IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 4.10.2018
COM(2018) 665 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 978/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li japplika skema ta’ preferenzi tariffarji ġeneralizzati u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 732/2008
{SWD(2018) 430 final}
1.Introduzzjoni
Fl-1971, il-Komunità Ewropea l introduċiet għall-ewwel darba Skema Ġeneralizzata ta’ Preferenzi (SĠP) wara riżoluzzjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (United Nations Conference on Trade and Development — UNCTAD ) biex tinħoloq sistema ta’ preferenzi biex tappoġġja lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp. Is-SPĠ hija bbażata wkoll fuq il-klawżola ta’ abilitazzjoni tad-WTO, li tippermetti lill-pajjiżi żviluppati jagħtu preferenzi tariffarji unilaterali mhux reċiproċi għall-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp.
Billi tipprovdi aċċess preferenzjali għas-suq tal-UE, is-SĠP għandha l-objettiv primarju li tgħin lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp fl-isforzi tagħhom biex inaqqsu l-faqar u jġibu ’l quddiem il-governanza tajba u l-iżvilupp sostenibbli, billi tgħinhom biex jiġġeneraw, b’mod partikolari, l-impjiegi, l-industrijalizzazzjoni u dħul addizzjonali permezz tal-kummerċ internazzjonali.
1.1.Ir-riforma tal-2012
Is-SĠP tal-UE għaddiet minn bosta trasformazzjonijiet tul id-deċennji f’termini ta’ kopertura tal-pajjiżi u tal-prodotti, bil-għan ukoll li tippromwovi dejjem aktar l-iżvilupp sostenibbli. L-għanijiet ġenerali tar-riforma tas-SĠP tal-2012 kienu tlieta: (i) li tikkontribwixxi għall-qerda tal-faqar billi żżid l-esportazzjonijiet minn dawk il-pajjiżi li l-iżjed huma fil-bżonn; (ii) li tippromwovi żvilupp sostenibbli u governanza tajba; u (iii) li tiżgura salvagwardji aħjar għall-interess finanzjarju u ekonomiku tal-UE. Dawn l-għanijiet ġenerali ġew imsarrfa f’sitt għanijiet operattivi speċifiċi għar-Regolament SĠP:
1.biex il-preferenzi jkunu ffokati aħjar fuq dawk il-pajjiżi li l-iżjed qegħdin fil-bżonn;
2.biex jitneħħew id-diżinċentivi għad-diversifikazzjoni għal dawk il-pajjiżi li l-iżjed qegħdin fil-bżonn;
3.biex tiżdied il-konsistenza mal-għanijiet ġenerali tal-kummerċ, kemm jekk bilaterali jew multilaterali;
4.biex jissaħħaħ l-appoġġ għal żvilupp sostenibbli u governanza tajba;
5.biex tittejjeb l-effiċjenza tal-mekkaniżmi ta’ salvagwardja li jiżguraw li l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-UE jkunu protetti; u
6.biex iċ-ċertezza tad-dritt, l-istabbiltà u l-prevedibbiltà tal-iskema jittejbu.
1.2.Ir-regolament attwali
Ir-Regolament SĠP attwali daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 2014 għal perjodu ta’ għaxar snin. Is-SĠP tikkonsisti fi tliet arranġamenti differenti:
1.arranġament ġenerali (SĠP Standard) għal pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp li ma jkunux kisbu l-istatus ta’ dħul għoli jew medju superjuri;
2.Arranġament ta’ Inċentiv Speċjali għal Żvilupp Sostenibbli u Governanza Tajba (SĠP+) għal benefiċjarji tas-SĠP Standard li huma wkoll meqjusa bħala vulnerabbli; u
3.arranġament ta’ Kollox ħlief Armi (Everything But Arms — EBA) għall-Pajjiżi l-Anqas Żviluppati (Least Developed Countries — LDCs).
It-Tabella 1 tipprovdi ħarsa ġenerali lejn id-dispożizzjonijiet u l-benefiċjarji skont dawn l-arranġamenti.
