Brussell, 22.11.2018

COM(2018) 772 final

ANNESSI

għall-

KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI GĦALL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Is-Suq Uniku f'dinja li qed tinbidel

Ass uniku li jeħtieġ impenn politiku mġedded


ANNESS 1

Is-sitwazzjoni leġiżlattiva għall-Istrateġija tas-Suq Uniku, l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali/l-Unjoni Bankarja 1

DESKRIZZJONI TA’ POLITIKA

IL-PARLAMENT

EWROPEW

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

L-ISTRATEĠIJA TAS-SUQ UNIKU

1.

Il-Portal Diġitali Uniku

2.

Il-Proċedura tan-Notifika

3.

L-Għodda ta’ Informazzjoni għas-Suq Uniku (SMIT)

4.

Il-Pakkett dwar il-Merkanzija (Rikonoxximent Reċiproku)

5.

Il-Pakkett dwar il-Merkanzija (Konformità u Infurzar)

6.

Iċ-Ċertifikat ta’ Protezzjoni Supplimentari (SPC) — Rinunzja tal-Manifattura

7.

L-e-Card

8.

Ir-Regolament dwar servizzi ta’ konsenja tal-pakketti transfruntiera

9.

It-test tal-proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regolamenti ġodda tal-professjonijiet

10.

Il-pakkett tal-Liġi tal-Kumpaniji

11.

Il-Valutazzjonijiet tat-Teknoloġija tas-Saħħa

12.

Il-pakkett dwar Ftehim Ġdid għall-Konsumaturi

IS-SUQ UNIKU DIĠITALI

13.

Il-Konnettività tal-Internet f'komunitajiet lokali (WiFi4EU)

14.

Il-portabbiltà transfruntiera ta' servizzi ta’ kontenut online

15.

Ir-roaming

16.

Il-kooperazzjoni għall-protezzjoni tal-konsumatur

17.

It-taxxa fuq il-valur miżjud għall-kummerċ elettroniku

18.

Il-protezzjoni tad-data mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni

19.

Il-Kodiċi għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi u l-Korp ta’ Regolaturi Ewropej

20.

Is-servizzi tal-midja awdjoviżiva

21.

Ir-riforma tad-drittijiet tal-awtur għall-persuni neqsin mid-dawl (l-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Marrakesh)

22.

Il-kopji tal-format aċċessibbli għall-persuni neqsin mid-dawl (l-implimentazzjoni tat-Trattat ta’ Marrakesh)

23.

L-użu tal-banda ta’ frekwenzi 470-790 MHz fl-Unjoni

24.

L-indirizzar tal-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat

25.

Il-fluss liberu tad-data mhux personali

26.

Il-kuntratti għall-forniment ta’ kontenut diġitali

27.

Il-kuntratti għall-bejgħ onlajn u bejgħ ieħor mill-bogħod ta’ oġġetti

28.

L-ekwità għall-utenti kummerċjali tas-servizzi ta’ intermedjazzjoni onlajn (relazzjonijiet bejn il-pjattaforma u n-negozju)

29.

Il-privatezza Elettronika

30.

Id-drittijiet tal-awtur

31.

Ir-Regolament dwar ix-Xandir (id-drittijiet tal-awtur)

32.

L-Att dwar iċ-Ċibersigurtà

33.

L-użu mill-ġdid tal-informazzjoni tas-settur pubbliku (PSI)

34.

.eu Isem ta’ Domain tal-Ogħla Livell

35.

Iċ-ċentru u n-netwerk tal-Kompetenza taċ-Ċibersigurtà

36.

L-operazzjonijiet informatiċi ta’ prestazzjoni għolja

37.

It-taxxa fuq il-valur miżjud għal pubblikazzjonijiet elettroniċi

L-UNJONI TAS-SWIEQ KAPITALI/L-UNJONI BANKARJA

38.

It-Titolizzazzjoni sempliċi, trasparenti u standardizzata

39.

Il-Prospett

40.

Il-Fondi Ewropej ta’ kapital ta’ riskju (EuVECA)

41.

Ir-ristrutturar preventiv, it-tieni ċans u l-effiċjenza tal-proċeduri

42.

Il-Prodott tal-Pensjoni Personali Pan-Ewropew (PEPP)

43.

Ir-rieżami tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej

44.

Il-qafas għall-finanzjament kollettiv tal-UE

45.

Il-qafas Ewropew ta’ bonds koperti

46.

Il-faċilitazzjoni tad-distribuzzjoni transfruntiera tal-fondi ta’ investiment

47.

Effetti vis-à-vis il-partijiet terzi fuq l-assenjazzjoni ta’ talbiet

48.

Il-promozzjoni tas-Swieq tat-Tkabbir tal-SMEs

49.

Regoli aktar proporzjonati u effettivi għad-ditti tal-investiment

50.

Ir-Regolament dwar l-infrastruttura tas-suq Ewropew (Superviżjoni)

51.

Ir-Regolament dwar l-infrastruttura tas-suq Ewropew (REFIT)

52.

L-irkupru u r-riżoluzzjoni tal-kontropartijiet ċentrali

53.

Finanzjament sostenibbli: Tassonomija

54.

Finanzjament sostenibbli: Żvelar

55.

Finanzjament sostenibbli: Parametri referenzjarji ta’ livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju

56.

Il-klassifikazzjoni ta’ strumenti ta’ dejn mhux garantiti fl-insolvenza

57.

L-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti

58.

Ir-Riforma dwar ir-Rekwiżiti Kapitali

59.

Il-kapaċità ta’ assorbiment tat-telf u ta’ rikapitalizzazzjoni (Reg. u Dir.)

60.

Is-Superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ta’ ditti tal-investiment

61.

L-iżvilupp ulterjuri tas-swieq sekondarji għall-NPLs inkluż l-irkupru ta’ valur aktar effiċjenti

62.

Kopertura minima tat-telf għal skoperturi improduttivi

63.

Il-qafas ta’ abilitazzjoni għall-iżvilupp tat-titoli garantiti b’bonds sovrani tal-UE

64.

Garanzija ta’ kontinġenza komuni

65.

Il-Fond tal-UE għall-Investimenti Strateġiċi 2.0

66.

L-approfondiment tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja

67.

Il-ġlieda kontra l-frodi u l-falsifikazzjoni ta’ mezzi ta’ pagament mhux bi flus kontanti

 HUWA POSSIBBLI QBIL JEKK IKUN HEMM IMPENN POLITIKU QAWWI MILL-ISTITUZZJONIIJET KOLLHA TAL-UNJONI

QBIL MALAJR HUWA POSSIBBLI BILLI JIĠU SEGWITI L-PROĊEDURI NORMALI

PREŻENTATI U MAQBULA



ANNESS 2

Eżempji ta’ benefiċċji għas-Suq Uniku ta’ inizjattivi proposti jew diġà adottati

Eżempji ta’ benefiċċji ta’ inizjattivi diġà adottati:

·Id-Direttiva li tistabbilixxi l-Kodiċi tal-Komunikazzjonijiet Elettroniċi Ewropej, miftiehma bejn il-koleġiżlaturi fis-6 ta’ Ġunju 2018, tista’ tikkontribwixxi għal effett kumulattiv fuq it-tkabbir ta’ 1,45 % u fuq l-impjieg ta’ 0,18 % fl-2025, u tissarraf f’impatt kumulattiv fuq l-attività ekonomika ta’ EUR 910 biljun u 1 304 miljun impjieg addizzjonali sal-2025. Id-differenza globali fl-investiment biex jintlaħqu l-objettivi tal-konnettività tal-Unjoni għall-2025, inklużi l-kurituri 5G, hija stmata għal EUR 155 biljun. Il-kodiċi se jikkontribwixxi għat-tnaqqis ta’ din id-differenza billi jistabbilixxi qafas regolatorju stabbli li jinċentivizza lill-atturi privati biex jinvestu fl-oqsma kollha. F’ċerti żoni rurali u remoti, fejn l-inċentivi tas-suq għall-investiment huma nieqsa, l-appoġġ pubbliku għall-investiment fil-broadband jista’ jkollu rwol komplementari, inkluż permezz tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej, kif propost bħala parti mill-proposti tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali li jmiss. L-użu b’suċċess tal-5G jeħtieġ azzjoni koordinata bejn l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati f'konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni 5G. B’mod partikolari, mudell konsistenti ta’ qsim tal-ispettru fl-Unjoni huwa meħtieġ biex iwieġeb għall-ħtiġijiet tul l-awtostradi, fit-trasport, l-utilitajiet u l-kura tas-saħħa. Il-benefiċċji ekonomiċi ta’ skjerament b’suċċess, rapidu u kkoordinat tal-5G madwar l-Unjoni huma sinifikanti ħafna u ġew stmati għal EUR 146 biljun fis-sena u l-ħolqien ta’ 2,39 miljun impjieg 2 .

·Servizzi tal-Gvern elettroniku onlajn bejn il-fruntieri, permezz ta’ Regolament dwar l-istabbiliment ta’ Portal diġitali uniku li jipprovdi aċċess għal informazzjoni, proċeduri u servizzi ta’ assistenza u ta’ soluzzjoni tal-problemi, iffirmat mill-koleġiżlaturi fit-2 ta’ Ottubru 2018. Jeżistu ostakli konsiderevoli kemm għaċ-ċittadini kif ukoll għan-negozji li huma mħajra jemigraw, ibigħu prodotti jew jipprovdu servizzi f’pajjiż ieħor tal-Unjoni. Għal min hu lest li juża l-vantaġġi tas-Suq Uniku, huwa kruċjali li jsib informazzjoni onlajn rilevanti, eżatta u ċara kif ukoll li jkun jista’ jaċċessa u jwettaq proċeduri amministrattivi onlajn, iżda spiss dan għadu proċess ikkumplikat, jieħu ħafna ħin u għali, jekk dejjem ikun possibbli. Ir-Regolament jimplimenta, għall-ewwel darba fil-leġiżlazzjoni, il-Prinċipju ta’ Darba Biss fil-fruntieri sabiex iċ-ċittadini ma jkunux mitluba jissottomettu mill-ġdid data li diġà jkunu pprovdew lill-awtoritajiet nazzjonali. Iċ-ċittadini se jnaqqsu b’ 60 % il-1,5 miljun siegħa li bħalissa qed iqattgħu jagħmlu riċerka onlajn dwar seba’ suġġetti essenzjali qabel ma jmorru barra mill-pajjiż. In-negozji se jiffrankaw bejn EUR 11-il biljun u EUR 55 biljun kull sena għar-riċerka ta’ disa’ suġġetti tan-negozju biss 3 .

·L-immodernizzar tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud (VAT) għall-kummerċ transfruntier bejn in-negozji u l-konsumaturi permezz tad-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017, jissimplifika l-obbligi kumplessi tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud relatati mal-kummerċ elettroniku transfruntier u joħloq kundizzjonijiet ugwali għan-negozji tal-Unjoni u ta’ pajjiżi terzi li ta’ spiss setgħu jagħmlu bejgħ mingħajr Taxxa fuq il-Valur Miżjud mhux konformi. Il-proposta hija mistennija tnaqqas il-kostijiet ta’ konformità tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud għan-negozji b’EUR 2,3 biljun fis-sena mill-2021 filwaqt li fl-istess ħin iżżid id-dħul mit-Taxxa fuq il-Valur Miżjud għall-Istati Membri b’EUR 7 biljun 4 .





Eżempji ta’ benefiċċji ta’ inizjattivi li bħalissa hemm pendenti quddiem il-koleġiżlaturi:

·Il-proposti tad-data (fluss liberu ta’ data mhux personali u informazzjoni tas-settur pubbliku) taħt l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, se jikkontribwixxu għat-tkabbir tal-ekonomija tad-data Ewropea għal EUR 700 biljun sal-2020, li jirrappreżentaw 4 % tal-ekonomija tal-Unjoni (meta mqabbel ma’ 2 % fl-2016). Filwaqt li parti minn dak il-potenzjal diġà ġie sfruttat permezz tal-adozzjoni tar-Regolament dwar il-fluss ħieles ta’ data mhux personali, l-adozzjoni ta’ regoli aġġornati li jrawmu d-disponibbiltà akbar ta’ informazzjoni tas-settur pubbliku tista’ żżid il-valur tal-użu mill-ġdid ta’ din l-informazzjoni minn EUR 145 biljun għal EUR 215-il biljun sal-2028, u tissarraf f'200 000 impjieg addizzjonali relatat mad-data 5 .

·Il-proposta tal-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) proposta mill-Kummissjoni Ewropea għandha l-għan li żżid il-ġustizzja fiskali fis-Suq Uniku u li jinkisbu kundizzjonijiet ekwi. Ladarba tkun kompletament operattiva, il-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva tista’ żżid l-investiment totali fl-Unjoni b’massimu ta’ 3,4 % billi tinċentivizza l-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-finanzjament tal-ekwità. Il-kumpaniji issa se jkunu jistgħu jużaw sett uniku ta’ regoli u jaħdmu mal-amministrazzjoni tat-taxxa domestika tagħhom biex jippreżentaw prospett ta’ taxxa wieħed għall-attivitajiet kollha tal-Unjoni tagħhom. Bil-Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva, iż-żmien li jkun intuża fuq l-attivitajiet ta' konformità annwali għandu jonqos bi 8 % filwaqt li ż-żmien li ntuża għall-istabbiliment ta' sussidjarja jonqos b’massimu ta’ 67 %, u b'hekk ikun eħfef għall-kumpaniji, inklużi l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, biex jiftħu barra pajjiżhom. L-attivitajiet favur it-tkabbir bħall-investiment fir-Riċerka u l-Iżvilupp u l-finanzjament mill-bejgħ ta' ishma se jiġu inċentivizzati, u jappoġġaw l-objettivi usa' li jerġgħu jirkupraw it-tkabbir, l-impjiegi u l-investiment 6 .

