Brussell, 9.2.2018

COM(2018) 61 final

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara
applikazzjoni mill-Ġermanja – EGF/2017/008 DE/Goodyear


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

KUNTEST TAL-PROPOSTA

1.Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 1 (ir-“Regolament tal-FEG”).

2.Fis-6 ta’ Ottubru 2017, il-Ġermanja ppreżentat applikazzjoni EGF/2017/008 DE/Goodyear għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara s-sensji 2 fil-Goodyear Dunlop Tires Germany GmbH fil-Ġermanja.

3.Wara l-valutazzjoni tagħha ta’ din l-applikazzjoni, il-Kummissjoni kkonkludiet li, skont id-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament tal-FEG, il-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG huma ssodisfati.

SOMMARJU TAL-APPLIKAZZJONI

Applikazzjoni tal-FEG

EGF/2017/008 DE/Goodyear

L-Istat Membru

Il-Ġermanja

Ir-reġjun(i) ikkonċernat(i) (il-livell NUTS 2 3 )

Regierungsbezirk Karlsruhe (DE12)

Id-data tat-tressiq tal-applikazzjoni

Is-6 ta' Ottubru 2017

Id-data ta’ konferma tal-wasla tal-applikazzjoni

Is-6 ta’ Ottubru 2017

Id-data tat-talba għal informazzjoni addizzjonali

It-23 ta' Ottubru 2017

Id-data ta’ skadenza għall-għoti tal-informazzjoni addizzjonali

L-4 ta’ Diċembru 2017

L-iskadenza għat-tlestija tal-valutazzjoni

Is-26 ta' Frar 2018

Il-kriterju ta’ intervent

L-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG


L-intrapriża primarja

Goodyear


L-għadd ta’ intrapriżi kkonċernati

1

Is-settur(i) tal-attività ekonomika

(Id-Diviżjoni NACE Reviżjoni 2) 4

Id-Diviżjoni 22 tan-NACE Reviżjoni 2

(Manifattura ta’ prodotti tal-lasktu u tal-plastik)


L-għadd ta’ sussidjarji, fornituri u produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni

0

Il-perjodu ta’ referenza (massimu ta' erba’ xhur):

L-14 ta' Lulju 2017 - il-5 ta' Ottubru 2017

L-għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza (a)

632

L-għadd ta’ sensji qabel jew wara l-perjodu ta’ referenza (b)

14

L-għadd totali ta’ sensji (a + b)

646

L-għadd totali ta' benefiċjarji eliġibbli

646

L-għadd totali ta’ benefiċjarji fil-mira

646

L-għadd ta’ żgħażagħ fil-mira barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs)

0

Il-baġit għal servizzi personalizzati (EUR)

3 464 371

Il-baġit għall-implimentazzjoni tal-FEG 5 (EUR)

144 348

Il-baġit totali (EUR)

3 608 719

Il-kontribuzzjoni tal-FEG (60 %) (EUR)

2 165 231

VALUTAZZJONI TAL-APPLIKAZZJONI

Proċedura

4.Fis-6 ta' Ottubru 2017, il-Ġermanja ressqet l-applikazzjoni EGF/2017/008 DE/Goodyear fi żmien 12-il ġimgħa mid-data li fiha ġew issodisfati l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4 tar-Regolament tal-FEG. Il-Kummissjoni kkonfermat il-wasla tal-applikazzjoni fl-istess jum u talbet informazzjoni addizzjonali mill-Ġermanja fit-23 ta’ Ottubru 2017. Din l-informazzjoni addizzjonali ngħatat fi żmien sitt ġimgħat mid-data tat-talba. L-iskadenza ta’ 12-il ġimgħa mill-wasla tal-applikazzjoni kompluta li fiha l-Kummissjoni jenħtieġ li tiffinalizza l-valutazzjoni tagħha tal-konformità tal-applikazzjoni mal-kundizzjonijiet għall-għoti ta’ kontribuzzjoni finanzjarja tiskadi fis-26 ta’ Frar 2018.

L-eliġibbiltà tal-applikazzjoni

L-intrapriżi u l-benefiċjarji kkonċernati

5.L-applikazzjoni tikkonċerna 646 ħaddiem li ngħataw is-sensja mill-Goodyear Dunlop Tires Germany GmbH. Din l-intrapriża topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 22 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura ta’ prodotti minerali oħra li mhumiex metalliċi). Is-sensji li ngħataw mill-Goodyear jinsabu prinċipalment fir-reġjun tan-NUTS il-livell 2 fir-reġjun ta’ Regierungsbezirk Karlsruhe (DE12) fil-Ġermanja.

L-intrapriżi u l-għadd ta’ sensji matul il-perjodu ta’ referenza

Goodyear Dunlop Tires Germany GmbH

632

Il-kriterji ta’ intervent

6.Il-Ġermanja ressqet l-applikazzjoni skont il-kriterji ta’ intervent tal-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament tal-FEG, li jeħtieġu li tal-inqas 500 ħaddiem ikunu ngħataw is-sensja fuq perjodu ta’ referenza ta’ erba’ xhur f’intrapriża fi Stat Membru, inkluż il-ħaddiema li ngħataw is-sensja mill-fornituri u mill-produtturi fl-istadju aħħari tal-produzzjoni u/jew persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom waqfet.

