IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 13.11.2018
COM(2018) 850 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Dwar il-Progress li sar mill-Bulgarija taħt il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika
{SWD(2018) 550 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Strasburgu, 13.11.2018
COM(2018) 850 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Dwar il-Progress li sar mill-Bulgarija taħt il-Mekkaniżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika
{SWD(2018) 550 final}
1.INTRODUZZJONI
F’Jannar 2017 il-Kummissjoni wettqet valutazzjoni komprensiva tal-progress li sar mill-Bulgarija fuq għaxar snin mit-twaqqif tal-Mekkamiżmu għall-Kooperazzjoni u l-Verifika (MKV) fl-2007. 1 Fuq il-bażi tal-perspettiva fuq żmien itwaltal-progress sinifikanti li sar, il-Kummissjoni indikat 17-il rakkomandazzjoni ewlenija li jekk jiġu segwiti, jtemmu l-proċess tal-MKV, f’konformità mal-objettiv stabbilit mill-President Juncker biex jiġi konkluż il-proċess tal-MKV taħt il-mandat ta’ din il-Kummissjoni. Ir-rakkomandazzjonijiet ta’ Jannar 2017 għalhekk m’humiex meqjusa biżżejjed biex jingħalaq il-MKV – ħlief jekk l-iżviluppi jkunu biex ireġġgħu lura b’mod ċar il-progress. Ġie enfasizzat ukoll li l-pass tal-proċess tiddependi fuq kemm il-Bulgarija tkun kapaċi tissodisfa r-rakkomandazzjonijiet malajr, b’mod irriversibbli. B’mod partikolari, ir-rakkomandazzjonijiet iffukaw fuq ir-responsabilità u l-kontabilità meħtieġa mill-awtoritajiet Bulgari u fuq il-bini ta’ salvagwardji interni biex tiġi żgurata l-irreversibilità tar-riżultati, biex jintwera li l-proġetti li għaddejjin se jiġu ffinalizzati anki mingħajr il-MKV. Kif ġie mfakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill, il-MKV se jintemm meta jiġu ssodisfati biżżejjed is-sitt parametri referenzjarji kollha li japplikaw għall-Bulgarija.
Fir-rapport ta’ Novembru 2017, 2 il-Kummissjoni nnutat li “sar progress sinifikanti fuq ir-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-rapport ta’ Jannar 2017, b’mod partikolari r-rakkomandazzjonijiet 1, fejn issa se jkun f’idejn il-kompożizzjoni l-ġdida tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura (KSM) li juri r-riżultati, u 16 u 17 fejn jenħtieġ li tinżamm it-tendenza pożittiva. Sar ukoll progress importanti fuq ir-rakkomandazzjoni 4 għalkemm għad fadal aktar xi jsir. Filwaqt li l-Kummissjoni ma tistax tikkonkludi għalissa li xi parametri referenzjarji li f’dan l-istadju ġew issodisfati biżżejjed, tibqa’ tal-fehma li b’direzzjoni politika kontinwa u b’determinazzjoni li tavvanza r-riforma, il-Bulgarija fil-futur qrib jenħtieġ li tkun f’pożizzjoni li tissodisfa r-rakkomandazzjonijiet tal-MKV li fadal”. Il-Kunsill laqa’ b’sodisfazzjon il-passi sinifikanti pożittivi li saru, filwaqt li ġibed l-attenzjoni li kien għad fadal ħafna xi jsir 3 .
Dan ir-rapport jippreżenta l-progress ulterjuri li sar minn Novembru 2017 fis-segwitu tar-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-rapport ta’ Jannar 2017. Bħas-snin ta’ qabel, dan huwa r-riżultat ta’ proċess ta’ analiżi bir-reqqa mill-Kummissjoni, abbażi ta' kooperazzjoni mill-qrib mal-istituzzjonijiet Bulgari, kif ukoll ta’ kontribut tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra, inklużi Stati Membri oħra.
2. IS-SITWAZZJONI ĠENERALI
Ir-rapport ta’ Jannar 2017 innota li minkejja l-progress li sar dwar il-parametri referenzjarji tal-MKV, dan inżamm lura minħabba kundizzjonijiet mhux favorevoli f’termini tal-instabilità governattiva, tal-imprevedibbiltà fil-proċess leġiżlattiv, u ta' ambjent medjatiku li ma wassalx għal riforma 4 . Filwaqt li dawn il-kwistjonijiet kienu jmorru lil hinn mill-ambitu speċifiku tal-MKV, fatturi bħal dawn madankollu kellhom impatt importanti fuq il-progress tar-riforma.
Is-sena minn Novembru 2017 ‘l hawn kienet perijodu ta’ stabbiltà governattiva fil-Bulgarija, fatt li għen lill-proċess ta’ riforma. L-aktar stadju sinifikanti kien l-adozzjoni tar-riforma tal-qafas ġenerali kontra l-korruzzjoni f’Jannar 2018. Issoktat ukoll ħidma f’oqsma oħra, inkluż fl-implimentazzjoni ta’ riformi adottati preċedentement. F’xi oqsma, ir-riformi għadhom għaddejjin, jew inkella qed jitkomplew id-diskussjonijiet dwar l-aħjar azzjoni. Madankollu, f’xi każijiet, l-iżviluppi leġiżlattivi komplew iqajmu kontroversja. F’xi każijiet il-proċess leġiżlattiv jidher li kien kapaċi jirreaġixxi u jadatta, 5 filwaqt li f’oħrajn, il-kontroversja kompliet issegwi l-adozzjoni tal-leġiżlazzjoni 6 . Madankollu, b’mod ġenerali, is-sistema leġiżlattiva tidher li wettqet riformi b'mod aktar prevedibbli u anqas kontroversjali milli fil-passat.
Xi osservaturi internazzjonali nnutaw deterjorament sinifikanti fl-ambjent tal-midja Bulgaru matul dawn l-aħħar snin, bis-settur tal-midja Bulgaru jkun ikkaratterizzat minn sjieda mhux trasparenti u infurzar dgħajjef tal-istandards ġurnalistiċi. Sitwazzjoni bħal din taffettwa l-kwalità tad-dibattitu pubbliku u għalhekk tirriskja li tirrestrinġi l-aċċess tal-pubbliku għall-informazzjoni, b’għadd limitat biss ta’ sorsi indipendenti 7 . L-ambjent tal-midja għandu sinifikat speċifiku għal indipendenza ġudizzjarja, b’attakki mmirati fuq l-imħallfin f’xi midja marbuta ma’ interessi mhux trasparenti, u b’diffikultajiet biex jinstab rimedju effettiv. Il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura għandu rwol ewlieni biex jiddefendi l-ġudikatura u l-prinċipju tal-indipendenza ġudizzjarja kontra attakki bħal dawn 8 .
B’mod aktar wiesa’, l-abbiltà tal-midja, kif ukoll tas-soċjetà ċivili, li jżommu li jeżerċitaw il-poter responsabbli f’ambjent pluralistiku mingħajr theddid u intimidazzjoni huwa l-pedament importanti biex jiġu segwiti l-kwistjonijiet koperti mill-MKV, kif ukoll il-governanza aħjar b’mod ġenerali.
