5.7.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 228/16


Opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar “Sistemi edukattivi ta’ appoġġ sabiex jiġi evitat spariġġ fil-ħiliet — liema tranżizzjoni hija meħtieġa?”

[opinjoni fuq inizjattiva proprja]

(2019/C 228/03)

Relatur: Milena ANGELOVA

Deċiżjoni tal-Assemblea Plenarja

15.2.2018

Bażi legali

Artikolu 29(2) tar-Regoli ta’ Proċedura

Opinjoni fuq inizjattiva proprja

Sezzjoni kompetenti

Sezzjoni Speċjalizzata għax-Xogħol, l-Affarijiet Soċjali u ċ-Ċittadinanza

Adottata fis-sezzjoni

13.2.2019

Adottata fil-plenarja

21.3.2019

Sessjoni plenarja Nru

542

Riżultat tal-votazzjoni

(favur/kontra/astensjonijiet)

130/0/2

1.   Konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet

1.1.

Il-KESE japprezza l-fokus miżjud fuq l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-iżvilupp u l-użu tal-ħiliet fl-UE, riaffermat fl-inizjattivi reċenti tal-Kummissjoni Ewropea (KE) (1). Filwaqt li jinnota li l-edukazzjoni u t-taħriġ jinsabu fil-qalba tal-kompetenzi ewlenin tal-Istati Membri, jenfasizza l-importanza strateġika ta’ dawn l-oqsma għall-futur tal-Ewropa f’termini ta’ prosperità ekonomika, koeżjoni aħjar u l-ħajja demokratika, kif ukoll “li jiġu indirizzati l-aspettattivi taċ-ċittadini u jkun hemm rispons għat-tħassib tagħhom dwar il-ġejjieni f’dinja li qed tinbidel malajr” (2).

1.2.

Il-KESE huwa mħasseb dwar il-problemi strutturali sinifikanti fis-swieq tax-xogħol minħabba l-ispariġġ fil-ħiliet, li xi wħud minnhom huma kkawżati minn xprunaturi teknoloġiċi u demografiċi. Jitlob għalhekk li jitfasslu u jiġu implimentati minnufih miżuri ta’ politika mmirati tajjeb, akkumpanjati minn inċentivi u kompendji tal-aħjar prattika għall-Istati Membri, sabiex jiġu appoġġjati biex jimplimentaw l-adattament b’suċċess u ta’ appoġġ fir-rigward tas-sistemi edukattivi u ta’ taħriġ tagħhom, bil-għan li jiġi evitat l-ispariġġ fil-ħiliet u l-ħela ta’ talent.

1.3.

Il-KESE jemmen li n-nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet tal-lum u fil-futur jista’ jiġi indirizzat b’mod sostenibbli biss jekk il-KE u l-Istati Membri jfasslu politiki mmirati u jieħdu miżuri tanġibbli sabiex itejbu u jadattaw b’mod xieraq is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tagħhom, b’rabta mal-ġestjoni tat-talenti u wkoll mas-sistemi olistiċi ta’ governanza tal-ħiliet. Għalhekk, tistedinhom biex jagħmlu dan malajr u b’mod effiċjenti. Dawn kollha għandhom ikunu mmirati biex jappoġġjaw l-aġġustament inklużiv u kontinwu tal-forza tax-xogħol għall-ambjent ekonomiku ġdid.

1.4.

Il-KESE jitlob lill-KE biex tintensifika l-firxa tal-aħjar prattiki dwar il-programmi ta’ kwalifika u l-ETV. Għandha tiġi pprovduta wkoll it-taħlita xierqa ta’ inċentivi għall-parteċipanti kollha fil-proċess tal-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex jiġi ssalvagwardjat id-dritt għal taħriġ xieraq għal kulħadd (3). F’konformità mal-opinjoni preċedenti tiegħu, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ Żona Ewropea tal-Edukazzjoni (4). Il-KESE jqis li hemm bżonn ta’ aktar titjib u ta’ titjib kontinwu fir-rigward tal-ħiliet u l-kompetenza tal-għalliema u ta’ min iħarreġ fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

1.5.

Il-KESE jammetti li dejjem se jibqa’ xi elementi ta’ spariġġ fil-ħiliet u s-sistemi edukattivi qatt ma jistgħu jħejju lill-persuni perfettament għaċ-ċirkostanzi kollha. Madankollu, ix-xejriet attwali huma inkwetanti u qed joħolqu ostakoli għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, filwaqt li qed iwaqqfu liċ-ċittadini milli jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal kreattiv tagħhom u lin-negozji milli jibbenefikaw mill-kapaċità innovattiva tagħhom tal-ħiliet offruti mir-riżorsi umani. Din hija r-raġuni għaliex il-gvernijiet, l-imsieħba soċjali, is-soċjetà ċivili għandhom jingħaqdu flimkien biex jegħlbu l-problema u jipprovdu lill-persuni l-pariri u l-gwida meħtieġa biex jagħmlu l-għażliet it-tajba u biex jiżviluppaw kostantement l-għarfien u l-ħiliet tagħhom għall-ġid tas-soċjetà. Hemm bżonn ta’ approċċi komprensivi u olistiċi biex jiġu antiċipati u mwieġba aħjar il-ħtiġijiet tal-ħiliet (5).

1.6.

Bla dubju ta’ xejn, antiċipazzjoni affidabbli fir-rigward tal-provvista u d-domanda tal-ħiliet u tal-istruttura tas-suq tax-xogħol tal-UE fil-ġejjieni hija fundamentali sabiex jitnaqqas l-ispariġġ fil-ħiliet. Għal din ir-raġuni, l-universitajiet, iċ-ċentri xjentifiċi u istituzzjonijiet oħra tar-riċerka għandhom jibdew jaħdmu fuq din il-kwistjoni, f’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab soċjali u l-korpi amministrattivi rilevanti fl-Istati Membri. L-esperjenza akkumulata f’dawn l-aħħar snin mis-Cedefop se tkun utli ħafna iżda trid tiġi żviluppata aktar fuq bażi nazzjonali billi tidħol f’aktar dettalji għal kull Stat Membru.

1.7.

Il-gvernijiet, l-intrapriżi u l-ħaddiema għandhom iqisu l-edukazzjoni u t-taħriġ bħala investiment. L-inċentivi fiskali għal tali investiment jistgħu jħeġġu lill-impjegaturi u lill-impjegati sabiex jinvestu aktar. Il-ftehimiet kollettivi jistgħu jirrikonoxxu ċerti drittijiet u obbligi tal-impjegaturi u tal-impjegati relatati mal-edukazzjoni u t-taħriġ. L-aħjar prattiki għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid għandhom jiġu promossi sabiex jgħinu lin-nies jerġgħu jiġu impjegati.

1.8.

