Brussell, 3.8.2018

COM(2018) 569 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-eżerċizzju tas-setgħa konferita lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati skont ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 dwar il-gassijiet fluworurati u li tħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006


1. INTRODUZZJONI

Ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 842/2006 1 (ir-Regolament dwar il-gassijiet F) jistabbilixxi regoli għall-protezzjoni tal-ambjent bit-tnaqqis tal-emissjonijiet ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra.

Għal dan il-għan, b’mod partikolari, ir-Regolament jistabbilixxi regoli fir-rigward ta’:

-it-trażżin, l-użu, l-irkupru u l-qerda ta’ gassijiet fluworurati b’effett ta’ serra;

-il-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq ta’ prodotti speċifiċi u ta’ tagħmir li fih il-gassijiet fluworurati jew li l-funzjoni tiegħu tiddependi fuqhom;

-il-kundizzjonijiet għall-użu ta’ gassijiet fluworurati; kif ukoll

-il-limiti kwantitattivi għat-tqegħid fis-suq tal-idrofluworokarburi.

L-Artikoli 12(15) u 21(1) tar-Regolament dwar il-gassijiet F jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta atti delegati.

Fl-Artikolu 12(15) l-għoti tas-setgħa jikkonċerna “[li jiġu emendati] ir-rekwiżiti tat-tikkettar stabbiliti fil-paragrafi 4 sa 12 fejn adatt fid-dawl ta’ żvilupp kummerċjali jew teknoloġiku.” 

Fl-Artikolu 21(1) l-għoti tas-setgħa jikkonċerna “l-aġġornament tal-Annessi I, II u IV abbażi ta’ Rapporti ġodda ta’ Valutazzjoni adottati mill-Grupp Intergovernattiv ta’ Esperti dwar it-Tibdil fil-Klima jew rapporti ġodda tal-Panel ta’ Valutazzjoni Xjentifika (SAP) tal-Protokoll ta’ Montreal dwar il-potenzjal ta’ tisħin globali tas-sustanzi elenkati. L-Anness I jelenka l-idrofluworokarburi koperti bir-Regolament, l-Anness II jelenka gassijiet flouworurati li huma suġġetti għar-rapportaġġ skont l-Artikolu 19 tar-Regolament u l-Anness IV jistabbilixxi l-metodu għall-kalkolu tal-potenzjal tat-tisħin globali ta’ taħlita (likwidu kompost minn żewġ sustanzi jew aktar, li mill-inqas waħda minnhom hija elenkata fl-Anness I jew fl-Anness II). 

2. BAŻI LEGALI

Dan ir-rapport huwa meħtieġ skont l-Artikolu 22(2) tar-Regolament dwar il-gassijiet F. Skont dan l-Artikolu, il-Kummissjoni għandha s-setgħa li tadotta atti delegati għal perjodu ta’ ħames snin mill-10 ta’ Ġunju 2014. Il-Kummissjoni trid tfassal ukoll rapport dwar id-delega tas-setgħa mhux iktar tard minn disa’ xhur qabel tmiem il-perjodu ta’ ħames snin. L-Artikolu 22(2) jistipula wkoll li d-delega tas-setgħa li tadotta atti delegati “għandha tiġi estiża awtomatikament għal perjodi oħra ta’ ħames snin, sakemm il-Parlament Ewropew jew il-Kunsill ma jopponux tali estensjoni mhux aktar tard minn tliet xhur qabel it-tmiem ta’ kull tali perjodu.”

3. EŻERĊIZZJU TAD-DELEGA

Minn mindu daħal fis-seħħ ir-Regolament (UE) Nru 517/2014 dwar gassijiet fluworurati u l-perjodu kopert minn dan ir-rapport, il-Kummissjoni ma għamlitx użu mis-setgħa li tadotta atti delegati msemmija fl-Artikoli 12(15) u 21(1). Madankollu, ir-raġunijiet li wasslu lill-koleġiżlaturi jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta l-atti delegati jibqgħu validi.

Fir-rigward tal-għoti tas-setgħa fl-Artikolu 12(15) dwar it-tikkettar, il-ħtieġa biex possibbilment jiġu aġġornati dawn ir-rekwiżiti fid-dawl tal-iżvilupp kummerċjali jew teknoloġiku għadha tapplika. Il-ħin eżatt ta’ kwalunkwe tali żviluppi u l-impatt fuq it-tikkettar mhumiex prevedibbli jew limitati biż-żmien. Bl-istess mod, l-għoti tas-setgħa fl-Artikolu 21(1) dwar l-aġġornamenti tal-Annessi I, II u IV jiddependi fuq l-iżviluppi fil-livell tan-NU, li la huma prevedibbli u lanqas limitati biż-żmien.

4. KONKLUŻJONI

Minkejja l-fatt li s’issa għadha ma adottat ebda att delegat, minħabba li l-iżviluppi meħtieġa għall-użu tas-setgħa li tadotta atti delegati konferita lilha għadhom ma mmaterjalizzawx, il-Kummissjoni temmen li fil-futur ikun probabbli li tkun tista’ tagħmel dan.

Għalhekk id-delega tas-setgħat imsemmija kemm fl-Artikolu 12(15) kif ukoll fl-Artikolu 21(1) għandha tiġi estiża b’mod taċitu għal perjodu ulterjuri ta’ ħames snin kif previst mill-Artikolu 22(2) tar-Regolament.

(1)

ĠU L 150, 20.5.2014, p. 195-230.