·Fil-kuntest tat-tielet pakkett ta’ mobbiltà, il-Kummissjoni pproponiet li tnaqqas il-burokrazija fit-trasport u l-loġistika fil-proposta tagħha għal Regolament dwar l-informazzjoni elettronika dwar it-trasport tal-merkanzija. Din il-proposta għandha l-għan li tiggarantixxi li l-awtoritajiet nazzjonali jaċċettaw li d-dokumenti li jakkumpanjaw il-merkanzija jiġu pprovduti b’mod elettroniku jekk huma disponibbli fuq pjattaformi diġitali siguri u ċċertifikati. Sal-2040, din il-proposta tista’ tirriżulta f’EUR 20-27 biljun ta’ ffrankar għas-settur tat-trasport, jew l-ekwivalenti ta’ 75-102 miljun sigħat ta’ xogħol. L-operaturi tat-trasport bit-triq, li f’99 % tal-każijiet huma intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, ikunu jistgħu jibbenefikaw minn 60 % ta’ dan l-iffrankar 7 .

·Il-Kummissjoni pproponiet regoli ġodda għall-UE kollha biex timmira l-plastik li jintuża darba permezz tad-Direttiva dwar it-tnaqqis tal-impatt ta’ ċerti prodotti tal-plastik fuq l-ambjent. Jekk tiġi adottata, għal 2030 din id-Direttiva se tiffranka 3,4 miljun tunnellata ta’ ekwivalenti ta’ CO². Din tkun tevita l-ħsara ambjentali (ekwivalenti għal EUR 23 biljun). Il-konsumaturi jiffrankaw madwar EUR 6,5 biljun 8 .

(1) Lista komprensiva ta’ inizjattivi leġiżlattivi relatati mas-Suq Uniku attwalment negozjati fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill hija annessa mal-Programm ta’ Ħidma tal-Kummissjoni 2019 (COM(2018)800).
(2) Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni, SWD(2016) 303.
(3) Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni, SWD(2017) 213.
(4) Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni, SWD(2016) 379.
(5) Il-valutazzjonijiet tal-impatt tal-Kummissjoni, SWD(2017) 304 u SWD(2018) 127.
(6) Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni, SWD(2016) 341.
(7) Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni, SWD(2018) 183.
(8) Il-valutazzjoni tal-impatt tal-Kummissjoni, SWD(2018) 254.

Brussell, 22.11.2018

COM(2018) 772 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, IL-KUNSILL EWROPEW, IL-KUNSILL, IL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW U L-KUMITAT TAR-REĠJUNI

Is-Suq Uniku f'dinja li qiegħda tinbidel









Assi uniku li jeħtieġ impenn politiku mġedded


Is-Suq Uniku huwa waħda mill-akbar kisbiet tal-proġett Ewropew. Dan għamel l-Ewropa wieħed mill-aktar postijiet attraenti fid-dinja biex wieħed jgħix u jagħmel negozju fih. Matul l-aħħar 25 sena, dan kien strumentali biex tiżdied il-prosperità u l-ġid taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea. Billi offra lill-impriżi aċċess għal suq kbir u kompetittiv u billi jelimina l-ostakli li jimpedixxu t-tkabbir tagħhom u l-isforzi tagħhom biex jinnovaw u jespandu, dan ta spinta lill-kompetittività tal-industrija. Bis-saħħa tad-diversifikazzjoni tiegħu, is-Suq Uniku għen biex titjieb ir-reżiljenza tal-ekonomija Ewropea u tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja 1 . Minħabba l-iskala tiegħu, dan ta spinta lill-pożizzjoni u l-influwenza tal-Unjoni Ewropea fid-dinja. Il-benefiċċji tas-Suq Uniku jmorru ferm lil hinn minn dawk ta’ żona tal-kummerċ ħieles u unjoni doganali, u jinkludu l-moviment ħieles tal-prodotti, il-persuni, is-servizzi u l-kapital. Dawn l-erba’ libertajiet, li flimkien jippermettu kummerċ u attività ekonomika bla xkiel, huma fil-qalba tas-Suq Uniku. Il-Kummissjoni tistma li l-benefiċċji ekonomiċi tas-Suq Uniku jammontaw għal madwar 8,5 % tal-Prodott Domestiku Gross tal-Unjoni.

Filwaqt li l-kisbiet huma sinifikanti, is-Suq Uniku jeħtieġ, u dejjem se jkun jeħtieġ, sforzi biex jinżamm u jittejjeb. Sabiex is-Suq Uniku jibqa’ sors ta’ tkabbir u opportunitajiet għaċ-ċittadini u n-negozji, dan irid ikompli jadatta għall-iżviluppi u l-isfidi l-ġodda. Hemm aktar diversità ta’ fehmiet dwar liema prijoritajiet għandhom jiġu segwiti u hemm perċezzjonijiet konkorrenti tal-benefiċċji potenzjali. Il-globalizzazzjoni u t-teknoloġiji ġodda jġibu magħhom opportunitajiet enormi imma wkoll iqajmu kwistjonijiet essenzjali ta’ jekk, meta u kif għandha ssir ir-regolamentazzjoni u dwar x’għandu jkun irregolamentat. Infurzar inkonsistenti jew dgħajjef tar-regoli komuni jibqa’ sfida, u l-iżgurar li dawn ir-regoli jibqgħu adattati għall-iskop f’ambjent li qed jinbidel b’rata mgħaġġla jeħtieġ sforzi kostanti.

Fuq kollox, x’aktarx, iktar ma tavvanza l-integrazzjoni, iktar isir politikament ta’ sfida kull “sforz żejjed” hekk kif nitkellmu dwar kwistjonijiet ekonomiċi u soċjali dejjem aktar sensittivi. Huwa diffiċli, pereżempju, li tiġi xpruntata l-integrazzjoni f’oqsma bħas-servizzi li kieku jagħti spinta sinifikanti biex jiżdiedu l-produttività u t-tkabbir, u t-tassazzjoni fejn id-diverġenzi tar-regoli applikabbli huma meqjusa minn ħafna negozji bħala ostaklu ewlieni fis-Suq Uniku. L-istess japplika għad-dimensjoni soċjali tas-Suq Uniku fejn il-progress huwa essenzjali biex jippermetti liċ-ċittadini kollha jibbenefikaw bis-sħiħ mill-integrazzjoni.

Bħala riżultat ta’ dawn l-isfidi, integrazzjoni aktar profonda llum teħtieġ aktar kuraġġ politiku u determinazzjoni politika minn 25 sena ilu, u sforzi akbar minn qatt qabel biex jingħalaq id-distakk bejn ir-retorika u t-twassil. Aħna ħafna drabi nħabbtu wiċċna ma’ sitwazzjoni fejn il-kunsens li jidher li jeżisti fl-ogħla livell dwar il-ħtieġa li jiġi approfondit is-Suq Uniku mhuwiex rifless b’rieda politika li jiġu adottati l-miżuri konkreti li l-Kummissjoni tipproponi u li se jagħmlu differenza, jew biex jiġu trasposti u implimentati miżuri li diġà ġew miftiehma. Anki meta jesprimu appoġġ għall-integrazzjoni ulterjuri tas-suq jew għal aktar armonizzazzjoni, l-Istati Membri spiss jippromwovu biss l-approċċi domestiċi tagħhom bħala bażi għar-regoli Ewropej, li jista’ jwassal għal tensjonijiet politiċi. Dan imbagħad iwassal għal appelli ripetuti biex il-Kummissjoni tressaq ideat ġodda iżda r-rieda li tittieħed azzjoni ma tkunx garantita. Għaldaqstant għandna bżonn ta’ dibattitu miftuħ dwar dawn il-kwistjonijiet u li jiġġedded l-impenn mill-Mexxejja għad-dimensjonijiet kollha tas-Suq Uniku.

Bl-istrateġija tas-Suq Uniku, l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni ressqet sett ambizzjuż u bbilanċjat ta’ miżuri matul dawn l-aħħar erba’ snin biex jiġi approfondit aktar is-Suq Uniku u jsir aktar ġust. Dawn il-proposti flimkien jibnu l-qafas legali ta’ Suq Uniku orjentat lejn il-futur. Diversi proposti diġà ġew adottati, iżda l-Parlament Ewropew u l-Kunsill għad iridu jaqblu dwar 44 mis-67 proposta mniżżla f’dawn l-istrateġiji (ara l-Anness I). Il-Kummissjoni għamlet ukoll proposti importanti u li jħarsu ’l quddiem fil-qasam tal-ekonomija ċirkolari, l-enerġija, it-trasport u l-politiki dwar il-klima li japprofondixxu s-Suq Uniku u jrawmu l-iżvilupp sostenibbli. Sabiex jiġi żgurat li s-Suq Uniku jibqa’ ġust, il-Kummissjoni pproponiet salvagwardji fl-oqsma tal-impjiegi, it-tassazzjoni u l-liġi tal-kumpaniji.

F’Marzu 2018, il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni biex tivvaluta s-sitwazzjoni attwali tas-Suq Uniku dwar l-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tal-leġiżlazzjoni eżistenti li hija kruċjali għall-funzjonament tas-Suq Uniku, kif ukoll l-ostakoli li fadal u l-opportunitajiet għal Suq Uniku li jaħdem bis-sħiħ. Din il-Komunikazzjoni hija l-ewwel rispons għat-talba tal-Kunsill Ewropew u hija adottata flimkien mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u Komunikazzjoni li tagħti rendikont tal-Pjan ta’ Investiment 2 . Hija tippreżenta s-sitwazzjoni attwali, waqt li tfakkar il-benefiċċji għaċ-ċittadini, il-konsumaturi u n-negozji. Din tenfasizza l-ħtieġa urġenti li jintlaħaq qbil qabel it-tmiem taċ-ċiklu leġiżlattiv attwali dwar il-proposti li saru. Din tenfasizza l-ħtieġa għal implimentazzjoni, applikazzjoni u infurzar aktar effettivi tar-regoli tas-Suq Uniku. Hija tivvaluta wkoll l-ostakoli ewlenin li jenħtieġ li jiġu indirizzati sabiex is-suq uniku jkompli jiffunzjona b’mod effettiv, biex b’hekk l-Unjoni tkun tista’ taħtaf l-opportunitajiet ta’ suq Uniku li jista’ jadatta għall-futur li fl-aħħar mill-aħħar se jikkontribwixxi biex jiżgura t-tkabbir u l-prosperità għaċ-ċittadini u n-negozji tagħha u se jsawwar l-aġenda globali.

1.L-Għoti tas-Setgħa u l-Protezzjoni

Is-Suq Uniku huwa mutur b’saħħtu li jixpruna l-kompetittività tal-Unjoni u l-prosperità tal-abitanti tagħha. Huwa jissodisfa funzjoni importanti għas-soċjetà billi joħloq spazju għall-għajxien kondiviż ibbażat fuq regoli komuni għal aktar minn 512-il miljun ċittadin Ewropew. Skont l-Ewrobarometru tar-Rebbiegħa 2018, 82 % taċ-ċittadini tal-Unjoni jappoġġaw il-libertà li jgħixu, jaħdmu, jistudjaw u jagħmlu negozju fi Stati Membri oħrajn. Dan huwa l-ogħla livell ta’ appoġġ għal kwalunkwe politika tal-Unjoni 3 . Barra minn hekk, id-dimensjoni esterna tas-Suq Uniku qed tiġġenera wkoll benefiċċji ekonomiċi u soċjali peress li tat lill-Unjoni vantaġġ uniku fin-negozjati kummerċjali internazzjonali u hija ass li jattira investiment u talent barrani. Dan huwa iktar u iktar importanti peress li l-kompetituri tal-Unjoni fil-livell globali huma l-ekonomiji ta’ daqs kontinentali.

1.1    Aktar opportunitajiet u benefiċċji għaċ-ċittadini

1.1.1    Għażla usa', prezzijiet aktar baxxi u protezzjoni aħjar għall-konsumaturi

It-tneħħija tal-ostakli għall-moviment ħieles ta’ prodotti u servizzi, inkluża d-data, ġabet magħha benefiċċji ekonomiċi konsiderevoli għall-konsumaturi u n-negozji. Il-konsumaturi jibbenefikaw minn għażla akbar u prodotti u servizzi ta’ kwalità għolja bi prezzijiet aktar baxxi. Kompetizzjoni mhux distorta tistimula lin-negozji biex jinnovaw u jtejbu l-prodotti u s-servizzi tagħhom 4 . Eżempji tajbin ta’ dawn il-benefiċċji diretti huma t-tnaqqis ta’ 35 % fil-prezzijiet tat-telekomunikazzjonijiet matul dawn l-aħħar għaxar snin 5 , l-abolizzjoni tat-tariffi tar-roaming u t-tnaqqis tal-ispejjeż ta’ trasport bl-ajru.

Is-Suq Uniku jgħin liċ-ċittadini jagħmlu pagamenti madwar iż-żona tal-euro b’mod ħafna orħos u b’mod ħafna iżjed mgħaġġel. L-adozzjoni tal-euro, l-introduzzjoni taż-Żona Unika ta’ Pagament bl-Euro (SEPA) u d-dħul fis-seħħ tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni 6 allinjaw it-tariffi għall-pagamenti transfruntieri f’euro ma’ dawk domestiċi fiż-żona tal-euro, u b'hekk għamluhom medja ta’ 85 % irħas. Dan jippermetti wkoll liċ-ċittadini li jaħdmu u jistudjaw fi Stat Membru ieħor li jużaw kont eżistenti tagħhom f’pajjiżhom biex jirċievu s-salarju tagħhom jew iħallsu l-kontijiet fil-pajjiż ta’ residenza tagħhom.

Biex is-Suq Uniku jaħdem b’mod effettiv, il-konsumaturi jridu jkunu kapaċi jafdaw il-prodotti li jridu jixtru — kemm oġġetti kif ukoll servizzi, online u offline, u pprovduti lokalment jew minn Stat Membru ieħor. Din il-fiduċja hija żgurata permezz tal-iżvilupp ta’ sett uniku ta’ regoli tal-Unjoni li jipproteġu lill-konsumaturi. Dawn ir-regoli diġà jipprovdu standards komuni ta’ protezzjoni f’ħafna oqsma, bħalma huma s-sikurezza tal-prodott u tal-ikel, l-ambjent, id-drittijiet tal-passiġġieri, il-protezzjoni tad-data u l-privatezza, u l-benessri tal-annimali.

