IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.1.2018
COM(2018) 20 final
2018/0005(CNS)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud
{SWD(2018) 7 final}
{SWD(2018) 8 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.1.2018
COM(2018) 20 final
2018/0005(CNS)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud
{SWD(2018) 7 final}
{SWD(2018) 8 final}
MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI
1.KUNTEST TAL-PROPOSTA
•Raġunijiet u għanijiet tal-proposta
Din l-inizjattiva hija parti mill-pakkett tat-Tassazzjoni Ġusta għall-ħolqien ta’ żona unika tal-UE għat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) imħabbar bl-ittra ta’ intenzjoni tal-President Juncker li takkumpanja d-diskors dwar l-Istat tal-Unjoni 2017 1 . Il-pakkett jinkludi żewġ proposti biex tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT 2 , waħda rigward is-sistema definittiva tal-VAT għall-kummerċ transfruntier 3 u waħda adottata flimkien ma’ din l-inizjattiva fir-rigward tal-intrapriżi żgħar, u proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar il-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tal-VAT 4 .
Il-VAT hija l-aktar taxxa fuq il-konsum li ilha teżisti fl-Ewropa. Fl-1967, sar impenn sabiex tiġi stabbilita sistema definittiva tal-VAT li topera fil-Komunità Ewropea kollha bl-istess mod li kieku topera f’pajjiż wieħed 5 mingħajr ma sar qbil dwar regoli speċifiċi dwar ir-rati tal-VAT għajr għall-applikazzjoni ta’ rata standard tal-VAT. L-Istati Membri tħallew japplikaw għadd illimitat ta’ rati tal-VAT imnaqqsa jew miżjuda u ma ġew imposti l-ebda limiti massimi jew minimi tar-rata 6 .
It-tneħħija tal-fruntieri tat-taxxa bejn l-Istati Membri sa tmiem l-1992 ġabet magħha l-ħtieġa li jerġa’ jiġi kkunsidrat il-mod li bih il-kummerċ fil-merkanzija kien intaxxat fil-Komunità. L-għan kien li l-oġġetti jiġu ntaxxati fil-pajjiż ta’ oriġini, u dan jirrifletti perfettament l-idea ta’ suq intern ġenwin. Peress li l-kundizzjonijiet politiċi u tekniċi ma kinux lesti għal sistema ta’ dan it-tip, ġew adottati arranġamenti ta’ tranżizzjoni tal-VAT 7 .
Is-sistema ta’ tranżizzjoni kienet teħtieġ regoli dwar ir-rati tal-VAT biex jiġu evitati distorsjonijiet fix-xiri u l-kummerċ transfruntiera wara t-tneħħija tal-fruntieri tat-taxxa. F’Ottubru 1992, il-Kunsill laħaq ftehim dwar regoli li jillimitaw id-diskrezzjoni tal-Istati Membri biex jiffissaw ir-rati tal-VAT 8 . L-Istati Membri ntalbu japplikaw rata standard tal-VAT ta’ 15 % jew aktar, u setgħu japplikaw rata waħda mnaqqsa jew tnejn, ta’ mhux inqas minn 5 % għal ċerti oġġetti u servizzi speċifikati (l-Anness III tad-Direttiva tal-VAT). Permezz ta’ deroga, l-Istati Membri tħallew ikomplu japplikaw rati aktar baxxi, inklużi r-rati żero u japplikaw ukoll rata mnaqqsa għal kull oġġett jew servizz li ma kinux inklużi fil-lista, jekk it-tali rati diġà kienu diġà fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1991.
L-għan ta’ dawn id-derogi kien li jiġi permess li, matul perjodu ta’ tranżizzjoni, il-liġijiet nazzjonali f’oqsma partikolari jiġu adattati gradwalment għar-regoli komuni 9 , peress li kienu meħtieġa regoli armonizzati biex tiġi stabbilita bis-sħiħ sistema definittiva tal-VAT ibbażata fuq it-tassazzjoni fil-pajjiż ta’ oriġini. Għalhekk, dawn id-derogi kellhom jiskadu fiż-żmien meta l-arranġamenti ta’ tranżizzjoni għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri jkunu sostitwiti b’sistema definittiva tal-VAT bħal din.
F’Lulju 2003, il-Kummissjoni pproponiet li tissimplifika r-regoli dwar ir-rati tal-VAT imnaqqsa 10 billi tneħħi r-rati mnaqqsa kollha applikati għall-oġġetti u s-servizzi barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness III, iżda l-Kunsill ma setax jaqbel dwar it-tneħħija parzjali tad-derogi 11 u sal-lum id-derogi kollha għadhom fis-seħħ.
It-tneħħija jew l-iskadenza tad-derogi kienu ġustifikati sakemm is-sistema definittiva tal-VAT kienet maħsuba li tkun ibbażata fuq il-prinċipju tat-tassazzjoni fl-Istat Membru ta’ oriġini, li jeħtieġ approssimazzjoni tar-rati tal-VAT.
Madankollu, fl-2012, minħabba n-nuqqas ta’ progress sinifikanti fuq il-konverġenza tar-rati, il-Kummissjoni, bi qbil mal-Kunsill u mal-Parlament Ewropew, iddeċidiet li tabbanduna l-għan ta’ sistema definittiva tal-VAT ibbażata fuq l-oriġini favur waħda bbażata fuq il-prinċipju tad-destinazzjoni 12 .
