IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 21.11.2018
COM(2018) 759 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro
{SWD(2018) 467 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 21.11.2018
COM(2018) 759 final
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro
{SWD(2018) 467 final}
Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 136, flimkien mal-Artikolu 121(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b’mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Fiż-żona tal-euro se tibda s-sitt sena ta’ tkabbir ekonomiku mingħajr interruzzjoni u l-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni negattiv qed jingħalaq; madankollu, ir-riskji għall-prospettiva qed jiżdiedu u t-tkabbir huwa mistenni li jkun moderat. It-tkabbir potenzjali għadu b’mod sinifikanti taħt il-livelli ta’ qabel il-kriżi, u minħabba differenza sinifikanti fir-reżiljenza ekonomika għad hemm diverġenzi nazzjonali bejn l-Istati Membri. Iż-żieda fil-pagi reali għadha moderata u waqgħet lura meta mqabbla mal-iżviluppi fil-produttività. Iż-żieda fil-pagi nominali u l-inflazzjoni sottostanti qed jirpiljaw bis-saħħa ta’ tkabbir kontinwu fl-impjiegi, madankollu f’xi Stati Membri għad hemm oqsma ta’ sottoutilizzazzjoni fis-suq tax-xogħol jew qgħad għoli. Fl-aħħar ħames snin iż-żona tal-euro rreġistrat surplus kbir fil-kont kurrenti, b’rabta diretta mad-dinamika tal-esportazzjonijiet taż-żona tal-euro u mal-pożizzjoni kompettitiva mtejba, filwaqt li fil-qasam estern id-differenzi bejn il-pajjiżi individwali għadhom sinifikanti. L-Istati Membri li għal żmien twil irreġistraw defiċits kbar fil-kont kurrenti għad għandhom pożizzjonijiet ta’ investiment internazzjonali netti negattivi kbar li jirrappreżentaw vulnerabbiltajiet, peress li dawn ġeneralment huma riflessi fi stokks kbar ta’ dejn privat jew tal-amministrazzjoni pubblika. Pass xieraq fit-tnaqqis fl-ingranaġġ, ambjent propizju għat-tkabbir u l-inflazzjoni u riformi kontinwi biex tiżdied il-produttività huma kruċjali għall-ibbilanċjar mill-ġdid b’suċċess fiż-żona tal-euro 3 . Hija importanti wkoll dinamika favorevoli tad-domanda; barra minn hekk, pajjiżi b’surplus kbir ikunu jikkontribwixxu wkoll għall-ibbilanċjar mill-ġdid jekk isaħħu l-kundizzjonijiet li jappoġġaw it-tkabbir fil-pagi kif ukoll l-investiment pubbliku u privat.
(2)Iż-żieda fil-potenzjal tat-tkabbir fit-tul u s-superament tad-differenzi nazzjonali u reġjonali jirrikjedu żieda ikbar fir-rati ta’ parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, riformi strutturali li jsaħħu t-tkabbir u investiment f’assi tanġibbli u mhux tanġibbli biex tiżdied il-produttività u l-innovazzjoni, b’mod partikolari f’dawk l-Istati Membri fejn dan huwa ħafna iktar baxx mill-medja taż-żona tal-euro. Dan huwa importanti għat-tisħiħ tal-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fiż-żona tal-euro.
(3)Konsistenza u bilanċ fit-taħlita tal-politika makroekonomika taż-żona tal-euro, inkluż politiki monetarji, fiskali u strutturali, huma kruċjali biex ikun żgurat tkabbir ekonomiku robust u sostenibbli. F’dawn l-aħħar snin, il-Bank Ċentrali Ewropew għamel użu minn għodod mhux konvenzjonali tal-politika monetarja biex iġib l-inflazzjoni lura lejn l-objettiv tal-inflazzjoni fuq terminu medju, filwaqt li jippromwovi t-tkabbir u l-ħolqien tax-xogħol. Fil-kuntest ta’ normalizzazzjoni gradwali tal-politika monetarja, huma meħtieġa politiki fiskali differenzjati b’mod xieraq u fokus fuq riformi strutturali biex it-tkabbir ikompli jiġi sostnut fuq terminu qasir u fit-tul.
