5.4.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 129/49


P8_TA(2018)0059

Il-qtugħ tas-sorsi ta' dħul għall-ġiħadisti – nindirizzaw il-finanzjament tat-terroriżmu

Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew tal-1 ta' Marzu 2018 lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lis-SEAE dwar il-qtugħ tas-sorsi ta' dħul għall-ġiħadisti – nindirizzaw il-finanzjament tat-terroriżmu (2017/2203(INI))

(2019/C 129/07)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Finanzjament tat-Terroriżmu tal-1999,

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-27 ta' Ottubru 2016 dwar is-sitwazzjoni fit-Tramuntana tal-Iraq/Mosul (1) u r-riżoluzzjoni tiegħu tat-30 ta' April 2015 dwar il-qerda ta' siti kulturali mwettqa mill-ISIS/Da'esh (2),

wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali tal-UE għall-Politika Estera u ta' Sigurtà,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1210/2003 tas-7 ta' Lulju 2003 dwar ċerti ristrizzjonijiet speċifiċi fuq relazzjonijiet ekonomiċi u finanzjarji mal-Iraq u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2465/96 (3),

wara li kkunsidra l-Istrateġija Globali kontra t-Terroriżmu tan-Nazzjonijiet Uniti u r-riżoluzzjonijiet 1267 (1999), 1373 (2001), 1989 (2011), 2133 (2014), 2199 (2015), 2253 (2015) u 2368 (2017) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU,

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (4),

wara li kkunsidra l-proposta għal direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li temenda d-Direttiva (UE) 2015/849 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u li temenda d-Direttiva 2009/101/KE (COM(2016)0450),

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Manama dwar il-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, tat-9 ta' Novembru 2014,

wara li kkunsidra d-dokument tat-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF) dwar l-Aħjar Prattiki dwar Sanzjonijiet Finanzjarji Mmirati relatati mat-Terroriżmu u l-Finanzjament tat-Terroriżmu,

wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-24 ta' Ottubru 2014 tal-FATF dwar il-ġlieda kontra l-finanzjament tal-Organizzazzjoni Terroristika Stat Iżlamiku fl-Iraq u l-Levante (ISIL) u tar-rapport tat-Task force, ta' Frar 2015 dwar il-Finanzjament tal-ISIL,

wara li kkunsidra l-ħdax-il Rapport ta' Progress tal-Unjoni tas-Sigurtà, ippubblikat mill-Kummissjoni fit-18 ta' Ottubru 2017,

wara li kkunsidra l-Addendum tal-Memorandum tal-Alġier dwar Prattiki Tajbin fil-Prevenzjoni u ċ-Ċaħda tal-Benefiċċji tal-Ħtif tal-Persuni għal Riskatt mit-Terroristi, tal-Forum Globali Kontra t-Terroriżmu (GCTF), ta' Settembru 2015,

wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Taormina tal-G7 tas-26 ta' Mejju 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti,

wara li kkunsidra l-Kumitat Speċjali dwar it-Terroriżmu, li għadu kemm ġie stabbilit,

wara li kkunsidra l-Artikolu 16 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Artikoli 7 u 8 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2015/827 tat-28 ta' Mejju 2015 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 36/2012 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fis-Sirja (5),

wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Kummissjoni ta' Frar 2016 għat-tisħiħ tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu,

wara li kkunsidra r-Rapport tal-Europol dwar is-Sitwazzjoni u t-Tendenzi tat-Terroriżmu fl-UE fl-2017 (TE-SAT),

wara li kkunsidra rapport tas-26 ta' Ġunju 2017 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-valutazzjoni tar-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li jaffettwaw is-suq intern u li huma relatati ma' attivitajiet transfruntiera (COM(2017)0340),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2017/541 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2017 dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/475/ĠAI u li temenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/671/ĠAI (6),

wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' April 2016 dwar il-protezzjoni ta' persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta' data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta' reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta' pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta' tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (7),

wara li kkunsidra l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2017 dwar l-importazzjoni ta' beni kulturali (COM(2017)0375),

wara li kkunsidra d-disa' Rapport ta' Progress tal-Unjoni tas-Sigurtà, ippubblikat mill-Kummissjoni fis-27 ta' Lulju 2017,

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tat-18 ta' Ottubru 2017 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu “Il-ħdax-il rapport dwar il-progress lejn Unjoni tas-Sigurtà effettiva u ġenwina” (COM(2017)0608),

wara li kkunsidra l-Artikolu 113 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0035/2018),

A.

billi wieħed mill-elementi ewlenin fil-ġlieda kontra t-terroriżmu huwa l-qtugħ tas-sorsi ta' finanzjament tiegħu, fosthom permezz taċ-ċirkwiti moħbija ta' frodi u evażjoni tat-taxxa, il-ħasil tal-flus u r-rifuġji fiskali;

B.

billi xi finanzjament jista' jiġi minn pajjiżi Ewropej biex jintuża xi mkien ieħor mill-organizzazzjonijiet terroristiċi, filwaqt li finanzjament ieħor jiġi minn barra l-Ewropa, sabiex jiffinanzja r-radikalizzazzjoni u l-atti terroristiċi veri u proprji; billi d-dimensjonijiet esterna u interna tal-ġlieda kontra t-terroriżmu huma interrelatati, billi l-qtugħ tas-sorsi ta' finanzjament tat-terroriżmu għandu jkun parti minn strateġija usa' tal-UE li tintegra d-dimensjonijiet esterna kif ukoll interna tas-sigurtà;

C.

