Brussell, 7.12.2018

COM(2018) 795 final

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan Ikkoordinat dwar l-Intelliġenza Artifiċjali


1.    INTRODUZZJONI — STRATEĠIJA EWROPEA GĦALL-IA

Hekk kif kien l-elettriku fil-passat, l-intelliġenza artifiċjali (AI) qiegħda tittrasforma d-dinja tagħna. Tinsab fuq ponot subgħajna, meta nittraduċu testi online jew nużaw applikazzjoni mobbli biex insibu l-aħjar mod kif nimxu fid-destinazzjoni li jmiss tagħna. Id-dar, b’termostat intelliġenti tista’ tnaqqas il-kontijiet tal-enerġija b’25 % jew anqas billi tanalizza d-drawwiet tan-nies li jgħixu fid-dar u taġġusta t-temperatura kif ikun xieraq 1 . Fil-kura tas-saħħa, l-algoritmi jistgħu jgħinu d-dermatologi jagħmlu dijanjożi aħjar u jindividwaw 95 % tal-kanċer tal-ġilda billi jitgħallmu minn settijiet kbar ta’ ritratti mediċi 2 .

Hekk kif l-ammonti vasti ta’ data jiġu intepretati bis-sens biex joffru soluzzjonijiet effiċjenti, l-IA ttejjeb prodotti, proċessi u mudelli tan-negozju fis-setturi ekonomiċi kollha. Din tista’ tgħin lill-kumpaniji jidentifikaw liema magni ser ikunu jeħtieġu l-manutenzjoni qabel dawn jieqfu jaħdmu. L-IA tittrasforma wkoll is-servizzi pubbliċi.

L-Intelliġenza Artifiċjali tirreferi għal sistemi li juru mġiba intelliġenti billi janalizzaw l-ambjent tagħhom u jieħdu azzjoni – b’ċertu grad ta’ awtonomija – biex jiksbu għanijiet speċifiċi. Aħna qed nużaw l-IA fuq bażi ta’ kuljum, pereżempju biex nimblukkaw email spam jew nitkellmu ma’ assistenti diġitali.

It-tkabbir fil-qawwa komputazzjonali, id-disponibbiltà ta’ data u l-progress fl-algoritmi biddlu l-IA f’waħda mill-aktar teknoloġiji importanti tas-seklu 21.

Il-bidliet li ġabet magħha l-IA qed iqajmu wkoll tħassib Il-ħaddiema jibżgħu li se jitilfu l-impjieg tagħhom minħabba l-awtomazzjoni, il-konsumaturi jistaqsu min hu responsabbli f’każ li tittieħed deċiżjoni żbaljata permezz ta’ sistema bbażata fuq l-IA, il-kumpaniji żgħar ma jafux kif japplikaw l-IA għan-negozji tagħhom, in-negozji l-ġodda tal-IA ma jsibux ir-riżorsi u t-talenti li jeħtieġu fl-Ewropa, u l-kompetizzjoni internazzjonali hija aktar ħarxa minn qatt qabel b’investimenti kbar ħafna fl-Istati Uniti u fiċ-Ċina.

Biex tindirizza dawn l-isfidi u jsir l-aħjar użu mill-opportunitajiet offruti mill-IA, il-Kummissjoni ppubblikat strateġija Ewropea 3 f’April 2018. Il-Kummissjoni pproponiet approċċ li jpoġġi n-nies fiċ-ċentru tal-iżvilupp tal-IA (IA ċċentrata fuq il-bniedem) u tħeġġeġ l-użu ta’ din it-teknoloġija qawwija biex tgħin jissolvew l-isfidi l-kbar tad-dinja: mill-fejqan tal-mard għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u l-antiċipazzjoni ta’ diżastri naturali, għal trasport aktar sikur 4 u l-ġlieda kontra l-kriminlaità u t-titjieb fiċ-ċibersigurtà.

Din l-istrateġija tappoġġa IA etika, sikura u avvanzata magħmula fl-Ewropa. Din tibni fuq is-saħħiet xjentifiċi u industrijali 5 tal-Ewropa u hija bbażata fuq tliet pilastri: żieda fl-investimenti pubbliċi u privati fl-IA, tħejjija għall-bidliet soċjoekonomiċi, u żgurar ta’ qafas etiku u legali xierqa. Biex jiġi żgurat is-suċċess tagħha, il-koordinazzjoni fil-livell Ewropew hija essenzjali.

2.    PJAN KOORDINAT DWAR L-IA – ĦARSA ĠENERALI

Fl-istrateġija tagħha dwar l-IA għall-Ewropa, il-Kummissjoni pproponiet li taħdem mal-Istati Membri fuq pjan ikkoordinat dwar l-IA sal-aħħar tal-2018, bil-għan li jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investimenti fuq il-livell tal-UE u fuq il-livell nazzjonali, jitħeġġu sinerġiji u kooperazzjoni fl-UE kollha, jiġu skambjati l-aħjar prattiki u kollettivament jiddefinixxu t-triq ’il quddiem biex jiġi żgurat li l-UE kollha kemm hi tista’ tikkompeti globalment. Il-proposta ta’ pjan ikkoordinat issejset fuq id-dikjarazzjoni ta’ kooperazzjoni dwar l-IA varata f’April 2018 fil-Jum Diġitali u ffirmata mill-Istati Membri kollha u n-Norveġja 6 . Din ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2018 7 .

L-Istati Membri (bħala parti mill-grupp dwar id-diġitalizzazzjoni tal-industrija Ewropea u l-IA), in-Norveġja, l-Iżvizzera u l-Kummissjoni ħejjew il-pjan matul diversi laqgħat bejn Ġunju u Novembru 2018. Saru wkoll skambji fil-laqgħat tal-Kunsill dwar il-Kompetittività taħt it-tmexxija tal-Presidenza Awstrijaka tal-UE.

F’dawn il-laqgħat, l-Istati Membri u l-Kummissjoni identifikaw serje ta’ azzjonijiet komuni biex iżidu l-investimenti, jiġbru d-data – il-materja prima għall-IA – , irawmu t-talent u jiżguraw il-fiduċja 8 filwaqt li jibnu fuq l-istrateġija Ewropea. Ipprrijorittizzaw l-oqsma prijoritarji ta’ interess pubbliku, bħal dak tal-kura tas-saħħa, tat-trasport u tal-mobbiltà, tas-sikurezza, tas-sigurtà u tal-enerġija, kif ukoll setturi ekonomiċi importanti bħalma huma tal-manifattura u tas-servizzi finanzjarji.

Ir-riżultat ta’ din il-ħidma konġunta, il-pjan ikkoordinat, huwa l-anness ta’ din il-Komunikazzjoni. Hija tidentifika l-azzjonijiet li se jinbdew fl-2020-2019 u tħejji t-triq għall-attivitajiet fis-snin ta’ wara. Hija ser tiġi riveduta u aġġornata kull sena.

Din il-Komunikazzjoni tenfasizza l-objettivi u l-inizjattivi prinċipali tal-pjan.

2.1. Objettivi komuni u sforzi komplementari

Il-pjan ikkoordinat jipprovdi qafas strateġiku għal strateġiji nazzjonali tal-IA. Sal-lum, ħames Stati Membri diġà adottaw strateġija nazzjonali għall-IA b’baġit dedikat 9 . L-Istati Membri kollha l-oħra, huma mħeġġa jiżviluppaw l-istrateġija nazzjonali tagħhom għall-IA sa nofs l-2019 filwaqt li jsejsuha fuq il-ħidma mwettqa fil-livell Ewropew. Dawn huma mistennija jindikaw il-livelli ta’ investiment u l-miżuri ta’ implimentazzjoni.

Matul is-sena d-dieħla, l-Istati Membri u l-Kummissjoni ser jaslu għal qbil ukoll fuq l-indikaturi komuni biex jimmonitorjaw l-użu tal-IA u l-iżvilupp fl-Unjoni u r-rata ta’ suċċess tal-istrateġiji fis-seħħ, bl-appoġġ tal-AI-Watch żviluppat miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka tal-Kummissjoni 10 .

Bħalissa l-Ewropa qiegħda lura fl-investimenti privati fl-IA 11 . Mingħajr sforzi ewlenin, l-UE tirriskja li titlef l-opportunitajiet li ġġib magħha l-IA, taffaċċja eżodu ta’ mħuħ u tkun konsumatur ta’ soluzzjonijiet żviluppati xi mkien ieħor. Din hija r-raġuni għala l-Istrateġija Ewropea għall-IA stabbiliet miri ambizzjużi, iżda realistiċi: fl-Unjoni, l-investimenti pubbliċi u privati fl-IA jridu jiżdiedu biex tintlaħaq il-mira ta’ EUR 20 biljun kull sena fl-għaxar snin li ġejjin. Bħala l-ewwel pass, il-Kummissjoni qed iżżid l-investiment fl-IA taħt il-programm ta’ qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020 għal EUR 1.5 biljun fil-perjodu 2018-2020. Dan l-ammont jikkorrispondi għal żieda ta’ 70 % meta mqabbel mal-perjodu 2014-2017. Jekk l-Istati Membri u s-settur privat jagħmlu sforzi simili, l-investimenti totali fl-Unjoni se jikbru għal aktar minn EUR 20 biljun għall-perjodu 2018-2020 12 , b’hekk l-Unjoni tkun f’pożizzjoni li tkompli żżid l-isforzi matul id-deċennju li jmiss, bl-investiment gradwalment jilħaq EUR 20 biljun fis-sena. Dan ikun jikkorrispondi għal investiment annwali ta’ EUR 7 biljun mis-settur pubbliku (l-Istati Membri u l-Kummissjoni), fuq l-istess livell ma’ kontinenti oħra. Il-Kummissjoni pproponiet li, fil-perjodu ta’ programmazzjoni 2021-2027, l-Unjoni tinvesti fl-IA mill-inqas EUR 1 biljun fis-sena minn Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali tal-programmi 13 .

Filwaqt li ħadu kont ta’ dawn il-miri, l-Istati Membri qablu li l-ambizzjoni hija meħtieġa u li l-isforzi nazzjonali jeħtieġ jiżdiedu. L-isforzi pubbliċi kkoordinati se jgħinu biex jinkisbu iktar investimenti privati.

Filwaqt li l-investiment pubbliku għandu rwol importanti, dmir importanti għar-regolaturi huwa li jiġu eliminati l-ostakoli minħabba s-swieq frammentati. Il-prodotti u s-servizzi huma dejjem aktar interkonnessi u diġitalizzati. F’dan il-kuntest, huwa tal-akbar importanza li tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-suq f’setturi strateġiċi bħall-intelliġenza artifiċjali, inkluż permezz tat-tisħiħ ta’ strumenti ewlenin (eż. standards komuni u netwerks ta’ komunikazzjoni veloċi). Suq Uniku reali b’dimensjoni diġitali integrali 14  se jagħmilha aktar faċli għan-negozji biex jespandu u jagħmlu kummerċ transfruntiera u b’hekk tkompli tingħata spinta lill-investimenti.

2.2.     Lejn sħubija pubblika-privata Ewropea tal-IA u aktar finanzjament għal negozji ġodda u intrapriżi żgħar u ta' daqs medju innovattivi 15

L-Istati Membri u l-Kummissjoni ser isaħħu wkoll il-kooperazzjoni mas-settur privat. Il-Kummissjoni ser tlaqqa’ l-kumpaniji u l-organizzazzjonijiet tar-riċerka flimkien biex jiżviluppaw aġenda strateġika komuni ta’ riċerka dwar l-IA, jiddefinixxi l-prijoritajiet bi qbil mal-ħtiġijiet tas-suq u jħeġġu skambji bejn is-setturi u bejn il-fruntieri. Dan se jwitti t-triq għal riċerka ġdida u għal sħubija ta’ innovazzjoni dwar l-IA, filwaqt li titrawwem kollaborazzjoni bejn l-akkademiċi u l-industrija fl-Ewropa. Bħala parti minn din is-sħubija kuntrattwali, is-settur privat ser jimpenja ruħu għal investimenti speċifiċi u għoljin fl-IA. Din is-sħubija ser tibni fuq dawk is-sħubijiet eżistenti fir-robotika u l-big data 16 , li jirrappreżentaw EUR 4.4 biljun ta’ investimenti, li l-maġġoranza tagħhom (EUR 3.2 biljun) ġejja mill-industrija. Il-partijiet ikkonċernati diġà kkonfermaw l-appoġġ tagħhom għat-twaqqif ta’ sħubija tal-IA 17 .

Barra minn hekk, il-Kummissjoni qiegħda timmira li tagħmel ir-riżorsi disponibbli għal negozji ġodda u innovaturi fl-IA u blockchain biex tgħinhom jiżviluppaw in-negozju tagħhom. Inizjalment EUR100 miljun għandhom jiġu mmobilizzati fl-2020, li jistgħu jkunu kkomplimentati aktar permezz tal-parteċipazzjoni ta’ banek promozzjonali nazzjonali interessati u istituzzjonijiet oħra. Dan jista’ jgħin iħejji għat-tisħiħ tal-aċċess għall-finanzi għall-IA taħt il-programm InvestEU mill-2021’il quddiem.

Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed tagħmel progress fl-istabbiliment tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni biex jappoġġa teknoloġiji avvanzati u n-negozji l-ġodda l-aktar innovattivi. B’reazzjoni għas-sejħa tal-Kunsill Ewropew f’Ġunju 2018 18 , l-inizjattiva pilota ġdida se titnieda fil-bidu tal-2019 19 u se tinkludi appoġġ għall-ġenerazzjoni li jmiss ta’ teknoloġiji tal-IA ċċentrati fuq il-bniedem.

2.3.    It-tisħiħ tal-eċċellenza f’teknoloġiji affidabbli tal-IA u d-diffużjoni wiesgħa 20

L-Istati Membri u l-Kummissjoni qegħdin jimmiraw biex iżidu l-kapaċitajiet ta’ riċerka nazzjonali u jilħqu massa kritika permezz ta’ netwerks aktar stretti ta’ ċentri Ewropej ta’ eċċellenza fir-riċerka tal-IA. L-għan huwa li titrawwem il-kooperazzjoni fost l-aħjar timijiet ta’ riċerka fl-Ewropa, b’tali mod li meta jgħaqqdu l-forzi jkunu jistgħu jindirizzaw sfidi xjentifiċi u teknoloġiċi kbar fl-IA b’mod aktar effiċjenti.

Biex applikazzjonijiet eċċellenti tal-IA jinġiebu fis-suq ikun hemm bżonn li jiġu ttestjati u esperimentati f’ambjenti tad-dinja reali. Bħala parti mill-implimentazzjoni tal-istrateġija għad-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea 21 adottata fl-2016, il-Kummissjoni diġà qed tappoġġa proġetti pilota fuq skala kbira u esperimenti f’oqsma bħal biedja intelliġenti, bliet intelliġenti u vetturi konnessi u awtonomi.

Se jinsiltu t-tagħlimiet minn dawn il-proġetti pilota u l-esperimenti. Sabiex jiġi ottimizzat l-investiment u tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi, il-Kummissjoni tipproponi li diversi siti tat-test ta’ referenza fuq skala kbira, miftuħa għall-atturi kollha fl-Ewropa kollha, jiġu żviluppati bl-użu ta’ mhux anqas minn EUR 1.5 biljun mill-qasam tal-IA tal-programm propost tal-Ewropa Diġitali, li jibni fuq il-bażi qawwija taċ-ċentri ta’ eċċellenza eżistenti fl-Istati Membri. Eżempji ta’ faċilitajiet tal-ittestjar li l-Istati Membri qed jistabbilixxu jinkludu ttestjar transfruntier ta’ sewqan konness awtonomu 22 u l-esperimentazzjoni fuq skala reali ta’ sptarijiet intelliġenti. Fil-każ ta’ mobilità konnessa u awtonoma, l-identifikazzjoni ta’ tali faċilitajiet tal-ittestjar u t-testijiet stess se tiġi kkoordinata, l-ewwel, mill-pjattaforma unika għall-UE kollha msemmija fl-istrateġija tal-UE dwar il-mobilità tal-futur 23 u, imbagħad, mill-isħubija korrispondenti li trid tiġi stabbilita taħt Orizzont tal-Ewropa.

Huwa daqstant importanti li titrawwem l-adozzjoni wiesgħa l-aktar possibbli tal-IA fl-ekonomija, b’mod partikolari minn-negozji l-ġodda u mill-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju. Bit-tħeġġiġ tal-kuxjenza pubblika u bil-kondiviżjoni tal-aħħar avvanzi xjentifiċi u teknoloġiji eċċellenti ppruvati u ttestjati żviluppati fl-Ewropa, nistgħu niżguraw li kull kumpannija, żgħira jew kbira, ta’ teknoloġija għolja jew le, kif ukoll is-settur pubbliku, jistgħu jaħtfu dawn l-opportunitajiet diġitali. Il-programm il-ġdid propost tal-Ewropa Diġitali jipprovdi għal kofinanzjament mill-Istati Membri u l-Kummissjoni f’ċentri ta’ innovazzjoni diġitali fl-Ewropa kollha, inkluż permezz tal-fondi ta’ Politika ta’ Koeżjoni. Il-programm se jkompli jiffaċilita d-diffużjoni tal-kapaċità tal-IA f’kull Stat Membru u se jorbot mal-pjattaforma AI-on-demand 24 . Għal dan il-għan, fl-2019, l-Istati Membri se jidentifikaw iċ-ċentri tal-innovazzjoni diġitali tal-IA fit-territorju tagħhom.

2.4.    L-adattament tal-programmi tagħna ta’ tagħlim u taħriġ u s-sistemi biex iħejju aħjar is-soċjetà tagħna għall-IA 25 .

Il-progress teknoloġiku rapidu jfisser li d-dinja tax-xogħol se jiġu ttrasformati b’mod sinifikanti, u llum qabel għada. B’mod partikolari, il-bidliet teknoloġiċi se jimmodifika l-ħiliet meħtieġa tal-ħaddiema, fis-sens li potenzjalment għadd kbir ħafna ta’ ħaddiema ser jeħtieġ li jtejbu l-ħiliet. Għalhekk, jeħtieġ li tingħata aktar attenzjoni fuq it-tagħlim tul il-ħajja. Aspett speċifiku wieħed tal-bidla jikkonċerna dawk il-ħaddiema li effettivament ser ifasslu u jimplimentaw is-soluzzjonijiet tal-IA tal-futur. Kważi l-Istati Membri kollha qed jiffaċċjaw nuqqas ta’ professjonisti tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, u attwalment hemm aktar minn 600 000 post vakant għal esperti diġitali 26 . Barra minn hekk, riċerkaturi ta’ ħila u neogzji ġodda promettenti spiss jirċievu offerti interessanti minn barra l-pajjiż. Pereżempju, fl-2017 kien hemm 240 000 Ewropew f’Silicon Valley 27 , li ħafna minnhom daħlu l-Istati Uniti biex jieħdu impjieg speċifiku fl-industrija tat-teknoloġija. L-Ewropa trid tkun kapaċi tħarreġ, tattira u żżomm it-talent ta’ dan it-tip, u tħeġġeġ l-intraprenditorija, id-diversità u l-bilanċ bejn is-sessi.

