29.11.2019 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
C 404/53 |
Opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni — Il-governanza f’diversi livelli u l-kooperazzjoni transsettorjali fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku
(2019/C 404/10)
Relatur |
: |
Kata TÜTTŐ (HU/PSE), Membru tal-Kunsill Muniċipali tat-12-il Distrett ta’ Budapest |
RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA
IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI
Kummenti introduttorji
1. |
ifakkar li diġà enfasizza f’għadd ta’ Opinjonijiet preċedenti l-importanza li l-faqar enerġetiku jitqies fit-tfassil tad-diversi politiki u, fil-fehma tiegħu, wieħed mill-aktar żviluppi politiċi importanti f’dawn l-aħħar snin huwa li l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-konsegwenzi soċjali tiġi rikonoxxuta b’mod espliċitu meta jitfasslu l-politiki dwar l-enerġija u l-klima, issa u fil-ġejjieni. B’hekk, il-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku għandha titqies b’mod komprensiv mil-leġislazzjoni rilevanti kollha fil-livell nazzjonali u tal-UE; |
2. |
jenfasizza li waħda mill-kwistjonijiet ewlenin marbuta mal-konsegwenzi soċjali hija l-faqar enerġetiku, li huwa marbut mill-qrib mal-prijoritajiet attwali tal-Kumitat tar-Reġjuni; |
3. |
huwa tal-fehma li ġestjoni tal-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku, li tqis kemm il-punti ġenerali kif ukoll l-ispeċifiċitajiet lokali u reġjonali tal-Unjoni, tista’ tikkontribwixxi ferm għat-tisħiħ tal-fiduċja taċ-ċittadini fl-UE u biex l-UE titqarreb lejn iċ-ċittadini tagħha, kif ukoll għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi u għall-Unjoni tal-Enerġija; |
4. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-pakkett leġislattiv tal-Kummissjoni Ewropea intitolat “Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha” jagħraf l-importanza li jitwaqqaf il-faqar enerġetiku u jagħmel referenza espliċita għal dan f’diversi okkażjonijiet; |
5. |
jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, wara l-ħolqien ta’ qafas fil-livell tal-Unjoni, l-isfida li jmiss se tkun li d-dispożizzjonijiet ġenerali tal-Pakkett dwar l-Enerġija Nadifa jinbidlu f’adattamenti tal-elementi speċifiċi differenti tal-leġislazzjoni, filwaqt li jiġu kkunsidrati bis-sħiħ il-ħtiġijiet tar-reġjuni differenti. fejn, minn naħa, se jkun meħtieġ li tinżamm konformità mal-qafas ġenerali tal-Unjoni u, min-naħa l-oħra, li jiġi definit qafas u arranġamenti għal azzjoni abbażi tal-għarfien u r-rikonoxximent tad-diversi aspetti tal-faqar enerġetiku; |
6. |
jilqa’ bi pjaċir il-progress li sar fil-proċess leġislattiv dwar elementi importanti tal-pakkett dwar l-enerġija nadifa, b’mod partikolari l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-regoli komuni għas-suq intern tal-elettriku u r-rikonoxximent espliċitu tiegħu tal-ħtieġa għal ġbir komprensiv ta’ data dwar il-faqar enerġetiku mill-Istati Membri, il-flessibbiltà ssuġġerita għall-Istati Membri biex jintervjenu fis-suq biex jindirizzaw il-faqar enerġetiku, u t-twessigħ tad-definizzjoni ta’ “konsumaturi vulnerabbli” (Art. 28) (1); |
7. |
jappoġġja b’mod partikolari t-talba tal-PE għal gwida mill-Kummissjoni Ewropea dwar il-kriterji li għandhom jintużaw biex jiddefinixxu “numru sinifikanti ta’ unitajiet domestiċi f’faqar enerġetiku” (anke fil-kuntest tal-Artikolu 3.3.d tar-Regolament 2018/1999 dwar l-INECPs (pjani nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima) u japprova bis-sħiħ il-premessa tal-PE li “kwalunkwe proporzjon tal-unitajiet domestiċi fil-faqar enerġetiku jista’ jitqies bħala wieħed sinifikanti”; |