7.Il-perjodu ta' referenza ta' erba' xhur għall-applikazzjoni huwa mill-14 ta' Lulju 2017 sal-5 ta' Ottubru 2017.

8.Is-sensji matul il-perjodu ta' referenza huma kif ġej:

632 ħaddiem li ngħataw is-sensja fil-Goodyear.

Kalkolu tas-sensji u tal-waqfien tal-attività

9.Is-sensji mogħtija matul il-perjodu ta' referenza ġew ikkalkulati kif ġej:

632 mid-data tal-avviż individwali tal-impjegatur biex ikeċċi jew iwaqqaf il-kuntratt ta’ impjieg tal-ħaddiem.

Benefiċjarji eliġibbli

10.Minbarra l-ħaddiema li diġà ssemmew, il-benefiċjarji eliġibbli jinkludu 14-il ħaddiem li ngħataw is-sensja qabel jew wara l-perjodu ta' referenza. Dawn il-ħaddiema kollha ngħataw is-sensja wara t-tħabbira ġenerali tas-sensji previsti li saret fl-24 ta' Ottubru 2016. Tista' tiġi stabbilita rabta kawżali ċara mal-avveniment li wassal għas-sensji matul il-perjodu ta' referenza.

11.Għalhekk, l-għadd totali ta’ benefiċjarji eliġibbli huwa ta’ 646.

Rabta bejn is-sensji u bidliet strutturali ewlenin fil-mudelli kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni

12.Sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali ewlenin fix-xejriet tal-kummerċ dinji dovuti għall-globalizzazzjoni, il-Ġermanja ssostni li l-globalizzazzjoni kellha impatt negattiv fuq il-produzzjoni tat-tajers ta’ karozzi tas-segment B 6 fl-UE. Dan huwa dovut għall-fatt li, f’dawn l-aħħar snin, il-fornituri Asjatiċi ggwadanjaw ishma sinifikanti fis-suq .

13.Filwaqt li l-produzzjoni tal-karozzi tal-passiġġieri fl-UE-27, li naqset b’mod drastiku fil-kriżi finanzjarja, reġgħet tikber matul dawn l-aħħar snin, damet sal-2016 biex tikseb il-livell li kellha fl-2006. Skont l-analiżijiet tal- Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tal-Vetturi  (ACEA), fl-2016, il-bejgħ tal-karozzi ż-żgħar baqa’ taħt il-livell tiegħu tal-2005. Madankollu, is-sehem mis-suq globali tal-vetturi bil-mutur manufatturati fl-Ewropa naqas minn 35 % fl-2001 għal 23% fl-2016. Is-sehem mis-suq globali taċ-Ċina matul l-istess perjodu kiber minn 5 % għal 30 % 7 . Il-produzzjoni tal-karozzi fl-Asja rat żieda ta’ 45 % matul l-aħħar għaxar snin 8 .

14.Mill-2015 sal-2016, l-importazzjonijiet fl-UE żdiedu bi 22 %, filwaqt li l-esportazzjonijiet naqsu bi 3 % 9 . Għalkemm ħafna mill-vetturi importati jiġu mit-Turkija (is-sehem mis-suq hu ta’ 29 %), l-aktar tkabbir b’saħħtu ta’ importazzjonijiet ta’ vetturi bil-mutur bejn l-2015 u l-2016 inkiseb mill-Indja (żieda ta’ 31 %), segwita mill-qrib mill-Afrika t’Isfel (29 %) u mill-Ġappun (20 %) 10 . L-istrateġiji fit-tul tas-suq tal-karozzi u tal-manifatturi tat-tajers ukoll iridu jiġu allinjati mar-rati ta’ tkabbir potenzjali. Billi l-motorizzazzjoni fl-Unjoni Ewropea żdiedet biss b’9 % mill-2005 sal-2015, il-motorizzazzjoni fl-Asja/Oċeanja żdiedet b’140 %, u fl-Amerika Ċentrali u t’Isfel b’59 % matul l-istess perjodu 11 .

15.Għalhekk, is-suq tat-tajers globali nbidel ukoll b’mod sinifikanti sa mill-bidu ta’ dan il-millennju. Filwaqt li t-tliet atturi globali l-kbar Bridgestone, Michelin u Goodyear kienu jgħoddu għal 57 % tal-produzzjoni globali tat-tajers fl-2000, fid-dinja kollha s-sinifikat tagħhom naqas għal 38 % sal-2013. Matul l-istess perjodu, is-sehem mis-suq tal-manifatturi Asjatiċi miċ-Ċina, it-Tajwan u Singapor żdied minn 4 % fl-2001 għal 20 % fl-2013, skont studju intern minn Ernst & Young Consulting. Skont l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Manifatturi tat-Tajers u tal-Gomma (ETRMA), mill-10 manifatturi tat-tajers li ġġeneraw l-ogħla fatturat fl-2016, sitta kienu mill-Asja 12 .

