IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 12.11.2018
COM(2018) 738 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE dwar l-adattament għat-tibdil fil-klima
{SEC(2018) 472 final} - {SWD(2018) 460 final} - {SWD(2018) 461 final}
1.Introduzzjoni
Tlieta minn kull erba’ ċittadini Ewropej iqisu t-tibdil fil-klima bħala problema serja ħafna. Il-bidliet osservati fil-klima diġà qed ikollhom impatti wesgħin ħafna fuq l-ekosistemi, is-setturi ekonomiċi, is-saħħa tal-bniedem u l-benesseri tal-Ewropa. It-telf ekonomiku totali rrappurtat ikkawżat mit-temp u minn estremi oħrajn relatati mal-klima fl-Ewropa bejn l-1980 u l-2016 kien jammonta għal aktar minn EUR 436 biljun u kien imqassam bejn l-Istati Membri tal-UE b’dan il-mod
:
Minħabba t-tibdil fil-klima biss, il-ħsara annwali lill-infrastruttura kritika tal-Ewropa tista’ tiżdied b’10 darbiet sa tmiem is-seklu f’xenarji ta’ żamma tal-istatus quo (mill-EUR 3.4 biljun attwali għal EUR 34 biljun)
. It-telf ikun l-akbar għas-setturi tal-industrija, tat-trasport u tal-enerġija.
Ħsara annwali mistennija f’reġjuni Ewropej kritiċi, minħabba t-tibdil fil-klima, sa tmiem is-seklu (EUR miljuni)
Dawn il-mapep dwar il-ħsara lill-infrastruttura kritika jirriflettu mudell: b’mod ġenerali, l-impatti tal-klima, se jkunu distribwiti b’mod ugwali madwar l-Ewropa, kemm f’termini ta’ meta kif ukoll ta’ fejn iseħħu. Ngħidu aħna:
·Iż-żona tal-Mediterran se ssofri aktar mill-effetti ta’ mortalità umana relatata mas-sħana, restrizzjonijiet tal-ilma, telf tal-ħabitat, domanda għall-enerġija għat-tkessiħ u nirien fil-foresti.
·Ir-reġjuni kostali, f’xenarju ta’ emissjonijiet għoljin (żieda fit-temperatura globali ta’ bejn 3.2 ºC u 5.4 °C bejn l-2 081 u l-2 100)
, jistgħu jsofru telf ekonomiku ta’ madwar EUR 39 biljun fis-sena sal-2050 u sa EUR 960 biljun fis-sena lejn l-aħħar tas-seklu
.
·Evidenza preliminari tindika kontrazzjoni sostanzjali tal-ekosistemi tat-tundra Alpina fl-Ewropa, anke jekk it-tisħin globali jibqa’ fi ħdan il-limitu ta’ 2ºC tal-Ftehim ta’ Pariġi. Barra milli għandha rwol prinċipali fir-regolazzjoni tal-ilma u tal-ilma ħelu għall-konsum mill-bniedem, it-tundra Alpina ssostni lit-turiżmu u lill-komunitajiet rurali u hija wkoll l-abitat ta’ speċijiet endemiċi li jinsabu biss fl-Ewropa.
In-nirien fl-Iżvezja tul is-sajf li għadda juru li, lil hinn mill-immudellar u mill-projezzjonijiet, l-ebda pajjiż Ewropew mhu protett mill-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima.
Qed titkattar l-evidenza li l-Ewropa hija wkoll vulnerabbli għall-impatti tat-tibdil fil-klima lil hinn mill-fruntieri tagħha permezz ta’, pereżempju, il-kummerċ, il-flussi finanzjarji internazzjonali, il-migrazzjoni
u s-sigurtà. Ir-riskju tat-tibdil fil-klima jopera bejn fruntiera u oħra, minħabba l-ħafna interkonnessjonijiet kumplessi u globali bejn in-nies, l-ekosistemi u l-ekonomiji. L-avviċinament tal-adattament bħala bene pubbliku globali għall-indirizzar tar-riskji transfruntieri jista’ jiżvela opportunitajiet għat-tisħiħ tal-koperazzjoni internazzjonali dwar ir-reżiljenza
. Billi jgħinu lil ħaddieħor jadatta, pajjiżi donaturi qed jgħinu wkoll lilhom infushom.
Il-Kummissjoni ġabret xi evidenza inizjali dwar kif l-impatti tal-klima f’partijiet oħra tad-dinja jistgħu jaffettwaw lill-Ewropa permezz tal-kummerċ internazzjonali (importazzjonijiet u esportazzjonijiet). Il-mappa t’hawn taħt tipprovdi valutazzjoni tat-telf tal-PDG annwali (EUR biljuni) minħabba l-impatti tal-klima fil-bqija tad-dinja, permezz tal-kummerċ internazzjonali. Iċ-ċifri inseriti fir-reġjuni differenti jirriflettu telf f’xenarju ta’ emissjonijiet għoljin (bl-aħmar) u dinja ta’ 2ºC (bil-blu) sa tmiem is-seklu. Fil-valutazzjoni ġew inklużi biss erba’ setturi: il-produttività tax-xogħol, l-agrikoltura, l-enerġija u l-għargħar tax-xmajjar.
0.1bn
0.3bn
1.0bn
3.0bn
5.0bn
Impatti fuq il-PDG annwali tal-UE (EUR biljuni) minħabba l-impatti tal-klima fil-bqija tad-dinja, permezz tal-kummerċ internazzjonali (importazzjonijiet u esportazzjonijiet)
Id-daqs ta’ dawn l-effetti kummerċjali transfruntieri jiddependi fuq żewġ fatturi:
1.il-gravità tal-impatti tal-klima fil-bqija tar-reġjuni tad-dinja; u
2.il-volum tal-kummerċ bejn dawk ir-reġjuni u l-UE
.
Il-mappa turi li l-UE tkun l-aktar affettwata mill-impatti fil-Kontinent Amerikan u fl-Asja t’isfel. Fost l-erba’ setturi vvalutati, dak li jipproduċi l-biċċa l-kbira tal-effetti transfruntieri huwa l-agrikoltura, segwit mill-produttività tax-xogħol. Pereżempju, jekk it-tibdil fil-klima jnaqqas ir-redditi minn sieħeb tal-kummerċ agrikolu tal-UE, il-PDG ta’ dak is-sieħeb se jonqos, li jfisser (fost konsegwenzi oħra) li dan se jimporta anqas prodotti mill-UE (fost l-oħrajn). Dan min-naħa tiegħu jbaxxi wkoll il-PDG tal-UE
. Madanakollu, huwa ċar li l-impatti jistgħu wkoll jirriżultaw minn interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista fl-importazzjonijiet tal-UE, minn ħsarat lil setturi oħra, u minn tibdil strutturali ulterjuri mhux ivvalutat f’din ir-riċerka.
Fir-rigward tal-klima u tal-migrazzjoni, xenarji riċenti jikkonfermaw relazzjoni bejn it-tibdil fil-klima
u fluttwazzjonijiet fl-applikazzjonijiet għall-asil fl-UE. Anke f’xenarju ta’ emissjonijiet moderati
, huwa projettat li sa tmiem is-seklu, l-applikazzjonijiet għall-asil se jiżdiedu bi 28 % minħabba fl-impatti tal-klima (medja ta’ 98 000 applikazzjoni għall-asil addizzjonali fis-sena).
