Brussell, 5.12.2018

COM(2018) 790 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas Komuni ta' Monitoraġġ u Evalwazzjoni u l-ewwel riżultati dwar ir-rendiment tal-Politika Agrikola Komuni


RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas Komuni ta' Monitoraġġ u Evalwazzjoni u l-ewwel riżultati dwar ir-rendiment tal-Politika Agrikola Komuni

Introduzzjoni

Ir-riforma tal-2013 tal-Politika Agrikola Komuni (PAK) stabbiliet Qafas Komuni ta' Monitoraġġ u Evalwazzjoni (QKME) bl-għan li jitkejjel ir-rendiment tal-implimentazzjoni tal-PAK għall-2014-2020, jintwerew il-kisbiet tagħha u titjieb l-effiċjenza tagħha. 1 Għall-ewwel darba, dan il-qafas kopra kemm l-ewwel pilastru (il-pagamenti diretti 2 u l-miżuri tas-suq 3 ) kif ukoll it-tieni pilastru (l-iżvilupp rurali 4 ), flimkien ma' miżuri orizzontali 5 (eż. il-kundizzjonalità) tal-PAK.

Il-PAK 2014-2020 stabbiliet li l-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport inizjali "dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas Komuni ta' Monitoraġġ u Evalwazzjoni u l-ewwel riżultati tar-rendiment tal-PAK sal-31 ta' Diċembru 2018", bil-valutazzjoni finali tal-implimentazzjoni tal-PAK għall-2014-2020 mistennija fl-2021. Dan ir-rapport jantiċipa d-data tal-pubblikazzjoni biex iqanqal id-dibattitu dwar il-proposti legali tal-PAK adottati fl-1 ta' Ġunju 2018, u qed jiġi ppubblikat flimkien mal-komunikazzjoni tas-sett kollu tal-indikaturi rilevanti 6 .

Dan ir-rapport inizjali jiddeskrivi t-tfassil u l-implimentazzjoni tal-qafas, jipprovdi l-ewwel riżultati dwar ir-rendiment tal-PAK fuq il-bażi ta' evidenza miġbura permezz tal-QKME u studji oħra (eż. evalwazzjonijiet) u jorbot il-lezzjonijiet meħuda mar-rendiment u l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-qafas inklużi fil-proposti tal-PAK wara l-2020.

Tfassil u implimentazzjoni tal-Qafas komuni ta' monitoraġġ u evalwazzjoni

Qafas legali

Fir-Regolament Orizzontali5, il-qafas ta' monitoraġġ u evalwazzjoni tal-PAK 2014-2020 stabbilixxa li r-rendiment tal-PAK għandu jiġi vvalutat b'rabta mat-tliet għanijiet ġenerali tal-PAK:

a.il-produzzjoni vijabbli tal-ikel, b'enfasi fuq l-introjtu agrikolu, il-produttività agrikola u l-istabbiltà tal-prezzijiet

b.il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-azzjoni klimatika, b'enfasi fuq l-emissjonijiet ta' gass serra, il-bijodiversità, il-ħamrija u l-ilma

c.l-iżvilupp territorjali bbilanċjat, b'enfasi fuq l-impjiegi rurali, it-tkabbir u l-faqar fiż-żoni rurali.

Barra minn hekk, għat-tieni pilastru, ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 7 jistabbilixxi l-elementi komuni ta' monitoraġġ u evalwazzjoni għall-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, filwaqt li r-Regolament dwar l-Iżvilupp Rurali4 jindirizza l-ispeċifiċitajiet tal-programmi ta' żvilupp rurali.

Il-QKME jipprovdi informazzjoni essenzjali dwar l-implimentazzjoni (il-monitoraġġ) tal-PAK, kif ukoll dwar ir-riżultati u l-impatti (l-evalwazzjoni) tagħha 8 . Huwa jikkwantifika l-azzjonijiet fl-Istati Membri (l-output), jiddeskrivi l-kisbiet u jivverifika kemm intlaħqu tajjeb l-għanijiet 9 . Il-Kummissjoni, flimkien mal-Istati Membri fil-qafas ta' grupp ta' Esperti, fasslet il-QKME u żviluppat lista ta' indikaturi li, wara li ġew magħżula abbażi ta' loġika ta' intervent li tvarja minn għanijiet u interventi ġenerali sa dawk speċifiċi, ġew stabbiliti f'diversi atti ta' implimentazzjoni.

L-indikaturi

Ġew definiti ħames tipi ta' indikaturi biex jappoġġjaw il-valutazzjoni tar-rendiment tal-PAK: 10

·45 indikatur tal-kuntest li jiddeskrivu l-ambjent operattiv ġenerali tal-politika

·84 indikatur tal-output li jkejlu l-attivitajiet direttament relatati mal-interventi ta' politika

·41 indikatur tar-riżultati: 16-il indikatur tar-riżultati għall-ewwel pilastru li jkejlu l-effetti diretti u immedjati tal-interventi u 25 indikatur tar-riżultati għat-tieni pilastru (li minnhom 19 jikkorrispondu għal indikaturi tal-miri)

·24 indikatur tal-miri (li minnhom 19 jikkorrispondu għal indikaturi tar-riżultati) użati biex jiġu stabbiliti għanijiet ikkwantifikati fil-bidu tal-perjodu ta' pprogrammar

·16-il indikatur tal-impatt li jkejlu l-impatt ta' interventi ta' politika fuq perjodu itwal u lil hinn mill-effetti immedjati (li minnhom 13 huma inklużi wkoll fis-sett ta' indikaturi tal-kuntest)

Għal kull wieħed mill-indikaturi, tħejjew skedi informattivi bid-definizzjoni kif ukoll is-sorsi tad-dejta, il-livell ta' dettall ġeografiku, il-frekwenza tar-rappurtar u ż-żmien. 11 Barra minn hekk, ġew inklużi indikaturi sekondarji meta tqies neċessarju li jsir qsim eż. skont is-settur jew kategorija. B'kollox, il-qafas attwali għandu aktar minn 900 indikatur sekondarju.

