9.3.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 76/164


P8_TA(2018)0238

Is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-31 ta' Mejju 2018 dwar is-sitwazzjoni fin-Nikaragwa (2018/2711(RSP))

(2020/C 76/20)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar in-Nikaragwa, b'mod partikulari dawk tat-18 ta' Diċembru 2008 (1), tas-26 ta' Novembru 2009 (2) u tas-16 ta' Frar 2017 (3),

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-UE u l-Amerka Ċentrali tal-2012,

wara li kkunsidra d-Dokument ta' Strateġija tal-UE dwar il-Pajjiż u l-Programm Pluriennali Indikattiv 2014-2020 dwar in-Nikaragwa,

wara li kkunsidra l-Patt Internazzjonali dwar id-Drittijiet Ċivili u Politiċi tal-1966,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

wara li kkunsidra l-Linji Gwida tal-UE dwar id-Difensuri tad-Drittijiet tal-Bniedem ta' Ġunju 2004,

wara li kkunsidra l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliem tal-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) tad-19 ta' Novembru 2016 dwar ir-riżultati finali tal-elezzjonijiet fin-Nikaragwa,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet tal-Kelliem tal-VP/RGħ tat-22 ta' April 2018 u tal-15 ta' Mejju 2018 dwar in-Nikaragwa,

wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għad-Drittijiet tal-Bniedem (OHCHR) tas-27 ta' April 2018 dwar is-sitwazzjoni tad-drittijiet tal-bniedem fin-Nikaragwa,

wara li kkunsidra ż-żjara tal-Kummissjoni Inter-Amerikana dwar id-Drittijiet tal-Bniedem (IACHR) bejn is-17 u l-21 ta' Mejju 2018 biex tinvestiga s-sitwazzjoni fin-Nikaragwa u d-dikjarazzjoni preliminari tagħha tal-21 ta' Mejju 2018,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kelliema tal-Uffiċċju tan-NU għad-Drittijiet tal-Bniedem Liz Throssell tal-20 ta' April 2018 dwar il-vjolenza relatata mal-protesti fin-Nikaragwa,

wara li kkunsidra l-istqarrija għall-istampa tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani (OAS) tal-14 ta' Mejju 2018 dwar iż-żjara għal investigazzjoni tas-sitwazzjoni fin-Nikaragwa,

wara li kkunsidra r-rapport tas-Segretarjat Ġenerali tal-OAS tal-20 ta' Jannar 2017 dwar in-Nikaragwa, u d-dikjarazzjoni tiegħu tat-22 ta' April 2018 li tikkundanna l-vjolenza fin-Nikaragwa,

wara li kkunsidra l-communiques maħruġa mill-Konferenza Episkopali tan-Nikaragwa, u b'mod partikolari dik l-aktar reċenti, tat-23 ta' Mejju 2018,

wara li kkunsidra l-Artikolu 123(2) u (4) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

A.

billi, skont xi rapporti, tal-anqas 84 ruħ inqatlu, aktar minn 860 indarbu u 400 ġew arrestati b'riżultat tal-protesti paċifiċi mmexxija mill-istudenti li bdew fit-18 ta' April 2018 b'oppożizzjoni għar-riformi fis-sigurtà soċjali mħabbra mill-President Daniel Ortega; billi l-maġġoranza tal-vittmi ġarrbu ġrieħi minn tiri fir-ras, l-għonq, is-sider jew iż-żaqq, li jindikaw bil-qawwa eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji; billi l-awtoritajiet tan-Nikaragwa stigmatizzaw lid-dimostranti apertament bħala "vandali"filwaqt li akkużawhom b'"manipulazzjoni politika";

B.

billi, fit-23 ta' April 2018, is-Sur Ortega ħabbar il-kanċellazzjoni tar-riforma tas-sigurtà soċjali, iżda d-dimostrazzjonijiet inbidlu f'disturbi usa' u f'sejħiet għal gvern interim u għar-restawr tal-ordni demokratiku; billi sors ieħor ta' skuntentizza u ta' kunflitt apert huwa l-qabża kbira f'attivitajiet "estrattivisti"orjentati lejn l-esportazzjoni;

C.

