27.1.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 28/57


P8_TA(2018)0258

Ċiberdifiża

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' Ġunju 2018 dwar iċ-ċiberdifiża (2018/2004(INI))

(2020/C 28/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra d-dokument bit-titlu "Viżjoni Kondiviża, Azzjoni Komuni: Ewropa Aktar b'Saħħitha – Strateġija Globali għall-Politika Estera u ta' Sigurtà tal-Unjoni Ewropea", ippreżentat mill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ) fit-28 ta' Ġunju 2016,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20 ta' Diċembru 2013, tas-26 ta' Ġunju 2015, tal-15 ta' Diċembru 2016, tad-9 ta' Marzu 2017, tat-22 ta' Ġunju 2017, tal-20 ta' Novembru 2017 u tal-15 ta' Diċembru 2017,

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2017 bit-titlu "Dokument ta' Riflessjoni dwar il-Futur tad-Difiża Ewropea"(COM(2017)0315),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Ġunju 2017 bit-titlu "It-Tnedija tal-Fond Ewropew għad-Difiża"(COM(2017)0295),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Novembru 2016 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża (COM(2016)0950),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u tar-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-7 ta' Frar 2013 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija ta' Ċibersigurtà tal-Unjoni Ewropea: Ċiberspazju Miftuħ, Sikur u Sigur(JOIN(2013)0001),

wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tat-13 ta' Settembru 2017 bit-titlu "Valutazzjoni tal-Istrateġija tal-UE tal-2013 dwar iċ-Ċibersigurtà"(SWD(2017)0295),

wara li kkunsidra l-Qafas ta' Politika tal-UE dwar iċ-Ċiberdifiża tat-18 ta' Novembru 2014,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-10 ta' Frar 2015 dwar id-diplomazija diġitali,

wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Ġunju 2017 dwar qafas għal rispons diplomatiku konġunt tal-UE għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi ("għodda tad-diplomazija diġitali"),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tat-13 ta' Settembru 2017 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar Reżiljenza, Deterrenza u Difiża: Il-Bini ta' ċibersigurtà b'saħħitha għall-UE (JOIN(2017)0450),

wara li kkunsidra r-rapport "Tallinn Manual 2.0 on the International Law Applicable to Cyber Operations" (1),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/1148 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Lulju 2016 dwar miżuri għal livell għoli komuni ta' sigurtà tan-netwerks u tas-sistemi tal-informazzjoni madwar l-Unjoni (2),

wara li kkunsidra l-ħidma tal-Kummissjoni Globali dwar l-Istabbiltà taċ-Ċiberspazju,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' April 2015 bit-titlu "L-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà"(COM(2015)0185),

wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tal-Kummissjoni u r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà tas-6 ta' April 2016 lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bit-titlu "'Qafas konġunt biex jiġi miġġieled it-theddid ibridu: reazzjoni tal-Unjoni Ewropea"(JOIN(2016)0018),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Ottubru 2017 dwar il-ġlieda kontra ċ-ċiberkriminalità (3),

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Presidenti tal-Kunsill Ewropew u tal-Kummissjoni Ewropea u tas-Segretarju Ġenerali tan-NATO tat-8 ta' Lulju 2016, għall-ġabriet komuni ta' proposti għall-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta approvati mill-Kunsill tal-UE u l-Kunsill tan-NATO fis-6 ta' Diċembru 2016 u fil-5 ta' Diċembru 2017, u għar-rapport ta' progress fuq l-implimentazzjoni tagħhom fl-14 ta' Ġunju 2017 u fil-5 ta' Diċembru 2017,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2012 dwar iċ-Ċibersigurtà u ċ-Ċiberdifiża (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Novembru 2016 dwar l-Unjoni Ewropea tad-Difiża (5),

wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Settembru 2017 għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-ENISA, ‘l-Aġenzija tal-UE għaċ-Ċibersigurtà’, u li tħassar ir-Regolament (UE) Nru 526/2013, u li tikkonċerna ċ-ċertifikazzjoni taċ-ċibersigurtà tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni (‘l-Att dwar iċ-Ċibersigurtà’) (COM(2017)0477),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK) (6),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-13 ta' Diċembru 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar l-implimentazzjoni tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK) (7),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0189/2018),

A.

billi l-isfidi, it-theddidiet u l-attakki ċibernetiċi u ibridi jikkostitwixxu theddida ewlenija għas-sigurtà, id-difiża, l-istabbiltà u l-kompetittività tal-UE, tal-Istati Membri tagħha u taċ-ċittadini tagħha; billi ċ-ċiberdifiża tinkorpora b'mod ċar kemm dimensjonijiet militari kif ukoll dimensjonijiet ċivili;

B.

billi l-UE u l-Istati Membri qed jiffaċċjaw theddida mingħajr preċedent fil-forma ta' ċiberattakki politikament motivati u sostnuta minn stat, kif ukoll kriminalità u terroriżmu ċibernetiċi;

C.

billi ċ-ċiberspazju qed jiġi rikonoxxut b'mod wiesa' mill-militar bħala l-ħames qasam operazzjonali, b'mod li jippermetti l-iżvilupp ta' kapaċitajiet ta' ċiberdifiża; billi qed jiġu organizzati dibattiti dwar jekk iċ-ċiberspazju għandux jiġi rikonoxxut bħala l-ħames qasam ta' gwerra;

D.

billi l-klawżola ta' difiża reċiproka, l-Artikolu 42(7) tat-TUE, tipprevedi obbligu reċiproku ta' għajnuna u assistenza bil-mezzi kollha ta' poter f'każ ta' aggressjoni armata fuq territorju ta' Stat Membru; billi dan m'għandux jippreġudika l-karattru speċifiku tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża ta' ċerti Stati Membri; billi l-klawżola ta' solidarjetà, l-Artikolu 222 tat-TFUE, tikkomplementa l-klawżola ta' difiża reċiproka billi tipprevedi li l-pajjiżi tal-UE huma obbligati li jaġixxu b'mod konġunt meta pajjiż tal-UE jkun il-vittma ta' attakk terroristiku jew ta' diżastru naturali jew diżastru kkaġunat mill-bniedem; billi l-klawżola ta' solidarjetà timplika l-użu ta' strutturi kemm ċivili u kemm militari;

E.

billi filwaqt li ċ-ċiberdifiża għadha kompetenza ewlenija tal-Istati Membri, l-UE għandha rwol essenzjali x'taqdi biex tipprovdi pjattaforma għal kooperazzjoni Ewropea u biex tiżgura li dawn l-isforzi ġodda jiġu kkoordinati mill-qrib f'livell internazzjonali u fi ħdan l-arkitettura tas-sigurtà trans-Atlantika mill-bidu, sabiex jiġu evitati d-diskrepanzi u l-ineffiċjenzi li huma karatteristika ta' bosta sforzi tradizzjonali dwar id-difiża; billi jeħtieġ li nwettqu aktar milli ntejbu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tagħna; billi jeħtiġilna niżguraw il-prevenzjoni effettiva billi nqawwu l-kapaċità tal-UE biex tiskopri, tiddefendi u tiskoraġġixxi; billi ċiberdifiża u deterrenza ċibernetika kredibbli huma meħtieġa biex tinkiseb ċibersigurtà effettiva għall-UE filwaqt li jiġi żgurat li dawk l-istati li huma l-inqas imħejjija ma jaqgħux fil-mira ta' ċiberattakki, u billi ċiberdifiża sostanzjali għandha tkun parti neċessarja mill-PSDK u mill-iżvilupp ta' Unjoni Ewropea tad-Difiża; billi qegħdin f'sitwazzjoni ta' nuqqas permanenti ta' speċjalisti fiċ-ċiberdifiża bi kwalifiki għolja; billi koordinazzjoni mill-qrib fir-rigward tal-protezzjoni tal-forzi armati kontra ċ-ċiberattakki hija parti essenzjali mill-iżvilupp ta' PSDK effettiva;

F.

billi l-Istati Membri tal-UE huma spiss soġġetti għal ċiberattakki mwettqa minn atturi ostili u perikolużi, statali u mhux statali, kontra miri ċivili jew militari; billi l-vulnerabbiltà kurrenti hija prinċipalment minħabba l-frammentazzjoni ta' strateġiji u kapaċitajiet tad-difiża Ewropej, li jippermettu lil aġenziji ta' intelligence barranin ripetutament jisfruttaw il-vulnerabbiltajiet tas-sigurtà tas-sistemi tal-IT u tan-netwerks essenzjali għas-sigurtà Ewropea; billi l-gvernijiet tal-Istati Membri spiss naqsu milli jinfurmaw lil partijiet ikkonċernati rilevanti fil-ħin biex ikunu jistgħu jindirizzaw il-vulnerabbiltajiet fil-prodotti u s-servizzi tagħhom; billi dawn l-attakki jirrikjedu tisħiħ urġenti u li jiġu żviluppati kapaċitajiet offensivi u difensivi Ewropej fil-livelli ċivili u militari sabiex jiġi evitat l-impatt ekonomiku u soċjetali transfruntier possibbli taċ-ċiberinċidenti;

G.

billi fiċ-ċiberspazju l-konfini bejn l-interferenza ċivili u dik militari mhumiex ċari;

H.

billi bosta ċiberinċidenti jkunu saru possibbli minħabba n-nuqqas ta' reżiljenza u solidità tal-infrastruttura tan-netwerks privati u pubbliċi, minħabba bażijiet tad-data bi protezzjoni jew sigurtà skarsa u minħabba lakuni oħra fl-infrastruttura ta' informazzjoni kritika; billi huma biss ftit dawk l-Istati Membri li jieħdu r-responsabbiltà għall-protezzjoni tan-netwerk u s-sistemi ta' informazzjoni tagħhom, u tad-data assoċjata, bħala parti mid-dmir ta' diliġenza rispettiv tagħhom, fatt li jispjega n-nuqqas ġenerali ta' investimenti f'taħriġ u fl-aktar teknoloġija ta' sigurtà moderna, u fl-iżvilupp ta' linji gwida xierqa;