Is-sorsi tad-dejta

L-indikaturi huma definiti, sakemm possibbli, b'tali mod li l-ġbir tad-dejta jkun ibbażat fuq kanali eżistenti 12 sabiex jiġi evitat li jinħoloq piż amministrattiv addizzjonali għall-benefiċjarji u għall-Istati Membri. Il-firxa wiesgħa ta' sorsi ta' dejta użati għall-QKME globali tinkludi notifiki mill-Istati Membri, statistika Ewropea pprovduta mill-Eurostat 13 , dejta miġbura mill-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent.

Għall-ewwel pilastru, l-indikaturi tal-output huma disponibbli fis-Sistema ta’ Informazzjoni għall-Ġestjoni u l-Monitoraġġ tas-Suq Agrikolu (ISAMM — Information System for Agricultural Market Management and Monitoring), is-Sistema ta' Awtorizzazzjoni tar-Rendikonti tal-Entrati (CATS — Clearance Audit Trail System) u s-Sistema ta' Informazzjoni dwar n-Nefqa Agrikola ta' Rifużjoni (AGREX — Agriculture Refund Expenditure). Id-dejta hija disponibbli għall-2015, l-2016 u parzjalment għall-2017.

Għat-tieni pilastru, id-dejta ta' monitoraġġ tinġabar permezz tar-Rapporti Annwali ta' Implimentazzjoni mressqa mill-Istati Membri f'Ġunju ta' kull sena b'rabta mas-sena preċedenti. Dawn ir-rapporti jinkludu l-valuri tal-indikaturi tal-output, tar-riżultati u tal-miri. Barra minn hekk, l-Istati Membri kellhom jissottomettu Rapporti ta' Implimentazzjoni Annwali mtejba fl-2017 (u l-2019) inkluża informazzjoni addizzjonali bbażata fuq l-attivitajiet ta' evalwazzjoni. Barra minn hekk, kull tliet xhur tinġabar informazzjoni dwar in-nefqa permezz tad-Dikjarazzjoni tan-Nefqa tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali. Għall-iżvilupp rurali, hemm disponibbli dejta għall-2015 u sal-aħħar tal-2016. 14

L-użu ta' sorsi ta' dejta eżistenti u l-livell ta' dettall rikjest għal ċerti indikaturi għandhom impatt fuq iż-żmien u l-frekwenza tad-disponibbiltà tad-dejta. Pereżempju, kull tliet snin tinġabar dejta bbażata fuq id-dejta tal-Istħarriġ dwar l-Istruttura tal-Azjendi Agrikoli tal-Eurostat u din tkun disponibbli sena u nofs wara s-sena ta' referenza. Bl-istess mod, xi indikaturi ambjentali huma bbażati fuq stħarriġ perjodiku — dawk relatati mal-kwalità tal-ħamrija jinġabru f'intervalli ta' 5 snin, bl-aħħar informazzjoni tirreferi għall-2012.

Valutazzjoni inizjali tar-rendiment tal-PAK

Ir-rendiment tal-PAK f'dak li huwa relatat mal-ilħuq tal-għanijiet komuni tagħha għandu jiġi mkejjel u vvalutat abbażi ta' indikaturi tal-impatt komuni, u l-għanijiet speċifiċi sottostanti abbażi ta' indikaturi tar-riżultati.

Għalhekk, dan ir-rapport inizjali jiddeskrivi l-kisbiet tal-PAK abbażi tad-dejta disponibbli s'issa fi ħdan il-QKME. 15 Meta tkun disponibbli, tittieħed inkunsiderazzjoni informazzjoni dwar l-evalwazzjoni. Analiżi ulterjuri hija disponibbli fil-Valutazzjoni tal-Impatt dwar il-proposti tar-riforma tal-PAK wara l-2020 16  u fis-sorsi ta' informazzjoni ġenerali varji miġbura għal dawk l-iskopijiet. 17

Hawnhekk ikun pertinenti li ssir nota ta' twissija. Biex jiġi vvalutat dan ir-rendiment, jeħtieġ li jiġi iżolat l-effett tal-politiki minn fatturi influwenti oħra (fatti kontestwali, politiki oħra relatati, eċċ.). Jeħtieġ li jitkejlu l-hekk imsejħa 'impatti netti'. Normalment dan isir permezz tal-evalwazzjonijiet. F'dan l-istadju, l-informazzjoni disponibbli biex jitwettqu dawn l-evalwazzjonijiet hija limitata minħabba l-fatt li l-aħħar riforma tal-PAK ġiet implimentata biss fl-2015. Hemm ukoll dewmien fid-disponibbiltà tal-indikaturi tal-impatt (u tal-kuntest). Għal diversi indikaturi, l-iktar dejta reċenti tirreferi għall-2012 jew l-2013, jiġifieri qabel l-implimentazzjoni tar-riforma tal-2013 tal-PAK. Finalment, xi indikaturi tal-impatt jirrikjedu perjodu itwal biex juru l-effetti tagħhom, u dan iwassal għal diffikultajiet biex jitwieżen l-impatt tal-PAK.