Għaldaqstant, l-Istati Membri ser jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar kif tista’ tissaħħaħ l-eċċellenza u jinżammu ħaddiema ta’ ħila, kif ukoll dwar kif jiżdiedu u jitħaffu l-isforzi biex jintroduċu u jisfruttaw bis-sħiħ il-possibbiltajiet offruti mill-acquis attwali dwar il-migrazzjoni legali, inkluż il-karta blu 28 biex tattira ħaddiema ta’ ħila. Il-karta blu hija permess tax-xogħol li jippermetti ċittadini mhux tal-UE b’livell għoli ta’ ħiliet jiġu jaħdmu u jgħixu fl-UE. Il-ħiliet jenħtieġ li jkunu koperti wkoll fi strateġiji nazzjonali tal-IA li jridu jiġu ppubblikati sa nofs l-2019. L-istrateġiji jenħtieġ li jindirizzaw ħiliet rilevanti għall-IA fi ħdan iċ-ċiklu tal-edukazzjoni formali, inkluż fit-taħriġ vokazzjonali u l-edukazzjoni għolja, kif ukoll modi biex jittejbu l-opportunitajiet għal Masters u PhDs fl-IA.

Il-Kummissjoni se tappoġġa Masters u PhDs fl-IA permezz ta’ kooperazzjoni aktar mill-qrib proposta bejn ċentri ta’ eċċellenza fir-riċerka tal-IA u, b’mod aktar wiesa’, il-programmi ta’ riċerka innovazzjoni tal-UE. L-interdixxiplinarità se tiġi appoġġata billi jitħeġġu l-lawrji konġunti, pereżempju fil-liġi jew il-psikoloġija u l-IA. Barra minn hekk, il-ħiliet diġitali li jiffaċilitaw l-iżvilupp u l-użu tal-IA, jenħtieġ li jiġu inklużi fil-kurrikula tal-kwalifiki kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ.

Minħabba n-natura ta’ tfixkil ta’ ħafna avvanzi teknoloġiċi, dawk li jfasslu l-politika se jiżviluppaw strateġiji biex jindirizzaw bidliet fl-impjieg sabiex jiżguraw l-inklużività, hekk kif ir-ritmu li bih xi impjiegi se jisparixxu u oħrajn jinħolqu probabbilment se jaċċellera, filwaqt il-mudelli kummerċjali u l-mod kif jitwettqu l-kompiti jew l-impjiegi se jinbidel. Għandu mnejn li dan jirrikjedi modifika fis-suq attwali tax-xogħol u fl-arranġamenti ta’ protezzjoni soċjali biex isostnu t-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol. Il-Kummissjoni waqqfet grupp ta’ esperti ta’ livell għoli dwar l-impatt tat-trasformazzjoni diġitali fuq is-swieq tax-xogħol tal-UE li se jipprovdi rapport li jindirizza dawn il-kwistjonijiet fir-rebbiegħa 2019 29 .

2.5.    Il-bini ta’ spazju Ewropew tad-data essenzjali għall-IA fl-Ewropa, inkluż għas-settur pubbliku 30

Aktar żviluppi fl-IA jeħtieġu ekosistema tad-data li tiffunzjona tajjeb mibnija fuq il-fiduċja, id-disponibbiltà tad-data u l-infrastruttura 31 . Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) 32 huwa ankra ta’ fiduċja fis-suq uniku għad-data. Dan stabbilixxa standard globali ġdid b’enfasi qawwi fuq id-drittijiet tal-individwi, li jirrifletti l-valuri Ewropej, u hu element importanti biex tiġi żgurata l-fiduċja fl-IA. Din il-fiduċja hija partikolarment importanti meta niġu għall-ipproċessar tad-data tal-kura tas-saħħa għall-applikazzjonijiet xprunati tal-IA. Il-Kummissjoni tixtieq tħeġġeġ lill-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data biex jiżviluppaw linji gwida dwar il-kwistjoni tal-ipproċessar tad-data personali fil-kuntest tar-riċerka. Dan se jiffaċilita l-iżvilupp ta’ riċerka ta’ settijiet ta’ dejta kbar bejn il-pajjiżi li jistgħu jintużaw għall-IA.

L-IA teħtieġ l-iżvilupp ta’ ammonti kbar ta’ data. It-tagħlim awtomatiku, tip ta’ IA, jaħdem bl-identifikazzjoni ta’ xejriet fid-data disponibbli u mbagħad japplika l-għarfien fuq id-data l-ġdida. Akbar mhu s-sett tad-data, aktar l-IA tkun tista’ titgħallem u tiskopri saħansitra relazzjonijiet sottili fid-data.

Ladarba jitħarrġu, l-algoritmi jkunu jistgħu jikklassifikaw kif suppost oġġetti li qatt ma jkunu raw, f’aktar u aktar każijiet bi preċiżjonijiet li jisbqu dawk tal-bniedem. L-aċċess għad-data huwa ingredjent essenzjali għal xenarju kompetittiv tal-IA, li l-UE jenħtieġ li tiffaċilita b’rispett sħiħ tar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali.

Id-dħul fis-seħħ tar-Regolament 33 dwar il-fluss liberu tad-data mhux personali matul l-2019 se jgħin biex id-data tinfetaħ, b’mod partikolari data ġġenerata mill-makna, u se jiffaċilita ħafna l-operazzjoni transfruntiera tan-negozji fl-Unjoni. Il-ftuħ għal flussi ta’ data internazzjonali ser ikompli tiġi żgurata r-rispett sħiħ tar-regoli tal-UE għall-protezzjoni tad-data personali u skont l-istrumenti legali applikabbli, inklużi l-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles.

Il-Ftehim dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar l-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku 34 se jżid ukoll l-ammont ta’ data disponibbli għall-innovazzjoni.

Il-ħolqien ta’ spazji komuni Ewropej tad-data f’għadd ta’ oqsma bħall-manifattura jew l-enerġija ser jikkostitwixxu assi ewlenin għall-innovaturi u n-negozji Ewropej. Dawn l-spazji komuni Ewropej tad-data se jaggregaw data, kemm għas-settur pubbliku kif ukoll bejn in-negozji, fl-Ewropa kollha u jagħmluhom disponibbli biex titħarreġ l-IA 35 fuq skala li tippermetti l-iżvilupp ta’ prodotti u servizzi ġodda. L-iżvilupp mgħaġġel u l-adozzjoni tar-regoli Ewropej bħar-rekwiżiti tal-interoperabbiltà u l-istandards huwa essenzjali. L-Unjoni għandha tipprovdi wkoll appoġġ biex jiġi żgurat aċċess bla xkiel għal tali settijiet ta’ data u l-iskambju u l-użu mill-ġdid tagħhom. L-identifikazzjoni mill-Istati Membri ta’ settijiet ta’ data b’valur għoli se tgħin biex isiru jistgħu jintużaw mill-ġdid b’mod bil-miftuħ. Il-Kummissjoni tikkontribwixxi wkoll bi kwantitajiet kbar ta’ data u informazzjoni ta’ osservazzjoni tad-dinja mill-programm ewlieni tagħha Copernicus.

L-applikazzjonijiet tal-IA fil-kura tas-saħħa huma partikolarment promettenti. Fl-2020 il-Kummissjoni se tappoġġa permezz ta’ Orizzont 2020 — f’koordinazzjoni mal-Istati Membri — l-iżvilupp ta’ bażi tad-data komuni għall-immaġni tas-saħħa (anonimizzata, u bbażata fuq li l-pazjenti b’mod volontarju jagħtu d-data tagħhom). Din il-bażi tad-data għall-immaġni tas-saħħa inizjalment ser tiġi ddedikata lill-aktar forom komuni ta’ kanser, bl-użu tal-IA biex jittejbu d-dijanjosi u t-trattament. Ix-xogħol se jissodisfa r-rekwiżiti kollha neċessarji regolatorji, ta’ sigurtà u etiċi.

Għodod tal-IA huma kruċjali għall-ħidma futura tal-amministrazzjonijiet pubbliċi. L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jieħdu sehem fit-tagħlim bejn il-pari u jiddiskutu l-oqsma għall-akkwist konġunt ta’ soluzzjonijiet tal-IA, inkluża ċ-ċibersigurtà, kif ukoll sfidi speċifiċi għas-settur pubbliku. Meta l-IA tiġi implimentata, pereżempju, għas-sigurtà u l-infurzar tal-liġi, iqumu kwistjonijiet legali u etiċi partikolari, meta wieħed iqis li l-amministrazzjonijiet pubbliċi huma marbutin li jaġixxu kif preskritt bil-liġi, li jeħtieġu sabiex jimmotivaw id-deċiżjonijiet tagħhom u li l-atti tagħhom huma suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju minn qrati amministrattivi.

Fl-aħħar nett, il-kapaċità tal-computing hija essenzjali biex tiġi pproċessata d-data. L-Inizjattiva Ewropea għal Computing bi Prestazzjoni Għolja 36 (EuroHPC) huwa l-ġbir tar-riżorsi għall-iżvilupp tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ superkompjuters biex tiġi pproċessata l-big data u titħarreġ l-IA. F’dan il-kuntest, l-isħubija li hemm bħalissa mal-Istati Membri u l-industrija dwar il-komponenti u s-sistemi mikroelettroniċi (ECSEL 37 ) kif ukoll l-Inizjattiva tal-Proċessur Ewropew 38 , li għandu l-għan li joħloq teknoloġija tal-proċessur ta’ enerġija baxxa għal computing bi prestazzjoni għolja, u ċentri tad-data u vetturi awtonomi, huma kruċjali sabiex tiġi żviluppata ekosistema Ewropea indipendenti u innovattiva għall-aqwa d-disinn ta’ chip.

2.6.    L-iżvilupp ta’ linji gwida ta’ etika b’perspettiva globali u l-iżgurar ta’ qafas legali li jiffavorixxi l-innovazzjoni 39

Sabiex tinkiseb il-fiduċja, li hija meħtieġa għal soċjetajiet li jaċċettaw u jużaw l-IA, it-teknoloġija għandha tkun prevedibbli, responsabbli, verifikabbli, tirrispetta d-drittijiet fundamentali u ssegwu regoli etiċi. Inkella, l-użu tal-IA jista’ jwassal għal riżultati mhux mixtieqa, bħall-ħolqien ta’ kamra tal-eku fejn in-nies jirċievu biss informazzjoni li tikkorrispondi mal-opinjonijiet tagħhom, jew it-tisħiħ tad-diskriminazzjoni, bħal fil-każ fejn algoritmu jsri razzista fi żmien 24 siegħa minħabba esponiment għal materjal razzist 40 .

B’mod kruċjali, il-bnedmin għandhom jifhmu kif l-IA tieħu d-deċiżjonijiet. L-Ewropa tista’ tkun fuq quddiem nett fid-dinja fl-iżvilupp u fl-użu tal-IA għal dejjem u tippromwovi approċċ iċċentrat fuq il-bniedem u prinċipji ta’ etika mfassla.

Biex tali prinċipji jiġu ankrati aktar fis-sod fl-iżvilupp u fl-użu tal-IA, il-Kummissjoni ħatret grupp indipendenti ta’ esperti ta’ livell għoli tal-IA bil-kompitu li jiżviluppaw abbozz ta’ linji gwida dwar l-etika tal-IA. L-ewwel verżjoni se tkun ippubblikata sal-aħħar tal-2018 u l-esperti ser jippreżentaw il-verżjoni finali tal-linji gwida tagħhom lill-Kummissjoni f’Marzu 2019 wara konsultazzjoni wiesgħa permezz tal-Alleanza Ewropea tal-IA 41 . Imbagħad, l-ambizzjoni hija li jitressaq l-approċċ etiku tal-Ewropa fix-xena globali. Il-Kummissjoni qiegħda tiftaħ il-kooperazzjoni lill-pajjiżi kollha li mhumiex fl-UE li huma lesti li jikkondividu l-istess valuri.

Aktar żviluppi fl-IA jeħtieġu wkoll qafas regolatorju li huwa flessibbli biżżejjed biex jippromwovi l-innovazzjoni filwaqt li jiżgura livelli għoljin ta’ protezzjoni u sikurezza. Il-Kummissjoni qiegħda fil-proċess li tivvaluta jekk l-oqfsa nazzjonali u tal-UE dwar is-sikurezza u r-responsabbiltà humiex adatti għall-iskop tagħhom fid-dawl ta’ dawn l-isfidi l-ġodda jew jekk jenħtieġx li jiġu indirizzati xi diskrepanzi. Għal dan il-għan il-Kummissjoni ser tippubblika sa nofs l-2019 rapport dwar lakuni potenzjali fl-oqfsa ta’ sikurezza u responsabbiltà għall-IA u orjentazzjonijiet għalihom.

2.7.    L-aspetti relatati mas-sigurtà tal-applikazzjonijiet tal-IA u l-infrastruttura, u l-aġenda tas-sigurtà internazzjonali

Hemm bżonn li nifhmu aħjar kif l-IA jista’ jkollha impatt fuq is-sigurtà fi tliet dimensjonijiet: kif l-IA tista’ ssaħħaħ l-għanijiet tas-settur tas-sigurtà; kif it-teknoloġiji tal-IA jistgħu jiġu protetti minn attakki; u kif jiġi indirizzat kwalunkwe abbuż potenzjali tal-IA għal skopijiet malizzjużi.

Il-potenzjal dejjem jikber u s-sensittività tal-applikazzjonijiet tal-IA f’ħafna oqsma tal-ekonomija diġitali u tas-soċjetà, bħal mobilità awtonoma jew l-evitar tal-qtugħ tad-dawl, tfisser li huwa rilevanti ħafna li jiġu stabbiliti rekwiżiti taċ-ċibersigurtà għall-AI 42 .

L-applikazzjoni tal-IA f’sistemi tal-armi għandha l-potenzjal li tbiddel fundamentalment il-kunflitti armati u għalhekk tqajjem preokkupazzjonijiet u mistoqsijiet serji. L-Unjoni ser tkompli tenfasizza li l-liġi internazzjonali, inklużi d-Dritt Umanitarju Internazzjonali u d-Dritt Internazzjonali dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, japplikaw b’mod sħiħ għas-sistemi kollha tal-armi, inklużi sistemi tal-armi awtonomi, u li l-Istati jibqgħu responsabbli għall-iżvilupp u l-użu tagħhom f’konflitt armat. Il-pożizzjoni tal-UE tibqa’ li l-kontroll tal-bniedem irid jinżamm fid-deċiżjonijiet dwar l-użu ta’ forza letali u integrat fiċ-ċiklu kollu tal-ħajja ta’ kwalunkwe sistemi ta’ armi 43 .

3.    KONKLUŻJONIJIET

L-IA hija diġà parti mill-ħajja tagħna ta’ kuljum, imma l-potenzjal tagħha huwa ħafna akbar milli rajna s’issa. Biex l-Ewropa ssir attur ewlieni fl-IA, għandha bżonn li tibni fuq il-qawwiet tagħha u tappoġġa l-iżvilupp ta’ IA etika, sigura u avvanzata magħmula fl-Ewropa.

Għalhekk il-Kummissjoni tistieden:

·il-Kunsill Ewropew biex japprova l-pjan ikkoordinat;

·l-Istati Membri biex jimplimentaw pjan ikkoordinat, inkluż l-iżvilupp ta’ strateġiji nazzjonali tal-IA sa nofs l-2019, li jiddeskrivu l-livelli ta’ investiment u l-miżuri ta’ implimentazzjoni;

·il-koleġiżlaturi biex jadottaw malajr l-inizjattivi leġiżlattivi li fadal li huma essenzjali għas-suċċess tal-istrateġija Ewropea tal-IA, inklużi l-proposti mressqa fil-kuntest tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss.

(1)

      https://www.latribune.fr/entreprises-finance/la-tribune-de-l-energie-avec-erdf/cinq-objets-connectes-pour-economiser-l-energie-545571.html  

(2)

      https://www.theguardian.com/society/2018/may/29/skin-cancer-computer-learns-to-detect-skin-cancer-more-accurately-than-a-doctor  

(3)

     COM(2018) 237

(4)

     Hu stmat li madwar 90 % tal-inċidenti tat-triq huma kkawżati minn żbalji tal-bniedem, ara COM(2016) 787.

(5)

     L-Ewropa għandha riċerkaturi u negozji ġodda ta’ klassi dinjija tal-IA, hija fuq quddiem nett fil-qasam tar-robotika u fil-softwer/pjattaformi bejn in-negozji. Is-setturi b’saħħtihom tagħha tat-trasport, tal-kura tas-saħħa u tal-manifattura jenħtieġ li jkunu fuq quddiem tal-AI.

(6)

      https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/eu-member-states-sign-cooperate-artificial-intelligence  

(7)

      https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2018/06/29/20180628-euco-conclusions-final/  

(8)

     Dawn l-azzjonijiet kollha jridu jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar il-liġi tal-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-istat.

(9)

     Franza, il-Finlandja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit u l-Ġermanja għandhom fis-seħħ istrateġiji mmirati għall-IA. Xi pajjiżi, bħad-Danimarka, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Irlanda u n-Norveġja jinkludu azzjonijiet relatati mal-IA fl-istrateġiji usa’ tagħhom ta’ diġitizzazzjoni. L-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Ġermanja, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja u Spanja jinsabu fil-proċess li jiżviluppaw l-istrateġiji.

(10)

      https://ec.europa.eu/knowledge4policy/node/32205_mt

(11)

     L-investiment tal-Ewropa ammonta għal madwar EUR 2.4-3.2 biljun fl-2016, meta mqabbel ma’ EUR 6.5-9.7 biljun fl-Asja u EUR 12.1-18.6 biljun fl-Amerika ta’ Fuq. Sors: 10 imperatives for Europe in the age of AI and automation, McKinsey, 2017.

(12)

     Dan jista’ jinkludi investimenti mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej. Ħames reġjuni għandhom il-prijoritajiet relatati mal-IA fl-istrateġiji ta’ speċjalizzazzjoni intelliġenti tagħhom: L-Istat federali tas-Sassonja t’Isfel [DE], Pohjois-Savo [FI], Łódzkie [PL], il-Majjistral [RO]u l-Grigal [RO]. Ara: http://s3platform.jrc.ec.europa.eu/map  

(13)

     Il-proposti għall-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, b’mod partikolari l-Programm il-ġdid għall-Ewropa Diġitali u Orizzont Ewropa, il-programm qafas ta’ riċerka u innovazzjoni tal-UE l-aktar ambizzjuż li qatt kien hemm, jappoġġaw l-istrateġija Ewropea tal-IA.

(14)

Ara l-komunikazzjoni reċenti tal-Kummissjoni “Is-Suq Uniku f’dinja li qed tinbidel” (COM (2018) 772).

(15)

     Ara t-taqsima B tal-pjan ikkoordinat għad-dettalji dwar l-azzjonijiet proposti.

