18.11.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 390/10


P8_TA(2018)0100

Implimentazzjoni tas-7 Programm ta' Azzjoni Ambjentali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta' April 2018 dwar l-implimentazzjoni tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali (2017/2030(INI))

(2019/C 390/02)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1386/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2013 dwar Programm Ġenerali ta' Azzjoni Ambjentali tal-Unjoni sal-2020 "Ngħixu tajjeb, fil-limiti tal-pjaneta tagħna" (1) ("is-Seba' EAP"),

wara li kkunsidra l-Artikoli 191 u 192 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, relatati mas-salvagwardja, il-ħarsien u t-titjib tal-kwalità tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent,

wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi, Deċiżjoni 1/CP.21 u l-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) għall-UNFCCC, li ġiet organizzata f'Pariġi mit-30 ta' Novembru sal-11 ta' Diċembru 2015,

wara li kkunsidra l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli tan-NU (SDGs) u n-natura interkonnessa u integrata tagħhom,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ta' Diċembru 2016 bit-titolu "Environmental indicator report 2016 – In support to the monitoring of the 7th Environment Action Programme"(Rapport tal-2016 dwar indikaturi ambjentali – B'appoġġ għall-monitoraġġ tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent ta' Novembru 2017 bit-titolu "Environmental Indicator Report 2017 - In support to the monitoring of the Seventh Environment Action Programme"(Rapport tal-2017 dwar l-Indikaturi Ambjentali – b'appoġġ għall-monitoraġġ tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Frar 2017 bit-titolu "L-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali tal-UE: L-isfidi ewlenin u kif se ngħaqqdu l-isforzi biex nagħtu riżultati aħjar"(COM(2017)0063), u t-28 rapport ta' akkumpanjament mill-pajjiżi,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2016 bit-titolu "It-twassil tal-benefiċċji tal-politiki ambjentali tal-UE permezz ta' Analiżi regolari tal-Implimentazzjoni Ambjentali"(COM(2016)0316),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Novembru 2017 dwar l-Analiżi tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR) (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Frar 2016 dwar ir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Istrateġija tal-UE għall-Bijodiversità (4),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Novembru 2017 dwar Pjan ta' Azzjoni għan-natura, in-nies u l-ekonomija (5),

wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu tal-4 ta' April 2017 lill-Kunsill u lill-Kummissjoni wara l-inkjesta dwar il-kejl tal-emissjonijiet fis-settur awtomobilistiku (6),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent bit-titolu "SOER 2015 – The European environment – state and outlook 2015"(SOER 2015 – L-ambjent Ewropew – il-qagħda attwali u l-prospettiva 2015),

wara li kkunsidra r-rapport tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tad-19 ta' Mejju 2015 bit-titolu "State of Nature in the EU"(Il-qagħda tan-natura fl-UE),

wara li kkunsidra l-istudju ta' Valutazzjoni tal-Implimentazzjoni Ewropea ta' Novembru 2017 dwar "Mid-term review of the implementation of the 7th Environment Action Programme (2014-2020)"(Analiżi ta' nofs it-terminu tal-implimentazzjoni tas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali (2014-2020)) imwettaq mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew, inkluż l-Istudju anness tagħha,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-20 ta' April 2012 dwar ir-rieżami tas-6 Programm ta' Azzjoni Ambjentali u l-istabbiliment tal-prijoritajiet għas-Seba' Programm ta' Azzjoni Ambjentali – Ambjent aħjar għall-ħajja aħjar (7),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-22 ta' Novembru 2016 bit-titolu "Il-passi li jmiss għal ġejjieni Ewropew sostenibbli"(COM(2016)0739),

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika (KDB),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Settembru 2011 bit-titolu "Pjan Direzzjonali għal Ewropa b'Użu Effiċjenti tar-Riżorsi"(COM(2011)0571),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-29 ta' Novembru 2017 bit-titolu "Il-Ġejjieni tal-Ikel u tal-Biedja"(COM(2017)0713),

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0059/2018),

A.

billi s-Seba' EAP jistabbilixxi għanijiet legalment vinkolanti fl-oqsma tal-ambjent u t-tibdil fil-klima li għandhom jintlaħqu sal-2020; billi huwa jistabbilixxi wkoll viżjoni fit-tul għall-2050;

B.

billi s-Seba' EAP ma fihx klawżola ta' analiżi ta' nofs it-terminu; billi r-rapport tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel dwar l-implimentazzjoni tas-Seba' EAP huwa opportunità biex jiġi vvalutat il-progress tal-EAP u jsiru rakkomandazzjonijiet ibbażati fuq l-evidenza għall-implimentazzjoni ulterjuri tal-EAP attwali u ta' kwalunkwe EAP futur; billi dan ir-rapport għandu jmur lil hinn milli jiddikjara mill-ġdid problemi magħrufa sew, u għandu jiffoka fuq il-proposti ta' soluzzjonijiet għall-ilħuq tal-miri stipulati fis-Seba' EAP;

C.

billi l-Kummissjoni qiegħda taħdem fuq rapport ta' evalwazzjoni li l-enfasi tiegħu se tkun fuq l-istruttura u r-rwol strateġiku li għandu s-Seba' EAP; billi l-għan tar-rapport huwa li jeżamina, b'mod partikolari, jekk il-qafas miftiehem huwiex qed jgħin fit-twassil tad-disa' għanijiet prijoritarji b'mod intelliġenti;

D.

billi l-UE għandha leġiżlazzjoni ambjentali b'saħħitha, li l-implimentazzjoni dgħajfa u ineffikaċi tagħha hija problema dejjiema; billi dawn id-diskrepanzi fl-implimentazzjoni huma ta' theddida għall-iżvilupp sostenibbli, għandhom impatti transkonfinali negattivi fuq l-ambjent u s-saħħa tal-bniedem u jġibu magħhom spejjeż soċjoekonomiċi konsiderevoli; billi, barra minn hekk, id-diskrepanzi fl-implimentazzjoni jimminaw il-kredibbiltà tal-UE;