Sadanittant, mill-2010 il-post tat-tassazzjoni tas-servizzi kien inbidel progressivament għall-pajjiż ta’ destinazzjoni wkoll. Id-deċiżjoni ttieħdet fl-2008, meta l-Kunsill adotta proposta bl-għan li jiġu evitati d-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn l-Istati Membri li joperaw b’rati tal-VAT differenti 13 . B’riżultat ta’ dan, illum, il-provvisti tas-servizzi kważi kollha huma ntaxxati skont il-prinċipju tad-destinazzjoni. L-implimentazzjoni finali tat-tassazzjoni bbażata fuq id-destinazzjoni seħħet fl-2015. Minn dak iż-żmien, il-provvisti tas-servizzi tat-telekomunikazzjoni, tax-xandir u elettroniċi B2C (business-to-consumer, min-negozjant għall-konsumatur) saru taxxabbli fil-post fejn jirrisjedi l-konsumatur u mhux fejn jinsab il-fornitur.
Dan kollu wassal lill-Kummissjoni li fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT tagħha tal-2016 14 tipproponi li tissostitwixxi l-arranġamenti ta’ tranżizzjoni attwali għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri b’arranġamenti definittivi bbażati fuq il-prinċipju tat-tassazzjoni fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni sabiex tinħoloq żona tal-VAT Ewropea unika b’saħħitha. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ħabbret li t-tassazzjoni fid-destinazzjoni tippermetti li l-Istati Membri jingħataw aktar flessibbiltà fl-iffissar tar-rati tal-VAT u li r-rati attwali mnaqqsa kollha eżistenti, inklużi d-derogi, applikati legalment fl-Istati Membri għandhom jinżammu u jistgħu jitpoġġew għad-dispożizzjoni tal-Istati Membri, u b’hekk jiġi żgurat it-trattament indaqs. Kienet inkluża proposta leġiżlattiva fir-rigward tar-rati tal-VAT fil-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni għall-2017 15 .
Fil-konklużjonijiet tiegħu 16 , il-Kunsill ħa nota tad-direzzjoni tal-azzjoni stabbilita mill-Kummissjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT fir-rigward tas-sistema tar-rata tal-VAT u l-intenzjoni tagħha li tressaq proposta leġiżlattiva fl-2017, biex tipproponi riforma biex tagħti aktar libertà lill-Istati Membri fl-iffissar tar-rati. Il-Kunsill laqa’ l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tippreżenta proposta għal aktar flessibilità, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jibbenefikaw minn rati żero u mnaqqsa kif kienu jeżistu fi Stati Membri oħra. Madankollu, il-Kunsill enfasizza li xorta jeħtieġ li jkun hemm livell suffiċjenti ta’ armonizzazzjoni fl-UE u li s-soluzzjoni adottata trid tkun ibbilanċjata bir-reqqa sabiex jiġu evitati d-distorsjoni tal-kompetizzjoni, iż-żieda fl-ispejjeż għan-negozju u l-impatt negattiv fuq il-funzjonament tas-suq uniku.
Fl-4 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni adottat l-ewwel proposta li tintroduċi s-sistema definittiva għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri 17 u fil-komunikazzjoni tagħha dwar is-segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT ddeskriviet il-passi u l-passi sekondarji suċċessivi biex tiġi introdotta din is-sistema 18 . Fil-komunikazzjoni tagħha, il-Kummissjoni kkonfermat li se tipproponi riforma tar-rati tal-VAT, li se jkunu konsistenti mal-arranġamenti definittivi bbażati fuq il-prinċipju tad-destinazzjoni li bil-mod il-mod se jissostitwixxu l-arranġamenti ta’ tranżizzjoni attwali. Jekk l-oġġetti u s-servizzi jiġu ntaxxati fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, il-fornituri ma jieħdu l-ebda benefiċċju sinifikanti jekk ikunu stabbiliti fi Stat Membru li jkollu rata aktar baxxa u għalhekk id-diversità fir-rati tal-VAT ma tibqax tfixkel il-funzjonament tas-suq uniku, sakemm tiġi akkumpanjata minn salvagwardji sabiex jiġu evitati riskji potenzjali bħal pereżempju l-erożjoni tad-dħul, id-distorsjoni tal-kompetizzjoni, il-kumplessità u l-inċertezza tad-dritt.
Qed jiġu proposti emendi għad-Direttiva tal-VAT, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-VAT u filwaqt li jitqies il-mandat mill-Kunsill. Dawn għandhom jikkoinċidu mad-dħul fis-seħħ tas-sistema definittiva tal-VAT sabiex jiġi evitat li l-iskadenza tad-derogi timpedixxi lill-Istati Membri jżommu madwar 250 rata mnaqqsa u eżenzjoni eżistenti bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti.
F’sistema definittiva tal-VAT l-Istati Membri jkunu ristretti bl-istess regoli u jingħataw libertà indaqs fl-iffissar tar-rati tal-VAT. Ir-regoli armonizzati u inqas restrittivi jippermettu lill-Istati Membri kollha japplikaw rata mnaqqsa oħra ta’ bejn ħamsa u żero fil-mija, minbarra ż-żewġ rati mnaqqsa ta’ minimu ta’ ħamsa fil-mija u eżenzjoni bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti permessi attwalment. Minflok ma tiġi estiża l-lista diġà estensiva tal-oġġetti u s-servizzi li għalihom jistgħu jiġu applikati r-rati mnaqqsa, l-Anness III se jiġi sostitwit b’lista negattiva li għaliha ma jistgħux jiġu applikati r-rati mnaqqsa.
Filwaqt li jkunu inqas restrittivi, dawn ir-regoli l-ġodda jippermettu applikazzjoni usa’ tal-prinċipju tan-newtralità tat-taxxa, li fis-sistema ta’ tranżizzjoni tal-VAT tal-lum jitħassar mid-dispożizzjonijiet tal-Anness III u d-derogi temporanji, li għandhom kamp ta’ applikazzjoni ristrett. Bir-regoli armonizzati l-ġodda l-Istati Membri se jintalbu wkoll jiżguraw li r-rati mnaqqsa jibbenefikaw lill-konsumatur finali u li l-iffissar ta’ dawn ir-rati jsegwi għan ta’ interess ġenerali. Barra minn hekk, l-Istati Membri jridu jiżguraw li l-medja ponderata tar-rata tal-VAT applikata għal dawk it-tranżazzjonijiet li għalihom ma tistax titnaqqas il-VAT dejjem tkun aktar minn 12 %.
