Skont ir-rapport tal-STECF bin-numru STECF 16-11, madwar 9 000 bastiment jistadu biss fil-Punent tal-Mediterran. Madankollu, fil-valutazzjoni tal-impatt intużat id-dejta uffiċjali li l-Istati Membri rrappurtaw fil-kuntest tal-ġbir tad-dejta.
(24)    ĠU C […], […], p. […].
(25)    Id-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Malta MedFish4Ever, iffirmata fil-kuntest tal-Konferenza Ministerjali dwar is-sostenibbiltà tas-sajd fil-Mediterran ( Malta, it-30 ta’ Marzu 2017 ).
(26)    Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE ( ĠU L 354, 28.12.2013, p. 22 ).
(27)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 ( ĠU L 36, 8.2.2007, p. 6 ).
(28)    Id-Direttiva 2008/56/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Ġunju 2008 li tistabbilixxi Qafas għal Azzjoni Komunitarja fil-qasam tal-Politika tal-Ambjent Marin (Direttiva Kwadru dwar l-Istrateġija Marina) ( ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19 ).
(29)    Id-Direttiva 2009/147/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-konservazzjoni tal-għasafar selvaġġi ( ĠU L 20, 26.1.2010, p. 7 ).
(30)    Id-Direttiva tal-Kunsill 92/43/KEE tal-21 ta’ Mejju 1992 dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa ( ĠU L 206, 22.7.1992, p. 7 ).
(31)    Il-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet ( ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1 ).
(32)    Ir-Regolament (UE) Nru 508/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2328/2003, (KE) Nru 861/2006, (KE) Nru 1198/2006 u (KE) Nru 791/2007 (UE) u r-Regolament (UE) Nru 1255/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ( ĠU L 149, 20.5.2014, p. 1 ).
(33)    Il-valutazzjoni tal-impatt [inkludi r-referenza għaliha meta din tiġi ppubblikata].
(34)    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 847/96, (KE) Nru 2371/2002, (KE) Nru 811/2004, (KE) Nru 768/2005, (KE) Nru 2115/2005, (KE) Nru 2166/2005, (KE) Nru 388/2006, (KE) Nru 509/2007, (KE) Nru 676/2007, (KE) Nru 1098/2007, (KE) Nru 1300/2008, (KE) Nru 1342/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KEE) Nru 2847/93, (KE) Nru 1627/94 u (KE) Nru 1966/2006 ( ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1 ).
(35)    Ir-Regolament (UE) Nru 1343/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2011 dwar ċerti dispożizzjonijiet għas-sajd fiż-żona tal-Ftehim tal-GFCM (Kummissjoni Ġenerali tas-Sajd għall-Baħar Mediterran) u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran ( ĠU L 347, 30.12.2011, p. 44 ).
(36)    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 404/2011 tat-8 ta’ April 2011 li jistabbilixxi regoli dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 li jistabbilixxi sistema Komunitarja ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd ( ĠU L 112, 30.4.2011, p. 1 ).

Brussell,8.3.2018

COM(2018) 115 final

ANNESSI

tal-proposta għal

REGOLAMENT TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

li jistabbilixxi pjan pluriennali għas-sajd li jisfrutta l-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran

{SWD(2018) 59 final}
{SWD(2018) 60 final}


ANNESS I

Reġim tal-isforz tas-sajd

(kif imsemmi fl-Artikolu 7)

Il-gruppi tal-isforz huma ddefiniti kif ġej:

A) Il-bastimenti tat-tkarkir li jistadu għat-trilja tal-ħama, għall-merluzz, għall-gamblu abjad u għall-iskampu fil-blata kontinentali u fix-xaqliba ta’ fuq.

Tip ta’ rkaptu

Żona ġeografika

Stokkijiet ikkonċernati

Tul sħiħ tal-bastimenti

Kodiċi tal-grupp tal-isforz

Xbieki tat-tkarkir

(TBB, OTB, PTB, TBN, TBS, TB, OTM, PTM, TMS, TM, OTT, OT, PT, TX, OTP u TSP)

Is-subżoni 1, 2, 5, 6 u 7 tal-GFCM

It-trilja tal-ħama fis-subżoni ġeografiċi 1, 5, 6 u 7; il-merluzz mifrux fis-subżoni ġeografiċi 1, 5, 6 u 7; il-gamblu abjad fis-subżoni ġeografiċi 1, 5 u 6; u l-iskampu fis-subżoni ġeografiċi 5 u 6.

< 12 m

EFF1/MED1_TR1

≥ 12 m u < 18 m

EFF1/MED1_TR2

≥ 18 m u < 24 m

EFF1/MED1_TR3

≥ 24 m

EFF1/MED1_TR4

Is-subżoni 8, 9, 10 u 11 tal-GFCM

It-trilja tal-ħama fis-subżoni ġeografiċi 9 u 10; il-merluzz mifrux fis-subżoni ġeografiċi 9, 10 u 11; il-gamblu abjad mifrux fis-subżoni ġeografiċi 9, 10 u 11; u l-iskampu fis-subżoni ġeografiċi 9 u 10.

< 12 m

EFF1/MED2_TR1

≥ 12 m u < 18 m

EFF1/MED2_TR2

≥ 18 m u < 24 m

EFF1/MED2_TR3

≥ 24 m

EFF1/MED1_TR4

B) Il-bastimenti tat-tkarkir li jistadu għall-gamblu blu u aħmar fl-ilma fond.

Tip ta’ rkaptu

Żona ġeografika

Stokkijiet ikkonċernati

Tul sħiħ tal-bastimenti

Kodiċi tal-grupp tal-isforz

Xbieki tat-tkarkir

(TBB, OTB, PTB, TBN, TBS, TB, OTM, PTM, TMS, TM, OTT, OT, PT, TX, OTP u TSP)

Is-subżoni 1, 2, 5, 6 u 7 tal-GFCM

Il-gamblu blu u aħmar fis-
subżoni ġeografiċi 1, 5 u 6.

< 12 m

EFF2/MED1_TR1

≥ 12 m u < 18 m

EFF2/MED1_TR2

≥ 18 m u < 24 m

EFF2/MED1_TR3

≥ 24 m

EFF2/MED1_TR4

Is-subżoni 8, 9, 10 u 11 tal-GFCM

Il-gamblu aħmar il-kbir fis-
subżoni ġeografiċi 9, 10 u 11

< 12 m

EFF2/MED2_TR1

≥ 12 m u < 18 m

EFF2/MED2_TR2

≥ 18 m u < 24 m

EFF2/MED2_TR3

≥ 24 m

EFF2/MED1_TR4

ANNESS II

Lista ta’ informazzjoni għad-dejta dwar l-isforz

(kif imsemmi fl-Artikolu 10)

Informazzjoni

Definizzjoni u kummenti

(1) Stat Membru

Il-kodiċi alfa-3 tal-ISO tal-Istat Membru tal-bandiera li jirrapporta

(2) Grupp tal-isforz

Il-kodiċi tal-grupp tal-isforz kif iddefinit fl-Anness I

(3) Perjodu tal-isforz

Id-data tal-ftuħ u d-data tal-għeluq tax-xahar irrappurtat

(5) Dikjarazzjoni tal-isforz

L-għadd totali ta’ jiem tas-sajd