E.

billi l-progress lejn l-għanijiet tal-2020 sa issa kien imħallat: huwa improbabbli li jintlaħaq l-għan 1 (protezzjoni tal-kapital naturali), iżda x'aktarx li jintlaħqu xi wħud mill-għanijiet sekondarji taħt l-għan 2 (ekonomija b'livell baxx ta' emissjonijiet ta' karbonju u effiċjenza fir-riżorsi); m'hemmx ċertezza jekk l-għan 3 (tnaqqis tal-pressjonijiet ambjentali u tar-riskji għas-saħħa tal-bniedem) hux se jintlaħaq;

F.

billi n-nuqqas kontinwu li tiġi implimentata l-leġiżlazzjoni u li l-għarfien speċjalizzat jiġi integrat fit-tfassil tal-politika f'oqsma bħall-kwalità tal-arja, il-ħsejjes ambjentali u l-esponiment għas-sustanzi kimiċi joħloq theddid serju għas-saħħa u jnaqqas il-kwalità u t-tul tal-ħajja għaċ-ċittadini tal-UE;

G.

billi l-aktar data riċenti ppubblikata mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent tikkonferma t-tendenzi ġenerali deskritti hawn fuq għal kull għan tematiku iżda tirrapporta wkoll tnaqqis fil-progress ta' wħud mill-oqsma; billi f'xi każijiet, bħall-emissjonijiet ta' gassijiet b'effett ta' serra u l-effiċjenza fl-enerġija, il-perspettiva għall-ilħuq tal-għanijiet sekondarji minn dawn it-tendenzi tibqa' l-istess;

H.

billi issa mhuwiex ċert jekk il-mira għall-emissjonijiet tal-ammonja hijiex se tintlaħaq u huwa probabbli li l-mira tal-użu tal-art mhijiex se tintlaħaq;

I.

billi teżisti inċertezza kbira fir-rigward tal-implimentazzjoni minħabba nuqqas ta' indikaturi u l-limitazzjonijiet tal-indikaturi eżistenzi; billi l-lakuni fl-għarfien jibqgħu jxekklu l-progess fuq tliet livelli: il-fehim tar-riskju; it-tfassil ta' politika xierqa għall-ġestjoni u t-tnaqqis tar-riskju; u l-monitoraġġ tal-effettività tal-politiki;

J.

billi ħafna drabi jeżisti għarfien iżda mhuwiex jintuża fit-tfassil tal-politika jew mhuwiex jiġi ttrasferit lill-partijiet responsabbli għall-implimentazzjoni; billi ħafna drabi dan huwa kkawżat minn nuqqas ta' rieda politika u interessi f'kompetizzjoni li mhumiex meqjusa bħala konsistenti mal-EAP jew mal-għanijiet ta' politika ambjentali inġenerali; billi t-tkabbir ekonomiku huwa dipendenti wkoll minn ambjent nadif;

K.

billi s-sinerġija bejn l-istrumenti ta' livell għoli tal-politika tal-Unjoni u l-EAP jeħtieġ li tittejjeb sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-programm;

L.

billi hemm finanzjament inadegwat f'ċerti livelli għall-implimentazzjoni xierqa tas-Seba' EAP; billi l-finanzjament fil-livell tal-UE xi drabi naqas milli jagħti r-riżultati mistennija u dan, f'każijiet multipli, kien ir-riżultat ta' finanzjament amministrat ħażin aktar milli nuqqas ta' flus;

M.

billi l-kamp ta' applikazzjoni tas-Seba' EAP huwa rilevanti għall-ħtiġijiet attwali fil-qasam tal-politika ambjentali, għalkemm ħafna partijiet ikkonċernati jirrakkomandaw iż-żieda ta' għanijiet sekondarji ġodda biex tiżdied ir-rilevanza tal-programm fil-futur;

N.

billi l-partijiet ikkonċernati jesprimu wkoll preferenza għal EAP anqas kumpless u aktar iffokat;

O.

billi hemm appoġġ ġenerali għat-Tmien EAP;

Konklużjonijiet prinċipali

1.

Iqis li s-Seba' EAP għandu valur miżjud u influwenza pożittiva fuq il-politiki ambjentali fil-livell tal-UE u dak tal-Istati Membri, b'benefiċċji għaċ-ċittadini, in-natura u l-partijiet ikkonċernati ekonomiċi;

2.

Itenni li s-Seba' EAP għandu viżjoni ċara fit-tul għall-2050, sabiex ikun hemm ambjent stabbli għal investiment u tkabbir sostenibbli, fi ħdan il-limiti ekoloġiċi tal-pjaneta;

3.

Jilqa' t-tendenzi pożittivi tal-passat fir-rigward ta' diversi għanijiet sekondarji tas-Seba' EAP u l-prospettiva inkoraġġanti għal xi wħud mill-għanijiet tal-2020;

4.

Jenfasizza, madankollu, li għad hemm potenzjal kbir għat-titjib u jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jsaħħu r-rieda politika sal-ogħla livell biex jimplimentaw is-Seba' EAP;

5.

Jiddispjaċih li huwa improbabbli li jintlaħaq l-għan prijoritarju li l-kapital naturali tal-Unjoni jiġi protett, ikkonservat u mtejjeb; jinnota bi tħassib, barra minn hekk, li l-miri tal-Istrateġija għall-Bijodiversità 2020 tal-UE u l-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika tal-UE mhumiex se jintlaħqu jekk ma jsirux sforzi immedjati, sostanzjali u addizzjonali;

6.