L-adattament huwa dwar soluzzjonijiet u t-tħejjija għal dawn l-isfidi domestiċi u internazzjonali. Dan ifisser li jiġu antiċipati l-effetti avversi msemmija tat-tibdil fil-klima msemmija hawn u li tittieħed azzjoni xierqa sabiex il-ħsara li jistgħu jikkawżaw tiġi impeduta jew minimizzata, jew jittieħed vantaġġ mill-opportunitajiet li jistgħu jirriżultaw.
Fl-2005, il-Kummissjoni bdiet tqis il-ħtieġa biex tadatta l-bidliet fil-klima tal-Ewropa. B’riżultat ta’ dan, ġiet adottata White Paper
fl-2009, u strateġija dwar l-adattament tal-UE (“l-istrateġija”) fl-2013
.
Fiż-żmien meta ġiet żviluppata l-istrateġija, l-ispejjeż ekonomiċi, ambjentali u soċjali tan-nuqqas ta’ azzjoni għall-UE, għal numru ta’ setturi tal-ekonomija, kienu stmati għal EUR 100 biljun fis-sena fl-2020 u EUR 250 biljun fis-sena fl-2050
. Stimi attwali jidher li jindikaw li l-ispiża tan-nuqqas ta’ azzjoni tista’ tiżdied b’mod esponenzjali sal-2080
. Il-mudelli ekonomiċi attwali tal-impatti globali aggregati tat-tibdil fil-klima jistgħu jkunu inadegwati fit-trattament tagħhom tas-setturi, l-integrazzjoni ta’ impatti fuq l-ambjent fiżiku, l-ekosistemi, il-bijodiversità u s-servizzi, l-inċertezza u l-mumenti kritiċi tagħhom. Hemm iċ-ċans li l-mudelli jissottovalutaw sew ir-riskji futuri
.
L-istrateġija tinkludi tmien azzjonijiet li jaħdmu għall-ilħuq ta’ tliet objettivi speċifiċi sabiex:
1.Tiżdied ir-reżiljenza tal-pajjiżi, tar-reġjuni u tal-ibliet tal-UE.
2.It-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar l-adattament jiġi infurmat aħjar.
3.Tiżdied ir-reżiljenza ta’ setturi vulnerabbli prinċipali u l-politiki tal-UE.
Mill-2013, il-Kummissjoni fittxet li tilħaq dawk it-tliet għanijiet tul firxa wiesgħa tal-attivitajiet tagħha. Dawn illum ikomplu jiggwidaw il-ħidma tal-Kummissjoni.
Ir-rapport jeżamina l-proċess u r-riżultati tal-evalwazzjoni tal-istrateġija, inkluż it-tagħlimiet mitgħallma mill-implimentazzjoni tagħha sa issa.
2.Proċess
L-istrateġija ddikjarat li, fl-2017, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-istat ta’ implimentazzjoni u tipproponi rieżami, jekk ikun meħtieġ. Dan huwa l-kuntest ta’ dan ir-rapport, flimkien mad-dokument ta’ ħidma tal-persunal (SWD) ta’ sostenn tiegħu li jispjega r-riżultati tal-evalwazzjoni.
F’konformità mal-linji gwida tal-Kummissjoni Ewropea dwar regolamentazzjoni aħjar, l-evalwazzjoni twettqet skont ħames kriterji: (i) l-effettività, (ii) l-effiċenzja, (iii) ir-rilevanza, (iv) il-koerenza u (v) l-valur miżjud tal-UE. Wieħed jista’ jsib valutazzjoni bir-reqqa skont dawn il-kriterji fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal ta’ sostenn.
Il-biċċa l-kbira tal-evidenza nġabret permezz ta’ kuntratturi, li wettqu evalwazzjoni (literature review), stħarriġ immirat, stħarriġ pubbliku, intervisti, sessjonijiet ta’ ħidma u studji tal-każ.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni bbażat l-analiżi tagħha fuq diversi sorsi, ikkonsultati b’mod dirett jew integrati permezz tar-rapport tal-kuntrattur, eż. evalwazzjonijiet oħrajn relatati ma’ azzjonijiet taħt l-istrateġija
, strateġiji nazzjonali minn Stati Membri, informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri skont ir-Regolament dwar il-Mekkaniżmu tal-Monitoraġġ
, rapporti minn programmi ffinanzjati mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE)
mill-2014 u r-riżultati ta’ proġetti tar-riċerka u l-innovazzjoni ffinanzjati mill-programmi qafas tal-UE.
3.Ir-riżultati tal-evalwazzjoni
B’mod ġenerali, l-istrateġija laħqet l-għanijiet tagħha, bi progress irreġistrat f’kull waħda mit-tmien azzjonijiet indiviwali tagħha, li huma:
1.Tħeġġeġ lill-Istati Membri kollha biex jadottaw strateġiji ta’ adattament komprensivi.
2.Tipprovdi finanzjament mill-programm LIFE
biex tappoġġja l-bini tal-kapaċità u tħaffef l-azzjonijiet għall-adattament fl-Ewropa.
3.Tintroduċi adattament fil-Patt tas-Sindki
.
4.Timla l-lakuni fl-għarfien.
5.Tiżviluppa aktar Climate-ADAPT
bħala l-one-stop shop dwar l-addattament fl-Ewropa.
6.Tiffaċilita l-protezzjoni kontra t-tibdil fil-klima fil-politika agrikola komuni, fil-politika ta’ koeżjoni u fil-politika komuni tas-sajd.
7.Tiżgura infrastruttura aktar reżiljenti.
8.Tippromwovi l-assigurazzjoni u prodotti finanzjarji oħrajn għal investiment u deċiżjonijiet kummerċjali reżiljenti.
Bejn l-2013 u l-2018, in-numru ta’ Stati Membri bi strateġija ta’ adozzjoni nazzjonali żdied minn 15 għal 25. L-UE qed tippromwovi u tissorvelja l-azzjoni permezz tal-proġetti ta’ LIFE u l-Patt tas-Sindki għall-Klima u l-Enerġija (“il-Patt tas-Sindki”). L-istrateġija kkontribwixxiet għal titjib fl-għarfien ta’ adattament u għall-qsim tiegħu sabiex jinforma t-teħid ta’ deċiżjonijiet. Permezz tal-istrateġija, l-adattament infirex u ggwida firxa wiesgħa tal-politiki u l-programmi ta’ finanzjament prinċipali tal-UE stess, u rrinforza rabtiet mat-tnaqqis tar-riskju tad-diżastri, ir-reżiljenza tal-infrastruttura u s-settur finanzjarju.
3.1.Rilevanza
Mill-adozzjoni tal-istrateġija, kompliet tiżdied l-evidenza li t-temp u estremi oħra relatati mal-klima qed isiru aktar frekwenti u intensi fl-Ewropa. L-impenji għat-tnaqqis tal-emissjonijiet attwali skont il-Ftehim ta’ Pariġi
jirriżultaw f’tisħin globali lil hinn mit-3°C fiż-żminijiet preindustrijali. Għalhekk, it-tisħiħ tar-reżiljenza tal-UE kontra x-xokkijiet fil-klima huwa kruċjali, sabiex jiġu limitati l-ispejjeż ekonomiċi, soċjali u ambjentali fuq terminu qasir, medju u twil.
Il-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima sejrin jaffettwaw firxa wiesgħa tal-popolazzjoni tal-UE b’mod sinifikanti. Kemm l-awtoritajiet pubbliċi kif ukoll il-partijiet ikkonċernati privati (djar, kumpaniji, investituri) se jkollhom iqisu azzjonijiet preventivi. Għalhekk, l-objettivi inizjali tal-istrateġija biex it-teħid ta’ deċiżjonijiet jiġi infurmat aħjar u għaż-żieda fir-reżiljenza madwar l-Ewropa jibqgħu rilevanti u jenħtieġ li jkomplu jiġu segwiti.