Tabella1: Ħarsa ġenerali lejn it-tliet arranġamenti SĠP
|
|
SĠP Standard
|
SĠP+
|
EBA
|
|
Benefiċjarji
|
Pajjiż bi dħul baxx jew medju-baxx
|
Il-benefiċjarji tas-SĠP Standard li huma vulnerabbli (f’termini ta’ diversifikazzjoni tal-esportazzjoni, volumi tal-esportazzjoni) u li rratifikaw 27 konvenzjoni prinċipali internazzjonali
|
LDCs
|
|
Għadd ta' benefiċjarji
|
18
|
8
|
49
|
|
Preferenzi tariffarji
|
is-sospensjoni tad-dazju (oġġetti mhux sensittivi) jew tnaqqis tad-dazju (oġġetti sensittivi) għal madwar 66 % tal-linji tariffarji kollha tal-UE
|
is-sospensjoni tad-dazji għal madwar 66 % tal-linji tariffarji kollha tal-UE
|
is-sospensjoni tad-dazji fuq il-merkanzija kollha bl-eċċezzjoni ta’ armi u munizzjon
|
Mit-Tabella 2 hawn taħt, nistgħu naraw li, meta mqabbel mal-importazzjonijiet totali dinjija tal-UE s-sehem tas-SĠP huwa relattivament modest u saħansitra qed jonqos. Il-biċċa l-kbira tal-importazzjonijiet lejn l-UE jseħħu skont it-tariffi tan-Nazzjon l-Aktar Iffavorit (MFN, Most Favoured Nation) (jiġifieri tariffi li japplikaw għall-pajjiżi kollha). L-importazzjonijiet tal-UE skont skemi preferenzjali mhux SĠP, li jinkludu kull tip ta’ ftehim kummerċjali (ftehimiet ta’ kummerċ ħieles, ftehimiet ta' kummerċ ħieles approfonditi u komprensivi u Ftehimiet ta’ Sħubija Ekonomika), żdiedu b’mod kostanti bejn l-2011 u l-2016, b'turija tal-importanza kbira tagħhom. Dan huwa konformi mal-għan li jħeġġeġ pajjiżi li qabel kienu benefiċjarji tas-SĠP biex ikomplu bil-kummerċ tagħhom mal-UE skont skemi ta’ kummerċ preferenzjali aktar komprensivi, li spiss ikunu reċiproċi.
Tabella 2: Sehem tal-importazzjonijiet tal-UE skont is-sistema ta’ tariffi (2011–2016)
|
|
Valur tal-importazzjonijiet
(f’miljuni ta' EUR)
|
MFN=0
|
MFN>0
|
SĠP
|
FTAs
|
Oħrajn
|
Total
|
Kummerċ taħt l-ebda tariffa
|
|
2011
|
1578724
|
62,5 %
|
21,5 %
|
5,8 %
|
9,5 %
|
0,7 %
|
100,0 %
|
75,2 %
|
|
2012
|
1631256
|
63,6 %
|
20,0 %
|
5,8 %
|
9,8 %
|
0,9 %
|
100,0 %
|
76,6 %
|
|
2013
|
1530711
|
61,9 %
|
20,2 %
|
6,1 %
|
10,7 %
|
1,1 %
|
100,0 %
|
76,0 %
|
|
2014
|
1534073
|
60,4 %
|
23,1 %
|
3,9 %
|
11,6 %
|
1,1 %
|
100,0 %
|
74,1 %
|
|
2015
|
1557035
|
56,6 %
|
26,1 %
|
3,9 %
|
12,4 %
|
1,1 %
|
100,0 %
|
71,2 %
|
|
2016
|
1546772
|
56,1 %
|
26,1 %
|
4,1 %
|
12,8 %
|
0,9 %
|
100,0 %
|
71,4 %
|
(MFN=0 tfisser importazzjonijiet tal-UE taħt l-ebda tariffa tal-Pajjiż l-Aktar Iffavorit (MFN), MFN>0 tfisser importazzjonijiet tal-UE taħt tariffi pożittivi tal-MFN, FTA tfisser il-Ftehim ta’ Kummerċ Ħieles)
1.3.Evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu
Skont l-Artikolu 40 tar-Regolament SĠP, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament SĠP lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, ħames snin wara l-adozzjoni tar-regolament.
Konsulent indipendenti estern tqabbad biex iwettaq studju biex jappoġġja din l-evalwazzjoni ta’nofs it-terminu. Ir-rapport finali mwettaq mill-konsulent (Studju) huwa ppubblikat flimkien ma’ dan ir-rapport. Id-dokument ta’ ħidma tal-persunal (staff working document — SWD ) li jakkumpanja dan ir-rapport dwar l-applikazzjoni tar-Regolament 978/2012 jiġbor fil-qosor is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet mill-konsulent. L-SWD jippreżenta l-proċess u l-metodoloġija użati fil-kuntest ta’ din l-evalwazzjoni kif ukoll l-analiżi tal-evidenza li ppermettew lill-Kummissjoni sabiex tikkonkludi dwar l-applikazzjoni u l-prestazzjoni tar-Regolament SĠP.