Ammont kbir ta’ tagħlim iseħħ f’sitwazzjonijiet mhux formali u informali, bħal f’organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u bit-tagħlim bejn il-pari, u ħafna mill-ħiliet tal-post tax-xogħol ma jistgħux jinkisbu permezz ta’ edukazzjoni formali fl-iskejjel (6). Għalhekk, il-KESE jħeġġeġ lill-Istati Membri jfittxu modi biex jirrikonoxxu l-ħiliet rilevanti miksuba f’tali sitwazzjonijiet Wieħed mill-modi biex isir dan huwa billi jiġu kkompletati u jintużaw b’mod adatt is-Sistemi Nazzjonali tal-Kwalifiki, inkluż billi jintużaw pjattaformi li joffru valutazzjonijiet standardizzati tal-livelli tal-ħiliet irrispettivament minn kif il-persuni jkunu kisbu l-ħiliet tagħhom. Tali approċċ se joħloq mezz addizzjonali biex il-kumpaniji jkollhom indikazzjoni tal-potenzjal tal-individwi, speċjalment fir-rigward tal-individwi adulti, filwaqt li jiġu enfasizzati l-ħiliet li mhumiex evidenti fid-dokumenti ta’ kwalifiki formali, iżda li madankollu jistgħu jkunu siewja.

1.9.

It-tagħlim tul il-ħajja, it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid huma responsabbiltà kondiviża bejn l-istat, min iħaddem u l-impjegati. Sabiex ikunu jistgħu jagħmlu karriera tajba, il-persuni għandhom jiġu appoġġjati b’mod attiv u jingħataw pariri, anke permezz ta’ metodi ta’ gwida, konsultazzjoni, konsulenza, taħriġ u mentoraġġ dwar kif għandhom jagħmlu għażla infurmata ta’ taħriġ u tagħlim li tagħtihom il-ħiliet u l-kompetenzi li huma mitluba fis-suq tax-xogħol. L-imsieħba soċjali għandhom jaqdu rwol attiv, iqajmu sensibilizzazzjoni dwar il-problemi rilevanti u jissuġġerixxu soluzzjonijiet possibbli. Qabel ma jiddedikaw ħinhom u flushom għat-taħriġ, il-persuni jeħtieġ li jkunu jafu liema ħiliet huma utli u kif il-programmi edukattivi u tat-taħriġ se jaffettwaw il-karrieri tagħhom. Dawn se jkunu lesti wkoll li jiksbu kwalifika jew ċertifikazzjoni li se tiġi rikonoxxuta minn oħrajn.

2.   L-ispariġġ fil-ħiliet tal-lum u ta’ għada

2.1.

Il-futur huwa llum – huwa jsir realtà aktar malajr milli nistgħu nittraċċawh u nbassruh. Huwa jippreżenta sfidi importanti għan-negozji u l-amministrazzjonijiet pubbliċi billi jistabbilixxi mudelli ta’ negozju ġodda u għall-ħaddiema billi jirrikjedi ħiliet u kompetenzi ġodda, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma diffiċli tbassarhom illum, u b’hekk jagħti spinta lis-soċjetà kollha kemm hi biex tadatta malajr biżżejjed għat-tibdil rapidu. Jekk irridu li din it-tranżizzjoni tkun suċċess, aħna rridu nibqgħu magħquda, imħejjija għal reazzjoni immedjata, ningħaqdu flimkien sabiex nantiċipaw il-ġejjieni u nimmaniġġjaw b’mod proattiv il-bidla rivoluzzjonarja attwali tar-relazzjonijiet bejn il-bnedmin, ir-robotika, l-intelliġenza artifiċjali u d-diġitalizzazzjoni għall-ġid tas-soċjetà tagħna.

2.2.

L-ispariġġ fil-ħiliet huwa waħda mill-akbar sfidi li attwalment qegħdin jipperikolaw it-tkabbir u jimpedixxu l-impjiegi sostenibbli fl-UE. Xi studji (7) vvalutaw li l-ispejjeż ta’ dan il-fenomenu jammontaw għal 2 % tal-PDG tal-UE. Skont il-KE, 70 miljun Ewropew ma għandhomx ħiliet ta’ qari u kitba adegwati, u aktar minn hekk għandhom ħiliet matematiċi u diġitali dgħajfa. Studju reċenti (8) juri li fuq medja, is-sehem ta’ ħaddiema bi spariġġ fil-ħiliet għadu madwar 40 %, f’konformità mal-valutazzjoni ġenerali tas-Cedefop. L-impjegati bil-ħiliet rilevanti huma fattur ewlieni tal-kompetittività għall-kumpaniji. Għalhekk huwa estremament importanti li l-forza tax-xogħol tal-lum u ta’ għada jkollha l-ħiliet u l-kompetenzi li jirrispondu għall-ħtiġijiet li qegħdin jinbidlu tal-ekonomija moderna u tas-suq tax-xogħol. Ħadd ma għandu jitħalla l-art (9) u l-ħela tat-talenti għandha tiġi evitata. Biex jintlaħqu dawn l-għanijiet hemm bżonn ta’ għalliema u ta’ dawk li jipprovdu t-taħriġ bi kwalifiki għoljin, u appoġġ xieraq għall-parteċipazzjoni fit-tagħlim tul il-ħajja.

2.3.

Fl-opinjonijiet preċedenti tiegħu (10), il-KESE ssottolinja l-effett tad-diġitalizzazzjoni, ir-robotizzazzjoni, il-mudelli ekonomiċi ġodda bħall-Industrija 4.0, u l-ekonomija ċirkolari u kollaborattiva fuq ir-rekwiżiti ta’ ħiliet ġodda. Barra minn hekk, huwa esprima l-fehmiet tiegħu dwar il-ħtieġa li jiġu introdotti soluzzjonijiet aktar innovattivi fl-oqsma tal-edukazzjoni u l-iżvilupp tal-ħiliet, peress li l-Ewropa teħtieġ bidla ġenwina fundamentali fil-miri u l-funzjonament tas-settur tal-edukazzjoni u fehim tal-post u r-rwol tiegħu fis-soċjetà (11). Stima tas-Cedefop (12) uriet li l-ħiliet eżistenti tal-forza tax-xogħol tal-UE huma madwar wieħed minn ħamsa anqas minn dak li huwa meħtieġ biex il-ħaddiema jwettqu x-xogħlijiet tagħhom fl-ogħla livell ta’ produttività tagħhom. Dan jitlob azzjoni maqbula sabiex jiġi stimulat aktar it-tagħlim għall-adulti fl-Ewropa.

2.4.

Fl-aħħar deċennju, l-irkupru tal-ekonomija Ewropea, flimkien mat-tibdil fil-ħtiġijiet tal-ħiliet, wassal għall-ogħla livelli ta’ domanda għall-ħaddiema u nuqqasijiet ta’ talent. Filwaqt li r-rata tal-qgħad fl-UE qiegħda tonqos (minn 10,11 % fl-2014 għal 7,3 % fl-2018), ir-rata tal-postijiet tax-xogħol battala rduppjat (minn 1,1 % fl-2009 għal 2,2 % fl-2018) (13).