Mill-2013, żviluppi fil-politika internazzjonali bħall-Ftehim ta’ Pariġi, l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli u l-Qafas ta’ Sendai dwar it-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri
rrinfurzaw b’mod sostanzjali l-momentum politiku għall-appoġġ tal-adattament għat-tibdil fil-klima fuq livell globali. L-impenji klimatiċi u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli jridu jiġu avvanzati b’mod konġunt sabiex jiġu megħluba l-isfidi urġenti li jirriżultaw mid-degradazzjoni tal-ekosistemi, l-impatti tal-klima, iż-żieda fl-inugwaljanza u l-instabbiltà politika
. Minħabba li l-kamp ta’ applikazzjoni tal-istrateġija kien l-enfasi fuq l-impatti tat-tibdil fil-klima fuq it-territorju tal-UE, dan ma jindirizzax l-interrelazzjonijiet potenzjali mal-adattament għat-tibdil fil-klima barra mill-UE. Minħabba n-nuqqas ta’ evidenza, iqis ukoll parzjalment l-impatti possibbli tat-tibdil fil-klima barra mill-Ewropa u l-konsegwenzi tiegħu għall-UE.
Minkejja dan, illum dejjem aktar evidenza qed turi l-ħtieġa li l-UE tqis ir-rabtiet bejn il-klima u s-sigurtà u l-effetti transfruntieri tal-adattament jew in-nuqqas tiegħu, f’pajjiżi mhux tal-UE.
3.2.L-effettività
L-objettivi wiesa’ ħafna tal-istrateġija għadhom ma ntlaħqux wara ħames snin, iżda sar xi progress. B’mod ġenerali, l-attenzjoni politika mxiet lejn kwistjonijiet ta’ adattament u l-ħtieġa għat-tħejjija għal impatti inevitabbli.
Fil-livell nazzjonali, issa hemm 25 Stat Membru li għandhom strateġija ta’ adattament fis-seħħ, meta mqabbel mal-15 fl-2013. Mill-2014, LIFE iffinanzja 60 proġett relatat mal-adattament b’EUR 184 miljun, filwaqt li wara t-tlestija tagħhom huwa stmat li, permezz tar-replikazzjoni u t-trasferiment, dawn se jolqtu żona ta’ 1.8 miljun km2, li huwa ekwivalenti għal kwart tat-territorju tal-UE. Permezz ta’ proġetti ddedikati, LIFE qed jgħin ukoll biex jiġu implimentati strateġiji ta’ adattament nazzjonali u reġjonali fil-Greċja u f’Ċipru. Barra minn hekk, l-adozzjoni ta’ strateġiji ta’ adattament ġiet aċċellerata mill-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE), li introduċew valutazzjonijiet tar-riskju, filwaqt li jqisu l-adattament għat-tibdil fil-klima, bħala prekundizzjoni sabiex jiġi żgurat infiq effettiv u effiċjenti.
Għal-livell lokali u reġjonali, il-Kummissjoni introduċiet adattament fil-Patt tas-Sindki, u qed tqajjem kuxjenza, filwaqt li timmobilizza u tappoġġja bliet fl-adozzjoni ta’ strateġiji ta’ adattament lokali. Sa April 2018, 1 076 firmatarju tal-Patt minn 25 Stat Membru tal-UE, li jkopru madwar 60 miljun abitant, impenjaw ruħhom li jwettqu valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà u tar-riskju, u li jiżviluppaw, jimplimentaw u jirrappurtaw dwar il-pjanijiet għall-adattament. Madwar l-UE, madwar 40 % tal-ibliet b’aktar minn 150 000 abitant huwa stmat li adottaw pjanijiet għall-adattament biex jipproteġu lill-Ewropej mill-impatti tal-klima
.
L-evalwazzjoni tikkonferma wkoll żieda sostanzjali fl-għarfien dwar l-adattament bħala riżultat tal-isforzi tal-Kummissjoni, l-aktar permezz tal-Programmi Qafas tal-UE dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni u anke permezz tal-Pjattaforma Ewropea dwar l-Adattament għat-Tibdil fil-Klima (Climate-ADAPT). Madankollu, l-ebda waħda mil-lakuni fl-għarfien ta’ prijorità ma ġiet magħluqa u tfaċċaw lakuni ġodda. L-ewwel nett, il-lakuni fl-għarfien ġew ifformulati b’mod mingħajr limiti fl-2013 (minflok mistoqsijiet speċifiċi għas-settur), li jagħmilha diffiċli li wieħed ikejjel il-progress. It-tieni nett, kif inhu spiss il-każ għal lakuni f’oqsma xjentifiċi oħra, l-għarfien jaf mhux dejjem ikun komplut u ċert. L-inċertezza, madankollu, tista’ tiġi integrata fl-immudellar, ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet trasparenti u miftuħ: mhix skuża għan-nuqqas ta’ azzjoni.
Il-progress huwa wkoll ċar dwar il-mainstreaming fil-politiki u fil-programmi attwali tal-UE. Hawn jista’ jkun għad hawn marġni għal titjib fl-integrazzjoni tal-adattament f’xi politiki komuni tal-UE, bħall-kummerċ u s-sajd. Għall-kummerċ, hemm lakuna fl-għarfien dwar l-effetti kollaterali minn pajjiżi terzi, li l-fehim tagħhom jippermetti mainstreaming effettiv tal-adattament fil-politika kummerċjali tal-UE. Għas-sajd, ir-raġunijiet fil-biċċa l-kbira huma minħabba attenzjoni insuffiċjenti lejn l-adattament għall-klima fil-fond tal-UE relatat.
Rigward il-fondi tal-UE, kien hemm livelli varjabbli ta’ mainstreaming taħt il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej: ġiet introdotta sistema għall-intraċċar ta’ nefqa relatata mal-klima, iżda l-valutazzjoni sa fejn l-investimenti pproduċew benefiċċji għall-adattament fuq il-post xi drabi offriet sfida. Separazzjoni kompluta bejn in-nefqa għall-mitigazzjoni u l-adattament mhix dejjem possibbli, minħabba sinerġiji bejn il-politiki, speċjalment fis-settur tal-agrikoltura. Madankollu, taħt il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) u l-Fond ta’ Koeżjoni (FK), ammont ta’ finanzjament sostanzjali jista’ jiġi intraċċat direttament lejn investimenti relatati mal-adattament. Barra minn hekk, il-politika agrikola komuni attwali, li ġiet adottata ftit tax-xhur wara l-istrateġija dwar l-adattament, tinkludi għadd ta’ miżuri rilevanti għall-adattament kif ukoll għall-mitigazzjoni (inklużi ċerti rekwiżkiti tal-kundizzjonalità u tal-ekoloġizzazzjoni) mifruxa tul diversi prijoritajiet. L-allokazzjonijiet għall-adattament fil-programmi ta’ finanzjament differenti jidhru fit-tabella hawn taħt.