Il-produzzjoni vijabbli tal-ikel

L-orjentazzjoni tas-suq u l-istabbiltà tal-prezzijiet

Il-PAK għaddiet minn diversi riformi biex tkun aktar orjentata lejn is-suq b'bidla minn appoġġ għall-prodott (permezz tal-prezzijiet) għal appoġġ għall-produtturi (permezz ta' appoġġ għall-introjtu, prinċipalment permezz ta' pagamenti diżakkoppjati). Din il-bidla naqqset id-diskrepanza fil-prezzijiet bejn il-prezzijiet tas-suq tal-UE u dawk dinjija biex b'hekk maż-żmien żdiedu l-kompetittività u r-rendiment kummerċjali tal-UE: il-proporzjon bejn il-prezzijiet tas-suq tal-UE u dawk dinjija tal-materja prima agrikola ewlenija (il-medja ponderata) naqas minn 140 % fl-2007 għal 113 % fl-2017.

L-esportazzjonijiet agroalimentari tal-UE kważi rduppjaw tul dawn l-aħħar 10 snin biex laħqu EUR 138 biljun fl-2017 u kkontribwew għat-titjib ulterjuri tal-bilanċ kummerċjali li laħaq EUR 20.5 biljun (+EUR 28 biljun meta mqabbel mal-2007). L-esportazzjonijiet tal-UE jammontaw għal madwar 17 % tal-esportazzjonijiet agroalimentari dinjija totali, u dan il-perċentwal baqa' pjuttost stabbli maż-żmien.

Fl-istess ħin, is-suq tal-UE huwa aktar miftuħ: L-importazzjonijiet tal-UE tal-prodotti agroalimentari żdiedu għal EUR 117 biljun fl-2017 (+51 % meta mqabbla mal-2007), bl-importazzjonijiet tal-UE mill-pajjiżi l-inqas żviluppati jiżdiedu b'iktar minn 75 % mill-2007 'l hawn, filwaqt li laħqu valur ta' EUR 3.5 biljun fl-2017. Il-mexxejja dinjija ewlenin l-oħrajn kollha — l-Istati Uniti, iċ-Ċina, il-Ġappun, ir-Russja, u l-Kanada — flimkien impurtaw biss EUR 3 biljuni mill-pajjiżi l-inqas żviluppati.

Għalkemm il-bdiewa tal-UE issa huma iktar esposti għall-volatilità tal-prezzijiet dinjija, il-volatilità tal-prezzijiet għadha iktar baxxa minn dik ta' kompetituri ewlenin; eż. għall-qamħ artab, kienet 6.8 % fl-2015-2017, filwaqt li fis-suq dinji kienet 10 %.

Bil-prezzijiet tal-UE eqreb għall-prezzijiet tas-suq dinjija, ir-rifużjonijiet tal-esportazzjonijiet tal-UE m'għadhomx jintużaw u l-iskemi ta' intervent huma implimentati b'inqas frekwenza minn 20 sena ilu. Il-PAK issa tħaddem xibka ta' sikurezza tas-suq, billi tappoġġja l-prezzijiet f'setturi li huma ffaċċjati bi tnaqqis eċċessiv u eċċezzjonali fil-prezzijiet. Fis-snin reċenti, fil-biċċa l-kbira tas-setturi l-prezzijiet baqgħu ogħla sew mill-prezz b'intervent ħlief għat-trab tal-ħalib xkumat, fejn il-prezzijiet tbaxxew taħt il-livelli tal-prezzijiet b'intervent fl-2015 u l-2016, u dan wassal biex ix-xiri b'intervent pubbliku jirrappreżenta 2 % u 23 % rispettivament tal-produzzjoni totali tal-UE.

L-esperjenza ta' dawn l-aħħar ftit snin turi li f'każ ta' bżonn hemm miżuri tas-suq li huma disponibbli u li jistgħu jiġu implimentati biex il-prezzijiet ma jibqgħux jaqgħu. Ġew introdotti miżuri addizzjonali bħal għajnuna għall-ħżin privat u rtirar mis-suq b'rispons għall-prjobizzjoni fuq l-importazzjoni imposta mir-Russja fl-2014.

L-introjtu agrikolu

Wieħed mill-għanijiet ewlenin tal-PAK huwa li tikkontribwixxi għall-introjtu tal-azjendi agrikoli u li tillimita l-varjabbiltà tiegħu. L-istrument ewlieni li jappoġġja l-introjtu tal-azjendi agrikoli huwa l-pagamenti diretti, li l-biċċa l-kbira tagħhom huma diżakkoppjati mill-produzzjoni effettiva.

Il-medja tal-pagamenti diretti għal kull benefiċjarju ammontat għal kważi EUR 6 200 fl-2016 li hija ekwivalenti għal perċentwal ta' 44 % tal-introjtu agrikolu intraprenditorjali fl-UE-28 b'distribuzzjoni differenti skont it-tip u d-daqs tal-azjendi agrikoli 18 , F'xi setturi (ċanga, nagħaġ, żebbuġ) u żoni (erjas li jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali), il-pagamenti diretti jikkostitwixxu perċentwal terġa' u tgħid ikbar ta' introjtu, u dan jgħin biex l-azjendi agrikoli jinżammu fil-kummerċ fuq it-territorju kollu tal-UE li min-naħa tiegħu jikkontribwixxi għall-vitalità rurali. Madankollu, l-introjtu agrikolu f'dawn is-setturi u ż-żoni għadu taħt il-medja tal-UE. F'setturi fejn il-volatilità tal-prezzijiet hija kbira, il-pagamenti diretti jgħinu lill-bdiewa biex ilaħħqu iktar mat-twaqqigħ tal-prezzijiet. Rapport reċenti tal-Bank Dinji jikkonkludi li l-PAK tikkontribwixxi effettivament għall-introjtu tal-azjendi agrikoli, u tgħin biex tonqos id-diskrepanza bejn l-introjtu agrikolu u l-pagi riċevuti f'setturi ekonomiċi oħra 19 .

