IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 17.12.2018
COM(2018) 844 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar ħarsa ġenerali u valutazzjoni tal-istatistika u tal-informazzjoni b'rabta mal-iskambji awtomatiċi fil-qasam tat-tassazzjoni diretta
1.INTRODUZZJONI
F’dinja li dejjem aktar qed issir globalizzata, id-differenzi fis-sistemi ta’ tassazzjoni jistgħu jaffettwaw b’mod negattiv il-ġbir tad-dħul mit-taxxa, minħabba li n-negozji jkunu kapaċi jċaqilqu l-qligħ bejn il-fruntieri u l-kontribwenti jaqilgħu introjtu minn barra mill-pajjiż mingħajr ma jiġu intaxxati fuqu, meta l-kontribwenti ma jkunux konformi fil-pajjiżi kollha involuti. Dan wassal għall-iżvilupp ta’ diversi mekkaniżmi ta’ kooperazzjoni fost l-awtoritajiet tat-taxxa, bl-isem ta’ “kooperazzjoni amministrattiva f’tassazzjoni diretta”.
Fl-UE, id-Direttiva tal-Kunsill dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni diretta 2011/16/UE (id-Direttiva jew id-DAC) hija element ewlieni fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri. Id-Direttiva ilha tappoġġja lill-Istati Membri mill-2013 permezz ta’ qafas ġdid imtejjeb għall-għodod elettroniċi u metodi ta’ ħidma strutturati b’mod komuni, abbażi ta’ esperjenzi ta’ assistenza reċiproka mill-1977.
L-aċċess għall-informazzjoni dwar l-introjti miksuba u l-assi miżmuma barra mill-pajjiż minn kontribwenti residenti huwa ta’ importanza kbira għall-awtoritajiet tat-taxxa. Bl-istess mod, l-iskambju ta’ informazzjoni dwar kontribwenti involuti f’attivitajiet transfruntieri huwa komponent essenzjali ta’ kooperazzjoni amministrattiva effettiva u huwa wieħed mill-forom ta’ kooperazzjoni koperti fid-DAC. L-iskambju ta’ informazzjoni jinvolvi fluss ta’ informazzjoni bilaterali bejn l-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti fiż-żewġ pajjiżi u jikkonċerna data prevedibbilment rilevanti relatata ma’ varjetà ta’ taxxi, applikabbli kemm għal persuni fiżiċi kif ukoll għal persuni ġuridiċi.
Fid-DAC huma previsti tliet forom ta’ skambju ta’ informazzjoni, jiġifieri: (i) l-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba (EOIR), li jirreferi għal informazzjoni dwar persuni jew tranżazzjonijiet speċifiċi espressa mill-pajjiż rikjedenti; (ii) l-iskambju spontanju ta’ informazzjoni (SEOI), li jirreferi għall-flussi mhux sistematiċi ta’ informazzjoni meqjusa ta’ interess għall-pajjiż riċeventi; u (iii) l-iskambju awtomatiku ta’ informazzjoni (AEOI), li jirreferi għall-iskambju ta’ data tat-taxxa predefinita, bl-użu ta’ formati predefiniti u fi żminijiet predeterminati, mingħajr talba minn qabel minn pajjiż ieħor.
L-AEOI huwa s-suġġett ta’ dan ir-rapport. Huwa jvarja mill-forom ta’ skambju ta’ informazzjoni l-oħra minħabba fin-natura obbligatorja u l-kamp ta’ applikazzjoni usa’ tiegħu.
L-Istati Membri qablu li jibda AEOI obbligatorju minn nofs l-2015 għal informazzjoni dwar it-taxxa rigward residenti tat-taxxa fi Stati Membri oħra, għal ħames kategoriji ta’ introjtu u kapital (DAC1). Fl-2014, l-Istati Membri qablu li jaġġornaw id-Direttiva li timplimenta l-Istandard ta’ Rappurtar Komuni fl-UE, żviluppat mill-Organizzazzjoni għall-Kooperazzjoni u l-Iżviluppi Ekonomiċi (OECD), li jintroduċi skambju awtomatiku ta’ informazzjoni dwar kontijiet finanzjarji (DAC2). Fl-2015, emenda oħra introduċiet l-AEOI għal deċiżjonijiet dwar it-taxxi u arranġamenti preliminari ta’ prezzijiet ta’ trasferiment (DAC3). L-AEOI ġie mkabbar aktar fl-2016 u fl-2017
.
Dan ir-rapport huwa bbażat fuq l-Artikolu 8b(2) tad-Direttiva li titlob lill-Kummissjoni biex, qabel l-1 ta’ Jannar 2019, tissottometti rapport li jipprovdi ħarsa ġenerali u valutazzjoni tal-AEOI skont id-DAC1, id-DAC2 u d-DAC3. Huwa jiddeskrivi s-sejbiet prinċipali ewlenin dwar l-implimentazzjoni tal-AEOI, l-ispejjeż u l-benefiċċji tiegħu, kif ukoll l-azzjonijiet meħuda mill-Istati Membri biex jagħmlu użu mill-informazzjoni rċevuta.
Ir-rapport, fil-biċċa l-kbira, ġie abbozzat abbażi tal-informazzjoni miġbura mill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri permezz ta’ stħarriġ annwali u settijiet ta’ data statistika miġbura kull sena
. Huwa jkopri l-perjodu mill-2015 sa nofs l-2018 fir-rigward id-DAC1, u mill-2017 sa nofs l-2018 fir-rigward tad-DAC2 u tad-DAC3.
Jeħtieġ li jiġi nnuttat li meta kien qed jiġi mħejji dan ir-rapport, il-Kummissjoni kienet qed twettaq evalwazzjoni komprensiva tad-DAC
li, barra mill-AEOI, kienet tkopri wkoll il-forom l-oħra kollha ta’ kooperazzjoni amministrattiva.
