IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 3.12.2018
COM(2018) 777 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
It-tieni rapport dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin (2018) kif meħtieġ skont l-Artikolu 20 tad-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi
{SWD(2018) 473 final}
I. KUNTEST
It-traffikar ta’ bnedmin huwa fil-maġġor parti tiegħu forma serja li qed tevolvi kontinwament ta’ kriminalità organizzata. Dan iġib profitti kbar lill-awturi, li jabbużaw mill-vulnerabilitajiet tan-nies u jisfruttaw id-domanda għas-servizzi pprovduti mill-vittmi. Dan jirriżulta fi ħsara irriversibbli għall-vittmi tiegħu, għas-soċjetajiet u għall-ekonomiji tagħna.
Il-konnessjoni bejn it-traffikar ta’ bnedmin u reati oħra serji qed tiġi mifhuma dejjem iktar. L-interazzjoni kumplessa tal-provvista u d-domanda fost l-awturi, it-trasgressuri, dawk li jieħdu l-profitt, l-isfruttaturi u l-utenti toħloq katina twila ta’ atturi, kemm jekk dawn ikunu konxji jew le tal-involviment tagħhom. Din il-katina trid titkisser sabiex jitwaqqaf u jiġi evitat b’mod effettiv dan ir-reat atroċi.
Huwa f’dan il-kuntest li l-Kummissjoni implimentat l-Istrateġija tal-UE tal-2012-2016 għall-Qerda tat-Traffikar tal-Bnedmin (“l-Istrateġija tal-UE”). Barra dan, f’Diċembru 2017, fil-Komunikazzjoni tagħha Rappurtar dwar is-segwitu tal-Istrateġija tal-UE dwar l-Eradikazzjoni tat-traffikar tal-bnedmin u identifikazzjoni ta’ azzjonijiet konkreti oħra (“il-Komunikazzjoni tal-2017”) il-Kummissjoni identifikat ukoll azzjonijiet konkreti oħra biex ittejjeb il-prevenzjoni. Il-Kummissjoni tkompli timmonitorja kif l-Istati Membri jimplimentaw id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu (“id-Direttiva Kontra t-Traffikar”).
Dan huwa t-tieni rapport tal-Kummissjoni dwar il-progress li sar fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin. Dan huwa bbażat fuq firxa wiesgħa ta’ sorsi, li jinkludu:
·informazzjoni miġbura mir-relaturi nazzjonali jew mekkaniżmi ekwivalenti u ppreżentati lill-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar mill-Istati Membri skont l-Artikoli 19 u 20 tad-Direttiva Kontra t-Traffikar;
·azzjonijiet meħuda mill-Kummissjoni u minn partijiet ikkonċernati oħrajn skont l-Istrateġija tal-UE u l-Komunikazzjoni tal-2017;
·kontribuzzjonijiet sottomessi mill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-Pjattaforma tas-Soċjetà Ċivili tal-UE u l-Pjattaforma elettronika kontra t-Traffikar fil-Bnedmin u,
·informazzjoni mill-aġenziji rilevanti tal-UE, u mill-organizzazzjonijiet internazzjonali u reġjonali.
Dan ir-rapport, flimkien mad-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjah, jippreżenta t-tendenzi emerġenti fuq il-bażi tad-data u x-xejriet, l-azzjonijiet meħudin taħt l-Istrateġija tal-UE u l-progress fl-implimentazzjoni tal-Komunikazzjoni tal-2017, b’konformità mal-impenn meħud fiha. Dan ir-rapport janalizza wkoll id-data statistika pprovduta mill-Istati Membri u jippreżenta aġġornament dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva 2004/81/KE dwar il-permess ta’ residenza maħruġ lil ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar. L-informazzjoni narrattiva sottomessa mill-Istati Membri tkopri l-aktar il-perjodu 2014-2016, filwaqt li r-rapport u d-dokument ta’ ħidma tal-persunal huma bbażati fuq l-informazzjoni minn sorsi bħall-Istati Membri, is-soċjetà ċivili, l-organizzazzjonijiet internazzjonali u l-pubblikazzjonijiet tal-Kummissjoni.
II. IT-TENDENZI U X-XEJRIET EMERĠENTI
Ir-raba’ eżerċizzju fil-ġbir tal-istatistika dwar it-traffikar ta’ bnedmin (li jiffoka l-aktar fuq il-perjodu 2015-2016) ippreżentat f’dan it-tieni rapport ta’ progress, jipprovdi iktar data minn dik preċedenti. L-Istati Membri kollha pprovdew data statistika, għalhekk b’livelli differenti ta’ dettall. Il-Eurostat ippubblika żewġ dokumenti ta’ ħidma dwar statistika fil-livell tal-UE fl-2013 u l-2014, li ġew aġġornati fl-2015, wara eżerċizzju ta’ ġbir limitat ta’ data mill-Kummissjoni għall-2013-2014, irrapportata fl-ewwel rapport ta’ progress.
Id-data mill-2015-2016 turi tendenzi simili fost il-vittmi u t-traffikanti reġistrati f’kuntatt mal-pulizija u s-sistema tal-ġustizzja kriminali għal dawk misjuba fil-perjodi ta’ rapportar preċedenti. Din id-data tikkonċerna dawk li huma f’kuntatt mal-awtoritajiet u ma' organizzazzjonijiet oħrajn. Hemm raġunijiet biex wieħed jemmen li ħafna vittmi u traffikanti jibqgħu ma jinqabdux u għalhekk mhumiex inklużi f’dawn iċ-ċifri rrapportati hawnhekk. Hemm differenzi sostanzjali fil-mod kif l-Istati Membri jiġbru u jirreġistraw id-data, għalhekk hija meħtieġa kawtela meta jsir kwalunkwe paragun bejniethom u maż-żmien.