I.

billi d-drittijiet għall-privatezza u l-protezzjoni tad-data huma stipulati fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE u fl-Artikolu 16 tat-TFUE, u huma rregolati mir-Regolament Ġenerali tal-UE dwar il-Protezzjoni tad-Data, li daħal fis-seħħ fil-25 ta' Mejju 2018;

J.

billi ċiberpolitika attiva u effiċjenti hija waħda li hi kapaċi tiskoraġġixxi l-għedewwa kif ukoll li tfixkel il-kapaċitajiet tagħhom u tantiċipa u tiddegrada l-kapaċità tagħhom li jattakkaw;

K.

billi diversi gruppi u organizzazzjonijiet terroristiċi jużaw iċ-ċiberspazju bħala għodda rħisa għar-reklutaġġ, ir-radikalizzazzjoni u t-tixrid ta' propoganda terroristika; billi l-gruppi terroristiċi, l-atturi mhux statali u n-netwerks kriminali transnazzjonali jużaw operazzjonijiet ċibernetiċi biex jiġġeneraw fondi b'mod anonimu, jiġbru intelligence u jiżviluppaw armi ċibernetiċi ħalli jwettqu kampanji ta' terrur ċibernetiku, ifixklu, jagħmlu ħsara jew jeqirdu infrastruttura kritika, jattakkaw sistemi finanzjarji u jwettqu attivitajiet oħra illegali b'implikazzjonijiet rilevanti għas-sigurtà taċ-ċittadini Ewropej;

L.

billi d-deterrenza ċibernetika u ċ-ċiberdifiża tal-forzi armati u tal-infrastrutturi kritiċi tal-Ewropa saru kwistjonijiet kritiċi f'dibattiti dwar il-modernizzazzjoni tad-difiża, l-isforzi komuni tal-Ewropa dwar id-difiża, l-iżvilupp futur tal-forzi armati u l-operazzjonijiet tagħhom, u t-tisħiħ tal-awtonomija strateġika tal-Unjoni Ewropea;

M.

billi bosta Stati Membri investew sostanzjalment fit-twaqqif ta' kmandi ċibernetiċi b'għadd adegwat ta' persunal sabiex jintlaħqu dawn l-isfidi ġodda u jtejbu r-reżiljenza ċibernetika tagħhom, iżda jeħtieġ li jsir ħafna iktar hekk kif qed issir aktar u aktar diffiċli li ċ-ċiberattakki jiġi miġġielda fil-livell tal-Istati Membri; billi l-kmandi ċibernetiċi tal-Istati Membri rispettivi jvarjaw fil-mandati offensivi u difensivi tagħhom; billi strutturi oħra ta' ċiberdifiża jvarjaw ħafna fost l-Istati Membri u spiss jibqgħu frammentati; billi ċ-ċiberdifiża u d-deterrenza ċibernetika huma attivitajiet li l-aħjar jiġu indirizzati permezz ta' kooperazzjoni fil-livell Ewropew u f'koordinazzjoni mas-sħab u l-alleati tagħna, billi l-qasam operazzjonali tagħhom la jagħraf konfini nazzjonali u lanqas dawk organizzattivi; billi ċ-ċibersigurtà militari u dik ċivili huma relatati mill-qrib, u billi għalhekk jeħtieġ aktar sinerġija bejn l-ispeċjalisti ċivili u militari; billi kumpaniji privati għandhom għarfien espert sostanzjali f'dan il-qasam, b'mod li jqajjem mistoqsijiet fundamentali dwar il-governanza u s-sigurtà, u dwar il-kapaċità tal-Istati biex jiddefendu liċ-ċittadini tagħhom;

N.

billi hemm bżonn urġenti li jissaħħu l-kapaċitajiet tal-UE fil-qasam taċ-ċiberdifiża minħabba n-nuqqas ta' rispons f'waqtu għax-xenarju dejjem jinbidel taċ-ċibersigurtà; billi rispons rapidu u tħejjija xierqa huma elementi ewlenin sabiex tiġi żgurata s-sigurtà f'dan il-qasam;

O.

billi kemm il-Kooperazzjoni Strutturata Permanenti (PESCO) kif ukoll il-Fond Ewropew għad-Difiża huma inizjattivi ġodda bi skop neċessarju li jrawmu ekosistema li tista' tipprovdi opportunitajiet għall-SMEs u għall-kumpaniji ġodda, u li jiffaċilitaw proġetti ta' kooperazzjoni fil-qasam taċ-ċiberdifiża, u t-tnejn li huma se jikkontribwixxu biex isawru l-qafas regolatorju u istituzzjonali;

P.

billi l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-PESCO impenjaw ruħhom li jiżguraw li l-isforzi ta' kooperazzjoni dwar iċ-ċiberdifiża – bħall-qsim ta' informazzjoni, it-taħriġ u l-appoġġ operazzjonali – se jkomplu jiżdiedu;

Q.

billi fost is-sbatax-il proġett magħżula għall-PESCO, żewġ proġetti jirrigwardaw il-qasam taċ-ċiberdifiża;

R.

billi l-Fond Ewropew għad-Difiża jeħtieġ li jappoġġja l-kompetittività u l-kapaċità ta' innovazzjoni globali tal-industrija tad-difiża Ewropea, billi jinvesti f'teknoloġiji diġitali u ċibernetiċi, kif ukoll li jiffaċilita l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet intelliġenti billi jipprovdi opportunitajiet għall-SMEs u kumpaniji ġodda sabiex jieħdu sehem f'dan l-isforz;

S.

billi l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża (EDA) varat għadd ta' proġetti biex tissodisfa l-ħtieġa li l-Istati Membri jiżviluppaw il-kapaċitajiet tagħhom ta' ċiberdifiża, inklużi proġetti dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ bħall-Pjattaforma ta' Koordinazzjoni għat-Taħriġ u l-Eżerċizzji dwar iċ-Ċiberdifiża (CD TEXP), Akkomunament tat-Talbiet għal appoġġ relatat mat-Taħriġ u l-Eżerċizzji dwar iċ-Ċiberdifiża mis-settur privat (DePoCyTE) u l-proġett dwar iċ-Ċiberspazji ta' Taħriġ;

T.

billi bħalissa għaddejjin proġetti oħra tal-UE dwar l-għarfien tas-sitwazzjoni, id-detezzjoni tal-malware u l-qsim tal-informazzjoni (il-Pjattaforma għall-Qsim ta' Informazzjoni dwar il-Malware (MISP) u s-Sistema b'Diversi Aġenti għall-Identifikazzjoni Avvanzata ta' Theddidiet Persistenti (MASFAD));

U.

billi l-bini tal-kapaċità u l-ħtiġijiet ta' taħriġ fil-qasam taċ-ċiberdifiża huma sostanzjali u qegħdin jiżdiedu, u billi l-aktar mod effikaċi biex dawn jintlaħqu huwa permezz ta' kooperazzjoni fil-livell tal-UE u f'dak tan-NATO;

V.

billi l-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, bħall-isforzi organizzattivi moderni kollha, jiddependu bil-bosta fuq sistemi tal-IT li jiffunzjonaw; billi t-theddidiet ċibernetiċi għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK jistgħu jeżistu f'livelli differenti li jvarjaw mil-livell tattiku (missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK) u livell operazzjonali (netwerks tal-UE) sal-livell usa' tal-infrastruttura globali tal-IT;

W.

billi s-sistemi ta' kmand u kontroll, l-iskambju ta' informazzjoni u l-loġistika jiddependu minn infrastruttura tal-IT kemm klassifikata kif ukoll mhux klassifikata, speċjalment fil-livell tattiku u operattiv; billi dawn is-sistemi huma miri attraenti għal atturi malizzjużi li jfittxu li jattakkaw il-missjonijiet; billi ċ-ċiberattakki jista' jkollhom riperkussjonijiet serji fuq l-infrastruttura tal-UE; billi ċ-ċiberattakki kontra l-infrastruttura tal-enerġija tal-UE, b'mod partikolari, ikollhom riperkussjonijiet serji, u għalhekk jeħtiġilna nitħarsu minnhom;

X.

billi huwa mifhum sewwa li ċ-ċiberdifiża għandha tiġi kkunsidrata b'mod xieraq fl-istadji kollha tal-proċess tal-ippjanar għall-missjonijiet u l-operazzjoni tal-PESK, li tirrikjedi monitoraġġ kontinwu, u li hemm bżonn li kapaċitajiet adegwati jkunu disponibbbli sabiex din tiġi kompletament integrata fl-ippjanar tal-missjonijiet u biex jingħata kontinwament l-appoġġ kritiku meħtieġ;

Y.

billi n-netwerk tal-Kulleġġ Ewropew ta' Sigurtà u ta' Difiża (KESD) huwa l-uniku fornitur ta' taħriġ Ewropew għall-istrutturi, il-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK; billi, skont il-pjanijiet kurrenti, ir-rwol tiegħu fil-ġbir tal-kapaċitajiet ta' taħriġ Ewropew fil-qasam ċibernetiku għandu jiżdied b'mod sostanzjali;

Z.

billi d-Dikjarazzjoni tan-NATO tas-Summit ta' Varsavja tal-2016 irrikonoxxiet iċ-ċiberspazju bħala qasam ta' operazzjonijiet li fih in-NATO jeħtiġilha tiddefendi lilha nnifisha bl-istess mod effettiv bħal ma tagħmel fl-ajru, fuq l-art u fil-baħar;

AA.