2.DAC1
Id-DAC1 titlob lill-Istati Membri biex jiskambjaw awtomatikament informazzjoni li hi disponibbli dwar il-ħames kategoriji ta’ introjtu u kapital: introjtu minn impjiegi, miżati tad-diretturi, prodotti ta’ assigurazzjoni tal-ħajja, pensjonijiet u sjieda ta’ proprjetà immobbli u l-introjtu minnha
.
Din l-informazzjoni għandha tintbagħat tal-anqas darba fis-sena lill-Istat Membru ta’ residenza tal-kontribwent. L-ewwel skambji tad-data, fir-rigward tal-perjodu taxxabbli 2014, seħħew f’Ġunju 2015. l-użu ta’ approċċ pass pass, sal-2017 l-Istati Membri kienu mistennija jibagħtu informazzjoni għal tal-anqas tliet kategoji ta’ introjtu jew ta’ kapital mill-ħamsa deskritti fl-Artikolu 8(1) tad-Direttiva.
Dan ir-rapport ikopri informazzjoni mill-Istati Membri rigward is-snin li ġejjin: l-2015, l-2016 u l-2017.
2.1 Elementi ewlenin fl-iskambji ta’ informazzjoni tad-DAC1
Sa Ġunju 2017, l-Istati Membri skambjaw informazzjoni rigward kważi 16-il miljun kontribwent, relatata ma’ introjti u kapital li jammontaw għal ’il fuq minn EUR 120 biljun. Il-biċċa l-kbira tal-informazzjoni kienet tikkonċerna introjtu minn impjiegi u pensjonijiet, li jirrappreżenta ’l fuq minn 80 % tal-kontribwenti u 95 % tal-valur totali.
|
Numru ta’ Kontribwenti (miljun)
|
Valur ta’ Informazzjoni Skambjata (EUR miljun)
|
|
* Parzjali
|
* Parzjali
|
Figura 1. Evoluzzjoni tal-Iskambji tad-DAC1 skont is-Sena tal-Messaġġ
Il-volum ta’ informazzjoni skambjata kiber maż-żmien, b’żieda doppja bejn l-2015 u l-2016. Id-data dwar l-iskambji ta’ informazzjoni rigward l-ewwel nofs tal-2017 tissuġġerixxi li x-xejra ta’ żieda kompliet. Dan huwa kkonfermat ukoll mir-rapporti ta’ ammonti, li jistgħu jinkisbu mill-kanal ta’ skambju sigur li l-Istati Membri jużaw għal skambji bilaterali: hemm xejra pożittiva wkoll fl-2017 fl-ammonti ta’ data skambjati.
|
Pajjiżi Spedituri
|
Pajjiżi Riċeventi
|
|
Numru ta’ Kontribwenti (miljun)
|
|
|
|
Figura 2. L-ewwel 10 Pajjiżi Spedituri u Riċeventi – Fajls mibgħuta fl-2016
Il-mudelli ta’ skambju huma konsistenti l-aktar mal-mudelli ta’ migrazzjoni intra-UE. Il-pajjiżi tal-emigrazzjoni huma riċevituri netti tal-informazzjoni. Il-Polonja, b’mod partikolari, tirċievi informazzjoni dwar 14-il darba aktar kontribwenti (daqs 19-il darba aktar l-ammont) milli tibgħat informazzjoni dwarhom. L-oppost japplika fil-pajjiżi ta’ immigrazzjoni netta, bħal-Lussemburgu li jibgħat informazzjoni dwar ħames darbiet aktar kontribwenti milli jirċievi informazzjoni dwarhom, u dwar ’il fuq minn tletin darba l-valur. Riċeventi netti oħra jinkludu Spanja u l-Portugall, filwaqt li l-Ġermanja u d-Danimarka huma spedituri netti.
Mhux sorprendenti li, pajjiżi tal-UE kbar bħal Franza, il-Ġermanja, l-Italja, u r-Renju Unit huma fost l-ogħla spedituri u riċevituri, anke jekk il-profil huwa xi ftit differenti f’termini ta’ kategoriji ta’ introjtu. Pereżempju, f’termini tal-kontribwenti kkonċernati, Franza u l-Ġermanja huma bla dubju l-akbar spedituri introjtu mill-impjiegi u l-introjtu mill-pensjonijiet, filwaqt li sehem sostanzjali tal-informazzjoni li jirċievu tikkonċerna l-proprjetà immobbli. Is-sitwazzjoni hija preċiżament l-oppost għall-Italja, Spanja u l-Portugall: sehem kbir tal-informazzjoni li jibagħtu tikkonċerna l-proprjetà immobbli, filwaqt li huma jirċievu informazzjoni li tikkonċerna l-aktar il-pensjonijiet.
Ħarsa ġenerali lejn l-interazzjonijiet bilaterali turi livell għoli ta’ konċentrazzjoni, b’mudelli differenti dejjem skont jekk in-numru ta’ kontribwenti jew il-valur tal-informazzjoni skambjata jiġux ikkunsidrati. F’termini ta’ numru ta’ kontribwenti, Franza u l-Ġermanja huma l-pajjiżi spedituri ewlenin. Il-biċċa l-kbira tal-iskambji jseħħu tul żewġ assi, dak li jgħaqqad il-Ġermanja u Franza ma’ Spanja u l-Portugall, u dak li jgħaqqad il-Ġermanja u l-Italja, ma’ żewġ flussi sinifikanti addizzjonali bejn Franza u l-Italja u n-Netherlands u l-Polonja.
Is-sitwazzjoni hija differenti meta jitqiesu l-ammonti ta’ euro ta’ informazzjoni skambjata. It-tliet l-akbar flussi, responsabbli għal aktar minn EUR 9 biljun, joriġinaw mil-Lussemburgu lejn il-Belġju, Franza u l-Ġermanja. Dan huwa ssupplimentat minn fluss sinifikanti minn Franza u mill-Portugall, li huwa dak li għandu rabta ċara mal-iskambju ta’ informazzjoni f’termini tan-numru ta’ kontribwenti.
