IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 22.11.2018
COM(2018) 764 final
KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL U LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI EWROPEW EMPTY
Standards Armonizzati: It-tisħiħ tat-trasparenza u taċ-ċertezza legali għal Suq Uniku li jiffunzjona bis-sħiħ
Illum, il-Kummissjoni ppreżentat l-ewwel reazzjoni għat-talba tal-Kunsill Ewropew ta’ Marzu 2018 biex tiġi vvalutata s-sitwazzjoni attwali, kif ukoll l-ostakoli li fadal u l-opportunitajiet għal Suq Uniku li jiffunzjona bis-sħiħ.
L-istandardizzazzjoni għandha rwol importanti f’din il-valutazzjoni meta jitqies, b’mod partikolari, ir-rwol tagħha fl-eliminazzjoni tal-ostakli tekniċi għall-kummerċ. L-istandards jgħinu jiżguraw li l-prodotti u s-servizzi komplementari jkunu interoperabbli, jiffaċilitaw l-introduzzjoni ta’ prodotti innovattivi u fl-aħħar mill-aħħar jibnu l-fiduċja tal-konsumaturi Ewropej fil-kwalità tal-prodotti u s-servizzi offruti fl-Unjoni. Fil-kuntest tal-iżviluppi teknoloġiċi li qed jiżviluppaw b’ritmu mgħaġġel, id-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija Ewropea u x-xejriet ekonomiċi u l-mudelli tat-tkabbir li qed joħorġu ġodda, l-istandardizzazzjoni għandha rwol ewlieni fl-iżgurar li l-iżvilupp tas-Suq Uniku jibqa’ validu fil-futur u li l-konsumaturi u n-negozji Ewropej igawdu l-benefiċċji li dawn il-bidliet iġibu magħhom.
L-istandards Ewropej jissostitwixxu standards nazzjonali li jistgħu jkunu f’kunflitt fl-Istati Membri kollha tal-Unjoni u b’hekk, jiffaċilitaw l-aċċess għas-suq għal dawk li jużawhom. B’dan il-mod, l-istandards jikkontribwixxu għal approfondiment kontinwu tas-Suq Uniku. Permezz tal-promozzjoni ta’ allinjament mill-qrib tal-istandards Ewropej u internazzjonali, l-Unjoni Ewropea tippromwovi l-aħjar prattiki u żżid is-sinerġiji fil-ktajjen tal-valur globali. Dan itejjeb il-flussi tal-kummerċ u l-opportunitajiet għan-negozji Ewropej biex iżidu l-attivitajiet tagħhom.
Sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni li tiffunzjona sew tikkontribwixxi għat-tkabbir ekonomiku globali, u tappoġġa l-innovazzjoni u l-kompetittività globali tal-industrija Ewropea. Din tgħin tiżgura wkoll li l-livelli tas-sikurezza, u tal-protezzjoni tas-saħħa, tal-konsumatur u tal-ambjent stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni jintlaħqu fil-prattika. L-industrija Ewropea qed tittrasforma b’mod rapidu permezz tal-adozzjoni ta’ firxa wiesgħa ta’ soluzzjonijiet innovattivi u teknoloġiji diġitali. Is-setturi tradizzjonali tal-ekonomija wkoll huma kkonċernati minn din ix-xejra. Kollha għandhom ħtiġijiet li jeħtieġu l-istandardizzazzjoni, appoġġata minn standards Ewropej avvanzati u żviluppati permezz ta’ sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni moderna u aġili.
Il-Komunikazzjoni tipprovdi ħarsa ġenerali lejn il-funzjonament tas-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni u tikkunsidra l-inizjattivi mnedija f’dawn l-aħħar snin biex jappoġġaw l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni, kif ukoll fid-dawl tal-każistika rilevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea. Il-Komunikazzjoni tispjega l-azzjonijiet meħuda reċentement mill-Kummissjoni biex tittejjeb iktar is-sistema u tinkludi wkoll azzjonijiet speċifiċi li l-Kummissjoni se tieħu fil-futur immedjat sabiex ittejjeb l-effiċjenza, it-trasparenza u ċ-ċertezza legali għall-atturi involuti fl-iżvilupp ta’ standards armonizzati. Din il-Komunikazzjoni hija rilevanti fil-kuntest tal-istandards armonizzati, jiġifieri, standards Ewropej adottati fuq il-bażi ta’ talba mill-Kummissjoni għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni.
