19.12.2018   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 458/70


P8_TA(2018)0019

L-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali u l-ħtieġa ta' riforma fis-servizzi professjonali

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-18 ta' Jannar 2018 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2005/36/KE fir-rigward tar-regolamentazzjoni u l-ħtieġa ta' riforma fis-servizzi professjonali (2017/2073(INI))

(2018/C 458/08)

Il-Parlament Ewropew,

wara li kkunsidra l-Artikoli 45, 49 u 56 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikoli 15 u 16 tagħha,

wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali (1),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 dwar ir-rakkomandazzjonijiet tar-riforma għal regolamentazzjoni fis-servizzi professjonali (COM(2016)0820),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2013 dwar l-evalwazzjoni ta' regolamentazzjonijiet nazzjonali fuq l-aċċess għall-professjonijiet (COM(2013)0676),

wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 intitolata “Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji” (COM(2015)0550),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Mejju 2016 dwar l-Istrateġija għas-Suq Uniku (2),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2017 dwar aġenda Ewropea għall-ekonomija kollaborattiva (3),

wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Frar 2017 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Governanza tas-Suq Uniku fi ħdan is-Semestru Ewropew 2017 (4),

wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-31 ta' Mejju 2017 (5),

wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Grupp ta' Ħidma dwar it-Tisħiħ tan-Negozju tal-Professjonijiet Liberali,

wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 1(1)(e) u l-Anness 3 tad-deċiżjoni tal-Konferenza tal-Presidenti tat-12 ta' Diċembru 2002 dwar il-proċedura ta' awtorizzazzjoni għat-tħejjija ta' rapporti fuq inizjattiva proprja,

wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0401/2017),

A.

billi l-moviment liberu tal-ħaddiema, il-libertà tal-istabbiliment u l-libertà tal-provvista tas-servizzi fi ħdan l-UE huma s-sinsla tas-suq uniku u jġibu bosta benefiċċji għaċ-ċittadini u n-negozji;

B.

billi għalkemm is-servizzi jammontaw għal 71 % tal-PDG u 68 % tal-impjieg totali, xorta waħda għadu ma ntlaħaqx il-potenzjal sħiħ tas-suq uniku fis-servizzi;

C.

billi, fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni, l-Istati Membri huma liberi li jiddeċiedu dwar ir-regolamentazzjoni tal-professjonijiet, bil-kundizzjoni li l-miżuri nazzjonali jkunu trasparenti, mhux diskriminatorji, ġustifikati u proporzjonati;

D.

billi regolamentazzjoni intelliġenti, debitament ġustifikata mill-protezzjoni ta' għanijiet leġittimi tal-interess pubbliku, jista' jkollha effetti pożittivi fuq is-suq intern, filwaqt li tiżgura livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u titjib fil-kwalità tas-servizzi pprovduti; billi, għalhekk, id-deregolamentazzjoni m'għandhiex tkun għan minnha nnifisha;

E.

billi, f'ħafna każijiet, ir-regolamentazzjoni tal-professjonijiet hija ġustifikata, iżda ostakli mhux ġustifikati għas-servizzi professjonali huma ta' detriment għad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini u għall-ekonomiji tal-Istati Membri; billi, konsegwentement, ir-regolamentazzjoni professjonali jeħtieġ li tkun aġġustata fuq bażi regolari sabiex tqis l-iżviluppi teknoloġiċi, tas-soċjetà jew tas-suq;

F.

billi d-Direttiva 2005/36/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta' Settembru 2005 dwar ir-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali tipprevedi rikonoxximent awtomatiku għal għadd ta' professjonijiet fuq il-bażi ta' rekwiżiti minimi ta' taħriġ armonizzati, sistema ġenerali għar-rikonoxximent ta' kwalifiki professjonali, sistema ta' rikonoxximent awtomatiku tal-esperjenza professjonali, kif ukoll sistema ġdida ta' forniment ta' servizzi transkonfinali fil-kuntest ta' professjonijiet regolati;

G.