Figura 3. Flussi Bilaterali Ewlenin/Valur ta’ Informazzjoni Skambjata/Sena 2016
Disponibbiltà tal-informazzjoni
Abbażi tad-DAC1, l-Istati Membri għandhom jaqsmu biss informazzjoni li għandhom disponibbli fil-bażijiet ta’ data tat-taxxa nazzjonali tagħhom. L-ebda ġbir ta’ data addizzjonali mqabbel ma’ dak li jiġbru l-amministrazzjonijiet tat-taxxa għal finijiet tat-taxxa interni mhu meħtieġ.
Fl-2017, tmien Stati Membri kellhom informazzjoni disponibbli għall-ħames kategoriji kollha ta’ introjtu u kapital koperti fid-DAC1, u disgħa oħra kellhom informazzjoni disponibbli għall-kategoriji kollha minħabba għall-prodotti ta’ assigurazzjoni tal-ħajja. Pajjiż wieħed biss, Ċipru, kellu informazzjoni disponibbli għal kategorija waħda biss ta’ introjtu (pensjonijiet). L-għaxra li jifdal setgħu jiskambjaw informazzjoni dwar tliet kategoriji ta’ introjtu. Din id-disponibbiltà evolviet biss marġinalment fit-tliet snin mistħarrġa. Ir-Repubblika Ċeka, l-Estonja, il-Finlandja u l-Italja biss żiedu n-numru ta’ kategoriji ta’ introjtu mill-2015.
Figura 4. Numru ta’ kategoriji tad-DAC1 li għalihom l-informazzjoni hija disponibbli għal bejn l-2015 u l-2017
Għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa, li taħdem biex ikollok informazzjoni ġdida disponibbli għall-AEOI jista’ jieħu ħafna ħin u jiswa ħafna flus. Pereżempju, l-Irlanda rrappurtat li l-ġbir ta’ informazzjoni dwar prodott ta’ assigurazzjoni tal-ħajja jitlob riżorsi u żmien sinifikanti biex il-liġijiet u s-sistemi tal-IT meħtieġa jiġu implimentati. Malta indikat li l-ġbir ta’ informazzjoni addizzjonali jimponi piż sinifikanti fuq l-operaturi ekonomiċi.
Madanakollu, xi evidenza tissuġġerixxi li ż-żieda fid-disponibbiltà tal-informazzjoni mhux dejjem tkun tirrikjedi l-ġbir ta’ informazzjoni addizzjonali. Id-disponibbiltà tista’ tiżdied billi tittejjeb l-aċċessibbiltà tal-informazzjoni eżistenti. Fl-2015, ir-Repubblika Ċeka organizzat mill-ġdid il-bażijiet ta’ data tat-taxxa nazzjonali tagħha biex tipprovdi informazzjoni dwar l-introjtu mill-proprjetà, u fl-2016 il-Finlandja kienet kapaċi tibda tibgħat informazzjoni dwar l-introjtu tal-proprjetà billi tintegra bażijiet ta’ data eżistenti differenti.
Disponibbiltà ta’ elementi ta’ identifikazzjoni - Numru ta’ Identifikazzjoni tal-Kontribwent (TIN)
L-inklużjoni ta’ elementi ta’ identifikazzjoni fid-data mibgħuta hija essenzjali għall-Istati Membri biex ikunu jistgħu jassoċjaw l-informazzjoni li jirċievu mal-bażijiet ta’ data tal-kontribwenti nazzjonali. L-isem tal-kontribwent u tat-TIN maħruġ mill-pajjiż riċeventi huma meqjusa bħala l-aktar elementi ta’ identifikazzjoni utli fil-każ ta’ tqabbil awtomatiku. L-inklużjoni sistematika ta’ informazzjoni tat-TIN tal-kontribwent tippermetti l-evażjoni ta’ diversi problemi marbuta mal-użu tal-isem għall-identifikazzjoni, bħall-ispellar ħażin jew traduzzjoni/tranżliterazzjonijiet, kif ukoll omonimi.
Madankollu, żewġ pajjiżi biss, l-Irlanda u l-Litwanja, fil-fatt inkludew fl-iskambju tal-informazzjoni, it-TIN maħruġ mill-pajjiż riċeventi, għall-kontribwenti kollha kkonċernati. L-Estonja għamlet dan għal kważi 60 % tal-kontribwenti.
F’mhux anqas minn 15-il każ, l-informazzjoni mibgħuta ma kinitx tinkludi t-TIN tal-pajjiż riċeventi għal kwalunkwe wieħed mill-kontribwenti li dwarhom ġiet kondiviża l-informazzjoni. Minħabba li dawn il-każijiet jinkludu l-akbar spedituri, b’mod ġenerali 2 % biss tal-kontribwenti li dwarhom ġiet skambjata informazzjoni ġew assoċjati ma’ TIN maħruġ mill-pajjiż riċeventi. Għalhekk, l-identifikazzjoni tal-kontribwenti fil-prattika hija bbażata fuq informazzjoni dwar id-data tat-twelid tagħhom u isimhom f’format ħieles jew strutturat.
Figura 5. Sehem tal-kontribwenti/partijiet li għalihom it-TIN tal-pajjiż riċeventi ġie inkluż mill-Istat Membru speditur (is-snin tal-messaġġi kollha, medja ponderata)
Lakuna ta’ żmien bejn is-sena tad-data tal-introjtu u d-data tal-ispedizzjoni
L-Istati Membri għandhom l-obbligu li jikkondividu l-informazzjoni tad-DAC1 fi żmien sitt xhur wara t-tmiem tas-sena tat-taxxa tal-Istat Membru li matulha l-informazzjoni ssir disponibbli. Fil-prattika jista’ jkun hemm dewmien ta’ massimu ta’ tmintax-il xahar minn tmiem is-sena tat-taxxa.
B’mod ġenerali, mill-bidu tal-iskambji tad-DAC1, l-informazzjoni dwar it-taxxa, bħala medja, ntbagħtet tnax-il xahar wara t-tmiem tas-sena tat-taxxa li jirreferu għaliha, iżda hemm differenzi sinifikanti bejn Stat Membru u ieħor.