billi n-netwerks moderni ta' komunikazzjoni, u l-finanzjament kollettiv (crowdfunding) b'mod partikolari, urew li huma mezz irħis u effiċjenti biex jiġu ġġenerati fondi għall-finanzjament ta' attivitajiet terroristiċi jew il-ġestjoni tan-netwerk ġiħadista; billi l-gruppi terroristiċi kienu kaġaċi jiġbru fondi addizzjonali għall-attivitajiet tagħhom permezz tal-“phishing”, is-serq tal-identità u x-xiri ta' dettalji tal-karti tal-kreditu misruqa minn forua online;

D.

billi dan il-finanzjament jista' jintuża bi tliet modi: għal attakki terroristiċi li jeħtieġu finanzjament fuq skala kbira; għal attakki oħra li, minkejja li l-effetti tagħhom ikunu daqstant brutali, jirrikjedu ammonti iżgħar ta' flus; u għall-finanzjament ta' propaganda li tista' tnebbaħ attakki minn “lupu solitarju” li jistgħu jsiru anke b'ammont ċkejkejn ta' flus u bi ftit ppjanar minn qabel; billi r-rispons jeħtieġ li jkun effettiv fl-indirizzar ta' kull sitwazzjoni;

E.

billi finanzjament minn għejun legali jista' jiġi mgħoddi minn min jirċevih lil partijiet terzi, individwi, gruppi, kumpaniji jew entitajiet b'rabtiet ma' attivitajiet terroristiċi;

F.

billi minħabba li t-terroriżmu hu reat globali, ir-rispons effettiv għalih irid ukoll ikun globali u olistiku, b'koordinament bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji, l-aġenziji inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi u l-organi ġudizzjarji, waqt li l-iskambju ta' informazzjoni rilevanti dwar persuni fiżiċi u ġuridiċi u dwar attività suspetta huwa assolutament essenzjali, meta niftakru li l-protezzjoni tad-data personali u r-rispett għall-privatezza huma drittijiet fundamentali importanti;

G.

billi, bħala riżultat ta' leaks ta' data f'dawn l-aħħar snin, żiedet b'mod konsiderevoli s-sensibilizzazzjoni dwar ir-rabtiet bejn il-ħasil tal-flus u l-evażjoni tat-taxxa minn naħa waħda u l-kriminalità organizzata u l-finanzjament tat-terroriżmu min-naħa l-oħra, u billi dawn il-kwistjonijiet saru punt fokali ewlieni ta' tħassib politiku internazzjonali; billi, kif rikonoxxut mill-Kummissjoni, rapporti reċenti fil-midja wrew li teżisti rabta bejn il-frodi fuq skala kbira tal-VAT u tas-sisa u l-kriminalità organizzata, inkluż it-terroriżmu (8);

H.

billi l-ġurisdizzjonijiet tal-Istati Membri kważi kollha kkriminalizzaw l-finanzjament tat-terroriżmu bħala reat għalih waħdu;

I.

billi d-data finanzjarja hija għodda importanti għall-ġbir tal-intelligence sabiex jiġu analizzati n-netwerks terroristiċi u l-aħjar modi biex jiġu sfrattati l-attivitajiet tagħhom; billi teżisti ħtieġa li għadha għaddejja ta' infurzar adegwat tal-leġiżlazzjoni għall-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; billi huma meħtieġa strateġiji komprensivi u preventivi msejsa fuq l-iskambju ta' informazzjoni bażika u kooperazzjoni mtejba bejn l-unitajiet tal-intelligence finanzjarja, l-aġenziji tal-intelligence u l-aġenziji inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi involuti fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu; billi din l-informazzjoni għandha tkopri x-xejriet li qed jevolvu fil-qasam tal-finanzi internazzjonali bħalma huma Bitmap, il-kodifikazzjoni SWIFT, il-kriptovaluti u l-mekkaniżmi regolatorji korrispondenti; billi l-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu fil-livell dinji trid tinvolvi standards dinjija ta' trasparenza rigward is-sidien benefiċjarji aħħarin tal-entitajiet korporattivi, trusts u arranġamenti simili, sabiex jinxteħet dawl fuq l-opaċità finanzjarja, li tiffaċilita l-ħasil ta' rikavat minn attivitajiet kriminali u l-finanzjament ta' organizzazzjonijiet u atturi terroristiċi;

J.

billi teżisti ħtieġa ta' pjattaforma Ewropea formalizzata fi ħdan l-istrutturi eżistenti – li s'issa eżistiet biss fuq bażi informali – għaċ-ċentralizzazzjoni tal-ġbir tal-informazzjoni, li bħalissa hija mifruxa fuq 28 Stat Membru, u li permezz tagħha l-Istati Membri jistgħu jipprovdu informazzjoni dwar il-livelli tagħhom ta' impenn u ta' progress fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu; billi dan l-iskambju ta' informazzjoni għandu jkun proattiv;

K.

billi għadd ta' organizzazzjonijiet internazzjonali mingħajr skop ta' lukru, organizzazzjonijiet karitattivi, fondazzjonijiet, netwerks u donaturi privati, li għandhom jew li jaffermaw li għandhom għanijiet soċjali jew kulturali, poġġew is-sisien għall-kapaċitajiet finanzjarji tal-ISIS/Da'esh, Al-Qaeda u organizzazzjonijiet ġiħadisti oħrajn, u jaġixxi bħala paraventu għal prattiki abbużivi; billi għaldaqstat, is-sorveljanza u l-ġbir ta' intelligence dwar dawn l-organizzazzjonijiet, il-finanzjaturi tagħhom, l-attivitajiet tagħhom u r-rabtiet tagħhom ma' atturi fl-UE, li sikwit huma estensivi, huma essenzjali; billi l-appoġġ tagħhom għall-espansjoni tar-radikaliżmu ġiħadista fl-Afrika, fil-Lvant Nofsani, fl-Asja u fl-Ewropa għandu jitwaqqaf; billi din l-espansjoni fil-fruntieri tal-UE u fil-pajjiżi ġirien u sħab tagħna hija partikolarment allarmanti; billi l-implimentazzjoni sħiħa tar-rakkomandazzjonijiet tal-FATF f'dawn l-oqsma min-naħa tal-Kunsill ta' Kooperazzjoni tal-Golf (GCC) u tal-Istati Membri tiegħu hija ta' importanza kruċjali għall-ġlieda kontra t-terroriżmu dinji;