Għall-2015-2016:
·Kien hemm 20 532 vittma ta’ traffikar irreġistrati fl-UE
·ġew irrapportati 5 979 prosekuzzjoni u 2 927 kundanna għal traffikar ta’ bnedmin.
·7 503 persuni kellhom kuntatt formali mal-pulizija jew mas-sistema tal-ġustizzja kriminali, jiġifieri kienu suspettati, arrestati jew imwissija għal reat kriminali li jikkonċerna t-traffikar ta’ bnedmin
·Aktar minn nofs (56 %) it-traffikar tal-bnedmin huwa għal finijiet ta’ sfruttament sesswali, u dan jibqa’ l-aktar forma mifruxa. Madwar kwart (26 %) kien tat-traffikar għall-isfruttament tax-xogħol, filwaqt li l-bqija (18 %) kienu forom oħrajn (bħall-elemożina furzata, it-tneħħija tal-organi). Il-maġġoranza (61 %) tal-vittmi rreġistrati tat-traffikar għal sfruttament ta’ ħaddiema nstabu fir-Renju Unit, għalhekk id-data mir-Renju Unit tbiddel b’mod sinifikanti l-proporzjon ta’ traffikar għal sfruttament ta’ ħaddiema fil-livell tal-UE. Li kieku d-data mir-Renju Unit ma kellhiex tiġi inkluża, kieku l-proporzjonijiet fl-UE jinbidlu għal: sesswali 65 %, ħaddiema 15 % u oħrajn 20 %.
·In-nisa u l-bniet kienu iktar minn żewġ terzi (68 %) tal-vittmi rreġistrati (kieku d-data tar-Renju Unit ma kinitx inkluża dawn kienu jiżdiedu għal 77 %).
·It-tfal kienu kważi kwart (23 %) tal-vittmi reġistrati.
·Iċ-ċittadini tal-UE kienu (44 %) tal-vittmi reġistrati.
·L-iktar ħames pajjiżi ta’ ċittadinanza tal-UE li kellhom vittmi reġistrati kienu r-Rumanija, l-Ungerija, in-Netherlands, il-Polonja u l-Bulgarija. Dawn huma l-istess pajjiżi bħal fl-2010-2012 u fl-ewwel rapport ta’ progress tal-Kummissjoni.
·L-iktar ħames pajjiżi ta’ ċittadinanza mhux tal-UE li kellhom vittmi reġistrati kienu n-Niġerja, l-Albanija, il-Vjetnam, iċ-Ċina u l-Eritrea.
Il-Kummissjoni ħadmet mal-Istati Membri, mal-Eurostat u mal-awtoritajiet tal-istatistika biex ittejjeb id-data disponibbli. Hemm iktar dettalji, kif ukoll informazzjoni ġdida, dwar il-modi differenti li bih is-servizzi tal-istat jinvolvu ruħhom, jappoġġjaw il-vittmi u jaġixxu biex inaqqsu l-impunità tat-traffikanti. Din il-ħidma kienet tinkludi talbiet għal informazzjoni relatata mal-vittmi, bħall-użu tal-istat ta’ protezzjoni internazzjonali, u relatata mat-tnaqqis tal-impunità, bħall-kriminalizzazzjoni tal-użu tas-servizzi tal-vittmi tat-traffikar. Madankollu, għad hemm lakuni fil-provvista tad-data mill-Istati Membri, li jpoġġu limiti fuq l-affidabilità u l-paragunabilità tal-informazzjoni.
L-Istati Membri jenħtieġ li jtejbu r-rekordjar u r-reġistrazzjoni, kif ukoll l-affidabilità, id-disponibbiltà u l-paragunabilità tad-data, iżda jiżguraw ukoll li jistgħu jiddiżaggregawha skont is-sess, l-età, il-forom ta’ sfruttament, iċ-ċittadinanza tal-vittmi u tal-awturi, kif ukoll skont l-assistenza u l-protezzjoni. Data affidabbli hija prerekwiżit għal monitoraġġ adegwat u biex jiġi żgurat tfassil tal-politika aħjar.
1.Forom ta’ sfruttament
It-traffikar huwa reat kumpless li jiżviluppa skont id-domanda u l-kreattività tat-traffikanti, bl-isfruttament li huwa fil-qalba tiegħu u li jieħu diversi forom.
·Traffikar għall-isfruttament sesswali
It-traffikar ta’ bnedmin għall-isfruttament sesswali jkompli jkun il-forma l-iktar rapportata. Fl-2016-2015, kien hemm 9 759 vittma ta’ sfruttament sesswali rreġistrati, jiġifieri iktar minn nofs (56 %) tal-vittmi rreġistrati li kienu forma rrekordjata ta’ sfruttament, l-aktar nisa u bniet (95 % tal-vittmi ta’ sfruttament sesswali rreġistrati). Ġiet innutata żieda qawwija fl-għadd ta’ nisa u bniet traffikati permezz tar-rotta tal-Mediterran Ċentrali għal sfruttament sesswali fl-UE. Il-vittmi jiġu sfruttati fis-sess u l-industrija tad-divertiment, u dan huwa ffaċilitat mill-iżvilupp teknoloġiku rapidu u l-użu tal-internet għal servizzi ta’ reklamar u tar-reklutaġġ tal-vittmi. It-tendenzi emerġenti rapportati jinkludu l-pornografija, l-użu ta’ kameras tal-web live u l-abbuż sesswali tat-tfal mill-bogħod live.