(16)

     Sħubijiet pubbliċi-privati dwar ir-robotika (“SPARC”) u big data (“Big Data Value”) jirrappreżentaw EUR 1.2 biljun f’investiment pubbliku flimkien ma’ EUR 3.2 biljun f’investiment privat għall-2014-2020, li jagħtu total ta’ EUR 4.4 biljun.

(17)

     Il-Big Data Value Association, is-sieħeb privat tal-big data fis-sħubija pubblika-privata, adottat dokument ta’ pożizzjoni dwar l-IA li jinkludi rakkomandazzjoni li twassal għal sħubija fuq l-IA (Novembru 2018). http://bdva.eu/sites/default/files/AI-Position-Statement-BDVA-Final-12112018.pdf

(18)

      https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2018/06/29/20180628-euco-conclusions-final/  

(19)

     Fl-2018 biss, ġew iffinanzjati 74 proġett innovattiv tal-SME u tan-negozji l-ġodda biex jiżviluppaw innovazzjonijiet relatati mal-IA fil-fażi pilota tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni.

(20)

     Ara t-taqsima C tal-pjan ikkoordinat għad-dettalji dwar l-azzjonijiet proposti.

(21)

     COM(2016) 180

(22)

      https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/cross-border-corridors-connected-and-automated-mobility-cam

(23)

COM(2018) 283

(24)

      http://ai4eu.org/

(25)

     Ara t-taqsima D tal-pjan ikkoordinat għad-dettalji dwar l-azzjonijiet proposti.

(26)

      https://www.pocbigdata.eu/monitorICTonlinevacancies/general_info/

(27)

      https://jointventure.org/images/stories/pdf/index2018.pdf

(28)

     Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar il-kondizzjonijiet ta’ dħul u residenza ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi għall-finijietta’ impjieg bi kwalifiki għoljin Il-Kummissjoni għamlet proposta biex tirrevedi dan l-att - COM(2016) 378.

(29)

https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/appointment-members-high-level-expert-group-impact-digital-transformation-eu-labour-markets

(30)

     Ara t-taqsimiet E u G tal-pjan ikkoordinat għad-dettalji dwar l-azzjonijiet proposti.

(31)

     “Data is the lifeline of AI" ara l-kapitolu 12 tar-Rapport taċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka dwar "Artificial Intelligence: a European Perspective" https://ec.europa.eu/jrc/en/publication/eur-scientific-and-technical-research-reports/artificial-intelligence-european-perspective

(32)

     Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il- moviment liberu ta’ tali data.

(33)

     Ir-Regolament (UE) 2018/1807 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar qafas għall-moviment liberu ta' data mhux personali fl-Unjoni Ewropa

(34)

     Proposta għal Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (riformulazzjoni) COM(2018) 234.

(35)

     Se jkunu disponibbli links għar-repożitorji tad-data permezz tal-pjattaforma AI-on-demand li jipprovdi servizzi lill-komunità tal-IA.

(36)

      https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/eurohpc-joint-undertaking

(37)

      https://www.ecsel.eu/  

(38)

      https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/european-processor-initiative-consortium-develop-europes-microprocessors-future-supercomputers

(39)

     Ara t-taqsimiet F u H tal-pjan ikkoordinat għad-dettalji dwar l-azzjonijiet proposti.

(40)

      https://www.theguardian.com/technology/2016/mar/24/tay-microsofts-ai-chatbot-gets-a-crash-course-in-racism-from-twitter

(41)

      https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/european-ai-alliance

(42)

     Dan il-prinċipju huwa stabbilit fil-Komunikazzjoni Konġunta dwar iċ-Ċibersigurtà ta’ Settembru 2017 (JOIN(2017) 450).

(43)

     Ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, se jibni fuq il-konsultazzjonijiet fin-Nazzjonijiet Uniti, il-Global Tech Panel, u fora multilaterali oħra, u tipproponi azzjoni fuq kif jridu jiġu indirizzati dawn l-isfidi kumplessi tas-sigurtà. 


Brussell, 7.12.2018

COM(2018) 795 final

ANNESS

tal-

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Pjan Ikkoordinat dwar l-Intelliġenza Artifiċjali


Pjan Ikkoordinat dwar l-Iżvilupp u l-Użu tal-
Intelliġenza Artifiċjali Magħmula fl-Ewropa – 2018

L-intelliġenza artifiċjali (IA) tista’ tgħinna nindirizzaw xi wħud mill-akbar sfidi tad-dinja. Tista’ tippermetti lit-tobba jtejbu d-dijanjożi u jiżviluppaw terapiji għal mard li għalih dawn għadhom ma jeżistux; tista’ tnaqqas il-konsum tal-enerġija billi tagħmel l-aħjar użu tar-riżorsi; tista’ tikkontribwixxi għal ambjent iktar nadif billi titnaqqas il-ħtieġa ta’ pestiċidi; tista’ tgħin biex jitjieb it-tbassir tat-temp u jiġu antiċipati d-diżastri; u aktar. Il-lista prattikament ma tispiċċa qatt. L-IA se tkun il-mutur ewlieni tat-tkabbir ekonomiku u ż-żieda fil-produttività u se tikkontribwixxi lejn is-sostenibbiltà u l-vijabbiltà tal-bażi industrijali fl-Ewropa 1 . L-IA qed tittrasforma d-dinja tagħna bħalma għamlu l-magni li jaħdmu bl-istim jew l-elettriku fil-passat.

L-Unjoni għandha l-għan li tiżviluppa IA li tiġi fdata abbażi ta’ valuri etiċi u soċjetali msawra fuq il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tagħha. In-nies mhux biss għandu jkollhom fiduċja fl-IA, iżda għandhom jibbenefikaw ukoll mill-użu tal-IA fil-ħajja personali u professjonali tagħhom. L-Ewropa għandha l-għan li toħloq ekosistema li tiffavorixxi l-innovazzjoni fil-każ tal-IA: ambjent fejn l-atturi ekonomiċi jsibu infrastruttura, faċilitajiet għar-riċerka, ambjenti tal-ittestjar, mezzi finanzjarji, qafas legali u livelli ta’ ħiliet adegwati biex jinvestu u jvaraw l-IA. B’mod ġenerali, l-ambizzjoni hija sabiex l-Ewropa ssir reġjun minn ta’ quddiem fid-dinja fejn tiġi żviluppata u varata IA mill-aktar avvanzata, sigura u etika, li tħeġġeġ approċċ fejn il-bniedem huwa ċentrali fil-kuntest globali.

L-IA ilha ta’ importanza kbira fuq l-aġenda tal-Kunsill tal-UE mindu sar is-Summit Diġitali organizzat mill-Presidenza Estonjana f’Settembru 2017. Il-Komunikazzjoni “L-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa” tal-25 ta’ April 2018 2 tipproponi strateġija Ewropea b’appoġġ għal dan l-għan. Il-Komunikazzjoni tipproponi wkoll pjan ikkoordinat dwar l-iżvilupp tal-IA fl-Ewropa 3 , li jrid jitfassal mal-Istati Membri sa tmiem l-2018. Dan ġie approvat mill-Kunsill Ewropew 4 . Dan id-dokument iwieġeb għal din it-talba. Ikun biss jekk l-Istati Membri u l-Kummissjoni jaħdmu flimkien li l-Ewropa jirnexxilha tbiddel il-viżjoni f’realtà.

Il-pjan ikkoordinat ikompli jibni fuq “dikjarazzjoni ta’ kooperazzjoni” li ġiet iffirmata mill-Istati Membri kollha tal-UE u min-Norveġja fil-kuntest tal-Jum Diġitali 2018 5 , filwaqt li jenfasizza r-rieda li jikkooperaw aktar mill-qrib dwar l-IA. Il-Presidenza Awstrijaka tal-UE inkludiet ukoll l-IA bħala prijorità fil-kuntest tat-trasformazzjoni tal-industrija 6 .

L-għanijiet ewlenin tal-pjan ikkoordinat huma li jiġi mmassimizzat l-impatt tal-investimenti fil-livell tal-UE u dak nazzjonali, li jinkoraġġixxi sinerġiji u kooperazzjoni madwar l-UE, inkluż dwar l-etika, li jrawwem l-iskambju tal-aħjar prattiki u li kollettivament jiddefinixxi t-triq ’il quddiem. Billi naħdmu flimkien fl-Unjoni nistgħu nimmassimizzaw l-impatt tagħha biex tikkompeti globalment.

Il-Grupp tal-Istati Membri dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea u l-IA u l-Kummissjoni ddiskutew bejn Ġunju u Novembru 2018 dwar il-linji possibbli għal kooperazzjoni. Sabiex jakkomodaw il-pass mgħaġġel ta’ bidla ispirat mill-IA fis-soċjetajiet u fl-ekonomiji, l-Istati Membri, in-Norveġja u l-Iżvizzera qablu li jdaħħlu fis-seħħ pjan kontinwu kkoordinat li jrid jiġi mmonitorjat u rieżaminat kull sena, bl-għan li jiġi żgurat li jibqa’ aġġornat. Dan id-dokument huwa l-ewwel edizzjoni ta’ dan il-pjan u jinkludi prinċipalment attivitajiet għall-2019 u għall-2020, b’enfasi fuq l-attivitajiet ippjanati fil-livell tal-UE taħt il-qafas finanzjarju attwali. Il-pjan huwa mistenni li jibqa’ għaddej sad-deċennju li ġej, possibbilment sal-2027, b'mod konformi mal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss 7 . 

Ħtieġa għal azzjoni kkoordinata ġiet identifikata fl-oqsma tal-investiment, l-eċċellenza u d-diffużjoni tal-IA, id-disponibbiltà tad-data, l-isfidi soċjetali, l-etika u l-qafas regolatorju. L-azzjonijiet għandhom x’jaqsmu kemm mas-settur privat u kemm ma’ dak pubbliku b’għadd kbir ta’ sinerġiji.

“L-IA magħmula fl-Ewropa” tissodisfa l-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini, billi twieġeb għal bżonnijiet soċjetali, u ssaħħaħ il-kompetittività

Il-pjan ikkoordinat se jimmassimizza l-benefiċċji tal-IA għall-Ewropej kollha billi jrawwem l-iżvilupp ta’ IA li tiġi fdata u li tikkorrespondi mal-valuri etiċi Ewropej u mal-aspirazzjonijiet taċ-ċittadini. L-Ewropa se żżid b’mod progressiv l-isforz tagħha f’oqsma ta’ interess pubbliku bħalma huma l-kura tas-saħħa, it-trasport, is-sigurtà, l-edukazzjoni u l-enerġija kif ukoll f’oqsma oħra bħal dawk tal-manifattura u s-servizzi finanzjarji (inkluż permezz tal-blockchain).

Dan il-pjan jiġbor flimkien sett ta’ azzjonijiet konkreti u komplementari fil-livelli tal-UE, nazzjonali u reġjonali 8 sabiex:

-Jitqawwew l-investimenti u tissaħħaħ l-eċċellenza fit-teknoloġiji u fl-applikazzjonijiet tal-IA li huma affidabbli u “siguri u etiċi mid-disinn tagħhom”. L-investimenti għandhom iseħħu f’kuntest regolatorju stabbli li jippermetti l-esperimentazzjoni u li jappoġġa l-innovazzjoni rivoluzzjonarja madwar l-UE, ħalli jiġi żgurat l-ikbar u l-aħjar użu tal-IA fl-ekonomija u fis-soċjetà Ewropea.

-Jibnu fuq il-vantaġġi tal-Ewropa, billi jiżviluppaw u jimplimentaw, fi sħubija mal-industrija u mal-Istati Membri, aġendi kondiviżi għal kollaborazzjoni bejn l-industrija u l-akkademja fir-Riċerka u l-Iżvilupp (R&D) u fl-innovazzjoni.

-L-adattament tas-sistemi u l-programmi ta’ apprendiment u ta’ ksib tal-ħiliet biex jippreparaw is-soċjetà Ewropea u l-ġenerazzjonijiet futuri tagħha għall-IA.

-Il-bini ta’ kapaċitajiet essenzjali fl-Ewropa li jirfdu l-IA bħall-ispazji tad-data u siti ta’ referenza ta’ klassi dinjija għall-ittestjar u għall-esperimentazzjoni.

-L-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Ewropa jsiru pijunieri fl-użu tal-IA.

-L-implimentazzjoni, fuq il-bażi ta’ ħidma esperta, ta’ linji gwida ta’ etika ċari għall-iżvilupp u għall-użu tal-IA b’rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali, bil-ħsieb li tistabbilixxi standards etiċi globali u tkun minn ta’ quddiem fid-dinja fl-IA etika u fdata.

-Fejn meħtieġ, tirrieżamina l-qafas ġuridiku nazzjonali u Ewropew eżistenti sabiex tadattahom aħjar għal sfidi speċifiċi.

Abilitaturi ewlenin

Il-progress fl-IA jiftaħ il-bieb għal opportunitajiet ġodda f’oqsma bħall-kura tas-saħħa personalizzata u ta’ preċiżjoni, il-mobbiltà (is-sewqan awtonomu 9 ), it-teknoloġija finanzjarja, il-manifattura avvanzata, l-applikazzjonijiet ibbażati fl-ispazju, il-grilji tal-enerġija intelliġenti, l-ekonomija sostenibbli u ċirkolari, il-bijoekonomija, it-titjib fid-detezzjoni u fl-investigazzjoni ta’ attivitajiet kriminali (eż. il-ħasil tal-flus, il-frodi fiskali), il-midja, eċċ.

F’ħafna każijiet din it-trasformazzjoni diġitali tirrikjedi titjib sinifikanti tal-infrastruttura disponibbli bħalissa. L-implimentazzjoni effettiva tal-IA se teħtieġ l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali u tal-qafas regolatorju tiegħu inkluż l-adozzjoni rapida tal-proposta tal-Kummissjoni għal Ċentru Ewropew ta’ Kompetenza fiċ-Ċibersigurtà tat-Teknoloġija, l-Industrija u r-Riċerka u għal Netwerk ta’ Ċentri Nazzjonali ta’ Koordinazzjoni 10 , konnettività msaħħa permezz ta’ koordinazzjoni tal-ispettru, netwerks mobbli veloċi ħafna 5G u fibri ottiċi, clouds tal-ġenerazzjoni li jmiss, kif ukoll teknoloġiji bis-satellita 11 . L-informatika u l-IA ta’ prestazzjoni għolja kulma jmur se jkunu jridu minn xulxin hekk kif nimxu lejn il-futur bl-użu ta’ teknoloġiji ġodda tal-informatika, tal-ħżin u tal-komunikazzjoni. Barra minn hekk, l-infrastrutturi għandhom ikunu kemm aċċessibbli kif ukoll affordabbli biex tiġi żgurata l-adozzjoni inklużiva tal-IA fl-Ewropa, b’mod partikolari permezz ta’ impriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs). L-industrija, u b’mod partikolari l-kumpaniji żgħar fid-daqs u fiż-żmien, jeħtieġ li jkunu f’pożizzjoni li jkunu konxji u kapaċi jintegraw dawn it-teknoloġiji fi prodotti, f’servizzi u fi proċessi ta’ produzzjoni u f’teknoloġiji relatati ġodda, inkluż permezz tat-titjib tal-ħiliet u tat-taħriġ mill-ġdid tal-forza tax-xogħol tagħhom. L-istandardizzazzjoni se tkun essenzjali wkoll għall-iżvilupp tal-IA fis-Suq Uniku Diġitali, filwaqt li se tgħin notevolment biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà.

Bidla radikali hija meħtieġa wkoll f’każijiet fejn id-data trid tiġi pproċessata lokalment (pereżempju fis-sewqan awtomatizzat konness li jrid ikun jista’ jieħu deċiżjonijiet malajr mingħajr ma jistenna tweġiba minn server remot). Din ix-xejra tixpruna d-domanda għal teknoloġiji avvanzati, b’semikondutturi b’qawwa baxxa. Paradigmi ġodda lil hinn mill-iskalar diġà qegħdin jinbtu u arkitetturi tal-informatika ġodda u effiċjenti fl-użu tal-enerġija (bħal dawk newromorfiċi u quantum) se jkunu meħtieġa biex jiżguraw l-użu sostenibbli tal-enerġija. Is-sħubijiet li hemm bejn l-Istati Membri u l-Unjoni permezz ta’ impriżi konġunti bħall-ECSEL 12 (għall-komponenti u għas-sistemi elettroniċi), EuroHPC (l-informatika bi prestazzjoni għolja) 13 kif ukoll il-qasam ewlieni tal-quantum fil-qafas tal-Programm ta’ Riċerka u Innovazzjoni Orizzont 2020 (H2020) huma kruċjali għall-ipproċessar tal-big data u biex jiġu sostnuti żviluppi ulterjuri tal-IA.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jibqgħu jappoġġaw l-iskjerament ta’ abilitaturi ewlenin u se jintegraw l-IA fl-inizjattivi relatati.

Il-pjan ikkoordinat jorbot mal-istrateġiji paralleli li għaddejjin bħalissa f’dawn l-oqsma.

A.Azzjonijiet strateġiċi u koordinazzjoni

Il-Kummissjoni ppreżentat l-approċċ tagħha rigward l-IA fil-Komunikazzjoni “L-Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa” ippubblikata f’April 2018, li sserraħ fuq tliet pilastri:

·Tagħti spinta lill-kapaċità teknoloġika u industrijali tal-UE u l-użu tal-IA fl-ekonomija kollha, kemm mis-settur privat kif ukoll minn dak pubbliku;

·Tħejji għall-bidliet soċjoekonomiċi li se jirriżultaw mill-IA;

·Tiżgura qafas etiku u legali xieraq, ibbażat fuq il-valuri tal-Unjoni u b’konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea.

Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni ta’ April, il-Kummissjoni tat kompitu lill-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar l-IA biex ifasslu linji gwida dwar l-etika tal-IA. Il-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli se jipproponi wkoll rakkomandazzjonijiet ta’ politika dwar l-investimenti u l-qafas regolatorju.

Il-Kummissjoni tat ukoll kompitu lill-Grupp ta’ Esperti dwar ir-Responsabbiltà u t-Teknoloġiji l-Ġodda biex jgħin lill-Kummissjoni fit-tfassil ta’ linji gwida dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Responsabbiltà tal-Prodotti u fl-iżvilupp ta’ prinċipji fl-UE kollha li jistgħu jservu bħala linji gwida għal adattamenti possibbli tal-liġijiet applikabbli fil-livell tal-UE u dak nazzjonali.

Il-Grupp ta’ Esperti tal-Kummissjoni għall-Osservatorju tal-Ekonomija tal-Pjattaformi onlajn, barra minn hekk, se jesplora kwistjonijiet ta’ politika f’oqsma regolatorji marbuta mal-IA, bħall-aċċess għad-data 14 , ir-reklamar onlajn u r-rwol tal-algoritmi fl-ekonomija tal-pjattaformi diġitali.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni stabbiliet ukoll Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar l-impatt tat-trasformazzjoni diġitali fuq is-swieq tax-xogħol tal-UE li se jagħti rapport li jindirizza strateġiji biex jindirizzaw it-tfixkil fl-impjiegi, fir-rebbiegħa 2019 15 .

