25.10.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 387/42


Opinjoni ta’ prospettiva tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni — Il-governanza klimatika wara l-2020: perspettiva Ewropea u globali — kontribut għall-COP24 tal-UNFCCC

(2018/C 387/08)

Relatur:

Andrew Varah COOPER (UK/AE), Membru tal-Kunsill ta’ Kirklees

Dokument ta’ referenza:

Opinjoni ta’ prospettiva

RAKKOMANDAZZJONIJIET TA’ POLITIKA

IL-KUMITAT EWROPEW TAR-REĠJUNI

Il-governanza Ewropea biex jintlaħqu l-miri tat-tibdil fil-klima u tal-enerġija sal-2030

1.

Jenfasizza r-rwol importanti tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fil-governanza strateġika fl-eqreb livell għaċ-ċittadini, fil-ġestjoni tal-produzzjoni deċentralizzata tal-enerġija permezz tal-awtokonsum, il-ġenerazzjoni distribwita u netwerks intelliġenti; il-promozzjoni ta’ kundizzjonijiet adatti għall-investiment u fl-akkoppjar bejn il-politiki tal-enerġija u tal-klima ma’ miżuri meħudin fil-qasam tal-akkomodazzjoni, il-faqar enerġetiku, it-trasport u l-mobilità sostenibbli, l-iżvilupp ekonomiku, l-ippjanar tal-bliet u l-kampanja jew l-użu tal-art. L-awtoritajiet lokali u reġjonali wkoll għandhom rwol b’saħħtu ta’ tmexxija komunitarja u jistgħu jaġixxu bħala difensuri għall-azzjoni klimatika fil-komunitajiet lokali tagħhom, għan-negozji u s-soċjetà ċivili inġenerali, filwaqt li jsaħħu l-involviment tal-konsumaturi individwali u jiżguraw l-adeżjoni tagħhom mal-politiki tal-enerġija;

2.

Jenfasizza li l-għanijiet ta’ Unjoni tal-Enerġija reżiljenti b’politika ambizzjuża dwar it-tibdil fil-klima jistgħu jintlaħqu l-aħjar permezz ta’ azzjoni kkoordinata, fil-livell tal-Unjoni, reġjonali, nazzjonali u lokali u permezz tal-promozzjoni ta’ riċerka, attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, soluzzjonijiet u sistemi ta’ provvista lokali ta’ enerġija effiċjenti fl-użu tal-enerġija, u li dan huwa neċessarju biex kemm l-UE kif ukoll l-Istati Membri tagħha u l-awtoritajiet lokali u reġjonali tagħhom jitqiegħdu fid-direzzjoni t-tajba biex jintlaħqu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) tan-NU.

3.

Jinnota li l-miri l-ġodda ta’ 32 % għas-sorsi ta’ enerġija rinnovabbli fit-taħlita tal-enerġija tal-UE, il-mira ta’ effiċjenza enerġetika ta’ 32,5 % u r-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija huma pass ’il quddiem lejn it-tranżizzjoni tal-Ewropa għal enerġija sostenibbli u parteċipazzjoni akbar min-naħa tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

4.

Itenni li l-Istati Membri għandhom iqisu b’mod espliċitu l-impenji li ttieħdu fil-livell lokali u reġjonali u r-riżultati li nkisbu taħt inizjattivi bħall-Patt tas-Sindki. L-Istati Membri għandhom jiżviluppaw ukoll proċeduri biex jinkludu l-kontributi tal-livelli rilevanti kollha tal-gvern u dawk amministrattivi fi ħdan il-pjani tal-enerġija u tal-klima nazzjonali integrati tagħhom. Dawn għandhom jinvolvu wkoll lill-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-ippjanar u l-monitoraġġ skont il-pjani rispettivi tagħhom, f’konformità mad-dispożizzjonijiet kostituzzjonali u politiċi ta’ kull Stat Membru (1).

5.

