27.3.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 113/77


Rapport Finali tal-Uffiċjal tas-Seduta (1)

Qualcomm/NXP Semiconductors

(M.8306)

(2018/C 113/09)

1.

Fit-28 ta’ April 2017, il-Kummissjoni rċeviet avviż ta’ konċentrazzjoni proposta li permezz tagħha Qualcomm Incorporated, permezz tas-sussidjarja tagħha Qualcomm River Holdings B.V. (flimkien “Qualcomm”) takkwista, fis-sens tal-Artikolu 3(1)(b) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta’ Jannar 2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn impriżi (2) (ir-“Regolament dwar l-Għaqdiet”), il-kontroll ta’ NXP Semiconductors NV (“NXP”) kollha kemm hi permezz ta’ xiri ta’ ishma (it-”Tranżazzjoni Proposta”). Qualcomm u NXP huma ddeżinjati minn hawn ‘il quddiem bħala l-“Partijiet”.

2.

Fid-9 ta’ Ġunju 2017, il-Kummissjoni adottat deċiżjoni li tagħti bidu għal proċedimenti skont l-Artikolu 6(1)(c) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. F’din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni indikat li t-Tranżazzjoni Proposta taqa’ fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u li kienet toħloq dubji serji dwar il-kompatibbiltà tagħha mas-suq komuni u mal-Ftehim dwar iż-ŻEE.

3.

Fit-28 ta’ Ġunju 2017, Qualcomm ippreżentat il-kummenti bil-miktub dwar id-deċiżjoni li tagħti bidu għall-proċedimenti.

4.

Waqt l-investigazzjoni tal-fażi II, il-Kummissjoni bagħtet diversi talbiet għal informazzjoni lill-Partijiet skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet. Fit-28 ta’ Ġunju 2017 il-Kummissjoni adottat deċiżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, li ġegħlet lil Qualcomm biex tforni ċerta informazzjoni li l-Kummissjoni kienet talbet fl-14 ta’ Ġunju 2017 skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u li Qualcomm naqset li tippreżenta fil-limitu taż-żmien stipulat mill-Kummissjoni. Din id-deċiżjoni ssospendiet ukoll il-limitu ta’ żmien stipulat fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet sa tmiem il-ġurnata li fiha l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni mitluba. Is-sospensjoni tal-iskadenza spiċċat fis-16 ta’ Awwissu 2017 wara li Qualcomm bagħtet l-informazzjoni li talbet il-Kummissjoni.

5.

Fil-5 ta’ Settembru 2017, il-Kummissjoni adottat it-tieni deċiżjoni skont l-Artikolu 11(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, biex iġġiegħel lil Qualcomm tforni l-informazzjoni li l-Kummissjoni kienet talbet fl-14 ta’ Ġunju 2017 skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet u li Qualcomm naqset li tippreżenta fil-limitu taż-żmien stipulat mill-Kummissjoni. Din id-deċiżjoni tissospendi wkoll il-limitu ta’ żmien li hemm imsemmi fl-Artikolu 10(3) tar-Regolament dwar l-Għaqdiet bħala s-17 ta’ Awwissu 2017 sa tmiem il-ġurnata li l-Kummissjoni tkun irċeviet l-informazzjoni mitluba.

6.

Fl-4 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni adottat it-tielet deċiżjoni skont l-Artikoli 11(3) u 15 tar-Regolament dwar l-Għaqdiet, li ġġiegħel lil Qualcomm tforni ċerta informazzjoni u dokumenti li jwieġbu għat-talba tal-Kummissjoni għall-informazzjoni tal-14 ta’ Ġunju 2017, li ma kinux għadhom ingħataw lill-Kummissjoni u li timponi ħlas ta’ multa perjodika jekk kemm-il darba Qualcomm tonqos milli tissupplixxi l-informazzjoni mitluba fil-perjodu taż-żmien preskritt. Fis-17 ta’ Novembru 2017, Qualcomm lestiet it-tweġiba tagħha għat-talba li għamlet il-Kummissjoni għall-informazzjoni fl-14 ta’ Ġunju 2017 u s-sospensjoni tal-limitu ta’ żmien intemmet fi tmiem il-ġurnata.

7.

Qualcomm ippreżentat l-ewwel sett ta’ impenji formali proposti fil-5 ta’ Ottubru 2017. Fis-6 ta’ Ottubru 2017, il-Kummissjoni nediet it-test tas-suq tal-impenji proposti. Fuq il-bażi tar-reazzjonijiet li ħarġu mill-ittestjar tal-Kummissjoni tas-suq immirat ta’ dan il-pakkett, Qualcomm formalment ippreżentat l-impenji riveduti fl-10 ta’ Novembru 2017 (l-“Impenji Finali”). Qualcomm ippreżentat verżjonijiet kemxejn riveduti tal-Impenji Finali fil-15 ta’ Novembru 2017, fit-12 ta’ Diċembru 2017 u fit-18 ta’ Diċembru 2017.

8.

Ma kien hemm l-ebda rikors għal smigħ bħala terza persuna interessata f’dawn il-proċedimenti.

9.

Il-Kummissjoni ma ħarġitx dikjarazzjoni ta’ oġġezzjonijiet skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 (3). Ma kien hemm l-ebda smigħ orali formali f’konformità mal-Artikolu 14 ta’ dan ir-Regolament.

10.

L-abbozz tad-deċiżjoni jiddikjara li t-Tranżazzjoni Proposta hija kompatibbli mas-suq intern u l-Ftehim dwar iż-ŻEE, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet u obbligazzjonijiet li Qualcomm trid tkun konformi magħhom.

11.

Skont l-Artikolu 16 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE, jien eżaminajt jekk l-abbozz tad-deċiżjoni jittrattax biss l-oġġezzjonijiet li fir-rigward tagħhom il-partijiet ingħataw l-opportunità li jippreżentaw l-opinjonijiet tagħhom. Nikkonkludi li dan hu minnu.

12.

B’mod ġenerali, inqis li l-eżerċizzju effettiv tad-drittijiet proċedurali ġie rrispettat matul il-proċedimenti preżenti

Brussell, l-10 ta’ Jannar 2018.

Joos STRAGIER


(1)  Skont l-Artikoli 16 u 17 tad-Deċiżjoni 2011/695/UE tal-President tal-Kummissjoni Ewropea tat-13 ta’ Ottubru 2011 dwar il-funzjoni u t-termini ta’ referenza tal-uffiċjal tas-seduta f’ċerti proċedimenti dwar il-kompetizzjoni, ĠU L 275, 20.10.2011, p. 29 (“id-Deċiżjoni 2011/695/UE”).

(2)  ĠU L 24, 29.1.2004, p. 1.

(3)  Ir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 802/2004 li jimplimenta r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 139/2004 dwar il-kontroll ta’ konċentrazzjonijiet bejn l-impriżi (ĠU L 133, 30.4.2004, p. 1; rettifika ĠU L 172, 6.5.2004, p. 9).