Iż-żmien meħtieġ naqas maż-żmien, u ma hemm l-ebda differenza ewlenija bejn il-kategoriji ta’ introjtu differenti. Il-proporzjon ta’ skambji mibgħuta fi żmien sitt xhur żdied minn 31 % għad-data rigward is-sena tat-taxxa 2014, għal 45 % għal dawk li jikkonċernaw is-sena tat-taxxa 2015.
Ma nstabet l-ebda korrelazzjoni, bejn iż-żmien meħud għall-iskambju ta’ informazzjoni u t-tip ta’ introjtu u kapital, in-numru ta’ fajls mibgħuta, in-numru ta’ kontribwenti jew il-valur globali kkonċernat. Barra minn hekk, filwaqt li għaxar Stati Membri jibagħtu l-messaġġi kollha fl-istess ħin, l-oħrajn hemm tendenza li jibagħtu l-messaġġi kollha fuq perjodu ta’ diversi xhur.
Trattament u użu tal-informazzjoni rċevuta
L-ewwel sforz għall-użu tad-data rċevuta huwa li jinfetaħ il-fajl u li jibda jiġi pproċessat. L-Istati Membri aktarx jiftħu l-fajls fi żmien sena mill-wasla tagħhom. Fl-2017, jiddependi mit-tip ta’ introjtu, 23 Stat Membru rrappurtaw li fetħu l-fajls li rċivew matul is-sena tal-wasla. Mill-2017, tliet Stati Membri biss (il-Bulgarija, Malta u s-Slovakkja) jidher li ma ħadmux bil-fajls li rċivew la matul is-sena li rċivewhom, u lanqas fis-snin ta’ wara.
Normalment, l-ewwel pass ikun li l-informazzjoni rċevuta titqabbel mar-rekord tal-kontribwent identifikat. Informazzjoni dwar kontribwent mhux identifikat ma tistax tintuża faċilment. It-tqabbil jippermetti l-irbit tal-informazzjoni rċevuta minn pajjiżi oħrajn mal-fajls tal-kontribwenti rilevanti.
Is-sehem tad-data tal-kontribwenti skambjata awtomatikament taħt DAC1 li ġiet identifikata u mqabbla b’suċċess mal-bażijiet ta’ data nazzjonali jvarja skont it-tipi ta’ introjtu u kapital. Fil-każ tal-Istati Membri li fil-każ tagħhom ir-riżultati ta’ tqabbil kienu disponibbli fl-2017, ir-rati ta’ tqabbil laħqu l-medja ta’ 90 % għall-introjtu mill-impjiegi u mill-pensjonijiet, bejn il-75 % u t-80 % għall-miżati tad-diretturi u s-sjieda ta’ u l-introjtu minn proprjetà immobbli u laħqu l-medja żgħira ta’ 59 % għall-prodotti ta’ assigurazzjoni tal-ħajja. Kważi 90 % tat-tqabbil isir b’mod awtomatiku jew semiawtomatiku. Is-sehem tat-tqabbil manwali naqas maż-żmien.
Il-valutazzjoni tar-riskju u l-valutazzjoni tat-taxxa fuq l-introjtu personali
huma l-aktar użi komuni tal-informazzjoni rrappurtati matul it-tliet snin. Ix-xejra globali jidher li hija użu miżjud u aktar intensiv tal-informazzjoni rċevuta. Ma hemm l-ebda differenzi ewlenija fl-użu li sar mill-informazzjoni skont il-kategoriji ta’ introjtu varji, bl-eċċezzjoni ta’ prodotti ta’ assigurazzjoni tal-ħajja, li sistematikament jintużaw anqas mit-tipi ta’ introjtu l-oħra.
|
Użu tal-informazzjoni tad-DAC1 2015 – 2017 (użu ta’ mill-inqas kategorija waħda ta’ introjtu/assi)
|
|
|
Figura 6. Użu tal-informazzjoni tad-DAC1
3.DAC2
Taħt id-DAC2, l-Istati Membri huma mitluba jiskambjaw awtomatikament informazzjoni dwar il-kont finanzjarju, jiġifieri, bilanċ tal-kont tal-aħħar tas-sena dwar kont rapportabbli, kif ukoll dividendi, interessi, rikavati grossi u introjtu ieħor mill-investiment imħallas lil dak il-kont matul sena. Din l-informazzjoni tiġi pprovduta lill-awtoritajiet tat-taxxa tal-Istati Membri mill-istituzzjonijiet finanzjarji, li għandhom iwettqu ċerti proċeduri ta’ diliġenza dovuta immirati lejn l-identifikazzjoni ta’ kontijiet finanzjarji rapportabbli u mbagħad jirrappurtaw l-informazzjoni meħtieġa. Id-DAC2 jimplimenta l-Istandard Komuni ta’ Rappurtar (CRS) żviluppat mill-OECD u applikat b’mod wiesa’ fil-livell internazzjonali.
L-informazzjoni tintbagħat kull sena fi żmien disa’ xhur wara t-tmiem tas-sena kalendarja jew ta’ perjodu ta’ rappurtar xieraq ieħor li miegħu tkun relatata l-informazzjoni. L-ewwel skambji seħħew f’Settembru 2017.
L-informazzjoni disponibbli għal dan ir-rapport tirreferi għall-perjodu ta’ sitt xhur minn nofs Settembru 2017 sa Marzu 2018. Għalhekk, ma jistgħu jiġu identifikati l-ebda xejriet reali fil-flussi ta’ informazzjoni, u lanqas ma tista’ ssir xi analiżi affidabbli dwar l-użu possibbli tad-data. Fl-aħħar nett, l-Awstrija ma bdietx tapplika d-DAC2 kompletament qabel l-2018.
Elementi ewlenin fl-iskambji ta’ informazzjoni tad-DAC2
L-Istati Membri skambjaw informazzjoni dwar total ta’ madwar 8.7 miljun kont, u introjtu finanzjarju dwar il-bilanċi ta’ kontijiet tal-aħħar tas-sena li jammontaw għal total ta’ EUR 2,919 biljun. Madankollu, sa issa l-iskambji kienu jikkonċernaw biss “il-kontijiet ta’ valur għoli”
eżistenti u “l-kontijiet ġodda” miftuħa fl-aħħar xhur tal-2016. In-numru ta’ kontijiet huwa għalhekk mistenni li jiżdied ladarba l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ rappurtar sħiħ tad-DAC2 jiġi implimentat.