Itenni l-istedina tiegħu lill-Istati Membri u ‘l-Kummissjoni Ewropea għal progress rapidu lejn l-istabbiliment ta’ pjattaforma permanenti ta’ djalogu f’diversi livelli dwar l-enerġija bl-involviment attiv tal-awtoritajiet lokali u reġjonali, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, il-komunità kummerċjali, u partijiet interessati rilevanti oħrajn fil-ġestjoni tat-tranżizzjoni tal-enerġija (2).

6.

Fid-dawl tal-proposta tal-Kummissjoni Ewropea biex in-nefqa tal-UE fuq l-azzjoni klimatika tiġi stabbilita għal 25 % fil-programmi kollha tal-UE għall-perjodu 2021-2027, li tirrappreżenta punt tat-tluq tajjeb, jeħtieġ li l-qafas finanzjarju pluriennali għal wara l-2020 jitfassal bil-għan li jinkisbu aħjar il-miri u l-objettivi tal-UE dwar l-enerġija u l-klima, b’mod partikolari fir-rigward tat-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet serra, l-effiċjenza enerġetika, il-mobilità nadifa, il-ġenerazzjoni ta’ enerġija rinnovabbli u permezz ta’ bjar tal-karbonju. Jipproponi li għandu jkun disponibbli finanzjament tal-UE aċċessibbli faċilment u adatt għal programmi u proġetti li jsegwu dawn il-miri f’konformità mal-pjani nazzjonali integrati dwar l-enerġija u l-klima tal-Istati Membri fid-dawl tal-objettivi fit-tul tal-Ftehim ta’ Pariġi.

7.

Jemmen li, fil-kuntest tal-politika regolatorja tal-UE għall-enerġija rinnovabbli u d-disinn tas-suq tal-elettriku, jeħtieġ jitneħħew l-ostakli legali u amministrattivi u jeħtieġ jiġu stabbiliti proċeduri semplifikati għall-ħażna tal-elettriku, in-negozjar u l-awtokonsum għall-atturi fis-suq lokali u reġjonali bħalma huma l-komunitajiet tal-enerġija, sabiex jiksbu aċċess sħiħ għas-suq; u jisħaq li l-Istati Membri, meta jfasslu skemi ta’ appoġġ għall-enerġija rinnovabbli, iridu jqisu l-ispeċifiċitajiet tal-komunitajiet tal-enerġija rinnovabbli lokali u reġjonali f’koordinazzjoni mal-awtoritajiet lokali u reġjonali b’mod li jippermettilhom joperaw fis-sistema tal-enerġija u tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom fis-suq.

Ir-rilevanza tal-azzjoni lokali u reġjonali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi

8.

Ifakkar li l-Ftehim ta’ Pariġi jirrikonoxxi kemm ir-rwol importanti tal-governanza f’diversi livelli fil-politiki dwar il-klima kif ukoll il-ħtieġa ta’ interazzjoni mar-reġjuni, il-bliet u l-partijiet interessati li mhumiex Parti.

9.

Jirrikonoxxi li l-awtoritajiet lokali u reġjonali huma l-eqreb livell ta’ amministrazzjoni pubblika għaċ-ċittadini u jenfasizza li ħafna deċiżjonijiet meħuda dwar l-oqsma politiċi li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi jittieħdu prinċipalment minn dawn l-awtoritajiet.

10.

Jirrimarka li l-impatt tagħhom fuq it-trażżin tal-emissjonijiet tal-karbonju jiddependi ħafna mill-kapaċità u r-rieda tagħhom li jimplimentaw politiki rilevanti. Għaldaqstant, jemmen li l-awtoritajiet lokali u reġjonali għandhom ikunu assoċjati u koordinati mill-qrib mat-twettiq tal-impenji politiċi permezz tal-politika pubblika, l-investiment u l-azzjoni ta’ implimentazzjoni.

11.