Il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment tal-UE għal bejn l-2014 u l-2020 - allokazzjonijiet relatati mal-klima (f’EUR biljuni u % tat-total)
|
Appoġġ mill-UE
|
Riskji relatati mal-klima
|
Li minnhom
|
|
|
|
Mitigazzjoni diretta
|
Adattament dirett
|
Miżuri ta’ appoġġ għat-tnejn li huma
|
FEŻR u ETC
|
196.7.
|
37.9.
|
30.8.
|
3.4.
|
3.6.
|
|
|
[19.3 %]
|
[15.7 %]
|
[1.7 %]
|
[1.8 %]
|
FK
|
63.4.
|
17.6.
|
13.4.
|
3.0.
|
1.3.
|
|
|
[27.8 %]
|
[21.1 %]
|
[4.7 %]
|
[2.0 %]
|
L-FSE
u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ
|
88.9.
|
1.2.
|
1.2.
|
-
|
-
|
|
|
[1.3 %]
|
[1.3 %]
|
-
|
-
|
FEMS
|
5.7.
|
1.0.
|
1.0.
|
-
|
-
|
|
|
[18.2 %]
|
[18.2 %]
|
|
|
FAEŻR
|
99.0.
|
56.5.
|
5.4.
|
7.5.
|
43.6.
|
|
|
[57.1 %]
|
[5.5 %]
|
[7.6 %]
|
[44 %]
|
Total
|
453.7.
|
114.2.
|
51.9.
|
13.9.
|
48.5.
|
|
|
[25.4 %]
|
[11.4 %]
|
[3.1 %]
|
[10.8 %]
|
Barra minn hekk, il-proġetti kollha ewlenin
iffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u mill-Fond ta’ Koeżjoni huma soġġetti għal protezzjoni kontra t-tibdil fil-klima fil-perjodu ta’ bejn l-2014 u l-2020, li tindirizza r-reżiljenza għat-tibdil fil-klima permezz ta’ valutazzjonijiet tal-vulnerabbiltà u r-riskju segwiti mill-identifikazzjoni, mill-valutazzjoni u mit-twettiq tal-azzjonijiet għall-adattament rilevanti.
Il-Fond Soċjali Ewropew u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd ma indirizzawx b’mod speċifiku OT (“Il-promozzjoni tal-adattament għat-tibdil fil-klima, il-prevenzjoni u l-ġestjoni tar-riskju”) minkejja l-impatti fuq il-popolazzjoni vulnerabbli, l-impjiegi u l-istokkijiet tal-ħut. Il-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG), li jiffinanzja l-pagamenti diretti tal-PAK, mhuwiex parti mill-FSIE, iżda madwar 20 % tal-pagamenti diretti jistgħu jitqiesu rilevanti għall-klima.
3.3.L-effiċjenza
L-ispejjeż amministrattivi li jirriżultaw b’mod dirett mill-istrateġija kienu baxxi u fil-biċċa l-kbira limitati għall-Kummissjoni, bl-eċċezzjoni tal-programmi ta’ finanzjament fejn organizzazzjonijiet oħra (eż. nazzjonali) jikkumplimentaw il-finanzjament tal-UE
. L-ispejjeż għal partijiet ikkonċernati oħra, fil-biċċa l-kbira tal-każijiet kienu volontarji u marbuta l-aktar mal-aċċessar tal-fondi tal-UE.
Il-benefiċċji marbuta mal-istrateġija nkisbu bi spiża baxxa grazzi għall-effetti multiplikatur tal-azzjonijiet tagħha dwar il-gwida, il-koordinazzjoni, it-tixrid, il-wiri u l-mainstreaming f’politiki u programmi ta’ finanzjament oħra.
B’mod ġenerali, l-istrateġija tal-UE tipprovdi valur għall-flus, minħabba li t-tmien azzjonijiet tal-istrateġija jistgħu jitqiesu bħala kosteffiċjenti ħafna. Ngħidu aħna, il-proġetti LIFE, inklużi dawk dwar l-addattament, huma stmati li produċew benefiċċji fis-soċjetà ta’ madawar EUR 1.7 biljun fl-2014, erba’ darbiet akbar mill-baġit kollu tal-LIFE għal dik is-sena
.
3.4.Koerenza
L-impatti tal-klima se jkunu mifruxa fl-Ewropa fil-futur. Huwa meħtieġ adattament sabiex tittieħed azzjoni fil-livelli kollha ta’ governanza li tkun trasformattiva biżżejjed biex inkampaw ma’ bidliet sistemiċi fil-klima, fl-ambjent u fis-soċjetà tagħna.
L-istrateġija, b’mod ġenerali, hija koerenti ma’ politiki u azzjoni għall-adattament tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali, u. Il-gwida tal-Kummissjoni prodotta skont l-istrateġija għenet biex tikkoordina s-setturi u l-politiki nazzjonali, u għenet biex jiġu indirizzati xi kwistjonijiet dwar il-klima transfruntieri bejn l-Istati Membri. L-istrateġiji makroreġjonali tal-UE
u l-Patt tas-Sindki wkoll irrinforzaw approċċi simili bejn l-Istati Membri tal-UE li jikkondividu riskji simili tat-tibdil fil-klima.
L-istampa hija aktar differenti għall-koerenza mal-politiki u mal-inizjattivi internazzjonali. Meta kienet qed tiġi żviluppata l-istrateġija, il-Kummissjoni ddeċidiet li tiffoka fuq l-indirizzar tal-impatti tat-tibdil fil-klima fuq it-territorju tal-UE, b’xi analiżi tar-rabtiet bejn il-migrazzjoni u t-tibdil fil-klima
u r-riperkussjonijiet potenzjali għall-UE.
Minkejja dan, it-twettiq tal-Istrateġija kkontribwixxa għat-tisħiħ tal-azzjoni esterna tal-UE dwar ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima billi titjieb il-bażi tal-għarfien, u tiġi offruta bażi test għal opzjonijiet u rispons għall-adattament li jistgħu jkunu rilevanti barra mill-UE
.
Jekk wieħed iħares ’il quddiem, jara li hemm lok għal modifika tal-istrateġija għal allinjament aħjar mal-iżviluppi tal-politika internazzjonali mill-2013, kif ukoll għal valutazzjoni aħjar tal-implikazzjonijiet għall-UE tal-effetti transfruntieri tal-impatti tal-klima f’pajjiżi mhux tal-UE permezz ta’ eż. flussi migratorji, flussi kummerċjali u finanzjarji.
L-UE, bħala parti mill-UNFCCC
, jeħtiġilha tirrapporta dwar il-progress u l-azzjonijiet dwar l-adattament u possibbilment tiddefinixxi mill-ġdid l-ambizzjoni tagħha rigward l-adattament billi teżamina mill-ġdid l-istrateġiji u l-politiki tagħha. L-istrateġija jenħtieġ li tappoġġja dan il-proċess billi tgħaqqad l-isforzi Ewropej u globali għall-adattament.
Hemm opportunitajiet għal rabtiet bejn il-politika dwar l-adattament futur tal-UE u l-ilħuq tal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli, il-Konvenzjoni dwar id-Diversità Bijoloġika
u l-Qafas ta’ Sendai għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri. Pereżempju, ħafna mill-indikaturi żviluppati biex jissorveljaw il-progress ta’ dawn il-oqfsa globali huma rilevanti ħafna għall-adattament. Barra minn hekk, l-għodod tal-immudellar li jintegraw ix-xenarji u l-isfidi tal-klima u s-sostenibbliltà (għall-adattament u l-mitigazzjoni) qed jiġu żviluppati
.
Fir-rigward tal-koerenza interna tal-istrateġija (jiġifieri l-kontenut tagħha), instab li din hija koerenti ħafna u diversi azzjonijiet ikkumplimentaw lil xulxin. Pereżempju, kien hemm fluss rikk ta’ għarfien dwar l-adattament bejn dawk li jiġġenerawha jew jikkompilawha fil-livell tal-UE
, Climate-ADAPT
u l-awtoritajiet lokali li jfasslu l-informazzjoni meħtieġa biex jingaġġaw mal-Patt tas-Sindki. Madanakollu, esplorazzjoni u użu aktar komprensivi tar-rabtiet bejn l-azzjonijiet jista’ jkollu koerenza interna mtejba saħansitra akbar
.