Qabel ma jidħlu fis-seħħ ir-regoli armonizzati l-ġodda, il-Kummissjoni timpenja ruħha skont l-Artikolu 100 tad-Direttiva tal-VAT li twettaq rieżami tal-Anness III biex tqis it-talbiet speċifiċi tal-Istati Membri. Ir-rieżami se jitwettaq fil-Kumitat tal-VAT u jiġi segwit minn proposta leġiżlattiva mill-Kummissjoni biex jiġi adattat l-Anness III.
•Konsistenza mad-dispożizzjonijiet eżistenti ta’ politika fil-qasam ta’ politika
Il-proposta hija konsistenti mal-proposta għal sistema definittiva tal-VAT għall-kummerċ bejn l-Istati Membri minħabba li tadatta r-regoli dwar ir-rati għal sistema bbażata fuq id-destinazzjoni.
•Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni
Il-proposta hija konsistenti mal-għanijiet tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT).
2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ
•Bażi ġuridika
Id-Direttiva temenda d-Direttiva tal-VAT abbażi tal-Artikolu 113 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-UE (TFUE). Dan l-Artikolu jipprevedi li l-Kunsill, filwaqt li jaġixxi b’mod unanimu skont proċedura leġiżlattiva speċjali u wara li jkun ikkonsulta mal-Parlament Ewropew u mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, jadotta d-dispożizzjonijiet għall-armonizzazzjoni tar-regoli tal-Istati Membri fil-qasam tat-tassazzjoni indiretta.
•Sussidjarjetà (għall-kompetenza mhux esklużiva)
Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stipulat fl-Artikolu 5(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, tista’ tittieħed biss azzjoni fil-livell tal-Unjoni jekk l-għanijiet previsti ma jkunux jistgħu jinkisbu b’mod sodisfaċenti mill-Istati Membri waħedhom u, għalhekk, minħabba l-iskala jew l-effetti tal-azzjonijiet proposti, ikunu jistgħu jinkisbu aħjar mill-UE.
Id-Direttiva tal-VAT attwali timpedixxi lill-Istati Membri milli jagħtu rati mnaqqsa tal-VAT għall-provvista ta’ oġġetti u servizzi għajr dawk inklużi fl-Anness III tad-Direttiva tal-VAT, anki fil-każijiet fejn l-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa tal-VAT ma jistgħux joħolqu distorsjoni tal-kompetizzjoni jew ifixklu l-funzjonament tas-suq intern.
Barra minn hekk, id-derogi eżistenti għar-regoli ġenerali (il-possibblità li jiġu applikati rati mnaqqsa għall-provvista ta’ oġġetti u servizzi mhux inklużi fl-Anness III jew l-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa ta’ inqas minn 5 %) se jiskadu f’sistema definittiva tal-VAT u b’hekk l-Istati Membri jkunu ristretti aktar.
Inizjattiva leġiżlattiva fil-livell tal-UE biex temenda d-Direttiva hija indispensabbli sabiex tiġi evitata l-iskadenza tad-derogi u biex jiġi żgurat trattament indaqs tal-Istati Membri.
•Proporzjonalità
Il-proposta għar-riforma tar-rati tal-VAT hija konsistenti mal-prinċipju tal-proporzjonalità, jiġifieri ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-għanijiet tat-Trattati. L-iffissar u r-restrizzjoni tar-rati tal-VAT għandhom jaqgħu taħt ir-responsabbiltà tal-Istati Membri bil-kundizzjoni li jiġi żgurat il-funzjonament tas-suq intern. L-inizjattiva tevita li l-Istati Membri jkollhom ineħħu r-rati tal-VAT li huma applikati attwalment fuq bażi temporanja u barra minn hekk tippermettilhom jimplimentaw bis-sħiħ ir-regoli li jirrispettaw il-prinċipju tan-newtralità tat-taxxa.
•Għażla tal-istrument
Hija meħtieġa Direttiva biex tiġi emendata d-Direttiva tal-VAT attwali.
3.RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT
•Evalwazzjoni ex post
Twettqet evalwazzjoni retrospettiva tal-elementi tas-sistema tal-VAT tal-UE 19 minn konsulent estern fl-2011 u r-riżultati tagħha ntużaw bħala punt tat-tluq għall-eżami tas-sistema tal-VAT attwali. Minbarra l-evalwazzjoni, twettaq ukoll studju dwar l-effetti ekonomiċi tal-istruttura attwali tar-rati tal-VAT fl-2013 20 u dwar ir-riforma tar-regoli dwar ir-rati tal-VAT tal-UE fl-2017 21 .
•Konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati
Ġiet organizzata konsultazzjoni pubblika miftuħa għal 12-il ġimgħa mill-21 ta’ Diċembru 2016 sal-21 ta’ Marzu 2017 u din irriżultat f’327 kontribut 22 . 42 % ta’ dawk li wieġbu appoġġaw l-għotja ta’ derogi lill-Istati Membri kollha, filwaqt 25 % kienu favur li dawn jitneħħew. Kwart ta’ dawk li wieġbu ma kellhomx opinjoni dwar il-kwistjoni u 8 % ta’ dawk li wieġbu qalu li d-derogi ma għandhomx jiġu estiżi lill-Istati Membri kollha iżda għandhom isiru permanenti għal dawk l-Istati Membri li attwalment jibbenefikaw minnhom.