billi d-Direttiva 2005/36/KE ġiet emendata fl-2013, bl-għan li tikseb qafas regolatorju proporzjonat, ġustifikat b'għanijiet ta' interess ġenerali, u introduċiet fl-Artikolu 59 eżerċizzju ta' evalwazzjoni trasparenti u reċiproku għall-professjonijiet regolati kollha fl-Istati Membri, kemm jekk huma regolati fuq il-bażi ta' regoli nazzjonali jew fuq il-bażi ta' regoli li huma armonizzati fil-livell tal-UE;

H.

billi mhux id-dispożizzjonijiet kollha tad-Direttiva 2005/36/KE, u b'mod partikolari l-Artikolu 59, għadhom ġew implimentati bis-sħiħ mill-Istati Membri, anke wara li għaddiet l-iskadenza;

I.

billi l-Istati Membri ntalbu jippreżentaw pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali (PAN) lill-Kummissjoni sat-18 ta' Jannar 2016, b'informazzjoni dwar deċiżjonijiet li jirrigwardaw iż-żamma jew l-emendar ta' regolamentazzjonijiet professjonali; billi għad hemm 6 Stati Membri li ma ppreżentawx il-PAN tagħhom;

J.

billi skont l-Artikolu 59 tad-Direttiva 2005/36/KE, il-Kummissjoni kienet mistennija tippreżenta sat-18 ta' Jannar 2017 il-konklużjonijiet tagħha dwar l-eżerċizzju ta' evalwazzjoni reċiproka, flimkien ma' proposti għal aktar inizjattivi fejn neċessarju;

K.

billi fl-10 ta' Jannar 2017, il-Kummissjoni ppreżentat kommunikazzjoni dwar il-ħtieġa ta' riforma fis-servizzi professjonali, li tanalizza r-regolamentazzjoni professjonali f'seba' setturi ta' attività u li tindirizza rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri f'dan ir-rigward;

L.

billi l-eżerċizzju ta' evalwazzjoni reċiproka żvela li l-livell ta' regolamentazzjoni tal-professjonijiet ivarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri; billi hemm bżonn ta' iktar kjarifika, speċjalment f'dawk il-każijiet fejn l-Istati Membri ħabbru l-introduzzjoni ta' forom ġodda ta' regolamentazzjoni professjonali wara t-tlestija tal-eżerċizzju;

Ir-regolamentazzjoni tal-professjonijiet fl-Unjoni Ewropea u l-istat ta' ħidma tal-implimentazzjoni tal-Artikolu 59 tad-Direttiva 2005/36/KE

1.

Jenfasizza li l-professjonijiet regolati għandhom rwol fundamentali fl-ekonomija tal-UE, filwaqt li jikkontribwixxu b'mod sinifikanti għar-rata ta' okkupazzjoni, kif ukoll għall-mobilità tal-ħaddiema u għall-valur miżjud fl-Unjoni; iqis, barra minn hekk, li servizzi professjonali ta' kwalità għolja u ambjent regolatorju effettiv huma ta' importanza kbira għaż-żamma tal-mudell ekonomiku, soċjali u kulturali tal-UE u biex tissaħħaħ il-kompetittività tal-UE f'termini ta' tkabbir, innovazzjoni u ħolqien tal-impjiegi;

2.

Ifakkar li hemm aktar minn 5 500 professjoni regolata fl-UE kollha, b'varjazzjonijiet sinifikanti bejn l-Istati Membri, li jirrappreżentaw 22 % tal-forza tax-xogħol fis-setturi kollha ta' attività, bħal servizzi tas-saħħa u soċjali, servizzi kummerċjali, servizzi tal-kostruzzjoni, servizzi tan-netwerk, trasport, turiżmu, proprjetà immobbli, servizzi pubbliċi u edukazzjoni;

3.

Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni li tipprovdi gwida għall-Istati Membri fil-kuntest tal-eżerċizzju ta' evalwazzjoni reċiproka, inkluża l-organizzazzjoni ta' diskussjonijiet fil-fond imwettqa mal-awtoritajiet nazzjonali, filwaqt li tindika wkoll il-ħtieġa għall-awtoritajiet nazzjonali li jinvolvu lill-partijiet kollha kkonċernati sabiex tinġabar l-informazzjoni rilevanti dwar l-impatt tar-regolamentazzjonijiet;

4.