16.Fl-2015, fl-UE, l-importazzjonijiet tat-tajers (130 miljun tajer) sebqu bil-bosta l-esportazzjonijiet (74 miljun). Il-produzzjoni tal-UE tat-tajers fl-2015 (4,9 miljun tunnellata) xorta kienet kemxejn inqas miċ-ċifra tal-output tal-2007 (5,1 miljun tunnellata) 13 .

17.Studju ppubblikat mill-istitut tar-riċerka tas-suq Gesellschaft für Konsumforschung juri li filwaqt li 77 % tat-tajers mibjugħin fil-Ġermanja fl-2005 kienu tas-segment tat-tajers B, tali daqsijiet tat-tajers kienu jgħoddu għal 43 % biss tal-bejgħ fil-Ġermanja fl-2014, u dan jirrifletti ċ-ċaqliq tal-produzzjoni tal-vetturi żgħar lejn is-swieq li qed jikbru fl-Asja u fl-Amerka t’Isfel 14 .

18.Sal-lum, is-settur taħt id-Diviżjoni 22 tan-NACE Reviżjoni 2 (Manifattura taʼ prodotti tal-gomma u tal-plastik) ma kienx is-suġġett ta’ applikazzjoni tal-FEG 15 .

Avvenimenti li wasslu għas-sensji u l-waqfien tal-attività

19.L-avveniment li wassal għal dawk is-sensji huwa l-għeluq għalkollox tal-impjant tal-produzzjoni tal-Goodyear f’Philippsburg. Il-Goodyear Tire & Rubber Company ġiet stabbilita f’Akron, Ohio, fl-Istati Uniti, fl-1898 u hija fost il-manifatturi tat-tajers ewlenin fid-dinja. Fl-1954, ġiet stabbilita Deutsche Goodyear GmbH, u fl-1966 beda l-bini tal-fabbrika tat-tajers tal-kumpanija f’Philippsburg. Bħalissa l-Goodyear Dunlop għandha madwar 7 600 impjegat fil-Ġermanja. Il-kwartieri ġenerali Ġermaniż tagħha huwa f’Hanau. Fil-Ġermanja hemm impjanti oħra fi Fürstenwalde, Wittlich, Riesa u Fulda.

20.Peress li l-produzzjoni tal-karozzi fl-UE u s-sehem mis-suq naqsu bħala riżultat tal-globalizzazzjoni, kien hemm kapaċità żejda sinifikanti fis-segment B fil-Goodyear li kien jammonta għal madwar ħames miljun tajer fl-istabbiliment tal-produzzjoni integrata tal-kumpanija fl-Ewropa. Dan jikkorrispondi għall-kapaċità medja annwali ta’ impjant wieħed tal-produzzjoni. Għalhekk, il-Goodyear inġagħlet tagħlaq waħda mill-fabbriki tagħha fl-Ewropa. Il-Goodyear iddeċidiet li tagħlaq l-impjant f’Philippsburg li għandu l-ikbar kapaċità tal-produzzjoni għal tajers fis-segment B fost l-impjanti Ewropej tal-Goodyear. Għalhekk, fl-24 ta’ Ottubru 2016, il-maniġment tal-Goodyear ħabbar li l-fabbrika tat-tajers f’Philippsburg, bi 888 ħaddiem, kellha tagħlaq fl-2017.

21.Fis-26 ta’ April 2017, il-Goodyear ikkonkludiet ftehim kollettiv li jirregola t-termini tas-sensji mat-trade union IG BCE. Wara taħdidiet mal-kunsill tax-xogħol, dan il-ftehim kollettiv ġie inkorporat fi skema tal-għoti tas-sensji. Il-produzzjoni twaqqfet diġà fil-15 ta’ Lulju 2017, u l-għeluq tal-fabbrika tħabbret fil-31 ta’ Diċembru 2017.

22.Is-sħab soċjali qablu fuq il-ħolqien ta’ żewġ kumpaniji ta’ trasferiment. Il-ħolqien ta’ kumpanija ta’ trasferiment mhuwiex obbligatorju skont il-liġi Ġermaniża. Ma hemm l-ebda obbligu fuq in-naħa tal-kumpanija li tat is-sensji li tikkontribwixxi lejn il-ħolqien ta’ kumpanija ta’ trasferiment. Mingħajr il-parteċipazzjoni tal-kumpanija li tat is-sensji, l-ebda kumpanija ta’ trasferiment ma kienet tinħoloq. Jekk il-kumpanija li tat is-sensji toffri li tipparteċipa, u jekk is-sħab soċjali jaqblu li joħolqu kumpanija ta’ trasferiment, il-liġi soċjali Ġermaniża tistabbilixxi l-qafas legali (§§ 110 u 111, SGB III).