Is-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni hija bbażata fuq sħubija pubblika-privata bejn il-Kummissjoni u l-komunità tal-istandardizzazzjoni. In-natura unika tagħha tinsab fl-użu ta’ standards armonizzati. Dawn l-istandards isiru parti mid-dritt tal-Unjoni u, meta jintużaw, jipprovdu lill-manifatturi fis-Suq Uniku bi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Dan jipprovdi ċertezza legali importanti lill-utenti tal-istandards armonizzati u huwa partikolarment importanti għall-intrapriżi żgħar u medji għaliex jippermettihom iqiegħdu prodotti fis-suq b’konformità mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni mingħajr kostijiet addizzjonali. L-hekk imsejjaħ “Qafas Leġiżlattiv Ġdid” tfassal bħala sistema flessibbli u mmexxija mis-suq mibnija fuq kunsens mill-industrija, l-intrapriżi żgħar u medji u partijiet ikkonċernati ewlenin oħra, filwaqt li jiżgura li l-prodotti li jikkonformaw mal-istandards armonizzati jikkonformaw mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni.
L-użu ta’ standards armonizzati joffri ċertezza legali u stabbiltà lill-utenti, li jnaqqas il-kostijiet għall-manifatturi. Dan imbagħad huwa importanti għall-investituri iżda joħloq ukoll żieda fir-responsabbiltà pubblika tar-regolaturi, li jridu jissorveljaw dawn l-istandards armonizzati kif xieraq.
Sa mid-dħul fis-seħħ tiegħu fl-2013, ir-Regolament 1025/2012 (minn hawn ’il quddiem “ir-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni”) ipprovda l-qafas legali ewlieni għas-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni inkluż id-diviżjoni tar-responsabbiltajiet u l-obbligi tal-atturi involuti. Huwa meħtieġ li ċertu titjib għall-implimentazzjoni prattika ta’ dan il-qafas isir malajr, notevolment fid-dawl tal-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
1.
Il-funzjonament tas-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni
L-istandards armonizzati jiġu żviluppati minn waħda mit-tliet Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni fuq il-bażi ta’ talba uffiċjali mill-Kummissjoni (“talba għal standardizzazzjoni”), sabiex jappoġġaw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Dawn it-talbiet għal standardizzazzjoni jiddefinixxu dak li huwa mistenni mill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni. B’mod partikolari, dawn jispeċifikaw liema standards armonizzati jeħtieġu jiġu prodotti, u sa meta. Il-Kummissjoni tiżviluppa t-talbiet għal standardizzazzjoni fi proċess inklużiv u trasparenti flimkien mal-Istati Membri.
Il-Kummissjoni u l-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni jiżguraw li l-proċess ta’ żvilupp ta’ standards armonizzati jkun ibbażat fuq kunsens u li jkun trasparenti u inklużiv. B’mod partikolari, il-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib biex tara jekk l-input tal-intrapriżi żgħar u medji u tal-partijiet ikkonċernati li jirrappreżentaw il-partijiet kollha tas-soċjetà, bħall-konsumaturi, il-ħaddiema u l-interessi ambjentali, jingħatax kunsiderazzjoni fil-proċess billi l-kontribuzzjoni tagħhom ittejjeb il-kwalità tal-istandards. Meta l-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni jiżviluppaw standard armonizzat, il-Kummissjoni tivvaluta jekk dan jikkonformax mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni korrispondenti u mat-talba oriġinali għal standardizzazzjoni. Jekk il-Kummissjoni tikkonkludi li l-istandard huwa konformi mat-talba u l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, din se tiddeċiedi li tippubblika r-referenza tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Bħala riżultat, u wara deċiżjoni tal-Kummissjoni li tippubblika r-referenza f’Il-Ġurnal Uffiċjali, l-istandard se jipproduċi effetti legali taħt il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni rilevanti.
Il-prodotti mmanifatturati b’konformità mal-istandards armonizzati jibbenefikaw minn preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti leġiżlattivi korrispondenti. Permezz tal-użu tal-istandards armonizzati, il-manifattur jista’ jibbenefika minn proċess ta’ valutazzjoni tal-konformità simplifikat. B’dan il-mod, l-istandards armonizzati jnaqqsu il-piż finanzjarju u amministrattiv għall-manifatturi, b’mod partikolari għall-intrapriżi żgħar u medji, u jżid iċ-ċertezza legali fir-rigward tal-konformità tal-prodotti mal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni. Dak l-effett u ċ-ċertezza legali huma kruċjali għall-intrapriżi żgħar u medji għaliex jippermettuhom jimmanifatturaw prodotti tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku b’mod kompetittiv.