L-Istati Membri ġew ikkonsultati permezz tal-Grupp dwar il-Futur tal-VAT (Group on the future of VAT, GFV), li huwa grupp ta’ esperti informali tal-Kummissjoni magħmul minn rappreżentanti tal-awtoritajiet nazzjonali tat-taxxa li jipprovdi lill-Kummissjoni forum għall-konsultazzjoni ta’ esperti tal-VAT mill-Istati Membri dwar inizjattivi preleġiżlattivi.
•Valutazzjoni tal-impatt
Il-valutazzjoni tal-impatt mehmuża ma’ din il-proposta ġiet eżaminata mill-Bord tal-Iskrutinju Regolatorju. Il-Bord l-ewwel ta opinjoni negattiva u wara li tressqet mill-ġdid valutazzjoni tal-impatt emendata ta opinjoni pożittiva b’riżervi 23 . Il-verżjoni finali tal-valutazzjoni tal-impatt tqis ir-rakkomandazzjonijiet kollha tal-Bord, u fl-Anness 1 tad-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal dwar il-valutazzjoni tal-impatt tinsab ħarsa ġenerali ddettaljata dwar kif tqiesu r-rakkomandazzjonijiet.
Tqiesu żewġ għażliet tal-politika li jindirizzaw l-iskadenza tad-derogi biex is-sistema definittiva tal-VAT tkun tista’ tidħol fis-seħħ. L-ewwel għażla tagħti d-derogi eżistenti lill-Istati Membri kollha billi tintegra d-dispożizzjonijiet nazzjonali fid-Direttiva tal-VAT; madankollu mill-perspettiva teknika legali din hija kumplessa u tista’ toħloq konflitti futuri mal-prinċipju ta’ newtralità tat-taxxa. It-tieni għażla, dik ippreferuta, tindirizza l-kwistjoni tad-derogi billi tneħħi r-restrizzjonijiet li ħolqu l-ħtieġa għat-tali derogi, jiġifieri l-lista ta’ oġġetti u servizzi li għaliha jistgħu jiġu applikati rati mnaqqsa tal-VAT (l-Anness III) u l-minimu ta’ 5 % għal rati mnaqqsa oħra. Din tissostitwixxi l-prinċipju attwali, li bih jistgħu jiġu introdotti rati mnaqqsa biss jekk jiġu permessi b’mod speċifiku, bil-prinċipju li jkun permess għadd limitat ta’ rati mnaqqsa fuq kull provvista ta’ oġġetti jew servizzi sakemm dan ma jiġix eskluż speċifikament.
Sabiex jiġi limitat ir-riskju ta’ żieda fil-kumplessità, l-Istati Membri se jkollhom jirrestrinġu r-rati mnaqqsa kemm jista’ jkun għall-provvisti B2C u jkunu obbligati li jagħtu informazzjoni dwar ir-rati mnaqqsa applikati abbażi tal-klassifikazzjoni statistika tal-prodotti skont l-attività, jew KPA, u l-Kummissjoni trid tippubblika din l-informazzjoni permezz tal-bażi ta’ dejta eżistenti “It-Taxxi fl-Ewropa” (il-portal web tat-TEDB).
Ir-riskju ta’ litigazzjoni bejn l-Istati Membri ma tistax titnaqqas meta mqabbla mal-istatus quo, minħabba li, indipendentement minn kull bidla fid-Direttiva tal-VAT, l-Istati Membri xorta huma meħtieġa li jirrispettaw il-prinċipju ta’ newtralità tat-taxxa u d-dispożizzjonijiet tat-TFUE, b’mod partikolari l-Artikolu 107 (l-għajnuna mill-Istat), l-Artikolu 110 (it-tassazzjoni protezzjonista) u l-Artikolu 113 (id-distorsjoni tal-kompetizzjoni), meta japplikaw ir-rati mnaqqsa.
4.IMPLIKAZZJONI GĦALL-BAĠIT
Il-proposta ma għandha l-ebda impatt negattiv fuq il-baġit tal-Unjoni. Ir-riżorsi proprji li ġejjin mill-VAT huma kkalkolati bħala perċentwal ta’ bażi armonizzata li tinkiseb bid-diviżjoni tad-dħul mill-VAT b’medja ponderata tar-rata tal-VAT u dan jelimina d-differenzjali tar-rati tal-VAT kollha.
5.ELEMENTI OĦRA
•Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti dwar il-monitoraġġ, l-evalwazzjoni u r-rappurtar
Sad-dħul fis-seħħ tas-sistema definittiva tal-VAT il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja li meta japplikaw ir-rati mnaqqsa, l-Istati Membri jirrispettaw ir-rati minimi, il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness III u dak tad-derogi mogħtija lilhom.
Wara d-dħul fis-seħħ tas-sistema definittiva tal-VAT il-Kummissjoni se timmonitorja l-applikazzjoni tar-rata standard għall-prodotti inklużi fil-lista negattiva, l-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa għall-benefiċċju tal-konsumatur finali u s-salvagwardja tal-baġit, li għaliha d-dejta hija kkalkolata mill-Istati Membri u kkontrollata mill-Kummissjoni meta jiġu ddeterminati r-riżorsi proprji li ġejjin mill-VAT.
Il-Kummissjoni se tħejji rapport ta’ evalwazzjoni li jagħmel rieżami tal-lista negattiva u s-salvagwardja tal-baġit kull ħames snin wara d-dħul fis-seħħ tar-regoli l-ġodda u tikkomunikah lill-Kunsill.
•Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)
Il-proposta ma għandhiex bżonn ta’ Dokumenti ta’ Spjegazzjoni dwar it-traspożizzjoni.
