Brussell, 9.2.2018

COM(2018) 58 final

2018/0023(NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Ungerija biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

Skont l-Artikolu 395(1) tad-Direttiva 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud 1 (minn hawn ’il quddiem, “id-Direttiva tal-VAT”), il-Kunsill, huwa u jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni jista’ jawtorizza lil kwalunkwe Stat Membru biex japplika miżuri speċjali għal deroga mid-dispożizzjonijiet ta’ dik id-Direttiva, sabiex tiġi ssimplifikata l-proċedura tal-ġbir tal-VAT jew sabiex jiġu evitati ċerti tipi ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa.

Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-26 ta’ Ġunju 2017, l-Ungerija talbet awtorizzazzjoni biex ittawwal id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2349 2 tat-10 ta’ Diċembru 2015 u b’hekk tkompli tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva dwar il-VAT. F’konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva tal-VAT u wara li waslulha aktar dettalji mingħand l-Ungerija dwar il-ġustifikazzjoni tat-talba, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra bit-talba tal-Ungerija permezz ta’ ittra datata l-11 ta’ Diċembru 2017. Permezz ta’ ittra tat-12 ta’ Diċembru 2017, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ungerija li kellha l-informazzjoni kollha li qieset li kellha bżonn għall-valutazzjoni tat-talba.

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

•Ir-raġunijiet għall-proposta u l-għanijiet tagħha

L-Ungerija għarrfet lill-Kummissjoni bi skemi ta’ frodi fis-settur tal-provvista tal-persunal, b’mod partikolari fejn għandhom x'jaqsmu l-aġenziji tal-impjiegi temporanji u l-organizzazzjonijiet li jipprovdu servizzi simili, bħall-kooperattivi tal-iskejjel li l-membri tagħhom iwettqu xogħol għal partijiet terzi.

Waħda mill-karatteristiċi tal-provvista ta' dan it-tip ta’ servizzi hija li ma hemmx verament bżonn ta' investimenti kbar jew ta' għarfien speċjalizzat. Għalhekk, huwa relattivament faċli biex wieħed jistabbilixxi negozju bħal dan li mbagħad jisparixxi wara perjodu qasir. Minħabba l-investimenti limitati, il-VAT riċevut mingħand il-klijenti spiss tisboq sewwa l-VAT deduċibbli fuq dawn l-investimenti jew, b’mod iktar ġenerali, fuq l-input. Għalhekk, meta dawn l-impriżi, li ma jkollhomx assi jew ikollhom ftit li xejn, jisparixxu, il-VAT mhux deduċibbli fuq l-input tkun biss spiża żgħira. Isir diffiċli jew impossibbli biex wieħed jirkupra l-ammont totali tal-VAT mhux imħallas.

Għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT fis-settur tal-aġenziji tal-impjiegi temporanji, fl-2014 l-Ungerija talbet deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT sabiex tkun awtorizzata tipprevedi li għall-provvisti ta’ persunal involut f’attivitajiet għajr dawk koperti mill-punt (a) tal-Artikolu 199(1) tad-Direttiva tal-VAT, il-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT tkun il-persuna taxxabbli li lilha ssir il-provvista (il-mekkaniżmu tar-reverse charge). L-awtorizzazzjoni ngħatat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2349 3 li skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2017.

L-Ungerija talbet l-awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT, u fl-istess ħin, biex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni tagħha għall-kooperattivi tal-pensjonanti.

Skont l-informazzjoni ppreżentata mill-Ungerija, il-mekkaniżmu tar-reverse charge wera li huwa għodda adatta u effettiva fil-ġlieda kontra l-prattiki korrotti fis-settur tal-aġenziji tal-impjiegi temporanji. L-Ungerija prinċipalment issostni li, kif ġie introdott il-mekkaniżmu tar-reverse charge, l-għadd ta’ aġenziji temporanji naqas. Fl-istess ħin, id-dejta turi li filwaqt li l-għadd ta’ persuni li jħallsu t-taxxa f’settur partikolari naqas, kien hemm żieda kbira fl-ammont taxxabbli ta’ provvisti domestiċi fl-2016.