Il-Kummissjoni għalhekk għandha tagħti attenzjoni partikolari lill-kontenut tal-istandards armonizzati. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kompliet issaħħaħ dan ir-rekwiżit fil-każistika reċenti tagħha, b’mod partikolari bil-Kawża C-613/14 “James Elliott Construction Limited vs Irish Asphalt Limited”. Permezz tas-sentenza tagħha, il-Qorti ċċarat ir-rwol u l-istatus legali tal-istandards armonizzati billi kkonkludiet li l-istandards armonizzati “jifformaw parti mid-dritt tal-Unjoni”, anke jekk dawn jiġu żviluppati minn organizzazzjonijiet privati indipendenti u l-użu tagħhom jibqa’ volontarju.
Barra dan, il-Qorti tenniet ir-responsabbiltà tal-Kummissjoni fil-proċess tal-inizjazzjoni, l-immaniġġar u l-monitoraġġ tal-istandards armonizzati. Il-Kummissjoni għalhekk għandha l-obbligu li ssegwi l-proċess ta’ żvilupp tal-istandards armonizzati bir-reqqa u li tivvaluta jekk dawn jikkonformawx mar-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni armonizzata u/jew it-talbiet għal standardizzazzjoni sabiex tiżgura li l-istandards armonizzati jikkonformaw bis-sħiħ mal-leġiżlazzjoni applikabbli. Dan mhux biss jinkludi l-aspetti tekniċi tal-istandards iżda wkoll l-elementi l-oħra tar-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, bħal jekk il-proċess ta’ żvilupp tagħhom kienx inklużiv. Hija wkoll l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tissodisfa dawn l-obbligi b’manjiera li hija mgħaġġla u effiċjenti kemm jista’ jkun.
2.
L-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni u l-każistika rilevanti
Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni fl-2013 u diversi sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, il-Kummissjoni nediet għadd ta’ inizjattivi biex tappoġġa l-implimentazzjoni tal-qafas legali u biex ittejjeb il-mod kif tiffunzjona fil-prattika s-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni.
Skont ir-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni, il-Kummissjoni adottat Programmi ta’ Ħidma Annwali tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni Ewropea, li jenfasizzaw l-importanza tal-istandards armonizzati, l-effett legali tagħhom (il-preżunzjoni ta’ konformità) u l-kwalità u t-tempestività tagħhom. Minbarra l-ippjanar tal-ħidma fuq l-iżvilupp ta’ standards armonizzati, dawn il-programmi jressqu wkoll proposti speċifiċi għat-titjib tal-governanza tas-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni, bħall-għoti ta’ prijorità lill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni Ewropea lill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni għal appoġġ tekniku dirett għall-iżvilupp ta’ standards armonizzati. Barra dan, il-Kummissjoni tat ukoll direzzjonijiet ċari lill-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni fil-Programmi ta’ Ħidma Annwali tal-Unjoni, biex isaħħu l-involviment tal-intrapriżi żgħar u medji u tal-partijiet ikkonċernati soċjetali fil-proċess ta’ standardizzazzjoni Ewropea.
Il-Kummissjoni ħadet ukoll diversi inizjattivi biex tagħmel il-politika tagħha dwar l-istandardizzazzjoni iktar trasparenti u aċċessibbli. Sabiex tiżgura li r-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni jiġi implimentat b’mod korrett, is-servizzi tal-Kummissjoni pprovdew gwida dwar ir-rwol, l-iżvilupp, l-adozzjoni u l-eżekuzzjoni tat-talbiet għal standardizzazzjoni fil-“Vademecum dwar l-istandardizzazzjoni Ewropea” tal-2015 Dan id-dokument kien imħejji fi sħubija u kooperazzjoni sħiħa mal-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni, l-intrapriżi żgħar u medji u l-partijiet ikkonċernati soċjetali, flimkien mal-Istati Membri u l-industrija. Il-Kummissjoni żviluppat ukoll mudell komuni għall-pubblikazzjoni tar-referenzi tal-istandards armonizzati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea kif ukoll dokument ta’ gwida tal-2016 dwar il-verifika tal-kundizzjonijiet għall-pubblikazzjoni tar-referenzi tal-istandards armonizzati f’Il-Ġurnal Uffiċjali (“Verification of conditions for the publication of references of harmonised standards in the Official Journal”)