2.4.1.

L-Istati Membri kollha huma esposti għal din il-problema għalkemm b’intensità differenti u għal raġunijiet differenti. Stħarriġ globali (14) juri li għal bosta Stati Membri, ir-rata tal-impjegaturi li qegħdin isibu diffikultajiet biex jimpjegaw hija għolja b’mod inkwetanti. Għaxar Stati Membri qegħdin ’il fuq mill-medja globali ta’ 45 %, bl-aktar każijiet sfavorevoli jkunu r-Rumanija (81 %), il-Bulgarija (68 %) u l-Greċja (61 %). Bi problemi anqas iżda xorta waħda sinifikanti fit-tarf l-ieħor tal-ispettru hemm l-Irlanda (18 %), ir-Renju Unit (19 %) u n-Netherlands (24 %).

2.4.2.

Għal madwar terz tal-impjegaturi, ir-raġuni ewlenija għaliex ma jistgħux jimlew il-postijiet tax-xogħol battala hija n-nuqqas ta’ applikanti. 20 % oħra jgħidu li l-kandidati ma għandhomx l-esperjenza neċessarja. Hekk kif il-kumpaniji qed jiddiġitalizzaw, jawtomatizzaw u jittrasformaw, li ssib kandidati bit-taħlita korretta ta’ ħiliet tekniċi u personali huwa aktar importanti minn qatt qabel – madankollu 27 % tal-impjegaturi jgħidu li l-applikanti ma għandhomx il-ħiliet li għandhom bżonn. B’mod globali, aktar minn nofs (56 %) l-impjegaturi jgħidu li l-ħiliet fil-komunikazzjoni, miktuba u verbali, huma l-aktar ħiliet umani li japprezzaw, segwiti mill-kollaborazzjoni u s-soluzzjoni tal-problemi.

2.5.

Ir-riżultati kemm mill-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Kompetenzi tal-Adulti (PIAAC) u mill-Istħarriġ Ewropew dwar il-Ħiliet u l-Impjiegi (ESJS) kif ukoll mir-riċerka akkademika (15) juru li parti kbira mill-ispariġġ huwa dovut għal ħiliet/edukazzjoni żejda. Tipikament, erbgħa minn kull għaxar impjegati adulti jħossu li l-ħiliet tagħhom ma jiġux utilizzati biżżejjed u kważi terz tal-gradwati tal-edukazzjoni terzjarja huma kkwalifikati żżejjed għall-impjiegi tagħhom. Dan huwa konsegwenza kemm tal-allokazzjoni mhux effettiva tar-riżorsi (li twassal għal użu mhux biżżejjed tal-ħażna eżistenti ta’ ħiliet) kif ukoll tal-iżbilanċi ġenerali bejn il-ħiliet tal-forza tax-xogħol u d-domanda tas-suq tax-xogħol (16).

2.6.

L-ispariġġ fil-ħiliet għandu effett negattiv fuq l-ekonomiji u s-soċjetà kollha. Huwa:

Jimpedixxi liċ-ċittadini milli jkunu sodisfatti bl-impjiegi u l-karrieri tagħhom, inaqqsu l-livell ta’ apprezzament perċepit tagħhom u għandhom il-potenzjal li jżommu lura l-pagi;

Ixekkel t-tkabbir u l-iżvilupp personali u l-użu tal-kapaċità u l-potenzjal tal-individwi;

Iwassal għal produttività aktar baxxa tal-ħaddiema – xi stimi juru li t-telf tal-produttività (17) minħabba l-ispariġġ fil-ħiliet fl-UE huwa madwar EUR 0,8 għal kull siegħa maħduma (18);

Inaqqas il-kompetittività tal-kumpaniji billi jittardja u jagħmel l-proċess ta’ reklutaġġ aktar għali u billi jimponi l-ħtieġa ta’ nfiq addizzjonali fuq it-taħriġ;

2.7.

Kemm il-ħaddiema b’ħiliet għolja kif ukoll il-ħaddiema b’ħiliet baxxi huma esposti għall-ispariġġ fil-ħiliet, minħabba l-bidliet mgħaġġla, kif ukoll il-professjonijiet li ġeneralment jirrikjedu livell għoli ta’ edukazzjoni u għarfien. L-elettriċisti, il-mekkaniks, il-welders, l-inġiniera, ix-xufiera, l-ispeċjalisti tal-IT, l-ispeċjalisti tas-servizzi soċjali, ir-rappreżentanti tal-bejgħ bħalissa huma fost il-professjonijiet l-aktar imfittxija mill-impjegaturi.

2.8.

Il-ħiliet STEM u l-ħiliet diġitali huma dejjem aktar kruċjali għall-kompetittività tal-kumpaniji u sabiex tiġi sfruttata l-produttività tal-ħaddiema. L-importanza tal-ħiliet STEM tmur lil hinn ukoll mill-kontenut tal-kurrikuli tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika waħedhom u jippermettu lill-istudenti jiksbu firxa aktar usa’ ta’ ħiliet u kompetenzi, bħall-ħsieb sistemiku u l-ħsieb kritiku. Bħala bażi għal dawn is-settijiet ta’ ħiliet, huwa essenzjali wkoll li l-persuni jkollhom bażi tajba ta’ ħiliet bażiċi u imprenditorjali. Il-ħiliet STEM jistgħu jinkisbu permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni ġenerali. Hemm ħtieġa partikolari li jiġu inkoraġġiti aktar nisa biex jistudjaw is-suġġetti STEM, flimkien ma’ indirizzar adegwat tad-distakk diġitali bejn is-sessi (19). Għandhom jinstabu modi differenti dwar biex jiġi ppopolarizzat STEM, b’mod partikolari fir-rigward tar-reġjuni, peress li dawn is-suġġetti huma ġeneralment ikkonċentrati fi bliet kbar (20). Ir-radar tal-kompetenzi strateġiċi diġitali huwa għodda siewja biex ilaqqa’ flimkien liż-żgħażagħ ma’ mudelli eżemplari jew mentors sabiex jitgħallmu dwar il-kompetenzi meħtieġa għal impjiegi speċifiċi (21).

2.9.