billi, fl-20 ta' April 2018, 600 student sfaw attakkati fil-Katidral Metropolitan ta' Managua minn forzi ta' kontra l-irvelli u minn grupp ta' membri tal-Front Sandinista ta' Liberazzjoni Nazzjonali li aġixxew b'impunità totali u bil-kompliċità u l-kunsens tal-pulizija; billi l-IACHR iddokumentat attakki fuq erba' siti universitarji (UCA, UPOLL, UNA u UNAN);

D.

billi l-għadd kbir ta' mwiet juri r-repressjoni brutali mħaddma mill-awtoritajiet tal-istat, bi ksur tal-prinċipji ta' neċessità u ta' proporzjonalità li jirrikjedu d-dritt u l-istandards internazzjonali li jistabbilixxu limitazzjonijiet fuq l-użu tal-forza; billi l-kap tal-Pulizija Nazzjonali tan-Nikaragwa, Aminta Granera, irriżenjat minħabba l-użu eċċessiv ta' vjolenza;

E.

billi l-istabbilimenti tal-media li rrapportaw il-protesti ngħalqu mill-gvern b'mod arbitrarju u l-ġurnalisti li esprimew kwalunkwe forma ta' oppożizzjoni ġew intimidati u detenuti; billi r-repressjoni mill-awtoritajiet tan-Nikaragwa fuq il-libertà tal-espressjoni u l-fastidju lill-mexxejja tal-oppożizzjoni ġew ikkundannati bħala attakk fuq il-libertajiet ċivili; billi l-ġurnalist Angel Gahona nqatel b'arma tan-nar waqt li kien qed jagħmel xandira diretta;

F.

billi organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem irreġistraw bosta allegazzjonijiet dwar nuqqas ta' assistenza u ta' trattament lil dimostranti midruba fl-isptarijiet pubbliċi;

G.

billi, fis-27 ta' April 2018, il-President tal-Assemblea Nazzjonali, Gustavo Porras, ħabbar li kienet se tinħoloq Kummissjoni għall-Verità biex tinvestiga dak li ġara waqt il-protesti; billi, fis-6 ta' Mejju 2018, bord ta' seba' leġiżlaturi – li ħamsa minnhom jappartjenu għall-partit tal-President Ortega – għażlu l-ħames membri tal-Kummissjoni, u billi l-Assemblea Nazzjonali rratifikat il-ħatra tagħhom;

H.

billi l-IACHR żaret in-Nikaragwa mis-17 sal-21 ta' Mejju 2018; billi ddokumentat arresti illegali u arbitrarji, prattiki ta' tortura, trattament krudil, inuman u degradanti, ċensura tal-istampa u attakki kontriha u forom oħra ta' intimidazzjoni bħal theddidiet, fastidju u persekuzzjoni maħsuba biex ixejnu l-protesti u jinibixxu l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini;

I.

billi d-djalogu nazzjonali bejn is-Sur Ortega u l-oppożizzjoni u gruppi ċiviċi fin-Nikaragwa, li ġie varat fis-16 ta' Mejju 2018 u sar bil-medjazzjoni tal-Knisja Kattolika, ma rnexxilux isib soluzzjoni għall-kriżi u ġie sospiż, minħabba li n-negozjaturi tal-gvern irrifjutaw li jiddiskutu aġenda ta' 40 punt imressqa mill-medjaturi, li kienet tinkludi rotta direzzjonali lejn elezzjonijiet demokratiċi, inklużi riformi għal-liġi elettorali, antiċipazzjoni tal-elezzjonijiet u projbizzjoni li l-President jerġa' jiġi elett; billi ġie propost li jinħoloq kumitat konġunt magħmul minn sitta min-nies – tlieta mill-gvern u tlieta mill-pjattaforma "Alianza Cívica por la Justicia y la Democracia";

J.

billi, mill-2007 'l hawn, is-Sur Ortega ġie elett fil-kariga ta' President tliet darbiet konsekuttivi, minkejja l-fatt li l-Kostituzzjoni tan-Nikaragwa kienet tipprojbixxi rielezzjonijiet konsekuttivi, b'mod li juri biċ-ċar il-korruzzjoni u l-awtoritarjaniżmu li ħakmu l-istat; billi l-elezzjonijiet fl-2011 u fl-2016 ġew ikkritikati ferm għall-irregolaritajiet tagħhom mill-istituzzjonijiet tal-UE u mill-OAS, minħabba li saru mingħajr il-preżenza ta' osservaturi minn waħda jew oħra minn dawn l-organizzazzjonijiet jew ta' kwalunkwe osservatur internazzjonali ieħor kredibbli;