L.

billi n-netwerk dinji tal-ġbir ta' fondi ta' Al-Qaeda huwa mibni fuq donazzjonijiet lil organizzazzjonijiet karitattivi u NGOs, li jikkomunikaw mad-donaturi permezz tal-midja soċjali u fora online; billi l-kontijiet intużaw ukoll biex jintalbu donazzjonijiet mingħand is-sostenituri tal-kawża tal-ġiħad; billi f'dawn l-aħħar snin ġew żviluppati diversi applikazzjonijiet tal-ismartphones minn organizzazzjonijiet terroristiċi biex jimmassimizzaw l-ilħuq u jinkoraġġixxu donazzjonijiet mingħand is-sostenituri, li ħafna minnhom jinsabu fil-pajjiżi tal-Golf;

M.

billi l-mikrostati u l-istati bi preċedenti medjokri fir-rigward tal-istat tad-dritt huma partikolarment vulnerabbli u f'riskju li jsiru punti ċentrali għall-finanzjament tat-terroriżmu;

N.

billi l-intelligence tissuġġerixxi li istituzzjonijiet u individwi fil-Golf qed jipprovdu appoġġ finanzjarju u loġistiku lill-ISIS/Da'esh, lil Al-Qaeda u lil gruppi radikali oħra; billi mingħajr dan il-finanzjament ħafna minn dawn il-gruppi terroristiċi ma jkunux awtosuffiċjenti;

O.

billi l-ISIS/Da'esh u Al-Qaeda saru finanzjarjament awtosuffiċjenti; billi l-ISIS/Da'esh u Al-Qaeda qed jippruvaw jgħaddu flushom lejn is-Sirja u l-Iraq permezz tal-esportazzjonijiet taż-żejt u l-investiment fin-negozji, fosthom permezz kurrieri tal-flus u professjonali, trasferimenti illegali tal-fondi u servizzi tal-flus u professjonali; billi l-ISIS/Da'esh u Al-Qaeda qed jaħslu r-rikavat mill-attivitajiet kriminali tagħhom billi jixtru kull xorta ta' impriżi u assi; billi l-ISIS/Da'esh u Al-Qaeda qegħdin ukoll jaħslu r-rikavat minn antikitajiet misruqa u kkuntrabandaw opri tal-arti u artefatti billi bigħuhom barra minn pajjiżhom, fosthom fi swieq fl-Istati Membri; billi l-kummerċ illeċitu f'beni, armi tan-nar, żejt, drogi, sigaretti u oġġetti kulturali, fost affarijiet oħra, kif ukoll it-traffikar tal-bnedmin, l-iskjavitù, l-isfruttament tat-tfal, ir-racketeering u l-estorsjoni, saru mezzi li jiffinanzjaw il-gruppi terroristiċi; billi r-rabtiet bejn il-kriminalità organizzata u l-gruppi terroristiċi, li kulma jmur qed ikomplu jiżdiedu, jikkostitwixxu theddida dejjem tikber għas-sigurtà tal-Unjoni; billi dawn is-sorsi jistgħu jippermettu lill-ISIS/Da'esh u lil Al-Qaeda jkomplu jiffinanzjaw atti kriminali fil-ġejjieni wara l-kollass territorjali tagħhom fis-Sirja u fl-Iraq;

P.

billi ġiet stabbilita projbizzjoni internazzjonali tar-riskatti, permezz ta' sensiela ta' impenji internazzjonali mirfuda b'riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU u b'liġijiet nazzjonali; billi fil-prattika, il-projbizzjoni tan-NU jonqosha l-appoġġ ta' firmatarji ewlenin li jagħtu prijorità lill-preservazzjoni immedjata tal-ħajja aktar milli lill-impenji tagħhom kontra t-terroriżmu, u b'hekk involontarjament jiffinanzjaw lill-organizzazzjonijiet terroristiċi;

1.

Jindirizza r-rakkomandazzjonijiet li ġejjin lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGĦ):

(a)

jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jikkunsidraw il-qtugħ tas-sorsi ta' finanzjament ta' netwerks terroristiċi bħala prijorità ewlenija, peress dan jikkostitwixxi għodda effettiva li tostakola l-effikaċja ta' dawn in-netwerks; hu tal-fehma li l-istrateġiji ta' prevenzjoni bbażati fuq il-kondiviżjoni tal-aħjar prattika u l-iskambju ta' informazzjoni suspetta u rilevanti fost l-aġenziji tal-intelligence huma fundamentali fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u, b'mod aktar ġenerali, l-attakki terroristiċi; jistieden lill-aġenziji tal-intelligence tal-Istati Membri, għaldaqstant, biex itejbu l-koordinament u l-kooperazzjoni permezz tat-twaqqif ta' pjattaforma stabbli Ewropea ta' intelligence finanzjarja għall-ġlieda kontra t-terroriżmu, fil-qafas ta' strutturi eżistenti (eż. l-Europol) sabiex jiġi evitat il-ħolqien ta' aġenzija oħra, b'enfasi profonda fuq l-iskambju proattiv ta' informazzjoni dwar l-appoġġ finanzjarju għal netwerks terroristiċi; iqis li dan it-tip ta' pjattaforma toħloq bażi ta' data komuni għad-data dwar persuni fiżiċi u ġuridiċi u dwar tranżazzjonijiet suspetti; jenfasizza li data b'valur għoli miġbura minn kwalunkwe aġenzija tas-sigurtà nazzjonali għandha tiġi trażmessa rapidament fil-waqt li fih tiġi rreġistrata fuq is-sistema ċentrali, li għandha tingħata l-permess li tinkludu informazzjoni dwar persuni li mhumiex ċittadini tal-UE, filwaqt li jitqiesu b'mod partikolari l-impatti possibbli fuq id-drittijiet fundamentali u b'mod partikolari d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali u l-prinċipju tal-limitazzjoni tal-iskop; jenfasizza li din il-lista jeħtieġ li tinkludi, fost l-oħrajn, direttorju ta' banek, istituzzjonijiet finanzjarji u entitajiet kummerċjali fl-Ewropa u barra minnha, kif ukoll pajjiżi terzi li għandhom nuqqasijiet fir-rigward tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu; jistieden lill-Kummissjoni tħejji tali direttorju malajr kemm jista' jkun, fuq il-bażi ta' kriterji u analiżi proprji skont id-Direttiva (UE) 2015/849; itenni li dawk li b'mod dirett jew indirett iwettqu, jorganizzaw jew jappoġġaw atti terroristiċi jeħtieġ li jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet tagħhom;

(b)

jistieden lill-pajjiżi Ewropej, kemm l-Istati Membri tal-UE kif ukoll il-pajjiżi terzi, jiffinanzjaw il-programmi ta' kondiviżjoni tal-prattiki tajba bejn is-servizzi tal-intelligence tagħhom, inkluż f'dawk li huma l-investigazzjoni u l-analiżi tat-terroristi u tal-metodi użati mill-organizzazzjonijiet terroristiċi fir-reklutaġġ u fit-trasferiment tal-finanzjament tat-terroriżmu; jirrakkomanda l-introduzzjoni ta' valutazzjonijiet tat-theddid pubbliku fuq bażi trimestrali li jgħaqqdu l-intelligence u l-informazzjoni li jiġbru l-Europol u ċ-Ċentru tal-Intelligence u tas-Sitwazzjonijiet tal-UE (INTCEN); jistieden lill-Istati Membri jiżguraw biżżejjed finanzjament u riżorsi umani għall-aġenziji tal-intelligence;

(c)

jissottolinja, bħalma tenniet it-Task Force ta' Azzjoni Finanzjarja (FATF), li żviluppat strateġija għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, kemm hu importanti li l-kondiviżjoni tal-informazzjoni titjieb u ssir b'aktar ħeffa, bejn l-unitajiet tal-intelligence finanzjarja, il-forzi tas-sigurtà u l-aġenziji inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi u dawk tal-intelligence fi ħdan il-ġurisdizzjonijiet tagħhom stess, bejn id-diversi ġurisdizzjonijiet kif ukoll fis-settur privat, b'mod partikolari dak bankarju;

(d)

jilqa' pożittivament l-impenn tal-GCC mal-FATF; jistieden lill-Kummissjoni u lis-SEAE jinkoraġġixxu b'mod attiv lis-sħab tal-UE, partikolarment il-GCC u l-Istati Membri tiegħu, jimplimentaw għalkollox ir-rakkomandazzjonijiet tal-FATF bil-għan li jkunu indirizzati n-nuqqasijiet fl-oqsma tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terrożimu kif ukoll joffru assistenza teknika biex isir progress f'dawn l-oqsma;

(e)

jistieden lill-VP/RGħ tappoġġa l-isforzi tal-FATF u tagħti prijorità lill-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu, partikolarment billi tidentifika, f'kollaborazzjoni ma' Stati Membri tan-NU li għandhom nuqqasijiet fuq il-livell strateġiku fl-ambitu tal-ħasil tal-flus u tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;

(f)

jitlob li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Europol u s-sħab strateġiċi l-aktar importanti tal-UE li jiżvolġu rwol fundamentali fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-livell dinji; jemmen li kooperazzjoni aktar mill-qrib tkun tippermetti aktar effikaċja fil-prevenzjoni, fl-identifikazzjoni u fir-risposti biex jingħelbu ċ-ċentri finanzjarji tat-terroriżmu; jistieden lill-Istati Membri jużaw aħjar in-netwerk informali ta' Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja (FIU.net), abbażi tal-ħidma mwettqa mill-Europol, permezz tal-implimentazzjoni tal-ħames Direttiva dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u bis-saħħa tal-adozzjoni ta' miżuri regolatorji biex ikunu indirizzati kwistjonijiet oħra li ġejjin mill-istatus u mill-kompetenzi diverġenti tal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja, partikolarment biex ikunu faċilitati l-koordinament u l-iskambju ta' informazzjoni kemm bejniethom kif ukoll bejnhom u bejn l-awtoritajiet inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi, bl-għan li din l-informazzjoni tkun kondiviża mal-Pjattaforma tal-Intelligence Antiterroristika Ewropea;

(g)

ifakkar li djalogu politiku msaħħaħ, aktar assistenza finanzjarja u sostenn lit-tisħiħ tal-kapaċitajiet kontra t-terroriżmu tas-sħab tal-UE li jinsabu fuq quddiem nett fil-ġlieda kontra t-terroriżmu għandhom importanza enormi;