3. VALUTAZZJONI TAL-PROGRESS BIEX JINTLAĦQU L-PARAMETRI REFERENZJARJI TAL-MKV ABBAŻI TAR-RAKKOMANDAZZJONIJIET STABBILITI FIR-RAPPORT TAL-MKV TA’ JANNAR 2017
3.1 Parametru Referenzjarju Wieħed: L-Indipendenza Ġudizzjarja
Rakkomandazzjoni 1: Tkun żgurata elezzjoni trasparenti għall-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura futur, b’seduta pubblika fl-Assemblea Nazzjonali qabel l-elezzjoni tal-membri tal-kwota parlamentari, u s-soċjetà ċivili tingħata ċ-ċans li tagħmel osservazzjonijiet dwar il-kandidati.
Rakkomandazzjoni 2: Jiġi stabbilit rekord ta’ ħatriet trasparenti u skont il-mertu għal karigi ġudizzjarji ta’ livell għoli, inkluża l-ħatra li jmiss dalwaqt ta’ President ġdid għall-Qorti Amministrattiva Suprema.
Rakkomandazzjoni 3: Sabiex jitjieb il-funzjonament prattiku tal-Ispezzjoni Ġudizzjarja u s-segwitu mill-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura għall-kostatazzjonijiet tal-ispettorat, b’mod partikulari dwar kwistjonijiet ta’ integrità, jiġi kkunsidrat li tintalab għajnuna esterna, pereżempju mis-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali (SSRS) u/jew mill-Kunsill tal-Ewropa.
L-aħħar rapport enfasizza l-elezzjoni tal-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura l-ġdid bħala żvilupp ewlieni fl-2017. L-elezzjoni saret f'qafas kostituzzjonali u leġiżlattiv ġdid u mtejjeb, li jipprevedi elezzjonijiet diretti għall-kwota ġudizzjarja u l-elezzjoni tal-kwota parlamentari b’maġġoranza ta’ żewġ terzi fl-Assemblea Nazzjonali. Il-Kunsill il-ġdid daħal fil-kariga f’Ottubru tas-sena l-oħra u għandu rwol ewlieni x’jaqdi kemm f’termini tal-ġestjoni ta’ kuljum tal-ġudikatura kif ukoll fir-riforma kontinwa tiegħu.
B’mod ġenerali, il-Kunsill jidher li adatta għar-rwol maniġerjali tiegħu, fi spirtu ta’ professjonaliżmu u kooperazzjoni tajba, biex b'hekk jevita l-atmosfera ferm polarizzata li ta’ spiss kienet tikkaratterizza l-Kunsill preċedenti. Fil-passat, deċiżjonijiet dwar ħatriet għal karigi ta’ livell għoli fil-ġudikatura kienu jikkostitwixxu qasam ta’ tħassib, minħabba n-nuqqas ta’ trasparenza u allegazzjonijiet ta’ influwenza mhux xierqa tal-interessi ekonomiċi jew politiċi, u r-rapport ta’ Jannar 2017 għalhekk innota l-ħtieġa għall-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura il-ġdid biex iwaqqaf rekord ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet trasparenti u bbażati fuq il-mertu.
Matul l-aħħar sena, inħatru għadd ta’ kapijiet ta’ korpi ġudizzjarji, li jidher li b’mod ġenerali ma tawx lok għal kontroversji kbar 9 . F’Marzu, proċedura għall-ħatra ta’ president ġdid fil-Qorti tal-Belt ta’ Sofija naqset milli tipproduċi riżultat minħabba votazzjoni maqsuma fil-kamra tal-imħallfin tal-Kunsill. Fl-2014 u l-2015, il-Qorti tal-Belt ta’ Sofia kienet is-suġġett ta’ skandli kbar, u minn dak iż-żmien għaddiet minn tibdil ġenerali taħt maniġment ġdid. Madankollu minħabba li l-president irriżenja għal raġunijiet personali fis-sajf tal-2017, il-Qorti tinsab mingħajr maniġment permanenti. Se jkun importanti li l-Kunsill jiżgura li din il-ħatra ssir bi proċedura miftuħa u trasparenti, biex il-president il-ġdid ikun kapaċi jikseb il-fiduċja kemm tal-pubbliku ġenerali kif ukoll tal-imħallfin li jaħdmu l-Qorti 10 . Bħalissa għaddejja wkoll proċedura għall-ħatra ta’ president ġdid tal-Qorti Speċjalizzata għall-Kriminalità Organizzata 11 . B’mod aktar ġenerali, qed jitħejjew kompetizzjonijiet għal ħatriet fil-qrati, li jibdew bil-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni u jibqgħu neżlin ‘l isfel biex fl-aħħar mill-aħħar jilħqu l-livelli kollha tal-ġudikatura. Kompetizzjonijiet bħal dawn jirrappreżentaw element importanti ta’ trasparenza u se jkun importanti għall-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura biex jiżgura l-effettività tagħhom billi jimtlew postijiet vakanti b’mod regolari 12 .
Qasam ieħor li ta lok għal kontroversji fil-passat jikkonċerna l-proċedimenti dixxiplinari. F’dan il-qasam, il-Kunsill jikkondividi r-responsabbiltà mal-ispettorat ġudizzjarju indipendenti, li f’Jannar 2017 kiseb setgħat addizzjonali biex jivverifika l-integrità tal-maġistrati inkluż permezz tal-verifika ta’ dikjarazzjonijiet tal-assi personali, u rwol aktar ċentrali fil-ftuħ tal-proċedimenti dixxiplinari. Wara r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni biex jintuża għarfien espert, m’ilux tnieda proġett, li jenħtieġ li jitlesta fl-2019 bl-assistenza tas-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali tal-Kummissjoni u tal-Kunsill tal-Ewropa.
Fuq il-bażi tal-analiżi tal-Parametru Referenzjarju Wieħed, il-Bulgarija implimentat ir-rakkomandazzjoni 1 u r-rakkomandazzjonijiet 2 u 3 dalwaqt jiġu implimentati. Minħabba li xi żviluppi għadhom għaddejjin, biex din il-valutazzjoni tiġi kkonfermata hemm bżonn attenzjoni kontinwa għal riżultati konkreti skont rakkomandazzjonijiet 2 u 3, iżda l-Parametru Referenzjarju Wieħed jista’ jitqies provviżorjament magħluq.
3.2 Parametru Referenzjarju Tnejn: Il-Qafas Legali
Rakkomandazzjoni 4: Jiġu adottati l-emendi għall-Kodiċi ta’ Proċedura Kriminali u għall-Kodiċi Kriminali biex jittejjeb il-qafas legali għall-prosekuzzjoni ta’ korruzzjoni f’livell għoli u tal-kriminalità organizzata serja.
Ir-rapport ta’ Jannar 2017 bħala sfida importanti li għad fadal, identifika l-bżonn li jiġu indirizzati nuqqasijiet fil-kodiċi kriminali u l-proċedimenti Bulgari, b’mod partikolari bl-għan li titjieb il-kapaċità tas-sistema tal-ġustizzja kriminali fil-Bulgarija biex twieġeb għall-korruzzjoni f’livell għoli u l-kriminalità organizzata b’mod effettiv.