Is-sejba tal-Europol li “hemm Stati Membri fejn il-prostituzzjoni hija legali, li jagħmilha iktar faċli għat-traffikanti li jixtiequ jużaw ambjent legali sabiex jisfruttaw il-vittmi tagħhom” hija ppruvata mir-rapporti tal-Istati Membri li t-traffikanti għandhom it-tendenza li jittrasportaw il-vittmi tagħhom lejn pajjiżi fejn il-prostituzzjoni hija irregolata u pprattikata b’mod legali. F’dan ir-rigward, il-Europol skopra li f’ċerti Stati Membri tal-UE, fejn il-prostituzzjoni hija legali, persuni suspettati setgħu jisfruttaw lit-tfal flimkien ma’ vittmi adulti f’negozji legali bħal burdelli, distretti tal-prostituzzjoni, klabbs tas-sess, ħafna drabi bl-appoġġ tal-maniġers tan-negozji, billi l-prostituzzjoni ta’ persuni minorenni tista’ tkun profittabbli ħafna, billi l-“klijenti” ġeneralment ikunu lesti jħallsu iktar biex ikollhom x’jaqsmu sesswalment mat-tfal.
Filwaqt li l-maġġoranza tar-rapporti tal-Istati Membri jsemmgħu t-traffikar għall-isfruttament sesswali bħala l-forma l-iktar frekwenti, l-informazzjoni dwar l-azzjonijiet meħudin fl-Istati Membri juru tendenza li dawn jiffokaw fuq forom oħra ta’ sfruttament.
L-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu u jsaħħu aktar l-isforzi tagħhom biex jindirizzaw it-traffikar għall-isfruttament sesswali, u jagħmlu dan prijorità. Dawn iridu jistabbilixxu miżuri li jżidu l-kapaċità tagħhom li jiskopru vittmi tal-forom kollha ta’ sfruttament, iżda jenħtieġ li dan ma jsirx għad-detriment tal-vittmi tal-isfruttament sesswali.
·Traffikar għall-isfruttament ta’ ħaddiema
It-traffikar għall-isfruttament ta’ ħaddiema affettwa madwar kwart (26 %) tal-vittmi reġistrati. L-isfruttament ta’ ħaddiema jaffettwa l-aktar lill-irġiel (80 % tal-vittmi reġistrati) għalkemm f’ċerti setturi tax-xogħol il-vittmi huma l-aktar nisa (bħax-xogħol domestiku). Ħafna Stati Membri rrapportaw li t-traffikar għall-isfruttament ta’ ħaddiema qed jiżdied.
Skont il-Europol, “il-gruppi kriminali organizzati jipprovdu għad-domanda li qed tikber għal xogħol b’irħis f’diversi Stati Membri, u jieħdu vantaġġ mid-diskrepanzi fil-leġiżlazzjoni tax-xogħol biex jorganizzaw l-isfruttament tal-vittmi fiż-żona griża bejn l-impjieg legali u l-isfruttament tal-ħaddiema.”
Il-vittmi huma sfruttati fis-setturi tal-kostruzzjoni, tal-agrikoltura u l-forestrija, tal-manifattura, tal-industrija tal-catering, tas-servizzi tal-kura, tas-servizzi ta’ tindif u x-xogħol domestiku, tad-divertiment, tas-sajd, tal-ospitalità, tal-bejgħ bl-imnut u tat-trasport. Diversi rapporti mill-Istati Membri u sottomissjonijiet mis-soċjetà ċivili jirreferu għar-rwol tal-ispetturi tax-xogħol fl-iskoperta tal-vittmi, u/jew il-ħtieġa għal żieda fil-kooperazzjoni bejn il-korpi tal-infurzar tal-liġi u l-ispettorati tax-xogħol.
Huwa inkoraġġanti li wieħed jara l-progress fl-identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar għall-isfruttament ta’ ħaddiema, b’mod speċjali meta jitqies il-finanzjament allokat mill-Kummissjoni għal din il-forma. Il-Kummissjoni se tkompli timmonitorja l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar Sanzjonijiet Kontra Min Iħaddem u d-Direttiva Kontra t-Traffikar.
·Forom oħra ta’ sfruttament
Fl-2015-2016, forom oħra ta’ sfruttament kienu jammontaw għal madwar kwart (18 %) tal-vittmi reġistrati. Dan jinkludi t-traffikar għal żwieġ sfurzat, l-elemożina sfurzata, u l-kriminalità sfurzata, fost skopijiet oħra. Dawn il-“forom oħra” huma assoċjati ma’ reati żgħar, reati relatati ma’ proprjetà u frodi relatati ma' benefiċċji. It-traffikar għall-kriminalità sfurzata u l-elemożina sfurzata huma rrapportati li qed jiżdiedu.
L-Istati Membri jirrapportaw li l-każijiet ta’ vittmi li jidħlu fi żwiġijiet simulati jew sfurzati qed jiżdiedu. Vittmi bħal dawn huma soġġetti wkoll għal sfruttament sesswali, tqala sfurzata u/jew sfruttament ta’ ħaddiema, jew huma sfurzati fi żwieġ ma’ ċittadini mhux tal-UE biex jirregolarizzaw is-soġġorn tagħhom. Il-Europol jikkollega dan l-iżvilupp maż-żieda fis-snin reċenti fl-għadd ta’ migranti irregolari li qed ifittxu tranżizzjoni għal status ta’ residenza legali wara li l-applikazzjonijiet għall-ażil tagħhom jiġu miċħuda. Il-vittmi ta’ din il-forma ta’ traffikar ħafna drabi huma sfurzati jieħdu self jew japplikaw għal benefiċċji soċjali.
2.Tendenzi emerġenti tat-traffikar
It-traffikar intern, fit-territorju ta’ Stat Membru, huwa rrapportat li qed jiżdied. L-Istati Membri jirrapportaw li l-età tal-vittmi identifikati qed tonqos. It-tfal mill-pajjiżi Ewropej tal-Lvant u l-komunitajiet tar-Roma jkomplu jkunu partikolarment vulnerabbli, bit-traffikanti li jisfruttaw il-parentela.