billi l-UE u n-NATO kkontribwew għat-titjib tal-kapaċitajiet ta' ċiberdifiża tal-Istati Membri, permezz ta' proġetti ta' riċerka b'użu doppju kkoordinati mill-EDA u min-NATO, u għat-titjib tar-reżiljenza ċibernetika tal-Istati Membri, permezz tal-appoġġ mogħti mill-Aġenzija tal-UE dwar is-Sigurtà tan-Netwerks u l-Informazzjoni (ENISA);

AB.

billi fl-2014 in-NATO stabbiliet operazzjonijiet taċ-ċibersigurtà bħala parti mid-difiża kollettiva tagħha, u fl-2016 irrikonoxxiet iċ-ċiberspazju bħala qasam operazzjonali flimkien mal-art, l-ajru u l-baħar; billi l-UE u n-NATO huma sħab komplementari fil-bini tal-kapaċitajiet tagħhom ta' reżiljenza ċibernetika u ċiberdifiża; billi ċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża diġà huma wieħed mill-pilastri l-aktar b'saħħithom ta' kooperazzjoni bejn it-tnejn u qasam kritiku fejn it-tnejn li huma għandhom kapaċitajiet uniċi; billi fid-Dikjarazzjoni Konġunta UE-NATO tat-8 ta' Lulju 2016, l-UE u n-NATO qablu dwar aġenda wiesgħa ta' kooperazzjoni; billi erbgħa minn 42 proposta għal kooperazzjoni aktar mill-qrib jikkonċernaw iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża, bi proposti ulterjuri mmirati lejn l-indirizzar tat-theddidiet ibridi b'mod aktar ġenerali; billi fil-5 ta' Diċembru 2017 dan ġie kkomplementat bi proposta ulterjuri dwar iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża;

AC.

billi l-Grupp ta' Esperti Governattivi tan-NU dwar is-Sigurtà tal-Informazzjoni (UNGGE) ikkonkluda l-aħħar sensiela tiegħu ta' deliberazzjoni; billi, minkejja li fl-2017 ma kienx f'pożizzjoni li jipproduċi rapport ta' kunsens, japplikaw il-ftehimiet tal-2015 u tal-2013, inkluż ir-rikonoxximent li l-liġi internazzjonali eżistenti, u b'mod partikolari l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti, hija applikabbli u hija essenzjali għaż-żamma tal-paċi u l-istabbiltà, u għall-promozzjoni ta' ambjent tal-ICT miftuħ, sigur, paċifiku u aċċessibbli;

AD.

billi l-qafas li ġie varat reċentement għal rispons diplomatiku konġunt tal-UE għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi, l-għodda tad-diplomazija diġitali tal-UE – intiża biex tiżviluppa l-kapaċitajiet tal-UE u tal-Istati Membri sabiex jinfluwenzaw l-imġiba ta' aggressuri potenzjali – tipprevedi l-użu ta' miżuri proporzjonati fi ħdan il-PESK, inklużi miżuri restrittivi;

AE.

billi atturi statali differenti – ir-Russja, iċ-Ċina u l-Korea ta' Fuq, fost l-oħrajn, iżda anke atturi mhux statali (inklużi gruppi tal-kriminalità organizzata) ispirati, mikrija jew sostnuti mill-istati, minn aġenziji ta' sigurtà jew minn kumpaniji privati – kienu involuti f'attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi sabiex jilħqu objettivi politiċi, ekonomiċi jew ta' sigurtà, li jinkludu attakki fuq infrastruttura kritika, spjunaġġ ċibernetiku u sorveljanza tal-massa ta' ċittadini tal-UE, billi għenu kampanji ta' diżinformazzjoni u fid-distribuzzjoni ta' malware (WannaCry u NotPetya, eċċ.) hekk li llimitaw l-aċċess għall-internet u l-funzjonament ta' sistemi tal-IT; billi dawn l-attivitajiet jinjoraw u jiksru l-liġi internazzjonali, id-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet fundamentali tal-UE filwaqt li jipperikolaw id-demokrazija, is-sigurtà, l-ordni pubbliku u l-awtonomija strateġika tal-UE, u għalhekk għandhom iwasslu għal rispons konġunt tal-UE, billi pereżempju jintuża l-qafas għal rispons konġunt diplomatiku tal-UE, li jinkludi l-użu ta' miżuri restrittivi previsti għall-għodod tad-diplomazija ċibernetika fil-livell tal-UE, bħal fil-każ ta' kumpaniji privati, multi u restrizzjoni tal-aċċess għas-suq intern;

AF.

billi tali attakki fuq skala kbira kontra l-infrastruttura tal-ICT twettqu diversi drabi fil-passat, inkluż fl-Estonja fl-2007, fil-Georgia fl-2008, u fil-preżent kważi kuljum fl-Ukrajna; billi kapaċitajiet ċibernetiċi offensivi qed jintużaw ukoll kontra l-Istati Membri tal-UE u tan-NATO fuq skala mingħajr preċedent;

AG.

billi t-teknoloġiji taċ-ċibersigurtà, rilevanti għall-oqsma militari u ċivili, huma ‘teknoloġiji b'użu doppju’li joffru bosta opportunitajiet sabiex jiġu żviluppati sinerġiji bejn l-atturi ċivili u militari f'għadd ta' oqsma, bħall-kriptaġġ, l-għodda għall-ġestjoni tas-sigurtà u l-vulnerabbiltà, is-sistemi ta' identifikazzjoni u prevenzjoni ta' intrużjoni;

AH.

billi l-iżvilupp ta' teknoloġiji ċibernetiċi matul is-snin li ġejjin se jaffettwa oqsma ġodda bħall-intelliġenza artifiċjali, l-internet tal-oġġetti, ir-robotika u l-apparati mobbli, u dawn l-elementi kollha jista' jkollhom ukoll diversi implikazzjonijiet relatati mas-sigurtà għall-qasam tad-difiża;

AI.

billi d-dipartimenti ta' kmand ċibernetiċi stabbiliti minn diversi Stati Membri jistgħu jagħtu kontribut sostanzjali għall-protezzjoni ta' infrastruttura ċivili essenzjali u billi, ta' spiss, l-għarfien relatat maċ-ċiberdifiża huwa wkoll utli fil-qasam ċivili;

Żvilupp tal-kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża u taċ-ċiberdeterrenza

1.

Jissottolinja li politika komuni dwar iċ-ċiberdifiża u kapaċità sostanzjali taċ-ċiberdifiża għandhom jikkostitwixxu wieħed mill-elementi ewlenin tal-iżvilupp tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża;

2.

Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni għal pakkett taċ-ċibersigurtà sabiex trawwem ir-reżiljenza ċibernetika, iċ-ċiberdeterrenza u ċ-ċiberdifiża tal-UE;

3.

Ifakkar li ċ-ċiberdifiża għandha dimensjonijiet kemm militari u kemm ċivili, u li dan ifisser li jeħtieġ approċċ ta' politika integrata u kooperazzjoni mill-qrib bejn il-partijiet ikkonċernati militari u ċivili;

4.

Jappella għal żvilupp koerenti ta' kapaċitajiet ċibernetiċi bejn l-istituzzjonijiet u l-korpi kollha tal-UE, kif ukoll fl-Istati Membri u li jinstabu soluzzjonijiet politiċi u prattiċi meħtieġa sabiex jingħelbu l-ostakoli politiki, leġiżlattivi u organizzazzjonali li jifdal għall-kooperazzjoni dwar iċ-ċiberdifiża; iqis l-iskambju u l-kooperazzjoni regolari u mtejba bejn il-partijiet ikkonċernati pubbliċi rilevanti fiċ-ċiberdifiża, fil-livell tal-UE u nazzjonali, bħala kruċjali;

5.

Jenfasizza bis-sħiħ li, fil-qafas tal-Unjoni Ewropea tad-Difiża emerġenti, il-kapaċitajiet ta' ċiberdifiża tal-Istati Membri għandhom ikunu minn ta' quddiem nett u, kemm jista' jkun, jiġu integrati mill-bidu sabiex tiġi żgurata l-akbar effiċjenza possibbli; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Istati Membri jikkooperaw mill-qrib fl-iżvilupp tad-dipartimenti ċibernetiċi ta' kmand rispettivi tagħhom, billi jużaw pjan direzzjonali ċar, u b'hekk jikkontribwixxu għal proċess ikkoordinat mill-Kummissjoni Ewropea, mis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u mill-EDA bil-għan li l-istrutturi taċ-ċiberdifiża jiġu ssimplifikati aħjar fost l-Istati Membri, jiġu implimentati b'mod urġenti miżuri disponibbli fuq perjodu ta' żmien qasir u jitrawwem l-iskambju ta' għarfien espert; huwa tal-fehma li għandna niżviluppaw Netwerk Ewropew sigur għall-informazzjoni u l-infrastrutturi kritiċi; jirrikonoxxi li kapaċitajiet ta' attribuzzjoni b'saħħithom huma komponent essenzjali ta' ċiberdifiża u deterrenza ċibernetika effikaċi, u li prevenzjoni effikaċi tirrikjedi l-iżvilupp ta' aktar għarfien espert teknoloġiku; iħeġġeġ lill-Istati Membri jkattru r-riżorsi finanzjarji u personali, b'mod partikolari esperti fiċ-ċiberforensika, sabiex itejbu l-attribuzzjoni taċ-ċiberattakki; jissottolinja li tali kooperazzjoni għandha tiġi implimentata wkoll permezz tat-tisħiħ tal-ENISA;

6.