•Spjegazzjoni fid-dettall tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta
Emendi għad-Direttiva 2006/112/KE b’effett mid-dħul fis-seħħ tal-arranġamenti definittivi għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri
Id-dispożizzjonijiet ta’ tranżizzjoni tal-Kapitolu 4 tat-Titolu VIII, li jippermettu li jkun hemm deroga temporanja mir-regoli ġenerali u li japplikaw sal-adozzjoni tal-arranġamenti definittivi, huma mħassra.
L-Artikolu 98 jippermetti lill-Istati Membri japplikaw massimu ta’ żewġ rati mnaqqsa ta’ minimu ta’ 5 %. Sabiex kull Stat Membru jkun jista’ jkompli japplika r-rati fis-seħħ attwalment filwaqt li jiġi żgurat trattament indaqs, l-Istati Membri se jitħallew japplikaw rata mnaqqsa waħda li għaliha mhux meħtieġ minimu ta’ 5 % u eżenzjoni bid-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri.
L-Istati Membri se jkollhom jirrispettaw li dawk ir-rati mnaqqsa u l-eżenzjoni jridu jkunu għall-benefiċċju tal-konsumatur finali u għandhom ikunu fl-interess ġenerali. Il-“konsumatur finali” huwa l-persuna li takkwista oġġetti jew servizzi għall-użu personali, għall-kuntrarju ta’ attività ekonomika, u għalhekk għandha titħallas it-taxxa. Minn dan jirriżulta li t-tali rati ma jistgħux jiġu applikati għal oġġetti u servizzi li jistgħu jintużaw biss bħala input intermedju. Dan ma jeskludix l-użu ta’ prodotti u servizzi li jintużaw bħala input intermedju jekk dawk huma oġġetti u servizzi li normalment jinbiegħu lill-konsumaturi finali.
L-Artikolu 99a jiżgura li meta jiffissaw ir-rati tagħhom, l-Istati Membri japplikaw medja ponderata tal-VAT ta’ aktar minn 12 %. Il-medja ponderata tar-rata tal-VAT fi Stat Membru tqis ir-rati tal-VAT kollha fis-seħħ u kull rata tal-VAT hija ponderata bis-sehem tal-valur tat-tranżazzjonijiet li għalihom tapplika dik ir-rata bħala perċentwal tat-total tat-tranżazzjonijiet taxxabbli. Il-medja ponderata tar-rata tiffunzjona bħala salvagwardja tad-dħul, minħabba li għandha tiġi kkalkolata billi jitqiesu biss dawk it-tranżazzjonijiet li għalihom ma tistax titnaqqas il-VAT. Dan l-aktar jinkludi l-provvisti lill-konsumaturi finali, iżda wkoll dawk lis-setturi eżentati tal-ekonomija, inklużi l-korpi pubbliċi.
L-Artikolu 100 jobbliga lill-Kummissjoni biex kull ħames snin tippreżenta rapport lill-Kunsill għar-rieżami tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-lista negattiva ta’ oġġetti u servizzi li għalihom għandha tapplika r-rata standard. Ir-rieżami għandu jibda b’konsultazzjoni tal-Kumitat tal-VAT u għandu jinkludi rieżemi tas-salvagwardja tad-dħul imsemmija fl-Artikolu 99a.
L-Artikolu 105 jippermetti lill-Portugall ikompli japplika rati reġjonali aktar baxxi fir-reġjuni awtonomi tal-Azores u tal-Madeira, minħabba li din id-deroga ngħatat fuq bażi permanenti. F’sistema definittiva tal-VAT, il-Portugall xorta jrid jiżgura li jiġi rispettat il-minimu ta’ 15 % għar-rata standard f’dawn ir-reġjuni.
Anness IIIa ġdid jiddeskrivi l-lista negattiva u jinkludi l-provvista ta’ oġġetti soġġetti għas-sisa u l-provvista ta’ oġġetti jew servizzi, fejn l-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa jew ta’ eżenzjoni bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti jistgħu jwasslu għad-distorsjoni tal-kompetizzjoni. Il-lista hija strutturata skont il-klassifikazzjoni statistika tal-prodotti skont l-attività 24 u hija estiża bil-provvista ta’ ċerti oġġetti tal-konsum sabiex tiġi bbilanċjata ż-żieda fil-flessibilità għall-Istati Membri.
L-Artikoli 101, 102, 103, 104a u l-Anness III jitħassru, minħabba li d-dispożizzjonijiet tagħhom se jsiru obsoleti bir-regoli l-ġodda.
L-Artikoli 94, 316(1)(c), 378(2)(b) u 387 jitħassru minħabba l-inklużjoni tal-provvisti li jkunu saru taħt l-iskema speċjali għall-oġġetti użati, ix-xogħlijiet tal-arti u l-oġġetti tal-kollezzjoni fl-Anness IIIa.
2018/0005 (CNS)
Proposta għal
DIRETTIVA TAL-KUNSILL
li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 113 tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Parlament Ewropew 25 ,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew 26 ,
Filwaqt li jaġixxi skont proċedura leġiżlattiva speċjali,
Billi:
(1)Ir-regoli dwar ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) kif inhuma stipulati attwalment fid-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE 27 għandhom l-għan li jippreservaw il-funzjonament tas-suq intern u li jevitaw id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni. Ir-regoli tfasslu aktar minn għoxrin sena ilu abbażi tal-prinċipju tal-oriġini. Fil-Pjan ta’ Azzjoni tal-VAT tagħha 28 u fis-segwitu ta’ dan il-pjan 29 , il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li taġġusta dawk ir-regoli għal sistema definittiva tal-VAT għall-kummerċ transfruntiera bejn negozju u ieħor (B2B, business-to-business) ta’ oġġetti bejn l-Istati Membri li jkun ibbażat fuq it-tassazzjoni fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.