Matul is-snin, il-Bulgarija ħadet għadd ta’ miżuri leġiżlattivi konkreti biex tindirizza tħassib għal dan u wettqet segwitu fl-2017 b’emendi addizzjonali għall-kodiċi ta’ proċedura kriminali. Il-bidliet ewlenin jinkludu trasferiment ta’ kawżi ta’ korruzzjoni f’livell għoli lill-Qorti Speċjalizzata għall-Kriminalità Organizzata u regoli aktar stretti dwar il-kapaċità tal-qrati biex jirreferu lura kawżi għall-prosekuzzjoni fuq bażi formali. Riferimenti bħal dawn, imsejsa fuq żbalji formali u proċedurali issa jistgħu biss iseħħu fil-kuntest ta’ smigħ preliminari fil-bidu nett tal-proċedimenti tal-proċess 13 .
Dawn l-emendi issa huma fis-seħħ. Il-prosekuzzjoni speċjalizzata rċeviet ukoll riżorsi addizzjonali biex tlaħħaq max-xogħol żejjed, u jinsabu għaddejjin proċeduri biex jipprovdu aktar riżorsi lill-qorti speċjalizzata 14 . L-impatt tal-emendi f’termini tal-espedjenza tal-proċedimenti tal-qorti kien għadd kbir ta’ riferimenti fl-istadju bikri tal-proċedimenti. Forsi din hi ħaġa naturali waqt fażi tranżitorja, u parzjalment tirrifletti approċċ kawt tal-imħallfin fil-kuntest tar-regoli l-ġodda. Dan maż-żmien jenħtieġ li jiġi kkontrobilanċjat permezz ta’ progress aktar mgħaġġel, ladarba jitlesta l-istadju preliminari 15 .
Barra mill-emendi leġiżlattivi li diġà saru għall-kodiċi kriminali fl-2017, matul l-aħħar sena kienu għaddejjin ukoll diskussjonijiet fuq modi kif jiġi indirizzat il-qafas proċedurali kumpless ħafna u formalistiku għal proċedimenti kriminali fil-Bulgarija. Dan isegwi fuq għadd ta’ analiżijiet imwettqa fis-snin li għaddew mill-awtoritajiet Bulgari nnifishom kif ukoll minn esperti esterni, kemm fil-kuntest tal-istrateġija kontinwa tar-riforma ġudizzjarja u b’mod aktar speċifiku biex jitjieb il-qafas għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni ta’ kawżi ta’ korruzzjoni 16 .
Dawn id-diskussjonijiet twettqu fi gruppi ta’ ħidma taħt il-Ministeru tal-Ġustizzja, bil-parteċipazzjoni ta’ rappreżentanti ġudizzjarji u esperti akkademiċi. Matul l-2018, intlaħqu konklużjonijiet fuq għadd ta’ punti li ġie deċiż li ma kienx ħaqqhom segwitu leġiżlattiv 17 . Fejn ġie deċiż li ma ssirx leġiżlazzjoni, se jkun importanti li jitqiesu miżuri mhux leġiżlattivi possibbli biex jindirizzaw il-kwistjonijiet sottostanti.
Xi punti mqajma mill-analiżijiet għadhom taħt konsiderazzjoni għal segwitu leġiżlattiv possibbli. Eżempju wieħed li jmur dritt fil-qalba tal-isfidi mqajma, jirrigwarda l-kwistjoni dwar kif għandu jkun definit il-limitu biex jinbdew proċedimenti ta’ qabel il-proċess u l-kwistjoni relatata tal-użu ta’ “investigazzjonijiet preliminari”, li mhumiex regolati fil-kodiċi tal-proċedura kriminali u li għalihom l-informazzjoni miġbura ma tistax tintuża bħala evidenza fil-qorti. Hemm argumenti ta’ effiċjenza favur u kontra l-użu ta’ inkjesti preliminari, li huma marbuta wkoll ma’ kwistjonijiet sensittivi madwar il-mekkaniżmu għal stħarriġ ġudizzjarju ta’ deċiżjonijiet ta’ prosekuzzjoni 18 . Punt sensittiv ieħor dwar liema deliberazzjonijiet għadhom ma laħqux konklużjoni, jikkonċerna l-proċeduri mpoġġija fis-seħħ biex jinżammu responsabbli l-aktar karigi għolja fil-maġistratura inkluż Prosekutur Ġenerali matul il-mandat tiegħu, fil-każ ta’ allegazzjonijiet serji ta’ għemil ħażin jew att kriminali 19 .
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kodiċi kriminali, il-gvern ħejja emendi mmirati li jfittxu li jiffaċilitaw il-prosekuzzjoni ta’ reati ta’ korruzzjoni fis-settur pubbliku u biex jestendu l-applikazzjoni tal-liġi kriminali għall-korruzzjoni fis-settur privat. Dawn l-emendi kienu kontroversjali u d-deliberazzjonijiet għadhom għaddejjin fil-leġiżlatura Bulgara.
Konsiderazzjoni bir-reqqa u konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati huma importanti meta wieħed jiġi biex jiddeċiedi t-triq ‘il quddiem dwar dawn il-kwistjonijiet li fadal, b’mod partikolari minħabba l-konsegwenzi potenzjali fuq is-sistema globali ta’ investigazzjoni kriminali u l-bilanċ bejn istituzzjonijiet ewlenin. Barra minn hekk filwaqt li l-Parametru Referenzjarju Tnejn jiffoka fuq soluzzjonijiet leġiżlattivi possibbli, l-isfidi sottostanti huma marbuta mill-qrib ma’ kwistjonijet imqajma fil-kuntest tal-strateġija ta’ riforma ġudizzjarja aktar wiesgħa u l-investigazzjonijiet b’rabta mal-korruzzjoni, li huma s-suġġett ta’ Parametri Referenzjarji Tlieta u Erbgħa hawn taħt.
Fuq il-bażi tal-analiżi tal-Parametru Referenzjarju Tnejn, il-Bulgarija għamlet progress sinifikanti dwar ir-rakkomandazzjoni 4 u ħadet azzjoni konkreta biex ittejjeb il-qafas legali rilevanti. Għadd ta’ kwistjonijiet, rilevanti wkoll fil-kuntest tal-Parametri Referenzjarji Tlieta u Erbgħa, għadhom qed jiġu kkunsidrati mill-awtoritajiet Bulgari. Il-Parametru Referenzjarju Tnejn jista’ jitqies magħluq provviżorjament, sakemm ikompli l-monitoraġġ tas-segwitu ta’ tibdiliet leġiżlattivi.
3.3 Parametru Referenzjarju Tlieta: It-tkomplija tar-Riforma Ġudizzjarja
Rakkomandazzjoni 5: Jiġi ppubblikat ir-rapport għall-konsultazzjoni pubblika li juri fid-dettall il-progress li sar fl-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali għar-riforma ġudizzjarja u jistabbilixxi l-passi li fadal jittieħdu. Jiġi stabbilit mekkaniżmu ta’ rapportar pubbliku kontinwu tal-progress għal matul iż-żmien li baqa’ għall-implimentazzjoni tal-istrateġija.