B’konformità mal-Istrateġija għal Suq Uniku tal-2015 u l-Pakkett ta’ Standardizzazzjoni adottat fl-1 ta’ Ġunju 2016, il-Kummissjoni stabbiliet viżjoni komuni għall-istandardizzazzjoni Ewropea fl-Inizjattiva Konġunta dwar l-Istandardizzazzjoni (l-“Inizjattiva Konġunta”), appoġġata minn firxa wiesgħa ta’ partijiet ikkonċernati u l-Istati Membri kollha. L-għan tal-Inizjattiva Konġunta huwa li tiżgura l-isforzi sostnuti tal-Unjoni għall-modernizzazzjoni tas-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni sabiex iżżomm l-attraenza tagħha, iżżomm il-pass mal-iżviluppi bħad-diġitalizzazzjoni, f’qafas aġili, flessibbli u inklużiv u tgħaġġel u tagħti prijorità aħjar lill-istabbiliment ta’ standards biex tkun tista’ tirreaġixxi b’mod tempestiv għall-ħtiġijiet tas-suq u tal-utenti. Azzjonijiet speċifiċi tal-Inizjattiva Konġunta huma ddedikati għas-sensibilizzazzjoni u għat-titjib tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-istandards armonizzati. L-Inizjattiva Konġunta tħares ukoll lejn ir-rwol tal-istandards fl-indirizzar tal-isfidi li ġġib it-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija. Din it-trasformazzjoni diġitali tal-ekonomija toħloq il-ħtieġa li tiġi aċċellerata t-trasformazzjoni tal-istandardizzazzjoni Ewropea sabiex din tkun adattata għall-isfidi kurrenti u futuri, b’mod partikolari f’oqsma bħall-Internet tal-Oġġetti, il-big data, il-manifattura avvanzata, ir-robotika, l-istampar 3D, it-teknoloġiji blockchain u l-intelliġenza artifiċjali. Sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni moderna, aġili u inklużiva li tista’ tirreaġġixxi malajr għal żviluppi ġodda se tgħin tgħaġġel id-diffużjoni ta’ dawn it-teknoloġiji l-ġodda.
Fl-2017, il-Kummissjoni u l-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni laħqu ftehim dwar Pjan ta’ Azzjoni konġunt biex jindirizzaw il-kwistjoni tal-istandards armonizzati li ma jiġux ċitati f’Il-Ġurnal Uffiċjali wara valutazzjoni negattiva mill-Kummissjoni. Din il-kwistjoni tqajmet mill-Pjattaforma REFIT u minn diversi partijiet ikkonċernati, billi għandha impatt fuq il-funzjonament tajjeb tas-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni. Sabiex twieġeb għal dan it-tħassib, il-Kummissjoni tat prijorità lit-tnaqqis rapidu tax-xogħol pendenti relatat mat-tali standards armonizzati, b’kooperazzjoni tal-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni. L-immaniġġar tax-xogħol pendenti li fadal jibqa’ prijorità għall-Kummissjoni.
L-Ewwel Azzjoni: Il-Kummissjoni se tagħmel l-aħjar sforzi biex telimina x-xogħol pendenti li fadal malajr kemm jista’ jkun.
Sabiex tiżgura t-tempestività u l-effiċjenza taċ-ċitazzjoni tal-istandards armonizzati li jikkonformaw f’Il-Ġurnal Uffiċjali, huwa utli li jiġu identifikati l-kwistjonijiet emerġenti kmieni kemm jista’ jkun fil-proċess ta’ żvilupp. Il-Kummissjoni stabbiliet qafas ta’ konsulenti għal skopijiet bħal dawn. Il-konsulenti jipprovdu lis-servizzi tal-Kummissjoni b’assistenza teknika fil-valutazzjoni tal-abbozzi ta’ standards armonizzati, u b’hekk jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-kontroll tal-Kummissjoni tal-konsistenza tal-istandards armonizzati mal-leġiżlazzjoni rilevanti.
Sabiex itejbu l-koordinazzjoni fis-sħubija pubblika-privata dwar l-istandardizzazzjoni, il-Kummissjoni u l-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni kellhom djalogi strutturali regolari. Dawn id-djalogi ffokaw fuq aspetti tekniċi u ta’ politika tal-istandardizzazzjoni Ewropea, inkluż fuq kwistjonijiet relatati mal-kwalità tal-istandards armonizzati u l-impatt li dawn għandhom fuq in-negozji, is-swieq u l-konsumaturi.