23.Il-kumpaniji ta’ trasferiment se jitmexxew mill-weitblick - personalpartner GmbH, kumpanija li s-sid tagħha hu l-Konfederazzjoni tat-Trade Unions Ġermaniżi (Deutscher Gewerkschaftsbund - DGB). 646 mill-ħaddiema ffirmaw ftehim tripartiku li skontu jingħaqdu mal-kumpanija ta’ trasferiment mat-tmiem uffiċjali tal-impjieg tagħhom mal-Goodyear. 632 iffirmaw il-ftehim fil-perjodu ta’ referenza, 14 oħra kienu għadhom ma jistgħux jiffirmaw minħabba l-liv tal-maternità, eċċ, iżda huma mistennija jiffirmaw qabel it-terminazzjoni tal-kuntratt mal-Goodyear. Il-persuni li għażlu li ma jidħlux mal-kumpanija ta’ trasferiment kienu sabu xogħol ġdid diġà, jew iddeċidew li jirtiraw.

24. Il-Goodyear għamlet il-ħlasijiet għat-terminazzjonijiet, qablet fuq iż-żieda fl-allowance tat-taħriġ (Transferkurzarbeitergeld) u pprovdiet baġit għat-taħriġ mill-ġdid ta’ madwar EUR 3 000 għal kull impjegat. Il-perjodu ta’ trasferiment ta’ kull impjegat huwa kkalkulat abbażi tat-tul tas-servizz mal-kumpanija u jammonta għal massimu ta’ sena.

25.L-għajnuna addizzjonali tal-FEG se tintuża biex tikkumplimenta l-miżuri u tista’ tintuża wkoll biex testendi t-tul tal-miżuri individwali. 595 ħaddiem daħlu fl-ewwel kumpanija ta’ trasferiment fl-1 ta’ Jannar 2018. Hekk kif 51 ħaddiem ieħor jibqgħu fl-impjieg biex jiżmantellaw l-impjant tal-Goodyear, tinħoloq it-tieni kumpanija ta' trasferiment sabiex il-ħaddiema li jibqa’, ikunu jistgħu jingħaqdu mat-tieni kumpanija ta’ trasferiment fl-1 ta’ April 2018.

L-impatt mistenni tas-sensji fir-rigward tal-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali u l-impjiegi

26.Is-sensji huma mistennija li jkollhom effett negattiv sinifikanti fuq l-ekonomija lokali. Il-belt ta’ Philippsburg, b'madwar 13 000 abitant, tinsab fid-distrett tal-Aġenzija Pubblika tal-Impjiegi (PES) ta’ Waghäusl, b’popolazzjoni totali ta’ madwar 60 000. Is-settur terzjarju jgħodd għal 48 % biss tal-impjiegi u għalhekk hija sottorappreżentata meta mqabbla mal-Istat Federali ta’ Baden-Württemberg b’mod sħiħ (63 %). Ir-reġjun hu karatterizzat primarjament minn proporzjon ogħla mill-medja ta’ nies li jaħdmu fis-settur tal-manifattura. Meta mqabbla mad-distretti ġirien, ir-rata tal-qgħad fir-reġjun ta’ Waghäusl huwa pjuttost għoli, u hu ta’ 5,7 % (f’Ġunju 2017), meta mqabbel ma’ 3,3 % fid-distrett ġar ta’ Karlsruhe. Il-qgħad fiż-żona ta’ Waghäusl qed jiżdied, u hu 17 % ogħla mis-sena preċedenti. Iċ-ċittadini bi sfond ta’ migrazzjoni u nies kbar fl-età, jidhru li huma l-aktar żvantaġġati fis-suq tax-xogħol reġjonali. 25 % ta’ dawk qiegħda huma ċittadini barranin, u xi terz ta’ dawk qiegħda fit-tul li jiddependu mis-servizz soċjali għandhom 55 sena jew aktar. Proporzjon kbir tal-ħaddiema li ġew issensjati mill-Goodyear jaqa’ wkoll f’dawk il-kategoariji.

27.L-impjant tal-Goodyear kien l-akbar impjegatur fir-reġjun, it-tieni l-akbar hu l-impjant tal-enerġija nukleari. Minħabba d-deċiżjoni tal-Ġermanja li tkun ħielsa mill-enerġija nukleari, l-impjant tal-enerġija nukleari dalwaqt jingħalaq fis-snin li ġejjin. Bosta kumpaniji żgħar jew ta’ daqs medju fir-reġjun issensjaw mijiet ta’ ħaddiema, pereżempju, fis-sajf tal-2017, 146 ruħ ġew issensjati minn kumpanija li topera fl-industrija tal-karozzi, jew 144 ruħ ġew issensjati minħabba l-għeluq ta’ manifattur tal-preses. Ir-reġjun qed iħabbat wiċċu ma’ bidla strutturali. Għalhekk, il-PES fassal strateġija għall-kwalifiki u l-ħiliet, li tieħu kont kemm tal-ħtiġijiet (futuri) tas-suq tax-xogħol kif ukoll tal-livell tal-kwalifiki tal-ħaddiema konċernati.