Hemm bżonn ta’ miżuri tal-politika mfassla tajjeb sabiex jiġi evitat li l-problemi relatati mal-ispariġġ fil-ħiliet ikomplu jikbru. Minħabba l-bidla rivoluzzjonarja fit-teknoloġiji, il-mudelli ta’ negozju, l-aspettattivi tal-konsumaturi u n-natura tax-xogħol ħafna drabi jinbidlu b’mod mingħajr preċedent u kważi imprevedibbli. Kif diġà rrimarka l-KESE (22), kważi nofs l-impjiegi eżistenti huma suxxettibbli għall-awtomatizzazzjoni u għalhekk l-awtomatizzazzjoni u r-robots se jkollhom impatt sinifikanti fuq il-futur tax-xogħol. Dan jista’ jirriżulta f’diskrepanza dejjem akbar bejn il-ħtiġijiet tan-negozji u l-kwalifiki, il-ħiliet u l-kompetenzi tal-ħaddiema fil-futur u jippreżenta sfida għall-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ. Dan jissottolinja wkoll l-importanza dejjem tiżdied tal-ħiliet personali u trasversali, kif ukoll ta’ ħiliet oħra, ħafna drabi miksuba permezz ta’ tagħlim informali u jqajjem kwistjonijiet marbuta mar-rikonoxximent u l-validazzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ informali.

2.10.

L-UE għandha tinkoraġġixxi u tgħin lill-Istati Membri sabiex jindirizzaw b’mod urġenti din l-isfida strutturali tas-suq tax-xogħol u biex jindirizzaw l-ispariġġ fil-ħiliet li joħloq ostakoli għat-tkabbir, b’enfasi partikolari fuq il-ħiliet STEM u diġitali. L-imsieħba soċjali għandhom rwol importanti x’jaqdu sabiex jidentifikaw u, fejn ikun possibbli, jipprevedu l-ħiliet, il-kompetenzi u l-kwalifiki li huma neċessarji fl-impjiegi ġodda u emerġenti (23), sabiex l-edukazzjoni u t-taħriġ jindirizzaw aħjar il-ħtiġijiet tal-kumpaniji u l-ħaddiema. Id-diġitalizzazzjoni hija opportunità għal kulħadd, iżda biss jekk din issir kif suppost u jinkiseb għarfien ġdid fir-rigward tax-xogħol u l-ħaddiema (24). Huwa importanti wkoll li l-insieħba soċjali jkunu involuti fl-interpretazzjoni tad-data li tinġabar mill-aġenziji tal-istatistika u governattivi billi l-impjegaturi u t-trejdjunjins jistgħu jġibu għarfien kruċjali li kieku għandu mnejn ma jiġix ikkunsidrat. Il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għandu rwol indispensabbli x’jaqdi sabiex jappoġġja inizjattivi, inkluż permezz ta’ azzjonijiet konġunti tal-imsieħba soċjali.

2.11.

Ir-riċerka akkademika dwar l-ispariġġ fil-ħiliet żvelat li hemm differenzi sinifikanti fil-kawżi, il-kobor, il-konsegwenzi u l-ispejjeż ekonomiċi tal-bosta tipi differenti ta’ spariġġ fil-ħiliet. Għalhekk il-politiki ta’ universalità mhumiex probabbli li jkunu effettivi billi l-Istati Membri għandhom tendenza li jbatu minn forom differenti tal-problema. Iżda huwa ċar li t-twettiq ta’ miżuri ta’ politika rilevanti bil-għan li jitnaqqas l-ispariġġ fil-ħiliet jista’ jwassal għal żidiet imdaqqsa fl-effiċjenza. Għal dak il-għan, il-KESE jenfasizza l-importanza ta’ tagħlim olistiku li jirrispetta u jagħni d-diversità kulturali u s-sens ta’ appartenenza (25).

2.12.

Il-passaport Ewropew tal-ħiliet jista’ jkollu rwol importanti fil-preżentazzjoni tal-kwalifiki, il-ħiliet u l-kompetenzi ta’ persuna b’mod li jiffaċilita t-tqabbil aħjar tal-ħiliet ta’ persuna bi profil tax-xogħol.

3.   L-isfidi li qegħdin jaffaċċjaw is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ

3.1.   Kummenti ġenerali

3.1.1.

Jekk l-UE trid tagħti liċ-ċittadini tagħha l-aħjar ċansijiet ta’ suċċess u tippreserva u ttejjeb il-kompetittività tagħha, hija jeħtieġ li tinkoraġġixxi lill-Istati Membri sabiex irawmu ambjent ta’ politika li joffri edukazzjoni u taħriġ inizjali ffukati fuq il-karrieri u li jkompli jipprovdi opportunitajiet għat-tagħlim tul il-ħajja matul il-ħajjiet tax-xogħol tal-persuni.

3.1.2.

Is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ f’bosta Stati Membri huma ffukati fuq perjodu twil ta’ tagħlim formali segwit minn karriera fuq il-post tax-xogħol. Ir-rabta bejn it-tagħlim u l-qligħ ħafna drabi segwiet relazzjoni sempliċi: “aktar ma jkollok tagħlim formali - akbar ikun l-gwadann korrispondenti”. L-istudji ekonomiċi jissuġġerixxu li kull sena addizzjonali ta’ edukazzjoni, bħala medja hija assoċjata ma’ 8-13 % aktar qligħ. Huwa minnu wkoll li grad universitarju ma jistax jitqies aktar bħala garanzija ta’ xogħol wara l-gradwazzjoni. Dawk li jħaddmu llum mhux biss iħarsu lejn il-livell ta’ kwalifika li persuna jkollha, iżda wkoll lejn il-ħiliet u l-kompetenzi li xi ħadd ikun akkwista matul l-edukazzjoni tagħhom u sa liema punt dawn huma rilevanti fis-suq tax-xogħol. Iżda minħabba l-isfidi ġodda, dan mhuwiex rakkomandabbli aktar. Is-sistemi edukattivi tal-ġejjieni għandhom jgħaqqdu l-edukazzjoni u x-xogħol b’modi ġodda kemm billi jħaffu d-dħul fil-forza tax-xogħol kif ukoll billi jippermettu lill-persuni jitgħallmu ħiliet ġodda matul il-karrieri sħaħ tagħhom b’mod flessibbli.

3.1.3.

Li titlob sempliċement aktar edukazzjoni u taħriġ mhijiex ir-risposta xierqa – aktar mhux neċessarjament ifisser aħjar. Sabiex jirrispondu b’mod xieraq, is-sistemi edukattivi u tat-taħriġ iridu jkunu mmirati lejn il-ħtiġijiet reali tas-soċjetà u l-ekonomija, iridu jkunu kapaċi jevitaw l-allokazzjoni ħażina tar-riżorsi u jipprovdu lill-persuni l-possibbiltà ta’ tagħlim immirat tul il-ħajja. Sabiex jiġi promoss impjieg ugwali u inklużiv, id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa jeħtieġ li tiġi indirizzata permezz ta’ miżuri rilevanti.

3.1.4.