K.

billi l-korruzzjoni fis-settur pubbliku, inkluża l-korruzzjoni li tinvolvi lill-qraba tas-Sur Ortega, għadha waħda mill-akbar sfidi; billi t-tixħim ta' uffiċjali pubbliċi, is-sekwestri illegali u l-valutazzjonijiet arbitrarji mill-awtoritajiet tad-dwana u tat-taxxa huma komuni ħafna; billi ġew espressi preokkupazzjonijiet leġittimi dwar nepotiżmu fi ħdan il-Gvern tan-Nikaragwa; billi gruppi tad-drittijiet tal-bniedem ikkundannaw il-konċentrazzjoni gradwali tal-poter ikkawżata mill-ħakma ta' partit wieħed u t-tidgħif tal-istituzzjonijiet;

L.

billi l-istat tan-Nikaragwa ġarrab tnaqqis tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt f'dan l-aħħar deċennju; billi l-iżvilupp u l-konsolidament tad-demokrazija u tal-istat tad-dritt u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali jridu jkunu parti integrali mill-politiki esterni tal-UE, inkluż il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali tal-2012;

1.

Jikkundanna l-fatt li dimostranti paċifiċi fin-Nikaragwa li qed jopponu r-riforma tas-sigurtà soċjali ġarrbu repressjoni brutali u intimidazzjoni, li wasslu għal ħafna każijiet ta' mewt, għajbien u arrest arbitrarju mwettqa mill-awtoritajiet tan-Nikaragwa, il-forzi armati, il-pulizija u gruppi vjolenti li jappoġġjaw lill-gvern; ifakkar lill-forzi tas-sigurtà tan-Nikaragwa li dmirhom, qabel kollox, huwa li jiddefendu liċ-ċittadini minn kull ħsara;

2.

Jesprimi l-kondoljanzi u s-simpatija tiegħu lill-familji tal-vittmi kollha maqtula u midruba matul id-dimostrazzjonijiet;

3.

Jistieden lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa biex iwaqqfu kull att ta' vjolenza kontra persuni li jeżerċitaw id-dritt għal-libertà ta' espressjoni u d-dritt tal-għaqda; jappella wkoll biex id-dimostranti u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jmexxu l-protesti joqogħdu lura milli jużaw il-vjolenza huma u jeżerċitaw drittijiethom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jeħilsu lill-persuni kollha detenuti b'mod arbitrarju, jikkumpensaw lill-familjari kollha affettwati u jipprovdu garanziji li mhu se jsir l-ebda proċediment kriminali kontrihom; iħeġġeġ lill-awtoritajiet tal-istat joqogħdu lura milli jagħmlu dikjarazzjonijiet pubbliċi li jistigmatizzaw lid-dimostranti, lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem u lill-ġurnalisti, u milli jużaw il-media statali biex jagħmlu kampanji pubbliċi li jistgħu jinkoraġġixxu l-vjolenza;

4.

Jistieden lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jippermettu minnufih investigazzjoni internazzjonali, indipendenti u trasparenti biex issir prosekuzzjoni kriminali ta' dawk responsabbli għar-repressjoni u għall-imwiet matul il-protesti; jilqa', f'dan ir-rigward, iż-żjara tal-IACHR fin-Nikaragwa u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-konklużjonijiet tar-rapport preliminari; iħeġġeġ lill-komunità internazzjonali taqdi rwol attiv biex dawk responsabbli jagħtu rendikont ta' għemilhom;

5.

Jitlob li l-Gvern tan-Nikaragwa jirrikonoxxi u jsaħħaħ l-awtorità tal-kumitat għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet imressqa mill-IACHR, u jistabbilixxi kalendarju għal żjarat oħra tagħha; jitlob li jinħoloq reġistru pubbliku tal-attendenza fl-isptarijiet, kif talbet l-IACHR;

6.

Iħeġġeġ lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jipprovdu lill-atturi kollha fis-soċjetà, inklużi l-forzi tal-oppożizzjoni, il-ġurnalisti u d-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem, fosthom l-attivisti ambjentali u s-soċjetà ċivili, spazju adegwat li fih ikunu jistgħu joperaw liberament, taħt id-dritt internazzjonali, biex b'hekk titwitta t-triq ħalli n-naħat kollha opposti jiddiskutu s-sitwazzjoni fin-Nikaragwa u jirrispettaw id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż; ifakkar li l-parteċipazzjoni sħiħa tal-oppożizzjoni, id-depolarizzazzjoni tal-ġudikatura, it-tmiem tal-impunità u l-pluralità tal-media huma fatturi essenzjali għar-restawr tal-ordni demokratiku fil-pajjiż;

7.

