IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.3.2018
JOIN(2018) 5 final
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL EMPTY
dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 28.3.2018
JOIN(2018) 5 final
KOMUNIKAZZJONI KONĠUNTA LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL EMPTY
dwar il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari
1.Introduzzjoni: Intejbu l-mobbiltà militari fl-UE
Fid-diskors tiegħu dwar l-Istat tal-Unjoni tal-2017 1 , il-President Juncker saħaq fuq il-ħtieġa li sal-2025 tinħoloq Unjoni Ewropea tad-Difiża kompluta. L-UE qiegħda diġà tieħu l-passi neċessarji biex tibni Unjoni aktar effettiva, risponsiva u magħquda, kapaċi li twettaq l-interessi u l-prijoritajiet kondiviżi tal-UE, filwaqt li tippromwovi l-paċi u tiggarantixxi s-sigurtà taċ-ċittadini u t-territorju tagħha, kif appellat ukoll l-Istrateġija Globali għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea 2 . Il-Pjan ta’ Azzjoni Ewropew għad-Difiża u b’mod partikolari l-Fond Ewropew għad-Difiża juru l-impenn tal-Ewropa biex tieħu azzjoni kuraġġuża b’appoġġ lill-Istati Membri. It-titjib fil-mobbiltà militari tal-Unjoni Ewropea huwa wieħed mill-passi prattiċi lejn dak il-għan, u b’hekk jagħti kontribut biex tinbena Unjoni li tipproteġi, fejn is-solidarjetà u l-assistenza reċiproka Ewropej 3 jiġu implimentati b’mod effettiv.
Ħamsa u għoxrin Stat Membru tal-UE ddeċidew li jinkludu l-mobbiltà militari fost l-impenji l-aktar vinkolanti li ħadu skont il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti varata fil-11 ta’ Diċembru 2017 4 . Il-Kunsill adotta wkoll Rakkomandazzjoni dwar il-Pjan Direzzjonali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Kooperazzjoni Strutturata Permanenti, u Deċiżjoni li tistabbilixxi lista ta’ proġetti li se jiġu żviluppati taħt il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti fis-6 ta’ Marzu 2018 5 . F’Diċembru 2017 il-mobbiltà militari żdiedet mas-sett komuni ta’ proposti ġodda 6 għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO ta’ Lulju 2016 7 . Il-Kunsill Ewropew f’Diċembru 2017 8 stieden lir-Rappreżentant Għoli, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE biex jippromwovu l-ħidma dwar il-mobbiltà militari, kemm fil-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti kif ukoll fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO.
Il-prinċipji gwida tal-approċċ tal-UE
Il-Pjan ta’ Azzjoni, li hu segwitu tal-Komunikazzjoni Konġunta dwar it-titjib fil-mobbiltà militari fl-UE ta’ Novembru 2017 9 , u jissejjes fuq il-Pjan Direzzjonali mill-grupp ta’ ħidma ad hoc dwar it-trasport militari transfruntiera fl-Ewropa fil-qafas tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, għandu l-għan li jipprovdi qafas koerenti għall-programmi, il-proġetti, l-inizjattivi u l-attivitajiet li għaddejjin bħalissa u dawk futuri. Dan se jippermetti approċċ aktar ikkoordinat tal-UE, tisħiħ tas-solidarjetà fost l-Istati Membri, u titjib tal-valur miżjud tal-UE.
Mobbiltà aħjar tal-forzi fl-UE u lil hinn minnha se ssaħħaħ is-sigurtà Ewropea billi tippermetti lill-Istati Membri tal-UE jaġixxu aktar malajr, f’konformità mal-ħtiġijiet u r-responsabbiltajiet tagħhom ta’ difiża, kemm fil-kuntest tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, kif ukoll f’attivitajiet nazzjonali u multinazzjonali (eż. fil-qafas tan-NATO).