(2)B’sistema definittiva fejn il-provvista ta’ oġġetti u servizzi tkun intaxxata fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, il-fornituri ma jieħdu l-ebda benefiċċju jekk ikunu stabbiliti fi Stat Membru li jkollu rati aktar baxxi. B’sistema bħal din, diversità akbar fir-rati tal-VAT ma tfixkilx il-funzjonament tas-suq uniku u lanqas toħloq distorsjoni tal-kompetizzjoni. F’dawk iċ-ċirkostanzi jkun xieraq li tingħata aktar flessibilità lill-Istati Membri fl-iffissar tar-rati.
(3)It-tneħħija tar-restrizzjonijiet flimkien mad-dħul fis-seħħ tal-arranġamenti definittivi għat-tassazzjoni tal-kummerċ bejn l-Istati Membri jenħtieġ li tippermetti lill-Istati Membri jkomplu japplikaw rati mnaqqsa tal-VAT li attwalment jingħataw bħala derogi skont il-Kapitolu 4 tat-Titolu VIII tad-Direttiva 2006/112/KE u l-Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE u li kieku jiskadu bid-dħul fis-seħħ ta’ dawk l-arranġamenti.
(4) F’sistema definittiva tal-VAT l-Istati Membri kollha jenħtieġ li jiġu ttrattati indaqs u għalhekk jenħtieġ li jkollhom l-istess restrizzjonijiet fl-applikazzjoni tar-rati mnaqqsa tal-VAT, li jentħieġ li tibqa’ eċċezzjoni għar-rata standard. It-tali trattament indaqs mingħajr ir-restrizzjoni tal-flessibilità attwali tal-Istati Membri fl-iffissar tal-VAT jista’ jinkiseb billi kollha kemm huma jitħallew japplikaw rata mnaqqsa li għaliha ma japplikax ir-rekwiżit minimu, kif ukoll eżenzjoni bid-dritt li titnaqqas il-VAT fuq ix-xiri, flimkien ma’ massimu ta’ żewġ rati mnaqqsa ta’ minimu ta’ 5 %.
(5)Id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni jistgħu jinħolqu meta l-mekkaniżmu użat għat-tassazzjoni ma jkunx ibbażat fuq il-prinċipju tad-destinazzjoni. Dan huwa partikolarment il-każ għall-faċilitajiet tal-ivvjaġġar ipprovduti bħala servizz uniku fl-iskema tal-marġni għall-aġenti tal-ivvjaġġar u l-oġġetti pprovduti skont l-arranġamenti speċjali għall-oġġetti użati, ix-xogħlijiet tal-arti, l-oġġetti tal-kollezzjoni u l-antikitajiet iżda wkoll f’ċerti każijiet li jinvolvu oġġetti jew servizzi, bħal pereżempju s-servizzi finanzjarji, li huma eżentati mingħajr id-dritt ta’ tnaqqis iżda li għalihom jista’ jingħata d-dritt ta’ tassazzjoni. Sabiex jittaffew dawn id-distorsjonijiet, jenħtieġ li tiġi stabbilita lista ta’ provvisti ta’ oġġetti u servizzi soġġetti għar-rata standard tal-VAT (“il-lista negattiva”) abbażi tal-klassifikazzjoni statistika tal-prodotti skont l-attività. Jenħtieġ li jsir rieżami ta’ din il-lista kull ħames snin.
(6)Sabiex tiġi evitata l-kumplessità mhux meħtieġa u ż-żieda sussegwenti fl-ispejjeż tan-negozju, b’mod partikolari għall-kummerċ intra-Komunitarju, l-oġġetti u s-servizzi li jistgħu jintużaw biss bħala input intermedju għal attività ekonomika jenħtieġ li ma jkunux eliġibbli għar-rati mnaqqsa f’sistema definittiva tal-VAT. It-tali rati jenħtieġ li jiġu applikati biss għall-benefiċċju tal-konsumaturi finali u l-iffissar tat-tali rati jenħtieġ li jiżgura trattament indaqs ta’ oġġetti u servizzi simili pprovduti minn persuni taxxabbli differenti. Għalhekk dawn jenħtieġ li jiġu applikati biex jilħqu għan ta’ interess ġenerali b’mod konsistenti.
(7)Biex il-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri jibqgħu b’saħħithom u sabiex jiġu evitati żbilanċi makroekonomiċi eċċessivi, jenħtieġ li jiġi żgurat livell xieraq ta’ dħul. Minħabba li l-VAT hija sors importanti ta’ dħul, huwa essenzjali, bħala salvagwardja tal-baġits nazzjonali, li jiġi ffissat minimu għall-medja ponderata tar-rata li għandu jiġi rispettat f’kull ħin mill-Istati Membri.
(8)Filwaqt li l-applikazzjoni ta’ rati differenti f’ċerti żoni remoti għadha possibbli, huwa meħtieġ li jiġi żgurat li r-rata standard tirrispetta l-minimu ta’ 15 %
(9)L-għan ta’ din id-Direttiva huwa li jiġi żgurat li l-Istati Membri jkollhom aċċess ugwali għall-applikazzjoni ta’ rati mnaqqsa. Peress li l-għan ta’ din id-Direttiva ma jistax jinkiseb b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jista’, minħabba l-limitazzjonijiet eżistenti, jinkiseb aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea. Skont il-prinċipju tal-proporzjonalità, kif stabbilit f’dak l-Artikolu, din id-Direttiva ma tmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.
(10)F’konformità mad-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tat-28 ta’ Settembru 2011 tal-Istati Membri u tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta’ spjegazzjoni 30 , l-Istati Membri impenjaw ruħhom li, f’każijiet ġustifikati, in-notifika tal-miżuri ta’ traspożizzjoni tagħhom tkun akkumpanjata minn dokument wieħed jew aktar, fejn tiġi spjegata l-korrelazzjoni bejn il-komponenti ta’ direttiva u l-partijiet ekwivalenti tal-istrumenti nazzjonali ta’ traspożizzjoni. Fir-rigward ta’ din id-Direttiva, il-leġiżlatur iqis li t-trażmissjoni ta’ dawk id-dokumenti hija ġustifikata.