3.5.Valur miżjud tal-UE
L-istrateġija tiġġenera valur miżjud għall-Ewropa, b’mod partikolari minħabba li tippermetti l-integrazzjoni tal-adattament f’setturi ewlenin, livelli ta’ governanza u politiki tal-UE.
Il-partijiet ikkonċernati apprezzaw il-benefiċċji tar-riċerka dwar l-adattament fil-livell tal-UE u t-tixrid tal-għarfien permezz ta’ inizjattivi bħal Climate-ADAPT.
Dawk li jiddeċiedu fil-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali jistgħu jkunu sfurzati jqisu adattament mingħajr l-Istrateġija tal-UE. Madanakollu, il-partijiet ikkonċernati kkonfermaw li, fl-assenza ta’ tmexxija tal-adattament tal-UE, kien ikun hemm anqas progress u anqas inkoraġġiment għat-tisħiħ tal-kapaċità adattiva, b’mod partikolari bejn il-fruntieri f’makroreġjuni tal-UE li jaqsmu riskji komuni tat-tibdil fil-klima
, eż. baċiri idrografiċi u żoni Alpini. Barra minn hekk, mingħajr il-Patt tas-Sindki, il-bliet tal-UE jkunu aktar vulnerabbli u l-atturi lokali u reġjonali jkollhom anqas xjenza disponibbli biex jappoġġjaw ippjanar fuq terminu twil.
Barra minn hekk, il-partijiet ikkonċernati faħħru l-irwol katalitiku tal-programm LIFE. LIFE saħħaħ it-tagħlim u l-azzjoni ta’ adattament għall-klima minn isfel għal fuq, filwaqt li ottimizza t-tqegħid ta’ politiki ambjentali u dwar il-klima tal-UE b’mod ġenerali.
L-azzjoni dwar l-assigurazzjoni tal-istrateġija u s-settur finanzjarju setgħet ma kinitx biżżejjed biex tegħleb id-diffikultajiet għall-kooperazzjoni pubblika-privata s’issa. Għalkemm hija għenet biex wieħed jifhem aħjar kif jiffunzjonaw is-swieq tal-assigurazzjoni bħala għodda kruċjali ta’ adattament fl-Istati Membri, speċifikament dwar l-irwol tal-assigurazzjoni fil-ġestjoni tar-riskju tat-tibdil fil-klima, l-azzjoni tal-UE għadha trid trendi riżultati ċari. Hawnhekk, il-valur miżjud tal-UE qiegħed fil-fatt li tkun permessa kooperazzjoni bejn il-gvernijiet u l-assiguraturi, filwaqt li titqajjem kuxjenza dwar il-lakuna tal-kopertura u dwar il-ħtieġa għall-gvernijiet biex jintegraw l-assigurazzjoni fil-ġestjoni tar-riskji kollha tat-tibdil fil-klima.
Minkejja li l-istrateġija inkludiet il-promozzjoni ta’ prodotti finanzjarji għal investiment reżiljenti fl-Azzjoni 8 tagħha, l-impatt tal-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni tal-2018 dwar it-tkabbir finanzjarju sostenibbli
ma jagħmilx parti mill-evalwazzjoni minħabba ż-żmien tiegħu. Madankollu, aktarx se jkun utli sabiex tiġi żgurata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-UE permezz tal-inklużjoni ta’ riskji tat-tibdil fil-klima fil-proċessi tal-ġestjoni tar-riskju tal-kumpaniji u l-istituzzjonijiet finanzjarji. Barra minn hekk, il-pjan ta’ azzjoni jimmira li jrawwem it-trasparenza u s-sostenibbiltà tad-deċiżjonijiet dwar l-investiment dwar il-ħtiġijiet tal-adattament u l-opportunitajiet tat-tnaqqis tal-emissjonijiet.
4.Tagħlimiet meħuda
L-eżiti u l-eżempji msemmija hawn fuq juru li strateġija ta’ adattament fil-livell tal-UE xorta għadha rilevanti ħafna u żżid il-valur għall-isforzi ta’ adattament lokali, reġjonali u nazzjonali filwaqt li tibqa’ kosteffettiva. L-istrateġija, strument ta’ politika bi ftit implikazzjonijiet amministrattivi għall-biċċa l-kbira tal-partijiet ikkonċernati, irnexxielha tiffoka lil dawk li jiddeċiedu fuq il-ħtieġa biex iħejju għal perikli mit-tibdil fil-klima. L-istrateġija aġixxiet bħala punt ta’ referenza, jiġifieri tiffoka u tikkatalizza l-azzjoni f’livelli ta’ governanza oħra. Barra minn hekk, iggwidat l-isforzi b’suċċess sabiex ikompli jiġi żgurat li l-politiki u l-baġits fil-livell tal-UE jintegraw konsiderazzjonijiet dwar it-tibdil fil-klima.
Matul il-proċess ta’ evalwazzjoni, il-Kummissjoni kisbet intuwiti importanti dwar l-ewwel ħames snin mill-implimentazzjoni mit-tqegħid tal-istrateġija fl-prattika:
·Il-lakuni fl-għarfien dwar l-adattament jaf ma jingħalqux kompletament, iżda l-valur miżjud tal-azzjonijiet tar-riċerka u l-innovazzjoni tal-UE mill-2013 ġie apprezzat ħafna mill-partijiet ikkonċernati. Issa jista’ jkun li wasal iż-żmien li naqilbu l-fokus mill-ġenerazzjoni tal-għarfien għall-applikazzjoni tiegħu għat-teħid ta’ deċiżjonijiet f’inċertezza, b’mod partikolari f’setturi jew f'reġjuni ekonomiċi li portenzjalment huma aktar vulnerabbli, bħall-agrikoltura fir-reġjuni tal-Mediterran jew ir-reġjuni ultraperiferiċi Ewropej. Għal dawn l-għanijiet, il-Kummissjoni tista’ tipprevedi skambji ta’ informazzjoni dwar miżuri għall-adattament ta’ suċċess bejn il-partijiet ikkonċernati u mal-komunità xjentifika. Dan sal-punt li, minn isfel għal fuq, l-adattament kodisinjat jista’ jixpruna l-azzjoni u t-tagħlim minkejja l-evidena mhux kompluta, f’konformità mal-prinċipju ta’ prekawzjoni
. Djalogi dwar il-politika u x-xjenza strutturati jistgħu jiġu organizzati b’mod regolari, pereżempju, fil-kuntest tal-konferenza biennali dwar l-Adattament Ewropew għat-Tibdil fil-Klima (ECCA)
. Barra minn hekk, jistgħu jiġu stabbiliti analiżi tal-adattament u forum dwar l-immudellar, sabiex jittejjeb l-użu tal-impatt tat-tibdil fil-klima u l-mudelli għall-adattament għat-tfassil ta’ poliki. Il-forum jista’ jikkontrolla l-kapaċitajiet kollettivi ta’ varjetà ta’ mudelli, filwaqt li jaħdem fuq il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta’ approċċi kuntrastanti għar-riċerka dwar l-adattament u jipprovdi gwida kontinwa għal sforzi ulterjuri.