L-informazzjoni finanzjarja l-oħra skambjata tidher li tirreferi primarjament għall-proċedimenti grossi li jammontaw għal EUR 3,466 biljun.
B’kuntrast ma’ dan, id-dividendi huwa stmat li għandhom valur ta’ EUR 21.2 biljun, l-interessi EUR 19.0 biljun, u pagamenti oħra EUR 61.8 biljun.
Figura 7. L-ogħla 10 Spedituri u Riċevituri tal-Informazzjoni tad-DAC2
In-netwerk ta’ skambji bilaterali huwa ffukat fuq il-Lussemburgu u, sa ċertu punt, l-Irlanda. Il-flussi ’l barra ta’ informazzjoni finanzjarja huma ddominati mil-Lussemburgu, bi 17 % tal-kontijiet u kważi 80 % tal-ammonti rrappurtati. L-Irlanda wkoll hija pajjiż speditur importanti, u tiġi r-raba’ fil-klassifikazzjoni f’termini kemm tan-numru ta’ kontijiet kif ukoll tal-ammont totali rrappurtat.
Fir-rigward tal-informazzjoni li dieħla, m’hemm l-ebda differenzi skont il-varjabbli meħud inkonsiderazzjoni. F’temrini tan-numru ta’ kontijiet, il-klassifikazzjoni b’mod wiesa’ tirrifletti d-daqs tal-ekonomiji tal-Istati Membri, bil-Ġermanja, l-Italja, Franza u r-Renju Unit ikunu responsabbli għal nofs it-total. B’kuntrast ma’ dan, meta wieħed iħares lejn il-valur irrappurtat, fuq quddiem insibu lill-Belġju, u mbagħad lill-Iżvezja u wara lir-Renju Unit, li flimkien jammontaw għal 63 % tal-valur totali.
Figura 8. Flussi Bilaterali Ewlenin – in-Numru ta’ Kontijiet (xellug) u l-Valur ta’ Informazzjoni Skambjata (lemin)
Disponibbiltà u tempestività tal-informazzjoni
Id-disponibbiltà tal-informazzjoni u l-kwistjoni tat-tempestività mhumiex rilevanti għad-DAC2 minħabba li m’hemm l-ebda “klawżola ta’ disponibbiltà” u lanqas ma hemm skeda ta’ żmien potenzjalment twila għall-iskambju tal-informazzjoni rċevuta mill-awtoritajiet tat-taxxa mill-istituzzjonijiet finanzjarji tagħhom. Fil-każ tad-DAC2, hemm ħafna aktar TIN inklużi fid-data milli fid-DAC1. B’kollox, xi 70 % tal-kontijiet li d-detenturi tagħhom huma persuni fiżiċi assoċjati ma’ tal-anqas TIN wieħed tad-detenturi tal-kontijiet, u 73 % tal-kontijiet li d-detenturi tagħhom huma persuni ġuridiċi, huma assoċjati ma’ numru ta’ identifikazzjoni ta’ organizzazzjoni. Dan huwa relatat mal-obbligi ta’ istituzzjoni finanzjarja jew bank li jkunu jafu l-klijenti tagħhom.
Trattament u użu tal-informazzjoni rċevuta
Matul l-ewwel sena ta’ skambji tad-DAC2, tliet stati biss, il-Bulgarija, is-Slovakkja u Malta, irrappurtaw li ma fetħux il-fajls irċevuti. L-Italja u l-Iżvezja, irrappurtaw li għamlu għażla inizjali mill-fajls li rċevew bl-użu ta’ kombinazzjoni ta’ livell limitu u kriterji oħra, filwaqt li l-Istati Membri l-oħra kollha ħadmu direttament bis-sett ta’ data kollu.
L-informazzjoni dwar ir-rati u l-metodi ta’ tqabbil (kompletament jew parzjalment awtomatiċi jew manwali) hija disponibbli biss għal xi Stati Membri. Ħafna Stati Membri jużaw tqabbil awtomatizzat. Huma veru l-ftit li jiddependu fuq proċedimenti manwali effiċjenti. F’termini ta’ riżultati, seba’ Stati Membri kienu kapaċi jqabblu b’suċċess 80 % jew aktar tal-informazzjoni rċevuta, filwaqt li tnejn oħra rnexxielhom iqabblu 75 % tad-data. Ir-riżultati huma aktar baxxi għall-Istati Membri l-oħra. L-Estonja rrappurtat l-aktar rata ta’ tqabbil globali baxxa (37 %).
Il-valutazzjoni tar-riskju hija rrappurta bħala l-aktar użu komuni tal-informazzjoni tad-DAC2, segwita mill-valutazzjoni tat-taxxa. Diversi Stati Membri rrappurtaw ukoll l-użu tal-informazzjoni għal kampanji ta’ sensibilizzazzjoni u biex il-kontribwenti jiġu nnotifikati sabiex tiġi ġġenerata divulgazzjoni.
Minħabba li l-ewwel skambji seħħew f’Settembru 2017, l-informazzjoni tad-DAC2 ma ntużatx daqs l-informazzjoni tad-DAC1 fl-2017. Disa’ stati rrappurtaw li ma użawx l-informazzjoni rċevuta permezz tad-DAC2. Minnhom ħamsa, il-Bulgarija, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, Malta u s-Slovakkja, ukoll ma użawx l-informazzjoni rċevuta skont id-DAC1 matul l-istess sena. L-Italja, utent skars tal-informazzjoni tad-DAC1, irrappurtat li użat id-data tad-DAC2, anke jekk għal kampanji ta’ sensibilizzazzjoni.