Ir-riforma tal-PAK tal-2013 offriet ukoll diversi għodda ta' mmaniġġjar tar-riskji: premia tal-assigurazzjoni, fondi mutwi u għodda ta' stabbilizzazzjoni tad-dħul li ġiet introdotta reċentement. Minħabba li kien hemm użu limitat ta' dawn 20 (fl-2016, 0.5 % biss tal-azjendi agrikoli ħadu sehem fl-iskemi tal-immaniġġjar tar-riskji tal-UE) ġew proposti xi bidliet fl-hekk imsejjaħ Regolament Omnibus 21 . Studju reċenti dwar l-immaniġġjar tar-riskji fl-agrikoltura fl-UE sab li l-bdiewa Ewropej huma esposti dejjem aktar għar-riskji filwaqt li d-disponibbiltà tal-istrumenti tal-immaniġġjar tar-riskji għadha lura. L-assigurazzjoni għadha l-istrument l-aktar użat komunement; id-disponibbiltà u l-użu tal-fondi mutwi huma aktar limitati 22 .

Il-produttività agrikola

Il-produttività agrikola, espressa bħala l-produttività totali tal-fatturi, qed tiżdied b'mod kostanti iżda bil-mod (+0.7 % kull sena tul dawn l-aħħar ħames snin), u t-tkabbir fil-produttività tal-ħaddiema jikkontribwixxi l-aktar għall-gwadanni fil-produttività.

Il-pagamenti diżakkoppjati u l-appoġġ għall-iżvilupp rurali tal-PAK huma assoċjati pożittivament ma' żidiet fil-produttività agrikola għal kull ħaddiem (kontrarjament għall-appoġġ akkoppjat). Il-pagamenti tal-PAK iżidu l-aċċess tal-bdiewa għall-kreditu u jnaqqsu l-espożizzjoni għar-riskju, u dan jippermettilhom jinvestu aktar 23 .

Fattur importanti li jiddetermina t-tkabbir tal-produttività fit-tul huwa l-innovazzjoni. Biex tiżdied l-innovazzjoni, fl-2012 il-Kummissjoni nediet is-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-Produttività u s-Sostenibbiltà Agrikoli (ara l-paragrafu 3.4).

Il-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-azzjoni klimatika

Il-PAK tikkontribwixxi b'ħafna modi għall-immaniġġjar sostenibbli tar-riżorsi naturali u għall-azzjoni klimatika, permezz tal-effetti kkombinati ta' diversi miżuri tal-PAK, inklużi l-kundizzjonalità (ta' 90 % tal-erja agrikola użata - EAU), il-pagamenti diretti (l-ekoloġizzazzjoni ta' 77 % tal-EAU 24 ) u miżuri ta' żvilupp rurali mmirati lejn għanijiet ambjentali speċifiċi, akkumpanjati minn appoġġ għal konsulenza agrikola u għall-attivitajiet innovattivi tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni u l-Gruppi Operattivi tagħha.

Il-produzzjoni agrikola għandha impatt fuq l-ambjent iżda hemm fatturi oħra involuti. Peress li d-dejta reċenti dwar l-indikaturi ambjentali hija skarsa u l-impatti ambjentali huma ħafna drabi proċessi fit-tul, għadu diffiċli li tiġi stabbilita rabta diretta bejn l-intervent tal-PAK u r-riżultat effettiv tagħha fuq l-ambjent. L-emissjonijiet ta' gass serra agrikoli naqsu b'iktar minn 20 % mill-1990 'l hawn, għal 12 % tal-emissjonijiet ta' gass serra totali tal-UE fl-2016, u dan kien dovut għal tnaqqis tal-emissjonijiet ta' ossidu nitruż permezz tal-immaniġġjar tal-ħamrija agrikola (prinċipalment minħabba tnaqqis fl-użu ta' fertilizzanti tan-nitroġenu) u tnaqqis tal-emissjonijiet tal-fermentazzjoni enterika dovut għal tnaqqis globali fin-numru ta' bhejjem. Madankollu, ir-rata ta' tnaqqis stabbilizzat ruħha fl-aħħar 10 snin u l-livell ta' emissjonijiet issa jammonta bejn wieħed u ieħor għal 490 miljun tunnellata ta' ekwivalenti CO2. Kuntrarjament għat-twemmin komuni, l-emissjonijiet mill-bwar u r-raba' għadhom pożittivi, għalkemm b'tendenza li jonqsu (-15 % bejn l-2006 u l-2016). Ir-raġunijiet ewlenin huma l-konverżjoni tal-art għal prattiki ta' mmaniġġjar tar-raba' u l-bwar, iżda wieħed jinnota differenzi kbar bejn l-Istati Membri. Barra minn hekk, l-emissjonijiet tal-ammonja mill-agrikoltura żdiedu matul dawn l-aħħar sentejn (+10 %). Dawn l-indikaturi ambjentali juru li għad hemm problemi ambjentali u li għandu jsir aktar permezz tal-PAK futura.