Il-ħidma mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE, inklużi l-atturi rilevanti kollha tagħhom, hija kruċjali għall-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni. Dan ser isir b’rispett sħiħ għas-sovranità tal-Istati Membri tal-UE fuq it-territorju nazzjonali tagħhom, u għall-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet nazzjonali rigward il-movimenti militari. Barra minn hekk, se jittieħdu passi biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi tal-Unjoni u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fl-Istati Membri tal-UE, b’rispett sħiħ għall-kompetenzi differenti tal-atturi involuti. Hemm bżonn li tiġi żgurata koordinazzjoni mill-qrib bejn dan il-Pjan ta’ Azzjoni u l-proġett ta’ Kooperazzjoni Strutturata Permanenti dwar il-mobbiltà militari sabiex tintlaħaq il-komplementarjetà tar-riżultati.
Huwa importanti wkoll li jkun hemm aktar kooperazzjoni man-NATO dwar il-mobbiltà militari, fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta. F’konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill ta’ Diċembru 2017, hemm kooperazzjoni u konsultazzjoni man-NATO fil-livell tal-persunal, permezz ta’ laqgħat regolari, dwar kwistjonijiet ta’ mobbiltà militari fl-oqsma kollha (bl-art, bil-baħar, bl-ajru). L-intenzjoni hija li jiġu żgurati approċċ koerenti u sinerġiji bejn l-UE u n-NATO bil-għan li jindirizzaw b’mod effettiv l-ostakoli eżistenti, inklużi dawk legali, infrastrutturali u proċedurali, sabiex jiġu ffaċilitati u jitħaffu l-moviment u l-qsim tal-fruntieri ta’ persunal u materjal militari, b’rispett sħiħ għad-deċiżjonijiet nazzjonali sovrani. Din il-kooperazzjoni se tiġi żviluppata b’mod mill-aktar miftuħ u trasparenti, u b’rispett sħiħ lejn l-awtonomija u l-proċeduri tat-teħid tad-deċiżjonijiet taż-żewġ organizzazzjonijiet, u lejn l-inklussività u r-reċiproċità mingħajr preġudizzju għan-natura speċifika tal-politika tas-sigurtà u d-difiża ta’ kull Stat Membru tal-UE. Bl-għan li tiġi ottimizzata l-koordinazzjoni u l-effettività sabiex jinħafnu s-sinerġiji kollha, qiegħda sseħħ interazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha.
Ir-riżultati tal-Grupp ta’ Ħidma Ad Hoc dwar it-Trasport Militari Transfruntiera
Dan il-Pjan ta’ Azzjoni jissejjes fuq il-Pjan Direzzjonali dwar il-Mobbiltà Militari żviluppat mill-Grupp ta’ Ħidma Ad Hoc stabbilit fil-qafas tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża b’deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija tagħha f’Settembru 2017. Il-Pjan Direzzjonali tal-Grupp ta’ Ħidma Ad Hoc identifika kompiti, responsabbiltajiet u skadenzi ambizzjużi għat-titjib tal-mobbiltà militari fir-rigward tal-erba’ aspetti li ġejjin: l-aspetti legali; id-dwana; ir-rekwiżiti militari, inklużi l-istandards militari relatati mal-infrastruttura; u l-permessi għall-moviment transfruntiera, inklużi l-awtorizzazzjonijiet diplomatiċi. Fid-9 ta’ Frar 2018, il-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża laqa’ l-Pjan Direzzjonali u inkariga lill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża biex tkompli għaddejja b’aktar ħidma fuq it-titjib tal-mobbiltà militari, fil-qafas tal-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni wkoll, u li tippreżentalu rapport kull sena dwar il-progress li jkun sar.
Barra minn hekk, l-Istati Membri tal-UE huma impenjati f’għadd ta’ proġetti ta’ kooperazzjoni u inizjattivi ffaċilitati mill-Aġenżija Ewropea għad-Difiża: it-Tim tal-Proġett tal-Moviment u t-Trasport (PT M&T) 10 , iċ-Ċentru tal-UE għat-Trasport Multimodali 11 u l-Arranġament Tekniku tal-Awtorizzazzjonijiet Diplomatiċi 12 .