Tendenzi oħra emerġenti jinkludu każijiet ta’ nisa tqal li jiġu traffikati għall-bejgħ tat-trabi li għadhom jitwieldu tagħhom, it-traffikar għall-organi jew it-tneħħija tat-tessuti umani u ż-żwieġ tat-tfal. Persuni b’diżabilitajiet fl-iżvilupp u b’diżabilitajiet fiżiċi wkoll qed jisfaw dejjem iktar mira tat-traffikanti.
3.Traffikar fil-kuntest tal-migrazzjoni
Il-kriżi tal-migrazzjoni hija rapportata li żiedet ir-riskji tat-traffikar. Fl-analiżi tar-riskji tagħha għall-2018, l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta nnutat li “għalkemm it-traffikar tal-bnedmin min-Niġerja ilu, għal deċenji, jforni s-suq tas-sess Ewropew, iż-żieda sinifikanti fl-għadd ta’ nisa u bniet Niġerjani li jaslu fil-flussi mħallta tal-migrazzjoni fl-Italja (u, fi grad anqas fi Spanja), wassal biex il-fenomenu tat-traffikar tal-bnedmin min-Niġerja jsir magħruf”.
L-Istati Membri jirrapportaw dwar vittmi tat-traffikar misjuba fis-sistema ta’ applikazzjoni għall-ażil u dwar il-gruppi kriminali organizzati li jabbużaw mill-proċeduri tal-ażil. L-Istati Membri jirrappurtaw ukoll traffikanti li jirrikjedu li l-vittmi japplikaw għal protezzjoni internazzjonali f’tentattiv biex jirregolarizza l-istatus tal-vittmi.
It-traffikar fil-bnedmin jenħtieġ li jiġi indirizzat fil-kuntest tal-migrazzjoni, b’kunsiderazzjoni tat-tendenzi l-ġodda bħall-immirar sproporzjonat lejn nisa u bniet ittraffikati għall-isfruttament sesswali. Jenħtieġ li jkomplu jsiru sforzi biex jiġi żgurat li l-vittmi kollha jiġu identifikati u jingħataw assistenza u protezzjoni xierqa għas-sess, l-età u l-forma ta’ sfruttament tagħhom.
4.Profil u l-mod kif jaħdmu t-traffikanti
L-Istati Membri jirrapportaw li t-traffikanti jbiddlu konsistentement il-modi kif jaħdmu, billi jużaw inqas forza fiżika iżda iktar vjolenza psikoloġika u emozzjonali. Dawn jirrapportaw ukoll li n-numru ta’ ċittadini tagħhom ittrattati bħala persuni suspettati mill-Istati Membri, kif ukoll ta’ nisa vittmi li jiġu trasformati f’awturi, qed jiżdied. In-networks kriminali huma mobbli ħafna u ħafna drabi transnazzjonali, b’ċelluli fil-pajjiżi ta’ oriġini, tranżitu u destinazzjoni tal-vittmi. Skont l-Istati Membri, it-traffikanti jużaw l-għodod tal-internet u tan-netwerking soċjali biex jirreklutaw il-vittmi, għal-loġistika, biex jippermettu l-isfruttament tal-vittmi, u bħala pjattaforma ta’ kummerċjalizzazzjoni għall-prostituzzjoni. L-Istati Membri jirrapportaw ukoll li l-użu ta’ teknoloġiji ta’ kriptaġġ iżid id-diffikultajiet għall-awtoritajiet investigattivi. Dawn jenfasizzaw ukoll il-konnessjonijiet mat-traffikar tad-droga, il-frodi tad-dokumenti, il-falsifikazzjoni tal-muniti, ir-reati tal-proprjetà, il-faċilitazzjoni tal-immigrazzjoni illegali, u t-traffikar illegali tal-armi u tat-tabakk.
Minħabba l-metodi li qed jiġu aġġustati kontinwament użati mit-traffikanti, l-Istati Membri jenħtieġ li jiżguraw taħriġ speċjalizzat għall-professjonisti li probabbilment jiġu f’kuntatt mal-vittmi, li huwa adattat għar-rwol tat-teknoloġiji tal-informazzjoni ġodda, u inizjattivi għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin.
III. IL-ĠLIEDA KONTRA L-KULTURA TAL-IMPUNITÀ U L-PREVENZJONI TAT-TRAFFIKAR TAL-BNEDMIN
Il-ġlieda kontra l-kultura tal-impunità u l-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin huma prijoritajiet ewlenin tal-Kummissjoni skont il-Komunikazzjoni tagħha tal-2017. Il-Kummissjoni se tkompli wkoll tiffoka fuq it-tfixkil tal-mudell kummerċjali tat-traffikar, billi ssegwi l-flus u tħoll il-katina tat-traffikar. Din it-taqsima teżamina l-progress fl-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni u l-kundanna tal-awturi, kif ukoll il-miżuri meħudin biex tittejjeb il-prevenzjoni u titnaqqas id-domanda.
1. It-tħeġġiġ tal-kriminalizzazzjoni tal-użu tas-servizzi pprovduti mill-vittmi
It-tħeġġiġ ulterjuri lil dawk l-Istati Membri tal-UE, sal-punt li huma għadhom ma għamlux dan, biex jikkriminalizzaw dawk li jużaw konsapevolment is-servizzi tal-vittmi huwa fil-qalba tal-prijoritajiet tal-Kummissjoni għall-prevenzjoni tat-traffikar tal-bnedmin kif stabbilit fil-Komunikazzjoni tal-2017. L-Artikolu 18(4) tad-Direttiva Kontra t-Traffikar iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jikkunsidraw il-kriminalizzazzjoni tal-użu tas-servizzi tal-vittmi tat-traffikar meta dan isir bl-għarfien li dawn qed jiġu ttraffikati. Barra dan, l-analiżi fir-“Rapport dwar l-Utenti” tal-Kummissjoni, li jivvaluta l-impatt tal-leġiżlazzjoni nazzjonali li tikkriminalizza l-użu tas-servizzi mill-vittmi tat-traffikar, tiżvela pajsaġġ ġuridiku varjat fl-UE.