It-tliet rekwiżiti tal-ekoloġizzazzjoni taħt il-pagamenti diretti għandhom l-għan li jagħmlu l-PAK aktar effettiva biex tilħaq l-għanijiet ambjentali u klimatiċi tagħha u biex tiżgura s-sostenibbiltà fit-tul tal-agrikoltura tal-UE:

1) Żoni ta' Interess Ekoloġiku li jimmiraw li jħarsu u jtejbu l-bijodiversità fl-azjendi agrikoli;

2) Il-ħarsien ta' bwar permanenti li jimmira li jappoġġja s-sekwestru tal-karbonju, jappoġġja l-bijodiversità u jservi ta' protezzjoni mill-erożjoni tal-ħamrija u tal-kwalità tagħha;

3) Id-diversifikazzjoni tal-għelejjel bl-għan li prinċipalment titjieb il-kwalità tal-ħamrija.

Madankollu, l-ekoloġizzazzjoni ġiet ikkritikata għall-piż addizzjonali li tpoġġi fuq il-bdiewa u l-amministrazzjonijiet meta mqabbla mar-riżultat ambjentali tagħha. Evalwazzjoni reċenti tal-pagament ta' prattiki agrikoli ta' benefiċċju għall-klima u l-ambjent 25 tikkonferma li l-implimentazzjoni attwali tal-ekoloġizzazzjoni mill-Istati Membri u l-bdiewa tista' titjieb biex l-għanijiet tagħha jintlaħqu aħjar.

Rigward il-miżuri ta' żvilupp rurali, il-kuntratti li jappoġġjaw il-bijodiversità u/jew il-pajsaġġi jkopru 13 % tal-EAU, il-kuntratti biex jitjieb l-immaniġġjar tal-ilma 9 % tal-EAU, il-kuntratti biex jipprevjenu l-erożjoni tal-ħamrija u jitjieb l-immaniġġjar tal-ħamrija 9 % tal-EAU u l-kuntratti li jimmiraw lejn tnaqqis tal-emissjonijiet ta' gass serra u/jew tal-ammonja 1 % tal-EAU 26 . Barra minn hekk, 7 % tal-EAU hija erja ta' biedja organika 27 . Il-kwantifikazzjoni tal-impatti mill-Istati Membri kienet limitata, billi skont huma, għall-evalwazzjonijiet magħmula fl-2016 kien 'kmieni wisq biex jiġu osservati l-effetti tal-programmi ta' żvilupp rurali fuq il-valuri tal-indikaturi tal-impatt ambjentali' 28 .

Ir-riforma tal-PAK stabbilixxiet li l-Istati Membri jenħtieġ li jirriżervaw tal-anqas 30 % tal-Pilastru II għal miżuri dwar il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, kif ukoll għal miżuri biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet ambjentali 29 . Fl-2016, l-Istati Membri marru lil hinn minn dan l-obbligu f'termini tan-nefqa mġarrba, u laħqu medja ta' 67 % fl-UE, bl-Erjas li jiffaċċjaw restrizzjonijiet naturali jew restrizzjonijiet speċifiċi oħrajn (30 %) u l-Miżuri AgroAmbjentali u Klimatiċi (18 %) l-aktar li kkontribwew għal din il-mira.

Minbarra dan l-impenn speċifiku għall-PAK fil-livell tal-Istati Membri, il-Kunsill u l-Parlament Ewropew qablu li tal-anqas 20 % tal-baġit tal-UE għall-2014 sal-2020 jenħtieġ li jintefqu fuq azzjoni relatata mal-klima b'kontribuzzjonijiet minn politiki differenti 30 . Il-PAK għandha rwol ewlieni fl-isforzi biex tintlaħaq din il-mira. Abbażi tal-metodoloġija ta' rintraċċar tat-tibdil fil-klima ddefinita għall-perjodu ta' pprogrammar attwali 31 f'konformità mal-'indikaturi ta' Rio' tal-OECD, il-kontribuzzjoni tal-PAK għat-tibdil fil-klima hija stmata li tilħaq 26 % i.e. EUR 102.8 biljun.

Żvilupp territorjali bbilanċjat

L-agrikoltura tirrappreżenta 13.5 % tal-impjiegi totali fiż-żoni rurali fl-2016 (meta mqabbla ma' 12.4 % fl-2012). Is-settur agrikolu impjega 8.7 miljun bidwi ekwivalenti full-time (2013). Ix-xejra fit-tul tat-tluq tal-ħaddiema mill-agrikoltura hija ddeterminata minn dejta demografika, bidliet strutturali, il-mekkanizzazzjoni u opportunitajiet barra mis-settur agrikolu. Fis-snin reċenti, naqset ir-rata tal-tluq tal-ħaddiema agrikoli.

Il-PAK tikkontribwixxi għal żvilupp territorjali bbilanċjat permezz ta' diversi skemi ta' appoġġ għas-settur tal-azjendi agrikoli (li ħafna drabi huwa s-sinsla tal-ekonomija rurali) u permezz ta' għajnuna diretta lil entitajiet li mhumiex azjendi agrikoli fiż-żoni rurali. Dawn l-iskemi jinkludu:

·appoġġ lil madwar 7 miljun benefiċjarju, li jkopru madwar 65 % tan-numru totali ta' azjendi agrikoli 32 . Kien hemm viċin is-6.8 miljun benefiċjarju taħt l-iskemi ta' appoġġ dirett u aktar minn 3 miljuni taħt il-miżuri ta' żvilupp rurali fis-sena tat-talba 2015 33 .

·appoġġ speċifiku għall-bdiewa f'żoni muntanjużi u żoni oħra b'restrizzjonijiet speċifiċi (2.7 miljun benefiċjarju, EUR 8 biljuni).

·appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ permezz ta' pagament bażiku supplimentari mandatorju għall-ewwel ħames snin bħala appoġġ għal madwar 312 000 bidwi żagħżugħ (EUR 352 miljun) u permezz ta' firxa wiesgħa ta' miżuri ta' appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ taħt l-iżvilupp rurali.