Jemmen li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-10 ta' Jannar 2017 tista' tgħin lill-Istati Membri jirregolaw aħjar is-servizzi professjonali u jiskambjaw l-aħjar prattiki sabiex jifhmu l-għażliet regolatorji ta' Stati Membri oħrajn, filwaqt li jitqies il-fatt li xi Stati Membri jipprevedu regolamentazzjoni tal-istat aktar intensiva tal-professjonijiet minn oħrajn; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa ta' valutazzjoni tal-kwalità tar-regolamentazzjonijiet, billi hemm bżonn ta' elementi lil hinn mill-analiżi ekonomika għal valutazzjoni olistika tal-prestazzjoni tal-ambjent regolatorju f'kull Stat Membru;

5.

Jiddispjaċih li xi Stati Membri naqsu milli jinnotifikaw informazzjoni dwar il-professjonijiet li jirregolaw u r-rekwiżiti għall-aċċess ta' dawk il-professjonijiet; jistieden lill-Istati Membri jtejbu b'mod sinifikanti l-proċess ta' notifika fil-kuntest tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali;

6.

Jissottolinja li t-titjib fit-trasparenza u l-komparabilità tar-rekwiżiti nazzjonali li jirregolaw l-aċċess għall-professjonijiet regolati jew il-prattika tagħhom jista' jippermetti mobilità professjonali akbar u li, konsegwentement u skont id-Direttiva 2005/36/KE, ir-rekwiżiti nazzjonali kollha għandhom ikunu notifikati u magħmula pubblikament disponibbli fil-bażi ta' data għall-professjonijiet regolati, b'mod ċar u li jinftiehem;

7.

Jirrikonoxxi t-titjib fil-bażi ta' data tal-professjonijiet regolati li sar mill-Kummissjoni, inkluż il-ħolqien ta' mappa interattiva li tippermetti liċ-ċittadini jivverifikaw ir-rekwiżiti tal-aċċess professjonali madwar l-UE u jivviżwalizzaw b'mod aktar faċli liema professjonijiet huma regolati fi Stat Membru partikolari; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb aktar il-bażi ta' data għall-professjonijiet regolati, sabiex tiġi ffaċilitata notifika f'waqtha u preċiża tal-informazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti u b'hekk tissaħħaħ it-trasparenza għaċ-ċittadini tal-UE;

8.

Jieħu nota tad-diverġenzi fost l-Istati Membri fir-rigward tal-għadd ta' professjonijiet regolati u l-kamp ta' applikazzjoni tal-attivitajiet koperti minn professjonijiet simili, li jispjega l-forom differenti ta' regolamentazzjoni tal-professjonijiet magħżula minn kull Stat Membru; jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-komparabilità ta' professjonijiet differenti u tiddefinixxi sett komuni ta' attivitajiet għal kull professjoni notifikata fil-bażi ta' data, bl-għan li tiffaċilita l-armonizzazzjoni volontarja madwar l-UE;

9.

Jiddispjaċih li għadd ta' Stati Membri għadhom ma ppreżentawx Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali (PAN) kif meħtieġ mid-Direttiva 2005/36/KE, u jistieden lil dawk l-Istati Membri jagħmlu dan mingħajr dewmien żejjed; jinnota li l-livelli ta' qawwa, ambizzjoni u dettall tal-PAN ippreżentati huma differenti;

10.

Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ l-Artikolu 59 tad-Direttiva 2005/36/KE u jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jiggarantixxu aktar trasparenza tar-regolamentazzjonijiet professjonali tagħhom, billi dan huwa kruċjali għall-mobilità tal-professjonisti fl-UE, hekk kif huwa biss permezz ta' informazzjoni kompluta mill-Istati Membri kollha li tista' tingħata stampa sħiħa tal-professjonijiet regolati fil-livell nazzjonali jew tal-UE;

11.

Jiddispjaċih li wħud mill-Istati Membri ma kkonsultawx lill-partijiet ikkonċernati rilevanti b'mod xieraq meta ħejjew il-PAN; jemmen li hemm bżonn ta' fluss ta' informazzjoni trasparenti bejn l-istituzzjonijiet pubbliċi u l-partijiet ikkonċernati sabiex il-kwistjonijiet u l-isfidi li jaffettwaw il-professjonijiet jiġu indirizzati b'mod effettiv; jitlob involviment usa' tal-partijiet interessati kollha fil-futur, mhux biss bil-ħsieb li jitħejjew il-PAN, iżda wkoll qabel ir-riforma tar-regolamentazzjoni tal-professjonijiet, biex b'hekk il-partijiet kollha kkonċernati jkunu jistgħu jesprimu l-fehmiet tagħhom;

12.