L-evalwazzjoni esterna użat tliet approċċi komplementari fl-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu biex tanalizza l-funzjonament u l-impatt fil-pajjiżi benefiċjarji tas-SĠP u fl-UE, jiġifieri: (i) riċerka u analiżi tad-data kwantitattivi u kwalitattivi; u (ii) proċess inklużiv u estensiv ta’ konsultazzjoni estensiva mal-partijiet interessati; u (iii) studji ta’ każijiet settorjali u tal-pajjiżi. Għall-analiżijiet ekonomiċi tas-SĠP riformata, intużat id-data ekonomika, kummerċjali u tariffarja l-aktar aġġornata li ġiet ipprovduta mill-Eurostat għall-perjodu 2011-2016. Barra minn hekk, inġabru xi indikaturi biex jiġi analizzat l-impatt soċjali, ambjentali u fuq id-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi benefiċjarji. Din ir-riċerka kienet ikkomplementata minn riċerka kwalitattiva bbażata fuq sorsi tal-letteratura kif ukoll fuq stima ekonometrika tal-elementi determinanti tal-flussi kummerċjali bl-użu ta’ mudellar tal-gravità. Peress li s-SĠP riformata kienet ilha fis-seħħ biss għal tliet snin meta nbeda l-proċess ta’ valutazzjoni f’nofs it-terminu, l-għadd ta’ indikaturi tal-impatt soċjali, ambjentali u dak tad-drittijiet tal-bniedem li disponibbli u aġġornat huwa wieħed limitat. Sabiex jingħeleb dan in-nuqqas, saru studji ta’ każijiet f’għadd ta’ pajjiżi benefiċjarji. Dawn , madankollu, jistgħu jagħtu biss indikazzjonijiet u mhumiex neċessarjament rappreżentattivi. Għalhekk, il-konklużjonijiet misluta f’dan il-mument huma indikattivi.
2.Evalwazzjoni tar-Regolament SĠP
L-applikazzjoni tar-Regolament SĠP hija evalwata fid-dawl tal-għanijiet ġenerali tar-riforma tal-2012.
2.1.Kontribuzzjoni għall-qerda tal-faqar billi jiżdiedu l-esportazzjonijiet mill-pajjiżi li l-iżjed huma fil-bżonn
L-effikaċja tas-SĠP ġiet imsaħħa permezz ta’ fokus akbar fuq dawk il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn, li kien għan ewlieni tar-riforma tas-SĠP. Kif jidher fil-Grafika Nru 1, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament SĠP fl-2014 jista’ jiġi osservat tnaqqis sinifikanti fil-valur tal-importazzjonijiet taħt is-SĠP Standard, minħabba li għadd kbir ta’ pajjiżi, inkluża ċ-Ċina, pajjiż ta’ dħul medju superjuri sa mill-2010, m’għadhomx eliġibbli għas-SĠP. Jidher b’mod evidenti li hemm tnaqqis żgħir fl-importazzjonijiet tas-SĠP+. L-importazzjonijiet skont l-arranġament tal-EBA madankollu żdiedu b’mod stabbli.
Figura 1: Analiżi tal-użu ta’ preferenzi SĠP minn pajjiżi eliġibbli (2011–2016)
B’mod ġenerali, l-impatt ekonomiku pożittiv tar-riforma tas-SĠP jista’ diġà jiġi attestat u r-rilevanza għall-benefiċjarji tas-SĠP għadha b’saħħitha. B’mod partikolari, filwaqt li l-impatt kummerċjali aggregat tagħha naqas bħala riżultat tan-numru mnaqqas ta’ benefiċjarji, din għadha essenzjali għal dawk il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn ta’ appoġġ, b’mod partikolari l-LDCs u pajjiżi oħra vulnerabbli. L-esportazzjonijiet totali tagħhom lejn l-UE żdiedu b’mod sostanzjali, filwaqt li l-użu attwali tagħhom tal-preferenzi offruti mis-SĠP taw riżultati globalment pożittivi (ara l-figura 2). Madankollu, f'xi pajjiżi għad hemm sfidi biex jittieħed vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet kummerċjali, bħal kompetizzjoni qawwija minn pajjiżi oħra, ostakli mhux tariffarji, rekwiżiti tar-regoli tal-oriġini, li huma aggravati minn restrizzjonijiet oħra għall-provvista, pereżempju kapaċità limitata tal-produzzjoni u tat-trasport, nuqqas ta’ diversifikazzjoni, u b’mod ġenerali livell baxx ta’ żvilupp industrijali.