Josserva li t-tħabbira tal-Istati Uniti li beħsiebhom jirtiraw mill-Ftehim ta’ Pariġi, filwaqt li hija ta’ dispjaċir, ħolqot inċentivi ġodda għall-gvernijiet sottonazzjonali fl-UE, l-Istati Uniti u postijiet oħrajn sabiex jaġixxu fir-rigward ta’ sfidi globali marbuta mat-tibdil fil-klima u għaldaqstant juru l-impenn taċ-ċittadini u l-livell ta’ governanza li hu l-eqreb għalihom. Huwa lest li jsaħħaħ is-sħubija tiegħu mal-Konferenza tas-Sindki tal-Istati Uniti u biex jikkoopera globalment ma’ assoċjazzjonijiet ta’ bliet u reġjuni fil-qasam tal-azzjoni dwar il-klima.

12.

Jemmen bis-sħiħ li r-rappreżentanti eletti fil-livell lokali u reġjonali u l-awtoritajiet u n-netwerks tagħhom, li jaħdmu flimkien mal-partijiet interessati tal-industrija u s-soċjetà ċivili, jista’ jkollhom rwol prinċipali fl-għoti ta’ għajnuna lill-gvernijiet nazzjonali fl-isforzi tagħhom sabiex jfasslu u jimplimentaw politiki rilevanti għall-klima, meta dawn tal-aħħar ikunu neqsin mill-ambizzjoni neċessarja. F’dan il-kuntest, jenfasizza r-rwol ta’ appoġġ ta’ inizjattivi bħall-Patt tas-Sindki fil-promozzjoni tal-iżvilupp u t-tixrid ta’ għodod u metodoloġiji għall-implimentazzjoni ta’ attivitajiet ta’ bini tal-kapaċità.

13.

Iqis li t-tisħiħ tal-partijiet interessati li mhumiex Parti u li huma rilevanti politikament u eletti demokratikament, bħall-awtoritajiet lokali u reġjonali, fis-sistema ta’ governanza tal-klima globali huwa tendenza li ma tistax tiġi injorata, u li għaldaqstant huwa essenzjali li l-qafas regolatorju tal-UNFCCC jirrikonoxxi din il-forma ta’ governanza minn isfel għal fuq billi jirrikonoxxiha formalment fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

14.

Jinnota li matul il-COP intersessjonali f’Mejju 2017 u Mejju 2018, il-Korp Sussidjarju għall-Implimentazzjoni (SBI) għen biex ikun jista’ jintlaħaq progress fl-involviment tal-partijiet interessati fil-proċess tal-UNFCCC, u rrikonoxxa l-bżonn li jittejjeb aktar l-involviment effettiv tal-partijiet interessati li mhumiex Parti fis-sistema ta’ governanza tal-klima globali.

15.

Jilqa’ bi pjaċir ir-rapport tal-Parlament Ewropew dwar ir-rwol tar-reġjuni u l-bliet tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi tal-COP 21 dwar it-tibdil fil-klima (3) u b’mod partikolari jinnota d-dikjarazzjoni tiegħu li l-awtoritajiet lokali huma responsabbli mill-implimentazzjoni tal-parti l-kbira tal-miżuri ta’ mitigazzjoni u adattament għat-tibdil fil-klima u ħafna mil-leġislazzjoni tal-UE dwar is-suġġett.

Involviment formali ta’ gvernijiet sottonazzjonali fis-sistema ta’ governanza tal-klima globali

16.

Ifaħħar il-fatt li d-Djalogu ta’ Talanoa mhuwiex limitat għal diskussjonijiet fost il-gvernijiet nazzjonali, iżda jippermetti li firxa ta’ partijiet interessati li mhumiex Parti, inklużi reġjuni u bliet u r-rappreżentanti eletti tagħhom, jiġbdu l-attenzjoni ta’ dawk li jfasslu l-politika fuq livell nazzjonali u globali dwar il-kwistjonijiet ewlenin tal-azzjoni klimatika; iħabbar l-appoġġ u l-involviment tiegħu fid-Djalogi ta’ Talanoa dwar il-Bliet u r-Reġjuni bħala r-rispons globali u proattiv immedjat għal dan il-proċess u jħeġġeġ sabiex jiżdiedu d-Djalogi li għandhom isiru fl-Ewropa.