L-Internet neħħa l-ħtieġa li tkun taf u tiftakar fatti u dettalji importanti – huwa jipprovdi portal fil-pront għall-għarfien b’għafsa waħda. Dan qiegħed jibdel il-prinċipji fundamentali tax-xjenzi umanitarji, ineħħi l-ħtieġa li l-istudenti jaħżnu l-informazzjoni kollha f’rashom, u jissostitwiha bil-ħtieġa li dawn jiġu mgħallma kif għandhom jitgħallmu u jkollhom stampa kunċettwali bażika tas-suġġetti kkonċernati, sabiex imbagħad ikunu jistgħu jsibu u jipproċessaw l-informazzjoni biex iwettqu b’suċċess biċċa xogħol partikolari, jew isibu soluzzjoni għal problema partikolari.

3.1.5.

Il-bidliet teknoloġiċi huma tant mgħaġġla li qed jagħmlu l-kontenut ta’ xi dixxiplini skadut, saħansitra matul iċ-ċiklu tal-edukazzjoni għolja tal-istudent. Dan qiegħed jisfida l-kurrikuli tradizzjonali, speċjalment f’dak li jirrigwarda l-hekk imsejħa parti “bażika”, u qiegħed iżid l-importanza tal-edukazzjoni STEM u l-iżvilupp ta’ ħiliet personali bħall-ħsieb kritiku, is-soluzzjoni tal-problemi, it-tagħlim konġunt u l-ħidma konġunta. Huwa daqstant ieħor importanti li tiġi indirizzata wkoll l-isfida tal-interazzjoni bejn il-bnedmin u l-magni.

3.1.6.

L-iżvilupp tat-teknoloġiji l-ġodda jisfida serjament ukoll il-komponent prattiku tal-edukazzjoni u t-taħriġ minħabba li fil-biċċa l-kbira tal-Istati Membri jieħu ħafna żmien biex il-programmi jiġu żviluppati u approvati b’mod uffiċjali, li jagħmilhom inflessibbli u jxekkel l-adattament rapidu tagħhom għall-iżviluppi fil-ħajja reali. Biex jiġi indirizzat dan, hija meħtieġa rabta aktar b’saħħitha bejn il-livelli kollha tal-edukazzjoni u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. L-aġġornament tal-kurrikuli b’mod f’waqtu jsir sfida ewlenija u dan jenfasizza r-rwol tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali reattivi, u tal-apprendistati.

3.1.7.

Fi kwalunkwe xogħol huwa essenzjali li l-persuni jkollhom ċerti ħiliet tekniċi u speċifiċi bbażati fuq l-għarfien u l-esperjenza għall-industrija partikolari. Iżda jsir aktar u aktar importanti li huma jkollhom ukoll ħiliet fundamentali bħall-kreattività u s-soluzzjoni tal-problemi kif ukoll ħiliet soċjali u l-empatija.

3.1.8.

Il-pass dejjem jiżdied li bih il-ħiliet stabbiliti jsiru obsoleti jagħmilha essenzjali li jinkisbu ħiliet ġodda aktar malajr u jwassal għal domanda dejjem tiżdied għal kombinazzjoni ġdida ta’ ħiliet bi tweġiba għall-hekk imsejħa “impjiegi ibridi” li jgħaqqdu flimkien tipi differenti ta’ kompiti. Pereżempju, il-ħiliet tal-ikkowdjar issa huma mitluba f’bosta oqsma lil hinn mis-settur teknoloġiku u l-evidenza turi li bejn 1/3 u 1/2 tal-kollokamenti għal impjiegi bl-ogħla pagi huma għal impjiegi li jitolbu ħiliet ta’ kkowdjar.

3.1.9.

Il-bidliet mgħaġġla reċenti fil-kompożizzjoni tal-impjiegi ġodda jirrikjedu enfasi dejjem akbar fuq it-tagħlim bħala ħila fih innifsu. L-aħjar mod kif wieħed jilqa’ għall-isfida tat-teknoloġija li tinbidel b’mod imprevedibbli u l-ibridizzazzjoni tal-impjiegi huwa l-kapaċità li wieħed jikseb malajr ħiliet ġodda u jibqa’ jitgħallem. Dan l-aspett għandu jiġi mmaniġġjat bl-attenzjoni dovuta sabiex jiġi żgurat li l-gruppi żvantaġġati, bħal dawk qiegħda fit-tul, il-ħaddiema b’ħiliet baxxi ħafna, il-persuni b’diżabbiltà u l-minoranzi ma jitbegħdux mis-suq tax-xogħol. F’dan ir-rigward huwa importanti li tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn is-sħab soċjali u l-fornituri ta’ politiki attivi tas-suq tax-xogħol.

3.1.10.

Sabiex tintlaħaq il-mira msemmja hawn fuq, huwa importanti li l-Istati Membri jsibu modi biex jimmotivaw liż-żgħażagħ ma jitilqux mill-iskola fi stadji bikrin, peress li dawk li jitilqu kmieni mill-iskola normalment ikunu fost dawk il-persuni b’livell baxx ta’ ħiliet u bi ħlas baxx. L-ommijiet bi tfal żgħar jeħtieġu attenzjoni speċjali f’termini ta’ taħriġ kif ukoll sabiex iżommu l-ħiliet tagħhom aġġornati mal-bidliet rapidi fil-professjonijiet.

3.1.11.

Il-KESE jirrakkomanda bil-qawwa li jkun hemm promozzjoni u użu usa’ ta’ tagħlim modulari u online – pereżempju sorsi edukattivi miftuħa u korsijiet onlajn miftuħa massivi (MOOCs) (26).

3.2.   L-edukazzjoni sekondarja

3.2.1.

Sabiex tkun tista’ tgħammar lill-istudenti bil-ħiliet fundamentali għall-futur, eż. il-kurżità, it-tfittxija għal informazzjoni affidabbli, l-abbiltà għat-tagħlim kontinwu, il-kreattività, is-soluzzjoni tal-problemi, ix-xogħol f’tim, l-edukazzjoni sekondarja trid tinbidel minn waħda li tirrikjedi l-memorizzazzjoni u r-repetizzjonijiet biss għal approċċ ibbażat fuq proġetti u s-soluzzjoni tal-problemi.

3.2.2.

L-ETV doppja, li fiha l-istudenti jqattgħu parti minn ħinhom fil-klassi u parti f’intrapriża, speċjalment l-apprendistat, hija għodda b’saħħitha biex tagħti lill-istudenti ħiliet (personali) speċifiċi għax-xogħol u trasversali u biex trawwem t-tranżizzjonijiet mill-iskola għax-xogħol. Għalhekk l-użu tagħha għandu jiġi promoss b’mod aktar attiv fl-Istati Membri, billi jiġu segwiti l-aqwa prattiki ta’ dawk li jinsabu fuq quddiem nett, fejn bejn terz u nofs il-popolazzjoni li tattendi l-iskola sekondarja ssegwi din it-tip ta’ edukazzjoni. It-traineeships ukoll għandhom rwol importanti biex jgħinu liż-żgħażagħ jiksbu esperjenza prattika ta’ xogħol. It-traineeships isiru primarjament bħala parti mill-proċess ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ. Jistgħu jkunu wkoll traineeships tas-suq miftuħ li jseħħu wara li persuna tkun temmet l-edukazzjoni jew it-taħriġ tagħha. Ir-regoli li jirregolaw traineeship, u l-kundizzjonijiet li taħthom iseħħ jiġu determinati fil-livell nazzjonali u jqisu r-regolamenti eżistenti, ir-relazzjonijiet industrijali u l-prattiki edukattivi. Dawn ir-regoli jistgħu jieħdu ispirazzjoni mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar qafas ta’ kwalità għat-traineeships (27).