L-Ungerija ssostni li ġie introdott għadd sinifikanti ta’ miżuri għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT (eż. aktar superviżjoni u kontrolli fuq ir-reġistrazzjoni ta’ kumpaniji ġodda, bidliet leġiżlattivi biex tiżdied l-effiċjenza tal-attivitajiet ta’ kontroll, dikjarazzjonijiet tal-VAT kull xahar għal kumpaniji reġistrati ġodda, l-introduzzjoni ta’ tariffa minima għas-servizzi tal-kooperattivi tal-iskejjel, il-monitoraġġ tal-irċevuti tal-cash registers online, dikjarazzjonijiet rikapitulattivi tal-VAT domestiku f’ċerti każijiet, eċċ.). L-Ungerija qed tippjana miżuri oħra kontra l-frodi b’enfasi partikolari fuq l-aġenziji tal-impjiegi temporanji (eż. it-tnaqqis tal-kamp ta’ applikazzjoni tas-settur tal-aġenziji tal-impjiegi temporanji, l-introduzzjoni ta’ garanzija marbuta mal-attivitajiet f’dan is-settur, l-estensjoni tas-sigurtà tal-impjieg). Minkejja dawn il-miżuri, l-Ungerija tqis li sabiex tkompli titnaqqas il-ħsara li saret lis-settur, jeħtieġ li l-mekkaniżmu protettiv tar-reverse charge jinżamm.

L-Ungerija infurmat ukoll lill-Kummissjoni li istituzzjoni ġuridika ġdida kellha tiġi introdotta fl-Ungerija, jiġifieri l-kooperattivi tal-pensjonanti. L-istess bħall-kooperattivi tal-iskejjel, impjieg mill-kooperattivi tal-pensjonanti se jiġi kkunsidrat analogu għal xogħol ma’ aġenzija tal-impjiegi temporanji. Għalhekk, l-Ungerija qed titlob li l-mekkaniżmu tar-reverse charge japplika wkoll għal dawn il-kooperattivi.

Ta' min jinnota li d-Direttiva tal-VAT diġà tipprevedi l-applikazzjoni fakultattiva tal-mekkaniżmu tar-reverse charge fir-rigward tal-provvista tal-persunal (l-Artikolu 199(1)(b) tad-Direttiva tal-VAT). Din il-possibbiltà hija essenzjalment limitata għas-settur tal-proprjetà immobbli (l-Artikolu 199(1)(a) tad-Direttiva tal-VAT). Għalhekk, il-miżura ta' deroga proposta għandha tkun applikabbli biss għas-sitwazzjonijiet li mhumiex diġà koperti mid-Direttiva tal-VAT.

Fl-aħħar nett, billi l-adozzjoni tal-miżura ta’ deroga se sseħħ wara l-iskadenza tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2349 (jiġifieri, wara l-31 ta’ Diċembru 2017), din il-proposta ma tistax testendi l-miżura preċedenti.

Huwa propost li d-deroga tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2020. Billi sakemm tiskadi d-deroga, il-miżuri meħuda u li se jiġu introdotti mill-Ungerija jenħtieġ ikunu effettivi fil-ġlieda kontra l-frodi fis-settur ikkonċernat, l-Ungerija mhux se tkun tenħtieġ perjodu itwal biex tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-VAT fir-rigward tal-provvista tal-persunal mill-aġenziji tal-impjiegi temporanji. Għaldaqstant, mhux se jenħtieġ it-tiġdid tad-deroga.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

•Bażi legali

L-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT.

•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)

Meta titqies id-dispożizzjoni tad-Direttiva tal-VAT li fuqha hija bbażata l-proposta, il-prinċipju tas-sussidjarjetà ma japplikax.

•Proporzjonalità

Il-proposta tikkonforma mal-prinċipju tal-proporzjonalità għar-raġunijiet li ġejjin.