Jirrikonoxxi li bosta Stati Membri jqisu li l-pussess ta' kapaċitajiet proprji ta' ċiberdifiża huwa fil-qalba tal-istrateġija nazzjonali tas-sigurtà tagħhom u li jikkostitwixxi parti essenzjali tas-sovranità nazzjonali tagħhom; jisħaq, madankollu, li minħabba li ċ-ċiberspazju m'għandux fruntieri, il-livell u l-għarfien rikjesti għal forzi verament komprensivi u effikaċi li jiżguraw li l-għan tal-awtonomija strateġika tal-UE fiċ-ċiberspazju huma lil hinn mill-potenzjal ta' kwalunkwe Stat Membru individwali, u għaldaqstant jirrikjedu rispons intensifikat u koordinat min-naħa tal-Istati Membri kollha fil-livell tal-UE; jinnota, f'dan l-isfond, li l-UE u l-Istati Membri tagħha jsibu ruħhom taħt pressjoni ta' żmien fir-rigward tal-iżvilupp ta' tali forzi u jeħtieġ li jaġixxu b'mod immedjat; jinnota li minħabba inizjattivi bħas-suq uniku diġitali, l-UE qiegħda f'pożizzjoni tajba biex tokkupa rwol ewlieni fl-iżvilupp ta' strateġiji Ewropej dwar iċ-ċiberdifiża; itenni li l-iżvilupp taċ-ċiberdifiża fil-livell Ewropew irid jippromwovi l-kapaċità tal-Unjoni biex tħares lilha nfisha; jilqa', f'dan ir-rigward, il-mandat permanenti propost ta' ENISA u r-rwol imsaħħaħ għaliha;

7.

Iħeġġeġ lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jagħmlu l-aħjar użu possibbli mill-qafas ipprovdut mill-PESCO u l-Fond Ewropew għad-Difiża meta jipproponu proġetti ta' kooperazzjoni;

8.

Jieħu nota taxoxgħol sfiq li l-UE u l-Istati Membri tagħha wettqu fil-qasam taċ-ċiberdifiża; jinnota b'mod partikolari l-proġetti tal-EDA dwar is-cyber ranges, l-Aġenda Strateġika ta' Riċerka dwar iċ-Ċiberdifiża u l-iżvilupp ta' pakketti ta' għarfien tas-sitwazzjoni ċibernetika li jistgħu jintużaw għall-kwaritieri ġenerali;

9.

Jilqa' ż-żewġ proġetti ċibernetiċi li se jitniedu fil-qafas ta' PESCO, jiġifieri l-Pjattaforma għall-Qsim tal-Informazzjoni dwar it-Theddidiet Ċibernetiċi u r-Rispons għall-Inċidenti u t-Timijiet ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku u Assistenza Reċiproka fiċ-Ċibersigurtà; jenfasizza li dawn iż-żewġ proġetti jiffokaw fuq politika ċibernetika difensiva li tibni fuq il-qsim tal-informazzjoni dwar it-theddidiet ċibernetiċi permezz ta' pjattaforma tal-Istati Membri li topera b'netwerk u l-istabbiliment ta' Timijiet ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku li jippermettu lill-Istati Membri jgħinu lil xulxin sabiex jiżguraw livell għola ta' reżiljenza ċibernetika u sabiex flimkien jidentifikaw, jirrikonoxxu u jimmitigaw theddidiet ċibernetiċi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibnu fuq il-proġetti PESCO, fuq it-Timijiet nazzjonali ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku u fuq assistenza reċiproka fiċ-ċibersigurtà, billi jistabbilixxu Tim ta' Rispons Rapidu Ċibernetiku Ewropew bil-kompitu li jikkoordina, jidentifika u jiġġieled kontra t-theddidiet ċibernetiċi kollettivi b'appoġġ għall-isforzi tal-Istati Membri parteċipanti;

10.

Jinnota li l-kapaċità tal-UE li tiżviluppa proġetti ta' ċiberdifiża hija bbażata fuq il-kompetenza tagħha fl-użu tat-teknoloġiji, tat-tagħmir, tas-servizzi u tad-data u l-ipproċessar tagħha, u fuq id-dipendenza tagħha fuq bażi ta' partijiet ikkonċernati industrijali ta' fiduċja;

11.

Ifakkar li wieħed mill-għanijiet tal-isforz biex titjieb l-omoġeneità tas-sistemi ta' kmand huwa li jiżgura li l-mezzi ta' kmand disponibbli jkunu interoperabbli ma' dawk tal-pajjiżi tan-NATO li mhumiex fl-UE, kif ukoll ma' dawk ta' sħab xierqa, u li jiżgura l-fluwidità tal-iskambju ta' informazzjoni sabiex id-deċiżjonijiet jittieħdu malajr u jinżamm il-kontroll tal-informazzjoni f'kuntest ta' riskju ċebernetiku;

12.

Jirrakkomanda li jinstabu modi li jikkomplementaw il-proġetti tan-NATO dwar Difiża Intelliġenti (pereżempju, l-Iżvilupp tal-Kapaċitajiet Multinazzjonali ta' Ċiberdifiża, il-Pjattaforma għall-Qsim ta' Informazzjoni dwar il-Malware u l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Multinazzjonali dwar iċ-Ċiberdifiża);

13.

Jirrikonoxxi l-iżviluppi li qed isiru f'oqsma bħan-nanoteknoloġija, l-intelliġenza artifiċjali, il-big data, l-iskart-e u r-robotika avvanzata; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-UE jagħtu attenzjoni partikolari lill-isfruttament possibbli ta' dawn l-oqsma minn atturi statali ostili u minn gruppi tal-kriminalità organizzata; jitlob l-iżvilupp ta' taħriġ u kapaċitajiet immirati lejn il-protezzjoni kontra l-emerġenza ta' skemi kriminali sofistikati bħal frodi kumpless tal-identità u l-falsifikazzjoni tal-oġġetti;

14.

Jenfasizza l-ħtieġa għal aktar ċarezza terminoloġika dwar is-sigurtà fiċ-ċiberspazju, kif ukoll għal approċċ komprensiv u integrat, u sforzi konġunti, sabiex jiġu miġġielda t-theddidiet ċibernetiċi u ibridi, jiġu identifikati u eliminati r-rifuġji online tal-estremisti u l-kriminali, billi jittejjeb u jiżdied il-qsim tal-informazzjoni bejn l-UE u l-aġenziji tal-UE bħall-Europol, l-Eurojust, l-EDA u l-ENISA;

15.

Jissottolinja r-rwol dejjem akbar tal-intelliġenza artifiċjali kemm fir-reati ċibernetiċi kif ukoll fiċ-ċiberdifiża; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni speċjali lil dan il-qasam, kemm matul ir-riċerka kif ukoll fl-iżvilupp prattiku tal-kapaċitajiet ta' ċiberdifiża tagħhom;

16.

Jenfasizza bis-sħiħ li, bl-użu ta' vetturi tal-ajru mingħajr ekwipaġġ, kemm jekk ikunu armati jew le, għandhom jittieħdu miżuri addizzjonali sabiex jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet ċibernetiċi potenzjali tagħhom;

Ċiberdifiża tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK

17.

Jenfasizza li ċ-ċiberdifiża għandha titqies bħala kompitu operattiv għall-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK, u li għandha tiġi inkluża fil-proċessi kollha ta' ppjanar tal-PSDK sabiex tiġi żgurata li ċ-ċibersigurtà titqies kontinwament fil-proċess kollu tal-ippjanar u b'hekk tnaqqas il-lakuni fil-vulnerabbiltajiet ċibernetiċi;

18.

Jirrikonoxxi li, biex missjoni jew operazzjoni tal-PSDK tiġi ppjanata b'suċċess, hemm bżonn għarfien espert sostanzjali dwar iċ-ċiberdifiża kif ukoll infrastrutturi u netwerks tal-IT sikuri, kemm fir-rigward tal-kwartieri ġenerali operazzjonali kif ukoll fil-missjoni stess, sabiex issir valutazzjoni bir-reqqa tat-theddid u tingħata protezzjoni adegwata fil-qasam; jistieden lis-SEAE u lill-Istati Membri jipprovdu kwartieri ġenerali għall-operazzjonijiet tal-PSDK sabiex jissaħħaħ l-għarfien espert mogħti lill-missjonijiet u lill-operazzjonijiet tal-UE; jinnota li hemm limitu għal kemm kwalunkwe missjoni fl-ambitu tal-PSDK tista' tiġi ppreparata biex tipproteġi lilha nnifisha minn ċiberattakki;

19.

Jenfasizza li l-ippjanar kollu fir-rigward ta' missjoni jew operazzjoni tal-PSDK jeħtieġ li jkun akkumpanjat b'valutazzjoni bir-reqqa tax-xenarju tat-theddid ċibernetiku; jinnota li t-tassonomija tat-theddidiet (threat taxonomy) imħejjija mill-ENISA tipprovdi mudell xieraq għal tali valutazzjoni; jirrakkomanda l-ħolqien ta' kapaċità ta' valutazzjoni tar-reżiljenza ċibernetika għall-kwartieri ġenerali prinċipali tal-PSDK;

20.

Jirrikonoxxi, b'mod partikolari, l-importanza li l-impronti ċibernetiċi u s-superfiċji ta' attakk tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK jinżammu għall-minimu possibbli; iħeġġeġ lill-pjanifikaturi involuti biex iqisu dan sa mill-bidu tal-proċess tal-ippjanar;

21.

Jirrikonoxxi l-Analiżi tal-Ħtiġijiet tat-Taħriġ tal-EDA, li wriet nuqqasijiet kbar fil-ħiliet u l-kompetenzi taċ-ċiberdifiża fost dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, mhux biss fl-Istati Membri, u jilqa' l-inizjattivi tal-EDA fir-rigward ta' korsijiet għal dawk f'pożizzjonijiet għolja li jieħdu d-deċiżjonijiet fi ħdan l-Istati Membri b'appoġġ għall-ippjanar ta' missjonijiet u operazzjonijiet tal-PSDK;

Edukazzjoni u taħriġ dwar iċ-ċiberdifiża

22.