Regoli armonizzati tal-Unjoni dwar l-informazzjoni tal-ikel żiedu l-ħarsien tal-konsumatur u pprovdew ċertezza legali għan-negozji tal-ikel. Dan itejjeb iċ-ċirkolazzjoni u d-disponibilità tal-ikel fis-Suq Uniku. B’mod partikolari, fuq il-bażi ta’ leġiżlazzjoni, ikel imballat u ikliet f’restorant iridu jindikaw b’mod ċar il-preżenza ta’ allerġeni u jridu jipprovdu informazzjoni nutrizzjonali ċara. Dan jipproteġi s-saħħa tal-konsumaturi u jippermettilhom jagħmlu għażliet infurmati.

1.1.2    Il-moviment liberu fl-Unjoni

Hemm 17-il miljun ċittadin tal-Unjoni li jgħixu jew jaħdmu fi Stat Membru ieħor u 9,5 miljun minnhom huma ekonomikament attivi. Madwar 2 miljun ċittadin huma vjaġġaturi transfruntiera ta’ kuljum li jaħdmu jew jistudjaw f’pajjiż iżda jgħixu f’pajjiż ieħor 7 . Il-mobilità fl-Unjoni tal-persuni 8 żdiedet b’mod sinifikanti matul l-aħħar deċennju (ara l-grafika ta’ hawn taħt). Barra minn hekk, mill-bidu tal-Programm Erasmus, aktar minn 9 miljun ċittadin setgħu jqattgħu żmien f’pajjiż ieħor biex jistudjaw, jitgħallmu jew jitħarrġu 9 . Filwaqt li l-progress f’dawn l-oqsma kien impressjonanti, iċ-ċifri jibqgħu baxxi għal kontinent ta’ aktar minn 512-il miljun abitant. Dawn għandhom jitqiesu fil-kuntest ta’ fatturi speċifiċi bħal-lingwa u d-differenzi fis-sistemi soċjali li huma diffiċli biex jingħelbu u li jfissru li l-mobilità tax-xogħol x’aktarx dejjem se tibqa’ inqas fl-Unjoni milli fi swieq integrati oħra.

Ċittadini tal-Unjoni li jgħixu fi Stat Membru ieħor

Sors: Eurostat - Kalkoli proprji

Billi jitneħħew l-ostakli diskriminatorji, mhux ġustifikati jew sproporzjonati għall-mobilità tax-xogħol u billi jiġi stabbilit il-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn ħaddiema nazzjonali u tal-Unjoni, is-Suq Uniku jiftaħ opportunitajiet ġodda ta’ impjieg għaċ-ċittadini tal-Unjoni li jixtiequ jaħdmu fi Stat Membru ieħor. Setturi ekonomiċi li jbatu minn nuqqas ta’ ħaddiema jibbenefikaw ukoll mill-mobilità tal-forza tax-xogħol. Matul il-kriżi ekonomika u finanzjarja, dan għen lill-ħaddiema Ewropej isibu xogħol f’pajjiżi inqas affettwati tal-Unjoni.

Ċittadin tal-Unjoni ħadem għal 4 snin fil-Ġermanja u għal 32 sena fil-Portugall. Fil-Ġermanja, ċittadin irid ikun ħadem għal mill-inqas 5 snin biex ikun intitolat għal pensjoni, u għalhekk normalment ma jikkwalifikax għall-iskema nazzjonali tal-pensjoni fil-Ġermanja. Bis-saħħa tar-regoli tal-Unjoni dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali, l-awtorità tal-pensjoni Ġermaniza kellha tqis is-snin li ċ-ċittadin ikun ħadem fil-Portugall u tħallsu parti mill-pensjoni tiegħu li tikkorrispondi għall-4 snin li ħadem fil-Ġermanja.

Madankollu, huwa importanti wkoll li jiġi rikonoxxut li l-impatt pożittiv tas-Suq Uniku ma ġiex mifrux b’mod ugwali u li mhux iċ-ċittadini kollha huma f’pożizzjoni li jibbenefikaw mil-libertajiet tiegħu. Hemm ħtieġa ċara li jiġi indirizzat it-tħassib taċ-ċittadini f’reġjuni b’qgħad għoli jew li qed jiffaċċjaw bidliet strutturali. Żieda fil-mobilità tal-forza tax-xogħol jew fl-integrazzjoni tas-suq tista’ twassal għal problemi ta’ sigurtà fl-introjtu u fl-impjiegi. Biex dan isir, l-Unjoni ħadet azzjoni biex tagħmel il-forza tax-xogħol tagħha aktar reżiljenti għall-bidliet fis-suq tax-xogħol, pereżempju permezz tal-għoti tal-ħiliet mill-ġdid jew it-taħriġ mill-ġdid, u billi jiġu stabbiliti standards qawwija fis-suq tax-xogħol. Ir-reviżjoni reċenti tal-leġiżlazzjoni dwar il-ħaddiema stazzjonati, pereżempju, tipprovdi protezzjoni msaħħa u b’mod partikolari ddaħħal fis-seħħ il-prinċipju ta’ paga ugwali għal xogħol ugwali fl-istess post. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali 10 jirrifletti fehim komuni tal-istandards soċjali Ewropej, jistabbilixxi aġenda biex jagħti drittijiet ġodda u aktar effettivi liċ-ċittadini u l-ħaddiema, u jindirizza sfidi demografiċi u soċjali emerġenti u d-dinja tax-xogħol li qed tinbidel. Il-politika ta’ koeżjoni tal-Unjoni għandha rwol importanti wkoll biex tgħin liċ-ċittadini u t-territorji biex ilaħħqu mad-distribuzzjoni mhux ekwa tal-benefiċċji tas-Suq Uniku.

F’Ġunju 2016, il-Kummissjoni adottat Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa biex tiżgura li n-nies madwar l-Unjoni jkollhom it-taħriġ, il-ħiliet u l-appoġġ xierqa fi swieq tax-xogħol li qed jinbidlu. Bħala parti minn dan, il-Kummissjoni nediet Pjan ta’ Azzjoni għal Kooperazzjoni Settorjali biex tindirizza l-bżonnijiet tal-ħiliet fuq perjodu medju u qasir f’varjetà ta’ setturi ekonomiċi. 

1.2Benefiċċji għan-negozji

Bis-saħħa tal-armonizzazzjoni tar-regoli nazzjonali, standards komuni madwar l-Istati Membri minflok 28 sett differenti ta’ standards, u l-prinċipju ta’ rikonoxximent reċiproku, is-Suq Uniku joffri aċċess għal suq ta’ aktar minn 512-il miljun konsumatur fejn ideat u prodotti ġodda jistgħu jiġu ttestjati. Ir-regoli tal-Unjoni dwar l-akkwist pubbliku jippermettu approċċ aktar strateġiku għall-infiq pubbliku u jiżguraw li l-Istati Membri, l-awtoritajiet reġjonali u lokali jistgħu jagħżlu l-aħjar offerti abbażi ta’ firxa usa’ ta’ kriterji milli l-iktar prezz baxx biss 11 . Id-diversifikazzjoni, l-iskala, l-esperimentazzjoni u l-innovazzjoni li s-Suq Uniku jagħmel possibbli, huma kollha muturi tal-produttività u għalhekk huma strumentali biex jgħinu lill-kumpaniji Ewropej jibqgħu kompetittivi f’dinja globalizzata. Is-Suq Uniku tal-prodotti, b’mod partikolari, kien ta’ suċċess. Għal aktar minn 80 % tal-prodotti industrijali tneħħew l-ostakli regolatorji bl-adozzjoni ta’ regoli komuni u, meta ma kinux jeżistu regoli bħal dawn, permezz tal-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku. L-integrazzjoni tas-Suq Uniku ssaħħet ukoll. B’mod relattiv għall-ekonomija tal-Unjoni, il-kummerċ intra-UE fil-prodotti u s-servizzi kiber minn 27 % meta mqabbel mad-daqs tal-Prodott Domestiku Gross tal-Unjoni fl-2004 għal 33 % fl-2017, għalkemm il-kummerċ fis-servizzi għadu aktar limitat u ferm taħt il-potenzjal. 

Il-kummerċ fl-Unjoni ta’ prodotti u servizzi (meta mqabbel mad-daqs tal-Prodott Domestiku Gross tal-Unjoni)

Sors: Il-Eurostat

Għan-negozji kollha, kbar u żgħar, is-Suq Uniku joħloq il-possibbiltà li jiġu attirati l-investimenti biex in-negozju tagħhom jikber lil hinn minn pajjiżhom, u biex jilħqu skala li tippermettilhom jespandu kemm madwar l-Unjoni kif ukoll globalment. Grazzi għal wieħed mill-akbar swieq dinjija, l-Unjoni tgħin lin-negozji Ewropej isiru globalment kompetittivi.

Għadd ta’ kumpaniji Ewropej fil-lista tal-aqwa 100 kumpanija globali fl-2017

Sors: Fortune, viżwalizzazzjoni taċ-Ċentru Ewropew ta’ Strateġija Politika

1.2.1    Il-benefiċċji tal-integrazzjoni tas-settur finanzjarju

Minkejja l-kriżi finanzjarja, l-integrazzjoni tas-swieq kapitali fl-Ewropa żdiedet matul l-aħħar 25 sena. Is-swieq kapitali espandew sostanzjalment mill-1992 għal aktar minn darbtejn id-daqs tal-ekonomija tal-Unjoni fl-2015. Aktar u aktar fornituri ta’ servizzi finanzjarji jistgħu joffru s-servizzi tagħhom fl-Unjoni kollha permezz ta’ passaport uniku 12 . Dan jistimula l-kompetizzjoni u joffri opportunitajiet ġodda għan-negozji li jeħtieġu finanzjament fuq is-swieq kapitali. Dawn issa jistgħu jiffinanzjaw aktar l-attivitajiet tagħhom madwar is-Suq Uniku u huma inqas dipendenti fuq il-finanzjament bankarju. Superviżjoni rinfurzata fil-livell tal-Unjoni wasslet għal livelli ogħla ta’ protezzjoni tal-konsumatur u tal-investitur. L-integrazzjoni tas-swieq kapitali wkoll tippromwovi l-innovazzjoni Ewropea li hija kritika biex il-kumpaniji jsiru aktar effiċjenti u produttivi.

1.2.2    It-tfassil ta’ sistema kummerċjali bbażata fuq ir-regoli, miftuħa u multilaterali u l-iżgurar tal-aċċess għal ktajjen ta’ valur internazzjonali

Is-Suq Uniku jagħti s-setgħa lill-Unjoni biex titkellem b’vuċi waħda f’negozjati kummerċjali internazzjonali. B’aktar minn 512-il miljun konsumatur u Prodott Domestiku Gross totali ta’ EUR 15 300 biljun 13 , is-Suq Uniku hu wieħed mill-ikbar swieq tad-dinja. Għalhekk huwa attraenti għas-sħab kummerċjali tagħna u jista’ jintuża bħala lieva biex jiftaħ swieq barranin b’mod li jkun ta’ benefiċċju reċiproku. Dan intwera riċentement bl-iffirmar tal-Ftehimiet ta’ Kummerċ Ħieles mal-Ġappun u ma’ Singapore, il-proposta tal-Kummissjoni għall-iffirmar tal-ftehim mal-Vjetnam, il-konklużjoni ta’ negozjati mal-Messiku, u n-negozjati li għaddejjin ma’ Mercosur 14 , iċ-Ċilì, l-Awstralja u New Zealand. L-aġenda kummerċjali ambizzjuża tal-Unjoni tgħin biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta u kundizzjonijiet ekwi għall-kumpaniji Ewropej fis-swieq ta’ pajjiżi terzi.

L-ekonomija Ewropea f’perspettiva globali

(Prodott Domestiku Gross, f’triljun euro — prezzijiet kurrenti, 2007–2017)

Sors: Il-Bank Dinji u l-Bank Ċentrali Ewropew, Viżwalizzazzjoni taċ-Ċentru Ewropew ta’ Strateġija Politika

Barra minn hekk, l-iskala tas-Suq Uniku tfisser ukoll li l-Unjoni tkun f’pożizzjoni li ssawwar is-sistema kummerċjali multilaterali bbażata fuq ir-regoli u miftuħa. In-negozji minn pajjiżi terzi jridu jkunu konformi mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni biex ikollhom aċċess għas-Suq Uniku, inkluż fl-oqsma tas-saħħa, l-ambjent, is-sigurtà tal-ikel u tal-prodotti, u l-protezzjoni tal-konsumatur. Standards armonizzati Ewropej spiss saru mudelli għal standards globali, u l-politika tal-kummerċ tippromwovihom permezz ta’ ftehimiet ta’ kummerċ ħieles. F’konformità sħiħa mar-regoli tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tad-data u l-privatezza tad-data, l-Unjoni pproponiet dispożizzjonijiet orizzontali għall-flussi transfruntiera tad-data u l-protezzjoni tad-data personali fin-negozjati kummerċjali u ta’ investiment tagħha ma’ pajjiżi terzi.

Il-qafas il-ġdid propost għall-iskrinjar ta’ investimenti diretti barranin se jgħin biex jitħarsu l-interessi strateġiċi tal-Unjoni permezz ta’ aktar trasparenza u skrutinju. Dan kollu jġib miegħu benefiċċji u opportunitajiet sinifikanti għan-negozji. B’dan il-mod, is-Suq Uniku jikkontribwixxi għall-objettivi tal-Unjoni bl-appoġġ tal-paċi, il-valuri tagħha u l-benesseri tal-popli tagħha. Il-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku kif ukoll l-aġenda kummerċjali ambizzjuża tal-Unjoni jirriflettu u jippromwovu dawn il-valuri.