2.Azzjonijiet identifikati
2.1 Rekwiżiti militari
L-identifikazzjoni u l-qbil tar-rekwiżiti militari, li jirriflettu l-ħtiġijiet tal-UE u l-Istati Membri tagħha, se jkunu l-punt tat-tluq għal approċċ effettiv fl-UE kollha, li jkopri l-azzjonijiet l-oħra kollha ddefiniti fit-taqsimiet li ġejjin. Dawn ir-rekwiżiti għandhom jinkludu wkoll id-definizzjoni tal-infrastruttura meħtieġa għall-mobbiltà militari. Din tirrikjedi lill-Istati Membri tal-UE jsegwu approċċ komprensiv minn kull livell tal-gvern, u jinvolvu lill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti lil hinn mill-Ministeri tad-Difiża.
Azzjonijiet ewlenin fil-livell tal-UE:
·Is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna / il-Persunal Militari tal-UE, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri tal-UE, il-Kummissjoni u l-aġenziji u l-korpi rilevanti tal-Unjoni (inkluża l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża), u f’konsultazzjoni man-NATO, skont kif inhu xieraq, se jiżviluppaw ir-rekwiżiti militari.
·Minn nofs l-2018, il-Kunsill se jkun mistieden li jikkonsidra u jivvalida r-rekwiżiti militari bl-involviment tal-korpi preparatorji rilevanti tal-Kunsill, inkluż il-Kumitat Militari tal-UE.
2.2 L-infrastruttura tat-trasport
Il-politika tal-infrastruttura tat-trasport toffri opportunità ċara biex jiżdiedu s-sinerġiji bejn il-ħtiġijiet tad-difiża u l-politiki eżistenti tal-Unjoni, u b’mod partikolari n-netwerk tat-trasport trans-Ewropew (TEN-T) 13 . F’dan il-kuntest hemm lok biex jintwera l-valur miżjud tal-UE, u biex jiġi żgurat użu aktar effiċjenti tal-fondi pubbliċi.
Eżerċizzju pilota
Biex tiġi vverifikata l-fattibbiltà għal approċċ mifrux mal-UE kollha, fl-2017, il-Presidenza Estonjana bdiet analiżi pilota għall-pajjiżi tal-Kuritur tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Baħar Baltiku tan-netwerk tat-trasport trans-Ewropew 14 , li tinvolvi r-rappreżentanti tad-difiża u t-trasport tagħhom. L-għan ta’ din l-analiżi huwa li jinbdew il-passi deskritti hawn taħt sabiex jiġu identifikati l-elementi preliminari li jistgħu jkunu utli għal analiżi fuq skala sħiħa.
Dan l-eżerċizzju pilota nstab li kien utli tassew. L-Istati Membri parteċipanti fl-eżerċizzju pilota diġà identifikaw punti dgħajfa fin-netwerks tat-trasport tagħhom għal skopijiet militari, li jeħtieġu li jiġu aġġornati, u stabbilew lista ta’ prijoritajiet relatati.
Biex nagħtu żewġ eżempji konkreti, l-analiżi wriet li f’għadd ta’ netwerks tat-toroq tal-Istati Membri tal-UE, l-għoli massimu tal-ispazju liberu tal-pontijiet tat-triq, kif ukoll it-tolleranza tal-piż ta’ ċerti pontijiet, mhumiex suffiċjenti għal vetturi militari kbar iżżejjed jew tqal iżżejjed; bl-istess mod, fir-rigward tat-trasport bil-ferrovija, f’ċerti każijiet m’hemmx biżżejjed kapaċità biex iġorru tagħmir militari kbir iżżejjed.
L-eżerċizzju pilota identifika li hemm opportunitajiet kbar għal infrastruttura ċivili-militari b’użu doppju, fost l-oħrajn f’pjattaformi multimodali li jippermettu li assi jiċċaqalqu malajr minn portijiet u ajruporti għat-trasport bil-ferrovija u bit-triq, fit-titjib tal-kapaċità tat-terminals interni tal-pajjiż, u f’gejġijiet tat-tagħbija adegwati fuq il-binarji għal-linji ferrovjarji tal-merkanzija. Dan kollu jrid jiġi raffinat aktar wara l-azzjonijiet stabbiliti f’dan il-Pjan ta’ Azzjoni, iżda l-eżerċizzju pilota kkonferma li l-metodoloġija applikata, li hija riflessa fil-kaxxa ta’ hawn taħt, taħdem.