(11)Id-derogi skont il-Kapitolu 4 tat-Titolu VIII tad-Direttiva 2006/112/KE u l-Anness X tad-Direttiva 2006/112/KE jenħtieġ li jiskadu fid-data tad-dħul fis-seħħ tad-Direttiva rigward l-introduzzjoni tal-miżuri tekniċi dettaljati għat-tħaddim tas-sistema definittiva tal-VAT ibbażata fuq il-prinċipju ta’ tassazzjoni fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni. Għalhekk, din id-Direttiva u d-Direttiva dwar l-introduzzjoni tal-miżuri tekniċi dettaljati għat-tħaddim tas-sistema definittiva tal-VAT ibbażata fuq il-prinċipju ta’ tassazzjoni fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni jenħtieġ li jiġu trasposti sal-istess data, u d-dispożizzjonijiet nazzjonali meħtieġa biex jikkonformaw ma’ dawk id-Direttivi jenħtieġ li jiġu applikati mill-istess data. Sa dik id-data, għandhom jibqgħu japplikaw id-dispożizzjonijiet attwali dwar ir-rati previsti fid-Direttiva 2006/112/KE, u l-anness tagħha.
(12)Għaldaqstant jenħtieġ li d-Direttiva 2006/112/KE tiġi emendata skont dan,
ADOTTA DIN ID-DIRETTIVA:
Artikolu 1
Id-Direttiva 2006/112/KE hija emendata kif ġej:
(1)Fl-Artikolu 94, jitħassar il-paragrafu 2;
(2)L-Artikolu 98 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 98
1. L-Istati Membri jistgħu japplikaw massimu ta’ żewġ rati mnaqqsa.
Ir-rati mnaqqsa għandhom jiġu ffissati bħala perċentwal tal-ammont taxxabbli, li ma għandux ikun inqas minn 5 %.
2. B’deroga mill-paragrafu 1, minbarra ż-żewġ rati mnaqqsa l-Istati Membri jistgħu japplikaw rata mnaqqsa aktar baxxa mill-minimu ta’ 5 % u eżenzjoni bil-possibbiltà ta’ tnaqqis tal-VAT imħallsa fl-istadju preċedenti.
3. Ir-rati mnaqqsa u l-eżenzjonijiet applikati skont il-paragrafi 1 u 2 għandhom jibbenefikaw biss lill-konsumatur finali u għandhom ikunu applikati biex, b’mod konsistenti, jintlaħaq għan ta’ interess ġenerali.
Ir-rati mnaqqsa u l-eżenzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx jiġu applikati għall-oġġetti u s-servizzi fil-kategoriji stabbiliti fl-Anness IIIa.”;
(3)L-Artikolu 99 jitħassar;
(4)Jiddaħħal l-Artikolu 99 a li ġej:
“Artikolu 99a
Waqt l-iffissar tar-rati msemmija fl-Artikoli 97 u 98, l-Istati Membri għandhom jiżguraw li l-medja ponderata tar-rata, ikkalkolata skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 (*), tkun aktar minn 12 % f’kull ħin.
__________________________________________________________________
(*) Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom) Nru 1553/89 tad-29 ta’ Mejju 1989 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 155, 7.6.1989, p. 9)”;
(5)L-Artikolu 100 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 100
Sal-31 ta’ Diċembru 2026 u kull ħames snin minn din id-data, il-Kummissjoni għandha tressaq rapport lill-Kunsill dwar il-kamp ta’ applikazzjoni tal-Anness IIIa, flimkien ma’ kwalunkwe proposta biex jiġi emendat dak l-Anness, fejn meħtieġ.”;
(6)L-Artikoli 101, 102, 103 u 104a jitħassru;
(7)L-Artikolu 105 huwa emendat kif ġej:
(a)il-paragrafu 1 jitħassar,
(b)il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:
“2. Il-Portugall jista’, fil-każ tat-tranżazzjonijiet imwettqa fir-reġjuni awtonomi tal-Azores u tal-Madeira u fil-każ tal-importazzjoni diretta f’dawk ir-reġjuni, japplika rati aktar baxxi minn dawk li japplikaw fil-pajjiż kontinentali. Madankollu, ir-rata standard ma għandhiex tkun inqas minn 15 %.”;
(8)fit-Titolu VIII, il-Kapitolu 4 jitħassar;
(9)fl-Artikolu 316(1), il-punt (c) jitħassar;
(10)fl-Artikolu 378(2), il-punt (b) jitħassar;
(11)fl-Artikolu 387, il-punt (c) jitħassar;
(12)l-Anness III jitħassar;
(13)Għandu jiżdied l-Anness IIIa, kif ġie stabbilit fl-Anness ta’ din id-Direttiva.
Artikolu 2
1. L-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, l-aktar tard sad-data li tikkorrispondi għad-data tat-traspożizzjoni tad-Direttiva fir-rigward tal-introduzzjoni tal-miżuri tekniċi dettaljati għat-tħaddim tas-sistema definittiva tal-VAT ibbażata fuq il-prinċipju ta’ tassazzjoni fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw ma’ din id-Direttiva. Huma għandhom jikkomunikaw it-test ta’ dawk id-dispożizzjonijiet lill-Kummissjoni minnufih.
Huma għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mid-data li tikkorrispondi għad-data tal-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet meħtieġa biex jikkonformaw mad-Direttiva fir-rigward tal-introduzzjoni tal-miżuri tekniċi dettaljati għat-tħaddim tas-sistema definittiva tal-VAT ibbażata fuq il-prinċipju ta’ tassazzjoni fl-Istat Membru ta’ destinazzjoni.