(h)

jistieden lill-Istati Membri tal-UE jissorveljaw aħjar l-attivitajiet finanzjarji ta' organizzazzjonijiet suspetti involuti f'dan it-tip ta' attivitajiet, bħall-kummerċ illeċitu, il-kuntrabandu, il-falsifikazzjoni u l-prattiki frawdolenti, permezz tal-ħolqien ta' skwadri ta' investigazzjoni konġunta mal-Europol u jiffaċilitaw l-aċċess lill-aġenziji inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi għat-tranżazzjonijiet suspetti, filwaqt li fl-istess ħin iqisu l-prinċipju tal-proporzjonalità u d-dritt għall-privatezza; jistieden lill-Istati Membri biex għal dan l-għan iżidu t-taħriġ u l-ispeċjalizzazzjoni tal-investigaturi; jistieden lill-Kummissjoni ssostni u tiffinanzja adegwatament l-iżvilupp ta' programmi ta' taħriġ għall-awtoritajiet inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi u għall-awtoritajiet ġudizzjarji fl-Istati Membri;

(i)

jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipprovdu rapport annwali dwar il-progress li jkun sar u dwar il-miżuri meħuda fil-qasam tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u, partikolarment, dwar l-isforzi li saru biex ikunu ostakolat il-finanzjament tal-ISIS/Da'esh u ta' Al-Qaeda; ifakkar li ċerti Stati Membri jinvestu aktar minn oħrajn fil-qasam tal-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu u li, għalhekk, l-aħjar risposta tkun li tiżdied il-kondiviżjoni tal-informazzjoni, partikolarment rigward l-effikaċja tal-miżuri diġà attwati;

(j)

jilqa' favorevolment il-proposta tal-Kummissjoni li toħloq reġistri tal-kontijiet bankarji u tiffaċilita l-aċċess għal dawn ir-reġistri lill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja u lill-awtoritajiet kompetenti l-oħrajn involuti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu; josserva li l-Kummissjoni dalwaqt se tipproponi inizjattiva biex twessa' l-aċċess tal-aġenziji inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi għal dawn ir-reġistri; jissottolinja l-bżonn li jiġu rispettati r-regoli dwar il-kooperazzjoni tal-pulizija u dwar il-kooperazzjoni ġudizzjarja fl-iskambju ta' informazzjoni dwar il-kontijiet bankarji, partikolarment fil-kuntest tal-proċedimenti kriminali; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri li għadhom ma ttrasponewx id-Direttiva 2014/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-3 ta' April 2014 dwar l-Ordni ta' Investigazzjoni Ewropew f'materji kriminali biex jagħmlu dan mill-aktar fis possibbli;

(k)

jistieden lill-Istati Membri jieħdu l-miżuri leġiżlattivi meħtieġa biex il-banek ikunu jistgħu jissorveljaw mill-qrib il-karti ta' debitu mħallsa minn qabel b'tali mod li jkun żgurat li l-flus li jitpoġġew fuqhom jitpoġġew biss permezz ta' trasferimenti bankarji u kontijiet identifikabbli; jisħaq fuq l-importanza ta' katina ta' attribuzzjoni li tippermetti lis-servizzi tal-intelligence jiddeterminaw jekk jeżistix riskju serju li tranżazzjoni tintuża għal atti terroristiċi jew reati gravi oħrajn; jistieden barra minn hekk lill-Istati Membri jieħdu l-provvedimenti neċessarji biex jiffaċilitaw bis-sħiħ il-ftuħ ta' kont bankarju min-naħa ta' dawk kollha li jkunu preżenti fit-territorju tagħhom;

(l)

jisħaq fuq il-bżonn li tieqaf kull forma ta' rifuġju fiskali li tiffaċilita l-ħasil tal-flus, l-evitar u l-evażjoni tat-taxxa, li tista' tiżvolġi rwol fundamentali fil-finanzjament tan-netwerks terroristiċi; jistieden lill-Istati Membri, f'dan il-kuntest, jiġġieldu l-evażjoni tat-taxxa u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tipproponi u timplimenta miżuri għal sorveljanza stretta tal-flussi finanzjarji u tar-rifuġji fiskali;

(m)

jieħu nota tas-suċċess tal-kooperazzjoni mal-Istati Uniti u ma' sħab oħrajn u s-siwi tal-informazzjoni miksuba permezz tal-ftehim bejn l-UE u l-Istati Uniti għall-kondivizjoni tal-informazzjoni tat-“Terrorism Financing Tracking Program” (TFTP) tal-Istati Uniti; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi li tiġi stabbilita sistema Ewropea f'dan l-ambitu, li tikkomplementa l-qafas attwali u tindirizza l-lakuni attwali, speċjalment fir-rigward tas-SEPA, filwaqt li jitqies il-bilanċ bejn is-sigurtà u l-libertajiet individwali; ifakkar li l-istandards Ewropej tal-privatezza tad-data jkunu applikabbli għal din is-sistema intra-Ewropea;

(n)

jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri, b'kooperazzjoni mal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, ifasslu lista tal-individwi u tal-entitajiet li joperaw f'reġimi ftit trasparenti u b'rati għoljin ta' tranżazzjonijiet finanzjarji suspetti, fejn ikun hemm provi li l-awtoritajiet kompetenti naqsu milli jintervjenu, partikolarment jekk huma affiljati mar-radikaliżmu ġiħadista; jistieden lill-VP/RGħ u lill-Istati Membri jieħdu kont tal-involviment ta' pajjiż fil-finanzjament tat-terroriżmu fir-relazzjonijiet tagħhom mal-pajjiż ikkonċernat;