Jenfasizza li r-regolamentazzjoni effettiva tal-professjonijiet għandha tkun ta' benefiċċju kemm għall-konsumaturi u kemm għall-professjonisti; ifakkar li l-Istati Membri huma liberi li jintroduċu regolamentazzjonijiet ġodda jew li jemendaw ir-regoli eżistenti li jirrestrinġu l-aċċess għall-professjonijiet regolati jew il-prattika tagħhom, li jirriflettu l-viżjoni tagħhom għas-soċjetà u l-kuntest soċjoekonomiku tagħhom, sakemm dawn ikunu ġustifikati bl-għanijiet ta' interess pubbliku; jemmen li regolamentazzjoni tas-servizzi professjonali li hija proporzjonata u adattata għar-realtà tas-suq tista' twassal għal titjib fid-dinamika tas-suq, prezzijiet orħos għall-konsumaturi u prestazzjoni settorjali mtejba u aktar effiċjenti;

13.

Iqis, fl-istess ħin li rekwiżiti diskriminatorji, mhux ġustifikati u sproporzjonati jistgħu jkunu partikolarment inġusti, speċjalment għal professjonisti żgħażagħ, u jistgħu jxekklu l-kompetizzjoni u jaffettwaw b'mod negattiv il-benefiċjarji tas-servizz, inklużi l-konsumaturi;

14.

Jirrikonoxxi r-rwol tar-regolamentazzjoni professjonali biex jintlaħaq livell għoli ta' protezzjoni tal-għanijiet tal-interess pubbliku, jekk humiex dawk espliċitament imsemmija fit-Trattat, bħall-politika pubblika, is-sigurtà pubblika u s-saħħa pubblika, jew dawk li jikkostitwixxu raġunijiet prevalenti ta' interess pubbliku, inklużi dawk rikonoxxuti mill-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja, bħall-preservazzjoni tal-bilanċ finanzjarju tas-sistema tas-sigurtà soċjali, il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-benefiċjarji ta' servizzi u l-ħaddiema, is-salvagwardja tal-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, l-ekwità fi tranżazzjonijiet kummerċjali, il-ġlieda kontra l-frodi, il-prevenzjoni tal-evażjoni u l-evitar tat-taxxa, l-effikaċja tas-superviżjoni fiskali, is-sigurtà tat-trasport bit-triq, il-garanzija tal-kwalità tax-xogħol artiġjanali, il-promozzjoni tar-riċerka u l-iżvilupp, il-protezzjoni tal-ambjent u l-ambjent urban, is-saħħa tal-annimali, il-proprjetà intellettwali, is-salvagwardja u l-konservazzjoni tal-wirt storiku u artistiku nazzjonali, l-objettivi ta' politika soċjali u l-objettivi ta' politika kulturali; jirrikonoxxi l-marġni ta' rikonoxximent tal-Istati Membri sabiex jiddeterminaw modi biex jinkiseb dan ta' hawn fuq, f'konformità mal-prinċipji ta' nondiskriminazzjoni u ta' proporzjonalità;

15.

Jinnota li, fid-dawl tar-riskji għall-konsumaturi, għall-professjonisti jew partijiet terzi, l-Istati Membri jistgħu jirriżervaw ċerti attivitajiet għal professjonisti kwalifikati biss, b'mod partikolari meta ma jkunx hemm mezzi anqas restrittivi biex jintlaħaq l-istess riżultat; jenfasizza li f'każijiet bħal dawn, regolamentazzjonijiet speċifiċi għall-professjoni jridu jiżguraw is-superviżjoni effettiva tal-prattika legali tal-professjoni regolata u, fejn ikun rilevanti, tar-regoli ta' etika tagħha;

16.