L-użu tal-infrastruttura tat-trasport tal-UE għal skopijiet doppji ċivili-militari
Kif ġie identifikat fil-Pjan Direzzjonali tal-Grupp ta’ Ħidma Ad Hoc, l-intenzjoni hija li jiġi estiż u approfondit l-eżerċizzju pilota biex jevalwa sa liema punt l-infrastruttura eżistenti tat-trasport, prijorizzata mir-Regolament dwar in-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport fil-modi kollha tat-trasport u r-rekwiżiti tekniċi tiegħu, huma rilevanti u suffiċjenti għat-trasport militari tal-persunal u l-assi, u f’każ li ma jkunux rilevanti u suffiċjenti, jiġu investigati u żviluppati taqsimiet u elementi ta’ infrastruttura addizzjonali u jiġu aġġornati r-rekwiżiti.
Azzjonijiet ewlenin fil-livell tal-UE:
·Sa tmiem l-2018, il-Kummissjoni se tidentifika, f’kooperazzjoni mal-Istati Membri tal-UE, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna / il-Persunal Militari tal-UE u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, in-nuqqasijiet bejn il-ħtiġijiet tekniċi applikabbli attwali tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport minn naħa, u dak li jkun adegwat għat-trasport militari min-naħa l-oħra. Barra minn hekk, se jiġu identifikati wkoll in-nuqqasijiet relatati mal-ambitu ġeografiku.
·Sal-2019, is-servizzi tal-Kummissjoni se jidentifikaw il-partijiet tan-netwerk trans-Ewropew tat-trasport tajbin għat-trasport militari, inklużi l-aġġornamenti meħtieġa tal-infrastruttura eżistenti. Se jiġu identifikati b’mod speiċifiku proġetti b’użu doppju u se tiġi kkwantifikata l-ispiża tagħhom. Abbażi ta’ dawk is-sejbiet, se tiġi identifikata lista ta’ proġetti prijoritarji. Barra minn hekk, se ssir stima tal-volum totali ta’ investimenti għall-bżonnijiet militari fuq in-netwerk trans-Ewropew tat-trasport.
·Sal-2020, il-Kummissjoni se teżamina l-bżonn li jiġi adattat ir-Regolament dwar in-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport biex jinkludi rekwiżiti tekniċi aġġornati — li possibbilment ikopru wkoll ir-rekwiżiti militari.
·Sa tmiem 2019, il-Kummissjoni se tiddetermina, f’kooperazzjoni mal-partijiet rilevanti, il-fattibilità ta’ interkonnessjoni tal-bażijiet tad-dejta militari u ċivili (TENtec) u l-ambitu possibbli ta’ kwalunkwe azzjoni f’dan ir-rigward. Abbażi ta’ dan, il-Kummissjoni se tidentifika kwalunkwe adattament ulterjuri tal-funzjonalitajiet tat-TENtec li jkun meħtieġ għal dawn l-iskopijiet, u se tiddetermina proċedura li żżomm il-bażijiet tad-dejta aġġornati.
·Azzjoni għaddejja: Il-Kummissjoni se tkompli tfittex u trawwem sinerġiji bejn in-netwerk trans-Ewropew tat-trasport u l-programmi spazjali rilevanti tagħha (eż. EGNOS/Galileo).
L-Istati Membri huma mistiedna biex:
·Jistabbilixxu kemm jista’ jkun malajr punt uniku ta’ kuntatt għall-informazzjoni dwar l-aċċess għall-infrastruttura tat-trasport għal skopijiet militari.
·Iqisu b’mod konsistenti r-rekwiżiti militari meta jibnu l-infrastruttura tat-trasport.
2.3 Kwistjonijiet regolatorji u proċedurali
2.3.1 Oġġetti perikolużi
It-trasport fuq l-art ta’ oġġetti perikolużi huwa qasam fejn l-Istati Membri tal-UE u l-Kummissjoni huma involuti b’mod attiv fin-negozjati ta’ sett kumpless ta’ konvenzjonijiet internazzjonali u rakkomandazzjonijiet tan-Nazzjonijiet Uniti. Madankollu, dawn huma validi biss għall-użu ċivili, filwaqt li l-Istati Membri tal-UE japplikaw regoli nazzjonali meta jintalbu jagħtu libertà ta’ moviment għat-trasport militari li jinkludi oġġetti perikolużi. Din id-diverġenza minn regoli ċivili teħtieġ awtorizzazzjonijiet ad hoc u b’hekk toħloq dewmien.