·F’każ ta’ investimenti fl-infrastruttura fuq terminu twil, ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima hija essenzjali: din, fost l-oħrajn, teħtieġ standards speċifiċi għall-adattament
, data dwar l-osservazzjoni tad-dinja, data oħra dwar l-ispazju u servizzi bbażati fuq l-ispazju, xjenza mill-pubbliku u linji gwida aċċessibbli kemm għall-esperti kif ukoll għal dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet. Hemm lok għal espansjoni ulterjuri tal-integrazzjoni tal-adattament fl-infrastruttura, eż. permezz tal-preskrizzjoni ta’ protezzjoni kontra t-tibdil fil-klima għal kwalunkwe infrastruttura ffinanzjata mill-UE
, u b’mod partikolari meta l-infrastruttura tkun importanti ħafna għall-isforzi għat-tnaqqis tal-emissjonijiet.
·L-azzjonijiet tal-istrateġija jistgħu jiġu integrati aħjar flimkien. Rabtiet bejn l-azzjonijiet seħħew fil-fatt b’mod spontanju, iżda dawn jistgħu jiġu identifikati u sfruttati aħjar. Pereżempju, Climate-ADAPT tista’ tipprovdi ħarsa ġenerali aħjar lejn il-proġetti ta’ riċerka attwali ffinanzjati mill-UE jew minn attivitajiet operazzjonali bħad-diversi servizzi ta’ Copernicus. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun hemm skambju aktar frekwenti ta’ metodoloġiji u sejbiet immirati għal prattikanti u pjattaformi nazzjonali u tal-UE rilevanti, eż. permezz ta’ għodod interattivi u webinars.
·Bl-istess mod, jenħtieġ li l-istrateġija tintegra aħjar id-dimensjoni internazzjonali tal-adattament biex tissinkronizza mal-politika kollettiva globali u l-azzjonijiet dwar l-iżvilupp sostenibbli, il-bijodiversità u t-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, biex insemmu ftit. Għalhekk, il-Kummissjoni timmira li tgħaqqad l-isforzi u l-proċessi tal-mainstreaming tagħha biex tilħaq l-SDGs u tikseb l-impenji klimatiċi, kemm fl-UE kif ukoll permezz tal-appoġġ tagħha lejn u l-kooperazzjoni ma’ pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.
·L-istrateġija ppromwoviet pjanijiet ta’ adattament fil-livelli kollha, iżda kienet anqas effettiva fit-twettiq u fil-monitoraġġ ta’ dawk il-pjanijiet fl-Istati Membri. Proċess aktar simplifikat sabiex jiġi segwit il-progress f’azzjonijiet għall-adattament nazzjonali, u sabiex jiġi ffaċilitat it-tagħlim bejn il-parti, jista’ jgħin biex iħaffef aktar l-azzjoni għall-adattament. L-adattament huwa inkluż fir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija
, li se jippermetti rappurtar regolari aktar sistematiku mill-Istati Membri dwar firxa ta’ għanijiet ta’ adattament u progress. Dan se jgħin ukoll fit-twettiq tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dan jenħtieġ li jwassal għal qafas ta’ monitoraġġ mal-UE kollha ta’ strateġiji lokali u/jew reġjonali u/jew nazzjonali, li min-naħa tagħhom jistgħu jindikaw b’mod aktar effettiv żoni għal azzjoni u kooperazzjoni msaħħa, sfidi komuni jew inċertezzi kondiviżi.
·Fir-rigward tan-numru ta’ strateġiji dwar l-adattament lokali, il-progress seħħ aktar bil-mod milli kien previst fl-2013, u dan ivarja bejn Stat Membru u ieħor. Probabbilment dan huwa marbut ma’ kuntesti nazzjonali, jiġifieri jekk hemmx leġiżlazzjoni nazzjonali vinkolanti li titlob pjanijiet dwar l-adattament lokali mill-awtoritajiet lokali
. Sabiex tippromwovi l-iżvilupp u t-twettiq tal-istrateġiji dwar l-adattament lokali, jenħtieġ li l-Kummissjoni:
(1)Tħeġġeġ lill-Istati Membri jqisu oqfsa biex isaħħu l-azzjoni lokali b’mod attiv u kostanti; u
(2)iżżid is-sensibilizzazzjoni u l-assistenza teknika u finanzjarja lill-awtoritajiet lokali, eż. permezz tal-Patt tas-Sindki jew inizjattivi oħrajn, b’mod partikolari fi Stati Membri fejn il-proporzjon ta’ strateġiji dwar l-adattament lokali huwa aktar baxx (eż fl-Ewropa tan-Nofsinhar u tal-Lvant)
.
·Il-ħames snin minn mindu l-istrateġija ġiet adottata huma perjodu qasir wisq biex jiġu analizzati l-effetti distribuzzjonali tal-adattament (jew in-nuqqas ta’ adattament). L-impatti projettati jvarjaw b’mod kwalitattiv u kwantitattiv bejn ir-reġjuni tal-UE. L-istrumenti ta’ solidarjetà tal-UE u l-koeżjoni ekonomika u soċjali tagħha jistgħu jiġu sfidati: jista’ jkun hemm rebbieħa u telliefa kemm fuq livell reġjonali, soċjali kif ukoll fost l-atturi ekonomiċi. Barra minn hekk, ikunu meħtieġa indikaturi ta’ prestazzjoni xierqa aggregati fil-livell tal-UE sabiex jitkejlu l-impatti speċifiċi fuq il-pajjiżi, ir-reġjuni, il-gruppi tal-popolazzjoni jew is-setturi. Wara li l-proġetti ffinanzjati skont il-qafas finanzjarju pluriennali ta’ bejn l-2014 u l-2020 jintemmu, jista’ jkun possibbli li jiġu aggregati l-indikaturi soċjetali rievanti u innovattivi sabiex l-impatti soċjoekonomiċi tat-tibdil fil-klima u l-politiki dwar l-adattament jiġu mmappjati b’mod aktar preċiż. Dan jista’ possibbilment iwassal għal titjib fl-approċċi tal-politika ta’ koeżjoni tal-Kummissjoni għall-perjodu ta’ programmazzjoni ta’ wara l-2027.
·L-istrateġija jaf tkun tista’ tindirizza aħjar ċerti oqsma fil-futur, bħal:
oIt-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, b’mod partikolari dwar l-integrazzjoni ta’ perspettivi ta’ adattament f’metodoloġiji u indikaturi, l-għarfien għall-valutazzjoni tar-riskju u djalogu aktar sistematiku bejn il-prattikanti tal-adattament u l-prattikanti tat-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri. It-tisħiħ tal-għarfien taċ-ċittadini jista’ wkoll jittieħed inkonsiderazzjoni.
oIntegrazzjoni aħjar tal-adattament fil-politika marittima u dwar is-sajd tal-UE, u ż-żoni kostali b’mod ġenerali. Anke jekk l-emissjonijiet u t-temperaturi jistabbilizzaw, il-livelli tal-baħar se jkomplu jogħlew. Wieħed minn kull tliet ċittadini tal-UE jgħix mhux aktar ’il bogħod minn 50 km minn xatt il-baħar u mingħajr miżuri għall-adattament, miljuni se jiġu affettwati mill-għargħar tal-kosta. Il-politiki tal-UE li jolqtu l-interazzjonijiet tal-art mal-baħar fiż-żoni kostali, bħall-Ippjanar Spazjali Marittimu u l-Ġestjoni taż-Żoni Kostali
, Orizzont Ewropa u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd
, u anke l-azzjonijiet tal-aġenda ta’ Governanza tal-Oċeani Internazzjonali
jenħtieġ li jkunu mħejjija aħjar sabiex jittrattaw dan fil-ġejjieni.