Il-benefiċjarji fil-mira u l-azzjonijiet proposti

Benefiċjarji fil-mira

28.L-għadd stmat ta’ ħaddiema ssensjati li mistennija jipparteċipaw fil-miżuri huwa ta’ 646. It-tqassim ta' dawn il-ħaddiema skont is-sess, iċ-ċittadinanza u l-grupp ta’ età huwa kif ġej:

Il-kategorija

L-għadd ta'
benefiċjarji fil-mira (perċentwali
arrotondati)

Sess:

Irġiel:

641

(99,23 %)

Nisa

5

(0,77 %)

Ċittadinanza:

Ċittadini tal-UE:

493

(76,32 %)

ċittadini mhux tal-UE:

153

(23,68 %)

Grupp ta’ età:

15-24 sena:

15

(2,32 %)

25-29 sena:

33

(5,11 %)

30-54 sena:

428

(66,25 %)

55-64 sena:

168

(26,01 %)

iktar minn 64 sena:

2

(0,31 %)

L-eliġibbiltà tal-azzjonijiet proposti

29.Kif stipulat hawn fuq, is-sħab soċjali qablu fuq il-ħolqien ta’ żewġ kumpaniji ta’ trasferiment li se jkopru żewġ lottijiet differenti ta’ ħaddiema mogħtija s-sensja tal-impjant tal-Goodyear li ser jidħlu jew fl-ewwel kumpanija ta’ trasferiment fl-1 ta’ Jannar 2018 jew fit-tieni kumpanija ta’ trasferiment fl-1 ta’ April 2018, rispettivament. Il-miżuri addizzjonali offruti mill-Goodyear qed jingħataw ukoll mill-kumpanija ta’ trasferiment, iżda mhumiex parti mill-applikazzjoni tal-FEG. Il-miżuri kollha deskritti hawn taħt jikkombinaw flimkien biex jiffurmaw pakkett ta’ servizzi personalizzati kkordinati mill-kumpaniji ta’ trasferiment u għandhom l-għan li jintegraw mill-ġdid fix-xogħol lill-ħaddiema mogħtija s-sensja.

30.Is-servizzi personalizzati li jridu jiġu pprovduti lill-ħaddiema ssensjati jikkonsistu mill-azzjonijiet li ġejjin:

Miżuri għat-titjib tal-ħiliet: Dawn huma offruti lil ħaddiema eliġibbli wara l-ħolqien ta’ profili u intervisti ta’ gwida dwar il-karriera, u għandhom l-intenzjoni li jgħinuhom jibbenefikaw mill-opportunitajiet fis-suq tax-xogħol. Il-korsijiet ta’ taħriġ offruti se jiffukaw fuq setturi bi prospetti futuri, bħalma huma x-xogħol fil-metall u fis-setturi tal-imħażen. Il-korsijiet jistgħu jingħataw individwalment jew fi gruppi, u jvarjaw minn kompetenzi bażiċi għal korsijiet għat-titjib tal-ħiliet u korsijiet li jippreparaw il-parteċipanti għal bidliet fil-karriera. Il-korsijiet tal-lingwa Ġermaniża se jkunu ta’ punt fokali partikolari għall-parteċipanti b’livell baxx ħafna ta’ ħiliet tal-lingwa Ġermaniża.

Gruppi ta’ pari/Gruppi ta’ ħidma: Dawn se jkunu fora ta’ gruppi assistiti minn faċilitatur, li se jgħin lill-parteċipanti jaqsmu ideat u riflessjonijiet. Il-gruppi ta’ pari jistgħu jiffokaw fuq firxa ta’ suġġetti, bħall-ġestjoni tal-ħin, l-awtoġestjoni, il-promozzjoni ta’ miżuri tas-saħħa jew gruppi speċjali ta’ pari għall-parteċipanti bi sfond ta’ migrazzjoni. Qiegħda tiġi offruta varjetà ta’ workshops, bħalma huma workshops dwar il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata jew dwar il-kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi.

Servizz ta’ pariri dwar il-bidu ta’ negozju: Dan se jinkludi pakkett ta’ servizzi ta’ konsulenza għal dawk interessati li jibdew in-negozji tagħhom stess. Dawn is-servizzi se jinkludu miżuri ta’ kowċing imfassla apposta u individwalizzati.

Tfittxija għal impjieg: Il-job scouts professjonali se jgħinu biex jidentifikaw postijiet tax-xogħol vakanti potenzjali li għadhom ma ġewx ippubblikati, li jistgħu jissodisfaw xi ħaddiema eliġibbli. Hemm ippjanata wkoll fiera tal-impjiegi.

Mentoring ta’ segwitu/l-iżgurar tal-impjiegi: Il-ħaddiema jistgħu jibbenefikaw minn servizzi oħrajn ta’ konsulenza ta’ gwida wara li jibdew jaħdmu fl-impjieg il-ġdid biex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni fl-impjieg il-ġdid u biex jitnaqqas ir-riskju ta’ telf ta’ impjiegi.

Allowance tat-taħriġ: Il-ħlas jibda mid-data li fiha l-ħaddiem jidħol fil-kumpanija ta’ trasferiment, u jintemm hekk kif il-persuna titlaq minn mal-kumpanija ta’ trasferiment.

31.Il-proġett se jikkontribwixxi għall-iżvilupp ekonomiku sostenibbli fil-Ġermanja. Il-miżuri huma organizzati skont l-istrateġija ta’ sostenibbiltà tal-Ġermanja, u l-weitblick - personalpartner GmbH, li ġiet fdata bit-twaqqif taż-żewġ kumpaniji ta’ trasferiment, għandha ċertifikazzjoni tas-sostenibilità.