Figura 2: Ir-rata ta’ utilizzazzjoni għal kull arranġament SĠP
Filwaqt li l-livelli ta’ diversifikazzjoni tal-esportazzjoni wrew ftit tibdil u baqgħu baxxi għall-pajjiżi EBA, dan huwa dovut l-aktar minħabba l-limitazzjonijiet għall-provvista u l-ambjent favorevoli f’pajjiżi benefiċjarji u mhux għas-SĠP.
Bħala konklużjoni, is-SĠP irriformat naqqas l-għadd ta’ benefiċjarji tas-SĠP standard, żied l-użu tal-preferenzi u kkontribwixxa għall-qerda tal-faqar billi espanda l-esportazzjonijiet mill-pajjiżi l-aktar fil-bżonn.
2.2.Promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli u governanza tajba
L-iżvilupp sostenibbli ta’ pajjiż, fid-dimensjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali tiegħu, jiddependi fuq għadd kbir ta’ fatturi, inklużi l-istrateġiji tal-iżvilupp globali tal-pajjiż. Is-SĠP bħala l-istrument ta’ politika kummerċjali b’hekk taġixxi flimkien ma’ politiki esterni oħra tal-UE, bħall-politiki ta’ żvilupp tagħha. Instab li s-SĠP li hija koerenti ma’ dawk il-politiki tal-UE, iżda wkoll mal-politika estera u ta’ sigurtà tagħha, speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.
Is-SĠP kellha impatt pożittiv ġenerali fuq l-iżvilupp soċjali u d-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiżi benefiċjarji. Pereżempju:
·Is-SĠP kellha impatt notevoli fuq ir-rwol tan-nisa fis-soċjetà permezz tal-ħolqien ta’ opportunitajiet ta’ xogħol għan-nisa u parteċipazzjoni aħjar tan-nisa fil-forza tax-xogħol fl-industriji tal-esportazzjoni li jinnegozjaw mal-UE. Dan huwa l-każ b’mod partikolari tas-settur tat-tessuti u tal-ħwejjeġ, fost oħrajn, pereżempju fil-Bangladesh u fil-Pakistan.
·Is-SĠP ta spinta lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp biex jirratifikaw il-konvenzjonijiet internazzjonali, pereżempju it-Taġikistan, biex jippruvaw jagħmlu użu minn aċċess imtejjeb għas-suq tal-UE permezz tas-SĠP+. Filwaqt li r-ratifika fiha nfisha ma timplikax neċessarjament li d-drittijiet minquxa fil-konvenzjonijiet huma rispettati, din tipprovdi impetu importanti u qafas għal titjib.
·Il-monitoraġġ mill-qrib ta’ pajjiżi li jibbenefikaw minn SĠP+ żied l-influwenza tal-UE f’dawn il-pajjiżi biex tħeġġeġ l-implimentazzjoni effettiva tas-27 konvenzjoni internazzjonali relatati mad-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, mal-ħarsien tal-ambjent u mal-governanza tajba. Dan ippermetta djalogu kostruttiv, li jippermetti lill-UE biex tinvolvi ruħha mal-pajjiżi benefiċjarji fl-oqsma kollha fejn l-implimentazzjoni ma tkunx waħda sodisfaċenti. B’mod ġenerali s-SĠP+ ta kontribut għall-iżvilupp sostenibbli u l-governanza tajba. Ir-rapporti biennali tas-SĠP mill-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna juru li l-pajjiżi benefiċjarji kollha tas-SĠP+ qed jagħmlu progress fl-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti, anki jekk għad hemm sfidi u kwistjonijiet problematiċi fil-pajjiżi kollha.
·F’konformità mal-impenn tagħha fil-Komunikazzjoni ta’ Kummerċ għal Kulħadd, il-Kummissjoni, flimkien mar-Rappreżentant Għoli, żiedet ukoll l-involviment tagħha ma’ ċerti pajjiżi benefiċjarji tal-EBA biex tikkontribwixxi għall-isforzi tal-UE biex jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet fundamentali umani u d-drittijiet tal-ħaddiema.