3.2.3.

Madankollu, l-ETV doppja għandha tiġi adattata għar-realtajiet ġodda kif ukoll permezz tal-aġġornament f’waqtu tal-kurrikuli, billi jinħoloq ambjent ta’ tagħlim ta’ appoġġ fejn il-ħiliet jistgħu jiġu żviluppati u mtejba matul iċ-ċiklu tal-ħajja ta’ karriera.

3.2.4.

Il-kapaċità u l-kompetenzi tal-għalliema huma fundamentali għal VET doppja ta’ kwalità għolja, u ta’ importanza vitali għall-kombinazzjoni tal-esperjenza prattika u l-esperjenza teoretika. Għalhekk huwa importanti li l-Istati Membri jżommu sistema għat-taħriġ kontinwu tal-għalliema u ta’ min iħarreġ, u flimkien mal-imsieħba soċjali jaħdmu sabiex isibu modi biex jimmotivawhom.

3.3.   L-edukazzjoni universitarja

3.3.1.

Il-KESE jqis l-isfida ewlenija fir-rigward tal-edukazzjoni universitarja f’bosta Stati Membri bħala l-ħtieġa li jissaħħu l-komponenti tat-taħriġ ibbażati fuq ix-xogħol, tal-kurrikuli, sabiex l-istudenti jiġu mgħallma l-ħiliet trasversali u speċifiċi għas-suġġett li l-impjegaturi qegħdin ifittxu. Għaldaqstant jeħtieġ li l-imsieħba soċjali jkunu involuti aħjar fit-tfassil u l-għoti tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

3.3.2.

Wieħed irid dejjem iżomm f’moħħu li l-edukazzjoni universitarja mhijiex għan per se. L-impjiegi kollha huma importanti, peress li l-professjonijiet u l-impjiegi jippermettu lill-persuni jikkontribwixxu għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tas-soċjetà u l-edukazzjoni universitarja għandha tibqa’ għażla, iżda mhux obbligu jew timbru li jindika l-kwalità tal-persuni.

3.3.3.

Lawrja universitarja fil-bidu ta’ karriera professjonali ma tfissirx li m’hemmx bżonn ta’ ksib kontinwu ta’ ħiliet ġodda, speċjalment billi t-tulijiet tal-karrieri għandhom tendenza li jitwalu. L-universitajiet għandhom jirrikonoxxu għan soċjali ġdid sabiex jipprovdu edukazzjoni tul il-ħajja billi jużaw forom flessibbli ta’ tagħlim (tagħlim mill-bogħod, klassijiet ta’ filgħaxija, eċċ.) u għandhom jaġġustaw l-istrutturi u l-pjani tagħhom skont dan.

3.3.4.

Il-ħiliet soċjali għandhom importanza dejjem akbar għal firxa wiesgħa ta’ impjiegi, minħabba r-rwol tagħhom fir-relazzjonijiet fuq il-post tax-xogħol, biex jitqassmu u jitmexxew il-kompiti, biex jinħoloq u jinżamm ambjent effiċjenti u produttiv. Għal din ir-raġuni se jkun rakkomandabbli għall-universitajiet li jikkomplementaw il-kurrikuli tradizzjonali tagħhom f’oqsma speċjalizzati bi klassijiet addizzjonali dwar l-immaniġġjar, il-komunikazzjoni, eċċ. Barra minn hekk, l-universitajiet għandhom “iwaqqgħu l-ħitan” bejn l-oqsma edukattivi u għandhom jenfasizzaw approċċi interdixxiplinarji. Il-ġejjieni tax-xogħol għall-professjonijiet b’edukazzjoni għolja se jkun inevitabbilment relatat mal-ħtieġa ta’ ħiliet interdixxiplinarji.

3.3.5.

L-informazzjoni dwar l-istrateġiji effettivi ta’ tagħlim tista’ tkun ukoll personalizzata. Huwa aktar faċli għall-persuni li jiġu inkoraġġiti jitgħallmu b’mod aktar effettiv u b’riżultati aħjar jekk ikunu konxji tal-proċessi ta’ ħsieb proprji tagħhom. Biż-żieda riċenti fit-tagħlim online, il-mekkaniżmi tat-tagħlim saru aktar magħrufa u jistgħu jagħtu idea aħjar ta’ liema huma l-aħjar modi ta’ tagħlim fuq bażi individwali. Jekk jiġu applikati tali approċċi, huwa aktar probabbli li l-istudenti jkunu jistgħu jiksbu ħiliet ġodda aktar tard fil-ħajja u jista’ jiġi pprovdut ukoll kontenut personalizzat għall-istudenti f’formati ta’ tagħlim mill-bogħod.

3.3.6.

Minħabba l-ispejjeż għoljin tal-edukazzjoni għolja u l-evidenza disponibbli li hemm ħafna allokazzjoni ineffiċjenti tar-riżorsi f’dan il-qasam, l-Istati Membri għandhom jiġu inkoraġġiti jdaħħlu sistemi ta’ traċċar li jistgħu jipprovdu informazzjoni għas-sitwazzjoni reali tas-suq tax-xogħol, skont ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istħarriġ dwar is-sitwazzjoni tal-gradwati (28).

3.4.   Is-sistema tal-ETV

3.4.1.

Il-KESE laqa’ l-għan ippreżentat fil-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi li mill-anqas nofs apprendistat għandu jitwettaq fuq il-post tax-xogħol. Filwaqt li titqies id-diversità tal-iskemi nazzjonali, l-għan huwa li jsir progress gradwali lejn sitwazzjoni fejn il-biċċa l-kbira tal-apprendistati jsiru fuq il-post tax-xogħol (29).

3.4.2.

Il-KESE jilqa’ l-objettiv tal-KE biex l-ETV issir għażla tal-ewwel klassi għall-istudenti. Dan jenfasizza l-importanza li titrawwem il-permeabbiltà bejn l-ETV u l-edukazzjoni għolja sabiex jinfetħu l-opportunitajiet u jgħin biex titneħħa l-istigma fir-rigward tal-ETV (30).

3.4.3.

Fl-apprendistati hemm rwol ċar għall-impjegaturi sabiex jipprovdu l-partijiet tat-taħriġ relatati max-xogħol, u għalhekk dawn jistgħu jadattaw dik il-parti tat-taħriġ skont ix-xejriet tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa.

