15.6.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 208/7


Notifika minn qabel ta’ konċentrazzjoni

(Il-Każ M.8894 — ACS/Hochtief/Atlantia/Abertis Infraestructuras)

(Test b'rilevanza għaż-ŻEE)

(2018/C 208/06)

1.   

Fl-1 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta skont l-Artikolu 4 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 (1).

Dan l-avviż jikkonċerna l-impriżi li ġejjin:

Atlantia SpA (“Atlantia”, l-Italja),

Hochtief AG (“Hochtief”, il-Ġermanja), ultimament ikkontrollata minn ACS Actividades de construcción y Servicios, S.A. (“ACS”, Spanja),

Abertis Infraestructuras, S.A. (“Abertis”, Spanja).

Atlantia u ACS/Hochtief jakkwistaw, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Għaqdiet, il-kontroll konġunt ta’ Abertis kollha kemm hi.

Il-konċentrazzjoni titwettaq permezz ta’ xiri ta’ ishma u se twassal biex Abertis ikollha l-istruttura azzjonarja segwenti: (i) Atlantia se jkollha 50 % tal-ishma flimkien ma’ sehem wieħed, (ii) ACS se jkollha 30 % u (iii) Hochtief se jkollha 20 % nieqes sehem wieħed.

2.   

L-attivitajiet kummerċjali tal-impriżi kkonċernati huma:

—   Atlantia: kumpanija azzjonarja attiva prinċipalment fis-settur tal-konċessjonijiet tal-ġbir ta’ pedaġġi fil-motorways u fis-settur tal-infrastruttura tal-ajruporti, Fost l-oqsma tan-negozju tagħha hemm: “motorways Taljani”, permezz ta’ Autostrade per l’Italia SpA; “motorways barra l-pajjiż”, bil-preżenza fiċ-Ċilì u fil-Brażil u assi minuri fil-Polonja u l-Indja; u “Negozji oħra relatati” li jinkludu inter alia attivitajiet imwettqa minn Telepass SpA, Autostrade Tech SpA, Pavimental SpA u Spea Engineering SpA L-azzjonista prinċipali ta’ Atlantia hija Edizione SrL, permezz ta’ Sintonia SpA Edizione hija attiva wkoll fil-konċessjonijiet tas-servizzi tal-ikel permezz ta’ Autogrill SpA;

—   Hochtief: attiva fis-settur tal-infrastruttura u s-servizzi relati mal-proprjetà immobbli. Hija twettaq proġetti għall-iżvilupp u l-bini tal-infrastruttura fis-setturi tat-trasport, l-enerġija u l-infrastruttura urbana u soċjali, kif ukoll attivitajiet ta’ xogħol fil-minjieri. Hochtief hija preżenti fis-swieq tal-kostruzzjoni fl-Asja, il-Lvant Nofsani, l-Istati Uniti tal-Amerika u l-Kanada, kif ukoll l-Ewropa. Hochtief hija unikament ikkontrollata minn ACS;

—   ACS: il-kumpanija ultimament prinċipali ta’ grupp ta’ kumpaniji attiva i) fil-kostruzzjoni, ii) fis-servizzi industrijali u iii) f’servizzi oħra, fejn l-attivitajiet ta’ kostruzzjoni huma bil-bosta l-aktar sinifikanti;

—   Abertis: kumpanija ewlenija ta’ grupp li jopera fis-settur tal-pedaġġi tal-motorways u fis-settur tal-infrastruttura tat-telekomunikazzjonijiet. Fir-rigward tal-ġestjoni ta’ pedaġġi tal-motorways fl-UE, l-attivitajiet ta’ Abertis huma kkonċentrati fi Spanja, fi Franza u, sa ċertu punt, fl-Italja. Abertis hija sid ukoll ta’ 50 % tal-ishma fl-Areamed 2000 S.A., impriża konġunta (joint venture, JV) attiva fi Spanja fil-konċessjonijiet ta’ servizzi tal-ikel.

3.   

Wara eżami preliminari, il-Kummissjoni tqis li t-tranżazzjoni notifikata tista’ taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Madankollu, id-deċiżjoni finali dwar dan il-punt hija riżervata.

4.   

Il-Kummissjoni tistieden lil terzi persuni interessati biex jibagħtulha l-kummenti li jista’ jkollhom dwar l-operazzjoni proposta.

Il-kummenti jridu jaslu għand il-Kummissjoni mhux aktar tard minn għaxart ijiem wara d-data ta’ din il-pubblikazzjoni. Jenħtieġ li r-referenza li ġejja tiġi dejjem speċifikata:

M.8894 — ACS/Hochtief/Atlantia/Abertis Infraestructuras

Il-kummenti jistgħu jintbagħtu lill-Kummissjoni permezz tal-email, permezz tal-faks jew permezz tal-posta. Uża d-dettalji ta’ kuntatt ta’ hawn taħt:

Email: COMP-MERGER-REGISTRY@ec.europa.eu

Faks +32 22964301

Indirizz tal-posta:

European Commission

Directorate-General for Competition

Merger Registry

1049 Bruxelles/Brussel

BELGIQUE/BELGIË


(1)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1 (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”).