Huma biss tliet Stati Membri li kienu kapaċi jipprovdu data statistika fuq il-kuntatti tal-pulizija, il-prosekuzzjonijiet u l-kundanni relatati mal-kriminalizzazzjoni tal-utenti ta’ servizzi bħal dawn. Għaldaqstant, fl-2015-2016, żewġ persuni suspetti (persuni li kellhom kuntatt dirett mal-awtoritajiet), 135 prosekuzzjoni, u 18-il kundanna kienu rrapportati fl-UE li jikkonċernaw l-użu ta’ servizzi li huma l-oġġetti tat-traffikar tal-bnedmin.
L-Istati Membri infurmaw l-aktar dwar il-miżuri relatati mal-użu tas-servizzi pprovduti mill-vittmi tat-traffikar għal sfruttament sesswali u ta’ ħaddiema. L-Istati Membri rrapportaw ukoll dwar l-azzjoni biex tiġi indirizzata l-impunità għall-utenti tal-vittmi tat-traffikar għall-isfruttament ta’ ħaddiema mmirata, fost oħrajn, lejn is-sottokuntratturi, l-intermedjarji u l-ktajjen ta’ provvista.
Filwaqt li l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili esprimew it-tħassib dwar in-nuqqas ta’ rieda politika biex jiġu implimentati l-liġijiet rilevanti, l-Istati Membri rrapportaw dwar leġiżlazzjoni ġdida relatata mal-kriminalizzazzjoni ta’ dawk li jużaw konsapevolment servizzi pprovduti mill-vittmi tat-traffikar.
Kif innutat fir-rapporti preċedenti tal-Kummissjoni, huma meħtieġa sforzi ulterjuri biex tiġi miġġielda l-impunità billi jiġi żgurat li dawk li jisfruttaw u jabbużaw mill-vittmi jinġiebu quddiem il-ġustizzja. Il-Kummissjoni tkompli tħeġġeġ lill-Istati Membri li għadhom ma għamlux dan biex jipproċedu għall-kriminalizzazzjoni ta’ dawk li jużaw konsapevolment is-servizzi pprovduti mill-vittmi tat-traffikar.
2. Iż-żieda u l-effikaċja tal-prosekuzzjonijiet u l-kundanni
Fl-2015-2016, l-Istati Membri rrapportaw 5 979 prosekuzzjoni u 2 927 kundanna għat-traffikar tal-bnedmin. B’mod ġenerali, il-kooperazzjoni transkonfinali permezz tal-kanali tal-Europol u tal-Eurojust żdiedet. Fl-2016-2017 kien hemm 2 476 każ ġdid u 8 411-il messaġġ operazzjonali ġdid riferut lill-Europol. Fl-2014-2015, ġie stabbilit għadd kbir ta’ timijiet ta’ investigazzjoni konġunta fl-Eurojust.
Minkejja xi żieda f’dawn l-aħħar snin, il-livell globali tal-prosekuzzjonijiet u tal-kundanni jibqa’ baxx ħafna. Minħabba n-natura kumplessa ta’ investigazzjonijiet bħal dawn, ħafna drabi jkun hemm evidenza insuffiċjenti biex issostni prosekuzzjoni u biex każ jittella' l-qorti. Bħala konsegwenza, jinġiebu akkużi kontra t-trasgressuri għal reati oħra, bħall-ħasil tal-flus jew reati relatati mal-prostituzzjoni.
Ġiet osservata żieda fl-għarfien u fl-użu ta’ investigazzjonijiet finanzjarji, u ttieħdu miżuri biex dawn l-investigazzjonijiet ikunu iktar effettivi. Il-Eurojust jirrapporta fl-analiżi tiegħu ta’ 28 każ li 75 % minnhom ġew indirizzati minn timijiet ta’ investigazzjoni konġunta, u miss kwistjonijiet bħal investigazzjonijiet tal-ħasil tal-flus u l-insegwiment tal-flussi tal-flus. Dan irrapporta wkoll titjib u żieda fl-użu tal-iffriżar, il-qbid u l-konfiska tar-rikavati tar-reati, u r-rikavati li jintużaw bħala appoġġ għall-vittmi.
Is-sottomissjonijiet tas-soċjetà ċivili enfasizzaw il-ħtieġa li tingħata prijorità lill-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet tat-traffikar għall-isfruttament sesswali, u li jiġi indirizzat il-piż eċċessiv li jitpoġġa fuq il-vittmi u t-testimonjanzi tagħhom, kif ukoll it-tul tal-proċeduri kriminali.
Il-Kummissjoni tappoġġja wkoll b’mod attiv lill-awtoritajiet nazzjonali biex jiffokaw fuq it-titjib tal-effiċjenza u l-effikaċja tal-investigazzjonijiet u l-prosekuzzjonijiet permezz ta’ miżuri li jippermettuhom isegwu l-flus u r-rikavat mit-traffikar, u li jikkriminalizzaw dawk li jużaw is-servizzi tal-vittmi.
3. Azzjonijiet konġunti u l-kooperazzjoni transkonfinali
Ħafna drabi l-katina tal-gruppi kriminali organizzati tinfirex barra mill-fruntieri nazzjonali, u dan ikun jeħtieġ kooperazzjoni transnazzjonali fl-investigazzjonijiet.