4.DAC3
L-AEOI tad-DAC3 jitlob il-kondiviżjoni ta’ informazzjoni fuq deċiżjonijiet tat-taxxa transfruntieri (ATR) bil-quddiem u arranġamenti preliminari ta’ prezzijiet ta’ trasferiment (APA) bil-quddiem maħruġa lil persuna jew grupp ta’ persuni, għajr persuni fiżiċi. Il-kondiviżjoni titwettaq permezz ta’ dħul f’bażi ta’ data ċentrali aċċessibbli għall-Istati Membri kollha.
Id-DAC3 wasslet għal żieda ewlenija fit-trasparenza tal-informazzjoni fuq deċiżjonijiet tat-taxxa bil-quddiem u arranġamenti preliminari ta’ prezzijiet bil-quddiem. Fl-2017, fid-direttorju ċentrali ġew irreġistrati kważi 18,000 deċiżjoni, b'kuntrast mal-ammont li bilkemm ġie skambjat spontanjament fis-snin sal-2015. Madanakollu, għadu kmieni wisq biex jiġi rrappurtat dwar kif din l-informazzjoni addizzjonali ntużat.
5.SPEJJEŻ U BENEFIĊĊJI
L-ispejjeż imġarrba mill-Istati Membri huma fil-biċċa l-kbira relatati mal-iżvilupp u l-manutenzjoni tas-sistemi tal-IT li jintużaw għall-iskambju awtomatiku tal-informazzjoni. Ħafna mill-ispejjeż jiġġarrbu meta jiġu żviluppati s-sistemi tal-IT, filwaqt li l-ispejjeż rikorrenti huma ferm aktar baxxi.
Abbażi tad-data disponibbli, l-ispejjeż ta’ implimentazzjoni globali tad-dispożizzjonijiet tal-AEOI jidhru li huma bejn wieħed u ieħor EUR 112-il miljun għall-perjodu ta’ bejn l-2012 u l-2017. L-ispejjeż kienu jvarjaw skont is-sistema kif irrappurtat fis-sezzjonijiet hawn taħt.
DAC1
L-ispejjeż totali mġarrba mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-AEOI skont id-DAC1 kienu EUR 69 miljun. L-ispejjeż juru differenzi ewlenin bejn l-Istati Membri u bejn sena u oħra. Dan jista’ jiġi spjegat bid-differenzi fis-soffistikazzjoni fis-sistemi tal-IT użati għall-AEOI u fil-metodi ta’ akkwist (eż. l-esternalizzazzjoni vs. l-iżvilupp intern). L-ispejjeż jistgħu jkunu ogħla anke għar-raġuni li s-soluzzjonijiet għall-użu tal-informazzjoni (eż. għodod ta’ tqabbil) ġew inklużi fix-xogħol ta’ żvilupp mill-bidu.
Figura 9. Spejjeż tad-DAC1 sal-2017 (22 Stat Membru) (EUR miljun)
DAC2
L-ispejjeż totali mġarrba mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-AEOI taħt id-DAC2 kienu EUR 45.4 miljun. Minħabba li d-dispożizzjonijiet tad-DAC2 huma bbażati fuq l-Istandard Komuni ta’ Rappurtar (CRS) tal-OECD, is-sistemi tal-IT użati għall-ġbir tad-data taħt id-DAC2 u s-CRS, kif ukoll għall-iskambji huma fil-biċċa l-kbira komparabbli. Għalhekk, huwa diffiċli li tiddistingwi l-ispejjeż tad-DAC2 minn dawk tas-CRS u l-ispejjeż irrappurtati mill-Istati Membri jistgħu jissottovalutaw l-ispejjeż attribwibbli lid-DAC2 biss.
Figura 10. L-ispejjeż tad-DAC2 sal-2017 (21 Stat Membru) (EUR miljun)
Bħal fil-każ tad-DAC1, hemm differenzi sinifikanti fl-ispejjeż tad-DAC2 fost l-Istati Membri.
Barra mill-Istati Membri, fil-każ tad-DAC2 wkoll l-istituzzjonijiet finanzjarji kellhom iġarrbu l-ispejjeż biex jadattaw is-sistemi tal-IT tagħhom. Filwaqt li ċ-ċifra preċiża ta’ dawn l-ispejjeż mhix disponibbli, abbażi tal-evidenza disponibbli, l-ispejjeż imġarrba mill-istituzzjonijiet finanzjarji jidhru ogħla minn dawk imġarrba mill-Istati Membri. Stimi ta’ spejjeż ta’ darba għall-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Awstrija, fi Franza, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fir-Renju Unit mogħtija mill-partijiet interessati jammontaw madwar it-EUR 340 miljun filwaqt li l-ispejjeż annwali huwa stmat li jammontaw il-EUR 120 miljun.
L-ebda stimi kwantitattivi mhuma disponibbli għall-piż amministrattiv imġarrab mill-kontribwenti li jridu jikkonformaw mal-obbligi ta’ rappurtar tad-DAC2. Għad-DAC2, il-korpi ta’ rappurtar attwali għall-awtoritajiet tat-taxxa mhumiex il-kontribwenti iżda l-istituzzjonijiet finanzjarji li jżommu l-kontijiet rapportabbli.
DAC3
L-ispejjeż totali mġarrba mill-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-AEOI taħt id-DAC3 kienu EUR 2.1 miljun. L-ammont aktar baxx b’mod sinifikanti meta mqabbel mad-DAC1 jew id-DAC2 huwa minħabba dan li ġej:
·l-informazzjoni tad-DAC3 ma tiġix skambjata fuq bażi bilaterali, iżda l-informazzjoni rilevanti titellgħa f’Direttorju Ċentrali mmaniġġjat mill-Kummissjoni;
·in-numru ta’ “biċċiet ta’ informazzjoni” li għandhom jiġu kondiviżi huwa ferm iżgħar milli fil-każ tad-DAC1 u d-DAC2;
·l-Istati Membri jeħtieġ li jimplimentaw sistemi u proċeduri anqas kumplessi.
Minkejja spejjeż aktar baxxi jibqgħu differenzi sinifikanti bejn l-Istati Membri.