(o)

jistieden lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea jsaħħaħ l-impożizzjoni ta' sanzjonijiet selettivi u miżuri restrittivi oħra kontra l-individwi u l-entitajiet kollha li jqiegħdu għad-dispożizzjoni, bi kwalunkwe mod, riżorsi ekonomiċi għall-ISIS/Da'esh, Al-Qaeda u gruppi ġiħadisti oħra; jitlob l-iffriżar tal-fondi u tal-assi finanzjarji jew tar-riżorsi ekonomiċi l-oħra ta' dawn l-individwi, il-gruppi, l-impriżi u l-entitajiet (inklużi l-fondi derivati minn beni ta' proprjetà tagħhom jew ikkontrollati, direttament jew indirettament, minnhom jew mill-persuni li jaġixxu għalihom jew skont l-istruzzjonijiet tagħhom); jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' kumitat tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU inkarigat li jissorvelja l-applikazzjoni tas-sanzjonijiet; josserva li l-Istati Membri kollha huma obbligati, skont ir-riżoluzzjoni 2253(2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, li jaġixxu malajr biex jimblukkaw fondi jew assi finanzjarji tal-ISIS/Da'esh, Al-Qaeda u individwi, gruppi, impriżi u entitajiet assoċjati magħhom; jistieden lill-VP/RGħ tappoġġa l-appell tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU lill-Istati Membri tan-NU biex jaġixxu b'mod vigoruż u deċiż biex jaqtgħu il-fluss ta' fondi u assi finanzjarji u riżorsi ekonomiċi oħrajn lejn individwi u entitajiet preżenti fil-lista tas-sanzjonijiet kontra l-ISIS/Da'esh u Al-Qaeda;

(p)

jistieden lill-Istati Membri tal-UE jistabbilixxu sistema ta' monitoraġġ u awtorizzazzjoni biex jiżguraw li l-postijiet ta' qima u ta' edukazzjoni, l-istituzzjonijiet, iċ-ċentri, l-organizzazzjonijiet karitattivi, l-assoċjazzjonijiet kulturali u l-entitajiet simili, jindikaw fid-dettall, fejn ikun hemm is-suspett raġonevoli li għandhom rabtiet ma' gruppi terroristiċi, mingħand min jirċievu l-fondi u l-mod kif l-fondi li jirċievu jitqassmu, kemm fi ħdan l-UE kif ukoll barra minnha, kif ukoll iċ-ċentralizzazzjoni ta' bażi ta' data, stabbilita bil-garanziji kollha xierqa, tat-tranżazzjonijiet kollha mwettqa minn dawk li jibagħtu l-fondi; jitlob li jiġi implimentat sorveljanza obbligatorja minn qabel tal-oriġini tal-flus u tad-destinazzjoni tagħhom fil-każ tal-organizzazzjonijiet karitattivi, fejn ikun hemm motivi raġonevoli ta' suspett ta' rabtiet mat-terroriżmu, biex tiġi evitata d-distribuzzjoni b'mod doluż jew negliġenti b'finijiet terroristiċi; iħeġġeġ li dawn il-miżuri kollha jittieħdu fl-ambitu ta' programmi speċifiċi maħsuba biex jikkumbattu l-Iżlamofobija, bil-għan li tkun evitata żieda tar-reati ta' mibegħda kif ukoll attakki kontra Musulmani jew kwalunkwe attakk ieħor ta' natura razzista u ksenofoba għal raġunijiet reliġjużi jew etniċi;

(q)

jistieden lill-Istati Membri jiżguraw superviżjoni akbar u jirregolaw il-metodi tradizzjonali ta' trasferiment ta' flus (bħal pereżempju l-hawala jew il-fei ch'ien Ċiniż, fost oħrajn) jew sistemi informali ta' trasferiment ta' valuri, partikolarment permezz tal-proċedura li għaddejja bħalissa għall-adozzjoni ta' regolament dwar il-kontrolli fir-rigward tal-flus deħlin fl-Unjoni u ħerġin minnha (2016/0413(COD)), biex għall-aġenti li jwettqu tranżazzjonijiet isir obbligatorju jiddikjaraw lill-awtoritajiet kompetenti kull tranżazzjoni sinifikanti mwettqa bl-użu ta' dawn is-sistemi u jkun enfasizzat, hija u ssir komunikazzjoni mal-gruppi kkonċernati minn dawn il-miżuri, li l-għan mhuwiex li jitwaqqfu t-trasferimenti informali tradizzjonali ta' flus, iżda li jitwaqqaf it-traffikar li jinvolvi l-kriminalità organizzata, it-terroriżmu jew il-profitti industrijali/kummerċjali li ġejjin mill-flus maħmuġin; jitlob, f'dan ir-rigward li:

(i)

kull intermedjarju u/jew persuna li jipparteċipaw f'din l-attività (kontrolluri jew sensara, medjaturi jew min jagħmel l-arranġamenti, koordinaturi, min jiġbor il-flus u min jgħaddihom) jeħtieġu li jirreġistraw mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti;

(ii)

kull tranżazzjoni tiġi dikjarata u dokumentata b'tali mod li jkun faċilitat it-trasferiment tal-informazzjoni, meta mitlub;

(iii)

jiġu stabbiliti u imposti penali dissważivi għall-intermedjarji u/jew persuni involuti f'attivitajiet mhux iddikjarati;

(r)

jistieden lill-Kummissjoni tipproponi l-leġiżlazzjoni meħtieġa għall-monitoraġġ aħjar tat-tranżazzjonijiet finanzjarji elettroniċi kollha u l-kumpaniji kollha li joħolqu munita elettronika, inklużi l-intermediarji, bil-għan li tkun evitata t-trasformazzjoni tal-fondi għall-utenti mhux kompletament identifikati, kif jista' jkun il-każ ta' utenti ta' netwerks pubbliċi jew browsers anonimi; jenfasizza, f'dan is-sens, li min isarraf flus kriptati fi flus reali jew viċe versa jeħtieġ ikun obbligat jagħmel dan permezz ta' kont bankarju identifikabbli; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni tal-implikazzjonijiet għall-finanzjament tat-terroriżmu tal-attivitajiet ta' logħob elettroniku (e-gaming), muniti virtwali, kriptovaluti, katini ta' blokok ta' tranżazzjonijiet (blockchain) u teknoloġiji FinTech; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tikkunsidra miżuri possibbli, anki leġiżlattivi, biex jinħoloq qafas regolatorju għal dawn l-attivitajiet, bil-għan li jiġu limitati l-istrumenti li jiffinanzjaw it-terroriżmu;