17.

Jenfasizza li d-Djalogu ma għandux ikun limitat jew iddominat minn approċċ fejn jinqasmu l-istejjer biss. Fl-ispirtu tad-djalogu, il-feedback mit-tweġibiet min-naħa tal-partijiet interessati li mhumiex Parti għat-tliet mistoqsijiet ewlenin: “Fejn ninsabu? Fejn nixtiequ naslu? Kif se naslu hemm?” huwa essenzjali sabiex jitnisslu fiduċja u involviment fil-proċess. Għaldaqstant, jistieden lill-Presidenzi tal-COP, lis-Segretarjat tan-NU għat-Tibdil fil-Klima u lill-Partijiet tal-UNFCCC biex jiċċaraw kif ir-riżultati tad-Djalogu se jiġu pproċessati u integrati fit-testi tan-negozjati li għandhom jiġu adottati fil-COP24.

18.

Jipproponi li d-Djalogu ta’ Talanoa jkompli lil hinn mill-COP24 u jitbiddel f’eżerċizzju ta’ nofs it-terminu waqt iċ-ċikli ta’ rendikont globali li għandu jsir kull sentejn u nofs. Matul dak il-proċess, għat-tisħiħ tal-fehim globali dwar il-progress lejn il-kisba tal-miri tal-Ftehim ta’ Pariġi u sabiex jiġi inkorporat sens ta’ urġenza, jipproponi li tiżdied ir-raba’ mistoqsija – “sa meta?” – fil-qafas tad-Djalogu ta’ Talanoa.

19.

Jistieden lill-Presidenza tal-UNFCCC twettaq evalwazzjoni tar-riżultati tad-Djalogu fl-2019 u tressaq proposti għal proċess aktar strutturat u rilevanti għan-negozjati fil-futur.

20.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri sabiex jużaw il-proċess tad-Djalogu ta’ Talanoa sabiex l-awtoritajiet lokali u reġjonali u partijiet interessati oħrajn jiġu involuti fit-tħejjija tal-pożizzjonijiet ta’ negozjar tal-UE u l-inputs għall-COP24.

21.

Jirrakkomanda li l-bliet u r-reġjuni jħejju sottomissjonijiet għall-portal tad-Djalogu ta’ Talanoa u jużaw l-opportunità disponibbli sabiex jikkomunikaw l-ambizzjoni, il-pożizzjonijiet u l-intenzjonijiet tagħhom fi ħdan il-proċess ta’ negozjati dwar il-klima globali.

22.

Jilqa’ bi pjaċir il-pjattaforma NAZCA bħala għodda utli sabiex il-partijiet interessati ta’ pajjiżi li mhumiex Parti jiġu inklużi fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet tal-UNFCCC. Jistieden lill-UNFCCC sabiex tressaq proposti dwar kif ir-rwol tar-reġjuni u l-bliet fis-sistema ta’ governanza internazzjonali jista’ jiġi definit aħjar, b’mod parallel ma’ dak tas-soċjetà ċivili u tas-settur privat.

23.

Ifakkar fl-Impenn Bonn-Fiji adottat mill-Mexxejja Lokali u Reġjonali fil-COP23 u s-sejħa tiegħu għal involviment attiv imtejjeb tal-Kostitwenza tal-Gvernijiet Lokali u l-Awtoritajiet Muniċipali (LGMA) f’korpi u Partijiet uffiċjali tal-klima globali, f’konformità mal-fatt li l-Impenn Bonn-Fiji kien intlaqa’ tajjeb ukoll mill-Kunsill tal-UE għall-Affarijiet Barranin f’Marzu 2018. Jipproponi li l-Kumitat tar-Reġjuni jiżviluppa kooperazzjoni strutturata mas-Segretarjat tan-NU għat-Tibdil fil-Klima, il-Presidenzi tal-COP u l-Promoturi ta’ Livell Għoli tagħhom, kif ukoll mal-korpi ta’ negozjar rilevanti tal-UNFCCC u mas-sħubija mġedda proposta ta’ “Friends of Cities” fil-UNFCCC.