Jinnota li xenarju ssimplifikat tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-UE dwar iċ-ċiberdifiża jnaqqas it-theddidiet b'mod sinifikanti u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jqawwu l-kooperazzjoni tagħhom fl-edukazzjoni, fit-taħriġ u fl-eżerċizzji;

23.

Jappoġġja bis-sħiħ il-Programm Militari Erasmus u inizjattivi oħra komuni ta' taħriġ u skambju bil-għan li jtejbu l-interoperabbiltà tal-forzi armati tal-Istati Membri u l-iżvilupp ta' kultura strateġika komuni permezz ta' aktar skambju ta' persunal militari żagħżugħ, filwaqt li jqis li tali interoperabbiltà hija meħtieġa fost l-Istati Membri u l-alleati kollha tan-NATO; jemmen, madankollu, li skambji għal taħriġ u edukazzjoni fil-qasam taċ-ċiberdifiża għandhom imorru lil hinn minn din l-inizjattiva u jinkludu persunal militari tal-etajiet kollha u mill-gradi kollha kif ukoll studenti miċ-ċentri akkademiċi kollha ta' studju dwar iċ-ċibersigurtà;

24.

Jisħaq fuq il-fatt li hemm bżonn ta' aktar esperti fil-qasam taċ-ċiberdifiża; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw il-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet akkademiċi ċivili u l-akkademji militari biex jitnaqqas dan id-distakk bil-għan li jinħolqu aktar possibbiltajiet fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ dwar iċ-ċiberdifiża, u biex jallokaw aktar riżorsi għal taħriġ operattiv ċibernetiku speċjalizzat dwar l-intelliġenza artifiċjali; jistieden lill-akkademji militari jintegraw fil-kurrikuli tagħhom l-edukazzjoni dwar iċ-ċiberdifiża, u b'hekk jgħinu biex ikabbru t-talent ċibernetiku disponibbli għall-ħtiġijiet tal-missjoni tal-PSDK;

25.

Jistieden lill-Istati Membri kollha jinfurmaw, iqajmu sensibilizzazzjoni u jagħtu pariri b'mod suffiċjenti u proattiv lill-kumpaniji, lill-iskejjel u liċ-ċittadini dwar iċ-ċibersigurtà u t-theddidiet diġitali ewlenin; jilqa', f'dan ir-rigward, gwidi ċibernetiċi bħala għodda li tiggwida liċ-ċittadini u lill-organizzazzjonijiet lejn strateġija ta' ċibersigurtà aħjar, tkattar l-għarfien dwar iċ-ċibersigurtà u ttejjeb ir-reżiljenza ċibernetika universalment;

26.

Jinnota li, minħabba l-ħtieġa għal persunal aktar speċjalizzat, l-Istati Membri għandhom jiffokaw mhux biss fuq ir-reklutaġġ ta' persunal kompetenti tal-forzi armati, iżda anke fuq iż-żamma ta' speċjalisti meħtieġa;

27.

Jilqa' l-implimentazzjoni – minn ħdax-il Stat Membru (l-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja, l-Estonja, il-Greċja, il-Finlandja, l-Irlanda, il-Latvja, in-Netherlands, il-Portugall u l-Iżvezja) tal-proġett Cyber Ranges Federation – tal-ewwel erba' proġetti ta' ċiberdifiża mnedija skont l-aġenda tal-EDA dwar Akkomunament u Kondiviżjoni; jistieden lill-Istati Membri l-oħra jissieħbu f'din l-inizjattiva; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu disponibbiltà reċiproka akbar ta' taħriġ virtwali dwar iċ-ċiberdifiża u ċiberspazji ta' taħriġ; jinnota, f'dan ir-rigward, li r-rwol tal-ENISA u l-għarfien espert tagħha għandhom jiġu kkunsidrati wkoll;

28.

Jemmen li tali inizjattivi jikkontribwixxu għat-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni fil-qasam taċ-ċiberdifiża fil-livell tal-UE, b'mod partikolari permezz tal-ħolqien ta' pjattaformi tekniċi estensivi u l-istabbiliment ta' komunità ta' esperti tal-UE; jemmen li l-forzi armati Ewropej jistgħu jwessgħu l-appell tagħhom billi jipprovdu taħriġ komprensiv dwar iċ-ċiberdifiża biex jattiraw u jżommu talent ċibernetiku; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu identifikati d-dgħufijiet fis-sistemi tal-kompjuter kemm tal-Istati Membri kif ukoll tal-istituzzjonijiet tal-UE; jirrikonoxxi li l-iżball uman huwa wieħed mid-dgħufijiet identifikati l-aktar ta' spiss fis-sistemi taċ-ċibersigurtà u jitlob, għalhekk, taħriġ regolari kemm tal-persunal militari kif ukoll ċivili li jaħdmu għall-istituzzjonijiet tal-UE;

29.

Jistieden lill-EDA tniedi l-Pjattaforma ta' Koordinazzjoni għal Edukazzjoni, Taħriġ u Eżerċizzji dwar iċ-Ċiberdifiża sabiex tappoġġja s-Cyber Ranges Federation malajr kemm jista' jkun, b'enfasi fuq it-tisħiħ tal-kooperazzjoni dwar rekwiżiti armonizzati, it-trawwim tar-riċerka dwar iċ-ċiberdifiża u l-innovazzjonijiet tat-teknoloġija, u tassisti b'mod kollettiv lill-pajjiżi terzi fil-bini tal-kapaċitajiet tagħhom biex joħolqu reżiljenza fiċ-ċiberdifiża; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkomplementaw dawn l-inizjattivi b'ċentru ta' eċċellenza Ewropew iddedikat għat-taħriġ fiċ-ċiberdifiża sabiex jipprovdi taħriġ espert lill-aktar rekluti promettenti, b'appoġġ tat-taħriġ ċibernetiku tal-Istati Membri parteċipanti;

30.

Jilqa' t-twaqqif tal-Pjattaforma għal Edukazzjoni, Taħriġ, Eżerċizzji u Valutazzjoni dwar iċ-Ċiberdifiża(ETEE), fi ħdan il-KESD, bil-għan li jittejbu l-opportunitajiet ta' taħriġ u edukazzjoni fl-Istati Membri;

31.

Iħeġġeġ aktar skambji ta' sensibilizzazzjoni dwar is-sitwazzjoni permezz ta' eżerċizzji ċibernetiċi ta' stimulazzjoni u koordinazzjoni ta' sforzi rispettivi għall-iżvilupp tal-kapaċitajiet sabiex tinkiseb aktar interoperabbiltà u prevenzjoni u rispons aħjar għal attakki futuri; jitlob li dawn il-proġetti jiġu mwettqa ma' alleati tan-NATO, mal-forzi armati tal-Istati Membri tal-UE u ma' sħab oħra b'esperjenza estensiva fil-ġlieda kontra ċ-ċiberattakki sabiex jiżviluppaw id-disponibbiltà operattiva, proċeduri u standards komuni biex jiffaċċjaw b'mod komprensiv it-theddidiet ċibernetiċi; jilqa', f'dan ir-rigward, l-involviment tal-UE f'eżerċizzji ċibernetiċi bħall-Eżerċizzju ta' Ċiberreat u Ċiberdifiża;

32.

Ifakkar li ċiberspazju reżiljenti jirrikjedi iġjene ċibernetika impekkabbli; jistieden lill-partijiet ikkonċernati pubbliċi u privati jwettqu taħriġ regolari ta' iġjene ċibernetika għall-membri kollha tal-persunal tagħhom;

33.

Jirrakkomanda li jiżdied l-iskambju ta' għarfien espert u ta' tagħlimiet miksuba bejn il-forzi armati, il-forzi tal-pulizija u korpi statali oħra fl-Istati Membri li huma involuti b'mod attiv fil-ġlieda kontra t-theddid ċibernetiku;

Kooperazzjoni UE-NATO dwar iċ-ċiberdifiża

34.

Itenni li, abbażi tal-valuri komuni u l-interessi strateġiċi tagħhom, l-UE u n-NATO għandhom ir-responsabbiltà u l-kapaċità speċjali li jindirizzaw l-isfidi dejjem akbar marbuta maċ-ċibersigurtà u maċ-ċiberdifiża b'mod aktar effiċjenti, u f'kooperazzjoni mill-qrib, billi jħarsu lejn punti komplementari possibbli, jevitaw id-duplikazzjoni u jirrikonoxxu r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom;

35.

Jistieden lill-Kunsill, filwaqt li jaħdem ma' istituzzjonijiet u strutturi oħra rilevanti tal-UE, sabiex iqis modi biex, mill-aktar fis possibbli, jipprovdi appoġġ fil-livell tal-Unjoni sabiex il-qasam ċibernetiku jiġi integrat fid-duttrini militari tal-Istati Membri, b'mod armonizzat u f'kooperazzjoni mill-qrib man-NATO;

36.

Jappella għall-implimentazzjoni ta' dawk il-miżuri li diġà ġew miftiehma; jitlob li jiġu identifikati inizjattivi ġodda għal aktar kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO, b'kont meħud ukoll tal-possibbiltajiet ta' kooperazzjoni fi ħdan iċ-Ċentru ta' Eċċellenza għaċ-Ċiberdifiża Kooperattiva tan-NATO u l-Akkademja tal-Komunikazzjoni u Informazzjoni tan-NATO, li għandhom l-għan li jqawwu l-kapaċitajiet ta' taħriġ għaċ-ċiberdifiża fis-sistemi tal-IT u fis-sistemi ċibernetiċi, fir-rigward tas-software u tal-hardware; jinnota li dan jista' jinkludi djalogu man-NATO dwar il-possibbiltà li l-UE li tissieħeb fl-Akkademja tal-Komunikazzjoni u Informazzjoni bil-ħsieb li żżid il-komplementarjetà u l-kollaborazzjoni; jilqa' l-ħolqien reċenti taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Theddidiet Ibridi; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet u lill-alleati kollha rilevanti sabiex jiddiskutu b'mod regolari l-attivitajiet tagħhom biex jevitaw lakuni u jħeġġu approċċ ikkoordinat lejn iċ-ċiberdifiża; jemmen li huwa kruċjali li, fuq il-bażi ta' fiduċja reċiproka, jiġi stimulat l-iskambju ta' informazzjoni dwar it-theddid ċibernetiku bejn l-Istati Membri u man-NATO;

37.