(4)It-tisħiħ tas-sostenibbiltà fiskali taż-żona tal-euro u l-Istati Membri tagħha jirrikjedi politiki nazzjonali differenzjati, b’osservanza sħiħa tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, u jenħtieġ li jitqies ukoll il-marġni fiskali. Il-koordinazzjoni tal-politiki fiskali nazzjonali skont ir-regoli fiskali komuni hija essenzjali għall-funzjonament tajjeb tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (UEM). Ir-regoli fiskali komuni huma mmirati lejn is-sostenibbiltà tad-dejn fil-livell nazzjonali, filwaqt li jiġi pprovdut spazju għal stabbilizzazzjoni makroekonomika. L-orjentament fiskali taż-żona tal-euro bħala medja baqa’ sostanzjalment newtrali fil-perjodu 2015–2018 u, abbażi tal-previżjoni tal-Kummissjoni, huwa mistenni li jsir kemxejn espansjonarju fl-2019, għalkemm il-prestazzjoni hija ogħla mill-potenzjal. Ir-ripristinar tar-riżervi fiskali huwa partikolarment importanti fl-Istati Membri b’livelli ta’ dejn pubbliku li għadhom għoljin. B’dan titnaqqas ukoll il-vulnerabbiltà tagħhom għal skossi, u jippermetti l-funzjonament sħiħ tal-istabbilizzaturi awtomatiċi fil-fażi li jmiss ta’ riċessjoni. Iż-żieda fl-investiment pubbliku, b’mod partikolari fi Stati Membri li għandhom spazju għal ċaqliq fiskali, tkun issostni t-tkabbir u l-eliminazzjoni ta’ żbilanċi.
(5)Ir-riformi strutturali fiskali jibqgħu kruċjali biex titjieb is-sostenibbiltà fiskali u jissaħħaħ il-potenzjal ta’ tkabbir ekonomiku. Il-funzjonament aħjar tal-oqfsa fiskali nazzjonali, il-ġestjoni tajba tar-reviżjonijiet tal-ispejjeż u l-akkwist pubbliku effettiv u trasparenti jistgħu jsaħħu l-effiċjenza u l-effettività tan-nefqa pubblika u l-kredibbiltà tal-politiki fiskali. Titjib fil-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali, kemm fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll fuq in-naħa tan-nefqa, inkluż billi r-riżorsi jgħaddu lejn investiment, iżid l-impatt ta’ tkabbir tal-baġits pubbliċi u jżid il-produttività fit-tul. Is-simplifikazzjoni u l-immodernizzar tas-sistemi fiskali u l-indirizzar tal-frodi, tal-evażjoni u tal-evitar tat-taxxa, jiġifieri permezz ta’ miżuri kontra l-ippjanar aggressiv tat-taxxa, huma essenzjali biex is-sistemi fiskali jkunu iktar effiċjenti u ġusti. Il-garanzija li s-sistemi fiskali jiffavorixxu l-approfondiment tas-suq uniku u jinkoraġġixxu l-kompetizzjoni bejn l-impriżi hija fundamentali biex jitjiebu l-ambjent tan-negozju u r-reżiljenza taż-żona tal-euro u tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Il-bażi komuni konsolidata għat-taxxa korporattiva tkun strumentali f’dan l-isforz.