Kontributi Determinati fil-Livell Nazzjonali, Reġjonali u Lokali (NDCs, R/LDCs)

24.

Jisħaq fuq il-bżonn ta’ konsultazzjonijiet deċentralizzati sistematiċi ma’ livelli sottonazzjonali ta’ governanza waqt il-proċess ta’ definizzjoni u reviżjoni tal-NDCs li jinvolvu partijiet interessati minn setturi ta’ attività ewlenin, biex b’hekk jiġi stabbilit metodu ta’ parteċipazzjoni.

25.

Jistieden lill-NDCs jinkludu aggregazzjoni ta’ kontributi stabbiliti fil-livell reġjonali u lokali sabiex jiġi rikonoxxut ir-rwol tal-awtoritajiet sottonazzjonali fit-twettiq tal-impenji dwar il-klima internazzjonali.

26.

Jikkunsidra li, sabiex dan il-proċess ikun effettiv fil-livell tal-UE, għandhom jiġu minquxa dispożizzjonijiet fir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, b’mod partikolari fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fit-tħejjija tal-Pjani Nazzjonali Integrati dwar l-Enerġija u l-Klima.

27.

Jemmen li dawn id-dispożizzjonijiet jistgħu jipprovdu bażi metodoloġika u politika aktar solida għall-proposti tal-KtR għat-twaqqif ta’ Kontributi Determinati fil-livell Reġjonali u Lokali (R/LDCs) (4), li l-idea sottostanti tagħhom hija li jippermettu lill-awtoritajiet sottonazzjonali jiddefinixxu l-impenji ta’ mitigazzjoni u adattament tagħhom, hekk kif għamlu l-Partijiet permezz tal-NDCs tagħhom, sabiex jiġu pprovduti kontributi solidi u trasparenti, li jibdew minn proċessi robusti ta’ monitoraġġ, rapportar u verifika (MRV).

28.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea biex tressaq, f’konsultazzjoni mal-KtR, proposta mhux leġislattiva għal metodoloġija ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni sabiex jiġi ntraċċat il-progress tal-bliet meta mqabbel mal-viżjonijiet rispettivi tagħhom sal-2050 u l-istrateġiji tagħhom li sal-2030, li tista’ tissejjes fuq il-qafas ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni eżistenti tal-Patt tas-Sindki.

29.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tissemplifika l-proċess ta’ rapportar u s-sistema ta’ monitoraġġ tal-Patt tas-Sindki f’konsultazzjoni mal-awtoritajiet lokali/reġjonali, u sabiex tqassar iż-żmien meħtieġ għall-evalwazzjoni tal-Pjani ta’ Azzjoni għall-Enerġija Sostenibbli (SEAPs) sabiex tippreżenta n-numru ta’ impenji rikonoxxuti, tiżgura l-kompatibbiltà tal-oqfsa ta’ monitoraġġ u evalwazzjoni u timminimizza l-piżijiet tar-rapportar fuq il-bliet u r-reġjuni.

30.

Fid-dawl tal-Opinjoni tal-KtR dwar il-finanzjament klimatiku (5), jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tipproponi definizzjoni ċara u vinkolanti ta’ “finanzjament għall-klima” u kategoriji relatati ta’ investiment, f’konformità mad-definizzjoni eżistenti tal-UNFCCC; jissuġġerixxi li l-Istati Membri jħejju pjani ta’ investiment relatati mal-klima li jipprevedu (i) l-identifikazzjoni tal-livell u t-tip ta’ appoġġ meħtieġ sabiex jiġu indirizzati lakuni ta’ finanzjament eżistenti, (ii) il-valutazzjoni tal-potenzjal għal aktar appoġġ fiskali domestiku għal kull azzjoni marbuta mal-klima, (iii) il-koordinazzjoni tal-azzjonijiet klimatiċi, il-bini tal-kapaċità u involviment addizzjonali tal-partijiet interessati bil-għan li dawn jaġġornaw l-NDCs (kontributi stabbiliti fil-livell nazzjonali) rispettivi tagħhom, (iv) indikazzjonijiet ta’ mezzi nazzjonali biex jivvalutaw u jimmaniġġjaw ir-riskju klimatiku għall-investituri.