32.L-azzjonijiet proposti deskritti hawnhekk jikkostitwixxu miżuri attivi tas-suq tax-xogħol fil-qafas tal-azzjonijiet eliġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament tal-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jiħdux post miżuri passivi ta’ protezzjoni soċjali.

33.Il-Ġermanja pprovdiet l-informazzjoni meħtieġa dwar l-azzjonijiet li huma obbligatorji għall-intrapriża kkonċernata permezz tal-liġi nazzjonali jew tal-ftehimiet kollettivi. Huma kkonfermaw li kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhijiex sejra tieħu post dawn l-azzjonijiet.

Baġit stmat

34.L-ispejjeż totali stmati huma ta' EUR 3 608 719, li jinkludu nefqa ta' EUR 3 464 371 għal servizzi personalizzati u nefqa ta' EUR 144 348 għal attivitajiet preparatorji, ta' ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità, kontroll u rapportar.

35.Il-kontribuzzjoni finanzjarja totali mitluba mill-FEG hija ta’ EUR 2 165 231 (60 % tal-ispejjeż totali).

Azzjonijiet

L-għadd stmat ta’ parteċipanti

L-ispiża stmata (arrotondata) għal kull parteċipant 16 (f’EUR)

L-ispejjeż totali stmati

(f’EUR)

Servizzi personalizzati (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(a) u (c) tar-Regolament tal-FEG)

Miżuri għat-titjib tal-ħiliet (Qualifizierungsmaßnahmen)

288

4 512

1 299 516

Gruppi ta’ pari/workshops

276

1 294

357 086

Servizz ta’ pariri dwar il-bidu ta’ negozju (Existenzgründerberatung)

30

1 690

50 710

Tfittxija ta’ Xogħol (Stellenakquise)

350

369

129 319

Mentoraġġ ta’ segwitu/tfittxija ta’ impjieg (Nachbetreuung/Beschäftigungssicherung)

646

643

415 211

Is-subtotal (a):

Il-perċentwal tal-pakkett ta' servizzi personalizzati

2 251 842

(65 %)

L-allowances u l-inċentivi (Azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG)

Benefiċċju għat-taħriġ (Transferkurzarbeitergeld)

646

1 877

1 212 529

Is-subtotal (b):

Il-perċentwal tal-pakkett ta' servizzi personalizzati:

1 212 529

(35 %)

L-azzjonijiet skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-FEG

1. L-attivitajiet preparatorji

21 652

2. Ġestjoni

79 391

3. L-informazzjoni u l-pubbliċità

7 218

4. Il-kontroll u r-rapportar

36 087

Is-subtotal (c):

Il-perċentwal tal-ispejjeż totali:

144 348

(%)

L-ispejjeż totali (a + b + c):

3 608 719

Il-kontribuzzjoni tal-FEG (60 % tal-ispejjeż totali)

2 165 231

36.L-ispejjeż tal-azzjonijiet identifikati fit-tabella ta' hawn fuq bħala azzjonijiet skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament tal-FEG ma jaqbżux il-35 % tal-ispejjeż totali tal-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati. Il-Ġermanja kkonfermat li dawn l-azzjonijiet huma soġġetti għall-parteċipazzjoni attiva tal-benefiċjarji fil-mira fit-tfittxija għax-xogħol jew l-attivitajiet ta’ taħriġ.

Il-perjodu ta’ eliġibbiltà tan-nefqa

37.Il-Ġermanja bdiet tipprovdi s-servizzi personalizzati lill-benefiċjarji fil-mira fl-1 ta’ Jannar 2018. Għalhekk, in-nefqa fuq l-azzjonijiet se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mill-1 ta’ Jannar 2018 sal-1 ta’ Jannar 2020.

38.Il-Ġermanja bdiet iġġarrab in-nefqa amministrattiva biex timplimenta l-FEG fis-7 ta’ Lulju 2017. Għalhekk, in-nefqa għall-attivitajiet ta' tħejjija, ġestjoni, informazzjoni u pubbliċità kif ukoll dawk ta' kontroll u rapportar għandha tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mis-7 ta’ Lulju 2017 sal-1 ta’ Lulju 2020.

Kumplimentarjetà ma’ azzjonijiet iffinanzjati minn fondi nazzjonali jew tal-Unjoni

39.Is-sorsi tal-prefinanzjament jew kofinanzjament nazzjonali huma l-baġit Federali u l-Bundesagentur für Arbeit (is-Servizz Federali għall-Impjieg Pubbliku). Dawn jiffinanzjaw il-kontribuzzjoni nazzjonali ta’ 40 % tal-ispejjeż totali tal-miżuri ffinanzjati mill-FEG offruta mill-kumpanija ta’ trasferiment 17 .

40.Il-Ġermanja kkonfermat li l-miżuri deskritti hawn fuq li jirċievu kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG mhux se jirċievu wkoll kontribuzzjonijiet finanzjarji minn strumenti finanzjarji oħrajn tal-Unjoni.