(6)Il-karatteristiċi strutturali u istituzzjonali tas-swieq tax-xogħol u tal-prodotti u amministrazzjonijiet pubbliċi li jaħdmu sew huma importanti għar-reżiljenza tal-Istati Membri taż-żona tal-euro. Strutturi ekonomiċi reżiljenti jipprevjenu li l-iskossi jkollhom effetti sinifikanti u dejjiema fuq id-dħul u l-provvista ta’ ħaddiema. Dawn jistgħu jiffaċilitaw l-operat tal-politika monetarja u jikkontrollaw diverġenzi, bir-riżultat li jinħolqu l-kundizzjonijiet għal tkabbir sostenibbli u inklużiv. Koordinament u implimentazzjoni aħjar tar-riformi strutturali, b’mod partikolari dawk preskritti fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż, jistgħu joħolqu effetti konsegwenzjali pożittivi bejn l-Istati Membri u jsaħħu l-effetti pożittivi fiż-żona tal-euro kollha. Ir-riformi li jżidu l-kompetizzjoni fis-swieq tal-prodott, jippromwovu l-effiċjenza fir-riżorsi u jtejbu l-ambjent tan-negozju u l-kwalità tal-istituzzjonijiet, inkluż sistema ġudizzjarja effikaċi, irawmu reżiljenza ekonomika taż-żona tal-euro u tal-Istati Membri. Is-Suq Uniku għad għandu potenzjal konsiderevoli mhux sfruttat u huwa meħtieġ progress għall-approfondiment tiegħu, partikolarment fis-servizzi finanzjarji, l-attivitajiet diġitali, l-enerġija u t-trasport, b’garanzija ta’ implimentazzjoni tempestiva u infurzar aħjar tal-leġiżlazzjoni.
(7)Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistabbilixxi 20 prinċipju għat-trawwim ta’ opportunitajiet indaqs u aċċess għas-suq tax-xogħol, kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u protezzjoni u inklużjoni soċjali. Ir-riformi li jippromwovu l-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol, jappoġġaw tranżizzjonijiet u jnaqqsu s-segmentazzjoni jistgħu jservu biex jagħtu spinta lit-tkabbir, itejbu r-reżiljenza ekonomika, inaqqsu l-inugwaljanzi u jirrispondu għall-isfidi ta’ ekonomija li qed tinbidel. L-appoġġ individwalizzat għat-tiftix tal-impjiegi, it-taħriġ u r-rikwalifikazzjoni jistgħu jirriżultaw fl-attivazzjoni effettiva u tempestiva tan-nies qiegħda. L-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ ta’ kwalità għolja huwa kruċjali u jirrikjedi investiment adegwat fil-kapital uman u l-ħiliet, b’mod partikolari għal persuni b’ħiliet baxxi. Tali riformi u investimenti jtejbu l-kapaċità għall-impjieg, l-innovazzjoni, il-produttività u l-pagi fuq medda ta’ żmien medju u twil, itejbu r-reżiljenza taż-żona tal-euro u jippromwovu l-inklużjoni soċjali u l-mobbiltà fl-Istati Membri u fiż-żona tal-euro kollha. Il-piż tat-taxxa fiż-żona tal-euro huwa relattivament għoli u partikolarment gravi fuq il-ħaddiema; it-trasferiment tagħha minn fuq ix-xogħol għal bażijiet tat-taxxa li huma inqas detrimentali għat-tkabbir, bħalma huma taxxi fuq il-proprjetà, il-konsum jew l-ambjent, jista’ jsaħħaħ il-provvista ta’ ħaddiema u d-domanda. Leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-impjiegi trid tipprovdi kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti u deċenti għall-ħaddiema kollha speċjalment fid-dawl ta’ forom ġodda tal-impjieg u tal-kuntratti; għalkemm dawn iġibu magħhom opportunitajiet ġodda, jikkawżaw ukoll sfidi relatati mas-sigurtà tal-impjieg u mal-protezzjoni soċjali. Sistemi ta’ protezzjoni soċjali effikaċi u sostenibbli huma wkoll kruċjali biex jiżguraw dħul adegwat u aċċess għal servizzi ta’ kwalità. Riformi tal-pensjonijiet u politiki ta’ bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata huma fatturi ewlenin ukoll biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol. Restrizzjonijiet mhux neċessarji fuq il-mobbiltà settorjali, ġeografika u tal-impjieg jistgħu jfixklu r-riallokazzjoni fl-Istati Membri u fiż-żona tal-euro sħiħa. L-involviment tas-sħab soċjali fir-riformi soċjali, tal-impjiegi u fir-riformi ekonomiċi relatati huwa kruċjali.