Il-linji gwida dwar l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi

31.

Jenfasizza l-kontribut pożittiv potenzjali tal-R/LDCs għall-kisba tal-objettivi tal-Ftehim ta’ Pariġi u jistieden lill-Partijiet tal-UNFCCC sabiex jiddefinixxu l-linji gwida għall-NDCs, filwaqt li jqisu l-interazzjoni possibbli tagħhom ma’ sistema flessibbli ta’ R/LDCs.

32.

Jitlob li l-qafas ta’ trasparenza jinkludi, fir-rapporti tal-inventarju nazzjonali li għandhom jiġu sottomessi bħala parti minn dan l-eżerċizzju, taqsima ddedikata dwar l-azzjonijiet ta’ mitigazzjoni meħuda fil-livelli sottonazzjonali tal-gvern bħala mezz ta’ kif jista’ jiġi ntraċċat il-progress lejn it-twettiq tal-NDC (u l-R/LDCs).

Rendikont globali

33.

Jistieden lill-Partijiet tal-UNFCCC u lill-Kummissjoni Ewropea sabiex fir-regoli futuri dwar ir-rendikont globali jdaħħlu obbligu għall-Partijiet biex jikkonsultaw u jinvolvu lill-awtoritajiet lokali u reġjonali waqt il-fażi ta’ formulazzjoni tas-sottomissjonijiet tagħhom.

34.

Jenfasizza li l-kamp ta’ applikazzjoni tar-rendikont globali għandu jkun usa’ minn sempliċement valutazzjoni tal-azzjonijiet aggregati kkomunikati mill-Partijiet (permezz tal-NDCs u r-rapporti nazzjonali oħrajn) u għandu jinkludi inputs dwar il-progress mill-partijiet interessati rilevanti kollha, b’mod partikolari l-awtoritajiet lokali u reġjonali, sabiex jiksbu stampa komprensiva tal-progress ġenerali lejn il-kisba tal-objettivi fuq terminu twil tal-Ftehim ta’ Pariġi, kif stipulat fl-Artikoli 2.1, 4.1 u 7.1.

35.

Jisħaq li l-KtR, bħala parti mill-Kostitwenza tal-Gvernijiet Lokali u l-Awtoritajiet Muniċipali (LGMA) għall-UNFCCC u bħala l-istituzzjoni li tirrappreżenta l-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea, jinsab lest biex isaħħaħ l-involviment tiegħu f’diskussjonijiet mal-UNFCCC u l-Partijiet tagħha bil-għan li jagħti input mill-bliet u r-reġjuni fir-rigward tal-valutazzjoni miftuħa, inklużiva u trasparenti tal-isforzi kollettivi meħuda bħala parti mir-rendikont globali.

36.

Jitlob li kemm l-organizzazzjonijiet ammessi tal-UNFCCC kif ukoll il-partijiet interessati li mhumiex Parti jkunu jistgħu jippreżentaw mistoqsijiet lill-Partijiet dwar is-sottomissjonijiet tagħhom matul l-istadji differenti tar-rendikont globali sabiex il-proċess ikun jista’ jibbenefika minn ġabra akbar ta’ inputs miksuba fl-iżjed livell bażiku. Jitlob li l-metodoloġiji u d-data jkunu aċċessibbli għall-pubbliku għall-finijiet ta’ trasparenza u responsabbiltà sħiħa.

37.

Jinnota bi tħassib li r-rendikont globali jista’ jkun li ma jissodisfax għalkollox l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi, u jenfasizza li kontributi lokali u reġjonali addizzjonali jistgħu jgħinu sabiex tissaħħaħ l-ambizzjoni favur implimentazzjoni sħiħa (6).