Rakkomandazzjoni 6: Tiġi indirizzata s-sitwazzjoni tal-volum ta’ xogħol fil-qrati l-aktar bieżla abbażi tal-istandards il-ġodda tal-volum ta’ xogħol, u jintlaħaq qbil dwar pjan direzzjonali għar-riforma tal-mappa ġudizzjarja b’mod parallel mal-iżvilupp tal-ġustizzja elettronika.
Rakkomandazzjoni 7: Jiġi stabbilit pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tas-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali rigward ir-riforma tal-Uffiċċju tal-Prosekutur u l-interazzjonijiet tiegħu mal-istituzzjonijiet l-oħra, inkluż mekkaniżmu għar-rapportar tal-progress lill-pubbliku ġenerali.
Rakkomandazzjoni 8: Jiġi stabbilit pjan direzzjonali għall-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-istudju dwar deċiżjonijiet tal-QEDB, inkluż mekkaniżmu għar-rapportar tal-progress lill-pubbliku ġenerali.
Il-ħidma fuq ir-riforma ġudizzjarja għadha taħt id-diversi linji stabbiliti fl-istrateġija tar-riforma ġudizzjarja tal-2014. F’dan il-kuntest, il-gvern kompla l-konsultazzjonijiet tiegħu mal-partijiet ikkonċernati fil-Kunsill għar-Riforma Ġudizzjarja konsultattiv u stabbilixxa l-prassi li jippubblika aġġornamenti regolari dwar il-progress u l-prijoritajiet ulterjuri fil-proċess ta’ riforma. Bl-istrateġija ta’ riforma attwali li tasal fi tmiemha fl-2020, dawn il-mekkaniżmi jistgħu jintużaw bħala punt tat-tluq għal dibattitu usa’ fis-soċjetà dwar il-futur tal-ġudikatura Bulgara u l-prijoritajiet għal inizjattivi ta’ riforma possibbli, li jimmiraw ukoll lil hinn mill-2020. Dan id-dibattitu jkun jinvolvi wkoll b’mod utli l-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura, li għandu setgħat indipendenti wiesgħa fir-rigward tal-ġestjoni tal-ġudikatura fil-Bulgarija.
Kwistjoni ewlenija f’dan ir-rigward hija dwar il-ġestjoni tal-volum tax-xogħol fil-qrati u l-kwistjoni relatata ta’ riforma futura possibbli tal-mappa ġudizzjarja. Il-prosekuzzjoni issa qed timxi ‘l quddiem bi proġett pilota biex tikkonsolida għadd żgħir ta’ uffiċċji lokali ta’ prosekuzzjoni, bħala l-ewwel pass lejn riforma usa’. Min-naħa tal-qrati, il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura ħa approċċ kawt sakemm jara l-eżitu ta’ proġett li għaddej bħalissa, u jidher dejjem aktar improbabbli li ssir riforma ġenerali tal-mappa tal-qorti fil-futur qrib. Minflok, ittieħdu inizjattivi biex tiġi riallokata l-ġuriżdizzjoni f’kawżi ċivili permezz ta’ bidla leġiżlattiva bil-għan li jqassam l-ammont ta’ xogħol fil-qrati l-aktar bieżla, li tipikament ikunu jinsabu f’Sofija, lil qrati oħrajn. Dan l-approċċ igawdi mill-appoġġ tal-gvern u diġa’ ssarraf f’emendi konkreti adottati riċentement fl-Assemblea Nazzjonali 20 . Flimkien ma’ dawn l-inizjattivi leġiżlattivi, il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura reċentament nieda wkoll diversi proċeduri għat-trasferiment tal-postijiet ġudizzjarji quddiem il-qrati ewlenin f’Sofia. Dawn l-isforzi leġiżlattivi u maniġerjali se jkunu importanti biex itaffu l-pressjoni fuq dawn il-qrati fuq terminu qasir. Fuq terminu itwal ta' żmien, se jkun hemm bżonn riformi ta’ natura aktar strutturali biex tiġi żgurata ġudikatura effettiva u effiċjenti 21 .
Qasam ewlieni ieħor ta’ ħidma taħt l-istrateġija tar-riforma ġudizzjarja għandu l-għan li jtejjeb il-qafas tas-segwitu ġudizzjarju għall-kawżi ta’ korruzzjoni u kriminalità organizzata. Fl-2016, tim ta’ prosekuturi ta’ esperjenza minn diversi Stati Membri, appoġġati mis-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali tal-Kummissjoni, ipproduċa rapport dwar tas-servizz tal-prosekuzzjoni tal-Bulgarija u stabbilixxa għadd ta’ rakkomandazzjonijiet lill-awtoritajiet Bulgari. Ir-rakkomandazzjonijiet preżenti fir-rapport minn Diċembru 2016 iffurmaw il-bażi ta’ pjan direzzjonali maħruġ mill-awtoritajiet tal-Bulgarija fl-2017, u s’issa sar segwitu fuq ħafna minnhom permezz ta’ azzjonijiet konkreti, bħat-tisħiħ tal-Prosekuzzjoni Speċjalizzata għall-Kriminalità Organizzata, li issa hija responsabbli wkoll għall-korruzzjoni fuq livell għoli. Xi rakkomandazzjonijiet ma rċevewx l-appoġġ tal-awtoritajiet. B’mod partikolari, ir-rakkomandazzjonijiet għal involviment aktar b'saħħtu tal-ġerarkija maniġerjali fis-servizz ta’ prosekuzzjoni dwar kawżi konkreti tqiesu li huma problematiċi mill-awtoritajiet tal-Bulgarija, fuq il-bażi li rikonoxximent formali ta’ rwol għall-ġerarkija fir-rigward ta’ kawżi individwali jagħti l-impressjoni li miexi lura lejn sistema li fil-passat kienet titqies bħala problematika 22 . Għadd ta’ rakkomandazzjonijiet fil-fatt irriżultaw f’azzjoni konkreta mill-awtoritajiet tal-Bulgarija, inkluż kunsiderazzjoni ta’ emendi leġiżlattivi possibbli, li xi ftit minnhom għadhom għaddejjin 23 , u diversi miżuri organizzazzjonali, l-aktar fis-servizz tal-prosekuzzjoni. Ir-riżultati ta’ dawn l-isforzi se jieħdu ż-żmien biex ikollhom impatt u se jenħtieġu ffukar persistenti u kontinwu fuq il-parti tal-ġestjoni fil-prosekuzzjoni biex jiġi żgurat is-suċċess tagħhom tul iż-żmien.