(8)Għalkemm ir-robustezza tas-settur finanzjarju taż-żona tal-euro żdiedet mill-kriżi ’l hawn, għad fadal vulnerabbiltajiet li jridu jiġu indirizzati. Id-dejn fis-settur privat għadu għoli, u s-sistemi fiskali għadhom jiffavorixxu d-dejn. Żidiet sostanzjali fir-rendiment tal-bonds sovrani jirriskjaw jieklu l-kapital tal-banek, li min-naħa l-oħra jista’ jwassal għal effetti spillover negattivi fiż-żona tal-euro. Il-ħtieġa li jiġu adattati l-mudelli ta’ negozju tal-banek, l-ambjent b’rati tal-imgħax baxxi u ż-żieda fil-kompetizzjoni minn forom oħra ta’ finanzjament qed ikomplu jagħmlu pressjoni fuq il-profittabbiltà tal-banek. Is-self improduttiv (NPL, non-performing loan) qed jonqos fi proporzjon mas-self totali, u b’rata ogħla fl-Istati Membri bl-iżjed stokks. Madankollu, il-proporzjonijiet NPL nazzjonali li għadhom ħafna ogħla mill-medja taż-żona tal-euro jirrikjedu iktar sforzi kostanti. F’Marzu 2018 il-Kummissjoni ppreżentat pakkett tat-tnaqqis tar-riskju biex tindirizza l-NPLs li jifdal u tevita l-akkumulazzjoni futura tagħhom; dan il-pakkett jenħtieġ li jiġi adottat fl-intier tiegħu mill-Parlament u l-Kunsill. L-adozzjoni tal-pakkett bankarju ta’ Novembru 2016 sal-aħħar tal-2018, li jkompli jnaqqas ir-riskji permezz tal-implimentazzjoni ta’ standards miftiehma internazzjonalment dwar bafers kapitali u l-likwidità fil-banek, tibqa’ kruċjali għat-tlestija tal-Unjoni Bankarja. Wara ksur serju tar-regoli kontra l-ħasil tal-flus, il-Kummissjoni pproponiet it-tisħiħ tal-Awtorità Bankarja Ewropea u l-kooperazzjoni superviżorja biex jissaħħaħ l-infurzar tal-qafas regolatorju f’dan il-qasam. Sar progress sinifikanti fit-twaqqif tal-Unjoni Bankarja, iżda sa issa għadha mhix lesta. In-nuqqas ta’ skema komuni ta’ assigurazzjoni tad-depożiti u ta’ garanzija ta’ kontinġenza komuni għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, ixekkel il-kapaċità tal-Unjoni Bankarja li taqta’ r-rabta bejn il-banek u s-sovrani.
(9)Biex tissaħħaħ l-arkitettura tal-UEM jeħtieġ li bħala prijorità jitlestew l-Unjoni Bankarja u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, iżda wkoll li tittieħed azzjoni rigward l-elementi kollha tal-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni għall-UEM fil-perjodu sal-2024. Minħabba l-politika monetarja komuni u politika fiskali deċentralizzata, hija meħtieġa iktar kondiviżjoni tar-riskju fid-dawl tal-progress miksub rigward it-tnaqqis tar-riskju. F’Diċembru 2017 u Mejju 2018, il-Kummissjoni ppubblikat ġabra ta’ proposti dwar passi addizzjonali biex titlesta l-UEM, inkluż Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti u Programm għas-Sostenn tar-Riformi (proposti fil-kuntest tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali). Il-proposti huma bbażati fuq id-dokument ta’ riflessjoni dwar l-approfondiment tal-UEM ta’ Mejju 2017 u r-Rapport tal-Ħames Presidenti ta’ Ġunju 2015. F’konformità mal-ftehim tal-Ministri tal-Finanzi taż-żona tal-euro f’Ġunju 2018, iridu jittieħdu deċiżjonijiet politiċi u passi konkreti dwar l-Unjoni Bankarja; fost dawn hemm il-ftuħ ta’ negozjati politiċi dwar l-Iskema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti u t-tisħiħ ulterjuri tal-Mekkaniżmu Ewropew ta’ Stabbiltà li, kif qablu l-mexxejja, għandu jipprovdi l-garanzija ta’ kontinġenza għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni. Dawn ir-riformi kollha se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tar-rwol internazzjonali tal-euro, b’tali mod li jrenduh iktar adegwat għar-rilevanza ekonomika u finanzjarja globali taż-żona tal-euro. Importanti li jiġu diskussi b’mod miftuħ u trasparenti fejn jidħlu l-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro.
