IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 24.10.2018
COM(2018) 711 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-KUNSILL U LILL-PARLAMENT EWROPEW
Rapport ta’ progress fuq l-implimentazzjoni tal-
Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi
{SWD(2018) 452 final}
1. Daħla
Fi Frar 2016, il-Kummissjoni Ewropea adottat Komunikazzjoni intitolata “Pjan ta’ Azzjoni tal-UE kontra t-Traffikar ta’ Organiżmi Selvaġġi” li fiha strateġija komprensiva biex tiġi miġġielda l-kriminalità b’rabta mal-organiżmi selvaġġi ġewwa l-Unjoni Ewropea (UE) u biex jissaħħaħ ir-rwol tal-UE fil-ġlieda globali kontra dawn l-attivitajiet illegali. Il-Pjan ta’ Azzjoni fih 32 azzjoni, strutturati madwar tliet prijoritajiet: (i) il-prevenzjoni tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u l-indirizzar tal-kawżi prinċipali tiegħu; (ii) l-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli eżistenti u l-ġlieda b’mod aktar effettiv kontra l-kriminalità organizzata b’rabta mal-organiżmi selvaġġi; u (iii) it-tisħiħ tas-sħubija globali tal-pajjiżi tal-oriġini, konsumaturi u ta’ tranżitu kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi.
Fl-20 ta’ Ġunju 2016, il-Kunsill tal-UE adotta konklużjonijiet dwar il-Pjan ta’ Azzjoni, li fihom jappoġġa t-tliet prijoritajiet tiegħu u jitlob l-implimentazzjoni f'waqtha tiegħu. Il-Parlament Ewropew laqa’ wkoll il-Pjan ta’ Azzjoni f’riżoluzzjoni ta’ Novembru 2016.
Il-Pjan ta’ Azzjoni jkopri perjodu ta’ ħames snin mill-2016 sal-2020. Kemm il-Pjan ta’ Azzjoni kif ukoll il-konklużjonijiet tal-Kunsill jindikaw li l-Kummissjoni Ewropea għandha tirrapporta sa Lulju 2018 dwar il-progress fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni u dwar jekk il-prijoritajiet u l-objettivi tiegħu għadhomx xierqa u rilevanti.
Dan ir-rapport jippreżenta ħarsa ġenerali tal-progress li l-atturi rilevanti kollha għamlu fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni, ibbażat primarjament fuq l-informazzjoni mressqa minn 25 Stat Membru tal-UE, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, il-Europol, il-Eurojust u netwerks Ewropej li jispeċjalizzaw fl-infurzar tal-liġi ambjentali tal-UE.
Aktar informazzjoni dwar il-miżuri meħuda għall-implimentazzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni tista’ tinstab fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanja dan ir-rapport. Il-kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri saru disponibbli fuq is-sit web tal-Kummissjoni.
2. Passi ewlenin meħuda mill-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni fl-2016
Din it-taqsima tiġbor fil-qosor l-aktar passi importanti li ttieħdu mill-2016 biex isegwu t-tliet prijoritajiet tal-Pjan ta’ Azzjoni, kif ukoll, fejn rilevanti, il-miżuri addizzjonali ppjanati biex jintlaħqu l-objettivi tiegħu.
Il-prijorità numru 1 – Il-prevenzjoni tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi u l-indirizzar tal-kawżi prinċipali tiegħu
L-ewwel prijorità tal-Pjan ta’ Azzjoni hija li l-UE u l-Istati Membri tagħha jindirizzaw il-bosta kawżi prinċipali tat-traffikar tal-organiżmi selvaġġi. Il-ġlieda kontra t-traffikar tal-organiżmi selvaġġi tista’ tirnexxi biss jekk il-motivaturi strutturali tiegħu jiġu indirizzati.