Il-livelli ta’ investiment għall-IA fl-Unjoni huma baxxi u frammentati, meta mqabbla ma’ partijiet oħra tad-dinja bħall-Istati Uniti u ċ-Ċina. Sabiex dan in-nuqqas jiġi rimedjat, il-Komunikazzjoni ta’ April tistabbilixxi objettiv ambizzjuż, bl-għan li jiżdied l-investiment u jilħaq total (is-settur pubbliku u dak privat flimkien) ta’ mill-inqas EUR 20 biljun fil-perjodu 2018-2020, u li jiżdiedu l-investimenti progressivament sa EUR 20 biljun fis-sena matul l-għaxar snin li ġejjin.

Il-Kummissjoni qed iżżid l-investimenti fl-IA fl-ambitu tal-programm qafas għar-riċerka u l-innovazzjoni Orizzont 2020 għal EUR 1,5 biljun fil-perjodu 2018-2020, jiġifieri żieda ta’ 70 % meta mqabbel mal-perjodu 2014-2017. Fil-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, il-Kummissjoni pproponiet li tiddedika mill-inqas EUR 1 biljun fis-sena minn Orizzont Ewropa 16 u mill-Programm Ewropa Diġitali 17 lill-IA. Qed jiġu esplorati għażliet biex timmobilizza r-riżorsi mill-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi u mill-fondi strutturali u ta’ investiment Ewropej. Pereżempju l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali mistenni li jinvesti fl-IA abbażi tal-ġenerazzjoni li jmiss ta’ Strateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti.

Mil-lum, Franza, il-Finlandja, l-Iżvezja, ir-Renju Unit u l-Ġermanja għandhom strateġiji mmirati fis-seħħ dwar l-IA. Xi pajjiżi bħad-Danimarka, il-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Irlanda u n-Norveġja jinkludu azzjonijiet relatati mal-IA fi strateġija usa’ tad-diġitalizzazzjoni. Barra minn hekk, l-Awstrija, il-Belġju, ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Ġermanja, l-Italja, il-Latvja, il-Polonja, il-Portugall, is-Slovenja, is-Slovakkja u Spanja jinsabu fil-proċess li jiżviluppaw l-istrateġiji 18 . Sabiex jimmassimizzaw l-investimenti, jiġbru flimkien ir-riżorsi importanti bħad-data u jipprovdu ambjent regolatorju uniformi, l-Istati Membri kollha jeħtiġilhom idaħħlu fis-seħħ strateġiji nazzjonali tal-IA, b’konformità mal-intenzjonijiet tagħhom espressi fid-Dikjarazzjoni tal-Jum Diġitali ta’ Kooperazzjoni dwar l-IA, inklużi miżuri ta’ appoġġ.

L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jissorveljaw il-progress tal-implimentazzjoni tal-pjan fuq bażi annwali 19 .

üSa nofs l-2019, l-Istati Membri kollha huma mħeġġa li jdaħħlu fis-seħħ – u li jaqsmu mal-Istati Membri l-oħra u mal-Kummissjoni – l-istrateġiji jew il-programmi nazzjonali dwar l-IA jew iżidu dimensjonijiet tal-IA fi strateġiji u fi programmi oħra rilevanti 20 b’deskrizzjoni ġenerali tal-livelli ta’ investiment u tal-miżuri ta’ implimentazzjoni, filwaqt li jqisu dan il-pjan ikkoordinat. Il-forma eżatta, il-kontenut u l-governanza tal-istrateġiji nazzjonali tal-IA se jkunu deċiżi minn kull Stat Membru abbażi ta’ karatteristiki nazzjonali 21 . 

üId-diskussjonijiet bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni se jitmexxew mill-Grupp tal-Istati Membri dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea u l-Intelliġenza Artifiċjali (Grupp tal-SM dwar id-DIE u l-IA), megħjun fuq materji tekniċi minn Grupp Sherpa 22 . Il-grupp se jiltaqa’ mill-inqas darbtejn fis-sena. Dan se jiżgura l-koordinazzjoni fost il-Ministeri nazzjonali differenti u partijiet ikkonċernati oħra, pereżempju mill-industrija, mill-akkademiċi u mis-soċjetà ċivili. Il-gruppi tal-Istati Membri ddedikati 23 se jipprovdu l-kontribut meħtieġ fl-oqsma differenti koperti mill-pjan. L-Istati Membri u l-Kummissjoni se jorganizzaw ukoll workshops topiċi.

üBiex jiġu vvalutati l-impatti, fl-2019 l-Istati Membri u l-Kummissjoni se jidentifikaw parametri ta’ investiment rilevanti u parametri referenzjarji komparabbli għat-teħid sabiex jintlaħqu miri komuni. Il-progress se jiġi mmonitorjat kull sena.

B.Nimmassimizzaw l-investimenti permezz ta’ sħubijiet

Biex jiġi ffaċilitat u jissaħħaħ l-investiment fl-IA, u biex jiġi mmassimizzat l-impatt tagħha kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f’dak privat, huma meħtieġa sforzi konġunti bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u s-settur privat. Ikun biss jekk kemm il-Kummissjoni u l-Istati Membri jidderieġu l-investimenti tagħhom fl-istess direzzjoni permezz ta’ programmazzjoni konġunta u jwasslu għall-ingranaġġ ta’ investimenti privati sinifikanti, li l-Ewropa kollha kemm hi jkollha impatt u tistabbilixxi l-awtonomija strateġika tagħha fl-IA.

·Inwittu t-triq għal sħubija ġdida dwar l-IA: L-IA hija indirizzata llum f’diversi Sħubijiet Pubbliċi-Privati (PPP) fl-ambitu ta’ Orizzont 2020, b’mod partikolari fil-PPPs tar-Robotika u l-Big Data b’aġendi separati tar-Riċerka u l-Innovazzjoni. Il-komunità tar-riċerka akkademika hija wkoll organizzata f’netwerks bħal EurAI, l-assoċjazzjoni Ewropea għall-IA. Il-Kummissjoni, bl-appoġġ mill-Istati Membri, se taħdem flimkien mal-industrija u mal-akkademiċi fuq Aġenda għar-Riċerka u l-Innovazzjoni komuni fl-IA. Filwat li tibni fuq il-vantaġġi tal-Ewropa, din se timmira lejn l-iżvilupp ta’ ekosistema ta’ innovazzjoni dinamika tal-IA madwar l-UE kollha, it-trawwim ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn l-industrija u l-akkademiċi, u t-tisħiħ tal-kompetittività fil-katina tal-valur tal-IA kollha. Għalhekk, se tiffaċilita diskussjonijiet inizjalment ma’ partijiet ikkonċernati mill-PPPs tar-robotika u l-big data, iżda aktar tard se tespandi għar-rappreżentanti tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha mill-industrija u mill-istituti ta’ riċerka biex tiżviluppa aġenda strateġika komuni tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-IA. Il-Kummissjoni qed tippjana li twaqqaf Grupp tal-Mexxejja.

·Naħdmu flimkien għall-investiment fl-IA: Huwa kruċjali għall-Ewropa li tidentifika u li tinvesti fil-ġenerazzjoni li jmiss tal-IA u li tapplikaha b’mod wiesa’. Element wieħed importanti hu li tagħmel disponibbli biżżejjed investiment għal negozji ġodda fl-istadju bikri tagħhom kif ukoll għal kumpaniji fil-fażi tat-tkabbir tagħhom. Għal dan l-għan, il-Kummissjoni għandha l-għan li tagħmel disponibbli riżorsi għal negozji ġodda u għall-innovaturi fl-IA u fil-blockchain fl-istadju bikri tagħhom kif ukoll għal kumpaniji fil-fażi tat-tkabbir tagħhom, bl-użu ta’ strumenti eżistenti bħalma huma l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi, Orizzont 2020 u l-Fond Ewropew tal-Investiment. Inizjalment EUR 100 miljun għandhom jiġu mmobilizzati fl-2020. Peress li ċerti applikazzjonijiet bikrin tal-blockchain bl-użu tal-estrazzjoni (Bitcoin) jikkunsmaw ammonti kbar ta’ enerġija, fil-kriterji ta’ għażla għall-investimenti għal tali programm finanzjarju, il-Kummissjoni se tagħti preferenza lill-appoġġ tal-infrastrutturi u tal-applikazzjonijiet tal-blockchain li jkunu iktar ġodda u effiċjenti fl-użu tal-enerġija. L-attivitajiet jistgħu jiffokaw fuq (i) il-finanzjament ta’ portafoll ta’ kumpaniji innovattivi tal-IA/blockchain; (ii) l-iżvilupp ta’ komunità dinamika ta’ investituri fl-UE kollha li jiffokaw fuq l-IA; (iii) il-multiplikazzjoni tal-investimenti fil-livell nazzjonali billi jiġu involuti banek promozzjonali nazzjonali (NPBs) li huma lesti li jipparteċipaw; (iv) l-għoti ta’ inċentivi għall-investimenti fis-settur privat u (v) l-impenn biex l-Ewropa ssir aktar attraenti għan-negozji l-ġodda biex jibqgħu fiha u jikbru. Fis-snin ta’ wara, il-blockchain u l-IA jistgħu jkomplu jiġu appoġġati permezz tal-Programm InvestEU.

·Bħala segwitu tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2018 24 , il-Kummissjoni Ewropea qed tħejji proġett pilota mtejjeb għall-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni (EIC) biex jappoġġa t-tkabbir ta’ kumpaniji innovattivi (negozji ġodda u SMEs) fit-twettiq ta’ innovazzjoni rivoluzzjonarja li toħloq is-swieq, kif ukoll innovazzjonijiet rivoluzzjonarji xjentifiċi u teknoloġiji abilitanti ewlenin li jistgħu jwasslu għal innovazzjoni rivoluzzjonarja.

Sabiex ikun hemm l-aqwa investiment possibbli:

üFl-2019, il-Kummissjoni se tlaqqa’ lill-partijiet ikkonċernati inizjalment billi tinkludi l-PPPs tar-robotika u tal-big data, iżda aktar tard billi tespandi lejn partijiet involuti oħra, sabiex tiġi żviluppata aġenda strateġika komuni tar-riċerka u l-innovazzjoni għall-IA, li tibda tiġi appoġġata fl-2020. Għalhekk, se jitwaqqaf Grupp tal-Mexxejja fil-livell ta’ uffiċjal kap eżekuttiv li jirrappreżenta lill-partijiet ikkonċernati mill-industrija u mill-istituti ta’ riċerka biex ifassal l-aġenda u jiżgura l-impenn fl-ogħla livell fl-implimentazzjoni tagħha, biex b’hekk titwitta t-triq għal sħubija ġdida fl-IA (l-ewwel laqgħa se ssir kmieni fl-2019).

üIl-Kummissjoni għandha l-għan li tagħmel disponibbli riżorsi għal negozji ġodda u għall-innovaturi fl-IA u fil-blockchain fl-istadju bikri tagħhom kif ukoll għal kumpaniji fil-fażi tat-tkabbir tagħhom, bl-użu ta’ strumenti eżistenti bħalma huma l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi, Orizzont 2020 u l-Fond Ewropew tal-Investiment. Inizjalment EUR 100 miljun għandhom jiġu mmobilizzati fl-2020. Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tniedi programm ta’ appoġġ ta’ investiment biex jiffaċilita l-iżvilupp ta’ portafoll, il-koinvestiment mal-Istati Membri u mal-investituri privati, u sabiex ikun hemm sensibilizzazzjoni fost in-negozji ġodda u kumpaniji oħrajn, inklużi l-SMEs tradizzjonali u dawk innovattivi, ħalli jiffaċilita l-involviment fi proġetti li kieku kienu jkunu riskjużi. Dan se jgħin it-tħejjija għat-tisħiħ tal-aċċess għall-finanzi għall-IA fl-ambitu tal-programm InvestEU.

üL-Istati Membri jistgħu jappoġġaw b’mod attiv il-proċess permezz tal-parteċipazzjoni ta’ banek promozzjonali nazzjonali, u billi jieħdu sehem fi programmi ta’ appoġġ għas-sensibilizzazzjoni.

üIl-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni se jappoġġa l-innovazzjoni rivoluzzjonarja permezz proġett pilota mtejjeb tal-Kunsill Ewropew tal-Innovazzjoni li b’mod partikolari se jappoġġa l-aktar proġetti avvanzati ta’ riċerka u ta’ innovazzjoni b’kumpens għoli li għandhom l-għan li juru paradigma teknoloġika ġdida pereżempju f’oqsma bħall-IA ċċentrata fuq il-bniedem, permezz ta’ fond li jammonta għal EUR 100 miljun fl-2019-2020.

üL-Istati Membri huma mħeġġa jesploraw l-implimentazzjoni ta’ vawċers ta’ innovazzjoni, ta’ għotjiet żgħar u ta’ self maħsub għall-SMEs fit-trasformazzjoni diġitali tagħhom, inkluża, b’mod partikolari, l-integrazzjoni tal-IA fil-prodotti, fil-proċessi u fil-mudelli ta’ negozju.

C.Mil-laboratorju għas-suq: (i) it-tiswir tal-eċċellenza fir-riċerka, (ii) l-istabbiliment ta’ faċilitajiet tal-ittestjar ta’ referenza dinjija u (iii) it-tħaffif fl-użu tal-IA permezz ta’ Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali (DIH).

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jagħrfu l-importanza li tkompli tissaħħaħ il-bażi xjentifika tagħhom 25 u jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni biex jiżguraw il-kompetittività fit-teknoloġija, jindirizzaw l-isfidi tal-innovazzjoni, kif ukoll jiffaċilitaw it-trasferiment tar-riżultati tar-riċerka għall-industrija.

Il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-investiment tagħha fir-riċerka u fl-innovazzjoni matul Orizzont 2020, u se tintegra l-IA fis-suġġetti kollha fejn il-benefiċċju tagħha jista’ jiġi żviluppat jew sfruttat. Pereżempju, se jkun meħtieġ li finanzjament sostanzjali jiġi allokat lill-IA għal skopijiet ta’ sigurtà, jiġifieri, fuq naħa waħda, biex jiġi prevenut l-użu malizzjuż tat-teknoloġiji tal-IA utilizzati minn atturi b’intenzjoni ħażina għal attivitajiet kriminali jew għat-terroriżmu, u min-naħa l-oħra biex l-għodod u s-soluzzjonijiet tal-IA jintużaw b’appoġġ aħjar għall-aġenziji tal-infurzar tal-liġi biex jipprevjenu, jiskopru u jinvestigaw l-attivitajiet kriminali u t-terroriżmu 26 .

Għall-IA magħmula fl-Ewropa, prinċipju importanti se jkun l-“etika bid-disinn” fejn il-prinċipji etiċi u legali, fuq il-bażi tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, għall-konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni u l-assenza ta’ kwalunkwe preġudizzju tad-data, jiġu implimentati sa mill-bidu tal-proċess tad-disinn. Meta niddefinixxu r-rekwiżiti operazzjonali, huwa importanti wkoll li jittieħed kont tal-interazzjonijiet bejn il-bniedem u s-sistemi tal-IA. Il-Kummissjoni se tesplora kif għandha tiddaħħal l-“etika bid-disinn” f’sejħiet rilevanti għal proposti fl-ambitu tal-programm ta’ riċerka.

Prinċipju ewlieni ieħor se jkun is-“sigurtà permezz tad-disinn”, fejn iċ-ċibersigurtà, il-protezzjoni tal-vittmi u l-iffaċilitar tal-attivitajiet tal-infurzar tal-liġi għandhom jiġu kkunsidrati mill-bidu tal-proċess tad-disinn.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se taħdem lejn it-tisħiħ taċ-ċentri ta’ eċċellenza Ewropej tal-IA, se tistabbilixxi faċilitajiet tal-ittestjar ta’ referenza dinjija u se taċċellera l-użu tal-IA permezz ta’ Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali, filwaqt li tiżgura li l-Ewropa tibbenefika mir-riżultati tal-attivitajiet ta’ riċerka.

Il-Kummissjoni se żżomm bilanċ ġeografiku fl-isforzi tagħha biex issaħħaħ iċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali u se tħeġġeġ il-kopertura ġeografika fin-netwerks taċ-ċentri ta’ eċċellenza u fil-faċilitajiet tal-ittestjar u se tħeġġeġ li jkun hemm kumplementarjetà mal-investimenti tal-Politika ta’ Koeżjoni. Filwaqt li l-Ewropa bla dubju għandha punti b’saħħithom bil-bosta ċentri ta’ riċerka minn ta’ quddiem nett, huwa essenzjali li l-isforzi jiġu kkombinati biex ikunu kompetittivi fil-livell dinji. L-Ewropa se żżid il-kapaċitajiet ta’ riċerka nazzjonali u se tilħaq massa kritika permezz ta’ netwerks aktar stretti ta’ ċentri ta’ riċerka ta’ eċċellenza Ewropej tal-IA 27 . L-għan huwa li titrawwem il-kooperazzjoni fost l-aħjar gruppi ta’ riċerka fl-Ewropa, li jingħaqdu flimkien biex jiġu indirizzati b’mod aktar effiċjenti l-isfidi xjentifiċi u teknoloġiċi kbar fl-IA u ħalli l-industrija tiġi mmobilizzata biex tiġi integrata f’sinerġiji u biex jinstabu sinerġiji mat-timijiet ta’ riċerka.

Nistabbilixxu faċilitajiet tal-ittestjar ta’ referenza dinjija 28 : Pass importanti biex inwasslu t-teknoloġija lejn is-suq għandu x’jaqsam mal-esperimentazzjoni u mal-ittestjar ta’ teknoloġija avvanzata f’ambjenti tad-dinja reali. Sabiex jiġi ottimizzat l-investiment u jiġu evitati d-duplikazzjoni jew l-isforzi li jikkompetu ma’ xulxin, numru limitat ta’ siti ta’ referenza fuq skala kbira speċjalizzati fl-IA għandhom jiġu żviluppati u jinfetħu għall-atturi kollha madwar l-Ewropa.

Eżempji ta’ tali faċilitajiet tal-ittestjar jinkludu l-ittestjar transfruntiera tas-sewqan konness u awtonomu, is-siti tat-testijiet tat-tbaħħir awtonomu u l-ħolqien ta’ spazji tad-data. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jidentifikaw il-ħtieġa għal faċilitajiet ta’ ttestjar ġodda fuq skala kbira għall-aħħar teknoloġiji tal-IA f’oqsma ewlenin bħalma huma l-mobbiltà, il-kura tas-saħħa, il-manifattura, l-ikel agrikolu jew is-sigurtà. Dawn il-faċilitajiet tal-ittestjar jistgħu jinkludu sandboxes regolatorji (jiġifieri oqsma fejn ir-regolamentazzjoni hija limitata jew favorevoli għall-ittestjar ta’ prodotti u ta’ servizzi ġodda) f’oqsma magħżula fejn il-liġi tagħti biżżejjed flessibbiltà lill-awtoritajiet regolatorji, u tirrilassa r-rekwiżiti legali u regolatorji speċifiċi matul il-perjodu tas-sandbox.