L-Aġenziji tal-UE u l-Istati Membri jirrapportaw żieda fil-kooperazzjoni transkonfinali u l-investigazzjonijiet konġunti, b’żieda wkoll fl-għadd ta’ tims ta’ investigazzjoni konġunta stabbiliti ma’ pajjiżi mhux tal-UE, b’mod speċjali l-pajjiżi fil-Balkani tal-Punent. L-Istati Membri enfasizzaw il-ħtieġa li jsaħħu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni internazzjonali bejn l-awtoritajiet tal-intelligence, tal-prosekuzzjoni u ġudizzjarji sabiex isaħħu l-iskambju ta’ informazzjoni u jissimplifikaw l-investigazzjonijiet.
L-Istati Membri jenħtieġ li jkomplu jsaħħu l-infurzar tal-liġi u l-kooperazzjoni ġudizzjarja transnazzjonali Il-kooperazzjoni ma’ pajjiżi mhux tal-UE trid titjieb iktar permezz tal-bini ta’ kapaċità għat-timijiet ta’ investigazzjoni konġunta
4. Sensibilizzazzjoni, taħriġ u l-katina tat-traffikar
Fl-Istati Membri jseħħu diversi inizjattivi li jinkludu azzjonijiet ta’ sensibilizzazzjoni, korsijiet ta’ taħriġ, azzjonijiet leġiżlattivi u tipi oħrajn ta’ gwida. L-Istati Membri jikkoperaw mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq sessjonijiet ta’ taħriġ, kif ukoll jużaw netwerks tal-UE bħan-Netwerk Ewropew tat-Taħriġ Ġudizzjarju jew l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Taħriġ fl-Infurzar tal-Liġi (“CEPOL”).
Il-kampanji ta’ sensibilizzazzjoni tal-Istati Membri huma mmirati lejn id-domanda għas-servizzi mitluba mill-vittmi tat-traffikar, iżda ġiet kondiviża informazzjoni limitata fuq l-impatt tagħhom. Fl-istess ħin, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jiffukaw fuq il-ħtieġa għal kampanji jew programmi edukattivi mmirati biex jiskoraġġixxu d-domanda għal sfruttament sesswali, u jappellaw għal kampanji ta’ sensibilizzazzjoni mmirati lejn il-klijenti.
L-Istati Membri jirrapportaw li ħadu miżuri legali u oħrajn biex jindirizzaw ir-responsabbiltà tal-persuni ġuridiċi fil-katina tat-traffikar usa’, li jinkludu l-kooperazzjoni mas-settur privat.
Il-miżuri ta’ sensibilizzazzjoni u ta’ taħriġ jenħtieġ li jkunu immirati lejn il-kisba ta’ riżultati konkreti, speċjalment għall-prevenzjoni tal-kriminalità. L-Istati Membri huma mħeġġa biex jidentifikaw aħjar l-impatt tagħhom. Li tiġi appoġġjata r-responsabbiltà lejn il-vittmi tfisser ukoll li jiġi żgurat li n-negozji jinżammu responsabbli għall-azzjonijiet jew in-nuqqas ta’ azzjoni tagħhom.
IV. AĊĊESS GĦALL-ĠUSTIZZJA U L-ASSERZJONI TAD-DRITTIJIET TAL-VITTMI
Ġie stabbilit qafas komprensiv li jassisti, jappoġġja u jipproteġi l-vittmi meta jiddefendu d-drittijiet tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni, madankollu għad hemm ostakoli fl-implimentazzjoni tiegħu.
L-Istati Membri jirrapportaw li qed jikkoperaw iktar mill-qrib mal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, filwaqt li s-soċjetà ċivili tenfasizza l-ħtieġa li jiġu formalizzati l-proċeduri biex jiġu ffaċilitati, promossi u mtejba l-iskambji ta’ informazzjoni fis-setturi kollha involuti.
Id-Direttiva Kontra t-Traffikar issaħħaħ ir-regoli dwar il-protezzjoni u l-assistenza lill-vittmi stabbiliti fid-Direttiva 2004/81/KE fuq il-permessi ta’ residenza temporanji. Madankollu, l-Istati Membri adottaw biss għadd limitat ta’ inizjattivi leġiżlattivi rilevanti sa mill-aħħar rapport ta’ implimentazzjoni tal-Kummissjoni fl-2014, li għandhom l-għan l-iktar li jsaħħu ċ-ċertezza legali għall-vittmi u jtejbu l-funzjonament tal-mekkaniżmu tal-permessi ta’ residenza.
1.Identifikazzjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin
L-ewwel rapport tal-progress jinnota li l-possibbiltajiet għall-vittmi biex jaffermaw id-drittijiet tagħhom huma ostakolati mill-fatt li dawn ma jiġux identifikati jew ma ssirx referenza korretta għalihom. Skont l-Istati Membri, il-livell limitu applikat għall-identifikazzjoni inizjali tal-vittmi u t-tul tal-proċeduri jvarjaw madwar l-UE. L-Istati Membri jenfasizzaw ukoll ir-rwol tal-awtoritajiet lokali fl-identifikazzjoni tal-vittmi. Sfidi partikolari jqumu meta ssir l-identifikazzjoni tal-vittmi fi flussi ta’ migrazzjoni mħallta u proċeduri ta’ protezzjoni internazzjonali, inkluż f’każijiet fejn il-vittmi jkunu ġew sfruttati barra mill-ġuriżdizzjoni ta’ Stat Membru.
Hemm informazzjoni limitata fuq l-impatt tal-miżuri biex jiġu identifikati, megħjuna, appoġġjati u protetti l-vittmi. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jirrapportaw diffikultajiet relatati mal-proċeduri tal-ażil u l-ħruġ ta’ permessi ta’ residenza lill-vittmi tat-traffikar, li mhumiex ċittadini tal-UE.
Minkejja dawn l-isfidi, l-Istati Membri jqisu li sar progress fl-identifikazzjoni tal-vittmi, mhux tal-inqas minħabba ż-żieda fil-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet nazzjonali u s-setturi differenti involuti, u l-kooperazzjoni fil-livell transfruntier.