Proċeduri għall-konsultazzjoni tal-benefiċjarji fil-mira jew ir-rappreżentanti tagħhom jew is-sħab soċjali kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali

41.Il-Ġermanja indikat li l-pakkett ikkoordinat ta’ servizzi personalizzati tfassal f’konsultazzjoni mal-partijiet kollha konċernati, b’mod partikolari mar-rappreżentanti tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, is-sħab soċjali u l-awtoritajiet reġjonali. Għall-ippjanar ta’ miżuri sostnuti mill-FEG, il-Ministeru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali kellu taħditiet mal-Goodyear, il-kunsill tax-xogħol, it-trade union IG BCE kif ukoll il-PSE biex jiddiskutu l-ambitu għall-appoġġ possibbli mill-FEG. Waqt taħditiet madwar mejda fis-7 ta’ Lulju 2017, il-partijiet kollha kkonċernati taw approvazzjonijiet ċara għal applikazzjoni possibbli tal-FEG. Il-partijiet kollha kienu qed jikkooperaw mill-qrib, u fit-18 ta’ Settembru 2017, il-kunċett għall-pakkett ippjanat ta’ miżuri personalizzati ġie ppreżentat mill-PES

Sistemi ta' ġestjoni u kontroll

42.L-applikazzjoni tinkludi deskrizzjoni tas-sistema ta’ ġestjoni u kontroll li tispeċifika r-responsabbiltajiet tal-korpi involuti. Il-Ġermanja nnotifikat lill-Kummissjoni li l-kontribuzzjoni finanzjarja se tiġi amministrata mill-istess entitajiet fil-Ministeru Federali għax-Xogħol u l-Affarijiet Soċjali (Bundesministerium für Arbeit und Soziales) li jiġġestixxu l-Fond Soċjali Ewropew (FSE). Madankollu, fi ħdan il-“Gruppe Europäische Fonds für Beschäftigung”, huwa r-“Referat EF 4” li taġixxi bħala l-awtorità maniġerjali għall-FEG, filwaqt li l-awtorità maniġerjali għall-FSE hija r-“Referat EF 1”. L-“Organisationseinheit Prüfbehörde” hija l-awtorità ta’ kontroll kemm għall-FEG kif ukoll għall-FSE. Dawn l-entitajiet jiġġestixxu wkoll il-kontribuzzjonijiet preċedenti mill-FEG lill-Ġermanja. Xi wħud mill-kompiti tal-awtorità maniġerjali tasl-FEG ġew delegati b’mod permanenti lill-PES bi ftehim amministrattiv.

Impenji pprovduti mill-Istat Membru kkonċernat

43.Il-Ġermanja tat l-assigurazzjonijiet kollha meħtieġa rigward dawn li ġejjin:

il-prinċipji tal-ugwaljanza tat-trattament u ta' nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fil-kuntest tal-aċċess għall-azzjonijiet proposti u fl-implimentazzjoni tagħhom,

ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew issodisfati,

Il-Goodyear, li ssoktat bl-attivitajiet tagħha wara s-sensji, ikkonformat mal-obbligi legali tagħha li jirregolaw is-sensji u pprovdiet għall-ħaddiema tagħha kif xieraq,

l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu għajnuna finanzjarja minn fondi oħrajn jew minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni, u kwalunkwe finanzjament doppju se jiġi evitat,

l-azzjonijiet proposti se jikkumplimentaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

IMPLIKAZZJONI BAĠITARJA

Proposta baġitarja

44.Il-FEG ma għandux jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 18 .

45.Wara li eżaminat l-applikazzjoni fir-rigward tal-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(1) tar-Regolament tal-FEG, u b'kont meħud tal-għadd ta' benefiċjarji fil-mira, l-azzjonijiet proposti u l-ispejjeż stmati, il-Kummissjoni qed tipproponi li timmobilizza l-FEG għall-ammont ta' EUR 2 165 231, li jirrappreżenta 60 % tal-ispejjeż totali tal-azzjonijiet proposti, sabiex tiġi pprovduta kontribuzzjoni finanzjarja għall-applikazzjoni.

46.Id-deċiżjoni proposta għall-mobilizzazzjoni tal-FEG se tittieħed b'mod konġunt mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, kif stabbilit fil-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 19 .

Atti relatati

47.Fl-istess waqt li tippreżenta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tippreżenta proposta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill għal trasferiment tal-ammont ta' EUR 2 165 231 għall-intestatura baġitarja rilevanti.

48.Fl-istess waqt li se tadotta din il-proposta għal deċiżjoni biex jiġi mmobilizzat il-FEG, il-Kummissjoni se tadotta deċiżjoni dwar kontribuzzjoni finanzjarja, permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni, li se jidħol fis-seħħ fid-data li fiha l-Parlament Ewropew u l-Kunsill jadottaw id-deċiżjoni proposta biex jiġi mmobilizzat il-FEG.

Proposta għal

DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni wara
applikazzjoni mill-Ġermanja – EGF/2017/008 DE/Goodyear

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 20 , u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba 21 , u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u fil-każ ta' persuni li jaħdmu għal rashom meta l-attività tagħhom tkun intemmet b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'riżultat ta' kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b'riżultat ta' kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u biex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)Il-FEG ma jridx jaqbeż l-ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 22 .