L-aċċellerazzjoni tal-użu tal-IA permezz ta’ Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali: Se jkun daqstant importanti wkoll li jitrawwem l-użu tal-IA fl-ekonomija usa’, b’mod partikolari mill-SMEs. Dan jinkludi li nittrażmettu l-għarfien u l-avvanzi xjentifiċi ġġenerati fiċ-ċentri ta’ eċċellenza tar-riċerka Ewropea fl-IA kif ukoll fit-teknoloġiji vvalidati fil-faċilitajiet tal-ittestjar imsemmija hawn fuq. Iċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali (DIH) jistgħu jgħinu biex jiżguraw li kull kumpannija, żgħira jew kbira, ta’ teknoloġija għolja jew le, kif ukoll is-settur pubbliku, jistgħu jaħtfu l-opportunitajiet diġitali. Bl-universitajiet tekniċi jew organizzazzjonijiet ta’ riċerka fil-qalba, id-DIH jaġixxu bħala punt ta’ waqfa waħda fejn il-kumpaniji u s-settur pubbliku jistgħu jiksbu aċċess għal teknoloġija, ittestjar u appoġġ tekniku, pariri dwar il-finanzjament, tagħrif dwar is-suq u opportunitajiet ta’ netwerking. B’mod aktar speċifiku, fil-qasam tal-IA, id-DIH jistgħu jgħinu l-SMEs u l-amministrazzjonijiet pubbliċi jidentifikaw is-settijiet tad-data, jiżviluppaw l-algoritmi, u jħarrġu l-IA jistgħu jagħmlu konnessjoni ma’ faċilitajiet tal-informatika li jibnu fuq pjattaforma tal-“IA disponibbli meta tridha”. Dawn jistgħu jgħinu biex jitħarrġu l-professjonisti minn SMEs fl-użu ta’ soluzzjonijiet tal-Ia u jagħtu pariri dwar l-appoġġ finanzjarju eżistenti. Huma konnessi kemm maċ-ċentri ta’ eċċellenza fir-riċerka kif ukoll mal-faċilitajiet disponibbli tal-ittestjar.

Bl-istess mod, in-nodi attwali ta’ ħdax-il Komunità ta’ Għarfien u Innovazzjoni Diġitali tal-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija u l-Innovazzjoni jlaqqgħu flimkien atturi prominenti fis-setturi diġitali f’reġjuni fil-mira.

i) It-tisħiħ tal-eċċellenza fir-riċerka permezz ta’ netwerks ta’ ċentri Ewropej ta’ eċċellenza fir-riċerka tal-IA: 

üFl-2019, l-Istati Membri ser ifasslu mappa taċ-ċentri nazzjonali ta’ eċċellenza fir-riċerka dwar l-IA u l-kompetenzi tagħhom u jkopmplu jappoġġaw il-kooperazzjoni u n-netwerking tagħhom madwar l-UE permezz ta’ programmi nazzjonali.

üIl-Kummissjoni qed tippjana li tiffinanzja netwerk ta’ ċentri ta’ eċċellenza fir-riċerka tal-IA b’EUR 50 miljun fl-2020 permezz ta’ Orizzont 2020, tappoġġa riċerka kollaborattiva li tindirizza l-isfidi industrijali u xjentifiku identifikati minn dawn in-netwerks f’aġendi konġunti ta’ riċerka.

üL-Istati Membri huma mħeġġa jimmobilizzaw lill-industrija tagħhom ħalli tintegra fi jew tiżviluppa sinerġiji ma’ netwerks ta’ ċentri ta’ eċċellenza fir-riċerka tal-IA.

(ii) Nistabbilixxu faċilitajiet tal-ittestjar ta’ referenza dinjija

üFl-2018-20, l-Istati Membri u l-Kummissjoni ser:

üJibnu fuq l-ewwel sett ta’ kurituri transkonfinali 5G għal sewqan awtonomu u konness 29 , b'appoġġ għal kurituri tal-ittestjar addizzjonali b’sa EUR 30 miljun fl-2020 permezz ta’ Orizzont 2020.

üJaħdmu fuq l-iżvilupp ta’ pjattaformi u proġetti pilota fuq skala kbira li jintegraw l-elementi tal-IA f’oqsma bħall-enerġija, il-kura tas-saħħa, il-manifattura, il-ġeoinformazzjoni u l-agrikoltura. Għall-perjodu 2019-20, il-Kummissjoni ser tagħmel disponibbli EUR 160 miljun minn Orizzont 2020.

üFl-2019 u l-2020, taħt l-Impriża Konġunta ECSEL 30 , l-IA u l-analitika tad-data se jiġu integrati f’inizjattivi ta’ dimostrazzjoni fil-manifattura, il-mobilità u l-mediċina personalizzata, b’baġit totali ta’ madwar EUR 200 miljun, minn komponenti sa sistemi sħaħ.

B’kollox, il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli madwar EUR 390 miljun fl-iżvilupp ta’ pjattaformi u proġetti pilota fuq skala kbira fil-perjodu 2019-20; huwa mistenni li dan l-investiment ikun imqabbel ma’ kważi EUR 200 miljun mill-Istati Membri, u EUR 550 miljun mis-settur privat.

 Wara l-2020,

üTaħt il-Programm Ewropa Diġitali, il-Kummissjoni qed tippjana li tagħmel disponibbli madwar EUR 1.5 biljun biex tistabbilixxi siti tal-ittestjar u l-esperimentazzjoni minn ta’ quddiem nett fid-dinja għal prodotti u servizzi mqawwija bl-IA madwar l-Ewropa. Dawn is-siti tat-testijiet se jiġi identifikat u żviluppati b’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri fl-2019, li se jipprovdi analiżi tax-xejriet ta’ siti tat-testijiet nazzjonali eżistenti u se jkopri l-komponenti kollha tal-katina tal-provvista mill-IA (informatika newromorfika u t-teknoloġiji quantum) sa applikazzjonijiet integrati f’oqsma bħas-saħħa, il-mobbiltà, l-enerġija, is-sigurtà, is-sikurezza u l-produzzjoni industrijali.

üL-Istati Membri se jiġu inkoraġġuti biex iqabblu l-investimenti fil-Programm Ewropa Diġitali sabiex volum ta’ investiment globali ta’ EUR 3 biljun ikun disponibbli. L-użu ta’ sorsi oħra ta’ finanzjament, bħall-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, se jkun imħeġġeġ wkoll.

(iii) L-aċċellerazzjoni tal-adozzjoni tal-IA permezz ta’ Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali (DIH)

üFl-2019, l-Istati Membri huma mistiedna jsaħħu n-netwerks tagħhom ta’ Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali b’fokus fuq l-appoġġ għall-komunitajiet lokali tagħhom tal-SMEs fit-trasformazzjoni diġitali. L-Istati Membri se jintalbu jidentifikaw id-DIH li jkollhom kompetenza tal-IA. 

üFl-2019 u fl-2020 il-Kummissjoni se tagħmel disponibbli aktar minn EUR 100 miljun għaċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali f’oqsma magħżula rilevanti għall-IA (il-Big Data, il-Manifattura Intelliġenti). Dan jinkludi attivitajiet għal reġjuni fejn attwalment jeżistu ftit Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali, bħal fil-pajjiżi tal-EU-13.

üBarra minn hekk, l-attivitajiet tal-Istitut Ewropew tat-Teknoloġija (EIT) se jikkontribwixxu għall-adozzjoni tal-IA mis-settur pubbliku u dak privat. Bejn l-2018 u l-2020, l-Unjoni se tinvesti f’attivitajiet li jappoġġaw lill-EIT Digital u n-netwerk tiegħu ta’ nodi madwar l-Unjoni. Dan l-investiment se jiffoka fuq it-trasformazzjoni diġitali tal-industriji, l-ibliet, is-saħħa, l-infrastruttura, u l-finanzi, notevolment biex jadattaw għall-opportunitajiet offruti mill-IA.

üLil hinn mill-2020, ġie propost finanzjament mill-Programm Ewropa Diġitali biex jikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali f’kull Stat Membru biex jiżgura rappreżentazzjoni ġeografika wiesgħa (possibbilment flimkien ma’ wieħed f’kull reġjun NUTS2 31 , bħala medja). Huwa previst li l-Unjoni se tipprovdi sa EUR 900 miljun biex tappoġġa l-iżvilupp ta’ dawn iċ-ċentri, ammont li jrid jiġi akkumpanjat minn ammonti simili mill-Istati Membri. Orizzont Ewropa mistenni jippermetti liċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali jinvolvu ruħhom aktar f’esperimenti tat-trasformazzjoni diġitali u se jappoġġa sa 10 000 SME madwar l-Ewropa.

D.Il-ħiliet u l-apprendiment tul il-ħajja

It-talent huwa ingredjent essenzjali għall-IA li jrid jiġi żviluppat u jintuża. L-IA u d-diġitalizzazzjoni qed jittrasformaw b’mod rapidu lis-soċjetà u lill-ekonomija b’mod ġenerali, inkluż l-ambjent tax-xogħol. Fl-Ewropa, hemm lakuna sinifikanti u persistenti fil-ħiliet tal-ICT. Id-domanda għal ħiliet f’oqsma emerġenti bħall-IA hija partikolarment akuta u l-problema qed tikber peress li l-offerta għadha lura fis-suq. Kważi l-Istati Membri kollha qed jiffaċċjaw nuqqas ta’ professjonisti tal-ICT, inkluż fil-qasam tal-IA 32 . L-offerta attwali ta’ programmi speċjalizzati ta’ edukazzjoni għolja hija limitata u mhux daqstant disponibbli fl-Istati Membri kollha 33 . 

L-għarfien tekniku ġenerali fqir fil-popolazzjoni ġenerali jfixkel l-aċċessibbiltà u l-użu ta’ soluzzjonijiet imsejsa fuq l-IA. L-aċċess għall-ħiliet neċessarji għandu jitrawwem fl-iskejjel primarji u sekondarji, għalkemm it-taħriġ tal-għalliema jibqa’ sfida importanti. Il-programmi rapidi ta’ taħriġ mill-ġdid jeħtieġ li jiġu mfassla sabiex jippermettu lill-popolazzjoni tikseb esperjenza fl-IA. It-teknoloġija bħal Korsijiet onlajn Miftuħa Massivi (MOOCs) tista’ tintuża biex iżżid l-apprendiment. Is-suġġett tal-IA jeħtieġ isir parti mill-programmi ta’ studju mhux tekniċi permezz tal-edukazzjoni formali u informali, sabiex jipprovdu lill-forza tax-xogħol futura bl-għarfien meħtieġ biex topera u tinnaviga f’ambjent tax-xogħol fejn l-IA se tkun parti mill-kompiti ta’ kuljum.

Minbarra l-ħiliet fl-ICT, ħiliet oħrajn huma ugwalment importanti għal żvilupp tal-IA iċċentrat fuq il-bniedem. L-etika u ħiliet mhux STEM oħra huma ugwalment importanti u għandhom ikunu parti mill-kapitolu tat-trawwim tat-talenti tal-istrateġiji nazzjonali u internazzjonali tal-IA. Barra minn hekk, il-ksib u ż-żieda tal-ħiliet għandhom ikunu akkumpanjati bil-modernizzazzjoni tal-politiki tas-suq tax-xogħol u dawk soċjali sabiex ikunu jistgħu jlaħħqu aħjar mat-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol aktar frekwenti.

Id-diffikultajiet biex jiġi attirat u jinżamm it-talent fl-Ewropa jikkontribwixxu għal-lakuna fil-ħiliet. Ir-riċerkaturi b’talent u n-negozji ġodda promettenti ta’ spiss jirċievu offerti attraenti minn bnadi oħra tad-dinja. Fl-2017, 38 % tal-popolazzjoni ta’ Silicon Valley kienu barranin li daħlu fl-Istati Uniti biex jimlew impjieg speċifiku fl-industrija tat-teknoloġija, u 8 % minnhom kienu Ewropej 34 . L-azzjoni hija partikolarment meħtieġa biex jiġi attirat u jinżamm l-aqwa talent fl-Ewropa u biex jinħoloq ambjent kompetittiv. Kooperazzjoni eqreb mal-industrija tgħin biex tkun żgurata r-rilevanza tal-kontenut tal-apprendiment għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol.

Il-Kummissjoni adottat Pjan ta’ Azzjoni tal-Edukazzjoni Diġitali 35 biex tappoġġa l-użu tat-teknoloġija u l-iżvilupp tal-kompetenzi diġitali fl-edukazzjoni. Kif imħabbar fil-Komunikazzjoni ta’ April, l-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija (EIT) jinsab fil-proċess li jintegra l-IA fil-kurrikuli tal-korsijiet tal-edukazzjoni li jappoġġa, fil-livelli tal-Masters u tal-PhD, u l-proġett pilota ta’ Traineeships għal Opportunità Diġitali (2018-20) 36 jagħmel disponibbli apprendistati f’ħiliet diġitali avvanzati għal studenti tal-Erasmus. Il-Blueprint tal-kooperazzjoni settorjali dwar il-ħiliet tappoġġa l-iżvilupp ta’ strateġiji settorjali biex tindirizza d-distakki fil-ħiliet 37 , u ttejjeb l-approċċi multidixxiplinarji billi tintegra elementi tal-IA f’dixxiplini oħra.

Ir-rikonoxximent reċiproku taċ-ċertifikazzjoni, inkluż għal studji f’dixxiplini ġodda bħall-IA, huwa importanti. F'Mejju 2018, il-Kummissjoni għamlet proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill 38 dwar il-promozzjoni tar-rikonoxximent reċiproku awtomatiku tad-diplomi tal-edukazzjoni għolja u tal-edukazzjoni sekondarja għolja u tal-eżiti tal-perjodi ta’ apprendiment barra mill-pajjiż. Il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tistieden lill-Istati Membri jieħdu impenn politiku sabiex jieħdu passi biex jintroduċu r-rikonoxximent awtomatiku sal-2025.

It-talent, il-ħiliet u l-apprendiment tul il-ħajja

üIl-ħiliet u l-edukazzjoni huma oqsma fil-parti l-kbira tagħhom ta’ kompetenza nazzjonali u xi drabi reġjonali. Madankollu, l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni hija importanti sabiex nikkondividu l-esperjenzi u naħtfu l-opportunitajiet komuni.

üL-Istati Membri huma mħeġġa:

üJikkondividu l-aħjar prattiki dwar (i) kif tissaħħaħ l-eċċellenza u jinżamm it-talent fl-IA fl-Ewropa u (ii) dwar il-ksib u ż-żieda ta’ ħiliet tal-forza tax-xogħol attwali (fl-2019).

üJiskambjaw l-aħjar prattiki dwar kif jagħmlu użu sħiħ mill-possibbiltajiet offruti mis-sistema tal-Karta Blu tal-UE biex jattiraw u jżommu l-professjonisti tal-IA bi kwalifiki għoljin fl-UE u biex jaċċelleraw l-implimentazzjoni tagħha u dwar kif tiġi ffaċilitata l-imprenditorija marbuta mal-IA (sa tmiem l-2019).

üJinkludu d-dimensjoni tal-ħiliet fl-istrateġiji nazzjonali tal-IA (sa nofs l-2019) u jimmappjaw l-offerta tal-edukazzjoni nazzjonali, il-ħiliet meħtieġa (l-IA trid tkun parti minn/integrata wkoll f’dixxiplini oħra bħal-liġi, ix-xjenzi umani, l-ambjent, is-saħħa) u l-prijoritajiet ta’ taħriġ għall-IA, b’attenzjoni partikolari għall-inklużjoni u biex jiġu attirati iktar nisa fl-istudji tal-IA (sal-aħħar tal-2020). L-istrateġiji għandhom jindirizzaw iċ-ċiklu sħiħ tal-edukazzjoni formali, it-taħriġ vokazzjonali, l-edukazzjoni għolja u l-postdottorati. Fl-istess ħin, għandha tingħata aktar enfasi fuq l-apprendiment tul il-ħajja, biex jippermetti lin-nies li diġà qegħdin fl-impjieg jiksbu u jtejbu l-ħiliet tagħhom relatati mal-IA.

üJesploraw kif l-IA tista’ tiġi inkorporata fil-kurrikuli tal-programmi tal-edukazzjoni sekondarja u terzjarja, inkluż it-taħriġ vokazzjonali. Il-Kummissjoni se toħroġ rapport bl-appoġġ tal-Istati Membri dwar dan sa kmieni fl-2020 u se tappoġġa azzjonijiet mudell f’reġjuni magħżula.

üil-Kummissjoni se: 

üTinkludi komponent ta’ programmi komuni ta’ PhD u ta’ programmi komuni post-PhD fis-sejħa għat-tisħiħ taċ-ċentri ta’ eċċellenza fir-riċerka tal-IA fl-2020 b’enfasi fuq l-isfidi industrijali. L-ambizzjoni hija li tiġi stabbilita marka unika u rikonuxxuta madwar id-dinja għal programm Ewropew ta’ PhDs orjentati lejn l-industrija fl-IA u li r-riċerkaturi jinżammu fl-Ewropa wara li jlestu l-PhDs tagħhom. L-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie 39 se jikkontribwixxu għal dan l-objettiv.

üTesplora modi biex tappoġġa l-inklużjoni ta’ moduli tal-IA fi programmi Masters multidixxiplinarji (eż. is-saħħa elettronika, il-gvern elettroniku, it-teknoloġija finanzjarja) u fi programmi ta’ taħriġ għall-adulti b’fokus fuq in-nies b’livell ogħla ta’ edukazzjoni u b’iktar esperjenza ta’ xogħol.

üL-Istati Membri u l-Kummissjoni se jaħdmu flimkien u se jiżviluppaw materjal li jrid jintuża f’kampanji ta’ sensibilizzazzjoni dwar il-benefiċċji tal-IA.

üLil hinn mill-2020 il-Kummissjoni tipproponi li l-Unjoni tipprovdi total ta’ EUR 700 miljun biex tappoġġa l-ħiliet avvanzati (għall-IA, l-HPC u ċ-ċibersigurtà) bħala parti mill-Programm Ewropa Diġitali permezz ta’

ülawrji tal-Masters,

üTaħriġ fuq il-post tax-xogħol u traineeships għal żgħażagħ u għal professjonisti li jeħtieġu li jiksbu l-esperjenza

üTaħriġ għal żmien qasir għall-ħaddiema sabiex dawn isiru midħla tal-IA.

üL-integrazzjoni tal-prinċipji etiċi żviluppati mill-Unjoni fl-iskemi ta’ taħriġ u fil-programmi proposti hawn fuq.