(s)

jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jżidu s-sorveljanza tar-regolamentazzjoni u tal-kontroll fuq it-traffikar tad-deheb, tal-ħaġar prezzjuż u tal-metalli prezzjużi, sabiex dawn il-beni ma jintużawx biex jiffinanzjaw l-attivitajiet terroristiċi; jitlob li jinħolqu kriterji maqbula u segwiti mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprojbixxu u jissanzjonaw it-traffiku kummerċjali kollu (esportazzjonijiet u importazzjonijiet) ma' żoni kkontrollati minn ġiħadisti, bl-eċċezzjoni tal-beni għall-għajnuna umanitarja neċessarji għall-popolazzjoni sottomessa; jitlob il-prosekuzzjoni u s-sanzjonijiet minħabba negliġenza jew għemil doluż ta' dawk kollha (persuni fiżiċi jew ġuridiċi) li jipparteċipaw f'dan it-traffikar f'kull forma (xiri, bejgħ, distribuzzjoni jew intermedjazzjoni jew oħrajn); jinnota r-riskju speċifiku li t-terroriżmu jiġi ffinanzjat permezz ta' servizzi ta' trasferiment ta' valur jew ta' flus (MVTS); jistieden lill-Istati Membri jiddefinixxu sħubija u kooperazzjoni msaħħa fost l-aġenti tal-MTVS u l-aġenziji Ewropej inkarigati mill-eżekuzzjoni tal-liġi u joħorġu linji gwida biex jidentifikaw u jindirizzaw kwalunkwe ostaklu speċifiku li jimpedixxi l-kondiviżjoni tal-informazzjoni dwar it-trasferimenti ta' flus suspetti;

(t)

jilqa' pożittivament il-proposta għal regolament dwar l-importazzjoni ta' beni kulturali u jisħaq fuq l-importanza tagħha biex tkun indirizzata l-importazzjoni illegali ta' tali beni għall-finanzjament tat-terroriżmu; jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi ċertifikat ta' traċċabilità għall-opri tal-arti u għall-antikitajiet li jidħlu fis-suq tal-UE, speċjalment l-oġġetti li joriġinaw minn territorji jew postijiet ikkontrollati minn kwalunkwe attur mhux statali armat kif ukoll minn organizzazzjonijiet, gruppi jew individwi preżenti fil-lista tal-UE tal-organizzazzjonijiet terroristiċi; jistieden lill-Kummissjoni tintensifika l-kooperazzjoni tagħha ma' organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-NU, l-UNESCO, l-Interpol, l-Organizzazzjoni Dinjija tad-Dwana u l-Kunsill Internazzjonali tal-Mużewijiet, biex tissaħħaħ il-ġlieda kontra t-traffikar ta' beni kulturali użat biex jiffinanzja t-terroriżmu; jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw unitajiet tal-pulizija li jispeċjalizzaw fit-traffikar ta' beni kulturali u jiżguraw il-koordinament fost dawn l-unitajiet fl-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri jobbligaw lill-impriżi li jinnegozjaw l-opri tal-arti biex jiddikjaraw it-tranżazzjonijiet suspetti u jimponu fuq is-sidien tal-impriżi li jinnegozjaw l-opri tal-arti u l-antikitajiet involuti fit-traffikar ta' dan it-tip ta' beni sanzjonijiet effikaċi, proporzjonati u dissważivi, anki kriminali, jekk ikun il-każ, minħabba finanzjament tat-terroriżmu b'negliġenza; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ is-sostenn favur il-pajjiżi terzi, b'mod partikolari dawk ġirien, fl-isforzi tagħhom biex jiġġieldu kontra l-kriminalità u t-traffikar bħala għejun ta' finanzjament tat-terroriżmu;

(u)

jistieden lill-Kummissjoni tipproponi miżuri biex titjieb it-trasparenza tal-oriġini, tat-trasport u tas-senserija tal-materja prima bażika, partikolarment il-prodotti petrokimiċi, biex issaħħaħ it-traċċabilità u twaqqaf il-finanzjament mhux intenzjonat tal-organizzazzjonijiet terroristiċi;

(v)

jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-possibilità li tirriformula r-regolamenti u d-direttivi rilevanti bl-għan li l-entitajiet finanzjarji jkollhom jitolbu informazzjoni dwar ir-raġuni għalfejn isiru tranżazzjonijiet suspetti ta' ammonti żgħar u kbar ta' flus, biex jiġi kkontrollat il-ħlas ta' riskatt lill-organizzazzjonijiet terroristiċi; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri preventivi mmirati lejn l-operaturi ekonomiċi preżenti f'żoni f'riskju, biex jgħinuhom ikomplu l-attivitajiet tagħhom;

(w)

jistieden lill-SEAE jinnomina speċjalista tal-intelligence finanzjarja fil-missjoni PSDK il-ġdida fl-Iraq, biex jagħti appoġġ lill-gvern ta' dan il-pajjiż ħalli jimpedixxi li l-assi tal-ISIS/Da'esh u ta' Al-Qaeda jinħarġu mill-pajjiż, kif ukoll biex jassisti lill-awtoritajiet tal-Iraq fl-iżvilupp ta' programmi biex jiġi miġġieled il-ħasil tal-flus;