L-identifikazzjoni bikrija tal-vittmi tat-traffikar permezz ta’ sistemi ta’ riferiment nazzjonali, li jenħtieġ li jinkludu s-sistemi tal-ażil, hija kruċjali fil-prevenzjoni tal-kriminalità u l-protezzjoni tal-vittmi.
2.Il-mekkaniżmi ta’ riferiment nazzjonali u transnazzjonali
Diversi mekkaniżmi ta’ riferiment nazzjonali formalizzati jew mhux formalizzati ġew stabbiliti fl-Istati Membri, u dawn qed jagħmlu sforzi biex jiżguraw li l-mekkaniżmi jaħdmu mingħajr xkiel u b’mod effettiv.
L-Istati Membri jirrapportaw żieda fil-kooperazzjoni transnazzjonali, inkluż ma’ pajjiżi mhux tal-UE, organizzazzjonijiet internazzjonali u s-soċjetà ċivili. Barra dan, dawn jirrikonoxxu li l-kooperazzjoni u n-netwerks stabbiliti tejbu t-tul tal-proċeduri, li jenfasizza l-appoġġ tal-finanzjament tal-UE.
L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jippuntaw lejn in-nuqqasijiet persistenti fl-iżgurar ta’ approċċ multidixxiplinarju. Dawn jinnutaw ukoll in-nuqqas li tiġi involuta s-soċjetà ċivili, u n-nuqqas ta’ taħriġ u bini ta’ kapaċità xierqa għall-atturi kollha involuti; u n-nuqqas ta’ uniformità fid-deċiżjonijiet relatati mar-riferiment tal-vittmi.
F’konformità mal-Komunikazzjoni tal-2017, il-Kummissjoni nediet studju dwar ir-reviżjoni tal-funzjonament tal-mekkaniżmi ta’ riferiment nazzjonali u transnazzjonali tal-Istati Membri.
3.Għajnuna lil u protezzjoni tal-vittmi tat-traffikar
Minkejja t-titjib fir-rapportar tal-Istati Membri fl-għoti ta’ għajnuna, appoġġ u protezzjoni lill-vittmi, u biex jiġu mgħaġġla l-proċeduri, l-aċċess mhux kondizzjonali u effettiv għal dawk id-drittijiet mhux dejjem huwa garantit. It-titjib jinkludi l-użu ta’ teknoloġija moderna biex tiġi evitata l-vittimizzazzjoni sekondarja fil-proċeduri kriminali, u l-istabbiliment ta’ djar ta’ kenn u akkomodazzjoni xierqa għall-vittmi.
L-identifikazzjoni ta’ vittmi tfal u l-għajnuna mogħtija lilhom biex ikollhom aċċess għad-drittijiet tagħhom, irrispettivament mill-pajjiż ta’ oriġini tagħhom, tibqa’ sfida. L-Istati Membri jirrapportaw li kellhom proċeduri speċifiċi stabbiliti, inkluż permezz tal-leġiżlazzjoni, biex jindirizzaw it-traffikar tat-tfal, anke fil-flussi tal-migrazzjoni mħallta. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jenfasizzaw il-ħtieġa li jkun hemm enfasi biex jiġu żgurati kompetenzi, taħriġ u bini ta’ kapaċità xierqa għall-atturi kollha rilevanti, inklużi l-gwardjani, il-ħaddiema soċjali u tas-saħħa.
Il-Kummissjoni għamlet rakkomandazzjonijiet lill-Istati Membri biex isaħħu l-protezzjoni tat-tfal migranti.
4.Kumpens għall-vittmi u l-prinċipju ta’ nuqqas ta’ kastig
Il-kumpens għall-vittmi ħafna drabi huwa ostakolat mill-kumplessità u d-diversità tal-iskemi ta’ kumpens nazzjonali u d-differenzi fil-pagamenti ta’ kumpens madwar l-Istati Membri. Ċerti Stati Membri jirrapportaw li l-vittmi rċevew kumpens. Madankollu, is-sottomissjonijiet tas-soċjetà ċivili juru d-diffikultajiet b’mod partikolari għall-vittmi tat-traffikar għall-isfruttament sesswali, li ma jistgħux jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-produzzjoni ta’ evidenza ta’ spejjeż verifikabbli jew telf ta’ xogħol.
Hemm informazzjoni limitata pprovduta lill-Kummissjoni mill-Istati Membri dwar in-nuqqas ta’ kastig. B’mod partikolari, il-vittmi tat-traffikar għall-isfruttament sesswali u għal attivitajiet kriminali sfurzati huma f’riskju għoli li jkunu kkastigati għal reati li jkunu sfurzati jwettqu, kif irrapportat mis-sottomissjonijiet tas-soċjetà ċivili.
L-Istati Membri huma mħeġġin idaħħlu fis-seħħ il-leġiżlazzjonijiet nazzjonali biex jiżguraw li jkollhom implimentati għodod għall-vittmi biex jaċċessaw il-kumpens, inkluż taħriġ u bini ta’ kapaċità xierqa tal-professjonisti rilevanti.
V. RISPONS KOORDINAT U KONSOLIDAT FL-UE U LIL HINN
Bħala riżultat tanġibbli tal-Komunikazzjoni tal-2017, 10 aġenziji tal-UE ffirmaw Dikjarazzjoni Konġunta ta’ Impenn biex jaħdmu flimkien kontra t-traffikar tal-bnedmin. L-awtoritajiet nazzjonali stiednu lill-Koordinatur tal-UE Kontra t-Traffikar biex imexxi żjarat fil-pajjiżi, u seħħew diversi skambji ma’ partijiet ikkonċernati tal-gvern u mhux tal-gvern. Barra minn hekk, tnedew tliet studji li kienu ppjanati fil-Komunikazzjoni tal-2017.