E.Id-data: il-pedament tal-IA – Il-ħolqien ta’ Spazju Komuni Ewropew tad-Data

L-espansjoni attwali tal-IA hija xprunata permezz tad-disponibbiltà ta’ settijiet ta’ data kbar flimkien ma’ żidiet fil-qawwa tal-informatika u fil-konnettività. Id-disponibbiltà ta’ data sigura, soda u ta’ kwalità għal firxa wiesgħa ta’ utenti transfruntiera hija pedament tal-politika Ewropea. Il-ftuħ għall-flussi ta’ data internazzjonali se jkompli jiġi żgurat b’rispett sħiħ tar-regoli tal-UE għall-protezzjoni tad-data personali u b’konformità mal-istrumenti legali applikabbli, inklużi l-ftehimiet ta’ kummerċ ħieles li l-UE tikkonkludi ma’ sħabha u s-sejbiet ta’ adegwatezza tal-Kummissjoni fir-rigward tal-livell ta’ protezzjoni tad-data personali f’pajjiżi terzi. L-implimentazzjoni sħiħa ta’ leġiżlazzjoni settorjali, it-titjib tal-aċċess u l-użu mill-ġdid tal-informazzjoni (eż. id-Direttiva INSPIRE 40 ) se jipprovdu d-data speċifika skont id-dominju meħtieġa biex tappoġġa applikazzjonijiet tal-IA b’saħħithom għas-settur pubbliku, għal finijiet analitiċi jew ta’ monitoraġġ tal-politiki 41 .

Meta tiġi pproċessata data relatata ma’ individwi, ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) jistabbilixxi r-regoli applikabbli għall-ġbir, għall-użu u għall-kondiviżjoni ta’ din id-data personali. Barra minn hekk, ir-Regolament adottat reċentement dwar il-fluss liberu tad-data mhux personali jkompli jiffaċilita l-flussi ta’ data transfruntiera madwar l-Unjoni bħala pedament tas-Suq Uniku Diġitali. Se tingħata wkoll kunsiderazzjoni biex is-soluzzjonijiet ibbażati fuq blockchain u li jirrispettaw il-privatezza u l-GDPR bis-sħiħ jikkondividu u jagħtu aċċess għad-data. Ir-regoli proposti 42 dwar il-prattiki kummerċjali bejn is-servizzi intermedjarji onlajn bħal postijiet tas-suq, l-app stores, jew il-pjattaformi ta’ prenotazzjoni tal-akkomodazzjoni, jistabbilixxu l-kundizzjonijiet għall-użu prevedibbli u trasparenti tad-data fost is-servizzi tal-ospitar u l-utenti kummerċjali tagħhom. Dawn il-miżuri huma maħsuba biex ikun hemm aktar ġustizzja u fiduċja fir-relazzjonijiet kummerċjali kif ukoll użu siewi tad-data fl-ekosistemi tal-pjattaformi onlajn.

Hija meħtieġa azzjoni biex tiffaċilita l-kondiviżjoni tad-data miżmuma mis-settur pubbliku u dak privat billi jinħoloq Spazju tad-Data Ewropew 43 komuni: qasam diġitali bla xkiel fuq skala li tippermetti l-iżvilupp ta’ prodotti u ta’ servizzi ġodda bbażati fuq id-data. B’mod partikolari, id-data ġġenerata u miżmuma mis-settur pubbliku ħafna drabi tkun ta’ kwalità għolja ħafna u tikkostitwixxi vantaġġ kbir għall-innovaturi u għan-negozji Ewropej.

Għal aktar użu, id-data fi spazju jeħtieġ li ssir interoperabbli kemm jista’ jkun, speċjalment billi jkun hemm qbil dwar formati ta’ data li jkunu miftuħa, FAIR, jistgħu jinqraw mill-magna, standardizzati u dokumentati, kemm fl-interazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat, fis-setturi u minn settur għall-ieħor 44 .

Id-Direttiva dwar l-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku (ISP) 45 tistabbilixxi l-qafas għall-użu mill-ġdid ta’ tali data min-negozji. L-azzjonijiet għandhom jiffokaw biex is-settijiet tad-data jsiru aktar faċilment aċċessibbli fil-prattika, b’mod partikolari għan-negozji l-ġodda u għall-SMEs, filwaqt li jiffaċilitaw l-aggregazzjoni. It-tfassil u l-implimentazzjoni ta’ formati tad-data u tal-metadata interoperabbli kif ukoll l-iskjerament ta’ Interfaċċji tal-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet (APIs) standardizzati bbażati fuq il-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà (EIF) 46 huma ta’ importanza partikolari.

Dawn l-azzjonijiet se jikkumplementaw l-isforzi mill-Istati Membri biex jippromwovu l-aċċessibbiltà, l-interoperabbiltà u l-użu mill-ġdid tad-data fis-setturi ta’ rilevanza kbira għall-IA, bħas-saħħa 47 , (ara l-punti hawn taħt), l-ambjent, il-mobbiltà, is-sigurtà, il-migrazzjoni, il-bijoekonomija ċirkolari u sostenibbli u s-sistemi tal-ikel.

Id-data 

L-IA għal oqsma ta’ interess pubbliku: L-Istati Membri huma mħeġġa jikkooperaw mal-Kummissjoni biex:

üJidentifikaw settijiet ta’ data pubblika li b’mod aktar miftuħ ikunu jistgħu jerġgħu jintużaw madwar l-Unjoni, speċjalment dawk adattati għall-applikazzjonijiet tat-taħriġ fl-IA. Dan jista’ jkun appoġġat minn mandat biex tiġi stabbilita lista ta’ settijiet ta’ data b’valur għoli kif previst mill-proposta ta’ riformulazzjoni tad-Direttiva dwar l-Informazzjoni tas-Settur Pubbliku, li qed tiġi nnegozjata attwalment.

üJinvestu flimkien fl-għodod neċessarji biex jiffaċilitaw l-aċċess, il-konnettività, l-interoperabbiltà u l-aggregazzjoni tad-data pubblika inkluż l-iżvilupp tal-Interfaċċi rilevanti tal-Ipprogrammar tal-Applikazzjonijiet (APIs) għall-aċċess għad-data ta’ natura dinamika. L-azzjoni se tappoġġa d-definizzjoni u l-applikazzjoni ta’ standards tad-data u tal-metadata b’kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati rilevanti (eż. il-korpi ta’ standardizzazzjoni Ewropej). Il-Kummissjoni qed tippjana li tagħmel disponibbli sa EUR 100 miljun minn Orizzont 2020 (H2020) u mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF).

üJappoġġaw l-iżvilupp u l-operazzjonijiet ta’ infrastruttura tad-data biex jippermettu l-ġestjoni u l-kondiviżjoni tad-data f’ħin reali u l-esperimentazzjoni permezz ta’ sandbox ta’ servizzi mħaddma bl-IA u xprunati bid-data, għall-gvernijiet u għall-amministrazzjonijiet pubbliċi inġenerali, inkluż għal sistemi siguri transfruntiera trans-Ewropej tal-IT. Dawn is-servizzi huma pprovduti permezz tal-infrastruttura tas-servizz tad-Data Miftuħa Pubblika ffinanzjata fl-ambitu tas-CEF, li diġà tappoġġa l-iskjerament tal-Portal Ewropew tad-Data 48 għall-iffaċilitar tal-iskoperta u tal-aċċess għall-assi tad-data pubblika Ewropea, inklużi dawk mill-inizjattivi tad-Data Miftuħa tal-Istati Membri fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.

üJiżguraw aktar żvilupp tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa bħala vantaġġ ewlieni għall-aħjar użu tal-IA fix-xjenza u fit-teknoloġija u f’applikazzjonijiet li jvarjaw mill-mediċina avvanzata sal-ambjent u t-tibdil fil-klima. Dan jinkludi taħriġ u ttestjar ta’ algoritmi relatati mad-data biex jiġu mmassimizzati l-benefiċċji tad-Data Miftuħa.

üJappoġġaw l-iżvilupp ta’ soluzzjonijiet siguri bbażati fuq blockchain u oħrajn għall-għoti ta’ aċċess għad-data u għall-iżgurar tal-integrità tad-data. Il-Kummissjoni qed tippjana li tagħmel disponibbli EUR 27 miljun fil-qafas ta’ Orizzont 2020 f’dan il-qasam.

üIs-saħħa hija partikolarment f’pożizzjoni tajba biex tibbenefika mill-IA. L-informazzjoni dwar il-pazjent, ir-rekords mediċi, ir-riżultati dijanjostiċi, u l-istudji kliniċi huma biss ftit mis-sorsi ta’ data disponibbli fil-kura tas-saħħa. Il-Kummissjoni tipproponi, bħala kwistjoni ta’ prijorità, li nikkonċentraw fuq żewġ proġetti kbar:

(I)Wara l-impenji li ttieħdu minn 19-il Stat Membru lejn il-bini ta’ koorti ta’ riċerka ta’ mill-inqas miljun (1) ġenoma sekwenzata aċċessibbli fl-UE sal-2022 49 , il-Kummissjoni se tappoġġa inizjattiva ta’ konnessjoni bejn ir-repożitorji ġenomiċi. Il-Kummissjoni se tappoġġa wkoll it-tiswir ta’ reġistri ta’ mard rari. Il-konformità u l-interoperabbiltà organizzattivi, regolatorji, tas-sigurtà, etiċi u tekniċi se jkunu kkunsidrati kif xieraq. Dan se jkun strumentali biex jippermetti li jiġu studjati, żviluppati u ppruvati t-teknoloġiji tal-IA bil-ħsieb li jiġi identifikat għarfien ġdid u li jiġu appoġġati r-riċerka klinika u t-teħid ta’ deċiżjonijiet.

(II)Fl-2020, il-Kummissjoni se tappoġġa – b’koordinazzjoni mal-Istati Membri – l-iżvilupp ta’ bażi tad-data komuni ta’ immaġnijiet tas-saħħa inizjalment iddedikat għall-aktar forom komuni ta’ kanċer (anonimizzat, u bbażat fuq għoti tad-data mill-pazjenti). Il-ħidma trid tissodisfa l-ħtiġijiet organizzattivi, regolatorji, tas-sigurtà, etiċi u tekniċi kollha. Dan se jkun ikkombinat ma’ għodod rilevanti tal-IA li jtejbu d-dijanjożi, it-trattament u s-segwitu.

B’mod ġenerali, il-kontribuzzjoni inizjali tal-UE għal dawn l-inizjattivi se tkun ta’ madwar EUR 35 miljun mill-programm Orizzont 2020. L-Istati Membri huma mħeġġa li jinvestu ammont ugwali għal dan.

Dawn l-inizjattivi u l-investimenti se jkunu bażi għal spazju tad-data komuni tas-saħħa fuq skala akbar b’appoġġ possibbli, li jibda fl-2021, mill-Programm Ewropa Diġitali.

üĠeoinformazzjoni/Osservazzjoni tad-Dinja: Il-Programm Copernicus tal-UE huwa l-akbar fornitur dinji ta’ informazzjoni ta’ monitoraġġ u ta’ osservazzjoni tad-dinja. Copernicus adotta politika tad-data miftuħa, kompleta u bla ħlas u vara Servizzi ta’ Aċċess għad-Data u l-Informazzjoni (DIAS) avvanzati, li jikkollokaw ammont kbir ta’ data strutturata u ta’ kapaċitajiet ta’ informatika. Waqt li tibni fuq dan, il-Kummissjoni tipproponi li tiżviluppa u tuża l-kapaċitajiet tal-IA permezz tad-data u tal-infrastrutturi ta’ Copernicus biex trawwem servizzi bbażati fuq ġeolokalizzazzjoni għall-klima, l-agrikoltura, il-kwalità tal-arja, l-emissjonijiet, l-ambjent tal-baħar, il-ġestjoni tal-ilma, is-sigurtà, il-monitoraġġ tal-migrazzjoni u x-xjenza taċ-ċittadini 50 . Se tniedi wkoll inizjattivi biex tappoġġa l-isfruttament ta’ data u ta’ informazzjoni tal-osservazzjoni tad-dinja mħaddma bl-IA fis-settur pubbliku u dak privat.

üData lingwistika: Ir-riżorsi lingwistiċi tal-Kummissjoni li jintużaw għall-varar tat-traduzzjoni awtomatizzata u għas-servizzi tal-ipproċessar tal-lingwa naturali abilitati permezz tal-IA huma fost l-aktar settijiet tad-data li tniżżlu mill-Portal tad-Data Ewropew. Biex tkompli ttejjeb tali servizzi, il-Kummissjoni qed tippjana li tagħmel disponibbli ammont addizzjonali ta’ EUR 10 miljun mill-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa ħalli tiġbor aktar riżorsi lingwistiċi għal-lingwi inqas rappreżentati fuq il-web.

Il-pjattaformi tad-data industrijali: Il-Kummissjoni diġà bdiet azzjonijiet ta’ Riċerka u ta’ Żvilupp fuq pjattaformi għall-kondiviżjoni sigura u kkontrollata ta’ data proprjetarja fl-ambitu ta’ Orizzont 2020 inklużi spazji tad-data industrijali u spazji tad-data personali 51 . Abbażi tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Lejn spazju tad-data komuni Ewropew” 52 , ġie ppubblikat sett ta’ linji gwida 53 bl-għan li jipprovdu sett ta’ għodod għall-kondiviżjoni tad-data mid-detenturi, mill-utenti, jew mit-tnejn li huma. Waqt li tibni fuq dan, il-Kummissjoni se:

üFl-2019, se tappoġġa pjattaformi industrijali diġitali strateġiċi tal-ġenerazzjoni li jmiss permezz ta’ proġetti ta’ federazzjoni fuq skala kbira b’investiment ta’ EUR 50 miljun mill-programm Orizzont 2020.

üL-Istati Membri huma mħeġġa jikkollegaw l-investimenti nazzjonali eżistenti u ppjanati fi pjattaformi b’attivitajiet fil-livell tal-UE sabiex jiġu żgurati t-tkabbir u l-interoperabbiltà.

üLil hinn mill-2020, il-Kummissjoni tipproponi li l-Unjoni tikkoinvesti mal-Istati Membri u mas-settur privat fil-ħolqien ta’ Spazju komuni tad-Data Ewropew li jrendi d-data faċilment disponibbli għall-użu mill-ġdid mill-innovaturi, min-negozji u mis-settur pubbliku sa EUR 1 biljun permezz tal-Programm Ewropa Diġitali, bħala parti mit-taqsima tal-IA tiegħu.

üSe tingħata attenzjoni partikolari lill-iżvilupp ta’ ekosistemi lokali fil-livelli reġjonali u subreġjonali li jiġbru flimkien lin-negozji u lill-SMEs lokali, lill-amministrazzjonijiet pubbliċi, liċ-ċentri tat-taħriġ, liċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Diġitali u lill-infrastrutturi tat-teknoloġija li jiżviluppaw u li jikkondividu algoritmi mħarrġa b’data lokali ta’ kwalità għolja biex jiġu indirizzati l-problemi lokali. B’dan il-mod it-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ jiġu marbuta ma’ spazji tad-data lokali biex titrawwem l-innovazzjoni.

Ċentru ta’ appoġġ għall-kondiviżjoni tad-data: Sa nofs l-2019 il-Kummissjoni se tniedi Ċentru ta’ Appoġġ għall-kondiviżjoni tad-data, biex jipproponi kuntratti mudell għall-kondiviżjoni tad-data tas-settur privat, u jipprovdi l-pariri prattiċi, l-aħjar prattiki u l-metodoloġiji għall-kondiviżjoni tad-data u l-analitika tad-data lill-atturi Ewropej kollha fl-ekonomija tad-data.

L-inizjattiva Ewropea ta’ Informatika ta’ Prestazzjoni Għolja (EuroHPC): Il-Kummissjoni u l-Istati Membri se jaħdmu flimkien fuq l-implimentazzjoni f’waqtha tal-inizjattiva EuroHPC sabiex tiġi żviluppata l-infrastruttura pan-Ewropea ta’ superkompjuters, li se tkun kritika għall-IA.

F.Etika bid-disinn u l-qafas regolatorju

Qafas regolatorju u etiku xieraq u prevedibbli li jiddependi fuq salvagwardji effettivi għall-protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet fundamentali huwa vitali għaċ-ċittadini biex ikollhom fiduċja fl-IA u għall-kumpaniji, li jkollhom bżonn ta’ sigurtà għall-investiment, biex jieħdu opportunitajiet ġodda ta’ negozju. Il-prijorità mogħtija lill-aġenda tal-etika, filwaqt li trawwem l-innovazzjoni, għandha l-potenzjal li ssir vantaġġ kompetittiv għan-negozji Ewropej fis-suq globali. Barra minn hekk, l-użu emerġenti tal-IA fis-settur pubbliku huwa destinat ukoll li jqajjem tħassib simili dwar l-etika u dwar id-drittijiet fundamentali li jeħtieġ li jiġi indirizzat fl-istadji avvanzati tal-produzzjoni.

Kif imħabbar fl-istrateġija “Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa”, il-Kummissjoni inkarigat Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar l-IA għat-tfassil ta’ linji gwida dwar l-etika tal-IA 54 . L-ewwel abbozz ta’ dawn il-linji gwida se jitlesta f’Diċembru 2018, u verżjoni finali hija mistennija għal Marzu 2019, wara konsultazzjoni estensiva permezz tal-Alleanza Ewropea tal-IA 55 . Prinċipju ewlieni se jkun l-“etika bid-disinn” li permezz tagħha l-prinċipji etiċi jiġu inkorporati fil-prodotti u fis-servizzi tal-IA sa mill-bidu nett tal-proċess tad-disinn.

Huwa importanti li l-leġiżlazzjoni toffri qafas xieraq lill-innovazzjoni xprunata mill-IA u lill-adozzjoni ta’ soluzzjonijiet imsejsa fuq l-IA, filwaqt li tindirizza r-riskji possibbli li jitqajmu minħabba l-użu, u l-interazzjonijiet mat-teknoloġija, inkluż it-tħassib dwar iċ-ċibersigurtà. Dan ifisser li tipprevedi ċ-“ċibersigurtà" fis-sens tal-prevenzjoni ta’ abbuż (eż. il-hacking jew il-manipulazzjoni tal-algoritmi tal-IA jew il-manipulazzjoni tad-data pproċessata permezz tal-algoritmu tal-IA), kif ukoll l-inklużjoni ta’ mekkaniżmi biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-konsumaturi u rimedju effettiv għall-vittmi f’każ ta’ danni u biex jiġu ffaċilitati l-investigazzjonijiet jekk is-sistema tal-IA tkun kompromessa. Ir-rekwiżiti taċ-ċibersigurtà tal-IA jeħtieġ li jkunu speċifikati u għandhom jibbenefikaw mill-iskema taċ-ċertifikazzjoni skont il-Qafas Ewropew taċ-Ċertifikazzjoni taċ-Ċibersigurtà 56 li ġie propost. Barra minn hekk, fil-każ ta’ negozji li jaġixxu f’oqsma rilevanti għas-sigurtà (eż. l-istituzzjonijiet finanzjarji, il-produtturi ta’ materjali radjuattivi, eċċ.), l-użu ta’ ċerti prodotti u proċessi tal-IA jservi l-interess pubbliku u għalhekk l-użu tagħhom jista’ jsir obbligatorju.