·appoġġ akkoppjat volontarju lil 2.3 miljun 34 benefiċjarju (EUR 3.9 biljun).

Barra minn hekk, l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jiddistribwixxu mill-ġdid sa 30 % tal-pakkett ta' pagamenti diretti tagħhom għall-ewwel ettari ta' kull razzett ('pagament ridistributtiv'), 9 Stati Membri implimentaw din l-iskema fl-2016 u appoġġjaw 1.8 miljun bidwi b'EUR 1.6 miljun.

Il-PAK tikkontribwixxi wkoll direttament biex tappoġġja l-iżvilupp ta' servizzi bażiċi u teknoloġiji ta' komunikazzjoni f'żoni rurali, b'mod partikolari miżuri li jieħdu diversi snin biex jiġu kkompletati bħal pereżempju investimenti fit-tul (broadband, infrastrutturi oħra). Fl-2016, 90 miljun persuna approfittaw minn dawn l-investimenti. Barra minn hekk, 171 miljun ċittadin rurali diġà huma koperti bi strateġija ta' żvilupp lokali taħt LEADER, li wriet li hija approċċ estremament ta' suċċess għall-promozzjoni tal-iżvilupp lokali u l-bini tal-kapaċitajiet fiż-żoni rurali.

L-appoġġ tal-PAK (bħal investimenti f'teknoloġiji u infrastruttura ta' komunikazzjoni) għandu effett multiplikatur fuq setturi oħra fiż-żoni rurali, b'mod partikolari għall-industrija tal-ikel u għal dawk li jipprovdu servizzi lill-agrikoltura. Ir-rata ta' impjiegi fiż-żoni rurali rkuprat sew mil-livell ta' 65.5 % fl-2011 (b'riżultat tal-kriżi ekonomika) għal 66 % fl-2016, kważi simili għar-rata fil-bqija tal-ekonomija. Id-diskrepanza bejn l-introjti agrikoli u l-introjti f'setturi ekonomiċi oħra għadha sostanzjali iżda qed tonqos (il-perċentwal tal-introjtu agrikolu medju meta mqabbel mal-paga tal-ekonomija fit-totalità tagħha żdied minn 32 % fil-perjodu 2005-2010 għal 47 % fl-2017). B'riżultat ta' dan, ir-rata tal-faqar fiż-żoni rurali naqset (minn 29 % fl-2011 għal 26 % fl-UE-28), u resqet viċin ir-rata ta' faqar fl-ekonomija fit-totalità tagħha (25 %). Il-PAK għalhekk għandha rwol importanti fit-tnaqqis tal-faqar fiż-żoni rurali u tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' impjiegi aħjar għall-bdiewa madwar l-UE kollha17.

It-trasferiment tal-għarfien u l-innovazzjoni

It-trawwim tat-trasferiment tal-għarfien u l-innovazzjoni huwa prijorità trasversali tal-PAK, b'baġit totali ta' EUR 5.7 biljun allokat għalih. Il-Programmi ta' Żvilupp Rurali 2014-2020 jinkludu pakkett flessibbli ta' miżuri li jappoġġjaw il-konsulenza, it-taħriġ, l-innovazzjoni u l-kooperazzjoni, u l-iżvilupp tal-għarfien fiż-żoni rurali. Aktar minn 492 000 bidwi (4.5 % tal-bdiewa kollha) irċevew finanzjament għat-taħriġ u aktar minn 63 500 bidwi għall-konsulenza 35 .

Studju ta' evalwazzjoni ex ante mwettaq fl-2016 kien pożittiv fir-rigward tal-inizjattiva SEI. L-Istati Membri kollha (minbarra l-Lussemburgu) iddeċidew li jimplimentaw is-SEI fil-perjodu attwali (ara wkoll il-kapitolu 3.2). Sal-aħħar tal-2016, ġew appoġġjati aktar minn 245 operazzjoni ta' kooperazzjoni 36 .

Tagħlim miksub

Il-Qafas Komuni ta’ Monitoraġġ u Evalwazzjoni

Minkejja l-implimentazzjoni qasira tiegħu, il-kontribut tal-QKME għall-valutazzjoni tal-PAK 2014-2020 diġà jipprovdi lezzjonijiet utli għall-evoluzzjoni futura tiegħu.

L-esperjenza wriet li attwalment hemm wisq indikaturi u indikaturi sekondarji. L-ewwel nett, ma jippermettux li tinkiseb impressjoni immedjata tal-kisbiet tal-PAK. It-tieni nett, mhux l-indikaturi kollha huma adattati għall-iskop tagħhom, eż. xi indikaturi mhumiex disponibbli kull sena u/jew b'xi dewmien u għalhekk ma jistgħux jintużaw għal monitoraġġ bikri. Xi indikaturi oħra għandhom biss rabta dgħajfa mal-PAK. Fl-istess ħin, ċerti indikaturi huma nieqsa. Eż. evalwazzjoni li għadha għaddejja dwar it-tibdil fil-klima kkonkludiet li l-klassifikazzjoni limitata ta' xi indikaturi tal-output ma tippermettix li jkun hemm informazzjoni suffiċjenti dwar l-implimentazzjoni tal-PAK fir-rigward tat-tibdil fil-klima.