oL-iżvilupp u l-użu ta’ strumenti u għodod għall-investituri u għall-assiguraturi li jistgħu ma jkunux qed jintegraw it-tibdil fil-klima fil-prattiki għal-ġestjoni tar-riskju tagħhom b’mod suffiċjenti
. Hemm potenzjal li għadu ma ġiex sfruttat sabiex jittejbu l-previżjonijiet u l-analiżijiet tar-riskju permezz ta’ servizzi tal-klima u qsim aħjar tad-data
, meta opportunitajiet tas-suq aħjar jistgħu jagħtu spinta lill-adattament, b’mod partikolari bl-użu tal-informazzjoni dwar il-klima ta’ Copernicus
. L-Istrateġija dwar l-Ispazju għall-Ewropa
identifikat il-kwistjonijiet dwar il-klima bħala waħda mill-ħtiġijiet tal-utent emerġenti l-aktar importanti.
oL-użu tal-investiment privat fl-adattament. Ir-riżorsi pubbliċi mhumiex se jkunu biżżejjed biex jiżguraw ekonomija reżiljenti għat-tibdil fil-klima. Sabiex jattira l-finanzjament privat ukoll, il-pjan ta’ azzjoni għall-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli
jipprevedi l-għoti ta’ ċarezza dwar jekk l-investimenti jikkontribwixxux għall-adattament għall-klima jew le permezz ta’ tassonomija ta’ investimenti ambjentalment sostenibbli
. Din l-azzjoni, flimkien mal-appoġġ tal-investiment ipprovdut skont il-Programm InvestEU, tiftaħ opportunitajiet biex is-settur privat jiġi ggwidat lejn negozji reżiljenti għat-tibdil fil-klima u biex jinbena pajplajn ta’ proġetti għall-adattament immirati. Idealment, dan ikun akkumpanjat mill-iżvilupp ta’ għodod bħal standards tekniċi dwar ir-reżiljenza għat-tibdil fil-klima u analiżijiet tal-ispejjeż imqabbla mal-benefiċċji li jisħqu fuq il-vantaġġi ekonomiċi tal-adattament.
oAdattament ibbażat fuq l-ekosistema (eż. prattiki agrikoli ta’ konservazzjoni, infrastruttura ekoloġika, protezzjoni tan-natura), jipprovdi benefiċċji multipli inkluż għall-bijodiversità, għall-ekosistemi, għall-adattament għat-tibdil fil-fil-klima, għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima, għall-kwalità tal-arja u tal-ħamrija u għall-benesseri soċjali. Din il-multifunzjonalità jenħtieġ li tkun integrata aħjar fil-valutazzjoni tal-opzjonijiet tal-adattament. Dan jippermetti soluzzjonijiet ta’ adattament ibbażati fuq in-natura biex jikkompetu ma’ opzjonijiet aktar konvenzjonali jew tal-infrastruttura “griża” oħra. L-adattament ibbażat fuq l-ekosistema jista’ wkoll jiġi integrat fil-ġenerazzjoni tal-kapital u l-investimenti. Jenħtieġ li t-tagħlimiet minn LIFE (inkluż il-Faċilità ta’ Finanzjament Kapitali Naturali tiegħu), Orizzont 2020 u proġetti oħra ffinanzjati mill-UE jitqiesu sabiex jiġi implimentat il-pjan ta’ azzjoni dwar il-finanzjament tat-tkabbir sostenibbli, l-ixkattar ta’ investimenti f’infrastruttura ekoloġika u soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura.
oIl-promozzjoni tal-adozzjoni u l-monitoraġġ ta’ strateġiji u azzjoni għall-adattament lokali. Huwa importanti li l-adattament jiġi integrat aħjar fl-oqfsa legali nazzjonali/reġjonali (eż. l-ippjanar urban, spazjali u kostali). L-impenn politiku mil-livelli kollha ta’ governanza rilevanti jenħtieġ li jiġi mħeġġeġ, sabiex dan iwassal għal assistenza teknika aħjar għall-awtoritajiet reġjonali u lokali u aktar finanzjament għall-adattament. Abbażi tad-djalogi nazzjonali permanenti fuq diversi livelli dwar il-klima u l-enerġija previsti fir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija, il-Patt tas-Sindki jista’ jgħin biex jidentifika u jaqsam prattiki nazzjonali tajba għall-involviment tal-ibliet.
oTħejjija aħjar ta’ żoni ġeografiċi bi sfidi ambjentali speċifiċi, limiti jew vulnerabbiltajiet naturali b’esponiment għoli għat-tibdil fil-klima, bħar-Reġjuni Ultraperiferiċi.
oIl-promozzjoni tal-valutazzjoni u l-immappjar tal-vulnerabbiltà soċjali għal avvenimenti relatati mal-klima, kif ukoll l-identifikazzjoni u l-involviment ta’ gruppi vulnerabbli għat-tfassil ta’ politiki dwar l-adattament ġusti fil-livelli ta’ governanza rilevanti kollha. Pereżempju, il-Kummissjoni tista’ żżid il-ħtieġa għall-valutazzjoni, l-ippjanar, u t-twettiq ta’ adattament ġust fi bliet permezz ta’ programmi ta’ finanzjament tal-UE, eż. li jgħinu fil-bini tal-kapaċità fil-muniċipalitajiet sabiex ikunu jistgħu jfasslu politiki dwar l-adattament soċjalment ġusti. Xi eżempji fil-Finlandja, fis-Slovakkja u fi Franza jistgħu jindikaw punt ta’ tluq
.
oIr-rinfurzar tar-rabtiet bejn is-saħħa pubblika u l-adattament, b’mod partikolari biex titjieb il-kooperazzjoni transsettorjali dwar il-valutazzjoni tar-riskju u s-sorveljanza u sabiex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u l-kapaċità tas-settur tas-saħħa, inkluż fil-livell lokali, sabiex jiġu indirizzati riskji għas-saħħa attwali u emerġenti relatati mal-klima. Pereżempju, il-Kummissjoni tista’ tkompli tappoġġja l-iżvilupp u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki u għarfien ġdid dwar riskji għas-saħħa relatati mal-klima permezz ta’ Orizzont 2020 u l-programm suċċessur tiegħu, kif ukoll permezz ta’ LIFE u, potenzjalment, il-qasam tas-saħħa taħt il-Fond Soċjali Ewropew Plus
għal bejn l-2021 u l-2027.
oIl-promozzjoni ta’ rabtiet mal-politiki ta’ mitigazzjoni fil-livelli ta’ governanza kollha. Fil-livell tal-UE, il-Kummissjoni se tinkludi l-adattament fl-istrateġija dwar l-iżvilupp b’emissjonijiet baxxi u fuq terminu twil li jmiss tagħha. L-adattament jipprovdi stabbiltà ekonomika u soċjali, u n-nuqqas ta’ adattament (jew “maladattament” se jsaħħaħ l-inugwaljanzi, idgħajjef il-koeżjoni territorjali u jżid ir-riskji għas-sigurtà u l-ispostamenti. Fil-livell nazzjonali, l-għanijiet tal-adattament se jkunu parti mill-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) taħt ir-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-Kummissjoni tistenna li dawn il-pjanijiet se jirriflettu l-ħtieġa ta’ setturi protetti kontra t-tibdil fil-klima li jkunu kruċjali għat-tnaqqis fl-emissjonijiet (eż. l-użu tal-art, l-agrikoltura, l-enerġija jew it-trasport).