Il-produzzjoni internazzjonali hija dejjem iżjed organizzata fi ħdan katini ta’ valur globali fejn il-proċess tal-innovazzjoni u tal-produzzjoni huwa mifrux f’diversi pajjiżi. Bis-saħħa tas-Suq Uniku, kumpaniji tal-Unjoni jkollhom aċċess għal produzzjonijiet ta’ kwalità ogħla, irħas u aktar varjati u għalhekk ikunu aktar kompetittivi globalment. Dan jiffaċilita l-integrazzjoni tal-kumpaniji fil-ktajjen tal-valur Ewropej, li jgħin biex jiġi żgurat li l-attività ekonomika tibqa’ fi ħdan l-Unjoni. Pereżempju, is-sehem tal-produzzjonijiet minn Stati Membri oħra fil-katini tal-produzzjoni qed jiżdied u issa qabeż l-14 % 15 . Bl-istess loġika, kwalunkwe ostaklu ġdid jew emerġenti mill-ġdid fis-Suq Uniku fl-aħħar mill-aħħar inaqqas il-kompetittività tal-kumpaniji tal-Unjoni. Is-Suq Uniku huwa kruċjali għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju, billi joffri żieda fl-opportunitajiet għan-negozju għall-kumpaniji li ma jesportawx huma stess 16 .

Il-katina tal-valur ta’ manifatturi tat-turbini tar-riħ Ewropej:

il-postijiet ewlenin tal-faċilitajiet ta’ manifattura

Sors: Fuq il-bażi tad-data taċ-Ċentru Konġunt tar-Riċerka

L-Alleanza Ewropea tal-Batteriji hija eżempju tajjeb ta’ katina tal-valur strateġika fl-Ewropa li s-Suq Uniku jagħmel possibbli. Filwaqt li ċ-ċelloli tal-batteriji se jirrappreżentaw proporzjon għoli tal-valur miżjud fil-karozza tal-ġejjieni, l-Unjoni bħalissa mhijiex kapaċi tipproduċihom bil-massa u tiddependi fuq l-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi. Dan jista’ jikkawża problemi bis-sigurtà tal-provvista u jżid l-ispejjeż minħabba t-trasport, id-dewmien fiż-żmien jew kontroll tal-kwalità aktar dgħajjef. Sena wara t-tnedija tal-Alleanza, qed joħorġu konsorzji bbażati fl-Unjoni, qed jinbnew l-ewwel faċilitajiet ta’ produzzjoni pilota, u ġew imħabbra proġetti ulterjuri biex jistabbilixxu lill-Unjoni bħala attur ewlieni f’dan il-qasam strateġiku.

2.L-isfida tat-twettiq

Il-benefiċċji tas-Suq Uniku se jilħqu liċ-ċittadini u n-negozji biss jekk ir-regoli tiegħu jaħdmu fil-prattika. Jekk hux għall-prodotti tal-ikel, l-assigurazzjoni jew ir-rekwiżiti tas-saħħa u s-sikurezza okkupazzjonali, in-nuqqas ta’ konformità mal-liġi tal-Unjoni fi Stat Membru wieħed jista’ jkollu konsegwenzi estensivi f’ieħor. In-nuqqas ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni jista’ jdgħajjef il-fiduċja tal-konsumaturi fis-Suq Uniku. Dan idgħajjef ukoll il-kundizzjonijiet ekwi għan-negozji. L-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-infurzar tajbin tar-regoli tas-Suq Uniku għalhekk huma prerekwiżiti jekk għandu jiġi approfondit is-Suq Uniku kif mixtieq.

2.1    L-implimentazzjoni u l-applikazzjoni tar-regoli tas-Suq Uniku

L-Istati Membri huma responsabbli għall-implimentazzjoni tad-direttivi fil-liġi nazzjonali. Inkiseb progress tajjeb fit-traspożizzjoni tad-direttivi dwar is-Suq Uniku matul l-aħħar 20 sena, kif muri minn tnaqqis sinifikanti tad-defiċit medju tat-traspożizzjoni (minn 6,3 % fl-1997 għal 0,9 % fl-2017). Madankollu, l-implimentazzjoni korretta tal-leġiżlazzjoni kollha li ġiet adottata fl-aħħar ftit snin biex tmexxi ’l quddiem is-Suq Uniku se tkun sfida kondiviża kbira għall-futur immedjat u se teħtieġ l-impenn kontinwu tal-Istati Membri kollha 17 . Sinjali riċenti mhux dejjem kienu inkoraġġanti. Pereżempju, id-defiċit tat-traspożizzjoni għas-16-il direttiva b’dati ta’ traspożizzjoni bejn Diċembru 2017 u Mejju 2018 kien ta’ 25 % f’Ġunju 2018. Fil-każ ta’ tliet direttivi dwar l-akkwist pubbliku li kellhom jiġu trasposti sa April 2016, il-Kummissjoni kellha tniedi 58 proċedura ta’ ksur kontra 21 Stat Membru minħabba li ma kkomunikawx l-ebda miżura ta’ traspożizzjoni, li minnhom 3 għadhom għaddejjin. 

F'każijiet ta’ armonizzazzjoni minima tar-regoli nazzjonali fil-livell tal-Unjoni, huwa leġittimu li l-Istati Membri jmorru lil hinn minn dak li huwa meħtieġ mir-regoli tal-Unjoni jekk jixtiequ hekk. Madankollu, dan m’għandux iwassal għal regolamentazzjoni żejda, fejn il-miżuri nazzjonali jistgħu jwasslu għal piżijiet sproporzjonati fuq iċ-ċittadini u n-negozji 18 . L-integrazzjoni, fejn meħtieġ, tar-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data fl-oqfsa legali nazzjonali huwa eżempju ta’ dan ir-riskju, pereżempju b’sa 600 paġna ta’ leġiżlazzjoni addizzjonali adottati fi Stat Membru wieħed. Fl-2016, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni Ewropea impenjaw ruħhom għall-Ftehim Interistituzzjonali dwar Tfassil Aħjar tal-Liġijiet 19 li jippubblikaw it-test tal-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali u sabiex jiġi ċċarat liema dispożizzjonijiet joriġinaw minn direttivi tal-Unjoni u liema jmorru lil hinn. Din it-trasparenza fiha nnifisha tista’ tgħin biex tiżgura li kwalunkwe rekwiżit addizzjonali jibqa’ proporzjonat u ġġustifikat b’mod ċar. Il-Kummissjoni għamlet disponibbli għodda għall-Istati Membri biex jinnotifikaw kif ittrasponew id-direttivi tal-Unjoni iżda sa issa din ġiet użata biss minn żewġ Stati Membri fir-rigward ta’ tliet direttivi.

L-awtoritajiet tal-Istati Membri huma wkoll responsabbli għall-applikazzjoni tar-regoli tas-Suq Uniku. F’bosta każijiet matul dawn l-aħħar snin, l-applikazzjoni ħażina tar-regoli kellha konsegwenzi kbar. Is-sorveljanza fil-livell tal-Unjoni żdiedet b’riżultat ta’ dan.

L-iskandlu Dieselgate żvela nuqqasijiet fl-infurzar tar-regoli tal-Unjoni fi proċeduri tal-approvazzjoni tat-tip għall-karozzi minn korpi kompetenti fil-livell tal-Istati Membri u n-nuqqas ta’ għodod legali għad-dispożizzjoni tal-Kummissjoni biex din is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata. Il-qafas tal-approvazzjoni tat-tip il-ġdid adottat f’Mejju 2018 se jagħmel l-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni aktar effettiva u jsaħħaħ b’mod sinifikanti s-sorveljanza tal-Unjoni.

Biex tkun effettiva l-leġiżlazzjoni tas-Suq Uniku spiss teħtieġ sorveljanza minn awtoritajiet indipendenti fil-livell nazzjonali li jkollhom biżżejjed persunal u huma mgħammra biżżejjed. Dan huwa l-każ f’oqsma bħall-kompetizzjoni, is-sorveljanza tas-suq, il-protezzjoni tad-data, l-enerġija, t-trasport, it-telekomunikazzjoni u s-servizzi finanzjarji. Dawn il-korpi huma garanzija addizzjonali tal-applikazzjoni tajba tar-regoli tas-Suq Uniku, u l-Kummissjoni se tkompli tagħti attenzjoni partikolari biex tiżgura li dawn jaħdmu sew u jkunu mgħammra b’riżorsi xierqa. B’mod konkret, il-Kummissjoni se ssaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-bini tal-kapaċità amministrattiva, pereżempju permezz tas-Suq Uniku propost u l-Programmi ta’ Appoġġ għar-Riforma taħt il-qafas finanzjarju Pluriennali li jmiss.

Il-protezzjoni tal-konsumaturi kontra prattiki frawdolenti minn negozji bla skrupli hija sfida li teħtieġ kooperazzjoni transfruntiera ikbar fost l-amministrazzjonijiet. Il-każ tal-2017 tal-fipronil fil-bajd wera pereżempju li hemm lok biex tiżdied il-kooperazzjoni fil-qasam tal-prevenzjoni tal-frodi alimentari. Il-koperazzjoni transfruntiera hija meħtieġa wkoll biex iċ-ċittadini u n-negozji jiġu mgħejuna jagħmlu użu tal-libertajiet tagħhom tas-Suq Uniku u biex jiġu solvuti l-kunflitti bejn l-awtoritajiet pubbliċi. Il-Kummissjoni ħadet azzjoni deċiżiva f’dan il-qasam bil-proposta tagħha għal Awtorità Ewropea tax-Xogħol 20 . L-għan tagħha hu li ttejjeb il-moviment liberu tal-ħaddiema, b’mod partikolari permezz tal-kooperazzjoni transfruntiera fost l-awtoritajiet nazzjonali u l-medjazzjoni f’kunflitti transfruntiera.

Kif muri fit-Tabella ta’ Valutazzjoni tal-Ġustizzja 21 , il-Kummissjoni tfakkar li l-indipendenza, il-kwalità u l-effiċjenza tas-sistemi ġudizzjarji u r-rispett lejn l-istat tad-dritt fil-livell nazzjonali huma essenzjali biex tinżamm il-fiduċja fis-Suq Uniku. It-titjib tas-sistemi ġudizzjarji nazzjonali huwa għalhekk prijorità għall-Kummissjoni, kemm jekk permezz tas-Semestru Ewropew — iċ-ċiklu annwali tal-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-Unjoni — jew bl-għajnuna għat-taħriġ u x-xogħol tal-imħallfin, pereżempju permezz tan-netwerk ġudizzjarju Ewropew. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li ssaħħaħ il-kapaċità taċ-ċittadini biex jinfurzaw id-drittijiet tagħhom. Bil-pakkett tal-Ftehim Ġdid għall-Konsumaturi 22 , l-entitajiet ikkwalifikati se jkunu jistgħu jniedu azzjoni legali f’isem il-konsumaturi. Jekk jiġi adottat, dan se jġib mezzi irħas u aktar effettivi biex iwaqqfu u jirrimedjaw għall-ksur li huma ta’ ħsara għal għadd kbir ta’ konsumaturi tal-Unjoni. F’oqsma fejn il-ksur tad-dritt tal-Unjoni jista’ jkun diffiċli biex jiġi skopert u jista’ jikkawża preġudizzju serju għall-interess pubbliku, l-informaturi jistgħu jaqdu rwol kruċjali, kif muri minn diversi skandli reċenti. Il-proposta tal-Kummissjoni li tittratta din il-kwistjoni se tiżgura li l-informaturi jħossuhom sikuri meta jirrappurtaw tali ksur 23 .

2.2    L-infurzar fil-livell tal-Unjoni

Bħala gwardjan tat-Trattati, il-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jirrispettaw ir-regoli tal-Unjoni, prinċipalment permezz ta’ proċeduri ta’ ksur, f’konformità mal-approċċ strateġiku stipulat fil-Komunikazzjoni "Id-dritt tal-UE: Riżultati aħjar permezz ta’ applikazzjoni aħjar" 24 , u l-kontroll tal-għajnuna mill-Istat. L-Unjoni daħħlet ukoll fis-seħħ mekkaniżmi msaħħa ta’ superviżjoni bħall-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej fil-qasam tas-servizzi finanzjarji. Minħabba l-fatt li t-theddid għall-istabbiltà finanzjarja u l-protezzjoni tal-investitur ma jirrispettax il-fruntieri, il-Kummissjoni għamlet proposti 25 biex tiżgura li s-superviżjoni finanzjarja minn dawn l-awtoritajiet tkun aktar b’saħħitha u aktar integrata, inkluż fil-qasam tal-ħasil tal-flus. F’konformità mal-objettiv tagħha li tkun “akbar u aktar ambizzjuża fuq l-affarijiet il-kbar, u iżgħar u aktar modesta fuq l-affarijiet iż-żgħar”, il-Kummissjoni ddeċidiet ukoll li tkompli żżid il-konċentrazzjoni tal-kontroll tal-għajnuna mill-Istat u l-ksur fuq il-miżuri b’impatt sinifikanti fuq is-Suq Uniku, pereżempju rigward l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-tassazzjoni korporattiva 26 .

Il-kumpaniji jistgħu jfixklu l-funzjonament tas-Suq Uniku billi joħolqu ostakli għall-kummerċ, l-investiment u l-intraprenditorija. Meta jkunu involuti fi ftehimiet illegali biex tiġi evitata l-kompetizzjoni, jew meta operaturi dominanti jimpedixxu lill-kompetituri milli jidħlu fis-suq tagħhom, dan iwassal għal prezzijiet ogħla u inqas għażla għall-konsumaturi. Huwa ta’ dannu wkoll għall-intrapriżi li huma vittmi ta’ tali prattiki. F’dawn il-każijiet, il-Kummissjoni se tibqa’ tintervjeni biex tipproteġi l-konsumaturi fis-Suq Uniku u tikkumplimenta l-azzjoni tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni inqas mgħammra sew biex jittrattaw każijiet transfruntiera kbar. Ostakli ġodda għal partijiet tas-Suq Uniku li jiffunzjonaw tajjeb għandhom ukoll jiġu evitati.