L-analiżi indipendenti ta’ prosekuzzjoni fl-2016 kienet proġett partikolarment komprensiv, iżda kienet akkumpanjata minn sforzi simili mmexxija mill-awtoritajiet Bulgari nfushom, bi tweġiba għal rakkomandazzjonijiet li saru f’rapporti preċedenti taħt il-MKV. B’mod partikolari, il-Bulgarija wettqet analiżi separata ta’ każijiet fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li kienet identifikat nuqqasijiet fl-investigazzjoni effettiva tal-kriminalità fil-Bulgarija, bil-għan li jiġu identifikati kwistjonijiet rikorrenti li jistgħu jiġu indirizzati permezz ta’ miżuri leġiżlattivi jew oħrajn. Fl-2017, twettaq segwitu ta’ din il-ħidma permezz ta’ pjan direzzjonali li jistabbilixxi għadd ta’ fergħat ta’ ħidma li alimentaw id-deliberazzjonijiet fuq il-bidliet leġiżlattivi msemmija hawn fuq, minbarra diversi miżuri ta’ natura aktar maniġerjali jew organizzazzjonali 24 .
Fuq il-bażi tal-analiżi tal-Parametru Referenzjarju Tlieta, il-Bulgarija għamlet progress sinifikanti u r-rakkomandazzjonijiet 5, 6, 7, u 8 jinsabu qrib l-implimentazzjoni. Xi żviluppi għadhom għaddejjin, u huwa meħtieġ monitoraġġ kontinwu biex jikkonferma din il-valutazzjoni.
3.4 Parametru Referenzjarju Erbgħa: Il-Korruzzjoni ta’ Livell Għoli
Rakkomandazzjoni 9: Jiġi adottat qafas legali ġdid dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni f’konformità mal-intenzjonijiet stabbiliti fl-istrateġija kontra l-korruzzjoni, u tiġi żgurata l-implimentazzjoni tiegħu. Titwaqqaf awtorità effettiva kontra l-korruzzjoni.
Rakkomandazzjoni 10: Tiġi adottata u implimentata riforma tal-liġi dwar l-amministrazzjoni pubblika sabiex issaħħaħ l-ispettorati interni fl-amministrazzjoni pubblika.
Rakkomandazzjoni 11: Abbażi ta' analiżi ta’ kawżi passati, tistabbilixxi pjan direzzjonali bejn l-istituzzjonijiet kollha relevanti biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet fl-investigazzjoni u fil-prosekuzzjoni ta’ kawżi ta’ korruzzjoni f’livell għoli, inkluż mekkaniżmu għar-rapportar tal-progress lill-pubbliku ġenerali.
Rakkomandazzjoni 12: Jiġi stabbilit mekkaniżmu għar-rapportar pubbliku dwar il-progress f’kawżi ta’ korruzzjoni f’ livell għoli li huma fid-dominju pubbliku. Il-Prosekuzzjoni Ġenerali għandha tirrapporta – filwaqt li tirrispetta l-preżunzjoni tal-innoċenza – dwar l-investigazzjonijiet u l-akkużi. Il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni u l-Ministeru tal-Ġustizzja għandhom jirrapportaw dwar il-kundanni kif ukoll dwar l-infurzar ta’ sentenzi.
F’Jannar 2018, il-Bulgarija adottat riforma komprensiva tal-leġiżlazzjoni tagħha kontra l-korruzzjoni. Il-liġi l-ġdida tistabbilixxi riforma komprensiva tal-qafas leġiżlattiv għall-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess, l-arrikkiment illeċitu u l-korruzzjoni. Hija tistabbilixxi aġenzija unifikata ġdida kontra l-korruzzjoni inkarigata biex tivverifika l-kunflitti ta’ interess u assi privati ta’ uffiċjali ta’ livell għoli, tinvestiga l-allegazzjonijiet ta’ prattika ħażina fost dawn l-uffiċjali, u ġeneralment tippromwovi l-prevenzjoni tal-korruzzjoni, kif ukoll twettaq proċeduri għall-qbid u l-konfiska ta’ assi illeċiti. L-Aġenzija l-ġdida hija bbażata fuq amalgamazzjoni ta’ għadd ta’ istituzzjonijiet eżistenti u diġà hija kompletament operattiva. Hija tinkorpora wkoll direttorat li qabel kien jinsab fl-Aġenzija Statali għas-Sigurtà Nazzjonali u hija kompetenti biex tassisti l-prosekuzzjoni f’investigazzjonijiet ta’ suspett ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli. Għalkemm ma għandhiex setgħat ta’ investigazzjoni kriminali indipendenti, li jibqgħu f’idejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi u tal-prosekuzzjoni, hija għandha kompetenza estensiva biex twettaq miżuri ta’ sorveljanza u ta’ intelligence li jaqgħu fil-kompetenza tagħha. L-Aġenzija l-ġdida tieħu f’idejha wkoll il-persunal, ir-riżorsi u s-setgħat tal-eks kummissjoni għall-konfiska ta’ assi illegali u issa hija l-aġenzija ewlenija responsabbli mill-qbid u l-konfiska ta’ assi illeċiti fil-Bulgarija.
Il-liġi l-ġdida żgurat livell għoli ta’ kontinwità f’termini tal-persunal u tal-qafas leġiżlattiv. F’Marzu, ġie elett l-eks kap tal-kummissjoni għall-konfiska tal-assi illeċiti mill-Assemblea Nazzjonali biex imexxi l-aġenzija l-ġdida, fi proċedura kompetittiva li tinkludi żewġ kandidati 25 . Il-Viċi Direttur u t-tliet membri tal-bord maniġerjali li jifdal kienu sussegwentement ikkonfermati fuq proposta tad-Direttur, li għadu kif ġie elett permezz ta’ proċedura simili. Filwaqt li l-proċedura saret b’mod trasparenti, il-proċedura stabbilita fil-liġi tat lok għal kontroversja fil-kuntest tal-adozzjoni tagħha, u tipprovdi għall-ħatra tal-maniġment b’maġġoranza sempliċi fl-Assemblea Nazzjonali 26 . Għalhekk, se jkun importanti għall-maniġment il-ġdid li jibni reputazzjoni ta’ indipendenza u imparzjalità fil-ġestjoni tal-attivitajiet tal-aġenzija.
Sfida ewlenija għall-aġenzija l-ġdida se tkun biex timmaniġja b’mod effettiv il-mandat wiesa’ tar-responsabbiltajiet tagħha, li jkopru mill-prevenzjoni sal-attivitajiet marbuta mal-investigazzjoni u l-konfiska tal-assi. Se jkun importanti li jiġi żgurat li tingħata l-attenzjoni dovuta lill-fergħat ta’ ħidma kollha f'approċċ strateġiku globali, filwaqt li tinżamm distinzjoni ċara bejn il-kompiti kull fejn ikun xieraq 27 . F’dan il-kuntest, sfida separata se tkun il-bżonn ta’ komunikazzjoni effettiva mal-pubbliku fuq id-diversi rwoli tal-aġenzija b’mod trasparenti biex tinbena l-fiduċja pubblika fl-indipendenza tagħha u biex tiġi evitata l-konfużjoni tal-irwoli 28 .
Biex jiġi kkompletat l-iffukar tal-aġenzija l-ġdida fuq uffiċjali ta’ livell għoli, il-gvern aġġorna u ċċara l-qafas legali għall-ispettorati interni tal-amministrazzjoni tal-Istat, u dan issa qed jiġi implimentat, inkluż setgħat ġodda mifruxa rigward il-verifika ta’ interess u d-dikjarazzjonijiet tal-assi għall-uffiċjali pubbliċi. Huwa mistenni li persunal addizzjonali jiġi allokat lill-ispettorati fix-xhur li ġejjin. Ir-regoli l-ġodda jipprevedu wkoll rwol għal koordinazzjoni aktar b’saħħitha tal-kap tal-ispettorat taħt l-uffiċċju tal-Prim Ministru u għal regoli aktar ċari għax-xogħol u l-kwalifiki tal-ispetturi.