It-tnaqqis fid-domanda għal prodotti illegali magħmula mill-organiżmi selvaġġi huwa element ewlieni tal-istrateġija tal-UE kontra t-traffikar ta’ annimali selvaġġi, u ġew varati ħafna inizjattivi b’dan il-għan. L-UE u xi Stati Membri appoġġaw l-awtoritajiet pubbliċi u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-Asja fl-isforzi tagħhom biex inaqqsu d-domanda għal prodotti magħmula mill-organiżmi selvaġġi, b’mod partikolari minn rinoċeronti, iljunfanti u pangolini. Waqt li ġie rikonoxxut li l-UE hija wkoll suq importanti għall-prodotti magħmula mill-organiżmi selvaġġi, saru sforzi bla preċedent biex titqajjem kuxjenza fost in-negozji, il-konsumaturi u l-pubbliku ġenerali dwar il-karatteristiki u l-iskala tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi fl-UE. Bosta Stati Membri wettqu kampanji ta’ informazzjoni dwar it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi, u xi drabi ffokaw fuq setturi speċifiċi ta’ rilevanza partikolari (eż. annimali domestiċi eżotiċi, strumenti mużikali, trasport bl-ajru jew kummerċ elettroniku). Saru wkoll sforzi simili fil-livell tal-UE, permezz ta’ workshops dwar ir-rwol tas-settur tan-negozju tal-UE fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi u permezz ta’ kuntatti diretti ma’ rappreżentanti kummerċjali.
Filwaqt li sar progress tajjeb f’ħafna setturi rilevanti, il-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtieġu jagħmlu aktar. Għandha ssir enfasi partikolari fuq il-kummerċ elettroniku u l-kumpaniji tal-kurrieri, minħabba l-volum sinifikanti ta’ kummerċ fil-prodotti magħmula mill-organiżmi selvaġġi (kemm legali kif ukoll illegali) imħaddma permezz ta’ siti onlajn u ttrasportati minn kumpaniji tal-kurrieri jew tal-posta. Il-Kummissjoni se tibni wkoll fuq il-kooperazzjoni attwali ma’ atturi bħal assoċjazzjonijiet tal-kummerċ ta’ ħut ornamentali u annimali domestiċi eżotiċi, biex tikkonferma l-impenji u tikseb riżultati konkreti fil-ġlieda kontra l-kummerċ illegali ta’ organiżmi selvaġġi u biex tippromwovi l-użu ta’ sorsi sostenibbli tal-prodotti magħmula mill-organiżmi selvaġġi.
L-UE u l-Istati Membri tagħha kienu attivi ħafna fl-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-kummerċ intra-UE u l-esportazzjoni ta’ oġġetti tal-avorju ma jikkontribwux għall-kaċċa illegali tal-iljunfanti u l-kummerċ illegali tal-avorju. F’konformità mal-azzjoni 2 tal-Pjan ta’ Azzjoni, f’Mejju 2017, il-Kummissjoni adottat dokument ta’ gwida
fejn ġie rrakkomandat li, mill-1 ta’ Lulju 2017, l-Istati Membri tal-UE jwaqqfu l-ħruġ ta’ dokumenti tal-esportazzjoni għal avorju mhux maħdum. F’termini prattiċi, dan ifisser li l-Istati Membri tal-UE waqqfu l-esportazzjoni ta’ avorju mhux maħdum, ħlief f’sitwazzjonijiet speċifiċi ħafna, bħal pereżempju għal skopijiet xjentifiċi, ta’ infurzar jew edukattivi.
Barra minn hekk, il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika mill-15 ta’ Settembru sat-8 ta’ Diċembru 2017 biex tiġbor informazzjoni u fehmiet dwar il-firxa, l-istruttura u l-karatteristiki ewlenin tal-kummerċ legali u illegali fl-avorju fl-UE u mill-UE, kif ukoll fuq il-prijoritajiet li l-UE għandha ssegwi fl-approċċ tagħha kontra t-traffikar tal-avorju
. Ir-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni juru ħafna appoġġ mill-kważi 90 000 rispondent biex ir-regoli attwali tal-UE dwar il-kummerċ tal-avorju jkunu aktar stretti. Il-maġġoranza l-kbira ta’ dawk li wieġbu jaraw dan bħala pass neċessarju biex jiġi evitat li oġġetti tal-avorju ta’ oriġini legali u illegali jiġu mħallta, biex jipprevjenu li oġġetti tal-avorju jinxtraw fl-UE u sussegwentement jiġu ttrasportati lejn pajjiżi terzi, fejn dawn jiġġeneraw id-domanda għal oġġetti illegali tal-avorju, u biex tiġi megħjuna l-ħidma tal-aġenziji tal-infurzar kontra t-traffikar tal-avorju. Rispondenti oħrajn opponew aktar limiti fuq il-kummerċ tal-avorju tal-iljunfanti lejn u mill-UE, speċjalment għall-antikitajiet.