Il-Kummissjoni għandha tippubblika avviż f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li fih jiġu indikati d-dati msemmija fl-ewwel u t-tieni subparagrafi.
Meta l-Istati Membri jadottaw dawk id-dispożizzjonijiet, fihom għandu jkun hemm referenza għal din id-Direttiva jew għandhom ikunu akkumpanjati minn dik ir-referenza meta ssir il-pubblikazzjoni uffiċjali tagħhom. Huma l-Istati Membri li għandhom jiddeċiedu kif issir dik ir-referenza.
2. L-Istati Membri għandhom jikkomunikaw lill-Kummissjoni t-test tad-dispożizzjonijiet prinċipali tad-dritt nazzjonali li jadottaw fil-qasam kopert minn din id-Direttiva.
Artikolu 3
Din id-Direttiva għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 4
Din id-Direttiva hija indirizzata lill-Istati Membri.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President
L-Istat tal-Unjoni 2017. Ittra ta’ intenzjoni lill-President Antonio Tajani u lill-Prim Ministru Jüri Ratas, it-13 ta’ Settembru 2017, disponibbli hawnhekk: https://ec.europa.eu/commission/sites/beta-political/files/state-union-2017-brochure_mt.pdf . Ara wkoll l-Anness I tal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2017, COM(2016) 710 final, Strasburgu, 25.10.2016, p. 3, disponibbli hawnhekk: https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/cwp_2017_annex_i_mt.pdf .
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 18.1.2018
COM(2018) 20 final
ANNESS
tal-
Proposta għal Direttiva tal-Kunsill
li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar ir-rati tat-taxxa fuq il-valur miżjud
{SWD(2018) 7 final}
{SWD(2018) 8 final}
Anness IIIa
Lista ta’ provvisti ta’ merkanzija u servizzi msemmija fl-Artikolu 98(3)
Numru |
A Kategoriji tal-prodott |
B Ikklassifikati skont il-kodiċijiet KPA (*) |
C Prodotti esklużi mill-kategoriji elenkati fil-kolonna A |
D Il-kodiċijiet KPA tal-prodotti elenkati fil-kolonna C |
(1) |
Il-provvista ta’ servizzi soġġetti għall-VAT f’konformità mal-iskema ta’ marġni għall-aġenti tal-ivvjaġġar prevista fl-Artikoli 306 sa 310 u l-provvista ta’ servizzi tal-ivvjaġġar minn intermedjarji mwettqa skont l-Artikolu 28. |
Ma japplikax |
Ma japplikax |
Ma japplikax |
(2) |
Il-provvista ta’ merkanzija soġġetta għall-VAT skont l-iskema ta’ marġni prevista fl-Artikoli 312 sa 325. |
Ma japplikax |
Ma japplikax |
Ma japplikax |
(3) |
Il-provvista ta’ merkanzija soġġetta għall-VAT skont l-arranġamenti speċjali għal bejgħ permezz ta’ rkant pubbliku previsti fl-Artikoli 333 sa 341. |
Ma japplikax |
Ma japplikax |
Ma japplikax |
(4) |
Il-provvista ta’ metalli prezzjużi, ġojjellerija u bijouterie |
07.29.14
|
Ebda |
Ebda |
(5) |
Il-provvista ta’ xorb alkoħoliku |
11.01
|
Ebda |
Ebda |
(6) |
Il-provvista ta’ prodotti tat-tabakk |
12
|
Ebda |
Ebda |
(7) |
Il-provvista, il-kiri, il-manutenzjoni u t-tiswija ta’ mezzi tat-trasport |
29
|
Il-provvista, il-kiri, il-manutenzjoni u t-tiswija ta’ roti, prammijiet tat-tfal u siġġijiet bir-roti Il-provvista ta’ vetturi bil-mutur u vetturi bil-mutur oħra li prinċipalment huma ddisinjati għat-trasport ta’ <10 persuni, inklużi station wagons u karozzi tat-tlielaq, għajr għal dawk il-vetturi b’magna ta’ tqabbid bl-ispark biss jew b’magna li titqabbad b’kompressjoni b’pistuni b’kombustjoni interna (diżil jew semidiżil) biss |
30.92
29.10.24
|
(8) |
Il-provvista ta’ żejt kombustibbli u gass; il-provvista ta’ żjut ta’ lubrikazzjoni |
19.20.2
|
Ebda |
Ebda |
(9) |
Il-provvista ta’ armi u munizzjon |
25.4
|
Ebda |
Ebda |
(10) |
Il-provvista ta’ prodotti tal-kompjuter, prodotti elettroniċi u prodotti ottiċi; il-provvista ta’ arloġġi tal-idejn |
26
|
Ebda |
Ebda |
(11) |
Il-provvista ta’ tagħmir elettriku |
27
|
Ebda |
Ebda |
(12) |
Il-provvista ta’ għamara |
31
|
Ebda |
Ebda |
(13) |
Il-provvista ta’ strumenti mużikali |
32.2
|
Ebda |
Ebda |
(14) |
Il-provvista ta’ xogħlijiet tal-arti |
47.00.69
|
Ebda |
Ebda |
(15) |
Il-provvista ta’ servizzi finanzjarji u ta’ assigurazzjoni |
64
|
Ebda |
Ebda |
(16) |
Il-provvista ta’ servizzi tal-logħob tal-azzard u tal-imħatri |
92 |
Ebda |
Ebda |
_______________________
(*) KPA - klassifikazzjoni tal-prodotti skont l-attività stabbilita fir-Regolament (KE) Nru 451/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 li jistabbilixxi klassifikazzjoni statistika ġdida tal-prodotti skont l-attività (KPA) u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3696/93 (ĠU L 145, 4.6.2008, p. 65)”