Fl-aħħar nett, kwistjoni ewlenija enfasizzata f’rapporti suċċessivi tal-MKV kienet in-nuqqas ta’ rekord koerenti fil-Bulgarija ta’ kundanni f’każijiet ta’ korruzzjoni ta’ livell għoli. Fl-2016, l-uffiċċju tal-prosekutur wettaq rieżami ta’ kampjun ta’ kawżi magħluqa ta’ korruzzjoni biex jidentifika kwistjonijiet li jxekklu prosekuzzjoni b’suċċess ta’ kawżi bħal dawn. Dan kien segwit b’għadd ta’ miżuri, li ftit minnhom kienu jinvolvu l-kunsiderazzjoni ta’ emendi leġiżlattivi possibbli, bl-għan li titjieb il-kapaċità tas-sistema tal-ġustizzja kriminali fil-Bulgarija biex twieġeb għall-korruzzjoni f’livell għoli b’mod effettiv 29 .
Ikun jenħtieġ li biex jitjieb il-qafas għall-investigazzjoni u l-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni dawn l-isforzi jkomplu jitjiebu fil-futur biex il-Bulgarija tkun tista’ turi riżultati konkreti matul iż-żmien u tibni rekord solidu. F’dan il-kuntest, it-trasparenza madwar progress dwar il-kawżi hija element importanti ta’ responsabilità lejn il-pubbliku ġenerali. L-awtoritajiet Bulgari qed jesploraw għażliet tekniċi konkreti biex jipprovdu informazzjoni aktar trasparenti lill-pubbliku, u jibnu fuq il-progress li sar diġà u li ġie rikonoxxut fir-rapport ta’ Novembru 2017.
Fuq il-bażi tal-analiżi tal-Parametru Referenzjarju Erbgħa, il-Bulgarija għamlet progress sinifikanti dwar ir-rakkomandazzjonijiet 9, 10, 11, u 12. Jenħtieġ li l-awtoritajiet Bulgari juru riżultati konkreti u jibnu rekord evidenzjat b’deċiżjonijiet finali f’kawżi ta’ korruzzjoni f’livell għoli. Il-qafas istituzzjonali l-ġdid ta’ kontra l-korruzzjoni jenħtieġ monitoraġġ kontinwu fid-dawl tal-ħtieġa li jikkonsolida l-progress li sar.
3.5 Il-Parametru Referenzjarju Ħamsa: Il-Korruzzjoni b’mod Ġenerali fil-Livell Lokali u fil-Fruntieri
Rakkomandazzjoni 13: Jitwettaq rieżami estern tal-verifiki ex ante tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku u tas-segwitu tagħhom, inkluż verifiki ex post, kif ukoll tal-każijiet ta’ kunflitt ta’ interess jew ta’ korruzzjoni li ġew skoperti u l-miżuri ta’ rimedju meħuda biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet identifikati.
Rakkomandazzjoni 14: Jiġu implimentati miżuri bbażati fuq ir-riskju biex jindirizzaw il-korruzzjoni f’livell baxx f’setturi ta’ riskju għoli fl-amministrazzjoni pubblika, billi jittieħed l-eżempju ta’ dak li sar fil-Ministeru tal-Intern. Jitkomplew l-isforzi fil-Ministeru tal-Intern.
Rakkomandazzjoni 15: Jiġi stabbilit mekkaniżmu għar-rapportar pubbliku dwar l-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali kontra l-korruzzjoni li jkopri l-perjodu ta’ żmien li fadal għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija.
Bħala parti minn riforma usa’ tas-sistema ta’ akkwist pubbliku tagħha fl-aħħar snin, il-Bulgarija introduċiet sistema ġdida ta’ kontrolli ex ante tal-proċeduri tal-akkwist pubbliku, biex il-kontrolli jkunu aktar effettivi u biex issaħħaħ is-segwitu. Peress li dan huwa qasam ta’ riskju ewlieni, ir-rapport ta’ Jannar 2017 irrakkomanda rieżami estern tal-funzjonament tas-sistema l-ġdida biex jivverifika l-effettività tagħha u jidentifika nuqqasijiet possibbli. Ir-rieżami issa tnieda mill-awtoritajiet Bulgari. Dan qed jiġi implimentat f’kooperazzjoni mal-Bank Dinji u jenħtieġ li jiġi ffinalizzat sa kmieni fl-2019. Jenħtieġ li dan jipprovdi pass importanti biex il-korruzzjoni,permezz ta’ proċeduri ta’ akkwist pubbliku, ssir aktar diffiċli.
Fl-2017, il-Kunsill tal-Politika Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni nieda rieżami tal-pjanijiet settorjali kontra l-korruzzjoni ewlenin fis-setturi b’riskju għoli madwar l-amministrazzjoni tal-Istat. Wara dan ir-rieżami, il-Kunsill adotta linji gwida orizzontali għal aktar żvilupp tal-pjanijiet. Din il-ħidma għandha l-għan li xxerred il-prattiki tajba, u parzjalment hija bbażata fuq l-esperjenza fil-Ministeru tal-Intern, li żviluppa programm komprensiv ta’ miżuri mmirati kontra l-korruzzjoni mill-2015 30 . Il-linji gwida l-ġodda jipprovdu qafas aktar ċar għall-ħidma preventiva fid-diversi setturi tal-gvern, b’linji ċari ta’ repsonsibilità u standards għad-definizzjoni ta’ miżuri, is-segwitu, u r-rappurtar. Dan qiegħed issa jiġi implimentat madwar l-amministrazzjoni tal-Istat 31 .
Il-Kunsill għall-Politika Nazzjonali Kontra l-Korruzzjoni għadu għaddej bl-attivitajiet tiegħu fir-rigward tal-iffissar ta’ direzzjoni ġenerali f’dawn l-isforzi, filwaqt li joħloq rabta utli mal-gvern, is-soċjetà ċivili, u l-ġudikatura. Dan huwa wkoll il-forum ewlieni għall-monitoraġġ u l-evalwazzjoni globali fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-istrateġija nazzjonali kontra l-korruzzjoni 32 .
Fuq il-bażi tal-analiżi tal-Parametru Referenzjarju Ħamsa, il-Bulgarija għamlet progress sinifikanti fir-rakkomandazzjonijiet 13, 14 u 15. Ġeneralment, dawn il-kwistjonijiet jenħtieġu segwitu kontinwu mill-awtoritajiet Bulgari fuq perjodu itwal ta’ żmien biex ikunu jistgħu juru riżultati konkreti.