Qafas adegwat ta’ responsabbiltà u ta’ sikurezza li jiggarantixxi livell għoli ta’ sikurezza u mekkaniżmi ta’ rimedju effettiv għall-vittmi f’każ ta’ danni hu essenzjali biex tissawwar il-fiduċja fl-IA.

Barra minn hekk, bis-salvagwardji xierqa fis-seħħ, is-sandboxes regolatorji u metodi oħrajn għall-esperimentazzjoni u għall-iżvilupp tal-politiki jistgħu jaqdu rwol importanti biex iħeġġu l-innovazzjoni bbażata fuq l-IA għal oqsma fejn il-liġi tipprovdi lill-awtoritajiet regolatorji b’marġni suffiċjenti ta’ manuvrar. Fl-2019, se jkun hemm enfasi fuq il-valutazzjoni dwar jekk il-qafas regolatorju fl-Ewropa huwiex tajjeb għall-iskop tat-teknoloġiji abilitati bl-IA b’mod ġenerali u għas-sewqan konness u awtomatizzat b’mod partikolari.

Ftehimiet dwar l-Innovazzjoni 57 jistgħu jservu ta’ għodod fil-limiti tal-leġiżlazzjoni eżistenti għall-valutazzjoni ta’ ostakli regolatorji marbuta mal-iżvilupp u mal-użu tal-IA. Ftehimiet dwar l-Innovazzjoni huma ftehimiet ta’ kooperazzjoni volontarja bejn l-UE, l-innovaturi, u l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali. L-għan ta’ Ftehim dwar l-Innovazzjoni hu li jinkiseb fehim fil-fond ta’ kif regola jew regolament tal-UE tiffunzjona/jiffunzjona fil-prattika. Jekk rjinstab li r-regola jew ir-regolament tkun/ikun ostaklu għall-innovazzjonijiet, il-ftehim jagħmel dan viżibbli u jalimenta l-azzjoni ulterjuri possibbli.

Elementi importanti oħra għall-ħolqien ta’ suq domestiku Ewropew integrat għal prodotti, servizzi u applikazzjonijiet imtejba bl-IA huma, pereżempju, il-protezzjoni u l-privatezza tad-data 58 , il-protezzjoni tal-konsumatur u l-konformità mad-dritt tal-kompetizzjoni permezz tad-disinn. Barra minn hekk, il-kunsiderazzjonijiet importanti għall-iżvilupp u għall-użu tal-IA b’mod partikolari f’oqsma b’riskju għoli soċjetali u politiku huma relatati mal-ġustizzja, mat-trasparenza u mar-responsabbiltà għat-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod algoritmiku u għall-mudelli relatati ta’ governanza 59 kif ukoll l-impatt tal-IA fuq l-imġiba tal-bniedem 60 .

Fl-aħħar nett, il-kwistjonijiet ta’ proprjetà intellettwali (IPR) għandhom jiġu esplorati wkoll, biex jiġi żgurat li l-qafas regolatorju relatat jindirizza kif suppost għadd ta’ sfidi li huma speċifiċi għall-IA, u għalhekk ikun jista’ jipprowovi l-iżvilupp tiegħu b’mod effettiv.

Etika bid-disinn u l-qafas regolatorju

üIl-Kummissjoni inkarigat Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar l-IA għat-tfassil ta’ linji gwida dwar l-etika tal-IA. Verżjoni finali hija mistennija għal Marzu 2019.

üIl-Kummissjoni se tirrispetta bis-sħiħ u tankra l-prinċipju ta’ “etika bid-disinn” fis-sejħiet għal proposti tagħha li jittrattaw l-intelliġenza artifiċjali.

üIl-Kummissjoni, filwaqt li tqis il-kontribut mill-Istati Membri, qed tivvaluta jekk u sa liema punt il-leġiżlazzjoni eżistenti hija adattata għall-iskop tagħha sabiex tippermetti opportunitajiet ġodda u jiġu indirizzati l-isfidi mqajma mill-IA, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet ta’ politika proposti mill-Grupp ta’ Esperti ta’ Livell Għoli dwar l-IA.

üSa nofs l-2019, il-Kummissjoni se tippubblika rapport dwar in-nuqqasijiet potenzjali u l-orjentazzjonijiet għall-qafas ta’ responsabbiltà u ta’ sikurezza għall-IA.

üIl-Kummissjoni hija lesta li tappoġġa lill-partijiet ikkonċernati fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-UE għall-iżvilupp u għall-iskjerament tal-IA, pereżempju fl-oqsma tal-kompetizzjoni u tal-għajnuna mill-Istat, fejn ikun meħtieġ u fil-format xieraq.

üFl-2019, l-Istati Membri u l-Kummissjoni se jiddiskutu dwar il-ħolqien ta’ ambjenti 61 li jistimolaw l-innovazzjoni bħal sandboxes regolatorji 62 , u l-arranġamenti għall-ittestjar pubbliku għal applikazzjonijiet speċifiċi tal-IA fl-Ewropa. Wara dawn id-diskussjonijiet l-Istati Membri se jkunu mħeġġa joħolqu dawn l-ambjenti u l-arranġamenti tal-ittestjar pubbliku għal soluzzjonijiet tal-IA sa tmiem l-2020. Għal dan l-għan, l-Istati Membri se jiġu mħeġġa jistabbilixxu punt ta’ kuntatt waħdieni għall-kumpaniji li qegħdin jiżviluppaw applikazzjonijiet tal-IA biex jiġu diskussi l-ħtiġijiet speċifiċi għall-ħolqien ta’ dawn l-ambjenti u l-arranġamenti tal-ittestjar.

G.L-IA għas-Settur Pubbliku

L-applikazzjonijiet tal-IA jistgħu jikkontribwixxu għal servizzi pubbliċi aħjar f’varjetà ta’ modi, pereżempju billi jippermettu kapaċitajiet analitiċi iktar intelliġenti u fehim aħjar ta’ proċessi f’ħin reali (eż. fil-popolazzjoni, fl-ekonomija, fl-ambjent u fit-tibdil fil-klima) fl-ekonomija, fis-soċjetà u fl-ambjent, inkluż l-identifikazzjoni ta’ attivitajiet kriminali bħall-frodi tat-taxxa u l-ħasil tal-flus.

Is-soluzzjonijiet abilitati bl-IA jistgħu jipprovdu feedback aktar malajr u aktar rikk għal-livelli kollha ta’ governanza, u jipprovdu opportunità ta’ għoti ta’ servizz aktar imħaffef, effettiv u effiċjenti. Dawn għandhom il-potenzjal li:

·iżidu l-kwalità u l-konsistenza tas-servizzi mogħtija,

·itejbu t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-miżuri ta’ politika,

·jippermettu interventi aktar effiċjenti u mmirati,

·itejbu l-effiċjenza u l-effettività tal-akkwist pubbliku, u

·jsaħħu s-sigurtà u l-ġestjoni tal-identità, kif ukoll itejbu s-servizzi tas-saħħa u tal-impjieg.

Għall-benefiċjarji tal-appoġġ pubbliku, deċiżjoni abilitata bl-IA tista’ tissimplifika r-relazzjoni bejn l-awtoritajiet u l-benefiċjarji permezz tal-integrazzjoni ta’ interess pubbliku usa’ jew kunsiderazzjonijiet regolatorji fit-teħid tad-deċiżjonijiet ta’ kuljum (permezz ta’ komunikazzjoni mmirata, imbuttaturi komportamentali, eċċ.)

L-IA tista’ ttejjeb l-interazzjoni bejn iċ-ċittadini u l-gvern permezz tas-sistemi ta’ konversazzjoni (inklużi assistenti diġitali u chatbots tal-gvern), is-servizzi multilingwi u t-traduzzjoni awtomatizzata. Qed isiru wkoll sforzi biex l-IA tiġi applikata fis-settur soċjali u tas-saħħa, biex din tappoġġa t-teħid tad-deċiżjonijiet tat-tobba, jew biex tappoġġa r-rikonoxximent bikri tal-marġinalizzazzjoni taż-żgħażagħ 63 .

Kif spjegat hawn fuq, qed jiġu proposti miżuri konkreti biex id-data tas-settur pubbliku tkun aċċessibbli għall-użu minn applikazzjonijiet tal-IA f’oqsma ta’ interess pubbliku bħall-immaġnijiet mediċi jew il-ġenomika.

L-Istati Membri huma mħeġġa jinvolvu ruħhom fl-apprendiment bejn il-pari ma’ Stati Membri oħra, speċjalment fir-rigward ta’ sandboxes regolatorji u arranġamenti tal-ittestjar.

L-IA għas-settur pubbliku

üFilwaqt li tkabbar u tibni fuq l-investimenti attwali impenjati fl-ambitu tal-azzjonijiet ta’ Infrastruttura tas-Servizz Diġitali fil-Programm attwali tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa u fil-Programm ISA2, l-Unjoni progressivament se żżid l-isforzi għall-adozzjoni tal-IA f’oqsma ta’ interess pubbliku, bħall-kura tas-saħħa, it-trasport, is-sigurtà u l-edukazzjoni. Lil hinn mill-2020, l-Istati Membri u l-Unjoni se jikkoinvestu fl-iskjerament sħiħ ta’ servizzi abilitati bl-IA fl-UE kollha f’oqsma ta’ interess pubbliku, fl-ambitu tal-Programm propost tal-Ewropa Diġitali.

üFl-2019, l-Istati Membri u l-Kummissjoni qed jippjanaw li jinvolvu ruħhom fl-apprendiment bejn il-pari u fi skambju mifrux mal-UE tal-aħjar prattiki, tal-esperjenzi u tad-data 64 . Dawn se jaħdmu flimkien biex jagħtu ħarsa ġenerali lejn l-applikazzjonijiet rilevanti li huma diġà fis-seħħ fl-Istati Membri, kif ukoll lejn l-impatt u l-valur miżjud tagħhom b’appoġġ għat-twassil tas-servizz pubbliku. Il-Kummissjoni hija wkoll lesta li tgħin lix-xerrejja pubbliċi, pereżempju permezz tat-twaqqif ta’ ċentru ta’ assistenza għax-xiri tal-IA u għal soluzzjonijiet taċ-ċibersigurtà. Eżempju konkret huwa l-qafas tan-Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi (PES), fejn il-PES nazzjonali se jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar l-IA fit-twassil tas-servizzi, fit-tqabbil u fil-proċessi awtomatiċi 65 .

üL-Istati Membri huma mħeġġa jaħdmu mal-Kummissjoni sabiex jidentifikaw oqsma għall-akkwist konġunt ta’ soluzzjonijiet tal-IA, li jwasslu għal kisbiet fl-effiċjenza u għal valur aħjar għall-flus. Eżempju konkret huma s-sistemi ta’ awtokorrezzjoni mħaddma bl-IA fiċ-ċibersigurtà fejn is-setgħa ta’ xiri kkombinata tal-Unjoni u tal-Istati Membri kollha tista’ tiffaċilita l-iżvilupp u t-tkabbir ta’ soluzzjonijiet żviluppati fl-UE. L-għan huwa li jinħareġ rapport konġunt sa nofs l-2019 biex jiddeskrivi l-oqsma fejn l-akkwist konġunt huwa previst. Lil hinn mill-2020, il-Kummissjoni tipproponi li tibda l-ħidma tagħha fl-ambitu tal-Programm il-ġdid ta’ Ewropa Diġitali.

üFl-2019, il-Kummissjoni qed tippjana li toffri l-eTranslation, is-servizz tat-traduzzjoni awtomatika abilitat bl-IA żviluppat fl-ambitu tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, lill-amministrazzjonijiet pubbliċi fl-Istati Membri. Il-proposti tal-Kummissjoni għall-programmi Orizzont Ewropa u Ewropa Diġitali jipprevedu investimenti fl-iżvilupp ulterjuri ta’ servizzi u ta’ għodod ta’ pproċessar tal-lingwi naturali biex jittejjeb il-multilingwiżmu fis-settur pubbliku.

üFl-2020, b’konformità mad-Dikjarazzjoni Ministerjali ta’ Tallinn dwar il-gvern elettroniku, l-Istati Membri, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, u b’mod partikolari bi sfruttament tar-rwol tad-DIHs proposti fl-ambitu tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss, l-Istati Membri huma mħeġġa jiddedikaw riżorsi għall-esperimentazzjoni b’servizzi abilitati bl-IA biex jiġi mifhum aħjar il-valur miżjud u l-impatt potenzjali tas-servizzi pubbliċi u tat-tfassil tal-politiki abilitati bl-IA. Is-soluzzjonijiet imsejsa fuq l-IA se jkunu ta’ benefiċċju wkoll għas-setturi tal-ġustizzja 66 u tal-infurzar tal-liġi. Applikazzjoni pubblika oħra promettenti fis-settur pubbliku hija l-monitoraġġ u l-infurzar tar-regoli tas-suq uniku għall-oġġetti, għas-servizzi u għall-persuni.

üL-Istati Membri u l-Kummissjoni qed jippjanaw li jkomplu jiżviluppaw soluzzjonijiet integrati għall-osservazzjoni tad-dinja u għall-apprendiment bil-magni permezz tal-IA biex jappoġġaw it-tfassil tal-politika, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ f’oqsma bħat-tibdil fil-klima, il-protezzjoni tal-ambjent, l-agrikoltura, l-iżvilupp urban, ir-rispons għad-diżastri, il-migrazzjoni u l-monitoraġġ tal-infrastruttura.

H.Kooperazzjoni internazzjonali

Hekk kif bħalissa l-IA qed tiġi diskussa madwar id-dinja kollha u f’ħafna fora internazzjonali bħalma huma n-NU, l-OECD, il-G7 jew l-G20 67 , is-sensibilizzazzjoni internazzjonali hija ta’ importanza kruċjali. L-iżvilupp tal-IA se jibbenefika mill-kooperazzjoni internazzjonali, b’mod partikolari fost il-pajjiżi avvanzati b’saħħithom fir-riċerka, fl-innovazzjoni u fl-investimenti fl-IA. L-iżvilupp konġunt ta’ standards internazzjonali se jiffaċilita l-iskjerament u l-aċċettazzjoni tal-IA. L-Unjoni se tippromwovi linji gwida internazzjonali dwar l-etika tal-IA u se tiftaħ djalogu u kooperazzjoni mal-pajjiżi li mhumiex membri tal-UE u mal-partijiet ikkonċernati kollha minn pajjiżi terzi li huma lesti li jikkondividu l-istess valuri.

Biex dawn l-isforzi jirnexxu, madankollu, l-Istati Membri u l-Unjoni għandhom jippruvaw jallinjaw l-isforzi ta’ sensibilizzazzjoni bilaterali relatati mal-IA bejn l-Istati Membri individwali u l-pajjiżi terzi u jgħaqqdu l-isforzi tagħhom favur l-iżvilupp responsabbli tal-IA fil-livell globali. Jeħtieġ li l-Unjoni titkellem b’vuċi waħda dwar dan is-suġġett mal-pajjiżi terzi u mad-dinja kollha kemm hi. F’sinerġija ma’ attivitajiet tal-Istati Membri, l-UE għandha wkoll tfittex alleanzi mal-partijiet ikkonċernati – il-kumpaniji teknoloġiċi, l-akkademiċi u partijiet oħra – biex jinvolvu ruħhom f’alleanza ta’ diversi partijiet ikkonċernati fil-livell globali sabiex ikun hemm IA responsabbli.

Barra minn hekk, l-Unjoni se torganizza laqgħa ministerjali internazzjonali dwar l-IA fl-ewwel nofs tal-2019 bl-għan li jitrawwem kunsens globali dwar l-implikazzjonijiet etiċi tal-IA. Barra minn hekk, l-UE qed tuża l-Istrument tal-Politika Barranija tagħha biex timpenja ruħha ma’ sħab internazzjonali fir-rigward ta’ kwistjonijiet regolatorji u etiċi. Xi Stati Membri jipproponu proċess intergovernattiv simili għall-panel dwar it-Tibdil fil-Klima. Rigward id-dimensjoni tas-sigurtà internazzjonali, il-politika dwar l-IA se tibni fuq il-ħidma tar-Rappreżentant Għoli fil-Global Tech Panel u fin-Nazzjonijiet Uniti u f’fora multilaterali oħra.

Fl-aħħar nett, l-Unjoni se tikkontribwixxi l-għarfien espert u l-mezzi finanzjarji ddedikati tagħha sabiex l-IA tkun ankrata aktar fis-sod fil-politika dwar l-iżvilupp. L-intelliġenza artifiċjali hija destinata li tagħti kontribuzzjonijiet b’impatt għall-isfidi globali kif ukoll għall-politika dwar l-iżvilupp. Il-biedja bi preċiżjoni mħaddma bl-IA, pereżempju, tipprometti tnaqqis tal-pestiċidi, tal-fertilizzanti u tal-konsum tal-ilma, u dan jagħmilha teknoloġija ideali biex tiġi mgħejuna l-popolazzjoni li qed tikber fid-dinja li qed tiżviluppa. L-IA tista’ wkoll tintuża biex timmudella t-temp, il-klima u fenomeni naturali oħrajn biex il-popolazzjonijiet lokali jkunu jistgħu eż. jiġi mwissija f’każ ta’ kundizzjonijiet estremi tat-temp jew diżastri imminenti u jadattaw għalihom minn qabel. L-IA u t-teknoloġiji diġitali jistgħu jirfdu soluzzjonijiet ta’ teknoloġija avvanzata affordabbli inkluż għal persuni f’ċirkostanzi prekarji, filwaqt li jiġu rrispettati l-kwistjonijiet etiċi u ta’ privatezza.

Kooperazzjoni Internazzjonali

üL-Unjoni se tagħmel kuntatt mas-sħab internazzjonali tagħha u se tippromwovi linji gwida dwar l-etika tal-IA internazzjonalment matul l-2019.

üL-Istati Membri u l-Unjoni huma mħeġġa jallinjaw l-isforzi ta’ sensibilizzazzjoni internazzjonali tagħhom dwar l-IA u jiżguraw li l-Ewropa tibgħat messaġġi konsistenti lid-dinja.

üL-Unjoni se torganizza laqgħa ministerjali internazzjonali dwar l-IA fl-2019 bl-għan li jitrawwem kunsens globali dwar l-implikazzjonijiet etiċi tal-IA. 

üL-Unjoni se tikkontribwixxi bl-għarfien espert u bil-mezzi finanzjarji ddedikati tagħha sabiex tankra aktar fis-sod l-IA fil-politika dwar l-iżvilupp. Se tingħata attenzjoni partikolari lill-pajjiżi tan-Nofsinhar tal-Mediterran u lill-Afrika.