Sabiex jiġu identifikati l-ostakoli għas-suq intern li jinħolqu mill-kumpaniji, il-Kummissjoni wettqet inkjesta settorjali dwar il-kummerċ elettroniku fuq skala kbira. Bħala riżultat, il-Kummissjoni qed tiffoka l-infurzar tal-liġi tal-kompetizzjoni fuq ir-restrizzjonijiet kuntrattwali li jxekklu l-kummerċ elettroniku transfruntier. Il-Kummissjoni mmultat lil erba’ kumpaniji f’Lulju 2018 minħabba li rrestrinġu l-abbiltà tal-bejjiegħa bl-imnut li jiddeterminaw b’mod awtonomu l-prezzijiet ta’ bejgħ mill-ġdid tal-prodotti elettroniċi u għax illimitaw il-pajjiżi fejn il-bejjiegħa setgħu jbigħu online.

3.L-isfruttar tal-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku

Sabiex nimxu lejn it-triq ta’ tkabbir ekonomiku ogħla b’mod sostenibbli, l-Unjoni għandha ttejjeb b’mod urġenti l-kundizzjonijiet li jrawmu t-tkabbir tal-produttività. Kif enfasizzat fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni, flimkien mal-innovazzjoni u d-diffużjoni tat-teknoloġija, swieq li jiffunzjonaw b’mod effiċjenti huma mutur ewlieni tat-tkabbir tal-produttività. Is-Suq Uniku huwa wkoll wieħed mill-pedamenti għall-Unjoni Ekonomika u Monetarja u l-integrazzjoni tas-Suq Uniku hija essenzjali sabiex titjieb ir-reżiljenza tiegħu. L-euro, fl-istess ħin, trawwem il-kummerċ transfruntier u tagħmilha aktar faċli biex jittieħed benefiċċju mill-ekonomiji ta’ skala.

F’ħafna oqsma, il-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku bħala għodda biex jiġu ġenerati t-tkabbir, l-impjiegi u l-kompetittività internazzjonali għad irid jiġi sfruttat. Dan huwa l-każ pereżempju tad-diġitalizzazzjoni u l-emerġenza ta’ teknoloġiji ġodda fejn l-isfida ewlenija hija li tittieħed deċiżjoni dwar liema, jekk, meta u kif għandha ssir ir-regolamentazzjoni, u fl-ekonomija ċirkolari fejn l-għan huwa li jinħoloq qafas regolatorju li jiżgura żieda fis-sostenibilità tal-attivitajiet ekonomiċi bil-ħolqien ta’ impjiegi, aktar innovazzjoni u tkabbir. Fiż-żewġ każijiet hemm il-ħtieġa li jiġi żgurat approċċ Ewropew għall-indirizzar tal-kwistjonijiet sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-Suq Uniku li tkun tirriżulta mill-proliferazzjoni tal-approċċi nazzjonali. Hemm ukoll potenzjal sinifikanti ulterjuri bl-industriji tas-servizzi, prodotti, tassazzjoni u netwerks, fejn l-investiment fl-“isforz żejjed” fl-integrazzjoni ekonomika jeħtieġ aktar kapital politiku milli fil-passat. L-impatt estern ta’ aktar integrazzjoni tas-Suq Uniku f’dinja dejjem aktar volatili m’għandux jiġi sottovalutat, peress li dan jagħmel lill-Unjoni aktar attraenti għal sħab kummerċjali internazzjonali u jipprovdiha b’vantaġġ addizzjonali fix-xena internazzjonali.

Biex is-Suq Uniku jiffunzjona sew, huwa importanti li r-regoli jkunu ċari, ġusti u xierqa għall-iskop tagħhom. Il-Kummissjoni tkompli tevalwa b’mod regolari r-regoli eżistenti kif ukoll twettaq konsultazzjonijiet pubbliċi u valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi meta tkun qed tħejji oħrajn ġodda biex tiżgura li l-qafas leġiżlattiv jilħaq l-għanijiet tiegħu mingħajr spejjeż żejda. Barra minn hekk, il-prinċipju tal-innovazzjoni, jgħin biex jiżgura li l-qafas leġiżlattiv ikun tajjeb għall-ġejjieni. Il-Kummissjoni tkompli tiżviluppa għodod ta’ monitoraġġ u twettaq evalwazzjonijiet tal-benefiċċji u l-ostakli għas-Suq Uniku u l-impatt tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar is-Suq Uniku fuq il-bażi tal-esperjenza tal-utent, il-konsumaturi u n-negozji.

3.1    Minn azjendi tradizzjonali għal dawk diġitali

It-teknoloġiji diġitali saru parti integrali tas-Suq Uniku sal-punt li d-distinzjoni bejn is-Suq Uniku tal-“azjendi tradizzjonali” u s-Suq Uniku u tal-“azjendi diġitali” m’għadhiex rilevanti. Id-diġitalizzazzjoni tal-kumpaniji — inklużi l-industriji tradizzjonali — u l-amministrazzjonijiet hija essenzjali, u r-regoli tas-Suq Uniku jeħtieġ li jiġu mfassla u miżmuma aġġornati biex jiġi żgurat li l-innovazzjoni u d-diffużjoni ta’ teknoloġiji ġodda tagħti spinta lit-tkabbir tal-produttività 27 . B’dan il-mod, is-Suq Uniku se jkompli jappoġġja negozji innovattivi u jiżgura li n-negozji l-ġodda jkunu jistgħu jespandu u jiffjorixxu fl-Unjoni. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-pjattaformi tal-kummerċ elettroniku, tat-teknoloġija finanzjarja 28 u l-ekonomija kollaborattiva.

It-teknoloġiji diġitali jistgħu jippermettu lin-negozji biex ibigħu prodotti u servizzi direttament fid-djar ta’ aktar minn 512-il miljun konsumatur madwar l-Unjoni. Fl-2017, 33 % tal-konsumaturi Ewropej u 18 % tan-negozji Ewropej biegħu jew xtraw online bejn il-fruntieri 29 . Madankollu, l-ostakli l-ġodda stabbiliti mill-Istati Membri jew min-negozji jxekklu t-tkabbir tal-kummerċ elettroniku, jaffettwaw il-kummerċ transfruntiera u għalhekk jeħtieġ li jiġu indirizzati fil-livell tal-Unjoni. Sejba ewlenija ta’ investigazzjonijiet reċenti tal-Kummissjoni kienet li kważi 40 % tas-siti web ma jippermettux lill-klijenti minn Stati Membri oħra sabiex jikkonkludi l-bejgħ tagħhom online 30 .

Fil-kuntest tal-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali, il-Kummissjoni ressqet għadd ta’ inizjattivi biex tindirizza l-akbar ostakli għall-kummerċ elettroniku. Bosta minn dawn diġà ġew adottati dwar l-Imblukkar ġeografiku 31 , is-Servizzi ta’ konsenja tal-pakketti transfruntiera 32 , it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud għall-kummerċ elettroniku 33 u l-Kooperazzjoni għall-Protezzjoni tal-Konsumatur 34 . Ir-Regolament dwar l-Imblukkar Ġeografiku, li se japplika mit-3 ta’ Diċembru 2018, se jipprojbixxi prattiki diskriminatorji bbażati fuq in-nazzjonalità, ir-residenza jew il-post ta’ stabbiliment. Il-proposti għal kuntratti Diġitali aġġornati 35 , li għadhom fil-fażi ta’ negozjar, se jipprovdu lill-konsumaturi b’serħan il-moħħ li jkollhom livell komparabbli ta’ protezzjoni meta jixtru kontenut diġitali bħal meta jixtru oġġetti tanġibbli, kemm jekk f’pajjiżhom jew barra minn pajjiżhom.

Il-pjattaformi online saru atturi prominenti fis-Suq Uniku, li jippermettu lil aktar minn miljun negozju biex jilħaq lill-konsumaturi madwar l-Unjoni. Il-potenzjal tal-innovazzjoni tal-pjattaformi online, madankollu, huwa mxekkel minn nuqqas ta’ fiduċja kif ukoll mill-proliferazzjoni tar-regoli nazzjonali. Għar-relazzjonijiet bejn in-negozji, hemm bżonn ta’ azzjoni fil-livell tal-Unjoni sabiex jiġu żgurati kummerċ u kompetizzjoni online affidabbli, trasparenti u ġusti. Il-Kummissjoni ressqet proposta għal regoli armonizzati ġodda għall-prattiki ta’ "Pjattaformi għan-negozji” f’April 2018 36 . Ir-regoli dwar id-drittijiet tal-awtur, kif ukoll dawk dwar it-tassazzjoni jeħtieġ ukoll li jkunu adattati għall-era diġitali u l-Kummissjoni għamlet proposti biex dan isir 37 .

 

L-ekonomija kollaborattiva emerġenti toffri opportunitajiet għaċ-ċittadini u n-negozji. Aktar minn 400 000 ċittadin diġà huma involuti f’attivitajiet ekonomiċi bħat-trasport, l-akkomodazzjoni u l-finanzi. Biex ikun possibbli għall-mudelli tan-negozji li jibnu fuq l-ekonomija kollaborattiva biex jikbru sal-massimu tal-potenzjal 38 u tal-iskala tagħhom, huwa essenzjali li tiġi evitata r-regolamentazzjoni mhux koordinata mill-Istati Membri, pereżempju fid-definizzjoni tad-delimitazzjonijiet bejn xogħol ta’ impjegati u forniment tas-servizzi bejn il-pari. Jeħtieġ li jintlaħaq bilanċ ġust bejn il-protezzjoni tal-ħaddiema u l-adattabbiltà tas-suq tax-xogħol bħal fil-proposta reċenti tal-Kummissjoni dwar kundizzjonijiet tax-xogħol trasparenti u prevedibbli fl-Unjoni 39 . Din il-proposta hija parti mill-implimentazzjoni tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, fejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jeħtieġ li jagħmlu progress ulterjuri sa Marzu tal-2019 dwar in-negozjati tad-diversi inizjattivi leġiżlattivi sabiex jagħmluh aktar operattiv.

3.2    Nimmassimizzaw l-opportunitajiet għall-ekonomija Ewropea tad-data

Ekonomija diġitali b’saħħitha teħtieġ ekosistema ta’ data li hija msejsa fuq tliet sisien: il-fiduċja, id-disponibbiltà tad-data u l-kapaċitajiet/l-infrastruttura. Is-Suq Uniku huwa l-livell it-tajjeb biex tinbena ekosistema bħal din. Ġew identifikati bħala prijoritajiet l-iżvilupp u l-adozzjoni rapida tar-regoli u l-istandards Ewropej u, fejn rilevanti, dawk internazzjonali li jiżguraw l-armonizzazzjoni tas-suq u l-interoperabilità tal-prodotti u s-servizzi diġitali.

Ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) huwa essenzjali biex tiġi żgurata l-fiduċja fis-Suq Uniku għad-data personali. Din tinkorpora d-drittijiet u l-valuri fundamentali fil-politika diġitali Ewropea u tistabbilixxi standard globali ġdid. Tagħti liċ-ċittadini aktar kontroll fuq kif tiġi pproċessata d-data personali tagħhom minn kumpaniji, inkluż id-dritt tagħhom li jiġu minsija, filwaqt li toffri sett uniku ta’ regoli madwar l-Unjoni għan-negozji.

Ir-Regolament propost dwar il-Privatezza Elettronika 40 se jikkomplementa r-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data billi jiddaħħlu fis-seħħ sett uniku ta’ regoli li jiżguraw livell għoli ta’ privatezza għall-komunikazzjonijiet elettroniċi kollha. Il-fiduċja fir-reżiljenza tal-ekosistema Ewropea tad-data se tissaħħaħ ukoll permezz ta’ miżuri li jippromwovu Suq Uniku taċ-ċibersigurtà kif stabbilit fl-istrateġija taċ-Ċibersigurtà 41 .

L-aċċess għad-data huwa essenzjali għall-ekonomija tad-data. Bl-adozzjoni tar-regolament dwar il-moviment liberu ta’ data mhux personali 42 , l-ostakli għal tali fluss ħieles se jsiru illegali, filwaqt li se jiffaċilita l-operat transfruntiera tan-negozji tal-ekonomija tad-data fl-Unjoni. L-adozzjoni tad-direttiva riveduta dwar l-informazzjoni tas-settur pubbliku 43 se tgħin ukoll biex jiġi żgurat li ssir disponibbli aktar data ta’ kwalità għolja għan-negozji u l-innovaturi. Sabiex tinbena l-għodda neċessarja biex id-data tintuża b’mod effiċjenti, l-Unjoni jeħtieġ li ssaħħaħ il-kapaċitajiet tagħha fl-intelliġenza artifiċjali, l-informatika ta’ prestazzjoni għolja u teknoloġiji quantum. Fil-qasam tal-intelliġenza artifiċjali diġà għaddej ix-xogħol fuq Pjan Koordinat biex jiġu identifikati u mmobilizzati l-investimenti meħtieġa, u fuq linji gwida etiċi għall-iżvilupp u l-użu ta’ dawn it-teknoloġiji meta jinteraġixxu mal-bnedmin.

3.3    L-indirizzar ta’ preferenzi ġodda tal-konsumatur u tal-investitur f’ekonomija ċirkolari u finanzi sostenibbli

Il-konsumaturi qegħdin dejjem aktar jagħżlu prodotti u servizzi li ġew żviluppati u li jiffunzjonaw b’mod sostenibbli. Din it-tendenza għandha tiġi appoġġjata peress li tikkontribwixxi għal ekonomija aktar ċirkolari u b’livell baxx ta’ karbonju, u tipprovdi opportunitajiet kummerċjali ġodda. Madankollu, l-proliferazzjoni ta’ inizjattivi fil-livell nazzjonali jew lokali tista’ twassal għal frammentazzjoni u fl-aħħar mill-aħħar tfixkel il-kisba ta’ dawn l-għanijiet. Permezz ta’ azzjoni fil-livell tal-Unjoni, is-Suq Uniku jgħin biex jiżgura kundizzjonijiet favorevoli għall-investimenti u l-innovazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin jgħin fil-ksib tal-objettivi klimatiċi, tas-saħħa pubblika u l-objettivi ta’ sostenibbiltà b’mod aktar effettiv 44 .