8. |
josserva li, fid-dawl tal-fatt li l-faqar enerġetiku jikkostitwixxi problema magħrufa tajjeb u qed kulma jmur tiġi rikonoxxuta aktar fil-qafas leġislattiv tal-UE b’obbligi espliċiti għall-Istati Membri, ħadd ma għandu jkun jista’ jafferma fil-ġejjieni li ma kienx jaf biha: jinħtieġu politiki u azzjonijiet konkreti; jinnota, madankollu, li d-definizzjoni preċiża tal-aspetti u l-effetti differenti tal-faqar enerġetiku kif ukoll l-indikaturi neċessarji biex dawn jitkejlu hemm bżonn li jiġu żviluppati b’attenzjoni sħiħa għad-diversità taċ-ċirkostanzi reġjonali u lokali sabiex jiġi żgurat li l-miżuri ta’ politika jkunu jistgħu jiġu mmirati u implimentati b’mod effettiv; |
9. |
jenfasizza, madankollu, li fil-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku, diġà jeżistu esperjenzi pijunieri fil-livell lokali u reġjonali, inkluż ix-xogħol siewi mwettaq mis-sħubija fil-qasam tal-abitazzjoni fl-ambitu tal-Aġenda Urbana tal-UE; |
10. |
josserva li wieħed mill-aħjar modi biex jinqered il-faqar enerġetiku fil-livell Ewropew huwa bis-saħħa ta’ investimenti fl-effiċjenza enerġetika u ta’ suq uniku bi prezzijiet baxxi li jiffunzjona kif imiss u bi prezzijiet baxxi; |
11. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li r-Regolament il-ġdid dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija jipprovdi qafas li jippermetti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jsemmgħu leħinhom u jindirizzaw b’mod prijoritarju l-faqar enerġetiku; |
12. |
jirrikonoxxi li l-faqar enerġetiku jirrappreżenta sfida soċjetali maġġuri b’impatti soċjali u ambjentali, li għandha tiġi indirizzata b’mod urġenti fil-livelli kollha ta’ governanza u teħtieġ approċċ olistiku u trasversali li jqis ir-relazzjonijiet bejn l-għanijiet u l-istrumenti soċjali u ambjentali; |
X’inhu l-faqar enerġetiku fl-essenza tiegħu?
13. |
ifakkar li l-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija jiddefinixxi l-faqar enerġetiku bħala s-sitwazzjoni fejn unità domestika jew individwu ma jkollux il-mezzi biex jakkwista servizzi bażiċi ta’ enerġija (tisħin, tkessiħ, tidwil, mobilità u elettriku) li jiggarantixxu standard tal-għajxien deċenti minħabba taħlita ta’ dħul baxx, spejjeż tal-enerġija għoljin u effiċjenza dgħajfa fl-użu tal-enerġija f’daru; |
14. |
jenfasizza li wieħed minn kull għaxar Ewropej ma jistax isaħħan sew id-dar tiegħu fix-xitwa, li wieħed minn kull ħames ċittadini tal-UE ma jiflaħx iħallas għall-arja kundizzjonata fis-sajf u li, barra minn hekk, aktar minn 80 miljun Ewropew jgħixu fi djar umdi bi traċċi ta’ moffa, li għandu jitqies ukoll fir-rigward tad-diffikultajiet tagħhom li jsaħħnu u jiffriskaw biżżejjed id-djar tagħhom; |
15. |
josserva li l-faqar enerġetiku – bħal forom oħra ta’ faqar u flimkien magħhom – jhedded u jolqot lin-nisa b’mod aktar serju, b’mod partikolari minħabba d-distribuzzjoni inugwali tad-dħul u tax-xogħol domestiku u tal-familja bejn in-nisa u l-irġiel, u l-proporzjon ogħla ta’ nisa fost il-ġenituri waħedhom u l-persuni mdaħħlin fl-età li jgħixu waħidhom; |
Il-bżonn ta’ approċċ globali
16. |
jirrikonoxxi li l-faqar enerġetiku huwa kwistjoni estremament kumplessa, li r-riżoluzzjoni tagħha titlob li jiġu kkunsidrati b’mod konġunt u kkoordinat id-diversi aspetti soċjali, tekniċi, ekonomiċi u baġitarji; |
17. |