Ħoloq:

Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Intelliġenza Artifiċjali għall-Ewropa”

https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/communication-artificial-intelligence-europe  

Id-dikjarazzjoni ta’ kooperazzjoni dwar l-Intelliġenza Artifiċjali

https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/eu-member-states-sign-cooperate-artificial-intelligence )

L-Alleanza tal-IA

https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/european-ai-alliance

(1)

     Il-Grupp ta' Livell Għoli ta’ Strateġija dwar it-Teknoloġiji Industrijali rrakkomanda li l-IA tiġi inkluża bħala waħda mit-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali minħabba l-potenzjal abilitanti trasversali tagħha li huwa kruċjali għall-industrija Ewropea.

https://publications.europa.eu/mt/publication-detail/-/publication/28e1c485-476a-11e8-be1d-01aa75ed71a1

(2)

     COM(2018) 237

(3)

     Kif spjegat fil-Komunikazzjoni msemmija hawn fuq tal-25 ta’ April 2018, l-intelliġenza artifiċjali (IA) tirreferi għal sistemi bi mġiba intelliġenti u li janalizzaw l-ambjent tagħhom u jieħdu azzjonijiet – b’ċertu livell ta’ awtonomija – biex jilħqu miri speċifiċi. Is-sistemi bbażati fuq l-IA jistgħu jkunu purament ibbażati fuq softwer, billi jaġixxu fid-dinja virtwali (eż. assistenti bil-leħen, softwer ta’ analiżi tal-immaġnijiet, magni tat-tiftix, sistemi ta’ rikonoxximent tad-diskors u tal-wiċċ) jew inkella l-IA tista’ tkun inkorporata f’apparati ħardwer (eż. robots avvanzati, karozzi awtonomi, droni jew applikazzjonijiet tal-Internet tal-Oġġetti). Aħna qed nużaw l-IA fuq bażi ta’ kuljum, eż. biex nittraduċu l-lingwi, niġġeneraw is-sottotitli fil-filmati jew nimblokkaw l-ispam tal-posta elettronika. Ħafna teknoloġiji tal-IA jeħtieġu data biex itejbu l-prestazzjoni tagħhom. Ladarba jaħdmu sew, dawn jistgħu jgħinu biex jitjieb u jiġi awtomatizzat it-teħid ta’ deċiżjonijiet fl-istess dominju. Pereżempju, sistema tal-IA tiġi mħarrġa u mbagħad tintuża biex tindividwa ċ-ċiberattakki fuq il-bażi ta’ data min-netwerk jew mis-sistema kkonċernati.

(4)

      https://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2018/06/29/20180628-euco-conclusions-final/

(5)

     Il-Jum Diġitali 2018, li sar fl-10 ta’ April fi Brussell, fittex li jkun hemm impenji konġunti mill-Istati Membri fir-rigward tal-ġejjieni diġitali tal-Ewropa. L-iffirmar tad-dikjarazzjoni tal-IA jseħħ permezz ta’ proċess volontarju u parteċipattiv.

(6)

     Ara n-nota tal-Presidenza 11972 /18 tal-14 ta’ Settembru 2018.

(7)

     Iċ-ċifri baġitarji kollha relatati ma’ kontribuzzjonijiet ppjanati tal-UE mill-2020 ’il quddiem huma soġġetti għall-adozzjoni tal-bażi ġuridika sottostanti, tal-programmi ta’ ħidma u tal-baġits annwali mill-awtoritajiet rilevanti.

(8)

   Dawn l-azzjonijiet kollha jkollhom jikkonformaw mar-regoli tal-UE dwar il-liġi tal-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-istat.

(9)

     Il-Komunikazzjoni dwar il-mobbiltà konnessa u awtomatizzata rrikonoxxiet pereżempju l-benefiċċji li jirriżultaw mill-progress fil-qasam tal-IA, li se jservi biex jiftaħ setturi ġodda għall-iżvilupp tan-negozju u se jwitti t-triq għal servizzi ta’ mobbiltà ġodda li jagħmlu t-trasport iktar sikur, iktar aċċessibbli u iktar sostenibbli.

(10)

     COM(2018) 630

(11)

   Eż. is-Sistema Globali ta’ Navigazzjoni bis-Satellita Galileo li hija proprjetà tal-UE.

(12)

      https://europa.eu/european-union/about-eu/agencies/ecsel_mt

(13)

      https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/blogposts/eurohpc-joint-undertaking-looking-ahead-2019-2020-and-beyond

(14)

     Duch-Brown et al (2017), The economics of ownership, access and trade in digital data. Dokument ta’ Ħidma taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka dwar l-Ekonomija Diġitali 2017-01. https://ec.europa.eu/jrc/en/publication/eur-scientific-and-technical-research-reports/economics-ownership-access-and-trade-digital-data

(15)

https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/appointment-members-high-level-expert-group-impact-digital-transformation-eu-labour-markets

(16)

     COM(2018) 435 u COM(2018) 436

(17)

     COM(2018) 434

(18)

     Ħames reġjuni għandhom prijoritajiet relatati mal-IA fl-Istrateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti tagħhom u l-IA jista’ jkollha rwol fil-kuntest tad-dimensjonijiet ta’ tranżizzjoni industrijali diġitali tal-Istrateġiji nazzjonali jew reġjonali ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti fid-dawl tal-programmi tal-FEŻR lil hinn mill-2020: is-Sassonja t’Isfel [DE], Pohjois-Savo [FI], Łódzkie [PL], ir-reġjuni tal-Majjistral [RO] u tal-Grigal [RO]. Ara: http://s3platform.jrc.ec.europa.eu/map . Hemm ukoll reġjuni oħra fl-Ewropa, pereżempju fil-Belġju, bi strateġiji tal-IA.

(19)

     L-AI Watch żviluppata miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka se tikkontribwixxi għall-monitoraġġ tal-iżvilupp marbut mal-IA u se tipprovdi għadd ta’ analiżijiet meħtieġa biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-inizjattiva Ewropea tal-IA. Fost l-oħrajn, se tiżviluppa indiċijiet tal-IA li jindirizzaw id-dimensjonijiet rilevanti kollha għat-tfassil tal-politiki. Tali informazzjoni se tkun disponibbli fuq il-portal https://ec.europa.eu/knowledge4policy/ai-watch_en tal-AI Watch

(20)

     L-oqsma jinkludu l-inklużjoni soċjali u l-impjieg, il-gvern elettroniku, is-saħħa elettronika, it-Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali, il-ħiliet, it-tranżizzjoni industrijali/l-ispeċjalizzazzjoni intelliġenti, eċċ.

(21)

     L-Istati Membri u r-reġjuni huma mħeġġa janalizzaw id-dimensjonijiet diġitali – inkluża l-IA – fil-proċess għar-rieżami tal-Istrateġiji ta’ Speċjalizzazzjoni Intelliġenti fid-dawl tal-investimenti tal-ġejjieni tal-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali.

(22)

     Ir-rappreżentanti nnominati mill-Grupp tal-Istati Membri dwar id-Diġitalizzazzjoni tal-Industrija Ewropea u l-Intelliġenza Artifiċjali.

(23)

     Dan se jissawwar fuq gruppi eżistenti u se jirrispetta l-governanza speċifika tal-istrumenti differenti tal-UE involuti.

(24)

     EUCO 9/18 – it-28 ta’ Ġunju 2018.

(25)

     Bħala eżempju, il-Kunsill Ewropew tar-Riċerka ffinanzja aktar minn 150 proġett tal-IA avvanzata minn riċerkaturi ewlenin tal-Ewropa f’oqsma bħall-apprendiment profond, in-netwerks newrali, il-previżjoni, it-traduzzjoni awtomatika, l-ipproċessar tal-lingwi naturali, il-viżjoni mill-kompjuters, ir-robotika, l-aġenti artifiċjali u l-immaġnijiet mediċi kif ukoll il-governanza u l-istandards.

(26)

     Dan jippermetti wkoll lin-negozji jsaħħu l-kapaċità tas-sigurtà tagħhom. Il-Kummissjoni se tiddiskuti mal-Kumitat tal-Programm għal Soċjetajiet Siguri dwar l-inklużjoni ta’ azzjonijiet rilevanti fil-Programm ta’ Ħidma għall-2020 ta’ Orizzont 2020.

(27)

     Ċentru ta’ Eċċellenza tal-IA hu ċentru ta’ riċerka b’għarfien espert kbir fl-IA. L-għan ewlieni ta’ dawn iċ-ċentri huwa li jmexxu ’l quddiem il-progress f’oqsma speċifiċi tax-xjenza u tat-teknoloġija.

(28)

     Faċilità ta’ Esperimentazzjoni u ta’ Ttestjar ta’ Referenza hija infrastruttura tat-teknoloġija li jkollha għarfien espert u esperjenza fl-ittestjar ta’ teknoloġija matura f’settur partikolari, b’kundizzjonijiet reali jew viċin ir-realtà (sptar intelliġenti, kmamar nodfa, belt intelliġenti, razzett sperimentali, kuritur għal sewqan konness u awtomatizzat, eċċ.).

(29)

      https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/new-5g-cross-border-corridors-connected-and-automated-mobility-baltics-will-allow-testing

(30)

     L-impriża Konġunta ECSEL hija mudell tripartitiku ta’ koinvestiment tal-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-Industrija biex jappoġġaw ir-riċerka u l-innovazzjoni, inklużi dimostrazzjonijiet ta’ skala kbira u proġetti pilota fl-oqsma tal-mikroelettronika, l-integrazzjoni ta’ sistemi żgħar u softwer integrat b’enfasi speċjali fuq proġetti ta’ integrazzjoni.

(31)

     In-nomenklatura tal-unitajiet territorjali għall-istatistika, NUTS 2 huma ddefiniti bħala reġjuni bażiċi għall-applikazzjoni tal-politiki reġjonali.

(32)

     Hemm nuqqas ta’ aktar minn 80 000 professjonist għat-trattament u għall-ġestjoni tad-data (1 għal kull 20 xjenzat) http://www.pocbigdata.eu/monitorICTonlajnvacancies/general_info/

(33)

    “Fl-2018, madwar żewġ terzi tal-Istati Membri tal-UE għandhom inqas minn 10 programmi tal-Masters li jiffokaw bil-qawwa fuq l-IA. Filwaqt li l-moduli tal-IA qed isiru relattivament aktar komuni fost oqsma edukattivi differenti, għad hemm biss terz tal-Istati Membri tal-UE li għandhom aktar minn 20 programm tal-Masters li jinkludu mill-inqas modulu wieħed tal-IA”. López-Cobo et al. (2018), Academic offer and demand for advanced profiles in the EU. Artificial Intelligence, High Performance Computing and Cybersecurity. Rapport Xjentifiku taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka.

(34)

    https://jointventure.org/images/stories/pdf/index2018.pdf

(35)

     COM(2018) 22

(36)

    https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/digital-opportunity-traineeships-boosting-digital-skills-job

(37)

      http://ec.europa.eu/social/BlobServlet?docId=16962&langId=en

(38)

     COM(2018) 270

(39)

      https://ec.europa.eu/research/mariecurieactions/

(40)

     Id-Direttiva 2007/2/KE

(41)

     Cetl V., Tomas R., Kotsev A., de Lima V.N., Smith R.S., Jobst M. (2019) Establishing Common Ground Through INSPIRE: The Legally-Driven European Spatial Data Infrastructure. F’: Döllner J., Jobst M., Schmitz P. (eds) Service-Oriented Mapping. Lecture Notes in Geoinformation and Cartography. Springer, Cham.

(42)

      https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/business-business-trading-practices  

(43)

      https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=COM:2018:0232:FIN

(44)

     Ara l-prattiki tal-Cloud Ewropew tax-Xjenza Miftuħa (EOSC). Din se trawwem l-aħjar prattiki tas-sejbien u tal-aċċessibbiltà tad-data globali (id-data FAIR), https://ec.europa.eu/research/openscience/index.cfm?pg=open-science-cloud

(45)

      https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/european-legislation-reuse-public-sector-information

(46)

L-APIs jiffaċilitaw il-kondiviżjoni u l-użu tad- data tal-gvern bejn l-Istati Membri permezz tal-iżvilupp ta’ approċċi komuni li jeħtieġ li jiġu promossi permezz ta’ esperimenti u ta’ riċerka applikata fuq l-APIs. Fl-2018 inbeda studju (APIs4DGov) miċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka. Dan għandu l-għan li jkun parteċipatttiv u li jibbenefika mill-ħidma mwettqa fl-amministrazzjonijiet pubbliċi Ewropej fil-livelli kollha u li jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni tal-Qafas Ewropew għall-Interoperabbiltà u l-approċċ hekk imsejjaħ “Building Block” adottat fil-programm tat-telekomunikazzjoni tas-CEF. https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/new-study-digital-government-apis-apis4dgov-project  

(47)

     Fil-qasam tas-saħħa, tali kondiviżjoni tad-data pereżempju hija vitali għall-investimenti ta’ innovazzjoni konġunti mħejjija fl-ambitu tal-Pjattaforma tematika tal-Ispeċjalizzazzjoni Intelliġenti "l-Intelliġenza Artifiċjali u l-Interfaċċa Bniedem-Magna”. Bil-parteċipazzjoni tal-Emilia-Romagna (IT), il-Provinċja Awtonoma ta’ Trento (IT), Baden-Württemberg (DE), Navarra (ES), it-Tramuntana ta’ Brabant (NL) u Örebro Län (SE). Ara: http://s3platform.jrc.ec.europa.eu/artificial-intelligence  

(48)

      https://www.europeandataportal.eu/en/homepage

(49)

      https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/news/eu-countries-will-cooperate-linking-genomic-databases-across-borders

(50)

     Il-Kummissjoni diġà stabbiliet Ftehim Qafas ta’ Sħubija mal-Istati Membri biex jiġu kkofinanzjati l-użu u l-integrazzjoni tad-data spazjali minn Copernicus u minn Galileo flimkien mad-data disponibbli mill-Istati Membri u minn sorsi oħra.

(51)

     ICT-13-2018-2019 tal- programm ta’ ħidma H2020 tat-Teknoloġiji tal-Informazzjoni u tal-Komunikazzjoni 2018-2020  

(52)

      https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/ALL/?uri=COM:2018:0232:FIN

(53)

      https://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1539766272141&uri=CELEX%3A52018SC0125  

(54)

      https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/high-level-expert-group-artificial-intelligence . Din il-ħidma se tkompli tibni fuq il-ħidma tal-Grupp Ewropew dwar l-Etika fix-Xjenza u t-Teknoloġiji l-Ġodda. http://ec.europa.eu/research/ege/pdf/ege_ai_statement_2018.pdf

(55)

      https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/european-ai-alliance

(56)

      https://ec.europa.eu/digital-single-market/en/eu-cybersecurity-certification-framework

(57)

      https://ec.europa.eu/info/research-and-innovation/law-and-regulations/identifying-barriers-innovation_en

(58)

     Nibnu fuq il-bażi tal-qafas regolatorju eżistenti bħar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data li daħal fis-seħħ f’Mejju 2018.

(59)

     Approċċi regolatorji fir- Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data , id- Direttiva dwar is-Swieq fl-Istrumenti Finanzjarji , il- proposta għal regolament dwar il-promozzjoni tal-ġustizzja u t-trasparenza għall-utenti tan-negozju ta’ servizzi intermedjarji onlajn , il-proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar miżuri biex jiġi miġġieled b’mod effettiv il-kontenut onlajn illegali lkoll jistabbilixxu preċedent u mudelli għat-trasparenza u għall-valutazzjoni u għall-ġestjoni tar-riskji li jkunu tabilħaqq siewja. Il-Kummissjoni qed tesplora wkoll (appoġġata mill-proġett pilota AlgoAware tal-Parlament Ewropew) oqsma ta’ tħassib u opportunitajiet fit-teħid ta’ deċiżjonijiet algoritmiċi fl-ambjent tal-pjattaformi onlajn, fejn approċċi differenti għat-trasparenza, għall-ġustizzja u għar-responsabbiltà li tabilħaqq ikunu siewja u jistgħu jsaħħu l-fiduċja. L-analiżi qed tikkunsidra b’attenzjoni l-bilanċ stabbilit mill-qafas regolatorju fis-seħħ u l-infurzar tar-regoli reċenti, kif ukoll l-iżviluppi tekniċi, tas-suq u soċjetali, u l-esplorazzjoni tal-għodod regolatorji u ta’ politika.

(60)

     Il-proġett HUMAINT taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka għandu l-għan li jifhem l-impatt tal-IA fuq l-imġiba tal-bniedem, b’enfasi fuq il-kapaċitajiet konjittivi u soċjoemozzjonali u t-teħid tad-deċiżjonijiet ( https://ec.europa.eu/jrc/communities/community/humaint ).

(61)

     Filwaqt li s-sandboxing regolatorju huwa għodda b’saħħitha u xi drabi meħtieġa, f’ċirkustanzi oħra l-innovazzjoni tista’ tiġi appoġġata b’approċċi mhux daqstant vigorużi bħal ċentri ta’ innovazzjoni u laboratorji tal-politika li jagħtu pariri u li jipparteċipaw b’mod pjuttost prattiku.

(62)

     Għal xi oqsma magħżula l-liġi tipprovdi awtorità regolatorja b’marġni suffiċjenti ta’ manuvrar.

(63)

https://www.sitra.fi/en/news/artificial-intelligence-based-systems-help-achieve-better-services-cost-savings-social-health-sector/  

(64)

     Il-Kummissjoni Ewropea qed tagħmel dak li qalet billi tiskjera azzjonijiet fil-pjan ta’ azzjoni AI@EC biex tappoġġa l-introduzzjoni ta’ soluzzjonijiet tal-IA fis-Sistemi Trans-Ewropej (TES) li jappoġġaw oqsma ewlenin ta’ politika tal-UE b’kooperazzjoni mal-Istati Membri.

(65)

     It-tieni eżempju huwa l-attività prevista fl-ambitu ta’ AI Watch biex tiġi żviluppata metodoloġija biex tidentifika r-riskji u l-opportunitajiet, il-katalizzaturi u l-ostakli tal-użu tal-IA fit-twassil tas-servizz pubbliku; l-AI Watch se jagħti ħarsa ġenerali lejn l-użu u l-valur miżjud tal-għodod tal-IA li jappoġġaw it-twassil tas-servizzi pubbliċi billi jagħti ħarsa lejn l-aktar eżempji rilevanti fis-servizzi pubbliċi prijoritizzati. Abbażi tar-riżultati miksuba mill-analiżi, dan il-kompitu se jfassal rakkomandazzjonijiet dwar it-triq ’il quddiem għal aktar żvilupp ta’ sistemi u ta’ soluzzjonijiet tal-gvern ibbażati fuq l-IA. Eżempju ieħor huwa l-inizjattivi ta’ koinnovazzjoni bejn il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri fir-rigward tal-iskjerament ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq l-IA għal servizzi pubbliċi intelliġenti.

(66)

     Eż. is-soluzzjonijiet ibbażati fuq implimentazzjonijiet tat-tbassir tal-ġustizzja u fuq applikazzjonijiet LegalTech.

(67)

     ISO/IEC JTC1/SC 42