(x)

jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, fl-ambitu tad-djalogi ma' pajjiżi terzi sħab dwar il-ġlieda kontra t-terroriżmu, jikkonċentraw l-isforzi tagħhom fuq il-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija u fuq l-iskambju ta' data u prattiki tajba, biex jissaħħu s-sinerġiji f'livell dinji fil-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;

(y)

jilqa' b'sodisfazzjon il-ħolqien ta' netwerk ta' esperti fil-ġlieda kontra t-terroriżmu fid-delegazzjonijiet tal-UE; jitlob li dan in-netwerk jissaħħaħ u jiġi estiż għal aktar reġjuni, b'mod partikolari l-Qarn tal-Afrika (u x-Xlokk tal-Asja); jisħaq fuq l-importanza li jiddaħħlu objettivi tal-ġlieda kontra t-terroriżmu fil-mandati tal-missjonijiet u tal-operazzjonijiet PSDK tal-UE, b'mod partikolari fil-Libja, fis-Saħel, fil-Qarn tal-Afrika u fil-Lvant Nofsani; iħeġġeġ lill-SEAE jinnomina espert tal-intelligence finanzjarja fil-missjonijiet PSDK fil-pajjiżi f'riskju li jsiru ċentri għat-terroristi (“terrorist hubs”) u fir-reġjun tas-Saħel, u biex jiżviluppa, b'mod effikaċi, kooperazzjoni mill-qrib mal-gvernijiet lokali;

(z)

jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jintensifikaw l-isforzi biex jinkoraġġixxu lill-pajjiżi terzi sħab jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni Internazzjonali għat-Trażżin tal-Finanzjament tat-Terroriżmu tal-1999, li tiddefinixxi għadd ta' prinċipji u standards għall-qerda tal-finanzjament tat-terroriżmu, u jimplimentawha b'mod effikaċi;

(aa)

jisħaq fuq il-fatt li huwa essenzjali li jiġu indirizzati u jitnaqqsu l-problemi soċjoekonomiċi, jitrawmu Stati sostenibbli u jkun garantit ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, bil-għan li tonqos l-art fertili biex jikbru l-ISIS/Da'esh, Al-Qaeda u gruppi ġiħadisti oħrajn, anki rigward il-kapaċitajiet tagħhom f'termini ta' awtonomija finanzjarja;

(ab)

iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lis-SEAE jsaħħu l-kooperazzjoni mal-pajjiżi li fihom jinżamm ir-rikavat mit-traffikar tad-droga, mit-traffikar tal-bnedmin u mit-traffikar ta' beni u mal-pajjiżi tal-oriġini tas-sigaretti tal-kuntrabandu, sabiex ikunu jistgħu jiġu ssekwestrati;

(ac)

iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lis-SEAE jmexxu 'l quddiem, fil-fora internazzjonali, inizjattivi biex tiżdied it-trasparenza tas-sjieda tal-impriżi, b'mod partikolari permezz tal-ħolqien ta' reġistri pubbliċi tal-persuni ġuridiċi, inklużi l-kumpaniji, it-trusts u l-fondazzjonijiet, u ta' reġistru ċentrali tal-kontijiet bankarji, tal-istrumenti finanzjarji, tal-proprjetà immobiljari, tal-kuntratti ta' assigurazzjoni fuq il-ħajja u ta' assi rilevanti oħrajn li jistgħu jintużaw b'mod abbużiv għall-ħasil tal-flus u għall-finanzjament tat-terroriżmu;

(ad)

jistieden lill-Kunsill u lill-Kummissjoni jistabbilixxu u jimplimentaw mekkaniżmu annwali ta' riferiment għar-rapportar lill-Parlament tal-miżuri meħuda mill-Istati Membri u mill-Kummissjoni għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu;

(ae)

iħeġġeġ lill-VP/RGħ u lis-SEAE jsostnu lis-sħab barranin tagħna fl-isforzi interni tagħhom biex jimblukkaw il-flussi finanzjarji tal-individwi lill-organizzazzjonijiet issuspettati li jagħtu għajnuna u riżorsi lit-terroristi;

(af)

iħeġġeġ lill-Istati Membri jadottaw malajr il-proposti tal-Kummissjoni għar-riforma tal-VAT, ħalli l-organizzazzjonijiet kriminali ma jitħallewx jisfruttaw il-lakuni tas-sistema Ewropea tal-VAT biex jiffinanzjaw it-terroriżmu u attivitajiet kriminali oħrajn;

(ag)

jilqa' favorevolment il-proposta tal-Kummissjoni dwar ir-rikonoxximent reċiproku tal-ordnijiet ta' ffriżar u ta' konfiska;

(ah)

itenni li jrid jibqa' prijorità assoluta tal-aġenda tas-sigurtà u d-difiża l-fatt li naffrontaw u nirbħu lill-ISIS/Da'esh, lil Al Qaeda u lil gruppi ġiħadisti oħrajn, mil-lat finanzjarju, militari kif ukoll ideoloġiku; jistieden lis-SEAE tagħmel l-isforzi diplomatiċi kollha possibbli mal-Istati tar-reġjun biex tisħaq fuq dan l-interess komuni kemm għall-UE kif ukoll għall-atturi reġjonali;

2.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin ul-Politika ta' Sigurtà, u lill-Istati Membri.

(1)  Testi adottati, P8_TA(2016)0422.

(2)  ĠU C 346, 21.9.2016, p. 55..

(3)  ĠU L 169, 8.7.2003, p. 6.

(4)  ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73.

(5)  ĠU L 132, 29.5.2015, p. 1.

(6)  ĠU L 88, 31.3.2017, p. 6.

(7)  ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.

(8)  http://europa.eu/rapid/press-release_IP-17-3441_mt.htm;https://www.euractiv.com/section/economy-jobs/news/eu-targets-terror-financing-with-vat-fraud-crackdown/