L-allinjament tar-regoli applikabbli għall-forzi militari mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE jista’ jżid is-sikurezza u jipprovdi sinerġiji u koerenza għat-trasport tal-merkanzija perikoluża fil-qasam militari, mingħajr ma jiddgħajfu l-istandards ċivili.
Azzjonijiet ewlenin fil-livell tal-UE:
·Sar-rebbiegħa tal-2019, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna / il-Persunal Militari tal-UE u mal-awtoritajiet kollha involuti, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża se twettaq stħarriġ li jkopri għadd ta’ aspetti: id-dispożizzjonijiet nazzjonali, definizzjoni tal-bżonnijiet, l-idoneità tar-regoli armonizzati ċivili eżistenti, u jekk hemmx bżonn ta’ dispożizzjonijiet addizzjonali jew aġġustamenti. L-Istati Membri tal-UE huma mistiedna jipprovdu appoġġ attiv f’dan il-proċess.
·Azzjoni għaddejja: Is-servizzi tal-Kummissjoni se jkomplu jiffaċilitaw, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna / il-Persunal Militari tal-UE u appoġġata mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, l-iskambju ta’ għarfien dwar it-trasport ta’ oġġetti perikolużi bejn l-esperti ċivili u militari.
·Sal-2020, is-servizzi tal-Kummissjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna / il-Persunal Militari u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża se jevalwaw il-fattibilità u l-ħtieġa ta’ azzjoni ulterjuri fil-livell tal-UE.
·Sas-sajf tal-2019, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża se tinvestiga wkoll, f’kooperazzoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna / il-Persunal Militari tal-UE, il-fattibilità biex tittejjeb il-konsistenza tar-regoli u l-proċeduri fir-rigward tat-trasport militari għall-qasam tal-ajru (trasport u ġestjoni) fit-territorju tal-Istati Membri.
2.3.2 Id-Dwana u t-Taxxa fuq il-Valur Miżjud
Matul il-ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma Ad Hoc, xi Stati Membri tal-UE rrappurtaw diffikultajiet operattivi li jirriżultaw minn nuqqas ta’ ċarezza rigward l-użu tal-formola 302 għall-esportazzjoni temporanja u l-importazzjoni mill-ġdid ta’ merkanzija militari mill-forzi armati tal-Istati Membri tal-UE jew f’isimhom.
Azzjonijiet ewlenin fil-livell tal-UE:
·Sa tmiem l-2018, is-servizzi tal-Kummissjoni se jwettqu, flimkien mal-Istati Membri tal-UE, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna / il-Persunal Militari tal-UE u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, inventarju tal-attivitajiet relatati mad-dwana li jiġu koperti bil-formola 302. Barra minn hekk, is-servizzi tal-Kummissjoni se jivvalutaw, f’koperazzjoni mill-qrib mal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, il-ħtieġa li jiġi żviluppat mudell tal-UE tal-formola 302 meta l-formola eżistenti 302 ma tistax jintuża. Din il-valutazzjoni se tinkludi l-impatt potenzjali fuq il-leġiżlazzjoni attwali tad-dwana.
·Sa tmiem l-2018, il-Kummissjoni se tesplora alternattivi possibbli biex tallinja u tissemplifika l-formalitajiet doganali marbutin mal-attivitajiet relatati mad-dwana għal operazzjonijiet militari. Dan se jiżgura wkoll l-applikazzjoni u l-implimentazzjoni uniformi tad-dispożizzjonijiet doganali relatati.
·Sa tmiem l-2018, il-Kummissjoni se tidentifika l-atti li jridu jiġu emendati, jekk ikun hemm. Jekk ikun meħtieġ u abbażi ta’ dik l-analiżi, il-Kummissjoni se tibda emendi fil-qafas regolatorju Doganali u b’mod partikolari l-Atti tal-Kummissjoni relatati mal-Kodiċi tal-Unjoni Doganali 15 bil-ħsieb li jiġi ċċarat l-użu tal-formola 302 għall-attivitajiet identifikati relatati mad-dwana.