L-ekonomija ċirkolari, fejn il-valur tal-prodotti, il-materjal u r-riżorsi jinżamm għall-itwal żmien possibbli u l-ġenerazzjoni tal-iskart tiġi minimizzata, trid issir karatteristika intrinsika tas-Suq Uniku. Skont il-Pjan ta’ Azzjoni tal-Ekonomija Ċirkolari 45 , il-Kummissjoni daħħlet fis-seħħ għadd ta’ azzjonijiet biex jappoġġjaw l-ekonomija ċirkolari tul il-katina kollha tal-valur — mill-fażi tad-disinn u tal-produzzjoni sal-konsum, it-tiswija u l-manifattura mill-ġdid, l-immaniġġar tal-iskart, u l-materja prima sekondarja li terġa’ ssib postha fl-ekonomija. Dan l-approċċ diġà ġie applikat għal plastiks, fejn il-potenzjal għal riċiklaġġ tal-iskart għadu fil-biċċa l-kbira mhux sfruttat. Sal-2030, l-imballaġġ tal-plastik kollu għandu jkun riċiklabbli b’mod kosteffettiv. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll regoli komuni biex jiġu pprojbiti prodotti tal-plastik li jintużaw darba, u sabiex tiġi evitata l-frammentazzjoni tas-Suq Uniku li setgħet ġiet ikkawżata minn settijiet differenti ta’ regoli nazzjonali.

Il-bini ta’ Suq Uniku għall-kapital tista’ tkun ukoll għodda li tgħin lill-Unjoni tissodisfa l-impenji tagħha skont il-Ftehim ta’ Pariġi 46 . Biex il-kapital privat jiġi investit fi proġetti sostenibbli, l-atturi finanzjarji għandhom bżonn kundizzjonijiet ekwi. Biex tirrispondi għal domanda li qed tikber, il-Kummissjoni ressqet Pjan ta’ Azzjoni dwar il-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli 47 , u pproponiet regoli li jipprovdu għal fehim komuni tal-prodotti finanzjarji sostenibbli u t-trasparenza meħtieġa għall-iżvilupp tagħhom 48 . Biex tiffissa viżjoni tat-tnaqqis fit-tul tal-emissjonijiet tal-gass b’effett serra fl-Unjoni, il-Kummissjoni dalwaqt se tippreżenta strateġija li tirrifletti l-għanijiet tal-Ftehim ta’ Pariġi dwar it-tibdil fil-klima. Dalwaqt se tippreżenta wkoll dokument ta’ riflessjoni dwar it-triq lejn Ewropa sostenibbli sal-2030, b’segwitu għall-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti.

3.4    Sfidi persistenti fis-swieq tal-prodotti u s-servizzi

Is-Suq Uniku huwa strument b’saħħtu li għandna biex jinfirxu l-innovazzjoni u t-teknoloġiji ġodda biex l-ekonomiji Ewropej isiru aktar produttivi u jiġġeneraw progress soċjali għaċ-ċittadini. Ġie stmat li l-avvanz ta’ aktar riformi biex jitjieb il-funzjonament tas-Suq Uniku għall-prodotti manifatturati, li diġà huwa suċċess fih innifsu, jista’ jiġġenera sa EUR 183 biljun fis-sena 49 . L-ikbar sodisfazzjon, madankollu, se jiġi mill-integrazzjoni ulterjuri tas-servizzi, u b’mod partikolari s-servizzi tan-negozju, mhux l-inqas minħabba ż-żieda fl-amalgamazzjoni ta’ attivitajiet tal-manifattura u s-servizzi bħal dawk fl-ekonomija tad-data. F’dan il-qasam ġie stmat li jkun hemm gwadann possibbli ta’ massimu ta’ EUR 338 biljun fis-sena 50 . Flimkien mat-tassazzjoni u d-drittijiet soċjali, dak tas-servizzi huwa qasam fejn id-distakk bejn ir-retorika dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku u t-twettiq tal-miżuri meħtieġa joħroġ l-aktar fid-dieher 51 .

Il-kummerċ tal-prodotti li jiddependu fuq il-prinċipju tar-rikonoxximent reċiproku għaliex m’hemm l-ebda regoli armonizzati tal-Unjoni għadu inqas sew mill-kummerċ ta’ prodotti li huma soġġetti għal dawn ir-regoli (35 % kontra 55 % tal-konsum domestiku) 52 . Sabiex tiġi indirizzata din l-isfida, il-Kummissjoni pproponiet il-Pakkett dwar il-Prodotti tal-2017 53 biex tagħmilha aktar faċli għall-kumpaniji biex ibigħu l-prodotti tagħhom fi Stati Membri oħra u jippruvaw il-konformità tagħhom mal-leġiżlazzjoni ta’ pajjiżhom.

L-istandardizzazzjoni għandha rwol ewlieni fl-iżvilupp tas-Suq Uniku billi tappoġġja kompetizzjoni bbażata fuq is-suq u billi tgħin biex tiġi żgurata l-interoperabbiltà tal-prodotti u s-servizzi. Il-prodotti li jikkonformaw ma’ standards armonizzati volontarji, approvati fil-livell tal-Unjoni jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ konformità u għalhekk jistgħu jiċċaqilqu b’mod ħieles fis-Suq Uniku. Dan kien verament ta’ benefiċċju pereżempju fil-qasam tal-inġinerija jew fil-qasam tat-teknoloġiji tal-informazzjoni. Filwaqt li qed ikunu żviluppati standards armonizzati mill-korpi Ewropej ta’ standardizzazzjoni, il-Kummissjoni qiegħda tniedi, tamministra u twettaq monitoraġġ ta’ dawn l-istandards u għandha r-responsabbiltà aħħarija tagħhom, kif imfakkar mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fl-2016 54 . Filwaqt li s-sistema attwali hija funzjonali, il-Kummissjoni tagħraf li huwa meħtieġ aktar titjib u għalhekk ippreżentat pjan ta’ azzjoni flimkien ma’ din il-Komunikazzjoni biex l-iżvilupp ta’ standards armonizzati jkun aktar rapidu, aktar effiċjenti u aktar trasparenti 55 .

L-Unjoni Ewropea hija ekonomija tas-servizzi (70 % tal-Prodott Domestiku Gross tal-Unjoni) imma minkejja dan, il-kummerċ transfruntiera għadu fil-biċċa l-kbira jikkonċerna l-merkanzija. Huma biss 20 % tas-servizzi li qed jiġu nnegozjati bejn il-fruntieri u jammontaw biss għal 5 % tal-Prodott Domestiku Gross tal-Unjoni 56 . Taqsimiet kbar fl-ekonomija tas-servizzi mhux qed jieħdu vantaġġ mis-Suq Uniku, b’mod partikolari s-servizzi tan-negozju u l-industriji tan-netwerks. Fil-każ tas-servizzi tan-negozju (11 % tal-Prodott Domestiku Gross tal-Unjoni), il-kumpaniji Ewropej rarament jixtru servizzi minn kontabilisti jew konsulenti tat-taxxa barranin. Is-servizzi tan-negozju huma eżempju wieħed fejn is-servizzi qed isiru aktar u aktar importanti għall-manifattura: madwar 80 % tal-output mis-servizzi legali, kontabilistiċi, tal-inġinerija u tal-arkitettura huma fil-fatt użati bħala inputs intermedji għal setturi oħra, inklużi attivitajiet tal-manifattura. Barra minn hekk, ir-restrizzjonijiet fis-settur tal-bejgħ bl-imnut ikollhom effetti negattivi sekondarji f’setturi oħra tal-ekonomija, b’mod partikolari f’dak tal-manifattura, iktar ’il fuq fil-katina 57 .

Fid-dawl taż-żieda fil-kompetizzjoni fis-swieq globali għal prodotti manifatturati, il-vantaġġ kompetittiv tal-Unjoni jistrieħ dejjem aktar fuq l-input tas-servizzi u l-komponent tas-servizzi fil-katina ġenerali tal-valur. L-istabbiliment ta’ suq aktar dinamiku għall-għoti ta’ servizzi transfruntiera fl-Unjoni għalhekk huwa komponent ewlieni tal-kompetittività futura tal-industrija tal-Unjoni. Il-multipliċità tar-rekwiżiti legali u regolatorji fil-livell nazzjonali f’ħafna setturi tas-servizzi parzjalment tispjega l-ammont aktar baxx ta’ attività transfruntiera. Dawn ir-rekwiżiti, li jkopru kwistjonijiet bħall-forma legali u l-parteċipazzjoni azzjonarja, il-projbizzjoni ta’ attivitajiet multidixxiplinarji u r-reklamar, jeżistu b’mod partikolari f’servizzi professjonali regolati ħafna. Biex jiġu evitati l-abbużi jew ir-rekwiżiti sproporzjonati, proposta tal-Kummissjoni miftiehma reċentement tesiġi li l-Istati Membri jwettqu testijiet ta’ proporzjonalità qabel l-adozzjoni ta’ regoli ġodda dwar il-professjonijiet regolati 58 . Il-Kummissjoni pproponiet ukoll li l-Istati Membri jinnotifikaw l-abbozzi leġiżlattivi tagħhom fil-qasam tas-servizzi 59 sabiex il-Kummissjoni tkun tista’ tevalwa jekk dawn jikkonformawx mal-liġi tal-Unjoni qabel ma jiġu adottati. Din il-proposta għadha pendenti mal-
koleġiżlaturi u hija eżempju reċenti ta’ fejn ix-xewqa biex is-Suq Uniku jingħata imbuttatura ma tiltaqax kompletament mar-rieda politika biex jiġu adottati l-miżuri neċessarji.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni pproponiet li jiġu aġġornati r-regoli dwar il-koordinazzjoni tas-sigurtà soċjali 60 biex tiffaċilita aktar il-protezzjoni tad-drittijiet soċjali ta’ ħaddiema transfruntiera u biex tippermetti kontrolli aħjar mill-awtoritajiet nazzjonali kontra l-frodi. L-Awtorità tax-Xogħol Ewropea l-ġdida se tgħin ukoll biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri f’dan il-qasam u biex tiżgura li jkollhom aċċess għal tagħrif tajjeb dwar il-mobilità tal-forza tax-xogħol.

Is-setturi intensivi fil-proprjetà intellettwali huma parti sinifikanti tal-ekonomija Ewropea (39 % tal-Prodott Domestiku Gross tal-Unjoni u 35 % tal-impjiegi fl-Unjoni). Il-progress riċenti f’dan il-qasam jinkludi l-adozzjoni tad-Direttiva riveduta dwar it-Trademarks 61 fl-2015 li timmodernizza ulterjorment l-acquis Ewropew li kellu suċċess kbir f’dan il-qasam. Madankollu, il-benefiċċji kollha tas-sistema tal-Privattiva Unitarja tirrikjedi d-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Qorti Unifikata tal-Privattivi li għadha pendenti.

3.5    Sfidi kbar għall-industriji tan-netwerks

 

Il-konsumaturi u n-negozji mhumiex igawdu bis-sħiħ mill-benefiċċji tal-kompetizzjoni fl-industriji tan-netwerks irregolati. Sar progress tajjeb fl-integrazzjoni tas-suq intern tal-enerġija fejn l-enerġija hija dejjem aktar innegozjata b’mod ħieles bejn il-fruntieri. Madankollu, it-tnaqqis sinifikanti tal-prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa — madwar 40 % bejn l-2008 u l-2017 — ma ġiex rifless bis-sħiħ fil-prezzijiet tal-konsumatur, li naqas b’medja ta’ 13 % biss matul dan il-perjodu. Dan huwa parzjalment minħabba l-poter tas-suq tal-operaturi diġà stabbiliti u parzjalment għal barrieri għad-dħul ta’ kompetituri ġodda bħal prezzijiet regolati. Il-proposta tad-“disinn tas-suq” tal-pakkett Enerġija Nadifa għall-Ewropej kollha 62 , għandha l-għan li tistimula l-kompetizzjoni billi toħloq kundizzjonijiet ekwi bejn id-diversi teknoloġiji tal-produzzjoni tal-elettriku u billi tagħti s-setgħa lill-konsumaturi jsiru atturi attivi fis-suq tal-elettriku. Dan il-pakkett se jgħin ukoll biex jintegra s-swieq tal-elettriku, tas-sħana u tat-trasport permezz tal-użu ta’ teknoloġiji diġitali li se jżidu l-kompetizzjoni u jgħinu biex jintlaħqu l-għanijiet ta’ dekarbonizzazzjoni.

Fil-qasam tat-trasport u l-mobilità, għadhom jeżistu għadd kbir ta’ ostakli u l-kompetituri ġodda spiss jiffaċċjaw restrizzjonijiet inġustifikabbli ta’ aċċess għal servizzi ferrovjarji domestiċi u tat-triq. Il-frammentazzjoni tas-suq tat-trasport u l-lakuni fil-leġiżlazzjoni soċjali huma kwistjonijiet li jikkonċernaw primarjament it-trasport bit-triq. Fl-istess ħin, in-nuqqas ta’ interoperabbiltà bħala riżultat tar-rekwiżiti nazzjonali diverġenti jimpedixxi l-kompetizzjoni fil-merkanzija ferrovjarja u s-servizzi ferrovjarji internazzjonali milli jiżvolġu bis-sħiħ. L-implimentazzjoni tar-4a pakkett ferrovjarju se ttejjeb l-interoperabbiltà u tiftaħ is-swieq ferrovjarji domestiċi (għall-passiġġieri), filwaqt li l-adozzjoni tal-atti proposti skont it-tliet Pakketti ta’ mobilità tal-2017 u l-2018 se tikkontribwixxi bil-kbir għall-ħolqien taż-Żona Unika Ewropea tat-Trasport 63 .