Hemm diversi politiki esterni, sħubiji u djalogi ma’ pajjiżi mhux tal-UE, li jindirizzaw it-traffikar tal-bnedmin, bħall-proċessi ta’ Khartoum u ta’ Rabat, is-segwitu għall-Pjan ta’ Azzjoni Konġunta tal-Belt Valletta u t-Task Force konġunta UA-UE-NU, kif ukoll permezz tal-missjonijiet u l-operazzjonijiet tal-PSDK tagħha. Barra dan, l-UE ffinanzjat diversi azzjonijiet kontra t-traffikar f’pajjiżi mhux tal-UE permezz tal-istrumenti ta’ finanzjament esterni tagħha.
L-allokazzjoni tal-finanzjament tal-UE fil-qasam tal-politika kontra t-traffikar ġiet eżaminata mill-Evalwazzjoni Komprensiva tal-Politika tal-Kummissjoni. Il-Kummissjoni tkompli tippubblika sejħiet għal proposti biex tindirizza t-traffikar tal-bnedmin taħt il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni. Il-finanzjament tal-UE sar disponibbli fil-programmi nazzjonali taħt il-ġestjoni kondiviża u l-għotjiet diretti. Fir-rapporti tagħhom, ħafna Stati Membri jirreferu għall-finanzjament nazzjonali u tal-UE għall-inizjattivi kontra t-traffikar fl-2014-2017. Id-dispożizzjonijiet ta’ finanzjament tal-UE li jappoġġjaw il-politika kontra t-traffikar ġew konklużi fil-proposti tal-Kummissjoni għal regolamenti relatati mal-Qafas Finanzjarju Pluriennali tal-2021-2027. Il-finanzjament nazzjonali huwa dirett lejn l-azzjonijiet fuq kwistjonijiet bħall-għajnuna u l-appoġġ għall-vittmi, iżda l-Istati Membri jirrapportaw fuq id-diffikultà li jistmaw l-ammonti eżatti. L-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jikkundannaw l-iskarsezza ta’ appoġġ finanzjarju għall-programmi ta’ appoġġ għall-vittmi fil-livell nazzjonali u n-nuqqas ta’ sostenibbiltà.
Il-Kummissjoni tħeġġeġ lill-Istati Membri biex jallokaw biżżejjed riżorsi għal servizzi ta’ appoġġ għall-vittmi u biex jiġġieled it-traffikar bħala kriminalità serja u organizzata. F’dan il-kuntest, l-Istati Membri huma mħeġġin ukoll jieħdu vantaġġ sħiħ mill-finanzjament ta’ ġestjoni kondiviża u permezz tal-għotjiet diretti pprovduti f’diversi strumenti ta’ finanzjament tal-Kummissjoni.
VI. KONKLUŻJONIJIET
L-informazzjoni li fuqha huwa bbażat dan ir-rapport turi ċertu titjib, b’mod speċjali relatat mal-kooperazzjoni transfruntiera, il-kooperazzjoni mas-soċjetà ċivili, l-użu ta’ investigazzjonijiet finanzjarji, l-istabbiliment ta’ tims ta’ investigazzjoni konġunta, u l-iżvilupp ta’ mekkaniżmi ta’ riferiment nazzjonali u transnazzjonali.
Madankollu, it-traffikar tal-bnedmin jibqa’ reat ikkaratterizzat minn impunità għall-awturi u għal dawk li jisfruttaw lill-vittmi. Is-sejbiet ta’ dan ir-rapport ma jindikawx li t-traffikar naqas. Barra minn hekk, l-analiżi tad-data tiżvela tendenza li jiġu identifikati vittmi ta’ forom mogħtija prijorità ta’ sfruttament, b’ċerti kategoriji ta’ vittmi mpoġġija fuq quddiem nett tal-azzjoni, filwaqt li oħrajn jirċievu inqas attenzjoni. L-informazzjoni mill-Istati Membri tiżvela kumplessitajiet persistenti u nuqqas ta’ progress f'oqsma ewlenin. L-Istati Membri għalhekk iridu jagħmluha prijorità li jieħdu l-miżuri kollha neċessarji.
L-Istati Membri huma mħeġġa wkoll jieħdu miżuri deċiżivi u jimplimentaw strateġija komprensiva li tinkludi l-aspetti kollha tal-katina tat-traffikar sabiex tiġġieled l-impunità u trawwem tnaqqis fid-domanda, mhux tal-inqas billi tikkriminalizza dawk li jużaw konsapevolment is-servizzi tal-vittmi tat-traffikar. Il-vittmi jkomplu jkollhom aċċess limitat għad-drittijiet tagħhom taħt id-dritt tal-Unjoni għal protezzjoni u appoġġ, kumpens u nuqqas ta’ kastig.
In-numri baxxi ta’ kundanni u prosekuzzjonijiet, flimkien mal-għadd ta’ vittmi tal-UE, jissuġġerixxu li l-ħtieġa li jkomplu jiżdiedu l-isforzi għall-identifikazzjoni tal-vittmi, l-investigazzjoni, il-prosekuzzjoni, il-ġbir u t-titjib tal-irrekordjar u r-reġistrazzjoni tad-data, il-kooperazzjoni transfruntiera u s-sensibilizzazzjoni tippersisti.
Il-Kummissjoni ħadet firxa wiesgħa ta’ passi biex tindirizza t-traffikar tal-bnedmin, implimentat ħafna mill-azzjonijiet konkreti tal-Komunikazzjoni tal-2017 u se tkompli tgħin f’kull mod possibbli, inkluż permezz ta’ appoġġ finanzjarju għall-iżvilupp ta’ miżuri ta’ politika u operazzjonali biex telimina t-traffikar tal-bnedmin.