Jinsab konvint li kooperazzjoni akbar bejn l-UE u n-NATO hija importanti u utli fil-qasam taċ-ċiberdifiża bħala mezz biex tipprevjeni, tidentifika u tiskoraġġixxi ċ-ċiberattakki; jappella, għaldaqstant, liż-żewġ organizzazzjonijiet biex iżidu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni operattivi tagħhom, u jespandu l-isforzi konġunti tagħhom għall-bini ta' kapaċità, b'mod partikolari fis-sura ta' eżerċizzji u taħriġ konġunti għall-persunal ċivili u militari fiċ-ċiberdifiża u permezz tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fi proġetti tan-NATO dwar difiża intelliġenti; iqis li huwa essenzjali li l-UE u n-NATO jintensifikaw il-qsim tal-informazzjoni sabiex jippermettu l-attribuzzjoni formali taċ-ċiberattakki u konsengwentement jippermettu l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet restrittivi fuq dawk responsabbli; iħeġġeġ liż-żewġ organizzazzjonijiet sabiex jikkooperaw aktar mill-qrib anke dwar aspetti ċibernetiċi relatati mal-ġestjoni tal-kriżijiet;

38.

Jilqa' l-iskambju ta' kunċetti sabiex ir-rekwiżiti u l-istandards dwar iċ-ċiberdifiża jiġu integrati fl-ippjanar u t-twettiq ta' missjonijiet u operazzjonijiet bil-għan li titrawwem l-interoperabbiltà u jesprimi t-tama li dan se jkun segwit b'aktar kooperazzjoni operattiva sabiex jiġi żgurat l-aspett taċ-ċiberdifiża tal-missjonijiet rispettivi u s-sinkronizzazzjoni ta' approċċi operattivi;

39.

Jilqa' l-arranġament bejn l-Iskwadra ta' Rispons f'Emerġenza relatata mal-Kompjuters (CERT-UE) tal-UE u l-Kapaċità ta' Rispons tan-NATO għal Inċidenti relatati mal-Kompjuters, maħsub biex jiffaċilita l-iskambju tal-informazzjoni, l-appoġġ loġistiku, il-valutazzjonijiet tat-theddid komuni, l-akkwist tal-persunal u l-qsim tal-aħjar prattiki, u dan kollu sabiex tiġi żgurata l-abbiltà li jirrispondu għat-theddid f'ħin reali; jisħaq fuq l-importanza li jitħeġġu l-iskambji ta' informazzjoni bejn is-CERT-UE u l-Kapaċità ta' Rispons tan-NATO għal Inċidenti relatati mal-Kompjuters u jsiru sforzi biex jikber il-livell ta' fiduċja; jemmen li hemm suppożizzjoni li l-informazzjoni miżmuma mis-CERT-UE tista' tkun utli għar-riċerka dwar iċ-ċiberdifiża u n-NATO, u li din l-informazzjoni għandha tinqasam, dment li tiġi żgurata konformità sħiħa mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data;

40.

Jilqa' l-kooperazzjoni bejn iż-żewġ organizzazzjonijiet f'eżerċizzji taċ-ċiberdifiża; jinnota l-parteċipazzjoni tar-rappreżentanti tal-UE fl-Eżerċizzju annwali dwar il-Koalizzjoni Ċibernetika; jirrikonoxxi l-progress li l-parteċipazzjoni tal-UE – permezz tal-Eżerċizzji Paralleli Kkoordinati (PACE) 17 fl-Eżerċizzju 17 tan-NATO dwar l-Immaniġġar ta' Kriżijiet – tirrappreżenta, u jilqa', b'mod partikolari, l-inklużjoni ta' komponent dwar iċ-ċiberdifiża; iħeġġeġ liż-żewġ organizzazzjonijiet biex jintensifikaw dawn l-isforzi;

41.

Iħeġġeġ lill-UE u lin-NATO jorganizzaw eżerċizzji regolari fil-livell strateġiku bil-parteċipazzjoni tal-mexxejja strateġiċi prinċipali taż-żewġ organizzazzjonijiet; jilqa', f'dan ir-rigward, l-eżerċizzju Estonjan EU CYBRID 2017 fejn, għall-ewwel darba, is-Segretarju Ġenerali tan-NATO pparteċipa f'eżerċizzju tal-UE;

42.

Jinnota li hemm lok sostanzjali għal programm ta' kooperazzjoni aktar ambizzjuż u konkret dwar iċ-ċiberdifiża li jmur lil hinn mill-aspett kunċettwali tal-kooperazzjoni fil-kuntest ta' operazzjonijiet speċifiċi; iħeġġeġ liż-żewġ organizzazzjonijiet biex jimplimentaw, fil-prattika u b'mod effettiv dak kollu li diġà jeżisti u biex jippreżentaw proposti aktar ambizzjużi għar-rieżami li jmiss tal-implimentazzjoni tad-Dikjarazzjoni Konġunta;

43.

Jilqa' s-Sħubija Ċibernetika fl-Industrija tan-NATO, li ġiet stabbilita fl-2014, u jappella għall-involviment tal-UE fi sforzi kooperattivi tas-Sħubija Ċibernetika fl-Industrija tan-NATO bil-ħsieb li jingħaqad l-isforz ta' kooperazzjoni tan-NATO-UE ma' dak tal-mexxejja tal-industrija speċjalizzati f'teknoloġiji ċibernetiċi sabiex tiġi avvanzata ċ-ċibersigurtà permezz ta' kollaborazzjoni kontinwa b'enfasi partikolari fuq: taħriġ, eżerċizzji u edukazzjoni għar-rappreżentanti tan-NATO, tal-UE kif ukoll tal-industrija; L-inklużjoni tal-UE u tal-industrija fi proġetti tan-NATO dwar Difiża Intelliġenti; qsim ta' informazzjoni kollaborattiv u l-aħjar prattiki għal tħejjija u rkupru bejn in-NATO, l-UE u l-industrija; l-eżerċizzju konġunt ta' kapaċitajiet fil-qasam taċ-ċiberdifiża; u rispons kollaborattiv għal ċiberinċidenti meta u fejn xieraq;

44.

Jinnota l-ħidma kontinwa dwar il-Proposta għal Regolament li jirrevedi r-Regolament tal-ENISA ((UE) Nru 526/2013) u jistabbilixxi qafas Ewropew ta' ċertifikazzjoni u tikkettar tas-sigurtà fil-qasam tal-ICT; jistieden lill-ENISA tiffirma ftehim man-NATO biex iżżid il-kooperazzjoni prattika tagħhom, inklużi l-qsim tal-informazzjoni u l-parteċipazzjoni f'eżerċizzji dwar iċ-ċiberdifiża;

Normi internazzjonali applikabbli għaċ-ċiberspazju

45.

Jitlob l-integrazzjoni tal-kapaċitajiet taċ-ċiberdifiża fil-PESK u l-azzjoni esterna tal-UE u l-Istati Membri tagħha bħala kompitu trasversali, u jitlob li jkun hemm koordinazzjoni aktar mill-qrib dwar iċ-ċiberdifiża fost l-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-UE, in-NATO, in-Nazzjonijiet Uniti, l-Istati Uniti u sħab strateġiċi oħra, b'mod partikolari fir-rigward ta' regoli, normi u miżuri ta' infurzar fiċ-ċiberspazju;

46.

Jiddispjaċih li, wara diversi xhur ta' negozjati, il-Grupp ta' Esperti Governattivi tan-NU (UNGGE) tal-2016-2017 ma kienx f'pożizzjoni li jipproduċi rapport ta' kunsens ġdid; ifakkar li, kif ġie rikonoxxut fir-rapport tal-2013, il-liġi internazzjonali eżistenti u l-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti b'mod partikolari – li tipprojbixxi t-theddid jew l-użu tal-forza kontra l-indipendenza politika ta' kwalunkwe stat, inklużi operazzjonijiet ċibernetiċi koerċittivi maħsuba biex ifixklu l-infrastruttura teknika essenzjali għall-iżvolġiment ta' proċeduri parteċipattivi uffiċjali, inklużi l-elezzjonijiet, fi stat ieħor – japplikaw u għandhom jiġu infurzati fiċ-ċiberspazju; jinnota li r-rapport UNGGE tal-2015 jelenka sett ta' normi ta' mġiba responsabbli mill-istat, inkluża l-projbizzjoni li l-istati jwettqu jew jappoġġjaw konxjament l-attivitajiet ċibernetiċi li jmorru kontra l-obbligi tagħhom fl-ambitu tar-regoli internazzjonali; jistieden lill-UE tassumi rwol ta' mexxejja fid-dibattiti kontinwi u futuri dwar normi internazzjonali fiċ-ċiberspazju, u l-implimentazzjoni tagħhom;

47.

Jinnota r-rilevanza tal-Manwal ta' Tallin 2.0 bħala bażi għal dibattitu u bħala analiżi ta' kif il-liġi internazzjonali eżistenti tista' tiġi applikata għaċ-ċiberspazju; jistieden lill-Istati Membri jibdew janalizzaw u japplikaw dak li l-esperti ddikjaraw fil-Manwali ta' Tallinn, u jaqblu dwar aktar normi volontarji ta' mġiba internazzjonali; jinnota, b'mod partikolari, li kwalunkwe użu offensiv tal-kapaċitajiet ċibernetiċi għandu jkun ibbażat fuq il-liġi internazzjonali;

48.