3.6 Il-Parametru Referenzjarju Sitta: Il-Kriminalità Organizzata
Rakkomandazzjoni 16: Jiġi stabbilit mekkaniżmu għal rapportar pubbliku dwar il-progress f’kawżi ta’ kriminalità organizzata f’livell għoli li huma fid-dominju pubbliku. Il-Prosekuzzjoni Ġenerali għandha tirrapporta – filwaqt li tirrispetta l-preżunzjoni tal-innoċenza – dwar l-investigazzjonijiet u l-akkużi. Il-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni u l-Ministeru tal-Ġustizzja għandhom jirrapportaw dwar il-kundanni kif ukoll dwar l-infurzar ta’ sentenzi.
Rakkomandazzjoni 17: Jiġu adottati l-emendi meħtieġa għal-liġi dwar il-konfiska tal-assi kriminali u jiġi żgurat li l-Kummissjoni għall-Konfiska tal-Assi Illegali tkompli topera b’mod indipendenti u effiċjenti.
Rapporti preċedenti rrikonoxxew il-progress li diġà sar fir-rigward tal-kriminalità organizzata fil-Bulgarija, iżda ġibdu l-attenzjoni għal xi kwistjonijiet pendenti li jenħtieġ li jiġu mmonitorjati. L-ewwel kwistjoni kienet li jenħtieġ li tiġi stabbilita sistema biex tipprovdi trasparenza dwar ir-rappurtaġġ tal-progress fil-kriminalità organizzata. Xi progress dwar dan kien diġà rikonoxxut fir-rapport ta’ Novembru 2017 u bħalissa għaddej aktar xogħol li jkopri l-kawżi ta’ korruzzjoni f’livell għoli 33 .
Il-kwistjoni l-oħra kienet biex il-leġiżlazzjoni dwar il-konfiska tal-assi tiġi rieżaminata biex tiġi żgurata l-effikaċja globali tas-sistema għall-qbid u l-konfiska ta’ assi illeċiti. Dawn l-emendi saru u ġew riportati fil-qafas leġiżlattiv il-ġdid li ġie adottat fil-bidu tal-2018.
Fuq il-bażi tal-analiżi tal-Parametru Referenzjarju Sitta, il-Bulgarija għamlet progress sinifikanti dwar ir-rakkomandazzjoni 16 u implimentat ir-rakkomandazzjoni 17. Il-Parametru Referenzjarju Sitta jista’ jitqies magħluq provviżorjament.
4. KONKLUŻJONI
Matul it-tnax-il xahar minn Novembru 2017, il-Bulgarija kompliet l-isforzi tagħha biex timplimenta r-rakkomandazzjonijiet stabbiliti fir-rapport ta’ Jannar 2017.
F’konformità mal-valutazzjoni stabbilita fir-rapport preżenti, il-Kummissjoni tqis li diversi rakkomandazzjonijiet diġà ġew implimentati u għadd ta’ oħrajn huma qrib ħafna li jiġu implimentati. Fuq din il-bażi, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-Parametri Referenzjarji Wieħed, Tnejn u Sitta jistgħu jitqiesu magħluqa provviżorjament. Minħabba li xi kawżi l-iżviluppi għadhom għaddejjin, il-monitoraġġ kontinwu huwa meħtieġ biex jikkonferma din il-valutazzjoni. Il-Kummissjoni hija kunfidenti li l-Bulgarija ser tkun tista’ tissodisfa r-rakkomandazzjonijiet pendenti kollha.
B’segwitu determinat tar-rakkomandazzjonijiet li fadal, il-Bulgarija se tagħmel pass importanti lejn is-soluzzjoni ta’ ħafna mill-isfidi li qed tiffaċċja. Jenħtieġ li l-Bulgarija tkompli tiżviluppa rekord ta’ riżultati konkreti biex tikkonsolida l-progress li jkun sar. Se jenħtieġ li din it-tendenza pożittiva tinżamm taħt il-MKV u jenħtieġ monitoraġġ kontinwu mill-awtoritajiet Bulgari wara l-għeluq tal-MKV. Ir-rappurtar trasparenti mill-awtoritajiet Bulgari u l-iskrutinju pubbliku u ċivili se jkollhom rwol importanti fl-internalizzazzjoni tal-monitoraġġ fil-livell nazzjonali u jipprovdu s-salvagwardji meħtieġa biex jinżamm il-perkors tal-progress u r-riforma.
Il-Kummissjoni se tkompli tagħmel monitoraġġ u ssegwi mill-qrib il-progress u beħsiebha tagħmel valutazzjoni ulterjuri tas-sitwazzjoni qabel it-tmiem tal-mandat attwali tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tistenna li b’dan il-proċess tal-MKV għall-Bulgarija jiġi konkluż. F’konformità ma’ dan l-objettiv, il-Kummissjoni tistieden lill-Bulgarija biex issegwi x-xejra pożittiva attwali lejn l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha pendenti.
COM(2017) 43. B'segwitu għall-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-Ministri, tas-17 ta’ Ottubru 2006 (133339/06), il-Mekkaniżmu kien ġie stabbilit permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Diċembru 2006 (C(2006) 6570).
COM(2017) 750.
Konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-Mekkaniżmu ta’ Kooperazzjoni u Verifika, it-12 ta’ Diċembru 2017.
COM(2017) 43
L-emendi għall-kodiċi kriminali biex jindirizzaw il-korruzzjoni fis-settur privat intlaqħu b'oppożizzjoni fuq skala wiesgħa minn assoċjazzjonijiet tan-negozju u esperti ġudizzjarji, u dan wassal lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali tal-Assemblea Nazzjonali biex jibda ċiklu ta’ konsultazzjonijiet addizzjonali dwar l-abbozz.
Pereżempju, emendi għall-Kodiċi tal-Proċedura Amministrattiva adottati fis-sajf tal-2018, kontra l-oġġezzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jiffokaw fuq it-tħassib dwar l-aċċess għall-ġustizzja, kellhom jiġu adottati billi jirrevokaw veto Presidenzjali u issa ġew riferuti lill-Qorti Kostituzzjonali għal rieżami tal-konformità tagħhom mal-Kostituzzjoni.
L-Indiċi Dinji tal-Libertà tal-Istampa tal-Ġurnalisti Mingħajr Fruntieri, fl-2018 jikklassifika lill-Bulgarija fil-111 post minn 180 pajjiż minn madwar id-dinja, l-agħar riżultat għal kwalunkwe Stat Membru attwali tal-UE, li jindika deterjorament sinifikanti tas-sitwazzjoni f’dawn l-aħħar snin. Fl-2013 il-pajjiż kien ikklassifika fis-87 post. Ara https://rsf.org/en/ranking Ara wkoll l-Għodda għall-Monitoraġġ tal-Pluraliżmu tal-Midja: http://cmpf.eui.eu/media-pluralism-monitor/mpm-2016-results/bulgaria/.
Ġie rrappurtat li kien diffiċli f’xi każijiet reċenti biex jinstab il-kunsens neċessarju fil-Kunsill dwar rispons xieraq. Il-membri tal-Kunsill sostnew li għandu jinstab bilanċ bejn l-interess leġittimu tal-midja li tirrapporta fuq materji ġudizzjarji fuq naħa, u l-interessi tal-indipendenza ġudizzjarja min-naħa l-oħra. Waqt li jirrikonoxxi l-ħtieġa għal linja konsistenti dwar kwistjonijiet bħal dawn, madankollu, il-Kunsill qed jaħdem biex ifassal sett ta’ standards miftiehma biex jiggwidawh f’ċirkostanzi futuri.