Id-Deċiżjoni tikkonċerna awtorizzazzjoni mogħtija lil Stat Membru fuq talba tiegħu stess u ma tikkostitwixxi l-ebda obbligu.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni limitat tad-deroga, il-miżura speċjali hija proporzjonata mal-għan li qed jiġi segwit, jiġifieri l-ġlieda kontra l-evażjoni fiskali. Il-proposta ma tmurx lil hinn minn dak li hu meħtieġ għall-ġlieda kontra l-frodi f’settur speċifiku.

•Għażla tal-istrument

Skont l-Artikolu 395 tad-Direttiva tal-VAT, deroga mir-regoli komuni tal-VAT hija possibbli biss bl-awtorizzazzjoni tal-Kunsill li jaġixxi unanimament fuq proposta mill-Kummissjoni. Barra minn hekk, Deċiżjoni tal-Kunsill hija l-aktar strument adattat billi tista' tiġi indirizzata lil Stati Membri individwali.

3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati

Din il-proposta hija bbażata fuq talba li għamlet l-Ungerija u tirrigwarda biss lil dan l-Istat Membru.

•Il-ġbir u l-użu tal-kompetenzi

Ma kienx hemm bżonn ta’ għarfien espert estern.

•Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta għal Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni għandha l-għan li tipprevjeni ċerti forom ta’ evażjoni jew ta’ evitar tat-taxxa fis-settur tal-provvista tal-persunal fl-Ungerija. Il-mekkaniżmu tar-reverse charge għandu jgħin lill-Ungerija biex tkompli tiġġieled il-frodi tal-VAT f’dan is-settur. B’riżultat ta’ dan, il-miżura ta’ deroga se jkollha impatt potenzjali pożittiv.

Minħabba l-kamp ta’ applikazzjoni żgħir tad-deroga u l-applikazzjoni limitata tagħha fiż-żmien, l-impatt, fi kwalunkwe każ, se jkun limitat.

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta mhi se jkollha l-ebda implikazzjoni negattiva għall-baġit tal-UE.

5.ELEMENTI OĦRAJN

Il-proposta tinkludi klawżola ta’ estinzjoni stabbilita sal-31 ta’ Diċembru 2020.

2018/0023 (NLE)

Proposta għal

DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL

li tawtorizza lill-Ungerija biex tapplika miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta' Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud 4 , u b'mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Skont l-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE jipprevedi li persuna taxxabbli li tforni merkanzija jew servizzi hija, bħala regola ġenerali, responsabbli għall-ħlas tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lill-awtoritajiet tat-taxxa.

(2)Għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT fis-settur tal-aġenziji tal-impjiegi temporanji, fl-2014 l-Ungerija talbet l-awtorizzazzjoni biex tintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE li tipprevdi li, għall-provvisti ta’ persunal involut f’attivitajiet għajr dawk koperti mill-punt (a) tal-Artikolu 199(1) ta’ dik id-Direttiva, il-persuna responsabbli mill-ħlas tal-VAT tkun il-persuna taxxabbli li lilha ssir il-provvista (il-mekkaniżmu tar-reverse charge). L-awtorizzazzjoni ngħatat bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2349 5 u skadiet fil-31 ta’ Diċembru 2017.

(3)Permezz ta’ ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fis-26 ta’ Ġunju  2017, l-Ungerija talbet l-awtorizzazzjoni biex tapplika miżura li tidderoga mill-Artikolu 193 ta’ dik id-Direttiva sabiex tagħmel ir-riċevitur responsabbli għall-ħlas tal-VAT għall-provvista tal-persunal.

(4)F'konformità mal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni infurmat lill-Istati Membri l-oħra, bit-talba tal-Ungerija, permezz ta' ittra tal-11 ta' Diċembru 2017. Permezz ta' ittra tat-12 ta' Diċembru 2017, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Ungerija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun tista' tqis it-talba.