3.4.4.

It-taħriġ vokazzjonali, kemm tal-bidu kif ukoll dak kontinwu, barra mis-sistemi tal-edukazzjoni sekondarja u tal-edukazzjoni għolja għandu wkoll rwol x’jaqdi sabiex jitnaqqas l-ispariġġ fil-ħiliet. F’dinja ta’ taħriġ mill-ġdid kontinwu u impjieg indipendenti li qed jiżdied, il-persuni se jkollhom bżonn l-għajnuna meta jiċċaqilqu minn impjieg għall-ieħor (31). Għal din ir-raġuni, għandhom jiġu żviluppati forom differenti ta’ organizzazzjoni tal-pariri, sabiex tiġi pprovduta informazzjoni dwar perkorsi tal-karriera, il-kundizzjonijiet finanzjarji medji għal impjiegi u pożizzjonijiet differenti, kemm se jdumu utli ħiliet partikolari, eċċ. (32).

3.4.5.

It-teknoloġiji ġodda bħar-realtà virtwali u r-realtà awmentata jagħmlu t-tagħlim aktar faċli, aktar effettiv u jistgħu jtejbu radikalment it-taħriġ professjonali filwaqt li t-tekniki tal-big data joffru opportunitajiet għat-taħriġ personalizzat. Sabiex jintużaw dawn l-opportunitajiet, huwa rakkomandabbli li jiġu żviluppati pjattaformi xierqa li jipprovdu konnessjonijiet irħas u immedjati u jinħolqu libreriji b’korsijiet fuq talba. Minbarra l-vantaġġi l-oħra kollha, pjattaformi bħal dawn isolvu wkoll il-problema tad-distanzi twal għall-persuni f’żoni remoti. Dan l-aspett tal-ETV attwalment mhuwiex żviluppat biżżejjed meta mqabbel mal-edukazzjoni universitarja u jeħtieġ li jiġi msaħħaħ.

3.4.6.

It-taħriġ fuq il-post tax-xogħol fil-kumpaniji huwa mod ieħor sabiex jittejbu l-ħiliet u sabiex jikkontribwixxi għat-titjib fil-produttività tal-ħaddiema u l-iżvilupp professjonali tagħhom, għall-prestazzjoni ġenerali tan-negozju u għall-benesseri tal-impjegati fix-xogħol tagħhom. Huwa jimmotivahom u jippermettilhom ukoll li jagħmlu progress fil-karriera u l-qligħ tagħhom. It-taħriġ tal-impjegati huwa għalhekk interess komuni u l-impjegaturi u l-impjegati għandhom responsabbiltà kondiviża biex jikkontribwixxu għat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ mill-ġdid, li jwassal għal intrapriżi ta’ suċċess u forza tax-xogħol imħarrġa b’mod xieraq.

3.4.7.

Hemm bosta liġijiet, regoli u approċċi nazzjonali differenti għall-organizzazzjoni u l-forniment tat-taħriġ għall-impjegati. Xi Stati Membri għandhom politiki estensivi u b’saħħithom ta’ taħriġ vokazzjonali stabbiliti fil-leġislazzjoni, filwaqt li f’oħrajn id-dispożizzjonijiet dwar it-taħriġ huma stabbiliti permezz ta’ ftehimiet kollettivi, f’diversi livelli, jew maqbula direttament bejn l-impjegaturi u l-impjegati fuq il-post tax-xogħol. L-opportunitajiet ta’ aċċess għat-taħriġ jistgħu jkunu dipendenti wkoll fuq id-daqs tal-kumpanija/post tax-xogħol. L-aċċess għat-taħriġ effettiv tal-impjegati għandu jiġi ffaċilitat filwaqt li jiġu rrispettati d-diversità u l-flessibbiltà tas-sistemi, li jvarjaw skont il-prattiki differenti tar-relazzjonijiet industrijali.

3.4.8.

L-Istati Membri u l-imsieħba soċjali għandhom jaħdmu flimkien, filwaqt li jisfruttaw il-potenzjal sħiħ tad-djalogu soċjali fuq bażi tripartitika u bipartitika sabiex iżidu l-aċċess għal, u l-parteċipazzjoni fit-taħriġ għall-impjegati. Dan għandu jiġi żviluppat b’mod li jibbenefikaw minnu l-ħaddiema u l-intrapriżi/postijiet tax-xogħol kollha bħala parti minn approċċ ta’ tagħlim tul il-ħajja li jibbaża fuq il-potenzjal u l-ħtiġijiet reali ta’ forza tax-xogħol imħallta kemm fis-setturi pubbliċi kif ukoll privati u f’kumpaniji u postijiet tax-xogħol ta’ daqs żgħir, medju u kbir.

3.4.9.

Il-mod kif jiġi organizzat u mwettaq it-taħriġ fuq il-post tax-xogħol jeħtieġ li jiġi maqbul b’mod konġunt bejn l-impjegaturi u l-impjegati permezz ta’ taħlita ta’ arranġamenti kollettivi u individwali. Dan jinvolvi li t-taħriġ preferibbilment isir waqt is-sigħat tax-xogħol jew, fejn ikun rilevanti, barra s-sigħat tax-xogħol (b’mod partikolari għat-taħriġ mhux relatat mal-kumpanija). L-impjegaturi għandhom jieħdu approċċ pożittiv għat-taħriġ tal-impjegati. Iżda meta ħaddiem jitlob, jew ikollu intitolament għat-taħriġ, l-impjegaturi għandu jkollhom id-dritt li jiddiskutu tali talbiet sabiex jiżguraw li dan jappoġġa l-impjegabbiltà tal-ħaddiem b’mod li jkun ukoll fl-interessi tal-intrapriża.

3.4.10.

It-taħriġ vokazzjonali mhuwiex biss għall-impjegati. Il-kumpaniji l-kbar ġeneralment jipprovdu taħriġ speċjalizzat lill-maniġment superjuri tagħhom. Iżda dan mhuwiex il-każ għall-SMEs u b’mod partikolari għan-negozji tradizzjonali żgħar u n-negozji tal-familja. Il-prosperità ta’ dawn il-kumpaniji hija relatata kważi għalkollox mas-sidien/maniġers. Il-korsijiet qosra ta’ taħriġ, l-aċċess għas-servizzi ta’ konsulenza u għall-korsijiet b’vidjow, iffukati fuq ir-rekwiżiti legali, ir-regolamenti, il-protezzjoni tal-konsumatur, l-istandards tekniċi, eċċ. jistgħu jtejbu l-prestazzjoni ta’ dawn il-kumpaniji.

3.4.11.

Il-Kummissjoni Ewropea għandha tħeġġeġ lill-Istati Membri jesploraw l-esperjenza pożittiva fil-pajjiżi tal-UE b’sistemi tal-ETV żviluppati tajjeb u tqis il-possibbiltà li tiżviluppa programmi biex tiffaċilita tali skambju.