Sabiex tippromwovi involviment iktar b’saħħtu tal-koleġiżlaturi fil-proċess tal-istabbiliment ta’ prijoritajiet għall-istandardizzazzjoni Ewropea, il-Kummissjoni organizzat djalogu interistituzzjonali f’Ġunju 2018. Id-djalogu kien jinkludi rappreżentanti ta’ livell għoli tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, organizzazzjonijiet tal-istandardizzazzjoni, negozji (inklużi intrapriżi żgħar u medji) u partijiet ikkonċernati oħra rilevanti, bħal konsumaturi, ħaddiema u organizzazzjonijiet ambjentali. Dan iffoka fuq kwistjonijiet prijoritarji rilevanti għall-proċess ta’ żvilupp ta’ standards armonizzati u prijoritajiet futuri f’dan il-qasam, bħad-diġitalizzazzjoni u l-ekonomija kollaborattiva li qed tiffjorixxi.
Id-djalogu interistituzzjonali u d-diskussjonijiet mal-atturi ewlenin fis-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni enfasizzaw il-ħtieġa għal titjib ulterjuri taċ-ċertezza legali biex jiġi żgurat li l-qafas leġiżlattiv tal-Unjoni għall-istandardizzazzjoni jiġi interpretat b’mod uniformi, b’mod partikolari fid-dawl tar-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni, il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u d-dokumenti ta’ gwida.
3.
Azzjonijiet ulterjuri biex titjib it-trasparenza, tissaħħaħ iċ-ċertezza legali u l-veloċità tal-adozzjoni
Filwaqt li sar progress sinifikanti, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li l-isforzi għat-titjib tal-funzjonament tas-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni jeħtieġ li jinżammu. Għal dan il-għan, il-Kummissjoni se tieħu sett ta’ azzjonijiet dedikati u immedjati biex tkompli ttejjeb it-trasparenza u l-effiċjenza tal-proċess ta’ standardizzazzjoni Ewropea. Dan se jsaħħaħ iċ-ċertezza legali għall-partijiet ikkonċernati u l-utenti u jiċċara r-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi differenti.
Il-Kummissjoni hija fil-proċess li tirrieżamina l-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet interni tagħha bil-għan li tissimplifika l-proċeduri għall-pubblikazzjoni tar-referenzi għall-istandards armonizzati f’Il-Ġurnal Uffiċjali. Dan ir-rieżami huwa bbażat fuq l-aħjar prattiki fil-qafas tar-regoli ta’ proċedura interni tal-Kummissjoni u se jiżgura preparazzjoni koordinata, tempestiva u bir-reqqa tad-deċiżjonijiet meħtieġa.
It-Tieni Azzjoni: Il-Kummissjoni hija fil-proċess li tirrieżamina l-proċessi ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet interni tagħha bil-għan li tissimplifika l-proċeduri għall-pubblikazzjoni tar-referenzi għall-istandards armonizzati f’Il-Ġurnal Uffiċjali.
Sabiex tiċċara iktar ir-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi differenti matul l-istadji kollha tal-iżvilupp ta’ standards armonizzati, il-Kummissjoni se tħejji dokument ta’ gwida.
Din il-gwida, li tikkkomplementa dokumenti eżistenti se tispjega b’mod partikolari l-aspetti sostantivi u proċedurali tal-format il-ġdid tat-talba għal standardizzazzjoni li l-Kummissjoni qed tiżviluppa bil-għan li tiżgura trasparenza u prevedibbiltà ikbar fl-iżvilupp tal-istandards. Din se tiċċara wkoll ir-rwol tal-Kummissjoni u tal-konsulenti esperti tagħha. Fl-aħħar, din se tipprovdi gwida addizzjonali għat-titjib tal-konsistenza u l-veloċità tal-proċedura ta’ valutazzjoni tal-istandards armonizzati fis-setturi kollha rilevanti.
It-Tielet Azzjoni: Fix-xhur li ġejjin u f’konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, il-Kummissjoni se telabora dokument ta’ gwida dwar l-aspetti prattiċi tal-implimentazzjoni tar-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni, u se tagħti attenzjoni partikolari lid-diviżjoni tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet fil-proċess ta’ żvilupp tal-istandards armonizzati kif ukoll lill-effiċjenza u l-veloċità.