Figura 11. L-ispejjeż tad-DAC3 sal-2017 (16-il Stat Membru) (EUR)
Benefiċċji tal-AEOI bejn l-awtoritajiet tat-taxxa kompetenti
Il-benefiċċju ewlieni tal-AEOI huwa li jipprovdi lill-amministrazzjonijiet tat-taxxa informazzjoni utli biex jiġu miġġildin il-frodi, l-evażjoni u l-evitar tat-taxxa transfruntieri. Hemm riskju għoli ta’ nuqqas ta’ konformità mhux intenzjonali u intenzjonali ta’ introjtu jew assi, li ma jiġux irrappurtati minn partijiet terzi fuq livell nazzjonali, bħall-impjegaturi u l-banek. Minħabba li l-introjtu u l-assi ta’ sors barrani jiġu rrappurtati fil-pajjiż ta’ residenza mill-kontribwent biss, jista’ jiġi preżunt li din tkun żona ta’ riskju fir-rigward tal-konformità
.
Madanakollu, meta tiġi biex tikkwantifika l-benefiċċji tal-AEOI f’termini ta’ dħul mit-taxxa addizzjonali, l-Istati Membri ripetutament spjegaw kemm huwa diffiċli tiddefinixxi l-benefiċċju monetarju dirett tad-data dwar it-taxxa rċevuta minn barra l-pajjiż, li fl-aqwa tagħha hija biss parti mill-informazzjoni użata għall-valutazzjoni ta’ taxxi addizzjonali, jew li tista’ ma twassal għall-ebda dħul mit-taxxa addizzjonali. Wieħed jista’ jgħid li l-korrettezza tat-taxxa diġà hija benefiċċju prezzjuż li wieħed jilħaq permezz ta’ AEOI obbligatorju, iżda dan mhux neċessarjament ifisser dħul mit-taxxa addizzjonali. Barra minn hekk, bħala parti mis-sett sħiħ ta’ informazzjoni rigward ċertu kontribwent, id-data li tiġi awtomatikament minn barra mill-pajjiż għandha r-rwol tagħha li tipprovdi l-profil sħiħ ta’ kontribwent riskjuż jew konformi. Fl-aħħar nett, benefiċċju ieħor importanti ċertament huwa l-effett ta’ deterrent għall-kontribwenti minħabba ż-żieda mistennija fl-użu tal-informazzjoni skambjata.
Billi jużaw informazzjoni rċevuta minn Stati Membri oħra permezz ta’ skambji awtomatiċi, xi Stati Membri setgħu jidentifikaw nuqqas ta’ rappurtar ta’ dħul minn ċerti kontribwenti.
Fir-rigward tal-benefiċċji f’termini ta’ żieda fil-konformità tat-taxxa, ħames Stati Membri (il-Belġju, l-Estonja, il-Finlandja, il-Polonja u s-Slovenja) setgħu jikkalkulaw il-benefiċċji montetarji li jirriżultaw mill-użu tal-informazzjoni tad-DAC1.
|
Stat Membru
|
Sena
|
EI
|
DF
|
PEN
|
LIP
|
IP
|
Total
|
|
A. Żieda fil-Bażi tat-Taxxa
|
|
|
|
|
|
|
|
|
Il-Belġju
|
2017
|
148,593
|
|
105.837
|
|
40,040
|
289,470
|
|
Il-Finlandja
|
2017
|
..
|
..
|
..
|
..
|
..
|
29,000
|
|
B. Dħul Addizzjonali jew Żieda fit-Taxxa Vvalutata
|
|
|
|
|
|
|
|
|
L-Estonja
|
2016
|
..
|
..
|
..
|
..
|
..
|
320
|
|
|
2017
|
..
|
..
|
..
|
..
|
..
|
417
|
|
Il-Polonja
|
2015
|
87
|
0
|
3
|
0
|
0
|
91
|
|
|
2016
|
830
|
0
|
39
|
0
|
2
|
870
|
|
|
2017
|
1,108
|
1
|
390
|
0
|
19
|
1,519
|
|
Is-Slovenja
|
2016
|
329
|
0
|
495
|
0
|
7
|
830
|
|
|
2017
|
1,373
|
0
|
2,259
|
5
|
13
|
3,650
|
Tabella 12: Dħul mit-Taxxa Inkrimentali minn Azzjonijiet relatati mad-DAC1 (EUR “000)
Għall-Estonja, il-Polonja u s-Slovenja d-data hija disponibbli għal aktar minn sena. Jidher li l-benefiċċji jiżdiedu maż-żmien. Dan jista’ jiġi spjegat mill-fatt li l-awtoritajiet tat-taxxa progressivament jagħmlu użu aħjar mill-informazzjoni skambjata. Għall-Belġju, il-Polonja u s-Slovenja, li pprovdeaw informazzjoni għal kull kategorija ta’ informazzjoni tad-DAC1, prattikament il-benefiċċji kollha jirriżultaw mill-użu ta’ konformità tal-informazzjoni tad-DAC1 dwar l-introjtu tal-impjieg u l-pensjonijiet, jiġifieri jikkontrollaw jekk il-kontribwenti humiex qed jirrappurtaw dan l-introjtu barrani. Fil-każ tal-Belġju u tal-Finlandja, il-benefiċċji huma deskritti bħala żieda fil-bażi tat-taxxa. L-introjti addizzjonali attwali miġbura mhumiex magħrufa iżda aktarx huma frazzjoni taż-żieda globali tal-bażi tat-taxxa. Għall-Belġju, l-Estjonja, il-Finlandja u s-Slovenja, il-benefiċċji rrappurtati huma ogħla mill-ispejjeż irrappurtati
. Pereżempju, il-Belġju rrapporta spejjeż tad-DAC1 ta’ EUR 9,100,000 u introjtu addizzjonali (mhux irrappurtat) ta’ EUR 289,470,000 fil-bażi tat-taxxa. Jekk it-taxxa imposta fuq dan l-introjtu addizzjonali tkun 10 %, dan ifisser EUR 28,947,000 f’introjti mit-taxxa miżjuda. Fil-każ tad-DAC2 u d-DAC3, ma hemm l-ebda informazzjoni disponibbli mill-użu ta’ konformità tal-informazzjoni rċevuta minħabba l-ħin qasir bejn dan ir-rapport u l-ewwel skambji tad-DAC2 u d-DAC3 fl-2017.