(5)Skont l-informazzjoni mogħtija mill-Ungerija, għadd ta' kummerċjanti fis-settur tal-aġenziji tal-impjiegi temporanji huma involuti f'attivitajiet frodulenti billi jipprovdu servizzi mingħajr ma jħallsu l-VAT lill-awtoritajiet tat-taxxa. Peress li dan it-tip ta’ attività mhux neċessarjament jirrikjedi input jew investiment kbir, il-VAT li dawn l-aġenziji jirċievu spiss jisboq sewwa l-VAT deduċibbli li jkunu ħallsu lill-fornituri tagħhom. Xi wħud minn dawn l-aġenziji, li spiss ikollhom ftit li xejn assi jew ma jkollhom xejn, jisparixxu wara perjodu qasir ta’ ftit xhur biss, u l-irkupru tal-VAT mhux imħallas isir diffiċli jew impossibbli.

(6)Billi l-persuna li lilha jingħataw dawn is-servizzi tiġi deżinjata bħala l-persuna responsabbli mill-ħlas tal-VAT f'dawn il-każijiet, id-deroga telimina l-opportunità għall-involviment f'dik il-forma ta' evażjoni tat-taxxa. L-Ungerija sostniet li wara l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-provvista tal-persunal fl-Ungerija, l-għadd ta’ aġenziji tal-impjiegi naqas u dan jissuġġerixxi li s-suq tnaddaf. Skont l-Ungerija, il-mekkaniżmu tar-reverse charge wera li huwa għodda adatta u effettiva fil-ġlieda kontra prattiki korrotti fis-settur tal-aġenziji tal-impjiegi temporanji.

(7)Abbażi ta’ informazzjoni pprovduta mill-Ungerija, ġie introdott għadd sinifikanti ta’ miżuri għall-ġielda kontra l-frodi tal-VAT, u miżuri oħra kontra l-frodi b’enfasi partikolari fuq l-aġenziji tal-impjiegi temporanji huma ppjanati mill-Ungerija. Minkejja dawn il-miżuri, l-Ungerija tqis li sabiex tkompli titnaqqas il-ħsara li saret lis-settur, jenħtieġ li l-mekkaniżmu protettiv tar-reverse charge jkompli japplika.

(8)Għal għadd ta' sitwazzjonijiet li jinvolvu l-provvista tal-persunal, elenkati fil-punt (a) tal-Artikolu 199(1) tad-Direttiva 2006/112/KE, diġà huwa possibbli li r-riċevitur ikun indikat bħala l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT. L-Ungerija jenħtieġ għalhekk tkun awtorizzata li tapplika l-mekkaniżmu tar-reverse charge għall-provvisti tal-persunal li mhumiex diġà koperti mid-Direttiva 2006/112/KE.

(9)Id-deroga jenħtieġ tkun limitata fiż-żmien.

(10)Il-miżuri li għandhom jittieħdu mill-Ungerija jenħtieġ jeliminaw il-frodi fis-settur ikkonċernat u, għalhekk, ma tenħtieġ l-ebda deroga oħra mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tal-provvista tal-persunal.

(11)Id-deroga ma għandha l-ebda impatt fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

B'deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE, l-Ungerija hija awtorizzata li tipprevedi li l-persuna responsabbli għall-ħlas tal-VAT tkun il-persuna taxxabbli li jsirulha l-provvisti tal-persunal, li tkun involuta f'attivitajiet oħra għajr dawk koperti mill-punt (a) tal-Artikolu 199(1) tad-Direttiva 2006/112/KE.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha.

Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fil-31 ta' Diċembru 2020.

Artikolu 3

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Ungerija.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2)    ĠU L 330, 16.12.2015, p. 53.
(3)    ĠU L 330, 16.12.2015, p. 53.
(4)    ĠU L 347, 11.12.2006, p.1.
(5)    Id-Deċiżjoni Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2349 tal-10 ta' Diċembru 2015 li tawtorizza lill-Ungerija biex tapplika miżura ta' deroga mill-Artikolu 193 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta' taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 330, 16.12.2015, p. 53).