Għall-Pilastru II, l-esperjenza minn perjodi ta' pprogrammar preċedenti turi li fl-ewwel snin ikun hemm perjodu ta' tagħlim għall-Istati Membri biex jirrapportaw id-dejta korrettament. Dan huwa validu wkoll għall-perjodu ta' pprogrammar 2014-2020. Biex tiġi indirizzata din il-kwistjoni, ġie żviluppat proċess ta' validazzjoni fl-2018 ibbażat fuq l-esperjenza miksuba biex l-Istati Membri jkunu mwissija dwar żbalji potenzjali qabel jissottomettu d-dejta fir-Rapport ta' Implimentazzjoni Annwali. Għandu jiġi nnutat li l-PAK attwali ma tinkludix obbligu legali għall-Istati Membri li jikkoreġu d-dejta wara n-notifika.

Fejn l-esperjenza bid-dejta (id-disponibblità) uriet il-ħtieġa ta' aġġustament ta' xi wieħed mill-elementi relatati mal-indikatur (eż. id-definizzjoni, il-kopertura, il-frekwenza tar-rappurtar), id-deskrizzjoni dettaljata tal-indikaturi relatata u, fejn xieraq, ir-regolament relatat, ġew adattati. Dan tal-aħħar kien il-każ eż. għar-rekwiżiti ta' rappurtar fir-rigward tal-investimenti u l-appoġġ għall-bdiewa żgħażagħ. Billi l-Istati Membri kellhom jirrappurtaw biss meta tkun ġiet ikkompletata l-azzjoni, ma ġewx irrappurtati kisbiet parzjali. Dan fisser sottovalutazzjoni qawwija tal-valuri meta mqabbla mar-rendiment attwali, partikolarment għal dawk il-miżuri li jistgħu jdumu diversi snin. Bidla fir-regoli ta' implimentazzjoni issa tippermetti lill-Istati Membri jirrappurtaw il-valuri ta' indikaturi miksuba għal operazzjonijiet implimentati parzjalment sa mis-sena ta' rappurtar 2017.

Ġew irrappurtati wkoll kwistjonijiet dwar diversi indikaturi tal-impatt. Eż. l-indikatur tal-Valur Naturali Għoli m'għandux dejta komparabbli għall-Istati Membri kollha. Id-dejta użata għall-kalkolu tal-Indiċi tal-Għasafar f'Żoni Agrikoli mhijiex kompluta u l-Kummissjoni qed tħares lejn modi biex ittejjeb dan il-ġbir ta' dejta. Il-possibbiltà li jitkejjel, permezz ta' stħarriġ, il-kontribut tal-miżuri ta' Żvilupp Rurali għall-iffrankar tal-ilma u l-enerġija fl-agrikultura għadha ma ġietx adottata minħabba, fost l-oħrajn, il-perjodu ta' implimentazzjoni limitat.

Il-Monitoraġġ u l-Evalwazzjoni tar-Rendiment fil-PAK futura

Il-proposti għal riforma tal-PAK wara l-2020 iressqu l-enfasi mill-konformità u r-regoli lejn ir-riżultati u r-rendiment, b'aktar flessibbiltà tal-Istati Membri biex jiddeċiedu l-aħjar mod biex jilħqu l-għanijiet komuni. Il-Qafas ta' Monitoraġġ u Evalwazzjoni tar-Rendiment il-ġdid jistabbilixxi set ta' għanijiet wieħed fil-livell tal-UE għaż-żewġ pilastri tal-PAK. Ir-rendiment tal-politika globali se jiġi vvalutat pluriennalment abbażi tal-indikaturi tal-impatt, b'segwitu tar-rendiment tal-politika annwali bbażat fuq il-lista sħiħa tal-indikaturi tal-impatt filwaqt li l-indikaturi tal-output jenħtieġ li jorbtu annwalment in-nefqa mar-rendiment tal-implimentazzjoni tal-politika.

Ir-rilevanza tal-esperjenza għall-qafas attwali hija li, f'din il-bidla lejn ir-rendiment, huma essenzjali inqas indikaturi mmirati iżda jeħtieġ li jkunu aħjar. Għaldaqstant, fil-proposti legali tal-PAK wara l-2020 huwa propost li n-numru ta' indikaturi jitnaqqsu minn 146 għal 101. 37 Dan is-sett ta' indikaturi aktar immirat intgħażel b'tali mod li jirrifletti kemm jista' jkun mill-qrib jekk l-interventi appoġġjati jikkontribwux biex jintlaħqu l-għanijiet.

Il-politika bbażata fuq ir-rendiment tirrikjedi wkoll li titjieb il-kwalità tan-notifiki sottomessi mill-Istati Membri. Għalhekk, fil-PAK li jmiss, il-korpi ta' ċertifikazzjoni se jkollhom jiżguraw l-affidabbiltà tar-rappurtar dwar ir-rendiment abbażi tal-outputs u r-riżultati. Barra minn hekk, l-indikaturi magħżula ġeneralment jiġu ġġenerati mill-proċessi amministrattivi disponibbli jew mod ieħor, biex jitnaqqas il-piż amministrattiv. Hemm ħtieġa kbira li titjieb id-disponibbiltà tad-dejta fil-futur (kemm permezz ta' kondiviżjoni ulterjuri tad-dejta bejn is-sorsi eżistenti kif ukoll permezz ta' teknoloġiji ġodda). Madankollu, il-CATS (is-Sistema ta' Awtorizzazzjoni tar-Rendikonti tal-Entrati) jew sett ta' dejta b'karatteristiċi simili se tibqa' neċessarja bħala sors tad-dejta.