Fir-rigward tal-kwistjoni tal-benefiċċji f’termini ta’ deterrent, l-istimi juru li s-CRS (li ġie implimentat fl-UE permezz tad-DAC2) kellu effett ta’ deterrent sinifikanti. Skont il-Forum Globali, is-CSR wassal għal divulgazzjonijiet u investigazzjonijiet volontarji li wasslu għal qrib EUR 85 biljun f’introjtu mit-taxxa addizzjonali
. Iżda din iċ-ċifra tkopri l-kamp ta’ applikazzjoni kollu tas-CRS u mhux l-iskambji intra-UE taħt id-DAC2 biss. Minkejja d-diffikultajiet biex wieħed jiddistingwi bejn il-benefiċċji (u l-ispejjeż) tad-DAC2 u tas-CRS, jenħtieġ li jiġi nnutat li anke sehem żgħir ħafna minn dak l-ammont, pereżempju EUR 1 biljun ikun ferm akbar mill-ispejjeż irrappurtati għall-awtoritajiet tat-taxxa.
6.KONKLUŻJONIJIET U T-TRIQ ’IL QUDDIEM
Minn dan ir-rapport joħorġu tliet konklużjonijiet ewlenin.
L-ewwel, li l-Istati Membri rrikonoxxew li l-informazzjoni dwar it-taxxa li tasal permezz tal-AEOI tista’ tintuża b’mod differenti. L-awtoritajiet tat-taxxa jużaw l-informazzjoni l-aktar għall-valutazzjoni tar-riskju u għall-valutazzjoni tat-taxxa mill-introjtu personali. Madankollu, diversi Stati Membri xorta jagħmlu użu limitat, jekk jagħmlu, mill-informazzjoni li jirċievu.
It-tieni, l-AEOI irrikjeda li jsiru investimenti ta’ żvilupp sinifikanti mill-Istati Membri, u anke jekk l-ispejjeż rikorrenti jkunu aktar baxxi, hemm spejjeż annwali biex jinżammu l-attivitajiet ta’ skambju. Fir-rigward tal-benefiċċji tal-AEOI, jidher li l-benefiċċji ewlenin qegħdin fiż-żieda fil-konformità tat-taxxa u fl-effett ta’ deterrent għall-kontribwenti. Madankollu, huwa diffiċli ħafna li tikkwantifika l-benefiċċji tal-AEOI f’termini ta’ introjti tat-taxxa addizzjonali.
It-tielet, spiss l-Istati Membri jibagħtu informazzjoni li ma tinkludix l-elementi ta’ identifikazzjoni neċessarji kollha li jippermettu t-tqabbil awtomatizzat ta’ din l-informazzjoni ma’ dik disponibbli fuq livell nazzjonali. Bħala t-triq ’il quddiem, ġew identifikati żewġ oqsma ta’ titjib ewlenin:
Intejbu l-kwalità tal-informazzjoni
L-Istati Membri jtejbu l-konformità mal-UE kollha u jiżguraw kundizzjonijiet ta’ kompetizzjoni ekwi kemm għall-kontribwenti attivi nazzjonali kif ukoll għal dawk transfruntieri, jekk l-AEOI jintuża b’mod aktar effettiv. L-użu effettiv ta’ massa ta’ informazzjoni jitlob żewġ azzjonijiet ewlenin:
•
Jenħtieġ li l-Istati Membri janalizzaw il-kwalità tal-informazzjoni li jiġbru qabel jibagħtuha.
•
L-Istati Membri li jirċievu l-informazzjoni jenħtieġ li jagħtu feedback f’waqtu u kostruttiv lil dawk li jibagħtuha, sabiex il-kwalità tal-AEOI maż-żmien tkun tista’ titjieb. Jenħtieġ li l-Istati Membri jipprovdu feedback anke lill-entitajiet (eż. istituzzjonijiet finanzjarji) li jfornu l-informazzjoni għall-AEOI.
Nagħmlu użu aħjar mid-data rċevuta permezz tal-AEOI
L-użu sħiħ tal-informazzjoni tal-AEOI jitlob fokus strateġiku fil-livell tal-Istati Membri, u li dawn jaqblu dwar xi indikaturi ewlenin komuni għall-benefiċċji u l-metodi ta’ valutazzjoni:
•
jenħtieġ li l-Istati Membri jiżviluppaw metodoloġija komuni biex sabiex il-benefiċċji tal-AEOI jiġu stmati b’mod affidabbli u komprensiv.
•
jenħtieġ li l-Istati Membri jiżguraw li l-informazzjoni tal-AEOI tkun parti miċ-ċiklu tal-ġestjoni tar-riskju tat-taxxa u li din tintuża aktar għall-kampanja ta’ sensibilizzazzjoni sabiex il-konformità volontarja tittejjeb ukoll għall-awditi, filwaqt li l-flussi tal-AEOI jiġu kkombinati flimkien, u hekk ukoll informazzjoni miksuba fuq livell nazzjonali u rċevuta permezz ta’ mezzi oħra ta’ kooperazzjoni amministrattiva (eż. kontrolli simultanji, preżenzi f’amministrazzjonijiet tat-taxxa matul inkjesti u permezz tal-iskambju ta’ informazzjoni fuq talba u spontanjament).
•
Jenħtieġ li l-Istati Membri jikkondividu għarfien tal-aħjar prattiki għal użu sħiħ u effiċjenti tad-data, pereżempju billi jużaw tekniki analitiċi avvanzati, bħall-imminar tad-data.
Il-programm EU Fiscalis għall-kooperazzjoni tat-taxxa
jista’ jipprovdi appoġġ sabiex tittejjeb kemm il-kwalità tad-data tal-AEOI u kif ukoll biex jiġi żgurat li l-informazzjoni skambjata tintuża b’mod effiċjenti u effettiv sabiex tinħoloq sistema tat-taxxa aktar ġusta għall-benefiċċju tal-Ewropa u taċ-ċittadini tagħha.