·Il-Kummissjoni se tiżviluppa, bl-involviment tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna / il-Persunal Militari tal-UE u l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, linji gwida biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni korretta u uniformi tal-leġiżlazzjoni doganali dwar kwistjonijiet relatati mal-attivitajiet militari. L-iskeda taż-żmien għal dan tiddependi fuq l-adozzjoni tal-emendi msemmija hawn fuq.
·Sas-sajf tal-2018, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża se tħejji proġett tal-Kategorija A dwar id-Dwana, soġġett għad-deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija, b’koordinazzjoni permanenti mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna / il-Persunal Militari tal-UE u s-servizzi tal-Kummissjoni u l-esperti militari u doganali tal-Istati Membri, mingħajr preġudizzju għas-setgħa tal-Kummissjoni għall-inizjattiva permezz tal-leġiżlazzjoni dwar l-Unjoni Doganali.
·Sa tmiem l-2020, l-Istati Membri tal-UE huma mistiedna jivvalutaw il-ħtieġa li jiġu żviluppati sistemi elettroniċi, bl-użu wkoll tat-teknoloġiji spazjali tal-UE, għall-ġestjoni tal-attivitajiet relatati mad-dwana mill-forzi militari u mill-awtoritajiet doganali.
L-iffaċilitar tal-mobbiltà militari jikkonċerna wkoll ir-regoli attwali tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud. L-isforzi tad-difiża u l-mobbiltà militari jirrikjedu, b’mod partikolari, għadd ta’ provvisti bħalma huma taħriġ, materjali ta’ eżerċizzju, akkomodazzjoni, forniment ta’ ikel / servizzi ta’ kantin, fjuwil eċċ. Dawn il-provvisti huma fil-prinċipju suġġetti għat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud. Fil-qafas tal-Grupp ta’ Ħidma Ad Hoc dwar il-Mobbiltà Militari, l-Istati Membri identifikaw il-ħtieġa li jiġu żgurati li l-isforzi dwar id-difiża jiġu ttrattati b’mod ugwali, sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv, u b’hekk jiġu evitati dewmien u spejjeż ta’ mobbiltà militari, u l-Istati Membri jingħataw inċentiv biex jikkooperaw.
Azzjonijiet ewlenin fuq it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud fil-livell tal-UE:
·Sa tmiem l-2018, il-Kummissjoni se tevalwa l-alternattivi, f’konsultazzjoni mal-Istati Membri tal-UE u f’kooperazzjoni mill-qrib mal-atturi rilevanti tal-Unjoni, biex jitnaqqas il-piż amministrattiv, kif ukoll il-fattibbiltà li tallinja t-trattament tal-Taxxa fuq il-Valur Miżjud tal-isforzi dwar id-difiża meħuda fil-qafas tal-UE u taħt l-umbrella tan-NATO .
2.3.3 Il-permess tal-Moviment Transfruntiera
Kif propost fil-Pjan Direzzjonali tal-Grupp ta’ Ħidma Ad Hoc, il-permess tal-moviment transfruntiera (inkluża l-approvazzjoni diplomatika) huwa qasam fejn l-Istati Membri tal-UE jistgħu jaħdmu flimkien biex tiżdied il-konsistenza u/jew l-effikaċja tal-proċeduri tagħhom. Il-Permess tal-Moviment Transfruntiera jikkonċerna proċeduri għall-ksib ta’ permess biex wieħed jaqsam il-fruntieri. L-approvazzjoni diplomatika fis-seħħ tnaqqas il-piż amministrattiv u ż-żmien biex il-mobbiltà militari tkun tista’ sseħħ. L-Arranġament Tekniku eżistenti tal-Approvazzjoni Diplomatika kien ta’ siwi f’parti speċifika tat-trasport bl-ajru, iżda wkoll b’restrizzjonijiet ċari bħalma huma l-esklużjoni tar-reġjuni tal-ispazju tal-ajru, l-ajrudromi jew iċ-ċaħda ta’ ċerti missjonijiet, kif imposti individwalment mill-firmatarji. Numri tal-Approvazzjoni Diplomatika maħruġa kull sena mill-Istati Membri kontribwenti tal-UE, kif ukoll it-twissijiet u s-sigħat ta’ kuntatt, huma ġestiti u jintwerew fuq portal web apposta.