Jinnota li sar xi progress f'ċerti oqsma għall-għan prijoritarju 2, b'mod partikolari għall-miri relatati mal-klima u l-enerġija; jinnota, madankollu, li jrid jsir sforz akbar fuq l-effiċjenza tar-riżorsi; itenni l-potenzjal tad-Direttiva dwar l-Ekodisinn (8) u tar-Regolament dwar l-Ekotikketta (9) sabiex jittejbu l-prestazzjoni ambjentali u l-effiċjenza fir-riżorsi tal-prodotti matul iċ-ċiklu tal-ħajja tagħhom, billi fost l-oħrajn jiġu indirizzati d-durabbiltà, ir-riparabbiltà, l-użu mill-ġdid, ir-riċiklabbiltà, il-kontenut riċiklat u t-tul tal-ħajja tal-prodott;

7.

Jiddispjaċih li sal-2020 l-għan sekondarju relatat mal-ilħuq tal-istat kwalittattiv tajjeb tal-korpi tal-ilma tal-wiċċ mhux se jintlaħaq minħabba l-pressjoni mit-tniġġis, l-interventi fil-morfoloġija tal-mogħdijiet tal-ilma u l-konsum eċċessiv li jirriżulta mill-ammonti kbar ta' ilma użati għall-ġenerazzjoni tal-idroelettriċità;

8.

Jenfasizza li l-għanijiet tas-Seba' EAP huma miri minimi, u li jeħtieġ li jsiru sforzi addizzjonali konsiderevoli sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Ftehim ta' Pariġi u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli (SDGs);

9.

Ifakkar li l-UE u l-Istati Membri tagħha huma kollha firmatarji għall-Ftehim ta' Pariġi, u għalhekk huma impenjati għall-għanijiet tiegħu, u li huma ppreżentaw Kontribut Determinat fil-livell Nazzjonali li jwassal tnaqqis ta' 40 % tal-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra fl-ekonomija kollha sal-2030; jenfasizza l-ħtieġa li l-mira għall-2030 u l-mira tal-emissjonijiet żero netti fit-tul jiġu integrati bis-sħiħ fil-politiki u l-programmi kollha ta' finanzjament tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni żżomm il-miri tal-qafas dwar il-klima u l-enerġija taħt eżami, fil-kuntest tad-Djalogu ta' Faċilitazzjoni tal-2018 u tar-rendikonti globali ta' kull ħames snin, u jistedinha tħejji strateġija għal emissjonijiet żero sa nofs is-seklu għall-UE, li tipprovdi perkors kosteffikaċi biex jintlaħaq l-għan ta' emissjonijiet żero netti fil-Ftehim ta' Pariġi;

10.

Jinnota li hemm inċertezza konsiderevoli fir-rigward tal-progress lejn l-għanijiet għas-saħħa u l-benesseri tal-bniedem; jenfasizza li lakuni fl-għarfien u indikaturi limitati jxekklu l-iżvilupp u l-monitoraġġ tal-politika;

11.

Jilqa' l-inizjattivi eżistenti li jikkontribwixxu għat-tnaqqis tal-lakuni fl-għarfien, inkluż: il-mudell "Forza Mexxejja – Pressjoni – Qagħda Attwali – Esponiment – Effetti – Azzjoni"(DPSEEA) sabiex jiġu mifhuma l-ixprunaturi li jxekklu s-servizzi tal-ekosistema; il-"bijomonitoraġġ uman"(HBM) li jikkalkula l-esponiment tal-popolazzjonijiet umani għall-kontaminanti u l-effetti possibbli tagħhom fuq is-saħħa; u l-"Pjattaforma ta' Informazzjoni għall-Monitoraġġ tas-Sustanzi Kimiċi"(IPCheM);

12.

Jinsab imħasseb li l-għarfien speċjalizzat u l-kunsens xjentifiku mhux dejjem jitqiesu b'mod xieraq fit-tfassil tal-politika jew mhumiex jiġu ttrasferiti lill-partijiet responsabbli għall-implimentazzjoni; jenfasizza l-eżempji tal-bijoenerġija, iż-żejt tal-palm, il-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, is-sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali, il-produzzjoni u l-konsum tal-ikel, l-ippjanar u d-disinn urban, it-tniġġis tal-arja u tal-ħsejjes, u l-iskart tal-ikel urban bħala oqsma fejn l-evidenza xjentifika ta' riskji għas-saħħa tal-bniedem u l-ambjent twarrbu fil-ġenb f'dibattiti pubbliċi u politiċi; jemmen li l-għarfien xjentifiku wiesa', kif ukoll l-aderenza għall-prinċipju ta' prekawzjoni minħabba n-nuqqas ta' data xjentifika suffiċjenti, għandhom jiggwidaw it-teħid politiku responsabbli ta' deċiżjonijiet; ifakkar l-importanza tal-parir xjentifiku tal-aġenziji tal-UE f'dan il-kuntest; jenfasizza li prinċipji ta' gwida oħrajn fil-liġi u l-politika ambjentali tal-UE jinkludu l-prinċipju ta' min iniġġes iħallas, l-azzjoni preventiva u l-indirizzar tal-kwistjonijiet tas-sors;

13.

Jikkundanna n-nuqqas tal-Kummissjoni li tirrispetta l-iskadenzi stipulati bil-liġi għall-abbozzar ta' kriterji armonizzati bbażati fuq il-periklu għall-identifikazzjoni ta' sustanzi li jfixklu s-sistema endokrinali u għar-rieżami tar-Regolament (KE) Nru 1223/2009 (10) (ir-Regolament dwar il-Kożmetiċi) fir-rigward tas-sustanzi li jħarbtu s-sistema endokrinali; jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi b'mod immedjat ir-Regolament dwar il-Kożmetiċi fir-rigward tas-sustanzi kimiċi li jfixklu s-sistema endokrinali mingħajr aktar dewmien; jiddispjaċih li n-nuqqas ta' progress suffiċjenti dwar sustanzit li jfixxklu s-sistema endokrinali tqiegħed riskji fuq is-saħħa taċ-ċittadini u tfixkel il-kisba tal-għan prijoritarju 3 tas-Seba' EAP;

14.

Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' progress fl-iżvilupp ta' strateġija tal-Unjoni għal ambjent mhux tossiku, il-promozzjoni ta' ċikli ta' materjal mhux tossiku u u t-tnaqqis tal-espożizzjoni għal sustanzi perikolużi, inklużi sustanzi kimiċi fil-prodotti; jenfasizza l-fatt li huma meħtieġa aktar sforzi biex jiġi żgurat li, sal-2020, is-sustanzi kollha rilevanti ta' tħassib kbir, inklużi s-sustanzi bi proprjetajiet li jfixklu s-sistema endokrinali, jitpoġġew fil-lista ta' kandidati ta' REACH, kif stipulat fis-Seba' EAP; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-effetti kkombinati ta' sustanzi kimiċi jkunu indirizzati b'mod effettiv fil-leġiżlazzjoni kollha rilevanti tal-Unjoni mill-aktar fis possibbli, b'enfasi speċjali fuq ir-riskji għat-tfal li jirriżultaw minn esponiment għal sustanzi perikolużi; jilqa' l-istrateġija tal-Kummissjoni dwar il-plastiks u jitlob l-implimentazzjoni rapida tagħha; itenni, f'dan il-kuntest, li l-promozzjoni ta' ċikli ta' materjal mhux tossiku hija essenzjali għall-iżvilupp ta' suq funzjonali għall-materjali sekondarji;

15.

Jenfasizza li n-nuqqas ta' integrazzjoni tat-tħassib ambjentali f'oqsma ta' politika oħra huwa wieħed mill-kawżi ewlenin tad-diskrepanzi fl-implimentazzjoni fil-leġiżlazzjoni u l-politika ambjentali; iqis li s-sinerġiji bejn l-istrumenti ta' politika oħra ta' livell għoli tal-UE (bħal pereżempju l-politika agrikola komuni (PAK), il-politika komuni tas-sajd (PKS), il-fondi strutturali u ta' koeżjoni) u iktar koerenza bejn il-prijoritajiet politiċi ta' livell għoli jibqgħu fundamentali sabiex jinkisbu l-għanijiet tas-Seba' EAP; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill, fil-kompożizzjonijiet kollha tagħhom, itejbu l-koordinazzjoni tal-politika u l-integrazzjoni tal-għanijiet tas-Seba' EAP; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li l-aspetti kollha tas-Seba' EAP li għadhom ma ġewx ittrattati fid-dettall jiġu integrati fis-Semestru Ewropew;

16.

Jissottolinja li l-potenzjal għall-istabbiliment ta' mekkaniżmi finanzjarji ġodda għall-konservazzjoni tal-bijodiversità bil-għan li jintlaħqu l-miri tal-2020 huwa limitat minħabba l-perjodu ta' żmien tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) attwali; jitlob, f'dan ir-rigward, li r-riżorsi fi ħdan il-QFP attwali, inklużi l-LIFE, il-PAK u l-Fondi Strutturali, jintużaw bis-sħiħ u jitlob li fil-QFP li jmiss jiġu inklużi mekkaniżmi finanzjarji ġodda għall-konservazzjoni tal-bijodiversità;

17.

Jilqa' t-titjib fil-PKS u l-politika ta' koeżjoni, li żiedu l-koerenza mas-Seba' EAP; jiddispjaċih, madankollu, li minkejja t-titjib fil-qafas regolatorju, il-PKS għadha tbati minn implimentazzjoni dgħajfa; ifakkar l-importanza ta' stokkijiet tal-ħut b'saħħithom;

18.

Jagħraf li l-PAK, b'mod progressiv, integrat it-tħassib ambjentali iżda għada tippreżenta sfidi għall-ilħuq tal-għanijiet tal-EAP, b'mod partikolari fir-rigward tal-produzzjoni intensiva fl-użu tar-riżorsi u l-bijodiversità; ifakkar li l-PAK għandha l-isfida li tipprevjeni d-degradazzjoni ambjentali kkawżata minn prattiki agrikoli mhux xierqa (bħal bijofjuwils mhux sostenibbli), intensifikazzjoni agrikola mhux sostenibbli u abbandun tal-art, filwaqt li tipprovdi kwalità aħjar u aktar kwantitajiet ta' ikel u materja prima agrikola għal popolazzjoni dinjija li kulma jmur qiegħda tikber; jenfasizza li inizjattivi u appoġġ ulterjuri għal metodi agrikoli sostenibbli, inklużi r-rotazzjoni tal-uċuħ tar-raba' u pjanti li jikkonvertu n-nitroġenu, huma essenzjali u jeħtieġ jikkunsidraw l-agrikoltura u l-bdiewa bħala parti mis-soluzzjoni;

19.

Jenfasizza li l-protezzjoni u t-titjib tas-sigurtà tal-ikel fuq terminu twil bil-prevenzjoni tal-ħsara ambjentali u t-tendenza lejn sistema ta' ikel sostenibbli li tipprovdi ikel bi prezzijiet raġonevoli għall-konsumaturi għandhom ikunu prijoritajiet ewlenin ta' PAK riformata; jenfasizza li dawn l-għanijiet jistgħu jinkisbu biss permezz ta' ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u ta' interventi politiċi li jiżguraw il-ħarsien tal-ekosistemi;

20.