Jikkonferma l-impenn sħiħ tiegħu favur ċiberspazju miftuħ, liberu, stabbli u sigur, li jirrispetta l-valuri fundamentali tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-istat tad-dritt, u fejn it-tilwim internazzjonali jiġi riżolt b'mezzi paċifiċi abbażi tal-Karta tan-NU u l-prinċipji tal-liġi internazzjonali; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu l-implimentazzjoni ulterjuri ta' approċċ komuni u komprensiv tal-UE għaċ-ċiberdiplomazija u n-normi ċibernetiċi eżistenti, u jfasslu, flimkien man-NATO, kriterji u definizzjonijiet fil-livell tal-UE ta' dak li jikkostitwixxi ċiberattakk sabiex tittejjeb il-kapaċità tal-UE li tasal malajr għal pożizzjoni komuni wara att internazzjonalment illegali fil-forma ta' ċiberattakk; jappoġġja bis-sħiħ l-implimentazzjoni tan-normi volontarji u mhux vinkolanti dwar imġiba responsabbli tal-istati fiċ-ċiberspazju li jinsabu fir-rapport UNGGE tal-2015 u li jinkludu r-rispett tal-privatezza u d-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini, u l-ħolqien ta' miżuri għall-bini ta' fiduċja reġjonali; jappoġġja, f'dan il-kuntest, il-ħidma tal-Kummissjoni Globali dwar l-Istabbiltà taċ-Ċiberspazju biex tiżviluppa proposti għal normi u politiki li jtejbu s-sigurtà u l-istabbiltà internazzjonali u jiggwidaw imġiba responsabbli mill-istati u mhux mill-istati fiċ-ċiberspazju; japprova l-proposta li l-atturi statali u mhux statali ma għandhomx iwettqu, jew jippermettu konxjament, attività li tagħmel ħsara b'mod intenzjonat u sostanzjali lid-disponibbiltà jew l-integrità ġenerali tan-nukleu pubbliku tal-internet, u għalhekk l-istabbiltà taċ-ċiberspazju;

49.

Jirrikonoxxi li l-maġġoranza tal-infrastruttura teknoloġika hija proprjetà tas-settur privat jew hija operata minnu, u li l-kooperazzjoni mill-qrib, il-konsultazzjoni, u l-inklużjoni tas-settur privat u tal-gruppi tas-soċjetà ċivili permezz ta' djalogu bejn diversi partijiet ikkonċernati huma għaldaqstant essenzjali sabiex jiġi żgurat ċiberspazju miftuħ, liberu, stabbli u sikur;

50.

Jirrikonoxxi li, minħabba diffikultajiet fl-infurzar, il-ftehimiet bilaterali bejn l-istati mhux dejjem joffru r-riżultati mistennija; iqis, għaldaqstant, li l-ħolqien ta' koalizzjonijiet fi ħdan gruppi ta' pajjiżi b'intenzjonijiet simili li jiġġeneraw kunsens jikkostitwixxi mezz effikaċi li jikkomplementa l-isforzi minn diversi partijiet ikkonċernati; jenfasizza r-rwol importanti li l-awtoritajiet lokali għandhom fil-proċess tal-innovazzjoni teknoloġija u fil-qsim tad-data biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità u l-attivitajiet terroristiċi;

51.

Jilqa' l-adozzjoni mill-Kunsill tal-qafas għal risponsi diplomatiċi konġunti tal-UE għal attivitajiet ċibernetiċi malizzjużi, l-hekk imsejħa Għodda tad-Diplomazija Diġitali tal-UE; jappoġġja l-possibbiltà għall-UE li tieħu miżuri restrittivi kontra avversarji li jattakkaw lill-Istati Membri tagħha fiċ-ċiberspazju, inkluża l-impożizzjoni possibbli ta' sanzjonijiet;

52.

Jitlob ukoll approċċ proattiv ċar lejn iċ-ċibersigurtà u ċ-ċiberdifiża, u t-tisħiħ taċ-ċiberdiplomazija tal-UE bħala kompitu trasversali fil-politika barranija tal-UE u l-kapaċitajiet u l-istrumenti kollha tagħha, sabiex ikunu jistgħu effettivament isaħħu n-normi u l-valuri tal-UE, kif ukoll jgħinu lill-partijiet ikkonċernati jilħqu kunsens b'mod globali dwar ir-regoli, in-normi u l-miżuri ta' infurzar fiċ-ċiberspazju; jinnota li l-bini tar-reżiljenza ċibernetika f'pajjiżi terzi jikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali, li fl-aħħar mill-aħħar, jagħmel liċ-ċittadini Ewropej aktar sikuri;

53.

Iqis li ċ-ċiberattakki bħal NotPetya u WannaCry huma jew diretti mill-istat jew iseħħu bl-għarfien u l-approvazzjoni ta' Stat; jinnota li dawn iċ-ċiberattakki, li minbarra li jikkawżaw ħsara ekonomika serja u dejjiema u huma ta' theddida għall-ħajja, huma ksur ċar tal-liġi internazzjonali u tan-normi legali; jemmen, għalhekk, li NotPetya u WannaCry jirrappreżentaw ksur tal-liġi internazzjonali kkawżat rispettivament mill-Federazzjoni Russa u mill-Korea ta' Fuq, u li ż-żewġ pajjiżi għandhom jiffaċċjaw risponsi proporzjonati u xierqa mill-UE u min-NATO;

54.

Jitlob li ċ-Ċentru taċ-Ċiberkriminalità tal-Europol isir punt fokali għal diviżjonijiet tal-infurzar tal-liġi u aġenziji tal-gvern iddedikati għall-kriminalità ċibernetika, li r-responsabbiltà primarja tagħhom tkun li jimmaniġġjaw id-difiża kemm tad-dominji eu. kif ukoll tal-infrastrutturi kritiċi tan-netwerks tal-UE matul attakk; jenfasizza li tali punt fokali għandu jkollu wkoll il-mandat biex jiskambja informazzjoni u jipprovdi assistenza lill-Istati Membri;

55.

Jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati normi dwar il-privatezza u s-sigurtà, il-kriptaġġ, id-diskors ta' mibegħda, id-diżinformazzjoni u t-theddid terroristiku;

56.

Jirrakkomanda li kull Stat Membru jħaddan obbligi li jassistu lil kwalunkwe Stat Membru ieħor li jkun taħt ċiberattakk u jiżguraw obbligu ta' rendikont ċibernetiku nazzjonali f'kooperazzjoni mill-qrib man-NATO;

Kooperazzjoni ċivili-militari

57.

Jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha jsaħħu s-sħubijiet għat-trasferiment tal-għarfien, jimplimentaw mudelli kummerċjali xierqa u jiżviluppaw fiduċja bejn il-kumpaniji u l-utenti aħħarin fid-difiża u fiċ-ċivil, kif ukoll itejbu t-trasferiment tal-għarfien akkademiku f'soluzzjonijiet prattiċi, sabiex jinħolqu sinerġiji u jiġu ttrasferiti soluzzjonijiet bejn is-swieq ċivili u militari – jiġifieri suq uniku Ewropew għaċ-ċibersigurtà u prodotti ta' ċibersigurtà, abbażi ta' proċeduri trasparenti u b'rispett lejn il-liġi tal-UE u l-liġi internazzjonali, bil-għan li tiġi ppreservata u msaħħa l-awtonomija strateġika tal-UE; jinnota r-rwol ċentrali li d-ditti privati taċ-ċibersigurtà jaqdu fit-twissija bikrija u l-attribuzzjoni taċ-ċiberattakki;

58.

Jenfasizza bis-sħiħ l-importanza tar-R&Ż, b'mod partikolari fid-dawl tar-rekwiżiti tas-sigurtà ta' livell għoli fis-suq tad-difiża; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu aktar appoġġ prattiku lill-industrija taċ-ċibersigurtà Ewropea u lil atturi ekonomiċi rilevanti oħrajn, sabiex jitnaqqsu l-piżijiet burokratiċi, b'mod partikolari lill-SMEs u lin-negozji l-ġodda (sorsi ewlenin ta' soluzzjonijiet innovattivi fil-qasam taċ-ċiberdifiża), u jippromwovu kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-organizzazzjonijiet ta' riċerka universitarja u atturi ewlenin bil-ħsieb li jitnaqqsu d-dipendenzi fuq prodotti taċ-ċibersigurtà minn sorsi esterni u li tinħoloq katina tal-provvista strateġika fi ħdan l-UE sabiex tissaħħaħ l-awtonomija strateġika tagħha; jinnota, f'dan il-kuntest, il-kontribut siewi li jista' jsir minn strumenti tal-EDF u strumenti oħra taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP);

59.

Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tintegra elementi taċ-ċiberdifiża f'netwerk ta' ċentri Ewropej ta' kompetenza u riċerka fil-qasam taċ-ċibersigurtà, anke bil-ħsieb li tipprovdi biżżejjed riżorsi għall-użu doppju tal-kapaċitajiet u t-teknoloġiji ċibernetiċi fi ħdan il-QFP li jmiss;

60.