Din il-ħatra ta’ President ġdid tal-Qorti Amministrattiva Suprema ġiet finalizzata fl-2017 u kienet diġà koperta fir-rapport ta’ Novembru 2017.
Għadha għaddejja proċedura oħra, li tinkludi żewġ kandidati għall-kariga.
Il-qorti speċjalizzata għandha rwol ewlieni fis-sistema ġudizzjarja tal-Bulgarija , minħabba r-responsabilità tagħha li tisma’ kawżi relatati mal-kriminalità organizzata u minn Novembru li għadda, kawżi ta’ korruzzjoni f’livell għoli.
Fil-passat intuża ħafna s-sekondar bħala triq alternattiva għal promozzjoni ta’ mħallfin u dan kien qajjem ta' tħassib dwar riskji possibbli ta’ indipendenza. Il-partijiet ikkonċernati identifikaw ir-riskju li prattiki bħal dawn setgħu joħorġu mill-ġdid wara l-bidliet leġiżlattivi fl-2017, li ħassru d-dispożizzjonijiet introdotti fil-kuntest tar-riforma tal-2016 biex jiġi regolat it-tul tal-issekondar.
Ara COM(2017) 750, p. 4, u SWD(2017)700, p. 6-7.
Il-partijiet ikkonċernati qajmu tħassib dwar id-dewmien fil-ħatra ta’ mħallfin addizzjonali għall-qorti speċjalizzata, iżda ġie rappurtat li l-proċess tnieda.
L-awtoritajiet tal-Bulgarija indikaw li qed jistennew li r-riżultati ċari u pożittivi f’termini tal-espedjenza ġenerali tal-proċeduri kriminali jsiru evidenti fix-xhur li ġejjin.
Ara wkoll it-taqsimiet 3.3 u 3.4 hawn taħt.
Eżempju ta’ fejn ġie deċiż li jsir progress permezz ta’ mezzi oħra minbarra l-leġiżlazzjoni huwa l-kuntest u l-format tal-akkużi, fejn il-Prosekutur Ġenerali talab lill-Qorti Suprema tal-Kassazzjoni għal deċiżjoni interpretattiva biex tiġi ċċarata l-bażi ġuridika. Punt ieħor fejn l-awtoritajiet tal-Bulgarija għażlu li ma jwettqux segwitu kienu r-rakkomandazzjonijiet dwar involviment aktar b’saħħtu ta’ maniġment f’deċiżjonijiet dwar kawżi konkreti fl-uffiċċju tal-prosekutur, li kienu meqjusa mill-awtoritajiet Bulgari bħala problematiċi fil-kuntest Bulgaru.
SWD(2018) 550, p. 9.
In-nuqqas ta’ mekkaniżmu effettiv għall-investigazzjoni ta’ Prosekutur Ġenerali matul il-mandat tiegħu ġie identifikat mill-Qorti Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem bħala wieħed min-nuqqasijiet ewlenin tas-sistema tal-ġustizzja kriminali tal-Bulgarija f’kawża storika tal-2009, li s-segwitu għaliha għadu taħt sorveljanza mill-Kunsill tal-Ewropa, See Kolevi vs Bulgaria, https://hudoc.echr.coe.int/eng#{"itemid":["001-95607"]} ) .
L-emendi tal-kodiċi ta’ proċedura ċivili ġew adottati biex jallokaw mill-ġdid il-ġuriżdizzjoni għal ċerti tipi ta’ kawżi ta’ talbiet tal-konsumatur u tal-assigurazzjoni. Qed jitqiesu bidliet oħra li possibbilment jibbażaw ruħhom fuq l-assistenza teknika mis-Servizz ta’ Sostenn għar-Riforma Strutturali tal-Kummissjoni.
Aspett importanti ta’ dawn ir-riformi se jkun l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet ta’ ġustizzja elettronika fil-kuntest ta’ konsiderazzjoni mill-ġdid usa’ tal-mappa ġudizzjarja. Dan huwa qasam fejn l-isforzi ġew imnedija mill-ġdid taħt il-Kunsill Superjuri tal-Maġistratura. Il-Kunsill preċedenti nieda diversi proġetti b’appoġġ minn fondi tal-UE, li madankollu kienu suġġett għal dewmien sinifikanti.
Ir-riformi riċenti kienu pjuttost qed jiġbdu lejn l-estensjoni tas-salvagwardji formali għall-indipendenza tal-prosekuturi individwali.
Ara t-taqsima 3.2 hawn fuq.
Aktar reċentement, twaqqaf qafas għal segwitu koordinat għal każijiet bħal dawn fil-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem bejn il-Ministeru tal-Ġustizzja u l-uffiċċju tal-Prosekutur.
Il-kandidat ġie appoġġjat permezz ta’ maġġoranza kbira fl-Assemblea Nazzjonali.
Il-liġi ġiet adottata għall-ewwel darba f’Diċembru 2017 iżda ffaċċjati veto mill-President tar-Repubblika, minħabba għadd ta’ punti ta’ tħassib, li ftit minnhom kienu diġà tqajjmu minn membri tal-oppożizzjoni u mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili. Eventwalment, l-Assemblea Nazzjonali rrevokat il-veto u adottat il-liġi f’Jannar 2018.
Hu mistenni li l-Aġenzijajkollha rwol ċentrali kemm fl-iżvilupp kif ukoll fil-komunikazzjoni dwar strateġija usa’ kontra l-korruzzjoni. Fl-istess ħin, għadd ta’ kompiti sensittivi ħafna fir-rigward ta’ investigazzjonijiet u proċeduri kontra l-korruzzjoni għall-konfiska ta’ assi jirrikjedu attenzjoni fil-ġestjoni tagħhom biex jipproteġu l-kunfidenzjalità filwaqt li jiżguraw ukoll livell xieraq ta’ trasparenza u responsabbiltà lejn is-soċjetà usa’.
Dan jinkludi l-bżonn li nikkomunikaw dwar ir-rwol tal-aġenzija fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ infurzar tal-liġi b’mod li jenfasizza l-indipendenza tagħha.
Hemm dupplikar sostanzjali f’dawn il-miżuri għal dawk imsemmija fit-taqsimiet 3.2 u 3.3 hawn fuq.
Dawn l-isforzi qed ikomplu fil-Ministeru tal-Intern, inkluż bil-ħsieb li jindirizzaw il-korruzzjoni fil-fruntieri, fejn tiġi involuta wkoll id-dwana.
F’Marzu 2018, l-ewwel sensiela ta’ pjanijiet kontra l-korruzzjoni ġew adottati f’konformità mal-linji gwida l-ġodda.
Il-Kunsill jiġbor flimkien l-aġenziji tal-gvern rilevanti kollha u huwa mmexxi minn koordinatur nazzjonali għall-ġlieda kontra l-korruzzjoni, li fil-preżent huwa d-Deputat Prim Ministru għar-riforma ġudizzjarja.
Ara wkoll it-taqsima 3.4 hawn fuq.