Is-suq tal-UE m’għandux ikattar id-domanda għal speċijiet li ġew maqbuda b’mod illegali jew insostenibbli. Din hija r-raġuni għaliex l-UE, f’kooperazzjoni mill-qrib mal-istati fejn issir il-kaċċa, kellha rwol proattiv fl-estensjoni tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-Konvenzjoni dwar il-Kummerċ Internazzjonali fi Speċijiet ta’ Fawna u Flora Selvaġġi fil-Periklu (CITES) għal speċijiet ġodda mhedda mill-kummerċ internazzjonali, u b’dan jingħataw protezzjoni internazzjonali. Dan huwa speċjalment il-każ għal annimali domestiċi eżotiċi, li għalihom l-UE hija suq importanti, u għall-injam tropikali u l-ispeċijiet tal-baħar f’periklu kbir. L-UE kienet attur ewlieni f’din il-kwistjoni fis-17-il Konferenza tal-Partijiet (CoP17) għas-CITES fl-2016, u qiegħda taħdem attivament bi tħejjija għall-CoP18 fl-2019.
Il-promozzjoni tar-rwol ta’ komunitajiet lokali fil-protezzjoni tal-organiżmi selvaġġi kienet ukoll prijorità għall-UE u l-Istati Membri tagħha. Dan huwa komponent ċentrali tal-programmi ffinanzjati mill-UE għall-protezzjoni tal-bijodiversità u kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi (ara l-prijorità 3).
L-UE u l-Istati Membri tagħha kellhom rwol kruċjali biex jiżguraw li l-korruzzjoni tkun irrikonoxxuta fil-livell internazzjonali bħala fattur ewlieni tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Ġiet adottata Riżoluzzjoni tas-CITES dwar dan, ibbażata fuq proposta mill-UE, fil-CoP17. Fuq l-inizjattiva tal-Ġermanja, f’Lulju 2017 il-G20 approva wkoll prinċipji ta’ livell għoli dwar il-ġlieda kontra l-korruzzjoni marbuta mat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Minn dakinhar, l-UE ilha timbotta, b’mod partikolari permezz tad-Delegazzjonijiet tagħha f’pajjiżi terzi, għal azzjoni konkreta kontra l-korruzzjoni marbuta mat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi.
Il-prijorità numru 2 – L-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli eżistenti u l-ġlieda b’mod aktar effettiv kontra l-kriminalità organizzata b’rabta mal-organiżmi selvaġġi
It-tieni prijorità tal-Pjan ta’ Azzjoni hija li l-infurzar tar-regoli tal-UE kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri jkun iktar effettiv.
B’mod sinifikanti, f’Mejju 2017, il-Kunsill inkluda reati ambjentali bħala prijorità għaċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE dwar il-kriminalità organizzata għall-2018-2021. Il-Kunsill għamilha prijorità li jfixkel il-gruppi tal-kriminalità organizzata involuti fil-kriminalità ambjentali, u speċjalment fit-traffikar tal-organiżmi selvaġġi u t-traffikar illeċitu ta’ skart. Fil-kuntest taċ-Ċiklu ta’ Politika tal-UE 2018-2021, il-Pjan Strateġiku Pluriennali (MASP) dwar il-Kriminalità Ambjentali, miftiehem mill-Kummissjoni u l-Istati Membri, ġie adottat f’Settembru 2017. Jiddeskrivi l-ambitu tal-problema, jelenka l-attivitajiet u l-politiki eżistenti fil-qasam tal-kriminalità ambjentali, u jidentifika vulnerabbiltajiet eżistenti u potenzjali. Jistabbilixxi wkoll seba’ miri strateġiċi li taħthom huma elenkati l-atturi, it-tipi ta’ miżuri u l-benefiċċji ta’ dawn il-miżuri. Dawn l-għanijiet huma:
-il-bini ta’ stampa ta’ intelligence;
-attivitajiet operattivi;
-il-prevenzjoni u l-bini tal-kapaċitajiet;
-il-kooperazzjoni ma’ msieħba li mhumiex fl-UE;
-l-indirizzar tal-frodi ta’ dokumenti;
-investigazzjonijiet finanzjarji; u
-il-kummerċ elettroniku fi prodotti u servizzi (il)leċiti.