Arranġament dwar il-permess tal-moviment transfruntiera li jiffoka fuq il-moviment fuq is-superfiċje jkun opportunità biex tittejjeb il-mobbiltà militari għat-trasport bit-triq, bil-ferrovija u fuq il-passaġġi tal-ilma interni. Proċeduri amministrattivi jistgħu jiġu parzjalment stipulati f’arranġament li jiżgura regoli u proċeduri komuni, b’mod partikolari għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-Politika ta’ Sigurtà u ta’ Difiża Komuni, kif ukoll attivitajiet f’oqfsa oħra, eżerċizzji u għal movimenti ta’ kuljum.
Għal dak li għandu x’jaqsam mal-movimenti tal-ajru, dawk imwettqa skont ir-regoli għat-traffiku tal-ajru ġenerali jridu jikkonformaw mal-qafas regolatorju stabbilit skont l-Ajru Uniku Ewropew. Għal dawk it-titjiriet operati skont regoli nazzjonali tat-Traffiku tal-Ajru Operazzjonali, l-Istati Membri għandhom bżonn jirreferu għall-arranġamenti bilaterali jew l-Arranġament Tekniku tal-Approvazzjoni Diplomatika għal operazzjonijiet transfruntiera. Rappurtar f’waqtu u preċiż tal-informazzjoni dwar is-sikurezza fil-livell Ewropew jgħin meta jiġi l-mument li ssir verifika jekk ir-rekwiżiti kollha dwar is-sigurtà ġewx issodisfati. Barra minn hekk, id-disponibilità ta’ ċerti faċilitajiet u servizzi jgħinu biex jiġu żgurati s-sikurezza, ir-regolarità u l-effikaċja tas-sistema globali tal-avjazzjoni u l-konformità mar-rekwiżiti tal-operazzjonijiet militari tal-ajru. Dan jista’ jintlaħaq billi jiġi promoss fehim komuni tal-prinċipji ewlenin, bil-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u bil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni prattika tagħhom.
Azzjonijiet ewlenin fil-livell tal-UE:
·Sas-sajf tal-2018, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża se tħejji proġett tal-Kategorija A dwar il-permess tal-Moviment Transfruntiera, soġġett għad-deċiżjoni tal-Bord ta’ Tmexxija tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, biex jappoġġja lill-Istati Membri tal-UE fl-iżvilupp ta’ arranġamenti transfruntiera dwar il-permessi.
·Permezz tat-Tim tal-Proġett dwar il-Moviment u t-Trasport, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża se tipprovdi pjattaforma għall-iskambju ta’ fehmiet bejn l-Istati Membri tal-UE u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna / il-Persunal Militari tal-UE u n-NATO, fuq iż-żminijiet ewlenin għal moviment fuq is-superfiċje.
L-Istati Membri huma mistiedna biex:
·Jagħmlu inventarju tax-xenarju attwali tar-regolamenti nazzjonali li jaffettwaw il-permessi biex l-assi militari li mhumiex tagħhom joperaw fl-Istati Membri tal-UE, b’mod partikolari fir-rigward ta’ restrizzjonijiet.
·Jikkontribwixxu għad-definizzjoni tar-rekwiżiti operattivi speċifiċi għall-qasam tal-moviment tal-assi, fil-kuntest tar-rekwiżiti militari.
·Jidentifikaw ir-restrizzjonijiet regolatorji nazzjonali u r-raġunament politiku sottostanti tagħhom.
·Jiżviluppaw soluzzjonijiet billi jużaw aspetti ta’ ħidma u prodotti eżistenti u jibbilanċjaw ir-rekwiżiti operazzjonali ma’ restrizzjonijiet politiċi razzjonali, u b’hekk jiksbu l-għoti tal-awtorizzazzjonijiet (diplomatiċi) bl-anqas twissijiet nazzjonali meħtieġa.