L-impatt tas-SĠP fuq l-ambjent huwa aktar diffiċli biex jiġi vvalutat għal għadd ta’ raġunijiet, pereżempju, in-nuqqas ta’ data u indikaturi rilevanti u aġġornati, u l-iżolament tal-effett tas-SĠP minn fatturi oħra li jolqtu l-ambjent. Jista’ jkun mistenni li jkun pożittiv biss jekk il-pajjiżi benefiċjarji jkollhom politiki stabbiliti li effettivament jidderieġu r-riżorsi tagħhom għall-politiki ambjentali u miżuri ta’ mitigazzjoni li jillimitaw kull effett potenzjalment detrimentali ta’ żieda fl-attività ekonomika fuq l-ambjent.
Is-SĠP Standard u l-EBA huma bbażati fuq ir-rispett tal-prinċipji tad-drittijiet fundamentali tal-bniedem u tad-drittijiet tal-ħaddiema. Il-benefiċjarji SĠP+ iridu barra minn hekk jimplimentaw b’mod effettiv il-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti kollha tas-SĠP+. L-UE se tkompli tinvolvi ruħha ma’ pajjiżi benefiċjarji u tuża l-influwenza tagħha. L-UE tibqa’ disposta li tniedi l-proċedura li tirtira temporanjament il-preferenzi fil-konfront tal-prodotti kollha jew ċerti prodotti, fil-każ li l-involviment tagħha ma’ benefiċjarji tas-SĠP jonqos milli jwassal għar-riżultati, u jekk il-kundizzjonijiet legali tar-Regolament SĠP jiġu ssodisfati.
Bħala konklużjoni, is-SĠP riformata kkontribwiet għall-promozzjoni ta’ żvilupp sostenibbli u governanza tajba, b’mod partikolari permezz ta’ monitoraġġ imsaħħaħ mill-UE tal-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti għal SĠP+.
2.3.Jiġu żgurati salvagwardji aħjar għall-interess finanzjarju u ekonomiku tal-UE
L-għoti ta’ preferenzi kummerċjali unilaterali lil pajjiżi oħra jista’ jipprovdi benefiċċji għall-industrija tal-UE, eż. dawk li jiddependu fuq inputs importati għall-kompetittività tagħhom, u l-konsumaturi permezz ta’ oġġetti irħas u aktar varjetà ta’ oġġetti. Madankollu, tista’ żżid ukoll il-pressjoni kompetittiva fuq l-industrija tal-UE li tikkompeti ma’ oġġetti importati skont is-SĠP. Filwaqt li t-tnaqqis fin-numru ta’ benefiċjarji ġeneralment kellu jnaqqas l-pressjoni kompetittiva fuq l-industrija tal-UE, dan jista’ ma jkunx il-każ f’setturi industrijali speċifiċi (eż. tessuti, ħwejjeġ u tajers). Huwa għalhekk li l-iżgurar ta’ salvagwardji mtejbin għall-interessi ekonomiċi u finanzjarji tal-UE kien fost l-objettivi tal-Kummissjoni.
Ir-Regolament SĠP għandu mekkaniżmi biex jipproteġi l-industrija tal-UE f’każijiet ġustifikati. Id-dispożizzjonijiet ġenerali ta’ salvagwardja ġew riformati fl-2012 biex jipproteġu aħjar l-interessi ekonomiċi tal-UE. L-investigazzjoni ta’ salvagwardja mnedija dan l-aħħar dwar importazzjonijiet ta’ ross mill-Kambodja u mill-Myanmar/Burma se tkun l-ewwel test ta’ dispożizzjonijiet ta’ salvagwardja ġodda. Barra minn hekk, il-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib il-kundizzjonijiet għall-bidu possibbli tas-salvagwardji awtomatiċi previsti fl-Artikolu 29 tar-Regolament SĠP. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tiżgura li l-pajjiżi li m’għadx għandhom bżonn il-preferenzi unilaterali (minħabba l-istatus tad-dħul ogħla tagħhom jew il-konklużjoni ta’ arranġament kummerċjali mal-UE) se jitneħħew mill-iskema. Fl-aħħar nett, il-preferenzi tariffarji skont is-SĠP se jitneħħew ukoll għal taqsimiet speċifiċi tal-prodotti ta’ pajjiż meta dawn isiru kompetittivi biżżejjed.
Bħala konklużjoni, is-SĠP riformata tejbet id-dispożizzjonijiet biex jiġu protetti l-interessi finanzjarji u ekonomiċi tal-UE. Prodotti kompetittivi wisq jitneħħew regolarment mill-iskema u hemm investigazzjoni ta’ salvagwardja għaddejja rigward l-importazzjonijiet tar-ross.