(10)Il-Kumitat tal-Impjiegi u l-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali ġew ikkonsultati dwar l-aspetti relatati mal-impjiegi u l-aspetti soċjali ta’ din ir-rakkomandazzjoni,
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Istati Membri taż-żona tal-euro jieħdu azzjoni b’mod individwali u kollettiv fil-Grupp tal-Euro, fil-perjodu 2019-2020 biex:
1. Japprofondixxu s-suq uniku, itejbu l-ambjent tan-negozju u jsegwu riformi fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi li jżidu r-reżiljenza. Inaqqsu d-dejn estern u jsegwu riformi intiżi biex tiżdied il-produttività fl-Istati Membri taż-żona tal-euro b’defiċits fil-kont kurrenti u jsaħħu l-kundizzjonijiet li jsostnu t-tkabbir tal-pagi b’teħid inkunsiderazzjoni tar-rwol tas-sħab soċjali u jimplimentaw miżuri li jrawmu l-investiment fi Stati Membri taż-żona tal-euro b’surplus kbir fil-kont kurrenti.
2. Jerġgħu jibnu l-buffers fiskali fil-pajjiżi taż-żona tal-euro b’livelli għolja ta’ dejn pubbliku, jappoġġaw investiment pubbliku u privat u jtejbu l-kwalità u l-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi fil-pajjiżi kollha.
3. Jittrasferixxu t-taxxi li huma imposti fuq ix-xogħol u jsaħħu s-sistemi tal-edukazzjoni u l-investiment fil-ħiliet, kif ukoll l-effettività tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol li jappoġġaw it-tranżizzjonijiet. Jindirizzaw is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u jiżguraw sistemi adegwati ta’ ħarsien soċjali fiż-żona tal-euro.
4. Jagħtu bidu għall-operat tal-garanzija ta’ kontinġenza għall-Fond Uniku ta’ Riżoluzzjoni, iwaqqfu Skema Ewropea ta’ Assigurazzjoni tad-Depożiti u jsaħħu l-qafas regolatorju u superviżorju Ewropew. Jippromwovu t-tnaqqis ordnat fl-ingranaġġ ta’ stokks kbar ta’ dejn privat. Inaqqsu malajr il-livell ta’ self improduttiv fiż-żona tal-euro u jipprevjenu l-akkumulazzjoni tiegħu, inkluż billi titneħħa l-predispożizzjoni favur id-dejn fit-tassazzjoni.
5. Jagħmlu progress malajr biex titlesta l-Unjoni Ekonomika u Monetarja, anki bil-perspettiva li jissaħħaħ ir-rwol internazzjonali tal-euro, filwaqt li jitqiesu l-proposti tal-Kummissjoni, inkluż dawk li jirrigwardaw is-settur finanzjarju kif ukoll il-Programm għas-Sostenn tar-Riformi u l-Funzjoni Ewropea ta’ Stabbilizzazzjoni tal-Investimenti fil-kuntest tal-proposta għall-Qafas Finanzjarju Pluriennali 2021-2027.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President