Ifakkar li, fil-kuntest tat-tibdil fil-klima u popolazzjoni tad-dinja li qiegħda tikber, id-domanda li qiegħda tiżdied għal dieti rikki fil-proteini tal-annimali qiegħda toħloq pressjonijiet ambjentali sinifikanti fuq l-art agrikola u l-ekosistemi dejjem aktar fraġli; jenfasizza wkoll li d-dieti b'ammont eċċessiv ta' xaħam tal-annimali huma marbuta dejjem iżjed mal-piż ta' mard li ma jitteħidx;

21.

Ifakkar l-impenn tal-Kummissjoni tal-2016 li tintegra l-SDGs f'politiki u inizjattivi tal-UE; jirrikonoxxi li dan l-impenn m'għandux strateġija ċara u proposti konkreti għal strutturi istituzzjonali u qafas ta' governanza li jiżguraw l-integrazzjoni tal-SDGs fil-politiki tal-UE, fil-proposti leġiżlattivi, fl-implimentazzjoni u fl-infurzar; iqis li huwa importanti għall-UE li timpenja ruħha bis-sħiħ, bħala pijuniera, fl-ilħuq tal-għanijiet tal-Aġenda 2030 u tal-iżvilupp sostenibbli; jenfasizza, barra minn hekk, li s-Seba' EAP huwa strument ewlieni għall-implimentazzjoni tal-SDGs;

22.

Jinnota l-kwalità għolja tal-ilma tajjeb għax-xorb fl-UE; jistenna r-reviżjoni tad-Direttiva 98/83/KE (11) ("id-Direttiva dwar l-Ilma tax-Xorb") biex isiru l-aġġornamenti meħtieġa lil dan il-qafas legali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fil-kuntest tal-EAP, jintegraw aktar l-għanijiet tal-UE dwar l-ilma f'politiki settorjali oħra, b'mod partikolari l-PAK;

23.

Jilqa' t-titjib li sar minn diversi proġetti ffinanzjati mill-UE, iżda jiddispjaċih li ntilfet opportunità biex jingħataw riżultati aħjar kif enfasizzat mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA); jenfasizza li l-QFP ta' wara l-2020 irid ikun orjentat lejn l-iżvilupp sostenibbli u l-integrazzjoni tal-politika ambjentali f'kull mekkaniżmu ta' finanzjament u linja baġitarja; jenfasizza l-ħtieġa li jiżdied l-investiment ekoloġiku, l-innovazzjoni u t-tkabbir sostenibbli bl-użu ta' għodod ġodda ta' finanzjament, kemm pubbliċi kif ukoll privati, u approċċi differenti għall-politika ta' investiment attwali bħalma huma l-eliminazzjoni gradwali ta' sussidji li jagħmlu ħsara lill-ambjent sabiex tinkiseb il-viżjoni fit-tul tas-Seba' EAP; iqis li kriterji ta' sostenibbiltà u għanijiet ibbażati fuq il-prestazzjoni ddefiniti b'mod ċar għandhom japplikaw għal fondi kollha strutturali u ta' investiment tal-UE; jitlob li jkun hemm użu iktar effiċjenti u mmirat tal-QFP attwali u l-fondi taħt il-politiki ta' żvilupp reġjonali u ta' koeżjoni, u biex il-problemi msemmija hawn fuq li saret referenza għaliha mill-QEA jiġu indirizzati b'mod urġenti; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jappoġġaw it-tkomplija tal-allokazzjoni ta' riżorsi baġitarji tal-UE għal azzjoni dwar it-tibdil fil-klima u l-ambjent, kif ukoll iż-żieda possibbli tagħhom;

24.

Jiddeplora n-nuqqasijiet persistenti tat-trattament tal-ilma urban mormi f'għadd ta' reġjuni fl-Ewropa; jenfasizza l-potenzjal ta' trattament tal-ilma mormi u l-użu mill-ġdid biex itaffu sitwazzjonijiet ta' stress tal-ilma, tnaqqis jew irtirar diretti tal-ilma għall-produzzjoni tal-bijogass u jiggarantixxu ġestjoni aħjar tar-riżorsi tal-ilma, b'mod partikolari permezz tal-irrigazzjoni għall-agrikoltura; jistenna bil-ħerqa l-proposta leġiżlattiva dwar l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi li l-Kummissjoni se tressaq fil-bidu tal-2018;

25.

Jinnota li l-akbar theddid ambjentali għas-saħħa huwa l-aktar evidenti f'żoni urbani iżda jaffettwa wkoll żoni periferali u agglomerazzjonijiet suburbani, u li sal-2020, 80 % tal-popolazzjoni hija mistennija li tkun qed tgħix f'żoni urbani u suburbani; jenfasizza l-fatt li l-emissjonijiet ta' sustanzi niġġiesa atmosferiċi, flimkien ma' ppjanar u infrastruttura inadegwati, għandhom konsegwenzi drammatiċi ekonomimċi, soċjali, fuq is-saħħa pubblika u ambjentali; jinnota li t-tniġġis tal-arja diġà jikkawża aktar minn 400 000 mewta prematura fl-UE (12) u li l-ispejjeż esterni relatati mas-saħħa jvarjaw minn EUR 330 biljun għal EUR 940 biljun;

26.

Jisħaq li tal-inqas 10 000 mewta prematura fl-UE huma kkawżati minn mard relatat mal-ħsejjes u madwar kwart tal-popolazzjoni Ewropea fl-2012 kienet esposta għal livelli ta' ħsejjes li jaqbżu l-limitu; jistieden lill-Istati Membri jipprijoritizzaw il-monitoraġġ tal-livelli ta' ħsejjes f'konformità mad-Direttiva 2002/49/KE (13), sabiex tiġi żgurata l-konformità tal-valuri ta' limitu applikabbli mal-ambjent estern u intern;

27.