Il-MASP huwa implimentat permezz ta’ Pjanijiet Operattivi ta’ Azzjoni annwali. Dan ir-rikonoxximent għandu jżid il-mobilizzazzjoni u l-kapaċitajiet operattivi tal-Europol u l-aġenziji tal-infurzar tal-Istati Membri tal-UE kontra l-kriminalità ambjentali, u b’mod partikolari t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. F’Jannar 2018, il-Kummissjoni adottat ukoll Komunikazzjoni dwar “Azzjonijiet tal-UE għat-titjib tal-governanza u l-konformità ambjentali”. Waħda minn dawn l-azzjonijiet tiffoka fuq it-tħejjija ta’ dokument ta’ gwida dwar prattika tajba għall-ġlieda kontra l-kriminalità ambjentali, b’enfasi partikolari fuq l-iskart u r-reati kontra organiżmi selvaġġi. Huma rilevanti ukoll miżuri relatati mat-taħriġ u l-użu aħjar tal-għarfien espert dwar l-assigurazzjoni tal-konformità ambjentali.
Prijoritajiet strateġiċi ta’ infurzar ġew iddefiniti fil-livell tal-UE u implimentati kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll permezz ta’ azzjonijiet konġunti transfruntiera, notevolment kontra t-traffikar ta’ avorju, sallur, rettili u għasafar. Saru investigazzjonijiet u qabdiet transfruntiera kbar fl-UE kollha, bl-involviment attiv tal-Europol, il-Eurojust u bosta aġenziji tal-infurzar tal-liġi minn Stati Membri differenti (ara l-Kaxxa 1). Il-mobilizzazzjoni ta’ aġenziji tal-infurzar kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi żdiedet sostanzjalment f’xi Stati Membri. L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet ugwali madwar l-UE kollha u rispons qawwi ta’ infurzar mill-Istati Membri kollha kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi issa għandhom ikunu prijorità. Il-każijiet irrappurtati ta’ prosekuzzjonijiet u sanzjonijiet b’suċċess marbuta mat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi kienu jinvolvu frodi ta’ dokumenti, ħasil ta’ flus jew kriminalità organizzata, kif ukoll irkupru ta’ assi. Huwa importanti, madankollu, li jitjieb l-għarfien tal-ġudikatura dwar it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi, peress li l-informazzjoni dwar il-prosekuzzjonijiet u s-sanzjonijiet f’dan il-qasam tibqa’ limitata. Ġie rrappurtat ftit progress fl-investigazzjonijiet dwar il-ħasil tal-flus marbuta mat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Bosta Stati Membri u partijiet interessati osservaw il-ħtieġa ta’ aktar investigazzjonijiet dwar id-dimensjoni tal-kummerċ onlajn tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi.
|
Kaxxa 1 - Qbid ta’ prodotti ta’ organiżmi selvaġġi fl-UE fl-2016
Fl-2016, l-awtoritajiet kompetenti ta’ 24 Stat Membru tal-UE rrapportaw lill-Kummissjoni Ewropea total ta’ 2 268 sekwestru sinifikanti ta’ prodotti ta’ organiżmi selvaġġi, 63 % minnhom fil-fruntieri esterni tal-UE. Il-gruppi ewlenin ta’ prodotti sekwestrati fil-fruntieri tal-UE kienu prodotti mediċinali (42 %), avorju (14 %), qroll (10 %), partijiet ta’ rettili u derivattivi tagħhom (7 %), rettili ħajjin (5 %), kavjar (4 %) u pjanti. Il-prodotti maqbuda mal-importazzjoni l-aktar li ġew miċ-Ċina, l-Istati Uniti, l-Iżvizzera u t-Tajlandja, filwaqt li ħafna mill-prodotti maqbuda mal-esportazzjoni kienu ddestinati għaċ-Ċina (inkluż ir-Reġjun Amministrattiv Speċjali ta’ Hong Kong), l-Istati Uniti u l-Vjetnam. Il-biċċa l-kbira mill-qabdiet saru fl-ajruporti, fejn aktar milli fis-snin preċedenti, il-prodotti ssekwestrati kienu ġew ittrasportati permezz ta’ konsenji ta’ pakketti postali jew pakketti veloċi.
Aktar minn żewġ tunnellati ta’ avorju nqabdu fl-2016. Il-biċċa l-kbira ta’ dan l-avorju ma kienx iddestinat għas-suq tal-UE, u kien jikkonsisti f’oġġetti li kienu jew fi tranżitu minn ajruporti Ewropej jew ċentri tal-posta mill-Afrika għall-Asja, jew li kienu se jerġgħu jiġu esportati mingħajr id-dokumentazzjoni meħtieġa lejn l-Asja (fil-biċċa l-kbira oġġetti antiki tal-avorju).
It-traffiku tas-sallur attwalment jirrappreżenta waħda mill-ikbar sfidi għall-UE u l-Istati Membri tagħha fil-ġlieda tagħhom kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Matul l-istaġun tas-sajd 2016-17, ġew arrestati 48 persuna u nqabdu 4 000 kg ta’ sallur żgħar ħajjin (frieħ tas-sallur); is-sallur ġie interċettat waqt li kien qed jiġi esportat lejn l-Asja u l-valur totali kien ta’ madwar EUR 4 miljun. L-investigazzjonijiet mill-Europol u xi Stati Membri tal-UE jindikaw l-involviment ta’ netwerks transnazzjonali tal-kriminalità organizzata fil-kuntrabandu tas-sallur ’il barra mill-Ewropa.
|
Bosta Stati Membri rrappurtaw li korsijiet ta’ taħriġ twettqu fuq livell nazzjonali mill-awtoritajiet tagħhom, b’numru dejjem jikber ta’ korsijiet organizzati b’mod konġunt ma’ aġenziji differenti (dwana, pulizija, servizzi ta’ spezzjoni, awtoritajiet tal-ġestjoni tas-CITES, eċċ.). Ġew organizzati wkoll ħafna attivitajiet ta’ taħriġ fil-livell tal-UE, taħt is-superviżjoni tas-CEPOL jew in-netwerks tal-prattikanti li jaħdmu fuq il-kriminalità ambjentali. Programmi ta’ kooperazzjoni tal-ambjent u tal-pulizija ffinanzjati mill-UE ntużaw ukoll biex jippromwovu t-taħriġ tal-uffiċjali tal-infurzar biex jiġġieldu l-kriminalità b’rabta mal-organiżmi selvaġġi (ara l-Kaxxa 2).
|
Kaxxa 2 – Appoġġ finanzjarju għall-ġlieda kontra l-kriminalità b’rabta mal-organiżmi selvaġġi fl-UE
L-UE qed tiffinanzja ħafna proġetti u inizjattivi speċifiċi kontra l-kriminalità b’rabta mal-annimali selvaġġi, prinċipalment mill-programm LIFE. LIFE qed jipprovdi EUR 1.1 miljun għall-proġett “LIFE għall-Isturjuni tad-Danubju” (2016-2020), li għandu l-għan li jtejjeb l-infurzar tal-liġijiet u r-regolamenti kontra l-kaċċa illegali tal-isturjuni u l-kummerċ tal-kavjar illegali fil-Bulgarija, ir-Rumanija, is-Serbja u l-Ukrajna. LIFE jappoġġja wkoll attivitajiet immexxija min-Netwerk Ewropew tal-Prosekuturi għall-Ambjent (ENPE), inkluż l-iżvilupp ta’ għodod ġodda ta’ taħriġ dwar reati ambjentali għal prosekuturi u mħallfin, u l-ħolqien ta’ bażi tad-data ta’ prattiki tajbin (EUR 645 000 għall-2015-2020). Barra minn hekk, LIFE jipprovdi appoġġ għal proġetti kontra l-qtil illegali tal-għasafar madwar l-UE, primarjament biex titrawwem l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali tal-UE biex jiġu eliminati l-qtil illegali, l-insib u l-kummerċ tal-għasafar. Il-fuljett ippubblikat riċentement LIFE & Wildlife Crime fih informazzjoni komprensiva dwar l-inizjattivi appoġġati mill-programm LIFE kontra l-kriminalità b’rabta mal-organiżmi selvaġġi.
F’Novembru 2017, l-ewwel sejħa għal proposti mmirata għal proġetti bil-għan li jagħtu spinta lill-attivitajiet operattivi tal-Istati Membri dwar il-kriminalità ambjentali, inkluż permezz ta’ taħriġ u attivitajiet ta’ bini ta’ kapaċità għall-awtoritajiet kompetenti, tnediet taħt il-programm tal-UE Fond għas-Sigurtà Interna — Pulizija, b’baġit globali ta’ EUR 2.5 miljun. Il-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi tissemma b’mod espliċitu bħala waħda mill-prijoritajiet taħt din is-sejħa.
|
Ħafna Stati Membri stabbilew pjattaformi jew task forces ta’ kooperazzjoni bejn l-aġenziji dwar it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi. Spanja adottat pjan ta’ azzjoni nazzjonali kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi, imfassal fuq il-Pjan ta’ Azzjoni tal-UE u li jistabbilixxi strateġija komprensiva biex tindirizza l-problema. Ir-Repubblika Ċeka wkoll tippjana li tadotta pjan ta’ azzjoni nazzjonali simili sal-aħħar tal-2018. Minkejja xi progress, madankollu, il-kooperazzjoni u l-iskambju tal-informazzjoni bejn l-aġenziji tal-infurzar tibqa’ sfida f’xi Stati Membri. Bl-istess mod, mhux l-Istati Membri kollha qed jiskambjaw informazzjoni ma’ Stati Membri oħra jew permezz tal-Europol. Ħafna Stati Membri jaraw l-EU-TWIX (ara l-Kaxxa 3) bħala għodda prattika u effiċjenti għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi (eskluża dejta personali) madwar l-UE. B’kuntrast ma’ dan, l-użu mill-Istati Membri tal-pjattaforma SIENA għall-iskambju ta’ messaġġi dwar it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi jvarja ħafna, skont l-awtoritajiet ikkonċernati. Dan ixekkel il-kooperazzjoni effettiva u ċċaħħad lill-Europol minn informazzjoni essenzjali meħtieġa biex tinbena stampa komprensiva ta’ intelligence dwar it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi fl-UE.
|
Kaxxa 3 - EU-TWIX: għodda ta’ suċċess għall-kooperazzjoni ta’ infurzar fl-UE
L-EU-TWIX hija sistema Ewropea ta’ appoġġ għall-infurzar imfassla biex tiffaċilita l-iskambju ta’ informazzjoni u l-kooperazzjoni internazzjonali bejn l-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi u l-amministrazzjoni tal-liġi għall-organiżmi selvaġġi. Inħolqot fl-2005 fuq l-inizjattiva tal-awtoritajiet Belġjani u ta’ TRAFFIC u llum tgħaqqad aktar minn 1 000 uffiċjal (eż. minn awtoritajiet tal-ġestjoni tas-CITES, servizzi doganali, servizzi ta’ spezzjoni ambjentali, il-pulizija u l-ġudikatura) minn 37 pajjiż Ewropew u 10 organizzazzjonijiet internazzjonali/reġjonali, b’appoġġ finanzjarju mill-Kummissjoni Ewropea u ħafna Stati Membri.
Il-komunikazzjoni permezz tal-lista tal-posta tal-UE-TWIX skattat diversi investigazzjonijiet transfruntiera, inkluż investigazzjoni fuq skala kbira f’każ li jinvolvi l-kummerċ illegali fl-għasafar fin-Netherlands, b’konnessjonijiet ma’ diversi pajjiżi Ewropej u mhux Ewropej. Inqabdu madwar 500 kampjun ta’ għasafar, kif ukoll flus u proprjetà. Tliet individwi ngħataw sentenzi ta’ ħabs.
Il-bażi tad-data tal-UE-TWIX bħalissa għandha aktar minn 55 000 rekord ta’ konfiska relatati ma’ organiżmi selvaġġi mit-28 Stat Membru tal-UE mis-sena 2000 ’il quddiem. Dan jippreżenta opportunità unika għall-monitoraġġ tat-tendenzi tal-kummerċ illegali ta’ organiżmi selvaġġi fil-livell nazzjonali u tal-UE.
L-EU-TWIX ispirat ukoll diversi sistemi simili madwar id-dinja, kif dettaljat fl-Anness ta’ dan ir-rapport.
|
Il-prijorità numru 3 – It-tisħiħ tas-sħubija globali tal-pajjiżi tal-oriġini, konsumaturi u ta’ tranżitu kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi
Mill-adozzjoni tal-Pjan ta’ Azzjoni, l-UE u l-Istati Membri tagħha affermaw l-istatus tagħhom bħala l-akbar fornitur ta’ għajnuna fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi (l-ewwel donatur). Bosta proġetti qed jaħdmu biex jimplimentaw il-Pjan ta’ Azzjoni billi jindirizzaw motivaturi u determinanti ewlenin tat-traffikar, partikolarment f’oqsma bħalma huma l-kriminalità ambjentali, il-korruzzjoni u l-istat tad-dritt, in-nuqqas ta’ sigurtà minħabba konflitti armati, is-servizzi tal-ekosistema u għajxien madwar żoni protetti, il-ġestjoni tar-riżorsi naturali u r-reżiljenza tal-komunitajiet lokali.
L-UE u bosta Stati Membri ffurmaw sħubijiet fit-tul ma’ pajjiżi terzi biex jikkonservaw il-bijodiversità u jiġġieldu kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi, filwaqt li jirrikonoxxu r-rabta persistenti bejn l-isfruttament illegali tar-riżorsi naturali u l-attivitajiet destabbilizzanti tal-gruppi armati, b’mod partikolari fl-Afrika Ċentrali. Il-Pjan ta’ Azzjoni pprovda spinta sinifikanti f’dan il-qasam. Minbarra l-appoġġ finanzjarju li diġà jeżisti u l-attivitajiet kontinwi, aktar fondi addizzjonali sinifikanti tal-UE (madwar EUR 340 miljun fl-Afrika, l-Asja u l-Paċifiku, u l-Amerika t’Isfel u l-Karibew) ġew mobilizzati fl-2016 u l-2017 taħt il-politika ta’ żvilupp u kooperazzjoni tal-UE
Dan jinkludi programmi reġjonali kontra l-kriminalità b’rabta mal-organiżmi selvaġġi fl-Afrika Ċentrali u tal-Lvant, kif ukoll appoġġ għall-konservazzjoni f’pajjiżi Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku (AKP) u f’pajjiżi speċifiċi oħra (pereżempju l-Guinea). Skont il-Programm ta’ Sħubija għall-Ġestjoni tal-Bijodiversità u Żoni Protetti (BIOPAMA), il-prijoritajiet reġjonali fil-pajjiżi AKP inkludew ukoll il-bini tal-kapaċità kontra l-kriminalità b’rabta mal-organiżmi selvaġġi.
|
Kaxxa 4 – Programm globali ġdid tal-UE dwar l-organiżmi selvaġġi u l-kriminalità b’rabta mal-foresti
L-azzjoni tal-UE “L-infurzar tal-liġi u l-ġlieda kontra l-kriminalità b’rabta mal-organiżmi selvaġġi u l-foresti”, adottata fl-2017, se timmobilizza EUR 43.5 miljun biex:
-
iżżid il-kapaċitajiet operattivi tal-Konsorzju Internazzjonali għall-Ġlieda kontra l-Kriminalità fil-Ħajja Selvaġġa (ICCWC) biex ittejjeb l-infurzar tal-liġi għall-organiżmi selvaġġi u l-foresti f’pajjiżi mmirati u tippromwovi koordinazzjoni internazzjonali (EUR 13.5 miljun);
-
tappoġġa organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u komunitajiet lokali fil-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi fl-Asja, l-Afrika u l-Amerika Latina.
Dan jikkumplimenta programmi reġjonali eżistenti ma’ membri tal-ICCWC, b’mod partikolari fl-Afrika Ċentrali (UNODC), l-Afrika tal-Lvant / tan-Nofsinhar (UNODC, CITES), l-Asja (UNODC) u permezz tal-programm globali MIKE (CITES), li jammontaw għal aktar minn EUR 40 miljun.
|
L-Istati Membri (b’mod partikolari Franza, il-Ġermanja u r-Renju Unit) qed jipprovdu wkoll appoġġ finanzjarju konsiderevoli lil programmi nazzjonali u reġjonali kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi permezz tal-politiki ta’ kooperazzjoni għall-iżvilupp tagħhom. Il-Belġju, Franza, il-Ġermanja, in-Netherlands u l-UE qed jikkontribwixxu għall-Fond tal-Iljunfanti Afrikani.
Minbarra l-għoti ta’ appoġġ finanzjarju, l-UE hija involuta attivament fi djalogi bilaterali dwar it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi b’numru ta’ pajjiżi rilevanti tas-sors, tat-tranżitu u tas-suq. Id-Delegazzjonijiet tal-UE jippromwovu attivament l-implimentazzjoni tar-regolamenti tal-kummerċ ta’ organiżmi selvaġġi tas-CITES u tal-UE f’pajjiżi terzi u jipprovdu appoġġ tekniku. L-UE tuża wkoll l-istrumenti tagħha ta’ politika kummerċjali biex tixpruna azzjoni kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi, eż. permezz tal-inklużjoni ta’ dispożizzjonijiet speċifiċi fi ftehimiet futuri ta’ kummerċ ħieles (b’mod partikolari mal-Vjetnam) jew permezz tal-iskema SĠP+. Fl-aħħar nett, l-UE rawmet id-djalogu ma’ organizzazzjonijiet reġjonali, bħall-ASEAN u l-Unjoni Afrikana, biex jindirizzaw aħjar il-kummerċ illegali ta’ organiżmi selvaġġi.
Għadd ta’ Stati Membri qed jimmobilizzaw in-networks diplomatiċi tagħhom kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi, u r-Renju Unit qed jippjana konferenza ta’ livell għoli dwar it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi f’Ottubru 2018.
L-UE kienet daqstant ieħor proattiva fil-livell multilaterali, b’mod partikolari fil-kuntest tas-CITES, li huwa l-istrument multilaterali ewlieni kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi u li l-UE tappoġġa wkoll finanzjarjament. F’CoP17 u l-laqgħa tal-Kumitat Permanenti tal-2017, l-UE impenjat ruħha b’mod attiv għal rakkomandazzjonijiet u sanzjonijiet immirati biex tgħin fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-avorju, il-qrun tar-rinoċeronti, l-injam tat-tip rosewood u t-tigri.
Bl-istess mod, l-UE u għadd ta’ Stati Membri huma atturi attivi fid-diskussjonijiet dwar il-qtil, l-insib u l-kummerċ tal-għasafar, pereżempju bħala parti mill-grupp iddedikat ta’ esperti stabbilit taħt il-Konvenzjoni dwar il-Konservazzjoni tal-Ħajja Ferjali Ewropea u tal-Abitati Naturali (il-Konvenzjoni ta’ Berna). Huma ppromovew ukoll l-inklużjoni tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi fuq l-aġendi tan-Nazzjonijiet Uniti, il-G20, il-G7 u korpi internazzjonali oħra. Hemm bżonn aktar progress biex it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi jitpoġġa fuq l-aġenda ta’ korpi u fora internazzjonali rilevanti oħra, bħall-Konvenzjoni tan-NU kontra l-Korruzzjoni, il-Konvenzjoni tan-NU dwar il-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali u t-Task Force ta’ Azzjoni Finanzjarja.
3. Konklużjoni
Il-Pjan ta’ Azzjoni qanqal attenzjoni u appoġġ politiku konsiderevoli fil-livell tal-UE. Wieħed mill-ewwel effetti pożittivi tiegħu kien li jgħolli l-profil tat-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi bħala kwistjoni ta’ prijorità fost firxa wiesgħa ta’ dawk li jfasslu l-politika, aġenziji tal-infurzar tal-liġi u partijiet interessati fl-UE. Dan irriżulta fl-adozzjoni ta’ bosta inizjattivi fil-livell tal-UE u nazzjonali biex jintlaħqu l-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni. Kellu wkoll bosta riżultati pożittivi oħra: aktar miżuri ta’ infurzar fl-UE; impenji minn atturi fis-settur privat biex jgħinu fil-ġlieda kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi; projbizzjoni fuq l-esportazzjoni tal-avorju mhux maħdum; proposti sodi mill-UE kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi f’fora multilaterali (speċjalment taħt is-CITES); aktar fondi tal-UE għall-bini tal-kapaċità u l-azzjoni internazzjonali kontra t-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi; u l-mobilizzazzjoni tan-netwerks diplomatiċi tal-UE u tal-Istati Membri f’ħafna pajjiżi terzi kontra din il-problema.
B’mod ġenerali, sar progress tajjeb fil-biċċa l-kbira tat-32 azzjoni fil-Pjan ta’ Azzjoni. Fl-aħħar mill-aħħar, l-aħjar indikaturi għall-evalwazzjoni tal-impatt tiegħu huma l-livelli tal-kaċċa illegali u t-traffikar. Minkejja xi sinjali inkoraġġanti (partikolarment tnaqqis fil-livelli tal-kaċċa illegali għall-iljunfanti u r-rinoċeronti fis-snin riċenti), it-traffikar ta’ organiżmi selvaġġi għadu għaddej u joħloq theddida serja għall-bijodiversità, għall-istat tad-dritt u għall-iżvilupp sostenibbli. Għaldaqstant ma hemm l-ebda dubju li l-prijoritajiet u l-objettivi stabbiliti fil-Pjan ta’ Azzjoni jibqgħu xierqa u rilevanti.
L-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ikomplu jkattru l-isforzi tagħhom biex jilħqu l-objettivi tal-Pjan ta’ Azzjoni sal-2020, meta tiġi vvalutata l-ħtieġa għal aktar azzjoni. Dan huwa wkoll rilevanti biex tintlaħaq il-mira 15.7 tal-Għan ta’ Żvilupp Sostenibbli 15, li ssejjaħ għal “azzjoni urġenti biex jintemmu l-kaċċa illegali u t-traffikar ta’ speċijiet protetti ta’ flora u fawna u jindirizzaw kemm id-domanda kif ukoll il-provvista ta’ prodotti illegali magħmula minn organiżmi selvaġġi”.