Jinnota li l-protezzjoni ta' assi ta' infrastruttura kritika pubbliċi u oħrajn ċivili, b'mod partikolari s-sistemi ta' informazzjoni u d-data assoċjata, hija kompitu ta' difiża essenzjali għall-Istati Membri u, speċjalment għall-awtoritajiet inkarigati mis-sigurtà tas-sistemi ta' informazzjoni, u li din għandha tagħmel parti mill-mandat kemm tal-istrutturi taċ-ċiberdifiża nazzjonali kif ukoll mill-mandat ta' dawn l-awtoritajiet; jenfasizza li dan se jirrikjedi livell ta' fiduċja u l-eqreb kooperazzjoni possibbli, bejn l-atturi militari, l-aġenziji taċ-ċiberdifiża, u awtoritajiet rilevanti oħrajn u l-industriji affettwati, li tista' biss tinkiseb billi jiġu definiti b'mod ċar id-dmirijiet, ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi ċivili u militari, u jħeġġeġ lill-partijiet ikkonċernati kollha biex jieħdu kont ta' dan fil-proċessi tal-ippjanar tagħhom; jappella għal aktar kooperazzjoni transfruntiera, filwaqt li tiġi rispettata bis-sħiħ il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar il-protezzjoni tad-data, dwar l-infurzar tal-liġi relatat mal-eliminazzjoni ta' attività li tinvolvi attakk malizzjuż;

61.

Jistieden lill-Istati Membri kollha jiffokaw l-istrateġiji nazzjonali taċ-ċibersigurtà fuq il-protezzjoni tas-sistemi ta' informazzjoni u data assoċjata, u jqisu l-protezzjoni ta' din l-infrastruttura kritika bħala parti mill-obbligu ta' diliġenza rispettiv tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw u jimplimentaw strateġiji, linji gwida u strumenti li jipprovdu livelli xierqa ta' protezzjoni għal livelli ta' theddid li jistgħu jiġu identifikati b'mod raġonevoli, filwaqt li l-ispejjeż u l-piżijiet tal-protezzjoni għandhom ikunu proporzjonati għad-dannu probabbli għall-partijiet ikkonċernati; jistieden lill-Istati Membri jieħdu passi xierqa biex jobbligaw lill-persuni ġuridiċi, skont il-ġurisdizzjonijiet tagħhom, jipproteġu d-data personali li huma responsabbli għaliha;

62.

Jirrikonoxxi li, minħabba l-ambjent li qed jinbidel tat-theddid ċibernetiku, tista' tiġi rrakkomandata kooperazzjoni aktar b'saħħitha u aktar strutturata mal-forzi tal-pulizija, speċjalment f'xi oqsma kritiċi, pereżempju meta jiġi traċċat theddid taħt titoli bħall-ġiħad ċibernetiku, it-terroriżmu ċibernetiku, ir-radikalizzazzjoni online u l-finanzjament ta' organizzazzjonijiet estremisti jew radikali;

63.

Iħeġġeġ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-aġenziji tal-UE bħall-EDA, l-ENISA u ċ-Ċentru Ewropew taċ-Ċiberkriminalità f'approċċ transsettorjali bil-għan li jiġu promossi s-sinerġiji u tiġi evitata d-duplikazzjoni;

64.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa pjan direzzjonali għal approċċ ikkoordinat fir-rigward taċ-ċiberdifiża Ewropea, inkluż aġġornament tal-Qafas ta' Politika tal-UE dwar iċ-Ċiberdifiża sabiex jiġi żgurat li dan jibqa' utli bħala l-mekkaniżmu ta' politika rilevanti sabiex jintlaħqu l-objettivi fil-qasam taċ-ċiberdifiża tal-UE, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, l-EDA, il-Parlament u s-SEAE; jinnota li dan il-proċess irid ikun parti minn approċċ ta' strateġija usa' għall-PSDK;

65.

Jitlob għall-ħolqien ta' kapaċità ta' ċibersigurtà permezz tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, kif ukoll edukazzjoni u taħriġ kontinwi fir-rigward tas-sensibilizzazzjoni ċibernetika, filwaqt li jitqies li fis-snin li ġejjin se jkun hemm miljuni ta' utenti ġodda tal-internet, bil-maġġoranza minn pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, u b'hekk it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-pajjiżi u s-soċjetajiet fir-rigward tat-theddid ċibernetiku u ibridu;

66.

Jitlob kooperazzjoni internazzjonali u inizjattivi multilaterali sabiex jiġu żviluppati oqfsa strinġenti ta' ċiberdifiża u ta' ċibersigurtà sabiex tingħeleb il-manipulazzjoni tal-Istat imwettqa permezz tal-korruzzjoni, il-frodi finanzjarja, il-ħasil tal-flus, il-finanzjament tat-terroriżmu, u biex jiġu indirizzati l-isfidi kkawżati miċ-ċiberterroriżmu u mill-kriptomuniti u metodi alternattivi oħra ta' ħlasijiet;

67.

Jinnota li ċ-ċiberattakki bħal NotPetya jinfirxu malajr, u b'hekk jikkawżaw ħsara indiskriminata, sakemm ma jkunx hemm reżiljenza mifruxa fuq livell globali; jemmen li t-taħriġ u l-edukazzjoni dwar iċ-ċiberdifiża għandhom jagħmlu parti mill-azzjoni esterna tal-UE u li l-iżvilupp ta' reżiljenza ċibernetika fil-pajjiżi terzi jikkontribwixxi għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali u fl-aħħar mill-aħħar jagħmel liċ-ċittadini Ewropej aktar sikuri;

Tisħiħ istituzzjonali

68.

Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom f'kooperazzjoni aktar ambizzjuża fil-qasam ċibernetiku fi ħdan il-PESCO; jissuġġerixxi li l-Istati Membri jniedu programm ġdid ta' kooperazzjoni ċibernetika PESCO bil-ħsieb li jappoġġjaw l-ippjanar, il-kmand u l-kontroll rapidi u effikaċi ta' operazzjonijiet u missjonijiet futuri tal-UE; jinnota li għandu jwassal għal koordinazzjoni aħjar tal-kapaċitajiet operattivi fiċ-ċiberspazju, u jista' jwassal għall-iżvilupp ta' dipartiment komuni ta' kmand fir-rigward taċ-ċiberdifiża meta l-Kunsill Ewropew jiddeċiedi hekk;

69.

Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri u lill-VP/RGħ sabiex jippreżentaw white book tal-UE dwar is-sigurtà u d-difiża; jistieden lill-Istati Membri u lill-VP/RGħ jagħmlu ċ-ċiberdifiża u ċ-ċiberdeterrenza element ewlieni tal-white book, filwaqt li jkopru kemm il-protezzjoni tal-qasam ċibernetiku għall-operazzjonijiet stipulati fl-Artikolu 43 kif ukoll id-difiża komuni stipulata fl-Artikolu 42(7) tat-TUE;

70.

Jinnota li l-programmi ġodda ta' kooperazzjoni ċibernetika tal-PESCO għandhom jitmexxew kemm minn persunal militari kif ukoll ċivili ta' grad għoli minn kull Stat Membru, fuq bażi ta' rotazzjoni, u jkollhom obbligu ta' rendikont lejn il-ministri tal-UE tad-difiża fil-format tal-PESCO u l-VP/RGħ, sabiex jitrawwem il-prinċipju tal-fiduċja fost l-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-UE meta jaqsmu l-informazzjoni u l-intelligence;

71.

Itenni t-talba tiegħu sabiex jinħoloq Kunsill tal-UE dwar id-Difiża bbażat fuq il-Bord ta' Tmexxija Ministerjali eżistenti tal-EDA u l-format tal-PESCO tal-ministri tal-UE tad-difiża, sabiex jiġu ggarantiti l-prijoritizzazzjoni, u t-tħaddim tar-riżorsi u l-kooperazzjoni u l-integrazzjoni effettivi fost l-Istati Membri;

72.

Ifakkar fil-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Fond tad-Difiża Ewropea jinżamm, jew saħansitra jittejjeb fil-QFP li jmiss, b'baġit suffiċjenti allokat għaċ-ċiberdifiża;

73.

Jitlob żieda fir-riżorsi sabiex jiġu mmodernizzati u ssimplifkati ċ-ċibersigurtà u t-tixrid tal-intelligence bejn is-SEAE/iċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea (INTCEN), il-Kunsill u l-Kummissjoni;

Sħubijiet pubbliċi-privati

74.

Jirrikonoxxi l-fatt li l-kumpaniji privati jaqdu rwol essenzjali fil-prevenzjoni, fl-identifikazzjoni, fil-kontroll u fir-rispons għall-inċidenti relatati maċ-ċibersigurtà, mhux biss bħala fornituri tat-teknoloġija iżda anke bħala fornituri tas-servizzi mhux tal-IT;

75.

Jirrikonoxxi r-rwol tas-settur privat fil-prevenzjoni, fl-identifikazzjoni, fil-kontroll u fir-rispons għall-inċidenti taċ-ċibersigurtà, flimkien mar-rwol tiegħu biex jistimula l-innovazzjoni fiċ-ċiberdifiża u jitlob, għalhekk, kooperazzjoni msaħħa mas-settur privat sabiex jiġi żgurat għarfien komuni dwar ir-rekwiżiti u l-assistenza tal-UE u n-NATO fl-għoti tal-għajnuna tagħhom biex jinstabu soluzzjonijiet komuni;

76.

Jistieden lill-UE twettaq rieżami komprensiv tat-tagħmir u tal-infrastruttura tas-software, tal-IT u tal-komunikazzjonijiet użati fl-istituzzjonijiet sabiex jiġu esklużi programmi u apparati potenzjalment perikolużi u jiġu pprojbiti dawk li ġew ikkonfermati bħala malizzjużi, bħal Kaspersky Lab;

o

o o

77.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika Soċjali (VP/RGħ), lill-aġenziji tal-UE fl-oqsma tad-difiża u ċ-ċibersigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-NATO u lill-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri.

(1)  Cambridge University Press, Frar 2017, ISBN 9 781 316 822 524, https://doi.org/10.1017/9781316822524.

(2)  ĠU L 194, 19.7.2016, p. 1.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2017)0366.

(4)  ĠU C 419, 16.12.2015, p. 145.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2016)0435.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2017)0493.

(7)  Testi adottati, P8_TA(2017)0492.