Jiddeplora l-vjolazzjoni tal-libertà tal-media fin-Nikaragwa, sew qabel u sew wara l-protesti; iqis li s-sekwestru ta' stabbilimenti tal-media mill-awtoritajiet matul il-protesti mhuwiex aċċettabbli; jistieden lill-Gvern ireġġa' lura fil-pajjiż il-libertà sħiħa tal-media u l-libertà tal-kelma, u jtemm il-fastidju lill-ġurnalisti;

8.

Jieħu nota tal-varar reċenti ta' djalogu nazzjonali u l-istabbiliment ta' Kummissjoni għall-Verità, li jeħtiġilha tinkludi l-parteċipazzjoni ta' atturi nazzjonali indipendenti mis-setturi kollha, kif ukoll atturi internazzjonali; jiddispjaċih għall-falliment tal-ewwel fażi tad-djalogu nazzjonali kkawżat mir-restrizzjonijiet imposti mill-Gvern tan-Nikaragwa, u jesprimi t-tama li l-issuktar reċenti tad-djalogu jagħti l-opportunità biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi u l-vjolenza tintemm; jenfasizza li kwalunkwe djalogu għandu jsir mingħajr vjolenza u repressjoni, bir-rispett tad-dritt u tal-kostituzzjoni, u tal-prinċipju li kwalunkwe bidla fil-liġijiet għandha ssir bi qbil mal-proċeduri stabbiliti f'dawn tal-aħħar;

9.

Jiddenunzja l-passi illegali meħuda bi ksur tas-sistema ġudizzjarja li wasslu għal bidliet kostituzzjonali li warrbu l-limiti tal-mandat presidenzjali u b'hekk ippermettew il-presidenza kontinwa tas-Sur Ortega, bi ksur ċar tad-dritt għal elezzjonijiet demokratiċi; jisħaq fuq il-bżonn ta' istituzzjonijiet demokratiċi b'saħħithom, tal-libertà tal-għaqda u tal-pluralità politika; jappella, f'dan ir-rigward, għal riforma elettorali li twassal għal elezzjonijiet ġusti, trasparenti u kredibbli li jirrispettaw l-istandards internazzjonali, bħala l-mod biex tissolva l-kriżi politika;

10.

Jistieden lill-awtoritajiet jiġġieldu kontra l-korruzzjoni bla rażan fi ħdan iċ-ċrieki politiċi tan-Nikaragwa, li xxekkel il-ħidma tal-istituzzjonijiet kollha tal-istat u tillimita l-investiment barrani; jappella għall-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tan-Nikaragwa kontra l-korruzzjoni, inkluża dik dwar it-tixħim, l-abbuż tal-kariga u l-pagamenti ta' faċilitazzjoni; huwa mħasseb dwar ir-rabtiet bejn il-President Ortega u kunflitti oħra fir-reġjun; jistieden lill-awtoritajiet tan-Nikaragwa jiffirmaw u jirratifikaw l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali;

11.

Jirrimarka li, fid-dawl tal-Ftehim ta' Assoċjazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Amerka Ċentrali, in-Nikaragwa trid tiġi mfakkra fil-ħtieġa li tirrispetta l-prinċipji tal-istat tad-dritt, tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem, kif stabbiliti fil-klawsola dwar id-drittijiet tal-bniedem fil-Ftehim; iħeġġeġ lill-UE tissorvelja s-sitwazzjoni u, jekk ikun meħtieġ, tivvaluta l-miżuri potenzjali li jkun għandhom jittieħdu; iwissi dwar il-konsegwenzi gravi mil-lat politiku, ekonomiku u ta' investiment li jistgħu jsegwu l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

12.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tal-Istati Amerikani, lill-Assemblea Parlamentari Ewro-Latino-Amerikana, lill-Parlament tal-Amerka Ċentrali, lill-Grupp ta' Lima, u lill-Gvern u lill-Parlament tar-Repubblika tan-Nikaragwa.

(1)  ĠU C 45 E, 23.2.2010, p. 89.

(2)  ĠU C 285 E, 21.10.2010, p. 74.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2017)0043.