3.Konklużjonijiet
L-evalwazzjoni f’nofs it-terminu ffokat l-aktar fuq valutazzjoni tar-riżultati tar-riforma ewlenija li saret fl-2012 kif inkorporata fir-Regolament SĠP attwali. L-evalwazzjoni wriet li s-SĠP attwali tal-UE tinsab fit-triq it-tajba fil-kisba tal-għanijiet tagħha. Fi ħdan il-limiti stabbiliti minn Klawsola ta’ Abilitazzjoni tad-WTO, din iġġib magħha benefiċċji ekonomiċi ċari għal pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp, b’mod li tkun rilevanti għall-ħtiġijiet ta’ żvilupp tal-pajjiżi benefiċjarji. Barra minn hekk, ir-riforma tal-2012 irnexxielha tiffoka l-preferenzi fuq il-pajjiżi l-aktar fil-bżonn u kkontribwiet għall-iżvilupp sostenibbli tagħhom. Fl-aħħar nett, l-effiċjenza tal-iskema baqgħet stabbli matul il-perjodu ta’ implimentazzjoni tar-regolament attwali.
Għalhekk, f’dan l-istadju, ma hemm l-ebda ħtieġa li jiġi emendat ir-Regolament SĠP qabel l-iskadenza tiegħu fil-31 ta’ Diċembru 2023.
F’konformità mar-rakkomandazzjonijiet tal-Istudju, l-implimentazzjoni tar-Regolament SĠP tista’ madankollu tittejjeb f’żewġ aspetti importanti:
1. It-titjib tat-trasparenza fil-monitoraġġ tas-SĠP+ u l-involviment aħjar tas-soċjetà ċivili, kemm fl-UE kif ukoll fil-pajjiżi benefiċjarji: F’konformità mal-impenji tagħha fil-Komunikazzjoni ta’ Kummerċ għal Kulħadd, il-Kummissjoni hija impenjata favur it-trasparenza. F’dan ir-rigward, għadd ta’ miżuri huma diġà fis-seħħ biex tiġi żgurata t-trasparenza u l-inklużività tal-proċess ta’ monitoraġġ SĠP+. Isiru konsultazzjonijiet regolari u wesgħin mal-partijiet interessati sabiex jippermettu lill-atturi tas-soċjetà ċivili lokali, inkluża s-soċjetà ċivili, biex jinvolvu ruħhom f’dan il-proċess. Barra minn hekk, ir-rapporti biennali dwar l-implimentazzjoni tas-SĠP huma sors ewlieni ta’ informazzjoni u jsiru pubbliċi minnufih wara t-trażmissjoni tagħhom lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Jenħtieġ li jiġi nnotat ukoll li r-rapporti pubbliċi tan-NU u l-ILO huma s-sors ewlieni ta’ informazzjoni għal monitoraġġ tas-SĠP+. Il-Kummissjoni se tesplora modi prattiċi ta’ titjib fit-trasparenza tal-monitoraġġ tas-SĠP+ u ta’ tkabbir tal-involviment tas-soċjetà ċivili.
2. Il-promozzjoni ta’ għarfien akbar tas-SĠP fil-pajjiżi benefiċjarji: Is-suċċess tas-SĠP jiddependi ħafna fuq l-użu tal-iskema minn esportaturi fil-pajjiżi benefiċjarji u l-livell tal-għarfien tagħhom tar-regoli tal-SPĠ. F’dan ir-rigward, diġà hemm azzjonijiet u programmi ffinanzjati jew imwettqa mill-UE li għandhom dan l-għan. Minkejja l-fatt li l-promozzjoni tal-iskema taqa’ primarjament taħt ir-responsabbiltà tal-pajjiżi benefiċjarji, l-UE tista’ tagħmel aktar biex tqajjem kuxjenza mhux biss għan-negozji, iżda wkoll għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li għandhom rwol importanti x’jaqdu fl-implimentazzjoni tal-konvenzjonijiet internazzjonali.
Lil hinn mill-passi msemmija hawn fuq marbuta mal-implimentazzjoni tas-SĠP, l-istudju jipprovdi ħarsa lejn it-tħaddim tal-iskema, u jagħmel osservazzjonijiet dwar l-aspetti li għandhom jiġu kkunsidrati fi skema suċċessiva.
Din l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tikkostitwixxi input importanti għar-riflessjoni dwar ir-Regolament SĠP li jmiss. Il-Kummissjoni qiegħda tistenna b’ħerqa d-diskussjonijiet mal-Parlament Ewropew, mal-Kunsill u mas-soċjetà ċivili f’dan ir-rigward.