L-iskjerament tal-4G fl-Ewropa mexa bil-mod minħabba regoli nazzjonali diverġenti u approċċi dwar l-allokazzjoni tal-baned tal-ispettru. L-adozzjoni reċenti tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-5G 64 u l-Kodiċi Ewropew għall-Komunikazzjonijiet Elettroniċi 65 , inklużi regoli ġodda għall-ġestjoni tal-ispettru, se jiżguraw li l-meded għal servizzi ġodda tal-5G ikunu disponibbli għall-użu sal-2020 fl-Unjoni kollha bl-istess kundizzjonijiet tekniċi. Dan se jappoġġa l-implimentazzjoni tal-5G u se jipprovdi wkoll inċentivi għall-iżvilupp ta’ netwerks fissi u mobbli ta’ kapaċità għolja ħafna essenzjali għall-ekonomija tad-data, l-intelliġenza artifiċjali u d-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u s-soċjetà tagħna.

3.6    Lejn swieq kapitali iktar integrati u Unjoni Bankarja li taħdem kif suppost

Il-konsumaturi u n-negozji Ewropej għadhom mhux qed jibbenefikaw mill-opportunitajiet, l-effiċjenza u s-sigurtà miżjuda kollha li jipprovdu swieq kapitali integrati b’mod sħiħ u Unjoni Bankarja kompluta. Bl-introduzzjoni tal-euro, l-integrazzjoni tas-swieq finanzjarji tal-Unjoni saret saħansitra aktar importanti. F’ħafna Stati Membri, il-kriżi finanzjarja kellha impatt sinifikanti fuq is-self mill-banek li wassal għal inqas kreditu disponibbli għall-kumpaniji u tfixkil serju fl-ekonomija reali. Fl-Ewropa, il-kreditu bankarju transfruntiera u sorsi alternattivi ta’ finanzjament għadhom mhumiex żviluppati biżżejjed. L-Ewropa għandha biss 26 “unicorns”, jiġifieri negozji ġodda b’valur ta’ aktar minn EUR 1 biljun euro, meta mqabbla ma’ 106 fl-Istati Uniti u 59 fiċ-Ċina. Sabiex jiġu stimulati aktar investimenti privati u pubbliċi fl-ekonomija, huwa importanti li jiżdiedu l-isforzi biex jiġu identifikati u indirizzati l-ostakoli eżistenti fil-livell tal-Unjoni u dak nazzjonali kif stabbilit fil-Komunikazzjoni “Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa – analiżi tas-sitwazzjoni u l-passi li jmiss” li ġiet adottata llum mill-Kummissjoni 66 .

Id-diversifikazzjoni tas-sorsi ta’ finanzjament għan-negozji tal-Unjoni hija prijorità taħt l-Unjoni tas-Swieq Kapitali. Il-Kummissjoni għamlet proposti biex tattira investituri ġodda (pereżempju dwar il-finanzjament kollettiv), biex issaħħaħ il-kapaċità tal-banek li jsellfu permezz ta’ regoli li jagħmlu t-titolizzazzjonijiet aktar sempliċi, aktar trasparenti u standardizzati u li jnaqqsu l-ostakli għall-investiment transfruntier. Regoli mtejba għall-protezzjoni tal-konsumatur u l-investituri huma essenzjali biex tinħoloq il-fiduċja u l-istabbiltà meħtieġa għal attività bankarja transfruntiera akbar. Il-proposta tal-Kummissjoni għal prodott tal-pensjoni personali pan-Ewropew 67 se tagħti liċ-ċittadini opportunitajiet akbar biex ifaddlu għall-irtirar tagħhom, inkluż f’ambjent transfruntiera. L-Istati Membri għandhom jissalvagwardjaw in-natura pan-Ewropea tiegħu għall-benefiċċju taċ-ċittadini kollha tal-Unjoni u jiżguraw li r-regoli diverġenti tat-taxxa u l-istrutturi kumplessi ma jimpedixxux l-użu futur ta’ dan il-prodott. Dan kien wieħed mill-objettivi ewlenin tal-Unjoni Bankarja, flimkien mal-għan li nkomplu nintegraw is-sistemi bankarji Ewropej u li jitneħħew ir-rabtiet bejn il-banek u s-sovrani. Mill-2012, ġew introdotti żewġ pilastri tal-Unjoni Bankarja: Mekkaniżmu Superviżorju Uniku u Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni għall-banek, bil-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni tiegħu stess, iffinanzjat mill-banek. Għaddejja ħidma dwar l-operazzjonalizzazzjoni tal-garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, li se tiġi pprovduta mill-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ressqet proposta għal skema Ewropea ta’ assigurazzjoni tad-depożiti 68 biex toffri l-istess livell ta’ protezzjoni għad-depożitanti tal-banek madwar iż-żona tal-euro. It-tlestija tal-Unjoni Bankarja u tas-Swieq Kapitali issa hija urġenti.

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea

3.7    It-tnaqqis tat-tagħbija amministrattiva u l-iffaċilitar tal-konformità mar-regoli tat-taxxa

L-ostakli amministrattivi u regolatorji jkomplu jiskoraġġixxu lin-negozji ż-żgħar milli jespandu b’mod transfruntier. Stħarriġ reċenti 69 juri li l-kumpaniji huma aktar ikkonċernati dwar il-kumplessità amministrattiva (83 %)milli mill-ostakli lingwistiċi (45 %) meta jaqsmu l-fruntieri. L-ispejjeż għall-konformità ma’ rekwiżiti u proċeduri nazzjonali diverġenti jistgħu ma jkunux jistgħu jintlaħqu miċ-ċittadini, l-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju u n-negozji ġodda.

Fil-livell tal-Unjoni, jeżisti appoġġ prattiku u qed jiżdied. Dan jinkludi, pereżempju, il-portal tan-Negozju L-Ewropa Tiegħek u n-Netwerk Enterprise Europe. Ir-Regolament dwar il-Portal Diġitali Uniku li ġie adottat dan l-aħħar se jagħmilha aktar faċli għaċ-ċittadini u n-negozji li jaċċessaw informazzjoni online dwar id-drittijiet tagħhom fis-Suq Uniku. Ir-regoli komuni għal identifikazzjoni elettronika u servizzi fiduċjarji jipprovdu għodod sikuri u trasparenti għaċ-ċittadini u n-negozji biex jinteraġixxu b’mod diġitali mal-amministrazzjonijiet pubbliċi u mas-settur privat . Skont il-pakkett dwar il-liġi tal-Kumpaniji 70 , il-Kummissjoni pproponiet ukoll regoli ġodda biex tistabbilixxi proċeduri komuni ċari u armonizzati dwar kif kumpanija tista’ tiċċaqlaq minn Stat Membru għal ieħor, tgħaqqad jew taqsam il-fruntieri, flimkien ma’ salvagwardji b’saħħithom kontra l-abbuż. Il-kumpaniji se jkunu wkoll jistgħu jirreġistraw, jistabbilixxu fergħat ġodda jew jippreżentaw dokumenti fir-reġistru kummerċjali online.

It-trasformazzjoni diġitali għandha l-potenzjal li tnaqqas it-tagħbijiet amministrattivi b’mod sinifikanti u ttejjeb il-kundizzjonijiet qafas għall-investiment fin-negozju, pereżempju fil-qasam
tal-akkwist pubbliku elettroniku. Stħarriġ fl-2016 wera li 82 % tas-servizzi pubbliċi kienu disponibbli online fl-Ewropa. Id-distakk bejn il-prestazzjoni tal-agħar u l-aħjar pajjiż qed jingħalaq. Il-prijorità hija li jsir iktar progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni dwar il-Gvern elettroniku
71 li ġie adottat fl-2016. Dan jinkludi inizjattivi li jiffaċilitaw l-iskambju ta’ informazzjoni u l-iżvilupp u l-adozzjoni tal-għodod meħtieġa tat-Teknoloġija tal-Informazzjoni, bħas-Sistema ta’ Interkonnessjoni tar-Reġistri Kummerċjali (BRIS), is-servizzi transfruntiera tas-Saħħa elettronika u l-infrastrutturi tas-servizzi diġitali.

It-teknoloġiji diġitali jistgħu wkoll jissimplifikaw il-konformità u jnaqqsu l-ispejjeż fil-qasam tat-tassazzjoni. Il-konformità tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud ġiet identifikata bħala waħda mill-akbar ostakli għall-attività transfruntiera. L-inizjattiva mini-one-stop-shop tat-Taxxa fuq il-Valur Miżjud diġà ġġenerat iffrankar ta’ aktar minn EUR 500 miljun għan-negozji. Abbażi ta’ dan, f’Diċembru 2017 il-koleġiżlaturi qablu dwar sensiela ta’ miżuri li jintroduċu regoli aktar sempliċi u aktar effiċjenti għan-negozji li jbigħu l-prodotti online. Il-proposta tal-Kummissjoni biex jitnaqqas il-piż amministrattiv fuq it-Taxxa fuq il-Valur Miżjud għall-intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju 72 tista’ tgħin biex jiżdied il-kummerċ transfruntiera tagħhom b’madwar 13 %. L-adozzjoni tal-proposta dwar Bażi Komuni Konsolidata għat-Taxxa Korporattiva (BKKTK) 73 tnaqqas il-kost addizzjonali annwali tal-konformità tat-taxxa għal kumpanija sussidjarja ġdida fi Stat Membru ieħor b’madwar 65 %. Dan waħdu jżid l-investiment b’massimu ta’ 3,4 % u l-Prodott Domestiku Gross tal-Unjoni b’massimu ta’ 1,2 %. Imma għad hemm aktar xi jsir. Illum, is-Suq Uniku għadu ferm sottożviluppat fi kwistjonijiet tat-taxxa. Jeħtieġ li l-Istati Membri jieħdu azzjoni deċiżiva biex jadottaw proposti pendenti ewlenin li jindirizzaw il-kompetittività futura tal-UE. Fid-dawl tad-diffikultajiet l-Istati Membri għandhom jaslu għal ftehim unanimu fil-Kunsill dwar proposti ewlenin dwar it-taxxa, il-Kummissjoni dalwaqt se tippreżenta Komunikazzjoni li tesplora l-possibilità li ssir votazzjoni b’maġġoranza kwalifikata għal ċerti kwistjonijiet ta’ taxxa. Dawn il-kwistjonijiet jeħtieġu aktar riflessjoni qabel id-diskussjoni dwar il-futur tal-Ewropa f’Sibiu fid-9 ta’ Mejju 2019.

3.8    Miżuri awtorizzanti

Ir-regoli nfushom mhumiex biżżejjed biex is-Suq Uniku jaħdem, u l-kapaċità li jinbiegħu prodotti u jiġu pprovduti servizzi madwar l-Unjoni tiddependi fuq id-disponibbiltà u l-aċċess għall-infrastruttura jew in-netwerks, bħat-trasport, l-enerġija u t-telekomunikazzjoni. L-Unjoni investiet f’dawk l-oqsma u ffaċilitat investimenti pubbliċi u privati. Matul il-perjodu 2014-2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, flimkien mal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u l-programm Orizzont 2020 huma mistennija li jiffinanzjaw aktar minn 2000 proġett fil-qasam tat-trasport, tal-enerġija u tat-telekomunikazzjonijiet biex jappoġġaw netwerks sostenibbli u interkonnessi ta’ prestazzjoni għolja.

Għall-perjodu bejn l-2021 u l-2027, il-Kummissjoni pproponiet baġit aktar sempliċi, simplifikat u flessibbli li se jippermetti appoġġ aktar effettiv f’dawn l-oqsma kollha li huma essenzjali għall-iżvilupp tas-Suq Uniku. Dan jinkludi b’mod partikolari l-proposta tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa l-ġdida, il-Programmi Spazjali u Ewropa Diġitali, u l-Fondi Strutturali u ta’ Investiment. Dawn il-programmi se jippromwovu inizjattivi bħall-iskjerament ta’ kurituri 5G transfruntiera għal sewqan konness u awtomatizzat, l-osservazzjoni u n-navigazzjoni bis-satellita, l-informatika ta’ prestazzjoni għolja, l-intelliġenza artifiċjali jew iċ-ċibersigurtà. B’mod parallel, il-programm Orizzont Ewropa l-ġdid se jkompli jappoġġja r-riċerka futura f’dawn it-teknoloġiji. Biex is-Suq Uniku jikseb riżultati konkreti, jeħtieġ ukoll li l-Unjoni tappoġġja finanzjarjament lill-amministrazzjonijiet nazzjonali. Dan huwa partikolarment rilevanti għall-kooperazzjoni amministrattiva, l-attivitajiet ta’ infurzar, l-aċċess taċ-ċittadini u n-negozji għall-informazzjoni, u l-bini tal-kapaċità. Il-kumpaniji li jixtiequ jaċċessaw is-Suq Uniku biex iżidu l-attivitajiet tagħhom jeħtieġu wkoll l-appoġġ. Dan l-appoġġ huwa previst fi programmi futuri bħall-Programm tas-Suq Uniku, l-InvestEU jew il-kooperazzjoni doganali u fi kwistjonijiet ta’ taxxa. Ftehim rapidu dwar il-proposti tal-Kummissjoni għall-baġit 2021-2027 se jippermetti li dan l-appoġġ jintuża fi żmien xieraq.