Sabiex tiżgura koordinazzjoni upstream aħjar fil-proċess ta’ valutazzjoni tal-istandards armonizzati, li l-Organizzazzjonijiet Ewropej tal-Istandardizzazzjoni huma fil-proċess li jiżviluppaw, il-Kummissjoni se tkompli tistrieħ fuq l-input xjentifiku taċ-Ċentru tar-Riċerka Konġunta u, fl-istess ħin, se ssaħħaħ il-kuntatt tagħha mal-kumitati tekniċi responsabbli għall-iżvilupp ta’ standards permezz tas-sistema introdotta reċentement ta’ konsulenti esperti. L-għan huwa li jiżdiedu l-veloċità, il-kwalità u l-akkuratezza tal-valutazzjonjiet għat-titjib tal-kwalità tal-proċess u li jiġi żgurat li r-referenzi għall-istandards armonizzati jiġu ppubblikati malajr kemm jista’ jkun f’Il-Ġurnal Uffiċjali. Il-miżuri se jinkludu:
-it-tisħiħ tar-rabtiet bejn is-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni responsabbli għal-leġiżlazzjoni armonizzata u l-kumitati tekniċi responsabbli għall-iżvilupp tal-istandards armonizzati;
-l-espansjoni tal-grupp ta’ konsulenti esperti u s-sett ta’ ħiliet tagħhom biex jiġi żgurat l-għarfien espert meħtieġ għal valutazzjonijiet ta’ kwalità għolja u r-reżiljenza tas-sistema;
-l-irfinar tal-istruttura tal-proċeduri ta’ ħidma u tal-allokazzjoni tal-kompiti lill-konsulenti esperti;
-l-iffokar fuq rieżami kontinwu tal-kwalità tal-input tal-konsulenti; l-inklużjoni ta’programmi ta’ taħriġ għall-konsulenti esperti;
-it-titjib tal-koerenza orizzontali tal-valutazzjonijiet permezz tal-applikazzjoni ta’ gwida simplifikata fis-setturi kollha;
-l-immaniġġar xieraq tal-konflitti ta’ interess li jistgħu jqumu.
Ir-Raba’ Azzjoni: Il-Kummissjoni se ssaħħaħ, fuq bażi kontinwa, is-sistema ta’ konsulenti sabiex tappoġġa valutazzjonijiet rapidi u robusti tal-istandards armonizzati u ċitazzjoni tempestiva f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Konklużjoni
Is-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni kienet strumentali għall-iżvilupp tas-Suq Uniku. Il-preżunzjoni ta’ konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni tipprovdi ċertezza legali importanti lill-utenti kollha tal-istandards u lill-kumpaniji żgħar u medji b’mod partikolari. Ir-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni, li daħal fis-seħħ fl-2013, introduċa diviżjoni ġdida tar-rwoli u r-responsabbiltajiet tal-atturi fis-sistema fuq il-bażi ta’ sħubija pubblika-privata. Dan stabbilixxa wkoll qafas b’saħħtu għar-rekwiżiti ta’ inklużività, li jippermetti li l-interessi tal-intrapriżi żgħar u medji, tal-konsumaturi u tal-ħaddiema, kif ukoll dawk ambjentali, jingħataw kunsiderazzjoni fl-istandardizzazzjoni. L-objettiv konġunt tas-sħab kollha fis-sistema Ewropea ta’ standardizzazzjoni huwa li jiġi żgurat li r-Regolament dwar l-Istandardizzazzjoni u d-drittijiet tal-Unjoni l-oħra rilevanti jiġu implimentati bl-iktar mod effettiv possibbli.
Il-Kummissjoni hija fdata bir-responsabbiltà għall-valutazzjoni tal-istandards armonizzati Ewropej. Il-Kummissjoni teħtieġ ukoll tiżgura li dawn l-istandards ikunu kompatibbli mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-Unjoni. Il-każistika tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea kkonfermat l-importanza ta’ din ir-responsabbiltà u enfasizzat l-implikazzjonijiet legali tagħha.
Filwaqt li s-sistema kurrenti hija funzjonali, il-Kummissjoni tirrikonoxxi li hemm bżonn ta’ titjib ulterjuri. L-erba’ azzjonijiet deskritti hawn fuq se jinbdew minnufih sabiex jinkiseb iktar progress fir-rigward tal-inklużività, taċ-ċertezza legali, tal-prevedibbiltà u tat-twassil rapidu tal-benefiċċji tal-istandards armonizzati għas-Suq Uniku. L-innovazzjoni u l-protezzjoni taċ-ċittadini u tal-ambjent ukoll huma objettivi ewlenin f’dan il-kuntest. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem mas-sħab kollha rilevanti biex tiżgura li jitkompla s-suċċess tal-istandardizzazzjoni Ewropea bħala pedament ta’ Suq Uniku li jiffunzjona bis-sħiħ.