·Jiddeterminaw il-ħtieġa li jiġu adattati r-regolamenti nazzjonali fejn jista’ jsir titjib tal-mobbiltà militari abbażi ta’ dawn ir-regolamenti modifikati, filwaqt li jinżammu biss fejn meħtieġ ir-restrizzjonijiet essenzjali mingħajr skopijiet militari.
·Jiffirmaw arranġamenti għal oqsma speċifiċi li jarmonizzaw il-proċeduri u jippermettu l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-permess tal-moviment transfruntiera u tal-bżonnijiet tat-trasport militari li jeħtieġ li jiġu awtorizzati minn qabel.
2.3.4 Kwistjonijiet oħrajn
Fil-Pjan Direzzjonali tal-Grupp ta’ Ħidma Ad Hoc hemm stabbiliti wkoll linji ta’ azzjoni addizzjonali mhux eżawrjenti relatati mal-kwistjonijiet regolatorji u proċedurali, inklużi l-aspetti legali. Dan jinkludi kjarifika ulterjuri tal-impatt possibbli tal-Ftehim dwar l-Istatus tal-Forzi tal-UE fuq il-mobbiltà militari, ladarba jkun fis-seħħ.
Barra minn hekk, it-titjib fil-mobbiltà militari fl-UE jeħtieġ li jqis it-theddid li huwa ta’ natura ibrida. Għalhekk jenħtieġ li titqies id-dimensjoni tal-mobbiltà militari meta jiġu implimentati l-azzjonijiet rilevanti skont il-Qafas Konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu 16 .
Azzjonijiet ewlenin fil-livell tal-UE:
·Sar-rebbiegħa tal-2019, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża ser twettaq studju dwar dawn il-kwistjonijiet l-oħra, u se tinvolvi l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri kif ukoll is-servizzi tal-Kummissjoni u tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna / il-Persunal Militari tal-UE kif ikun xieraq sabiex jiġu identifikati linji ta’ azzjoni addizzjonali possibbli.
·Azzjoni għaddejja: Fl-implimentazzjoni tal-Qafas Konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu, se tingħata attenzjoni speċjali lid-dimensjoni tal-mobbiltà militari, speċjalment fir-rigward tal-kapaċità ta’ analiżi tal-intelliġenza (ċellola ta’ fużjoni ibrida), it-teħid ta’ deċiżjonijiet fil-każ ta’ theddid u r-reżiljenza tal-infrastruttura kritika.
·L-Istati Membri tal-UE huma mistiedna jikkunsidraw il-Ftehim dwar l-Istatus tal-Forzi tal-UE u l-implimentazzjoni tiegħu f’dak li għandu x’jaqsam mal-mobbiltà militari, meta dan jidħol fis-seħħ.
3.Impatt fuq il-baġit
Dan il-Pjan ta’ Azzjoni ma għandu l-ebda impatt fuq il-baġit tal-UE ħlief għall-finanzjament possibbli fil-futur ta’ infrastruttura b’użu doppju, kif deskritt fil-kapitolu 2.2 hawn fuq. F’dan il-kuntest, il-possibbiltà ta’ appoġġ finanzjarju addizzjonali mill-UE għall-implimentazzjoni ta’ proġetti b’użu doppju se titqies fi proposta futura tal-Kummissjoni għall-qafas finanzjarju pluriennali.
4.It-triq ’il quddiem
Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Mobbiltà Militari qed jitressaq mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni lill-Istati Membri tal-UE għall-konsiderazzjoni u l-approvazzjoni tagħhom, biex b’hekk tkun tista’ ssir l-implimentazzjoni f’waqtha u b’mod ikkoordinat. Dan għandu jitqies bħala pjan ħaj, soġġett għall-possibbiltà ta’ reviżjoni wara, skont kif ikun xieraq.
Rapporti perjodiċi tal-progress dwar l-implimentazzjoni ta’ dan il-Pjan ta’ Azzjoni se jitressqu lill-Istati Membri tal-UE mir-Rappreżentant Għoli u l-Kummissjoni kif inhu xieraq, bl-ewwel rapport jitressaq sas-sajf tal-2019, flimkien u f’komplementarjetà mar-rapportar annwali tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża lill-Ministri tad-Difiża tal-Istati Membri.