L-edukazzjoni, it-taħriġ u t-tagħlim tul il-ħajja, li huma kompetenzi tal-Istati Membri, jiffaċilitaw l-akkwiżizzjoni tal-ħiliet li jistgħu jappoġġaw il-mobilità tal-forza tax-xogħol fis-Suq Uniku. Min-naħa l-oħra, il-mobilità tal-forza tax-xogħol tista’ tiffaċilita l-akkwiżizzjoni ta’ kompetenzi u ħiliet ġodda. L-Unjoni tista’ tgħin lill-Istati Membri jiksbu riżultati aħjar, pereżempju fir-rigward tal-Aġenda Ġdida għall-Ħiliet għall-Ewropa, il-Koalizzjoni għall-Ħiliet u l-Impjiegi Diġitali, iż-Żona Ewropea tal-Edukazzjoni 74 u ż-Żona Ewropea tar-Riċerka. Il-lingwa spiss tibqa’ ostaklu prattiku għall-mobilità tax-xogħol, it-twaqqif ta’ negozju fi Stat Membru ieħor jew it-twettiq ta’ negozju transfruntiera. Pereżempju, fl-akkwist pubbliku, 23 % tan-negozji mistħarrġa qiesu li l-lingwa kienet “ostaklu rilevanti ħafna” għall-offerti transfruntiera. L-edukazzjoni, l-iskambji tal-Erasmus u, sa ċertu punt, it-traduzzjoni awtomatika jistgħu jkunu parti mis-soluzzjoni. Il-Portal Diġitali Uniku msemmi hawn fuq jipprovdi li l-informazzjoni għandha tkun disponibbli għaċ-ċittadini u n-negozji f’mill-inqas lingwa waħda oħra. Barra minn hekk, inizjattivi bilaterali bħal ċentri Ewropej tal-konsumaturi wrew li huma effettivi biex tinbena l-fiduċja bejn il-fruntieri lingwistiċi.

Konklużjoni

25 sena wara, is-Suq Uniku għad għandu potenzjal sinifikanti li għadu mhux sfruttat. Il-ġenerazzjoni tat-tkabbir u l-innovazzjoni, l-attirar tal-investimenti u t-trawwim tal-kompetittività tal-kumpaniji tagħha fis-swieq globalizzati huma l-aqwa assi tal-Ewropa. Il-benefiċċji tagħha huma ċari wkoll għaċ-ċittadini. Bis-saħħa tas-Suq Uniku, l-Ewropej jistgħu jistudjaw, jivvjaġġaw, jgħixu u jaħdmu fejn jixtiequ. Dawn jibbenefikaw minn għażla akbar u prezzijiet aktar baxxi kif ukoll minn standards għoljin ta’ protezzjoni ambjentali, soċjali u tal-konsumatur. Iffaċċjata bi tkabbir baxx u kompetizzjoni internazzjonali li qed tiżdied, l-aġenda tas-Suq Uniku se tibqa’ ċentrali biex l-ekonomija tal-Unjoni ssir aktar reżiljenti, aktar innovattiva, aktar produttiva, aktar ġusta u aktar inklużiva.

L-Unjoni Ewropea jeħtiġilha turi tmexxija u kuraġġ politiku biex ittella’ s-suq Uniku f’livell ġdid. Se jkun meħtieġ impenn politiku sinifikanti biex tiġi approfondita l-integrazzjoni f’dawk l-oqsma tas-Suq Uniku fejn hemm potenzjal konsiderevoli li għadu mhux sfruttat, inklużi s-servizzi u t-tassazzjoni, u tiġi promossa l-ġustizzja u l-inklużività. Se jkun hemm bżonn ukoll aġenda ambizzjuża biex tiżgura adattament kontinwu u f’waqtu għal sfidi ġodda, li tirrikjedi t-tisħiħ tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku, sabiex jiġi evitat li jerġgħu jitfaċċaw l-ostakli għas-swieq tradizzjonali u li jitfaċċaw ostakli ġodda f’setturi strateġiċi għall-futur bħal dak diġitali, dak tal-intelliġenza artifiċjali jew l-ekonomija ċirkolari u dik b’livell baxx ta’ karbonju. Aktar minn qatt qabel irridu nġibu t-twettiq fl-istess livell tar-retorika u jkollna dibattitu miftuħ fl-ogħla livell li jwassal għal impenn imġedded mill-Mexxeja lejn is-Suq Uniku fid-dimensjonijiet kollha tiegħu.

F’dinja fejn il-multilateraliżmu qed jiġi sfidat, is-Suq Uniku huwa saħansitra aktar rilevanti llum milli kien 25 sena ilu. Mhuwiex għan fih innifsu iżda għodda ta’ twettiq għall-benessri taċ-ċittadini u l-kompetittività tal-ekonomija tal-Unjoni. Huwa pedament essenzjali għal munita unika stabbli u reżiljenti. Jirfed il-preżenza u l-influwenza tal-Unjoni fid-dinja. Il-Kummissjoni għalhekk se tintensifika l-monitoraġġ u l-analiżi tagħha tas-Suq Uniku f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri u se żżomm lill-Kunsill Ewropew infurmat dwar l-iżviluppi. Il-Kummissjoni wkoll:

-tistieden lill-Kunsill Ewropew jiżgura li l-Kunsill jaħdem malajr mal-Parlament Ewropew biex sa tmiem Marzu 2019 jiġu adottati l-inizjattivi leġiżlattivi skont l-Istrateġija għal Suq Uniku, is-Suq Uniku Diġitali u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali u l-Unjoni Bankarja, kif imsemmija fl-Anness I, kif ukoll inizjattivi oħra msemmija f’din il-Komunikazzjoni, inkluża d-dimensjoni soċjali, il-protezzjoni tal-konsumatur u l-enerġija u t-trasport;

-tistieden lill-Kunsill Ewropew jiżgura li l-amministrazzjonijiet, fuq livell nazzjonali, reġjonali u lokali, bl-appoġġ tal-Kummissjoni, iżidu l-isforzi tagħhom biex jittrasponu, japplikaw u jinfurzaw il-leġiżlazzjoni kollha dwar is-Suq Uniku, filwaqt li tiġi evitata r-regolamentazzjoni żejda;

-tistieden lill-Kunsill Ewropew biex iġedded l-impenn tiegħu maċ-ċittadini u l-intrapriżi sabiex jippromovu t-tkomplija tal-appoġġ politiku u pubbliku għas-Suq Uniku, notevolment fil-kuntest tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew;

-tistieden lill-Kunsill Ewropew, li jibni fuq din il-Komunikazzjoni, biex jiddedika diskussjoni fil-fond fil-livell tal-Mexxejja għas-Suq Uniku fid-dimensjonijiet kollha tiegħu biex jiġu identifikati l-prijoritajiet komuni għal azzjoni u mekkaniżmi xierqa biex jissodisfaw impenn politiku ġdid tant meħtieġ għas-Suq Uniku b’riżultati konkreti fil-livelli kollha tal-governanza.

(1)

     Diskors ta’ M. Draghi, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja: il-passat u l-preżent, 19 ta’ Settembru 2018, Berlin, https://www.ecb.europa.eu/press/key/date/2018/html/ecb.sp180919.en.html .  

(2)

     COM(2018) 770 u COM(2018) 771 rispettivament.

(3)

     L-Ewrobarometru Standard 89, ir-Rebbiegħa 2018.

(4)

     SWD(2018) 198.

(5)

     L-indiċi tal-Ekonomija u tas-Soċjetà Diġitali (DESI) 2018, SWD (2018) 198; perjodu ta’ referenza: 2006-2015.

(6)

     Ir-Regolament (KE) Nru 924/2009.

(7)

     COM (2017) 534.

(8)

     Il-mobilità fl-Unjoni tal-persuni tirreferi għan-numru totali ta’ ċittadini tal-Unjoni Ewropea ta’ kull età li qed jgħixu fi Stat Membru ieħor, jiġifieri inklużi pensjonanti, studenti u ħaddiema.

(9)

   Dan jinkludi 4,4 miljun student tal-edukazzjoni superjuri, 1,4 miljun skambju taż-żgħażagħ, 1,3 miljun parteċipant tal-edukazzjoni vokazzjonali u taħriġ, 1,8 miljun membru tal-persunal, 100 000 voluntier u 100 000 parteċipant tal-Erasmus Mundus.

(10)

     COM(2017) 250.

(11)

     L-akkwist pubbliku jirrappreżenta parti sostanzjali mill-investiment pubbliku fl-ekonomija tal-Unjoni: EUR 2 triljun kull sena li jirrappreżentaw 14 % tal-Prodott Domestiku Gross tal-Unjoni. COM(2017) 572.

(12)

     Bħalissa hemm 13 484 istituzzjoni finanzjarja li jagħmlu użu minn 359 953 passaport biex jipprovdu servizzi finanzjarji fl-Unjoni.

(13)

     Data għas-sena 2017.

(14)

     “Is-Suq Komuni tan-Nofsinhar” li jikkonsisti mill-Arġentina, il-Brażil, il-Paragwaj u l-Urugwaj.

(15)

     Il-figuri huma ogħla b’mod sinifikanti għall-industrija tal-karozzi bi 32 % u l-industrija kimika b’31 %, fiż-żewġ każijiet ’l fuq minn 23 % fl-2000.

(16)

     Ara pereżempju “25 sena ta’ Suq Uniku Ewropew — Studju ffinanzjat mill-Awtorità Daniża għan-Negozju”, http://www.hbseconomics.dk/wp-content/uploads/2018/09/25-years-of-the-Single-Market.pdf .

(17)

     Ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-26 ta’ Mejju 2016 dwar l-Istrateġija għas-Suq Uniku – 2015/2354(INI); Ir-Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ Jannar 2016 Lejn Strateġija dwar is-Suq Uniku Diġitali, 2015/2147(INI).

(18)

     Ara wkoll fil-livell tal-Istati Membri l-inizjattiva Franċiża sabiex jiġu identifikati u jitneħħew diversi każijiet ta’ regolamentazzjoni żejda marbuta mat-traspożizzjoni tad-direttivi tal-Unjoni, https://ue.delegfrance.org/suppression-de-sur-transpositions .

(19)

     ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

(20)

     COM(2018) 131.

(21)

     COM(2018) 364.

(22)

     COM(2018) 183.

(23)

     COM(2018) 218.

(24)

     C(2016) 8600

(25)

     COM(2017) 536 u COM(2018) 645.

(26)

     2017/C 18/02.

(27)

     Diskors ta’ M. Draghi, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja: il-passat u l-preżent, 19 ta’ Settembru 2018, Berlin, https://www.ecb.europa.eu/press/key/date/2018/html/ecb.sp180919.en.html . 

(28)

     Fl-2018, il-Kummissjoni ppreżentat il-Pjan ta’ Azzjoni tagħha tal-FinTech (COM (2018) 109) biex tiżgura li s-settur finanzjarju tal-Unjoni jkun jista’ jisfrutta l-benefiċċji tad-diġitalizzazzjoni u l-innovazzjoni teknoloġika, u b’hekk jipprovdi lin-negozji u lill-konsumaturi b’servizzi finanzjarji innovattivi u aċċessibbli.

(29)

      http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/E-commerce_statistics_for_individuals ;  http://ec.europa.eu/eurostat/statistics-explained/index.php/E-commerce_statistics .

(30)

     SWD(2017) 229; https://ec.europa.eu/info/sites/info/files/geoblocking-final-report_en.pdf . 

(31)

     Ir-Regolament (UE) 2018/302.

(32)

     Ir-Regolament (UE) 2018/644.

(33)

     Id-Direttiva (UE) 2017/2455.

(34)

     Ir-Regolament (UE) 2017/2394.

(35)

     COM(2015)634; COM(2015) 635.

(36)

     COM(2018) 238.

(37)

     COM(2016) 594; COM(2016) 593; COM(2018) 147; COM(2018) 148; COM(2018) 329.

(38)

     Kważi wieħed minn kull ħames ċittadini Ewropej jgħidu li jew offrew servizzi permezz ta’ pjattaformi jew jistgħu jobsru li se joffru servizzi permezz ta’ pjattaformi, ara Flash Eurobarometer 467/2018, "The Use of the Collaborative Economy".

(39)

     COM(2017) 797.

(40)

     COM(2017) 10.

(41)

     JOIN/2017/0450.

(42)

     COM(2017) 495.

(43)

     COM(2018) 234.

(44)

     Ara pereżempju COM (2013) 196.

(45)

     COM(2015) 614.

(46)

     Il-Ftehim tat-12 ta’ Diċembru 2015 fi ħdan il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima (UNFCCC). 

(47)

     COM(2018) 097.

(48)

     COM(2018) 353, COM(2018) 354 u COM(2018) 355.

(49)

     Mapping the Cost of Non-Europe, 2014-19, is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew, http://www.europarl.europa.eu/EPRS/EPRS_Mapping_the_Cost_of_Non-Europe-June%202014.pdf . 

(50)

     Mapping the Cost of Non-Europe, 2014-19, is-Servizz ta’ Riċerka tal-Parlament Ewropew.

(51)

     Ara wkoll ir-rapport ta’ Copenhagen Economics «"Making EU Trade in services work for all” (Nagħmlu l-Kummerċ fis-Servizzi Jaħdem għal kulħadd), Novembru tal-2018

(52)

     SWD(2017) 475.

(53)

     COM(2017) 787.

(54)

     Kawża C-613/14, James Elliott Construction, ECLI:EU:C:2016:821.

(55)

     COM(2018) 764.

(56)

     Diskors ta’ M. Draghi, l-Unjoni Ekonomika u Monetarja: il-passat u l-preżent, 19 ta’ Settembru 2018, Berlin, https://www.ecb.europa.eu/press/key/date/2018/html/ecb.sp180919.en.html . 

(57)

     COM(2018) 219.

(58)

     Id-Direttiva (UE) 2018/958.

(59)

     COM(2016) 821.

(60)

     COM(2016) 815.

(61)

     Id-Direttiva (UE) 2015/2436.

(62)

     COM(2016) 860.

(63)

     COM(2011) 144.

(64)

     COM(2016) 588.

(65)

     COM(2016) 590.

(66)

     COM(2018) 771.

(67)

     COM(2017) 343.

(68)

     COM(2015) 586.

(69)

     Stħarriġ li sar mill-Eurochambres fis-sajf tal-2015 fost 592 intraprenditur mill-Unjoni.

(70)

     COM(2018) 239; COM(2018) 241.

(71)

     COM(2016) 179.

(72)

     COM(2018) 21.

(73)

COM(2016) 685; COM(2016) 683.

(74)

     Din l-inizjattiva ewlenija tal-Unjoni għandha l-għan li tiżgura li t-tagħlim, l-istudju u r-riċerka ma jkunux imxekkla mill-fruntieri.