Adattament

38.

Jipproponi li l-UE tmexxi l-azzjoni internazzjonali fil-qasam tal-adattament għat-tibdil fil-klima billi tippromoviha fil-livelli kollha, u li ssir ħidma b’mod parallel mal-iżviluppi internazzjonali bil-għan li jiġi ffaċilitat il-progress fuq livell reġjonali u lokali. Għal dan il-għan, jipproponi l-ħolqien ta’ qafas leġislattiv vinkolanti għall-adozzjoni ta’ miżuri ta’ adattament u l-adozzjoni ta’ impenji kwantifikabbli sabiex ikun jista’ jitkejjel il-progress fl-adattament.

39.

Jitlob li, minbarra l-finanzjament mogħti permezz tal-Mekkaniżmu għal Żvilupp Nadif (CDM) u dak mogħti mill-pajjiżi żviluppati, anki l-gvernijiet lokali u reġjonali jitħeġġu, fil-kuntesti nazzjonali rispettivi tagħhom, sabiex jikkontribwixxu permezz ta’ riżorsi finanzjarji għall-Fond ta’ Adattament.

40.

Jenfasizza l-bżonn li l-Fond jissemplifika l-proċeduri għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji individwali tal-awtoritajiet lokali u reġjonali.

41.

Jitlob li l-awtoritajiet lokali u reġjonali b’għarfien partikolarment b’saħħtu dwar l-adattament jingħataw id-dritt li jiġu assoċjati mal-Entitajiet ta’ Implimentazzjoni tal-Fond ta’ Adattament f’pajjiżi terzi bil-għan li jikkontribwixxu kemm għall-implimentazzjoni tal-programmi u l-proġetti kif ukoll għat-tfassil ta’ politiki u strateġiji ta’ adattament reġjonali/lokali.

42.

Jitlob li rappreżentant tal-kostitwenza LGMA jingħata status ta’ osservatur fil-Bord tal-Fond ta’ Adattament.

43.

Jipproponi li jkun hemm strumenti speċifiċi mmirati lejn l-awtoritajiet reġjonali u lokali li jiffaċilitawlhom l-aċċess għall-istrumenti finanzjarji disponibbli fl-UE, u li jinħoloq portal li jikkonċentra l-informazzjoni dwar id-diversi sorsi ta’ finanzjament klimatiku Ewropew.

44.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea biex tikkoopera ma’ Partijiet oħrajn sabiex jiġi aċċellerat il-finanzjament għal pjani ta’ tnaqqis tar-riskju, ta’ reżiljenza u ta’ adattament li huma mmirati lejn il-prijoritajiet tal-komunitajiet lokali u l-gvernijiet lokali u reġjonali li huma maħsuba li jaqdu.

Is-settur agrikolu u l-użu tal-art, it-tibdil fl-użu tal-art u l-forestrija (LULUCF)

45.

Jirrikonoxxi li l-intensità u l-frekwenza tad-diżastri naturali żdiedu b’mod sinifikanti tul id-deċennju li għadda u li l-kwistjoni tad-diżastri naturali tifforma parti integrali mill-attivitajiet li għandhom l-għan li jindirizzaw l-impatt tat-tibdil fil-klima, u ż-żewġ oqsma għandhom jiġu eżaminati flimkien (7). Jissottolinja l-ħtieġa għal aktar sinerġiji bejn in-netwerks, il-proġetti u l-ftehimiet li għandhom l-għan li jindirizzaw it-tibdil fil-klima u dawk li jindirizzaw ir-reżiljenza għad-diżastri, bħall-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri 2015-2030, sabiex jgħinu biex jissaħħu l-kapaċitajiet tal-bliet u r-reġjuni biex jindirizzaw id-diżastri (8).

46.

Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tirrikonoxxi u tuża sr-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali sabiex taffaċċja l-isfidi tal-klima u l-enerġija fis-setturi tal-agrikoltura u l-LULUCF. F’ċerti reġjuni u bliet, l-istrateġiji dwar il-klima u l-enerġija diġà qed jappoġġjaw id-dekarbonizzazzjoni ta’ dawn is-setturi. Għaldaqstant, il-KtR jenfasizza r-rwol tal-istrateġiji dwar il-klima u l-enerġija fil-livell reġjonali u lokali fl-appoġġ għad-dekarbonizzazzjoni tas-setturi agrikoli u tal-użu tal-art.

Telf u ħsara

47.

Jilqa’ bi pjaċir id-djalogu bejn l-esperti f’April 2018 u li eżamina l-opzjonijiet għall-mobilizzazzjoni tal-għarfien espert, it-teknoloġija u l-appoġġ għall-vittmi tat-tibdil fil-klima. Jenfasizza l-bżonn tal-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ telf u ħsara fil-proċessi nazzjonali u tal-UNFCCC rilevanti bħall-bini tal-kapaċità, it-trasferiment tat-teknoloġija u l-appoġġ finanzjarju.

48.

Jenfasizza l-bżonn li l-awtoritajiet lokali u reġjonali kemm minn pajjiżi żviluppati kif ukoll minn dawk li għadhom qed jiżviluppaw jidentifikaw u jimplimentaw, f’kooperazzjoni mal-gvernijiet nazzjonali u fi ħdan il-qafas tal-UNFCCC, mezzi alternattivi ta’ indirizzar tat-telf u l-ħsara. Għal dan il-għan, il-kunċett ta’ riskju tal-klima jeħtieġ jiġi inkluż fil-valutazzjonijiet tar-riskju territorjali u settorjali.

Kwistjonijiet oħra

49.

Jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet lokali jkomplu jappoġġjaw lil xulxin permezz ta’ mekkaniżmi ta’ appoġġ tal-pari u jirrikonoxxi r-rwol tagħhom fil-bini tal-kapaċità. Jirrikonoxxi l-ħidma tal-Patt tas-Sindki u l-għodda TAIEX REGIO PEER 2 PEER f’dan ir-rigward.

50.

Jistenna bil-ħerqa l-pubblikazzjoni tal-eżiti tal-konferenza internazzjonali dwar il-bliet u x-xjenza tat-tibdil fil-klima kosponsorjata mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) u jistieden lill-UNFCCC sabiex tikkunsidra dawn l-eżiti bħala parti minn implimentazzjoni kontinwa tal-Ftehim ta’ Pariġi.

51.

Jenfasizza l-importanza ta’ politiki favur il-produzzjoni lokali u l-attività tal-intrapriżi ż-żgħar u ta’ daqs medju fil-kuntest tal-isforzi biex jittaffew l-effetti negattivi tat-tibdil fil-klima, u għalhekk jirrakkomanda li l-iskema tal-għotjiet għall-iżvilupp rurali tkun allinjata mal-għanijiet tal-istrateġija tal-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima.

Brussell, il-5 ta’ Lulju 2018.

Il-President tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni

Karl-Heinz LAMBERTZ


(1)  L-Opinjoni tal-KtR dwar “Il-governanza tal-Unjoni tal-Enerġija u l-enerġija nadifa” (CDR 830/2017); Relatur: Bruno HRANIĆ (HR/PPE).

(2)  Ibidem.

(3)  Il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, Rapport dwar ir-rwol tar-reġjuni u tal-bliet tal-UE fl-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi tal-COP 21 dwar it-tibdil fil-klima (2017/2006(INI)).

(4)  L-Opinjoni tal-KtR dwar “Il-finanzjament tal-azzjoni klimatika: għodda essenzjali għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi” (CDR 2108/2017); Relatur: Marco DUS (IT/PSE).

(5)  Ibidem.

(6)  Ara pereżempju, Advancing climate ambition: cities as partners in global climate action, A report to the UN Secretary-General from the UN Secretary General’s Special Envoy for Cities and Climate Change, in partnership with the C40 Cities Climate Leadership Group.

(7)  NAT-VI/015

(8)  NAT-VI/029