(1)      L-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
(2)      Ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013.
(3)      Ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013.
(4)      Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013.
(5)      Ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013.
(6)      Is-sit elettroniku se jittella' dalwaqt.
(7)      Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013.
(8)      Aktar informazzjoni hija disponibbli fil-'Manwal tekniku dwar il-qafas ta' monitoraġġ u evalwazzjoni tal-PAK 2014-2020' (Technical handbook on the monitoring and evaluation framework of the CAP 2014-2020) (2015).
(9)      Aktar informazzjoni hija disponibbli f''Il-qafas dwar il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-PAK 2014-2020' (The monitoring and evaluation framework for the CAP 2014-2020) (2015).
(10)      Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 834/2014.
(11)      L-iskedi informattivi huma disponibbli hawnhekk .
(12)      Il-biċċa l-kbira tal-indikaturi tal-iżvilupp sostenibbli huma wkoll parti mill-Qafas Komuni ta' Monitoraġġ u Evalwazzjoni.
(13)      Statistika agrikola, statistika agroambjentali, statistika dwar il-kopertura tal-art u l-użu tal-art (inkluż l-istħarriġ LUCAS), statistika reġjonali, statistika soċjali, statistika kummerċjali, eċċ.
(14)      Fit-30 ta' Ġunju 2018, l-Istati Membri jenħtieġ li jinnotifikaw id-dejta tal-2017. Meta tħejja dan ir-rapport, din id-dejta kienet għadha mhux disponibbli.
(15)      Il-Kummissjoni wettqet diversi kontrolli tal-kwalità. Madankollu, l-iżbalji mhux dejjem setgħu jiġu korretti. Barra minn hekk, l-indikaturi tar-riżultati tal-iżvilupp rurali ġew ikkalkulati mill-ġdid mill-Kummissjoni abbażi ta' indikaturi tal-output u tal-kuntest għall-2013 biex jiġi żgurat li d-dejta tiġi kkalkulata b'mod armonizzat.
(16)      COM(2018) 392, COM(2018) 393, COM(2018) 394.
(17)       Fatti u ċifri  
(18)      Skedi informattivi ta' statistika: https://ec.europa.eu/agriculture/statistics/factsheets_mt.
(19)      Bank Dinji, Thinking CAP: Supporting Agricultural Jobs and Incomes in the EU (2017).
(20)      Il-livell baxx ta' użu jista' jiġi spjegat bil-fatt li l-fondi setgħu jintużaw biss f'każ ta' telf ta' introjtu li jaqbeż it-30 %. Barra minn hekk, ma kienx permess li jiġu mmirati setturi speċifiċi u mhu pemess ebda appoġġ pubbliku għall-kapital inizjali. Għal aktar spjegazzjonijiet ara s-Sommarju tas-Suq dwar l-Immaniġġjar tar-Riskji (Market Brief on risk management ).
(21)      Ir-Regolament (UE) 2017/2393.
(22)       https://ec.europa.eu/agriculture/external-studies/2017-risk-management-eu-agriculture_en .
(23)

      https://www.ceps.eu/publications/cap-subsidies-and-productivity-eu-farms

(24)      Dejta tal-2016. Id-dejta għall-2017 għadha mhux disponibbli għall-Istati Membri kollha.
(25)       Studju ta' evalwazzjoni tal-pagament għal prattiki agrikoli ta' benefiċċju għall-klima u l-ambjent ("ekoloġizzazzjoni" tal-pagamenti diretti) (Evaluation study of the payment for agricultural practices beneficial for the climate and the environment ("greening" of direct payments))  
(26)

.    Biex jiġi kkalkulat l-indikatur, jitqiesu biss l-iskemi li r-riżultati tagħhom huma pprogrammati taħt il-Focus Area 5D (irrispettivament minn fejn tiġi pprogrammata n-nefqa rilevanti). Dan il-perċentwal huwa fl-istess linja tal-mira aggregata tal-UE (3 %).

(27)      Il-maġġoranza tal-bdiewa organiċi huma appoġġjati permezz tal-Iżvilupp Rurali.
(28)      Rapport ta' sinteżi: sinteżi tal-komponenti ta' evalwazzjoni tar-Rapport ta' Implimentazzjoni Annwali mtejjeb tal-2017.
(29)      L-Artikolu 59.6 tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 jistabbilixxi li l-Istati Membri jenħtieġ li jirriżervaw tal-anqas 30 % tal-Pilastru II għall-Artikoli 17, 21, 28, 29, 30 (bl-eċċezzjoni tal-ħlasijiet relatati mad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma), 31, 32 u 34 tal-istess regolament.
(30)      COM(2011) 500 finali tad-29 ta' Ġunju 2011, 'Baġit għall-Ewropa 2020', Parti II, p. 13.
(31)      Ir-Regolament ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) Nru 215/2014.
(32)      In-numru ta' benefiċjarji jirreferi għas-Sena Finanzjarja 2016 li tikkorrispondi għas-Sena tat-Talba 2015. In-numru ta' azjendi jirreferi għall-2013 peress li din hija l-aħħar dejta disponibbli.
(33)      Maġġoranza ta' benefiċjarji tal-pagamenti tal-iżvilupp rurali huma wkoll benefiċjarji ta' pagamenti diretti imma jingħaddu darba biss.
(34)      Benefiċjarju jista' jirċievi appoġġ akkoppjat taħt aktar minn miżura waħda. Għaldaqstant, dan in-numru jista' jinkludi għadd doppju.
(35)      In-notifiki tal-Istati Membri ma kinux armonizzati bis-sħiħ (eż. in-numru ta' korsijiet ta' taħriġ mogħtija meta mqabbla man-numru ta' fuljetti).
(36)       Studju ta' evalwazzjoni dwar l-implimentazzjoni tas-Sħubija Ewropea għall-Innovazzjoni għall-Produttività u s-Sostenibbiltà Agrikoli (Evaluation study of the implementation of the European Innovation Partnership for Agricultural Productivity and Sustainability).
(37)      Esklużi l-indikaturi tal-kuntest, li jibqgħu.