Jirrikonoxxi l-progress fit-tnaqqis ta' ċerti sustanzi li jniġġsu l-atmosfera, b'mod partikolari fiż-żoni urbani, iżda jiddispjaċih bil-problemi persistenti tal-kwalità tal-arja, li l-emissjonijiet mit-trasport bit-triq u mill-agrikoltura huma fattur kontributorju sinifikanti għalihom; jirrikonoxxi l-pakkett ta' "mobilità nadifa"ppreżentat mill-Kummissjoni f'Novembru 2017 u l-Istrateġija Ewropea għal Mobbiltà b'Emissjonijiet Baxxi ppreżentata fl-2016, li tista' twitti t-triq lejn mobilità b'emissjonijiet baxxi fl-Unjoni;

28.

Jilqa' l-progress li sar fir-rigward tal-leġiżlazzjoni dwar il-pakkett tal-ekonomija ċirkolari; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jilħqu ftehim b'miri ambizzjużi;

Rakkomandazzjonijiet

29.

Jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw il-progress tagħhom fl-ilħuq tal-għanijiet tas-Seba' EAP u jorjentaw mill-ġdid l-azzjonijiet tagħhom fejn meħtieġ; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu r-riżultati disponibbli għall-pubbliku;

30.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li kwalunkwe proposta leġiżlattiva timplimenta bis-sħiħ l-għanijiet u l-miżuri tas-Seba' EAP;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura l-inklużjoni attiva tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni ambjentali tal-UE;

32.

Jitlob li l-istituzzjonijiet u l-aġenziji rilevanti tal-UE jagħtu prijorità lir-riċerka u jagħlqu l-lakuni fl-għarfien fl-oqsma li ġejjin: il-limiti ambjentali stabbiliti (punti kritiċi), il-paradigma tal-ekonomija ċirkolari, l-effetti kkombinati ta' sustanzi kimiċi, in-nanomaterjali, il-metodi ta' identifikazzjoni tal-periklu, l-impatti tal-mikroplastik, l-interazzjoni bejn ir-riskji sistemiċi u determinanti oħra tas-saħħa, l-użu tal-ħamrija u tal-art u l-ispeċijiet aljeni invażivi;

33.

Jilqa' r-Rieżami tal-Implimentazzjoni Ambjentali (EIR) bħala mekkaniżmu pożittiv biex titjieb l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni u l-politika ambjentali tal-UE, li jista' jikkontribwixxi għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tas-Seba' EAP, kif diġà enfasizzat fir-riżoluzzjoni tiegħu tal-16 ta' Novembru 2017 dwar ir-Reviżjoni Ambjentali tal-UE; iqis li l-EIR għandu jinvolvi b'mod sħiħ lill-partijiet interessati rilevanti kollha, inkluża s-soċjetà ċivili, u għandu jkopri l-ambitu sħiħ tal-għanijiet tematiċi ta' prijorità tal-EAP;

34.

Jistieden lill-Unjoni u lill-Istati Membri biex malajr u b'mod definittiv jabbandunaw sussidji li huma ta' ħsara għall-ambjent;

35.

Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jżidu u jikkoordinaw l-isforzi sabiex jippromwovu l-iżvilupp u l-validazzjoni tal-metodi alternattivi għall-ittestjar fuq l-annimali sakemm dawn jikkontribwixxu għall-ilħuq tal-għan prijoritarju Nru 5 tas-Seba' EAP;

36.

Isejjaħ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħmlu aktar sabiex itejbu l-bażi ta' għarfien u dik xjentifika tal-politiki ambjentali tal-UE, billi jżidu l-aċċessibbiltà tad-data għaċ-ċittadini u jippromwovu l-involviment tal-pubbliku fir-riċerka xjentifika;

37.

Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE, kif ukoll lill-gvernijiet nazzjonali u reġjonali fejn xieraq, jużaw bis-sħiħ l-għarfien speċjalizzat disponibbli dwar ir-riskji għall-ambjent u s-saħħa tal-bniedem meta jfasslu u jissorveljaw il-politiki;

38.

Jappella għal titjib tas-sistema tal-awtorizzazzjoni tal-pestiċidi fl-UE, ibbażata fuq evalwazzjoni ta' studji xjentifiċi bejn il-pari u ta' trasparenza sħiħa dwar il-grad ta' esponiment għall-bniedem u għall-ambjent u għas-saħħa; jappella għal standards imtejba ta' monitoraġġ ta' pestiċidi u miri għat-tnaqqis tal-użu tagħhom; jieħu nota tal-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-12 ta' Diċembru 2017 dwar l-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej ‘Ipprojbixxu l-glifosat u pproteġu lin-nies u lill-ambjent mill-pestiċidi tossiċi’" (C(2017)8414);

39.

Jappella biex ikun hemm livell suffiċjenti ta' riżorsi materjali u umani li għandhom jiġu pprovduti b'tali mod li l-aġenziji tal-UE jistgħu jwettqu l-missjonijiet tagħhom u jipprovdu data xjentifika, analiżi u evidenza tal-aqwa kwalità;

40.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li sal-2020 jiġu identifikati azzjonijiet fit-tul bl-għan li jinkiseb ambjent mhux tossiku;

41.

Jitlob lill-aġenziji rilevanti tal-UE u lill-Kummissjoni jżidu l-kwantità u l-kwalità tal-indikaturi użati għall-monitoraġġ tal-progress; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkooperaw fil-produzzjoni u l-ġbir ta' data ġdida sabiex jinħolqu indikaturi ġodda u jittejbu dawk eżistenti;

42.