Jirrikonoxxi f'dan ir-rigward ir-relazzjoni bejn il-proposta għat-test ta' proporzjonalità, li tistabbilixxi regoli dwar qafas komuni għat-twettiq ta' valutazzjonijiet tal-proporzjonalità qabel l-introduzzjoni ta' miżuri ġodda jew miżuri emendatorji eżistenti li jirregolaw il-professjonijiet regolati, u r-rakkomandazzjonijiet ta' riforma li huma bbażati fuq il-valutazzjoni tar-regolamentazzjonijiet nazzjonali f'seba' setturi ta' attività; jistieden lill-Istati Membri jivvalutaw u, fejn meħtieġ, jadattaw ir-regolamentazzjoni tagħhom tal-professjonijiet f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi tar-riforma;

17.

Jenfasizza li rakkomandazzjonijiet għar-riforma ma jistgħux jissostitwixxu azzjoni ta' infurzar, u jistieden lill-Kummissjoni bħala l-gwardjan tat-Trattati tieħu azzjoni u tagħti bidu għal proċeduri ta' ksur meta din tidentifika regolamentazzjonijiet diskriminatorji, mhux ġustifikati jew sproporzjonati;

L-utilità tal-indikatur restrittiv u l-bżonn li tiġi promossa kwalità għolja tas-servizzi fl-Ewropa

18.

Jieħu nota tal-fatt li l-Kummissjoni ħarġet indikatur restrittiv ġdid, u jilqa' t-titjib meta mqabbel mal-indikatur ta' restrizzjoni PMR eżistenti tal-OECD permezz tal-analiżi dettaljata tas-setturi kkonċernati;

19.

Jissottolinja li dan l-indikatur, li juri l-intensità regolatorja ġenerali fl-Istati Membri biss abbażi ta' data kwantitattiva marbuta mal-ostakli eżistenti għall-moviment ħieles, għandu jitqies bħala għodda purament indikattiva, u mhux bħala wieħed li jippermetti li jinġibdu konklużjonijiet dwar jekk dik li tista' tkun regolamentazzjoni aktar stretta f'xi Stati Membri hijiex sproporzjonata;

20.

Ifakkar li l-analiżi globali tal-impatt tar-regolamentazzjonijiet fl-Istati Membri għandha tkun suġġetta mhux biss għal valutazzjoni kwantitattiva, iżda wkoll għal dik kwalitattiva li tinkludi l-għanijiet ta' interess ġenerali u l-kwalità tas-servizzi pprovduti, inklużi l-benefiċċji indiretti possibbli għaċ-ċittadini u għas-suq tax-xogħol; jinnota li l-indikatur ta' restrizzjoni huwa akkumpanjat minn analiżi ulterjuri li tipprovdi informazzjoni addizzjonali dwar ir-realtà fil-prattika, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jikkunsidraw dan l-indikatur, flimkien ma' data kwalitattiva sabiex iqabblu l-prestazzjoni tagħhom fis-setturi magħżula ta' attività;

Il-futur għal professjonijiet regolati

21.

Jenfasizza l-ħtieġa mhux biss ta' qafas regolatorju effettiv fl-UE u fl-Istati Membri, iżda anke ta' politiki effettivi u kkoordinati li jappoġġjaw lill-professjonisti fl-UE u li jsaħħu l-kompetittività, il-kapaċità tal-innovazzjoni u l-kwalità tas-servizzi professjonali fl-UE;

22.

Jenfasizza li l-professjonisti jistgħu jeżerċitaw professjonijiet regolati jew bħala persuni fiżiċi jew bħala persuni ġuridiċi fil-forma ta' kumpanija professjonali, u li huwa importanti li jiġu kkunsidrati ż-żewġ perspettivi fl-implimentazzjoni ta' politiki ġodda; jinsab konvint, fid-dawl ta' dan, li l-għodod ekonomiċi għandhom jiġu kkombinati ma' politiki mmirati sabiex isaħħu l-intraprenditorija u l-kapital uman fis-servizzi professjonali;

23.

Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri, flimkien mal-organizzazzjonijiet professjonali fis-setturi ta' kompetenza rispettivi tagħhom, isegwu b'mod adegwat ir-rakkomandazzjonijiet tal-Gruppi ta' Ħidma dwar it-Tisħiħ tan-Negozju tal-Professjonijiet Liberali;

24.

Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni, l-iżvilupp tal-ħiliet u t-taħriġ intraprenditorjali sabiex jiġi żgurat li l-professjonisti fl-UE jibqgħu kompetittivi u jkunu kapaċi jiffaċċjaw it-tibdil trasformattiv li qed jaffettwa l-professjonijiet liberali minħabba l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni u l-globalizzazzjoni; jenfasizza r-rabta mill-qrib bejn l-għarfien ta' professjonist u l-kwalità tas-servizz mogħti; jinnota r-rwol importanti li għandu jkollhom l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni ogħla u tar-riċerka f'dan ir-rigward, inkluż permezz ta' proġetti ta' litteriżmu diġitali;

25.

Jinnota li hemm bżonn ta' komparabilità aħjar tal-livell ta' kwalifiki professjonali sabiex tiżdied l-omoġeneità tal-evidenza tal-kwalifiki formali fl-UE, u b'hekk jinħoloq ambjent aktar ekwu għall-gradwati żgħażagħ li jidħlu fil-professjonijiet, u b'hekk tiġi ffaċilitata l-mobilità tagħhom fl-UE;

26.

Jistieden lill-Istati Membri jwettqu analiżi tas-suq xierqa bl-għan li jiġi żgurat adattament aktar mgħaġġel ta' fornituri ta' servizzi għall-ħtiġijiet tas-suq, kif ukoll li jiżviluppaw politiki biex is-servizzi professjonali tal-UE jsiru kompetittivi fil-livell dinji fid-deċennji li ġejjin;

L-innovazzjoni u d-diġitalizzazzjoni fis-servizzi professjonali

27.

Jinnota li l-progress xjentifiku, l-innovazzjoni teknoloġika u d-diġitalizzazzjoni għandhom impatt kunsiderevoli fuq is-servizzi professjonali, u jġibu opportunitajiet ġodda għall-professjonisti kif ukoll sfidi fis-suq tax-xogħol u l-kwalità tas-servizzi;

28.

Jilqa' r-rikonoxximent mill-Kummissjoni tal-bżonn li wieħed jirrifletti dwar l-impatt ta' teknoloġiji ġodda fuq is-servizzi professjonali, speċjalment fis-setturi legali u tal-kontabilità, li fihom il-proċeduri jistgħu jiġu mtejba; jinnota b'mod partikolari li għandha tingħata attenzjoni mill-qrib lir-riskji konsegwenti għall-benefiċjarji tas-servizz, inklużi l-konsumaturi, għal bidla daqshekk trasformattiva, li m'għandhomx jiġu esklużi minn teknoloġiji ġodda;

29.

Jenfasizza li se jkun improbabbli li t-teknoloġiji ġodda jissostitwixxu l-bnedmin fit-teħid ta' deċiżjonijiet etiċi u morali; jinnota, f'dan ir-rigward, li r-regoli dwar l-organizzazzjoni tal-professjonijiet, inklużi r-regoli dwar is-sorveljanza mill-korpi pubbliċi jew assoċjazzjonijiet professjonali jista' jkollhom rwol importanti u jgħinu sabiex il-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni jitqassmu b'mod aktar ekwu; jinnota li, f'ċerti oqsma, mekkaniżmi mmexxija mis-suq bħal spunti mill-konsumaturi jistgħu jikkontribwixxu wkoll biex titjieb il-kwalità ta' servizz partikolari;

30.

Jenfasizza li r-regolamentazzjonijiet dwar is-servizzi professjonali għandhom ikunu adatti għall-iskop, u għandhom jiġu rieżaminati fuq bażi regolari biex jitqiesu l-innovazzjoni teknoloġika u d-diġitalizzazzjoni;

31.

Jistieden lill-Kummissjoni tkompli żżomm lill-Parlament infurmat fuq bażi regolari dwar is-sitwazzjoni attwali b'rabta mal-konformità tal-Istati Membri mad-Direttiva 2005/36/KE;

o

o o

32.

Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti u l-gvernijiet tal-Istati Membri.

(1)  ĠU L 255, 30.9.2005, p. 22.

(2)  Testi adottati, P8_TA(2016)0237.

(3)  Testi adottati, P8_TA(2017)0271.

(4)  Testi adottati, P8_TA(2017)0040.

(5)  Għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali.