Brussell, 17.10.2018

COM(2018) 699 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

L-Implimentazzjoni tal-impenji tal-politika tal-UE dwar is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni:


It-tielet rapport biennali

{SWD(2018) 440 final}


1. INTRODUZZJONI

Dan huwa t-tielet rapport li jenfasizza l-progress li l-UE u l-Istati Membri tagħha kisbu lejn l-implimentazzjoni tal-politika komuni tagħhom dwar is-sigurtà alimentari 1 . Ir-rapport huwa akkumpanjat minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni, li jipprovdi aktar informazzjoni dwar l-analiżi u l-istudji ta’ każijiet. Matul ir-rapport, diversi eżempji jirriflettu kif l-UE u l-Istati Membri tagħha komplew żiedu l-appoġġ u wieġbu għar-rakkomandazzjonijiet u l-konklużjonijiet tal-Kunsill li saru fl-2016.

2. ŻVILUPPI TA’ POLITIKA GLOBALI U EWROPEJ

B’821 miljun persuna li jbatu l-ġuħ madwar id-dinja, fl-2017 l-insigurtà alimentari u nutrizzjonali żdiedet għat-tieni sena, wara li kienet qed tonqos b’mod kostanti għal aktar minn għaxar snin. Il-malnutrizzjoni kronika tat-tfal qed tonqos, għalkemm wieħed minn erbat itfal taħt il-ħames snin għadhom milquta. Il-popolazzjoni globali hija mistennija li tilħaq aktar minn 9 biljuni sal-2050, li twassal għal żieda fil-kompetizzjoni għal riżorsi limitati. Dan se jiġi aggravat mill-impatti tat-tibdil fil-klima li qed iżżid il-pass, il-kunflitti u l-pressjonijiet dejjem akbar fuq l-art u r-riżorsi naturali kif ukoll fuq l-ikel, l-ilma u l-provvisti tal-enerġija. Dawn l-isfidi se jaffettwaw b’mod sinifikanti l-kapaċità tas-sistema agroalimentari biex jitfasslu dieti tajbin għas-saħħa u nutrittivi għal popolazzjoni li qed tikber b’mod mgħaġġel.

L-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs), u b’mod partikolari l-SDG 2, ifittxu li jġeddu l-momentum u jħeġġu l-pajjiżi biex jappoġġjaw il-miri biex “jintemm il-ġuħ, tintlaħaq is-sigurtà alimentari u titjieb in-nutrizzjoni u tiġi promossa l-agrikoltura sostenibbli” sal-2030. Konsistenti mal-approċċ tal-UE ibbażat fuq id-drittijiet, inkluż id-dritt għall-ikel, li jintemm il-ġuħ u li jittejjeb l-istatus nutrittiv ta’ dawk l-aktar vulnerabbli huma responsabbiltajiet ewlenin fi ħdan il-Kunsens Ewropew il-ġdid għall-Iżvilupp 2 . L-Istrateġija Globali tal-2016 għall-Politika Estera u ta’ Sigurtà tal-UE tenfasizza l-irduppjar tal-isforzi tagħha dwar il-prevenzjoni tal-kunflitti u sabiex jiġu indirizzati l-kawżi bażiċi, bħalma huma l-inugwaljanza, l-enfasi fuq ir-riżorsi u t-tibdil fil-klima, fid-dawl tal-impatt tagħhom fuq id-deżertifikazzjoni, id-degradazzjoni tal-art, l-iskarsezza tal-ilma u l-kriżijiet tal-ikel. Permezz ta’ dan, l-UE u l-Istati Membri qed jappoġġjaw lill-gvernijiet jiggwidaw strateġiji ta’ prevenzjoni u rispons sostenibbli li jikkontribwixxu għall-bini tar-reżiljenza.

L-UE u l-Istati Membri tagħha jibqgħu jqiegħdu enfasi qawwija fuq it-trasformazzjoni tar-rwol tan-nisa. L-enfasi b’mod partikolari qiegħda fuq il-promozzjoni ta’ approċċ trasformattiv, li jfittex mhux biss li jtejjeb l-aċċess tan-nisa għar-riżorsi, iżda wkoll biex jiggarantixxi d-drittijiet ugwali tagħhom, b’hekk jiġi żgurat li l-interventi jkunu ta’ benefiċċju għan-nisa u l-irġiel u jagħtuhom il-poter.

L-UE u l-Istati Membri tagħha qegħdin jikkontribwixxu biex isaħħu persuni vulnerabbli f’pajjiżi sħab billi jippromwovu l-ħolqien ta’ impjiegi aħjar u opportunitajiet li jiġġeneraw l-introjtu. Bit-tnedija tal-Pjan ta’ Investiment Estern fl-2017, l-UE qed tissieħeb mal-istituzzjonijiet finanzjarji sabiex jingħata bidu jew jerġa’ jitrawwem dinamiżmu ekonomiku f’pajjiżi sħab biex jitjieb it-tkabbir ekonomiku ekwu fl-ekonomiji rurali. Biex tkompli tindirizza r-rabta kumplessa bejn il-faqar rurali, l-insigurtà alimentari u l-migrazzjoni, l-UE qed iżżid il-kooperazzjoni tagħha u d-djalogu fi ħdan is-Sħubija UE - Unjoni Afrikana (UA) u qed torganizza Forums tan-Negozju UE-Afrika biex jiffaċilitaw il-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ impjieg għaż-żgħażagħ u n-nisa. L-aktar waħda reċenti saret f’Novembru 2017 f’Abidjan fejn saret enfasi fuq iż-żieda ta’ sħubijiet pubbliċi-privati fil-qasam tan-negozju agrikolu. Tali enfasi tmur id f’id mal-Fond Fiduċjarju ta’ Emerġenza għall-Afrika sabiex jiġu indirizzati l-kawżi prinċipali tad-destabilizzazzjoni, l-ispostament sfurzat tal-popolazzjonijiet u l-migrazzjoni irregolari u biex ikun hemm kontribut għal ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni u sfruttament tal-opportunitajiet.

It-trawwim tal-innovazzjoni u r-riċerka huwa essenzjali għat-titjib tas-sistemi agrikoli u alimentari. Waqt is-Summit Pjaneta Waħda fl-2017, l-UE u tal-Fondazzjoni Gates impenjaw EUR 270 miljun kull wieħed tul il-perjodu 2018–2020 biex jaħdmu flimkien dwar l-innovazzjoni u r-riċerka relevanti għall-klima fl-agrikoltura f’pajjiżi terzi. L-agrikoltura għandha rwol ewlieni billi dan is-settur huwa ċentrali għall-Kontributi Determinati fil-Livell Nazzjonali (NDCs) ta’ bosta pajjiżi u li l-UE u l-Istati Membri tagħha jikkontribwixxu biex jappoġġjawh permezz ta’ programmi ta’ kooperazzjoni dwar l-agrikoltura sostenibbli. Taħt it-tmexxija Franċiża, l-UE qed tfittex li tikkatalizza lilll-Istati Membri u organizzazzjonijiet oħra għall-“mira ta’ USD 1 biljun”. Barra minn hekk, is-Sħubija għar-Riċerka u l-Innovazzjoni tal-UE-Afrika dwar l-FNSSA bdiet issir operattiva, b’fondi allokati taħt il-programm Orizzont 2020 u permezz ta’ Skema ta’ Għotjiet għar-Riċerka fl-UA.

Il-mexxejja tal-G7 jibqgħu impenjati biex jgħinu sabiex 500 miljun persuna ma jibqgħux ibatu l-ġuħ u l-malnutrizzjoni sal-2030 u, fis-Summit ta’ Taormina tal-2017 3 , iddeċidew li jżidu l-appoġġ kollettiv tagħhom għas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali u l-agrikoltura sostenibbli fl-Afrika sub-Saħarjana permezz ta’ sensiela ta’ azzjonijiet, inkluż billi jżidu l-Għajnuna Ufficjali għall-Iżvilupp (Official Development Assistance ODA). Filwaqt li jirrikonoxxu li t-trasformazzjoni rurali huwa proċess kritiku għall-ħolqien tal-impjiegi, iż-żieda fl-introjtu u l-kisba tas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali, fl-2017 il-mexxejja tal-G20 nedew l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ Rurali, li jifforma parti mill-Isħubija tal-G20.

3. IR-RAPPORTAR U L-PROGRESS

Din it-taqsima tipprovdi stampa dwar l-iżborżi għas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali tal-UE u l-Istati Membri tagħha u l-aħħar l-progress lejn il-kriterji ta’ prestazzjoni ta’ prijorità tal-politika.

Żborżi 4

Meta mqabbel mal-ewwel u t-tieni rapport, l-għajnuna finanzjarja annwali mill-UE u l-Istati Membri tagħha lejn is-sigurtà alimentari u nutrizzjonali żdiedet għal EUR 4,200 miljun; żieda ta’ 14,7 % mill-2014 u 24,8 % mill-2012. Dan jirrappreżenta madwar 6 % tat-total tal-Għajnuna Uffiċjali għall-Iżvilupp (ODA) fl-2016; madankollu, dan huwa tnaqqis żgħir minn madwar 8 % tal-ODA fl-2012 u l-2014 5 .

Filwaqt li l-appoġġ għal inizjattivi globali u l-provvista ta’ beni pubbliċi globali f’appoġġ għas-sigurtà alimentari nutrizzjonali jibqa’ solidu (19 % - tnaqqis minn 25 % fl-2014), fl-2016 l-appoġġ fil-livell tal-pajjiż żdied minn 66 % għal 69 %. L-appoġġ reġjonali għas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali żdied minn 9 % għal 12 %.

It-Tabella 1 turi li l-appoġġ lill-Afrika sub-Saħarjana żdied aktar fl-2016, li jinkludi 53 % ta’ appoġġ għas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali. Filwaqt li l-appoġġ lill-Asja naqas kemxejn fl-2016, żdied l-appoġġ lill-Amerika Latina u l-Karibew u tal-Viċinat. B’mod ġenerali, ma kien hemm l-ebda bidla kbira u d-data turi li minkejja l-pressjonijiet esterni u rispons ta’ emerġenza, l-appoġġ għas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali jibqa’ prijorità ewlenija għall-UE u l-Istati Membri tagħha.

Tabella 1: Distribuzzjoni ġeografika ta’ żborżi ta’ għajnuna mill-UE u l-Istati Membri tagħha dwar is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni fl-2012, l-2014 u l-2016

It-Tabella 2 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn l-iżborżi, b’enfasi fuq l-għadd ta’ programmi, il-livell ta’ appoġġ u l-għadd ta’ pajjiżi li jkunu rċevew appoġġ. Il-prijorità ta’ Politika 1 tkompli tirċievi l-maġġoranza tal-appoġġ, għalkemm dan naqas minn 60 % għal 50 %, b’żidiet fl-appoġġ tal-ħames prijoritajiet ta’ politika l-oħra. B’kollox, l-għadd ta’ programmi żdied f’dawn l-aħħar sentejn u żdied ukoll l-għadd ta’ pajjiżi fejn is-sigurtà alimentari u nutrizzjonali qiegħda fil-mira fir-rigward tan-nutrizzjoni u l-interventi relevanti għall-protezzjoni soċjali. Barra minn hekk, kien hemm attenzjoni qawwija iddedikata għall-iżgurar għas-sensitittività lejn il-ġeneru u l-kontribuzzjonijiet għall-adattament u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. Fl-2016, 57 % ta’ l-għajnuna tista’ titqies bħala sensittiva għall-ġeneru, 43 % tippromwovi l-adattament għat-tibdil fil-klima u 16 % tikkontribwixxi għall-isforzi ta’ mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima. F’termini ta’ appoġġ ġenerali, madwar 12 % huwa ddedikat għar-riċerka.



Tabella 2: Il-progress skont il-kriterji ta’ prestazzjoni

Il-progress lejn il-prijoritajiet ta' politika u l-kriterji ta' prestazzjoni

Din it-taqsima tinkludi ħarsa ġenerali lejn l-isforzi mwettqa, b’aktar dettaljati u eżempji speċifiċi pprovduti fid-dokument ta’ ħidma tal-persunal li jakkumpanjaha.

Il-prijorità ta’ Politika 1 tkompli tirċievi l-maġġoranza tal-attenzjoni, li juri li dan l-appoġġ huwa parti ċentrali tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp tal-UE u l-Istati Membri tagħha. L-isforzi f’dan il-qasam jinkludu l-appoġġ għat-tisħiħ tar-reżiljenza tal-komunitajiet rurali, l-intensifikazzjoni sostenibbli tal-produzzjoni, il-finanzjament tal-iżvilupp agroalimentari, l-agrikoltura li tirrispetta l-klima u l-appoġġ għal biex ix-xjenza jkollha posta aktar ċentrali fil-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-agrikoltura, b’mod partikolari, bil-ħsieb li titrawwem l-innovazzjoni għal impatt akbar. Ħafna proġetti jikkonċernaw it-trasformazzjoni rurali u l-approċċi territorjali u jikkontribwixxu biex jappoġġjaw il-ħolqien tal-impjiegi deċenti f’żoni rurali – b’mod partikolari għan-nisa u ż-żgħażagħ.

Il-prijorità ta’ politika 2 turi li l-governanza effettiva għadha qasam ewlieni ta’ appoġġ. Fl-2017, l-UE ssieħbet mal-FAO biex tospita avveniment u tfakkar il-ħames anniversarju tal-adozzjoni tal-Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti u jintwera l-progress fl-applikazzjoni tagħhom. L-UE u l-Istati Membri tagħha huma bi ħġarhom favur inizjattivi bħal diversi komunitajiet ekonomiċi reġjonali u l-Programm Komprensiv għall-Iżvilupp tal-Agrikoltura fl-Afrika (CAADP).

Taħt il-prijorità ta’ politika 3, l-appoġġ għal inizjattivi reġjonali kien qed jiżdied b’mod gradwali matul l-aħħar snin, bħal pereżempju, permezz ta’ appoġġ għal programmi reġjonali tas-sajd u aktar appoġġ biex tissaħħaħ il-kapaċità għal miżuri sanitarji u fitosanitarji reġjonali.

Filwaqt li l-prijorità ta’ politika 4 rat tnaqqis fl-iżborżi fl-aħħar rapport, dan ir-rapport huwa kapaċi juri żieda sostanzjali fl-appoġġ għal mekkaniżmi ta’ protezzjoni soċjali (EUR 121 miljun aktar), kif ukoll in-numru ta’ programmi u pajjiżi fejn l-isħubijiet tal-UE u/jew tal-Istati Membri qed jiffjorixxu.

Taħt il-prijorità ta’ politika 5, permezz ta’ appoġġ għat-tisħiħ ta’ approċċ multi-settorjali konġunt biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta’ nutrizzjoni, issuktaw l-isforzi, b’mod konsistenti mill-2014, biex titrawwem kollaborazzjoni għall-promozzjoni tal-impenn u t-tmexxija fil-livell tal-pajjiżi, u biex tiġi promossa r-responsabbiltà tal-appoġġ tal-UE u l-Istati Membri fil-livell tal-pajjiż u dak globali.

Il-prijorità ta’ politika 6 rċeviet attenzjoni meritata b’żieda ta’ EUR 107 miljun meta mqabbel mal-2014. Ir-Rapport Globali dwar Kriżijiet tal-Ikel tal-2018 indika li kważi 124 miljun ruħ kienu f’sitwazzjoni ta’ kriżi tal-ikel u wrew il-ħtieġa biex jiġu kkonfrontati l-kawżi tal-insigurtà alimentari. F’konformità mal-Istrateġija Globali tal-UE u mal-attivitajiet ta’ l-Istati Membri fl-operazzjonalizzazzjoni tar-rabtiet umanitarji, ta’ żvilupp u paċi, l-UE taħdem flimkien ma’ sħab oħra tan-Netwerk Globali kontra Kriżijiet tal-Ikel, fuq analiżi konġunta u rispons ikkoordinat.

Tabella 3: Eżempji speċifiċi ta’ interventi li juru r-riżultati

Prijorità ta' politika 1

Il-Ġermanja qed tappoġġja r-reżiljenza u l-għajxien tal-bdiewa b’azjendi agrikoli żgħar f’aktar minn 81 pajjiż. Permezz tal-Programm Globali taċ-Ċentri tal-Innovazzjoni Ekoloġika (parti mill-inizjattiva One World – No Hunger (Dinja Waħda – Mingħajr Ġuħ)) 600,000 bidwi b’azjendi agrikoli żgħar ġew imħarrġa (40 % nisa, 30 % żgħażagħ) u nkisbet żieda fil-produttività ta’ 35 %. Fl-Etjopja, l-Awstrija għenet lil 348,513-il bidwi (li 23,6 % minnhom huma nisa) itejbu l-produttività agrikola tagħhom, u aktar minn 6,000 familja bbenefikaw minn miżuri ta’ riabilitazzjoni f’baċiri tal-iskular u 52 minn kull 78 persuni mistħarrġa setgħu jakkumulaw il-flus li ffrankaw.

Prijorità ta' politika 2

Bħala parti mill-Inizjattiva America Latina y Caribe sin Hambre, Spanja kienet sieħeb attiv permezz tal-promozzjoni ta’ membri parlamentari kontra l-ġuħ bħala wieħed mill-atturi ewlenin tal-governanza tas-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni.

Prijorità ta' politika 3

L-Italja appoġġjat l-iżvilupp tal-komunitajiet kostali fiż-Żona tal-Mediterran, fejn irnexxielha tappoġġja 2,000 sajjied b’għotjiet kollettivi, lin-nisa b’60 għotja biex jibdew joffru servizzi alimentari, it-taħriġ ta’ 500 sajjied, il-ħolqien ta’ tliet (3) assoċjazzjonijiet ta’ sajjieda/bdiewa, u l-kostruzzjoni ta’ port għal 100 dgħajsa tas-sajd.

Prijorità ta' politika 4

L-Irlanda kkontribwixxiet programm fl-Etjopja ta’ xbieki ta’ sikurezza produttivi li permezz tiegħu 10,200,000 ruħ irċevew assistenza tal-ikel b’reazzjoni għan-nixfa ta’ El Nino fl-2016.

Prijorità ta' politika 5

Il-Belġju appoġġja l-ktajjen ta’ valur tat-tiġieġ u l-ġirasol f’żewġ distretti fit-Tramuntana tat-Tanzanija fejn id-dħul tal-benefiċjarji żdied b’ 24 % minkejja n-nixfiet fl-2009-2010. Il-konsum tal-bajd u t-tiġieġ żdied ukoll b’mod sinifikanti fil-familji li bbenefikaw, li qed ikollu effett pożittiv fuq il-valur nutrittiv tal-ikel għall-membri kollha tal-familja, speċjalment it-tfal.

Prijorità ta' politika 6

Franza appoġġjat il-proġett ta’ reżiljenza fix-Xlokk tas-Senegal, li wera li ż-żidiet fil-produzzjoni tal-ikel u l-assistenza alimentari fissru li issa 61 % tal-parteċipanti tal-programm għandhom punteġġ aċċettabbli ta’ konsum ta’ ikel fuq il-bażi tal-kategorizzazzjoni tad-WFP, meta mqabbla ma’ 36 % għal dawk mhux parteċipanti. Ir-Renju Unit, flimkien mal-Kummissjoni u oħrajn, għen biex tiġi żviluppata b’suċċess il-Klassifikazzjoni tal-IPC tal-Insigurtà Kronika tal-Ikel, biex jiġi appoġġjat teħid ta’ deċiżjonijiet dwar is-sigurtà alimentari ibbażat fuq l-evidenza.

Koordinazzjoni, Komplementarjetà u Koerenza

Il-konsensus Ewropew il-ġdid dwar l-Iżvilupp iqiegħed il-Programmar Konġunt (PK) fiċ-ċentru tal-isforzi tal-UE biex tiġi implimentata l-Aġenda 2030 u jiġu appoġġjati għall-pjanijiet ta’ żvilupp tal-pajjiżi sħab billi jittejbu l-koordinazzjoni u l-koerenza tal-assistenza għall-iżvilupp mill-UE u l-Istati Membri. Il-PK għamel progress sinifikanti, b’45 pajjiż jagħmlu passi konkreti lejn il-proċess tal-PK u 17 oħra jieħdu l-ewwel passi fl-impenn fil-PK. Minn 10 Dokumenti tal-PK fi tmiem l-2014, l-għadd ta’ Dokumenti tal-PK żdied għal 26 fi Frar 2018. Fil-Laos u s-Senegal, il-PK wera l-evidenza tal-valur miżjud tiegħu għal diversi snin billi kiseb riżultati sinifikanti f’oqsma ewlenin bħas-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni.

Kaxxa tat-test 1: Il-Programmar Konġunt tal-UE fis-Senegal

Mill-2013 ’l hawn, l-UE u l-Istati Membri tagħha kienu involuti fl-ipprogrammar konġunt fis-Senegal. It-tieni dokument ta’ programmar konġunt li jkopri l-perjodu 2018–2023 f’konformità mal-Pjan għal Senegal Emerġenti, ġie approvat reċentement. L-analiżi konġunta wriet li, minkejja xi kisbiet pożittivi fil-ġlieda kontra l-malnutrizzjoni f’dawn l-aħħar snin, il-kwistjoni tibqa’ tqajjem inkwiet serju fil-pajjiż. Il-proċess ta’ Programmar Konġunt jindirizza dawn l-isfidi billi jiffoka fuq l-interdipendenza bejn in-nutrizzjoni, is-sigurtà alimentari u l-agrikoltura, b’mod partikolari f’żoni rurali. L-UE, Franza, l-Italja u Spanja jaħdmu flimkien biex isostnu s-sigurtà alimentari u l-ġlieda kontra l-malnutrizzjoni.

Kaxxa tat-test 2: Il-Programmar Konġunt tal-UE fil-Laos

Il-Programmar Konġunt fil-Laos tnieda fl-2012 u wassal għal Strateġija Konġunta ta’ Tranżizzjoni għall-2014–2015. Wara din l-ewwel fażi, l-UE u seba’ Stati Membri flimkien mal-Iżvizzera approvaw il-Pjan Ewropew għal Programmar Konġunt għar-Repubblika Demokratika Popolari tal-Laos 2016–2020. In-nutrizzjoni hija waħda mis-seba’ setturi ta’ prijorità, li fihom qed taħdem l-UE b’mod konġunt, prinċipalment ma’ Franza, il-Ġermanja u l-Iżvizzera. L-ipprogrammar konġunt f’Laos huwa eżempju eċċellenti ta’ kif l-UE+ tappoġġja l-politika ta’ nutrizzjoni tal-Laos u tiżgura s-sinifikat tan-nutrizzjoni f’setturi oħra. Bħala dimostrazzjoni ta’ dan, l-UE u Franza qegħdin jappoġġjaw flimkien interventi ta’ prijorità rigward il-ktajjen tal-valur sensittivi għan-nutrizzjoni u s-servizzi ta’ konsulenza rurali, filwaqt li l-UE u l-Ġermanja qegħdin jappoġġjaw flimkien l-investimenti fl-infrastruttura tal-ilma tax-xorb nadif.


4. RAPPURTAR TAR-RIŻULTATI

Hemm għadd kbir ta’ riżultati li jiġu rrappurtati mill-UE u l-Istati Membri tagħha li juru l-impatt fuq il-post. Fit-Tabella 4 qed tiġi ppreentata għażla minn dawn. In-Netherlands, ir-Renju Unit u l-Kummissjoni jkomplu jipprovdu data aggregata mill-programmi kollha tagħhom u jippreżentaw numru ta’ riżultati korporattivi. Filwaqt li għaddejjin sforzi sabiex jippruvaw jissimplifikaw il-metodoloġiji biex ikejlu u jirrapportaw l-impatt f’livell aggregat, għad baqa’ numru ta’ sfidi. Ir-riżultati ppreżentati hawn taħt m’għandhomx jitqiesu bħala kompleti u lanqas komparattivi iżda minflok għandhom jittieħdu bħala ritratt ta’ metodoloġiji differenti, li jkopru perjodi ta’ żmien differenti u skont kriterji differenti. Il-ħidma li għaddejja fuq l-indikaturi komuni u l-applikazzjoni ta’ metodoloġiji effiċjenti fil-kuntest ta’ rappurtar SDG se tkompli ssaħħaħ dan il-proċess.

Tabella 4: L-impatt fuq il-post

In-Netherlands (2017)

33,700,000 persuna malnutrita rċevew għajnuna, li minnhom madwar 15,500,000 wrew biċ-ċar li bbenefikaw mill-forma ta’ konsumimtejjeb tal-ikel;

7,370,000 azjenda agrikola żgħira tal-familja irċevew appoġġ, li minnhom 1,950,000 ibbenefikaw biċ-ċar fil-forma ta’ żieda fil-produttività u/jew introjtu u 1,590,000 kisbu aċċess aħjar għas-swieq;

1,360,000 ettaru ta’ art agrikola kienu mtejba, li minnhom 366,890 b’aktar prattiki ekoeffiċjenti u 179,360 ettaru saru aktar reżiljenti għall-istressijiet u x-xokkijiet;

1,220,000 bidwi kisbu pussess sigur tal-art.

Ir-Renju Unit

Fl-2015-2017, 26,300,000 tifel u tifla taħt il-ħames snin u n-nisa tqal kienu appoġġjati permezz ta’ programmi li għandhom x’jaqsmu man-nutrizzjoni (li minnhom 15,200,000 kienu nisa jew bniet);

Fl-2016–17, ir-Renju Unit appoġġja proġetti ta’ investiment fin-negozju agrikolu li minnhom ibbenefikaw aktar minn 2 miljun bidwi f’pajjiżi li qed jiżviluppaw;

Mill-2011-2015, 8,900,000 ruħ (inklużi 4,600,000 mara) rċevew appoġġ minn programmi ta’ trasferiment ta’ flus;

Mill-2011-2015, 3,700,000 ruħ (inkluż 1,900,000 mara) ipprovdew sigurtà alimentari;

Mill-2011-2015, 6,100,000 ruħ għenu (inkluż 3,000,000 mara) biex jittejbu d-drittijiet tagħhom tal-art u tal-proprjetà.

Il-Kummissjoni (2013–2017)

11,976,000 mara ta’ età riproduttiva u t-tfal taħt il-ħames snin ibbenefikaw minn programmi marbuta man-nutrizzjoni;

14,159,000 ruħ bi problemi ta’ sigurtà alimentari rċevew għajnuna permezz ta’ trasferimenti soċjali.

3,675,000 ettaru fejn ġew introdotti prattiki sostenibbli ta’ ġestjoni tal-art;

3,841,000  ruħ irċevew servizzi ta’ konsulenza rurali biex jiżdied il-valur ta’

dak li jipproduċu u jtejbu r-rabtiet bejn il-bdiewa u s-suq;

815,000 ruħ li ġew appoġġjati biex jiggarantixxu d-dominju tal-art b’appoġġ ta’ għajxien sostenibbli.

5. ENFASI TEMATIKA

Kif mitlub mill-Kunsill fl-2016, dan ir-rapport jipprovdi enfasi aktar profond fuq żewġ temi speċifiċi.

Approċċi reżiljenti għall-klima

L-agrikoltura hija wieħed mis-setturi l-iktar affettwati b’mod serju mit-tibdil fil-klima. L-UE u l-Istati Membri tagħha jippromwovu l-iżvilupp agrikolu li jaqdi diversi għanijiet ta’ titjib tal-bażi tar-riżorsi naturali u l-ambjent, jindirizza t-tibdil fil-klima, kif ukoll iż-żieda fil-produttività tax-xogħol u tal-art u t-tisħiħ tal-provvista tal-ikel. Dan għandu effett ta’ benefiċċju għaż-żewġ naħat fil-ħolqien tal-introjtu u l-opportunitajiet ta’ impjiegi deċenti. Fl-2014, 38 % tal-appoġġ kollu għas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali kkontribwixxew għall-adattament għat-tibdil fil-klima. Fl-2016, dan żdied għal 43 %.

L-UE u l-Istati Membri tagħha jissalvagwardjaw l-integrazzjoni tal-klima fil-programmi tagħhom ta’ żvilupp agrikolu eżistenti u jippromwovu miżuri ta’ adattament u mitigazzjoni speċifiċi f’dan is-settur. Permezz tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali, l-intensifikazzjoni agroekoloġika għall-biedja tal-familji, l-ippjanar sostenibbli ta’ żoni rurali u l-ġestjoni tar-riskju, l-approċċi reżiljenti għat-tibdil fil-klima huma integrati fil-programmi. Il-pariri, l-informazzjoni, it-teknoloġiji adottati lokalment u l-infrastruttura ta’ appoġġ huma pprovduti, filwaqt li l-pajjiżi sħab ikunu jistgħu jsiru aktar reżiljenti għall-istress u x-xokkijiet tal-klima. Flimkien, l-Istati Membri u l-UE qed jappoġġjaw ukoll b’mod qawwi r-riċerka u t-tagħlim dwar il-prattiki agrikoli reżiljenti għat-tibdil fil-klima, permezz tas-CGIAR u l-programmi l-oħra tar-riċerka. F'April tal-2018, huma appoġġjaw ukoll dibattitu waqt simpożju tal-FAO dwar ir-rwol tal-agroekoloġija fil-bini ta’ sistema agroalimentari sostenibbli.

Dan jimxi id f’id mal-appoġġ għall-NDCs tal-pajjiżi sħab, u l-monitoraġġ, ir-rappurtar u l-verifika għall-UNFCCC. L-organizzazzjonijiet u l-fondi internazzjonali, bħal ma huma l-IFAD, il-Fond Ekoloġiku għall-Klima u l-Fond għall-Ambjent Dinji huma appoġġjati mill-UE u l-Istati Membri tagħha biex jingħataw spinta l-mitigazzjoni u l-adattament fil-livelli kollha.

Kaxxa tat-test 3: Is-sostenn tar-riċerka u t-tagħlim dwar teknoloġiji agrikoli sensittivi għan-nutrizzjoni u reżiljenti għat-tibdil fil-klima

L-UE u l-Istati Membri tagħha jkomplu jiffukaw fuq ir-rwol tal-bdiewa b’azjendi agrikoli ż-żgħar, b’mod partikolari n-nisa, fi ħdan sistemi sostenibbli tal-ikel, u jappoġġjaw ir-riċerka u t-tagħlim dwar teknoloġiji agrikoli sensittivi għan-nutrizzjoni u reżiljenti għat-tibdil fil-klima u tekniki permezz taċ-ċentri tar-riċerka tas-CGIAR u permezz tal-Programmi ta’ Riċerka. Qed isiru sforzi biex jiġu integrati t-tekniki lokali u biex wieħed jikkapitalizza fuq l-effetti tal-prattiki agroambjentali u soċjoekonomiċi.

 

Kaxxa tat-test 4: Il-Proġett tal-Immaniġġjar tar-Riżorsi tal-Ilma tar-Raħal Rurali fin-Nepal

Il-proġett kien beda fl-2006, b’finanzjament konġunt mill-Finlandja u n-Nepal. Il-proġett issa jinsab fit-tielet fażi li se jibqa’ għaddej sal-2022 u jimmira li jikseb titjib tal-benessri u t-tnaqqis tal-faqar fil-komunitajiet tal-irħula fi żvilupp permezz tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi lokali tal-ilma. Uħud mir-riżultati jinkludu: il-provvista domestika tal-ilma skont standards nazzjonali għal 144,000 benefiċjarju; sanità bażika, inklużi tojlits tad-djar għal 358,000 benefiċjarju; irrigazzjoni għal 28,000 benefiċjarju; dawl elettriku ġġenerat minn impjant tal-mikro-idroenerġija għal 41,000 benefiċjarju; fuklari tat-tisjir imtejba għal 67,000 benefiċjarju; u affarijiet bażiċi tal-ħajja permezz ta’ ġestjoni tal-ġnien tad-dar għal 164,000 benefiċjarju.

Prattiki agrikoli sensittivi għan-nutrizzjoni

In-nuqqas ta’ nutrizzjoni u l-malnutrizzjoni huma ostakli ewlenin għall-iżvilupp u piż għal tul il-ħajja kollha. Interventi agrikoli imfassla b’mod xieraq jista’ jkollhom rwol ewlieni biex jipprovdu soluzzjonijiet sostenibbli għall-aċċess għall-ikel u dieta ta’ kwalità. L-agrikoltura sensittiva għan-nutrizzjoni huwa approċċ li jimmira li jiżgura l-produzzjoni ta’ varjetà ta’ ikel affordabbli, nutrittiv, li jirrispetta l-kultura, sustanzjuż u sikur fi kwantità u kwalità adegwata biex jissodisfa l-bżonnijiet alimentari tal-popolazzjoni b’mod sostenibbli.

L-UE u l-Istati Membri tagħha ngħaqdu flimkien biex jadottaw fehim iktar komprensiv u approċċ multisettorjali. Huma qed jaħdmu flimkien fuq: it-tfassil ta’ politiki u strateġiji agrikoli sensittivi għan-nutrizzjoni li jpoġġu lin-nisa fil-qalba f’pajjiżi b’livelli għoli ta’ nuqqas ta’ żvilupp; l-implimentazzjoni ta’ politiki u strateġiji nazzjonali sensittivi għan-nutrizzjoni permezz tat-titjib tal-ħiliet u l-għarfien tagħhom; il-monitoraġġ ta’ programmi, inkluż billi jinkorporaw l-indikaturi tad-diversità tad-dieta kif ukoll l-indikaturi tal-affordabbiltà; u evidenza aktar b’saħħitha għal approċċi kosteffettivi għar-redditi mill-investimenti tan-nutrizzjoni fis-settur agrikolu.

Eżempji ta’ prattiki agrikoli sensittivi għan-nutrizzjoni jinkludu l-promozzjoni ta’ ktajjen tal-valur sensittivi għan-nutrizzjoni, approċċi innovattivi għall-fortifikazzjoni tal-ikel, diversifikazzjoni lokali rikka fin-nutrijenti, u komponenti mid-dar u l-ġnien ta’ proġetti tal-iżvilupp rurali f’pajjiżi fejn qed jiġi adottat approċċ komprensiv biex jiġu żviluppati tekniki tal-għajxien fil-komunitajiet. Il-partijiet interessati nazzjonali u lokali huma mħeġġa biex jimpenjaw ruħhom u t-tmexxija tagħhom hija favur il-promozzjoni ta’ prattiki sostenibbli ta’ produzzjoni bħall-agrikoltura organika, ġestjoni sostenibbli tal-mergħat u ġestjoni integrata ta’ organiżmi ta’ ħsara. L-appoġġ għal agrikoltura sensittiva għan-nutrizzjoni hija pprovduta wkoll lis-CGIAR.

L-UE u l-Istati Membri tagħha jappoġġjaw il-ħidma tal-UNICEF fin-nutrizzjoni bbażata fil-komunità u tallinja ruħha mal-moviment Inżidu n-Nutrizzjoni. Fir-rigward tal-ispazju pubbliku-privat, l-appoġġ kontinwu lill-Alleanza Globali għal Nutrizzjoni Mtejba (GAIN) minn għadd ta’ Stati Membri jiffoka fuq titjib f’riżultati marbutin man-nutrizzjoni għall-foqra fil-pajjiżi bi dħul baxx u medju permezz ta’ soluzzjonijiet ibbażati fuq is-suq fis-sistema tal-ikel.

6. KONKLUŻJONIJIET ĠENERALI U RAKKOMANDAZZJONIJIET

Bir-rappurtar dwar l-aħħar żborżi b’valur ta’ EUR 4,200 miljun fl-2016, kif ukoll dwar l-involviment ta’ politika tagħhom, l-UE u l-Istati Membri tagħha wrew li l-kwistjonijiet ewlenin dwar is-sigurtà alimentari u n-nutrizzjoni huma konsistentement mqiegħda fuq l-aġendi globali u l-isforzi ġew amplifikati madwar diversi pajjiżi biex jitjiebu r-riżultati nutrizzjonali u jiġi stimolat għajxien aħjar fis-settur agrikolu. L-analiżi ppreżentata fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal mehmuż juri l-importanza ta’:

1.Iż-żamma tas-sigurtà alimentari u nutrizzjonali fuq quddiem tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp sabiex jiġu indirizzati kwistjonijiet sistemiċi fis-sistema alimentari globali u l-sfidi għall-iżvilupp li fihom is-settur tal-ikel u dak agrikolu għandhom rwol ewlieni. Bħala attur globali, l-UE u l-Istati Membri tagħha jeħtieġ li jkomplu jagħtu sura lill-aġenda internazzjonali u jaħdmu mas-sħab kollha biex jindirizzaw l-isfidi attwali u futuri.

2.Ikomplu l-isforzi konġunti fil-bini ta’ approċċ strateġiku għal kriżijiet alimentari umanitarji, filwaqt li titqies ir-rabta bejn l-iżvilupp u l-paċi, u tingħata spinta lin-Netwerk Globali kontra l-Kriżijiet Alimentari għal analiżi konġunta, allokazzjoni strateġika komuni tar-riżorsi u reazzjonijiet ikkoordinati.

3.Issegwi l-ispinta lejn viżjoni komuni rigward in-nutrizzjoni u jinbena fehim kondiviż ta’ agrikoltura sensittiva għan-nutrizzjoni fost l-UE u l-Istati Membri tagħha, li jgħin biex jiġu appoġġjati l-perkorsi potenzjali kollha fejn l-agrikoltura tħalli impatt fuq in-nutrizzjoni.

4.Tiżdied l-attenzjoni tal-UE u l-Istati Membri tagħha fuq ir-rwol kritiku tal-agrikoltura fit-tibdil fil-klima kif enfasizzat mill-UNFCCC u biex jintlaħqu l-SDGs. L-appoġġ jista’ jirriżulta minn ħidma li għaddejja fuq l-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi, bħal pereżempju Koroniyia Joint Work on Agriculture u impenji rilevanti oħra biex jingħata appoġġ lill-pajjiżi li jaħdmu biex iwettqu l-NDCs tagħhom.

5.It-tisħiħ tal-appoġġ għan-nisa fl-indirizzar tas-sigurtà alimentari u tan-nutrizzjoni fil-livelli nazzjonali u lokali. It-tfassil aħjar tal-kontributi tan-nisa, jista' jiġbed aktar attenzjoni. L-isforzi jistgħu jiffokaw ukoll fuq approċċi biex jilħqu, jibbenefikaw u jagħtu s-saħħa lin-nisa u l-UE u l-Istati Membri tagħha jistgħu jwettqu rappurtar sistematiku dwar l-indikaturi rilevanti diżaggregati skont is-sess.

6.L-aċċellerazzjoni tal-ħidma fuq katina tar-riżultati u indikaturi komuni biex jiġi mmonitorjat il-progress u r-riżultati f’livell aggregat. Ikun hemm mertu f’li wieħed juri kif l-UE tikkontribwixxi biex jintlaħqu l-miri tal-SDG2. Hemm bżonn li l-għarfien u l-gwida dwar il-kejl tal-impatt ikunu adattati għall-użu minn kulħadd, inkluż is-settur privat.

7.It-tisħiħ tal-kapaċitajiet nazzjonali u reġjonali tar-riċerka agrikola jwassal għall-innovazzjoni permezz ta’ sħubijiet. Dan l-isforz jista’ jippromwovi innovazzjoni ta’ żvilupp intelliġenti fl-agrikoltura b’mod partikolari permezz tal-iżvilupp tal-kapaċità u s-sħubijiet, bħal pereżempju Innovazzjoni ta’ Żvilupp Intelliġenti permezz tar-riċerka fl-Agrikoltura (DeSIRA).

8.L-ankrar ulterjuri tal-impjieg taż-żgħażagħ fid-djalogu politiku u l-investiment fil-ħolqien tal-impjiegi u l-opportunitajiet ta’ taħriġ u l-assigurar taż-żgħażagħ hija riflessa fil-politika u l-proġetti fl-istadji kollha. L-isforzi li saru mill-Istati Membri tal-UE, kif ukoll permezz tal-Pjan tal-Investiment Estern u l-Fond Fiduċjarju għall-Afrika, jenħtieġ li jitkompla u jiżdied, billi jintrabat mal-inizjattivi tal-G20 fejn rilevanti.

9.Jiġi promoss il-kummerċ agrikolu reġjonali billi jiġu appoġġjati l-isforzi eżistenti lejn approċċ ta’ sistemi sostenibbli tal-ikel. Dan jinkludi r-rabta tal-bdiewa mas-swieq, ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol kif ukoll il-protezzjoni tad-drittijiet ta’ komunitajiet lokali billi jiġu applikati l-prinċipji għal investiment agrikolu responsabbli u biex jiġu implimentati l-Linji Gwida Volontarji dwar il-Governanza Responsabbli tal-Pussess tal-Art, is-Sajd u l-Foresti.

10.Ħidma konġunta mal-atturi leġittimi kollha tas-sistema globali tal-ikel fuq it-tisħiħ tal-istituzzjonijiet u l-proċessi li jiggwidaw it-trasformazzjoni sostenibbli tas-sistemi alimentari permezz tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni u l-koerenza, kif ukoll it-tisħiħ ta’ azzjoni bbażata fuq l-evidenza.

(1)

Qafas ta’ politika tal-UE biex jgħin lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex jindirizzaw l-isfidi fil-qasam tas-sigurtà alimentari, COM(2010)127.

(2)

Il-Ġurnal Uffiċjali C201/1 tat-30.6.2017

(3)

http://www.g7italy.it/en/documenti-altri

(4)

Ta’ min jinnota li ħafna Stati Membri żborsaw fondi addizzjonali ferm ogħla mill-ammonti totali rreġistrati hawnhekk. Madankollu, għall-fini ta’ dan ir-rapport, huma riflessi biss żborżi ’l fuq minn EUR 100,000. Barra minn hekk, madwar l-UE u l-Istati Membri tagħha, hemm diversi metodoloġiji għar-rappurtar. Iċ-ċifri rrappurtati f’dan ir-rapport jirriflettu biss il-metodoloġija speċifika għal dan l-eżerċizzju.

(5)

Bħar-rapporti preċedenti, dan it-tielet rapport – maħruġ fl-2018 – qed jirrapporta l-aħħar ċifri uffiċjali disponibbli, li jkopru l-2016.