Brussell, il-21 ta’ Marzu 2019.

Il-President

tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

Luca JAHIER


(1)  Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, 2016, Żona Ewropea tal-Edukazzjoni, 2018. Laqa’ wkoll il-proġett tad-DĠ GROW, “Pjan ta’ Azzjoni għal Kooperazzjoni Settorjali dwar il-Ħiliet”, għalkemm il-kamp ta’ applikazzjoni tiegħu huwa limitat ħafna, kif ukoll proġetti differenti tal-EASME/COSME – eż. 2017/001, 004, 007 u 2016/033 u 034.

(2)  COM(2018) 268 final.

(3)  ĠU C 237, 6.7.2018, p. 8.

(4)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 136.

(5)  Dan ġie rikonoxxut mill-Kummissjoni Ewropea – id-DĠ EMPL, u l-Kummissjoni pprovdiet appoġġ finanzjarju u appoġġ ieħor għall-proġetti mmexxija mill-OECD tal-Istrateġija Nazzjonali dwar il-Ħiliet f’diversi Stati Membri fosthom il-Portugall, l-Italja, Spanja, is-Slovenja u l-Fjandri Belġjani. F’dawn l-aħħar snin, is-Cedefop implimenta wkoll programmi ddedikati li jappoġġjaw lill-Istati Membri (il-Greċja, il-Bulgarija, Slovakkja, l-Estonja, Malta) biex itejbu l-antiċipazzjoni tal-ħiliet u l-infastruttura ta’ tqabbil tagħhom: https://www.cedefop.europa.eu/en/events-and-projects/projects/assisting-eu-countries-skills-matching.

(6)  ĠU C 13, 15.1.2016, p. 49.

(7)  https://www.eesc.europa.eu/en/news-media/press-releases/skills-mismatches-eu-businesses-are-losing-millions-and-will-be-losing-even-more

(8)  “Skills Mismatches - An Impediment to the Competitiveness of EU Businesses” (Spariġġ fil-ħiliet - Ostakolu għall-Kompetittività tan-Negozji tal-UE), KESE.

(9)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 136.

(10)  ĠU C 237, 6.7.2018, p. 8, ĠU C 367 10.10.2018, p. 15.

(11)  ĠU C 173, 31.5.2017, p. 45. 40 % tal-impjegati adulti jħossu li l-ħiliet tagħhom mhumiex qed jiġu utilizzati bis-sħiħ: https://www.cedefop.europa.eu/en/publications-and-resources/publications/3075.

(12)  “Insights into skill shortages and skill mismatch” (Tagħrif dwar in-nuqqasijiet ta’ ħiliet u l-ispariġġ fil-ħiliet). Tagħlimiet mill-istħarriġ tas-Cedefop dwar il-ħiliet u l-impjiegi Ewropej, Iċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta’ Taħriġ Vokazzjonali (Cedefop), 2018. Barra minn hekk il-Panorama ta’ Ħiliet u l-Europass.

(13)  Statistika tal-Qgħad, Statistika dwar il-Postijiet tax-Xogħol Battala, Eurostat.

(14)  Solving the Talent Shortage (Insibu Soluzzjoni għan-Nuqqas ta’ Talent), ManpowerGroup Employment Outlook Survey, 2018. Xi wħud qegħdin jikkontestaw l-affidabbiltà ta’ dan l-istudju – eż. Cappelli (2014): https://www.nber.org/papers/w20382.

(15)  “Skills Mismatches – An Impediment to the Competitiveness of EU Businesses” (L-Ispariġġ fil-Ħiliet – Ostakolu għall-Kompetittività tan-Negozji tal-UE), studju kkummissjonat mill-IME fuq talba tal-Grupp ta’ Min Iħaddem tal-KESE.

(16)  Ibid.

(17)  Jekk ma jinbidel xejn.

(18)  Ibid.

(19)  ĠU C 440, 6.12.2018, p. 37.

(20)  OJ C 440, 6.12.2018, p. 37 u eżempji ta’ prattika tajba jistgħu jinstabu fil-Ġermanja – fejn il-“ħiliet MINT” huma mtejba bl-għajnuna tal-“House of the small researchers in town” (Dar tar-riċerkaturi żgħar fil-belt): https://www.bertelsmann-stiftung.de/en/publications/publication/did/leitfaden-berufsorientierung-1/.

(21)  Is-sejbiet tat-Tabella Ewropea tal-Fondazzjoni BMW.

(22)  ĠU C 367, 10.10.2018, p. 15.

(23)  https://www.patttassindki.eu/mt/events-and-projects/projects/big-data-analysis-online-vancancies. Ara wkoll: “Overview of the national strategies on work 4.0 – a coherent analysis of the role of social partners” (Ħarsa ġenerali lejn l-istrateġiji nazzjonali dwar ix-xogħol 4.0 – analiżi koerenti tar-rwol tal-imsieħba soċjali), https://www.eesc.europa.eu/en/our-work/publications-other-work/publications/overview-national-strategies-work-40-coherent-analysis-role-social-partners-study.

(24)  https://twentythirty.com/how-digitization-will-affect-the-world-of-work

(25)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 136.

(26)  Għodod bħal dawn jistgħu jagħtu aċċess għal lawrji sħaħ, għal korsijiet iqsar u speċjalizzazzjonijiet kif ukoll għal nanogradi; jipprovdu organizzazzjoni flessibbli billi jqassmu l-gradi f’moduli u l-moduli f’korsijiet jew anki f’unitajiet iżgħar; joffru opportunitajiet għal ħaddiema akbar fl-età biex jistudjaw fi stadji aktar tard tal-karriera tagħhom; inaqqsu l-ispiża u l-ħin tat-tagħlim, u joffru bilanċ aħjar bejn ix-xogħol, l-istudju u l-ħajja tal-familja; jagħtu tweġibiet aktar malajr u aktar flessibbli għat-talbiet dejjem akbar tas-suq tax-xogħol sabiex il-persuni jiġu pprovduti bil-kwalifiki u l-ħiliet mixtieqa; joħolqu l-fiduċja u jgħinu lill-impjegaturi jiksbu informazzjoni dwar impjegati potenzjali, meta jiġu pprovduti minn istituzzjonijiet edukattivi rispettati.

(27)  https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52013PC0857&from=EN.

(28)  http://ec.europa.eu/transparency/regexpert/index.cfm?do=groupDetail.groupDetailDoc&id=36708&no=1.

(29)  ĠU C 262, 25.7.2018, p. 41.

(30)  https://www.ceemet.org/positionpaper/10-point-plan-competitive-industry.

(31)  ĠU C 434, 15.12.2017, p. 36.

(32)  https://www.bertelsmann-stiftung.de/en/publications/publication/did/leitfaden-berufsorientierung-1/.