josserva li, sabiex tinkiseb stampa tal-faqar enerġetiku u biex jinstabu soluzzjonijiet, jeħtieġ li tinġabar u tiġi analizzata fil-fond minjiera ta’ informazzjoni; f’dan il-kuntest partikolari jisħaq, kif innotat fil-valutazzjoni tal-impatt territorjali tal-KtR stess, dwar il-ħtieġa għal informazzjoni addizzjonali fil-livell NUTS 3 jew f’livell aktar baxx fejn adatt, għal żvilupp ulterjuri ta’ indikaturi adatti biex ikjejlu l-aspetti u l-effetti differenti tal-faqar eneġetiku fil-livell lokali, u għal ġbir/ipproċessar aktar effettiv tal-informazzjoni disponibbli sabiex din tkun aċċessibbli għal dawk li jfassklu l-politiki; |
18. |
jenfasizza li l-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku tirrikjedi l-użu ta’ diversi strumenti ta’ politika pubblika, filwaqt li jitqiesu kemm l-effiċjenza enerġetika kif ukoll il-kwistjonijiet ta’ protezzjoni soċjali; |
19. |
jinsisti, madankollu, li l-approċċ trasversali globali ma jista’ fl-ebda każ jintuża bħala pretest biex jiġu segwiti għanijiet politiċi u interessi settorjali, kummerċjali jew oħrajn li mhumiex marbuta mal-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku; |
20. |
jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej għall-fatt li l-implimentazzjoni tal-approċċ globali hija partikolarment importanti iżda tista’ tinkiseb b’mod relattivament sempliċi fil-livell lokali u reġjonali. Madankollu, sabiex dan ikun possibbli, huwa essenzjali li jsir skambju tal-esperjenzi u jiġu sfruttati forom oħra ta’ kooperazzjoni; |
21. |
jenfasizza li s-sitwazzjoni tal-unitajiet domestiċi affettwati mill-faqar enerġetiku tvarja ħafna minn każ għal ieħor u, fi kwalunkwe każ, kull sitwazzjoni għandha l-karatteristiċi speċifiċi tagħha. Il-persuni kkonċernati jistgħu jkunu kerrejja jew sidien li jgħixu f’żoni urbani jew rurali u li, b’mod ġenerali, jiffaċċjaw ukoll diffikultajiet oħra, li jeħtieġu approċċ ġust, innovattiv, miftuħ u inklużiv, u huwa kruċjali li l-atturi rilevanti kollha jikkooperaw biex dan l-approċċ jittieħed; |
22. |
josserva li l-faqar enerġetiku ma jikkonċernax biss l-istat tal-akkomodazzjoni, iżda għandu wkoll impatt dirett fuq is-saħħa fiżika u mentali tal-persuni kkonċernati u jxekkilhom fir-relazzjonijiet soċjali, fit-tagħlim, fl-opportunità li jagħmlu negozju u f’ħafna attivitajiet oħra tagħhom; |
Appoġġ mhux biss għall-osservazzjoni tal-fenomenu tal-faqar enerġetiku, iżda wkoll il-qerda tiegħu!
23. |
jemmen li s-suċċess tal-politiki pubbliċi fil-livell tal-Unjoni ġeneralment jinkiseb permezz ta’ għanijiet ambizzjużi biżżejjed, konkreti u li jistgħu jitkejlu; |
24. |
jenfasizza li, filwaqt li l-għan aħħari ta’ politika biex jinqered il-faqar enerġetiku jista’ jkun biss il-qerda totali tal-faqar enerġetiku, l-effettività tal-proċess politiku teħtieġ li jiġu stabbiliti għanijiet fuq perjodu iqsar ta’ żmien; |
25. |
jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi għanijiet konkreti għat-tnaqqis tal-faqar enerġetiku sal-2030 u l-qerda tiegħu sal-2050; |
L-azzjonijiet meħtieġa fil-livell tal-UE
26. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-iżgurar tal-aċċess għall-enerġija mhuwiex biss wieħed mill-għanijiet ta’ żvilupp sostenibbli tan-NU, iżda li l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, imniedi f’Novembru 2017, jagħti wkoll importanza partikolari lill-kwistjoni tal-protezzjoni soċjali. Il-faqar enerġetiku huwa każ tipiku fejn tinħtieġ azzjoni wkoll fil-livell tal-UE; |
27. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-viżjoni strateġika adottata mill-Kummissjoni Ewropea f’Novembru 2018 bit-titolu “Pjaneta Nadifa għal Kulħadd”, li għandha l-għan li tinkiseb Ewropa “newtrali għall-klima” sal-2050, filwaqt li tiżgura mhux biss aktar prosperità u ħolqien tal-impjieg iżda wkoll ġustizzja soċjali għal tranżizzjoni ġusta; |
28. |
jistieden lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li kulħadd ikun jista’ effettivament igawdi mid-dritt għal enerġija affordabbli, u għal dan il-għan jikkunsidraw il-possibbiltà ta’ moratorju fuq il-waqfien jew is-sospensjoni tal-forniment ta’ servizzi pubbliċi minħabba nuqqas ta’ ħlas, b’tali mod li l-ebda unità domestika ma titħalla mingħajr provvista bażika ta’ tisħin jew tkessiħ; |
29. |
huwa tal-fehma li l-limitazzjoni tal-ispejjeż eċċessivi tal-enerġija ma tistax titħalla biss għad-diskrezzjoni tal-kompetizzjoni u tal-awtoregolamentazzjoni tas-suq, u li l-Unjoni għandha għalhekk tistabbilixxi oqfsa legali li jipprovdu lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali bl-għodod adatti għall-iżgurar ta’ enerġija affordabbli. Biex il-prezzijiet tal-enerġija jinżammu f’livell baxx, qabel kollox l-UE u awtoritajiet oħra għandha jiżguraw li s-suq tal-enerġija jkollu provvista adegwata, li jissieltu kontra l-ipprezzar ta’ monopolju u li l-metodi għall-promozzjoni tal-enerġija jkunu kosteffettivi u ma jgħollux il-prezzijiet wisq; |
30. |
jenfasizza l-ħtieġa ta’ miżuri adatti biex jiġu evitati jew ikkumpensati riperkussjonijiet negattivi possibbli ta’ rinnovazzjonijiet tal-effiċjenza enerġetika, bħal żieda fl-ispejjeż tal-akkomodazzjoni; f’dan il-kuntest, huwa kruċjali li tiġi garantita distribuzzjoni ġusta tal-ispejjeż u tal-benefiċċji tal-effiċjenza enerġetika bejn is-sidien u l-inkwilini; |
31. |
huwa tal-fehma li jeħtieġ li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffaċilitaw l-għoti ta’ pariri mingħajr ħlas u indipendenti lill-pubbliku dwar l-enerġija, u li jappoġġjaw parteċipazzjoni iżjed attiva tal-unitajiet domestiċi fil-produzzjoni tal-enerġija; |
32. |
jemmen li l-leġislazzjoni Ewropea tista’ tkun ferm iżjed ambizzjuża, u li jeħtieġ li l-gvernijiet nazzjonali jikkooperaw b’sinċerità u impenn mal-awtoritajiet lokali u reġjonali bil-għan li tiġi żgurata l-governanza f’diversi livelli; |
33. |
jemmen li huwa essenzjali li jiġi ssemplifikat u estiż l-aċċess għall-fondi tal-Unjoni, peress li l-mezzi limitati ta’ azzjoni tal-persuni u l-gruppi affettwati mill-faqar enerġetiku u l-aċċess imnaqqas tagħhom għas-servizzi tal-amministrazzjonijiet pubbliċi ta’ spiss jaqdu rwol biex jikkawżaw jew jaggravaw is-sitwazzjoni. Barra minn hekk, jirrimarka li l-miżuri marbutin mar-rinnovazzjoni u l-effiċjenza enerġetika jistgħu jkunu limitati minħabba s-sitwazzjoni finanzjarja tal-persuni li jokkupaw il-proprjetà u mir-regolamenti tal-kera li jagħmluha diffiċli li l-ispejjeż jiġu rkuprati; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li jiġu żgurati inċentivi adatti għal investiment f’titjib marbut mal-effiċjenza enerġetika kemm għall-inkwilini kif ukoll għas-sidien tad-djar, u l-ħtieġa li jiġu protetti l-konsumaturi vulnerabbli; |
34. |
jitlob kooperazzjoni iżjed mill-qrib bejn l-Osservatorju Ewropew tal-Faqar Enerġetiku, il-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija u l-Eurostat; |
35. |
jenfasizza li huwa primordjali li t-trasformazzjoni tal-konsumaturi tal-enerġija fi prosumaturi tkun fost l-istrumenti għall-qerda tal-faqar enerġetiku u li, għal dan il-għan, jeħtieġ li jitħeġġu fil-livelli kollha l-inizjattivi li jippermettu wkoll lill-konsumaturi f’sitwazzjoin ta’ faqar enerġetiku jsiru produtturi tal-enerġija; |
Ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali
36. |
jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kumplessa kontra l-faqar enerġetiku, peress li jistgħu jidentifikaw il-persuni affettwati u jidentifikaw il-kawżi konkreti tal-fenomenu u jipprovdu pariri prattiċi u gwida liċ-ċittadini b’mod dirett, u li ħafna mill-miżuri għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku jistgħu jiġu implimentati fil-livell lokali; |
37. |
jenfasizza li, minħabba li l-faqar enerġetiku huwa kwistjoni kumplessa ħafna, ma tista’ tinstab l-ebda soluzzjoni uniformi fid-diversi reġjuni tal-Unjoni, u li jeħtieġ li l-awtoritajiet lokali wkoll jadottaw approċċ komprensiv ġdid huma u jfittxu mezzi adegwati, billi l-uffiċċji tal-amministrazzjonijiet lokali responsabbli fid-diversi oqsma jiġu involuti biex jinsab l-aħjar rimedju. Il-livelli lokali u reġjonali tal-gvern għandhom ċerti setgħat fundamentali f’dak li jirrigwarda l-politika fil-qasam tal-effiċjenza enerġetika u tal-produzzjoni tal-enerġija, bis-saħħa tal-kumpaniji proprji tagħhom tal-enerġija, l-assoċjazzjonijiet tad-djar, il-kooperazzjoni mas-settur privat, il-finanzjament ta’ proġetti, konsulenza, eċċ.; |
38. |
jiġbed l-attenzjoni għall-possibbiltà li l-politiki dwar il-ġestjoni tal-faqar enerġetiku joħolqu benefiċċji oħra għal dawn l-awtoritajiet, billi tingħata prijorità lis-suċċess ta’ objettivi politiċi oħrajn u billi jiġu appoġġjati, pereżempju, il-politiki fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija, it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra, it-titjib ta’saħħet iċ-ċittadini, l-inklużjoni soċjali u l-protezzjoni soċjali u b’hekk il-kwalità tal-ħajja u s-sostenibbiltà inġenerali; |
39. |
jenfasizza li ġlieda effettiva kontra l-faqar enerġetiku tista’ tgħin lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jkomplu jwessgħu l-bażi soċjali ta’ azzjoni b’rabta mal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, peress li tinvolvi gruppi soċjali li s’issa kienu inqas attivi u kienu jirċievu inqas attenzjoni; |
40. |
jinsisti, madankollu, li dan kollu jkun possibbli biss jekk l-istrumenti legali u finanzjarji tal-awtoritajiet lokali u reġjonali jissaħħu kif imiss; |
L-istokk tad-djar u l-effiċjenza enerġetika
41. |
jenfasizza li l-effiċjenza enerġetika tikkostitwixxi rabta importanti bejn l-għanijiet relatati man-newtralità klimatika u dawk relatati ma’ tranżizzjoni ġusta tal-enerġija, inkluża l-ġestjoni tal-faqar enerġetiku; |
42. |
iqis li t-titjib tal-effiċjenza enerġetika tal-istokk tad-djar huwa wieħed mill-kompiti ewlenin tal-awtoritajiet lokali u reġjonali u li, għal dan il-għan, għandhom jevitaw li jiffokaw esklużivament fuq l-akkomodazzjoni soċjali, speċjalment fl-Istati Membri b’rati baxxi ta’ akkomodazzjoni soċjali; |
43. |
jenfasizza li jkun tajjeb li l-obbligu li jiġu rinnovati annwalment 3 % tal-bini tal-gvern ċentrali tal-Istati Membri bil-għan li tittejjeb l-effiċjenza enerġetika jiġi segwit minn investiment ambizzjuż u appoġġ biex ir-rinnovazzjoni tiġi aċċellerata anke f’partijiet oħra tal-istokk tad-djar, inkella l-isforzi biex jinqered il-faqar enerġetiku mhu se jkollhom l-ebda ċans li jirnexxu fil-futur qarib, u wisq inqas li jintlaħqu l-għanijiet klimatiċi; |
44. |
jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-akbar parti possibbli tal-fondi tal-Unjoni tiġi ddedikata għal rinnovazzjoni komprensiva tal-istokk tal-bini li tqis l-aspett tal-faqar enerġetiku, sabiex jiġi evitat dewmien fil-kwalifikazzjoni mill-ġdid tal-akkomodazzjoni tal-ifqar inkwilini u sidien, li jżid il-faqar enerġetiku u, barra minn hekk, ixekkel it-tilħiq tal-għanijiet dwar il-klima; |
45. |
iħeġġeġ lill-Istati Membri jittrasponu fil-liġijiet nazzjonali d-Direttiva aġġornata dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (2) mill-iżjed fis possibbli u mhux iżjed tard minn Marzu 2020, peress li t-titjib tal-prestazzjoni tal-enerġija tal-istokk eżistenti tal-bini huwa marbut direttament mall-implimentazzjoni sħiħa tal-qafas leġislattiv eżistenti; |
L-importanza tal-Patt tas-Sindki
46. |
jilqa’ b’sodisfazzjon il-fatt li l-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija poġġa l-kwistjoni tal-faqar enerġetiku fit-tielet pilastru, u b’hekk jaqdi rwol ewlieni fiż-żamma ta’ din il-kwistjoni fl-aġenda u fis-sejba ta’ soluzzjonijiet; jenfasizza r-rwol siewi ħafna tal-Patt tas-Sindki fil-kondiviżjoni tal-għarfien u l-esperjenza u fl-appoġġ u l-għoti ta’ gwida metodoloġika lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej u atturi oħra; |
47. |
jenfasizza li ser ikompli jappoġġja l-Patt tas-Sindki, fid-dawl tal-valur kbir għaċ-ċittadini Ewropej tar-rwol attiv li jaqdi u l-għeruq profondi tiegħu fis-soċjetà; |
48. |
jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali Ewropej u lill-mexxejja tagħhom biex jissieħbu fil-Patt tas-Sindki u netwerks oħra involuti fil-qasam tal-azzjoni klimatika u jipparteċipaw b’mod attiv fl-attivitajiet tagħhom, b’enfasi partikolari fuq l-iskambju ta’ prattiki tajba lokali; |
49. |
josserva li grupp ta’ membri tal-Kumitat tar-Reġjuni jaġixxi bħala ambaxxatur tal-Patt tas-Sindki bil-kompitu li jippubbliċizza l-attivitajiet tiegħu u jinkoraġġixxi l-akbar numru possibbli ta’ firmatarji, u jemmen li l-ambaxxaturi għandhom jiġu appoġġjati kif imiss fl-isforzi tagħhom; |
Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku
50. |
jenfasizza li d-definizzjoni u l-kejl preċiżi tal-fenomenu tal-faqar enerġetiku huma indispensabboli għall-ippjanar u l-implimentazzjoni ta’ soluzzjonijiet u miżuri adatti ta’ politika pubblika; |
51. |
jiddeplora l-fatt li żewġ terzi tal-Istati Membri mhumiex qed isegwu l-iżvilupp tal-faqar enerġetiku fuq il-bażi ta’ miżuri kwantitattivi; |
52. |
jinnota li, s’issa, il-funzjonament tal-Osservatorju tal-Faqar Enerġetiku stabbilit mill-Kummissjoni Ewropea jissodisfa għalkollox l-għanijiet stabbiliti meta twaqqaf; |
53. |
billi l-Osservatorju qed joqrob lejn tmiem il-mandat previst tiegħu, jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex teżamina l-kundizzjonijiet għall-estensjoni tal-attività tiegħu, biex testendi l-kamp ta’ applikazzjoni u l-kompiti tiegħu safejn dan ikun ġustifikat, u biex tiżviluppa possibbiltajiet għall-ġbir u l-evalwazzjoni tad-data, fid-dawl tal-fatt li l-informazzjoni miġbura mill-Osservatorju se tkompli tkun indispensabbli għall-iżvilupp kif imiss tal-politiki pubbliċi fil-futur. |
Brussell, is-27 ta’ Ġunju 2019.
Il-President
tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni
Karl-Heinz LAMBERTZ
(1) P8_TA-PROV(2019)0226 adottata fis-26.03.2019
(2) Id-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018 li temenda d-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija u d-Direttiva 2012/27/UE dwar l-effiċjenza fl-enerġija (ĠU L 156, 19.6.2018, p. 75).