B’mod ġenerali, minkejja n-natura volontarja u indiretta tat-tmien azzjonijiet fl-istrateġija (gwida, koordinazzjoni, riċerka, disseminazzjoni, integrazzjoni tal-adattament f’politiki u setturi), dawn ipprovdew momentum u appoġġ għall-adattament nazzjonali, reġjonali, lokali u transfruntier.
L-istrateġija saret qafas kooperattiv ta' referenza, li kapaċi taġġorna l-għarfien u tissinjala l-ħtieġa li s-soċjetajiet tagħna jiġu ttrasformati hekk kif jimmaterjalizzaw impatti klimatiċi. Progress ekwivalenti ma jkunx possibbli fin-nuqqas tagħha, b’mod partikolari għall-produzzjoni u l-qsim tal-għarfien u l-integrazzjoni tal-adattament fil-politiki tal-UE. L-ambizzjoni tal-Kummissjoni dwar il-klima għall-baġit tal-2021-2027 tibni fuq l-ideat li diġà jinsabu mnaqqxa fl-Istrateġija tal-2013.
Ngħidu aħna, il-Kummissjoni beħsiebha tuża 25 % tal-qafas finanzjarju pluriennali li jmiss (2021-2027)
għall-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u għanijiet ta’ adattament
. Il-proposta tippjana li tonfoq 35 % tal-programm ta’ qafas għar-riċerka tal-UE fuq suġġetti marbutin mal-klima
. Il-Fond Ewropew dwar l-Iżvilupp Reġjonali jimmira lejn nefqa rigward il-klima ta’ 30 % u l-Fond ta’ Koeżjoni lejn 37 %. Għal dawn iż-żewġ programmi ta’ finanzjament, dan jirrappreżenta żieda relattiva sinifikanti meta mqabbel mal-perjodu attwali. Barra minn hekk, il-proposti tal-Kummissjoni
jipprevedu li:
(1)għażla usa’ ta’ investimenti tal-infrastruttura iffinanzjati mill-UE; u
(2)appoġġ permezz ta’ fondi ta’ politika ta’ koeżjoni huwa, fejn applikabbli, kundizzjonali għall-pjanijiet ta’ ġestjoni tar-riskju ta’ diżastri konsistenti mal-istrateġiji dwar l-adattament nazzjonali, u mal-Pjanijiet dwar il-Klima u l-Enerġija Nazzjonali.
Dan se jiġi appoġġjat minn miżuri leġiżlattivi u mhux leġiżlattivi taħt l-inizjattiva tal-Kummissjoni Finanzi Sostenibbli, sabiex kapital privat jiġi trasferit għall-attivitajiet ta’ adattament għal u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u biex jinfetħu aktar rotot għal veikoli finanzjarji mħallta.
Barra minn dan, il-Kummisjoni kompliet tikkonsolida l-adattament fil-proposta leġiżlattiva tagħha għal politika agrikola komuni futura
, li fiha l-adattament tal-klima issa huwa identifikat b’mod ċar bħala wieħed mid-disa’ għanijiet speċifiċi, flimkien mal-impatt speċifiku u l-indikaturi tar-riżultati biex jiġi traċċat il-progress. Huwa mistenni li 40 % tal-baġit tal-PAK futura se jikkontribwixxi għal azzjoni klimatika u, barra minn hekk, il-pjanijiet strateġiċi għall-PAK mill-Istati Membri se jiżviluppaw strateġija ta’ intervent imsejsa fuq valutazzjoni tal-ħtiġijiet b’qies tal-politiki u l-ippjanar rilevanti mat-tibdil fil-klima
.
F’dan l-istadju, il-Kummissjoni tqis li l-istrateġija attwali hija idonea għall-iskop tagħha, filwaqt li tirrikonoxxi li l-adattament kellu jibda jiġi intensifikat u diversifikat mill-2013. Qabel tittieħed deċiżjoni dwar reviżjoni possibbli tal-istrateġija, iridu jitqiesu għadd ta’ avvenimenti u l-eżiti tagħhom sal-2020, eż.:
·Il-COP24
tal-UNFCCC u d-djalogu faċilitattiv (Talanoa) matul l-2018. L-adattament huwa apsett importanti mill-programm ta’ ħidma tal-Ftehim ta’ Pariġi li qed jiġi nnegozjat bħalissa. COP24 u d-Djalogu ta’ Talanoa se jippromwovu riflessjoni Ewropea u globali dwar il-progress kollettiv u individwali sabiex jintlaħqu l-objettivi fuq terminu twil tal-Ftehim ta’ Pariġi. Dan jaf ikollu implikazzjoijiet fuq id-diskussjonijiet dwar l-adattament, partikolarment fid-dawl tar-rapport speċjali tal-Bord Intergovernmentali dwar it-Tibdil fil-Klima (IPCC) dwar l-impatti ta’ tisħin globali ta’ 1.5°C u r-rapport speċjali tal-IPCC dwar it-tibdil klimatiku u l-oċeani u l-krijosfera.
·L-implimentazzjoni inizjali tar-Regolament dwar il-Governanza tal-Unjoni tal-Enerġija. Il-Pjanijiet Nazzjonali għall-Enerġija u l-Klima (NECPs) fejn xieraq sejrin jinkludu wkoll għanijiet ta’ adattament. Ir-Regolament jitlob lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-abbozzi ta’ pjanijiet u jagħtiha s-setgħa biex tipprovdi rakkomandazzjonijiet dwarhom. L-Istati Membri se jkollhom iqisu kwalunkwe rakkomandazzjoni, jew jispjegaw pubblikament għaliex ma jkunux għamlu dan. L-istrateġiji nazzjonali fuq terminu twil se jkopru wkoll l-adattament u se jkollhom ikunu konsistenti mal-NECPs. Il-progress dwar l-adattament se jiġi rrappurtat b’mod aktar sistematiku u regolari mill-Istati Membri, u dan il-proċess se jkun iffaċilitat permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni dwar l-istruttura u l-format ta’ dan ir-rappurtar.
·L-istrateġija tal-UE dwar it-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet serra fuq terminu twil. L-adattament se jkun integrat fl-istrateġija fuq terminu twil, u b’hekk tiġi enfasizzata l-ħtieġa biex il-kumpaniji u l-gvernijiet tal-UE iħejju għal impatti li jevolvu bil-mod bħaż-żieda fil-livell tal-baħar jew l-iskarsità tal-ilma. Huwa se jixpruna wkoll il-kombinazzjoni ta’ mitigazzjoni u adattament f’azzjonijiet u rispons klimatiċi koerenti.
Sadanittant, il-politiki Ewropej dwar l-ambjent u l-baħar (eż, l-Istrateġija Tematika għall-Ħamrija, l-Istrateġija għall-Bijodiversità), l-Istrateġija għall-Bijoekonomija, l-evalwazzjonijiet li għadhom għaddejjin tal-politika agrikola komuni, il-politiki reġjonali u ta’ koeżjoni u l-baġit li jmiss ta’ bejn l-2021 u l-2027 se jkomplu jikkonċentraw l-isforzi tal-mainstreaming. L-appoġġ għall-adattament tal-LIFE, tal-fondi tal-politika ta’ koeżjoni u tal-Orizzont 2020 se jinżamm sal-2020, filwaqt li l-Mekkaniżmu mġedded għall-Protezzjoni Ċivili, jekk jiġi adottat, huwa mistenni li jagħti spinta lir-rabtiet bejn l-adattament u t-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri u, fl-ibliet, il-Patt tas-Sindki se jibqa' għaddej biex jipproteġi liċ-ċittadini Ewropej kontra l-impatti tat-tibdil fil-klima.