Jitlob li l-kwistjoni tal-implimentazzjoni tidher bħala punt rikorrenti fil-programmi u l-prijoritajiet tat-triju ta' Presidenzi, tiġi diskussa fil-Kunsill Ambjent tal-inqas darba fis-sena, possibbilment permezz ta' Kunsill ta' Implimentazzjoni ddedikat, u li dan jiġi kkomplementat minn forum ieħor li fih jiġu involuti wkoll il-Parlament u l-Kumitat tar-Reġjuni; jitlob laqgħat konġunti tal-Kunsill sabiex tiġi trattata l-implimentazzjoni ta' kwistjonijiet transsettorjali u orizzontali u ta' sfidi komuni, kif ukoll kwistjonijiet emerġenti b'impatti transkonfinali possibbli;

43.

Jitlob li titħaffef l-implimentazzjoni sħiħa tal-Istrateġija tal-Bijodiversità tal-UE;

44.

Jitlob li l-proġetti infrastrutturali, b'mod partikolari dawk relatati mat-TEN-T, iqisu bis-sħiħ l-impatti ambjentali fil-livell reġjonali u fil-livell tal-proġett; jinnota li koerenza bejn il-politiki ambjentali differenti hija rilevanti wkoll; jenfasizza l-importanza li l-ambjent u l-bijodiversità jiġu kkunsidrati fil-proġetti ta' infrastruttura għall-produzzjoni tal-enerġija idroelettrika u tal-baħar li tiġġedded;

45.

Isejjaħ lill-Istati Membri jwettqu aktar sforzi sabiex jiġi ppreservat l-użu u l-integrità tar-riżervi tal-ilma ħelu, minħabba l-inċertezza marbuta mal-possibbiltà li ma jintlaħaqx l-għan sekondarju inkluż f'dan ir-rigward fis-Seba' EAP; jistieden lill-Istati Membri jirrimedjaw bħala prijorità għall-istat ħażin tal-ilmijiet tal-wiċċ billi l-għanijiet ta' dan is-settur aktarx mhux se jintlaħqu sal-2020; jistieden lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jindirizzaw il-pressjonijiet fuq il-korpi tal-ilma, u dan billi tiġi eliminata l-oriġini tas-sorsi ta' tniġġis tal-ilmijiet, filwaqt li jiġu stabbiliti żoni mhux mittiefsa mid-derivazzjonijiet idroelettriċi u filwaqt li tiġi żgurata ż-żamma tal-flussi ekoloġiċi tul ix-xmajjar; jistieden lill-Kummissjoni ma ttawwalx il-valutazzjoni dwar il-konformità tat-tieni ċiklu ta' pjanijiet ta' mmaniġġjar tal-baċini tax-xmara, li ġew adottati mill-Istati Membri skont id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma;

46.

Iħeġġeġ aktar riforma tal-PAK biex jiġu allinjati l-produzzjoni tal-ikel sostenibbli u l-miri tal-politika ambjentali, inklużi l-miri tal-bijodiversità, sabiex tiġi ssalvagwardjata s-sigurtà tal-ikel issa u fil-futur; jenfasizza l-ħtieġa għal politika agrikola intelliġenti b'impenn sod biex jinħolqu beni pubbliċi u servizzi tal-ekosistema relatati mal-ħamrija, l-ilma, il-bijodiversità, il-kwalità tal-arja, l-azzjoni klimatika u l-għoti ta' faċilitajiet li jiffavorixxu l-pajsaġġ; jitlob politika integrata b'approċċ immirat u ambizzjuż iżda flessibbli, fejn l-għoti ta' appoġġ lis-settur agrikolu ikun marbut kemm mas-sigurtà tal-ikel kif ukoll mat-twassil ta' riżultati ambjentali; jistieden lill-Istati Membri jirrikonoxxu l-agroforestrija bħala erja b'fokus ekoloġiku skont l-Artikolu 46 tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 (14); jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-prattiki tal-biedja ta' benefiċċju għall-ambjent jingħataw appoġġ xieraq fi kwalunkwe rieżami futur tal-PAK;

47.

Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżidu l-adozzjoni ta' soluzzjonijiet għall-isfidi ambjentali, b'mod partikolari fejn jeżistu soluzzjonijiet tekniċi iżda li għadhom mhux qed jintużaw bis-sħiħ, bħat-tnaqqis tal-ammonja fl-agrikoltura;

48.

Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb b'mod sinifikanti l-volum, l-użu u l-amministrazzjoni tal-fondi tal-UE għall-għanijiet tal-EAP; jitlob monitoraġġ, trasparenza u responsabbiltà aħjar; jitlob li jiġu integrati kwistjonijiet klimatiċi u kwistjonijiet ambjentali oħra fil-baġit tal-UE;

49.

Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa, mingħajr dewmien, qafas strateġiku komprensiv u ġenerali dwar l-implimentazzjoni tal-SDGs fl-UE, li jindirizza l-oqsma kollha ta' politika u li jinkludi mekkaniżmu ta' rieżami sabiex jiġi vvalutat il-progress tal-implimentazzjoni; jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi verifika tal-SDGs ta' kull politika u leġiżlazzjoni ġdida u tiżgura koerenza tal-politika sħiħa fl-implimentazzjoni tal-SDGs;

50.

Jistieden lill-Kummissjoni tiggarantixxi l-infurzar tad-dritt tal-Unjoni eżistenti u tiżgura l-konformità sħiħa tal-Istati Membri mal-għanijiet tas-Seba' EAP billi tuża l-għodod kollha li għandha għad-dispożizzjoni tagħha, pereżempju l-proċeduri ta' ksur;

51.

Jilqa' r-rapporti speċjali eżistenti u l-awditi ta' prestazzjoni tal-QEA u jistieden lill-QEA tkompli tanalizza oqsma oħra rilevanti għall-EAP li ma ġewx inklużi fil-programm ta' ħidma sa issa;

52.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri jipprovdu gwida xierqa sabiex il-fondi tal-UE jkunu aktar aċċessibbli, inklużi għall-proġetti lokali, b'mod partikolari fir-rigward tal-infrastruttura ekoloġika, il-bijodiversità, u d-Direttivi dwar l-Għasafar u l-Ħabitats;

53.

Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni dwar il-kwalità tal-arja; jistieden lill-awtoritajiet reġjonali jipprovdu qafas ta' appoġġ, b'mod partikolari fir-rigward tal-ippjanar urban u t-tfassil ta' politika lokali, sabiex jitjiebu l-eżiti tas-saħħa fl-oqsma kollha, u b'mod partikolari fl-oqsma affettwati bl-agħar mod;

54.

Isejjaħ lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali kompetenti jadottaw pjanijiet komprensivi ta' miżuri kredibbli sabiex tintemm il-problema tal-qbiż tal-valuri ta' limitu ta' kuljum u fis-sena stabbiliti mil-liġi tal-UE dwar il-materja partikolata fina u ultrafina fl-agglomeranti fejn il-kwalità tal-arja hija ħażina; jenfasizza l-fatt li dan huwa essenzjali sabiex jintlaħqu l-għanijiet prijoritarji Nru 2, 3 u 8 tas-Seba' EAP;

55.

Jipproponi l-azzjonijiet li ġejjin sabiex tittejjeb il-kwalità tal-arja fiż-żoni urbani: l-istabbiliment ta' żoni b'emissjonijiet baxxi; il-promozzjoni tal-faċilitajiet u s-servizzi tal-car-sharing u tar-ride-sharing; it-tneħħija gradwali tat-trattament fiskali preferenzjali għal vetturi li jniġġsu ħafna; l-introduzzjoni ta' "baġits tal-mobilità"għall-impjegati bħala alternattivi għall-karozzi tal-kumpaniji; l-applikazzjoni ta' politiki dwar l-ipparkjar li jnaqqsu l-volum tat-traffiku f'żoni konġestjonati; it-titjib fl-infrastruttura sabiex jitħeġġeġ iċ-ċikliżmu u jiżdiedu l-konnessjonijiet multimodali u tittejjeb is-sigurtà taċ-ċikliżmu; l-istabbiliment ta' żoni pedonali;

56.

Jappella għat-tisħiħ tal-ippjanar u l-iżvilupp urban fuq il-livelli ta' governanza xierqa biex l-infrastruttura tiġi adattata għall-vetturi elettriċi u vetturi nodfa kemm jista' jkun malajr, eż. bl-installazzjoni ta' infrastrutturi għall-iċċarġjar, u biex jiġu pprovduti benefiċċji ambjentali u tas-saħħa bħal dawk li jnaqqsu l-effett ta' gżejjer ta' sħana u jżidu l-attività fiżika, eż. billi tiżdied l-infrastruttura ekoloġika u l-irkupru ta' żoni industrijali degradati jew abbandunati; jirrikonoxxi li dawn il-miżuri se jtejbu l-kwalità tal-arja, jiġġieldu l-mard u l-imwiet prematuri kkawżati mit-tniġġis, u jippermettu li jsir progress lejn mobilità b'emissjonijiet żero;

57.

Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw kompetizzjoni intermodali ġusta u qlib għal mezzi tat-trasport sostenibbli;

58.

Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, sa mhux aktar tard mill-2019, Programm ta' Azzjoni Ambjentali globali tal-Unjoni għall-perjodu ta' wara l-2020, kif meħtieġ mill-Artikolu 192(3) tat-TFUE; jenfasizza l-importanza tat-trasparenza u tar-responsabbiltà demokratika meta jsir monitoraġġ tal-politika tal-UE; jenfasizza, għalhekk, li l-EAP li jmiss għandu jinkludi stadji importanti ta' nofs it-terminu li jkunu jistgħu jitkejlu u bbażati fuq ir-riżultati;

59.

Jistieden lill-Kummissjoni li jmiss tiddedika qasam ta' prijorità tat-terminu leġiżlattiv li jmiss għall-iżvilupp sostenibbli, il-protezzjoni ambjentali u klimatika b'mod ġenerali u l-għanijiet tas-Seba' EAP u t-8 EAP li jmiss b'mod partikolari;

o

o o

60.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri, lill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent, u lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 354, 28.12.2013, p. 171.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2017)0450.

(3)  ĠU C 265, 11.8.2017, p. 65.

(4)  ĠU C 35, 31.1.2018, p. 2.

(5)  Testi adottati, P8_TA(2017)0441.

(6)  Testi adottati, P8_TA(2017)0100.

(7)  ĠU C 258 E, 7.9.2013, p. 115.

(8)  Id-Direttiva 2009/125/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Ottubru 2009 li tistabbilixxi qafas għall-iffissar ta' rekwiżiti għall-ekodisinn għal prodotti relatati mal-enerġija (ĠU L 285, 31.10.2009, p. 10).

(9)  Ir-Regolament (KE) Nru 66/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2009 dwar skema ta' Ekotikketta tal-UE (ĠU L 27, 30.1.2010, p. 1).

(10)  Ir-Regolament (KE) Nru 1223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Novembru 2009 dwar il-prodotti kożmetiċi (ĠU L 342, 22.12.2009, p. 59).

(11)  Id-Direttiva tal-Kunsill 98/83/KE tat-3 ta' Novembru 1998 dwar il-kwalità tal-ilma maħsub għall-konsum mill-bniedem (ĠU L 330, 5.12.1998, p. 32).

(12)  Ir-rapport tal-EEA Nru 13/2017 tal-11 ta’ Ottubru 2017 dwar "Air quality in Europe 2017"(il-kwalità tal-arja fl-Ewropa 2017).

(13)  Id-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali (ĠU L 189, 18.7.2002, p. 12).

(14)  Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608).