(3)Fis-6 ta’ Ottubru 2017, il-Ġermanja ppreżentat applikazzjoni biex timmobilizza l-FEG, fir-rigward tas-sensji il-Goodyear Dunlop Tires Germany GmbH fil-Ġermanja. Din ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali pprovduta skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni tikkonforma mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG kif stabbilit fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)Il-FEG jenħtieġ, għalhekk, li jkun immobilizzat biex jipprovdi kontribuzzjoni finanzjarja ta’ EUR 2 165 231 fir-rigward tal-applikazzjoni mressqa mill-Ġermanja.

(5)Sabiex iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG jitnaqqas kemm jista' jkun, din id-deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għas-sena finanzjarja 2018, il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta’ EUR 2 165 231 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn u ta’ pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Hija għandha tapplika minn [the date of its adoption]*.

Magħmul fi Brussell,

Għall-Parlament Ewropew    Għall-Kunsill

Il-President    Il-President

(1)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(2)    Skont it-tifsira tal-Artikolu 3 tar-Regolament tal-FEG.
(3)    Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta’ Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta’ klassifikazzjoni komuni ta’ unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).
(4)    ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1.
(5)    Skont ir-raba' paragrafu tal-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.
(6)    Is-suq tat-tajers ġeneralment hu magħmul minn żewġ segmenti, iddefiniti skont id-daqs tar-rimm tar-rota. Is-segment B ikopri d-daqsijiet tar-rimm li jvarjaw minn 13 sa 16-il pulzier, normalment użati għal vetturi żgħar jew ta’ daqs medju filwaqt li s-segment A jkopri l-firxa ta’ 17 sa 22 pulzier, tipikament għal karozzi akbar.
(7)    ACEA The Automobile Industry Pocket Guide 2017-2018 http://www.acea.be/publications/article/acea-pocket-guide
(8)    OICA 2017: Statistics, http://www.oica.net/category/production-statistics/
(9)    Eurostat 2017 Il-kummerċ barra l-UE ta’ vetturi bil-mutur, skont il-kategorija, 2013-2016 (EUR miljun), http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/File:Extra_EU_trade_of_motor_vehicles,_by_category,_2013-2016_(EUR_million).png
(10)    ACEA The Automobile Industry Pocket Guide 2017-2018 http://www.acea.be/publications/article/acea-pocket-guide
(11)    ACEA The Automobile Industry Pocket Guide 2017-2018 http://www.acea.be/publications/article/acea-pocket-guide
(12)    ETRMA 2017: Statistika - Edizzjoni 2016, Nru 8, http://www.etrma.org/uploads/Modules/Documentsmanager/20161208---statistics-booklet-2016-final5.pdf.
(13)    ETRMA 2017: Statistika - Edizzjoni 2016, Nru 8, http://www.etrma.org/uploads/Modules/Documentsmanager/20161208---statistics-booklet-2016-final5.pd
(14)    GFK 2015: GfK Retail Sales Tracking Data, Tire Trade Germany, Jan-Dec 2005 to Jan-Dec 2014, https://blog.gfk.com/wp-content/uploads/2015/04/01-a.png
(15)    Is-settur tar-Reviżjoni 2 tad-Diviżjoni 29 tan-NACE (Manifattura ta’ vetturi bil-mutur, trejlers u semitrejlers) kien soġġett għal 23 applikazzjoni għall-FEG, bi 13 minnhom ibbażati fuq il-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u 10 fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali. Fil-maġġoranza ta’ dawn il-każijiet, iż-żewġ kriterji (il-globalizzazzjoni u l-kriżi) influwenzaw f’livelli differenti d-deċiżjoni li tingħata sensja lill-ħaddiema. Huwa mbagħad f’idejn l-Istat Membru li jiddetermina liema kienet il-kawża prinċipali f’applikazzjoni speċifika u li jipprovdi analiżi raġunata tal-konnessjoni bejn is-sensji u dak il-kriterju partikulari, billi juri kawżalità ċara.
(16)    L-ispejjeż totali stmati diviżi bl-għadd stmat ta’ parteċipanti; il-medja tal-ispejjeż stmati għal kull parteċipant ġew approssimati sabiex jiġu evitati d-deċimali.
(17)    Il-forniment tal-pakkett ta’ servizzi personalizzati, magħmul mill-ħlas tal-allowances kif ukoll minn miżuri attivi tas-suq tax-xogħol, jistgħu jibdew malli l-ħaddiema jidħlu uffiċjalment mal-kumpanija ta’ trasferiment (mill-1 ta’ Jannar 2018 jew mill-1 ta’ April 2018, rispettivament). Mill-bidu nett, il-ħaddiema jitħallsu l-allowances tat-taħriġ (it-“Transferkurzarbeitergeld”), li huma eliġibbli għall-kofinanzjament tal-FEG filwaqt li l-ħaddiema ssensjati jsegwu miżuri attivi tal-politika tas-suq tax-xogħol.
(18)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
(19)    ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(20)    ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
(21)    ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
(22)    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).