Brussell, 3.7.2018

COM(2018) 513 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

DWAR IL-FOND TA' GARANZIJA GĦAL AZZJONI ESTERNA U L-ĠESTJONI TAGĦHA FL-2017

{SWD(2018) 369 final}


Werrej

1.Introduzzjoni

2.Il-pożizzjoni Finanzjarja u Tranżazzjonijiet Sinifikanti tal-Fond ta’ Garanzija

2.1.Il-Qagħda Finanzjarja tal-Fond ta’ Garanzija fil-31 ta' Diċembru 2017

2.2.Tranżazzjonijiet sinifikanti tal-Fond fl-2017

2.2.1Talbiet għall-Fond ta’ Garanzija 2017

2.2.2Proviżjonament tal-Fond ta’ Garanzija 2017

2.3.Tranżazzjonijiet sinifikanti wara d-data tar-rapportar (sa tmiem Frar 2018)

3.Rapporti finanzjarji prekonsolidati tal-Fond

3.1.Pożizzjoni Finanzjarja prekonsolidata fil-31 ta’ Diċembru 2017

3.2.Rapport tal-Introjtu Prekonsolidat

4.Ġestjoni tal-Flus tal-Fond ta’ Garanzija

4.1.Politika ta' Investiment

4.2. Il-prestazzjoni u l-iżviluppi tas-suq

5.Talbiet għall-Fond ta’ Garanzija

6.Rimunerazzjoni tal-BEI



1.Introduzzjoni

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 480/2009 tal-25 ta' Mejju 2009 (verżjoni kodifikata) ("ir-Regolament") 1 stabbilixxa Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni ("il-Fond") biex jitħallsu lura l-kredituri tal-Unjoni fil-każ ta’ inadempjenza mill-benefiċjarji ta’ self maħruġ jew garantit mill-Unjoni Ewropea. Skont l-Artikolu 7 tar-Regolament, il-Kummissjoni fdat il-ġestjoni finanzjarja tal-Fond lill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) skont ftehim iffirmat bejn il-Komunità u l-BEI datat il-25 ta' Novembru 1994 u sussegwentement emendat fit-23 ta' Settembru 1996, fit-8 ta' Mejju 2002, fil-25 ta' Frar 2008 u fid-9 ta' Novembru 2010 ("il-Ftehim").

L-Artikolu 8 tar-Regolament jitlob lill-Kummissjoni tibgħat rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri dwar is-sitwazzjoni tal-Fond u l-ġestjoni tiegħu għal kull sena finanzjarja sa mhux aktar tard mill-31 ta' Mejju tas-sena ta' wara.

Dan ir-rapport flimkien mad-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD) jipprovdi din l-informazzjoni. Huwa bbażat fuq data li waslet mill-BEI, b'konformità mal-ftehim.

2.Il-pożizzjoni Finanzjarja u Tranżazzjonijiet Sinifikanti tal-Fond ta’ Garanzija 

2.1.Il-Qagħda Finanzjarja tal-Fond ta’ Garanzija fil-31 ta' Diċembru 2017

Il-Fond ta’ Garanzija laħaq total ta’ EUR 2 560 761 844,63 fil-31 ta’ Diċembru 2017 (EUR 2 506 053 053,14 fil-31 ta’ Diċembru 2016) (ara l-Anness tal-SWD: Rapporti finanzjarji tal-Fond ta' Garanzija kif ipprovduti mill-BEI).

Il-valur totali skont il-karta tal-bilanċ tal-Fond żdied b’madwar EUR 54,7 miljun fl-2017. Dan huwa spjegat l-aktar b’dawn li ġejjin:

Żidiet:

·Il-kontribuzzjoni mill-baġit tal-UE (ammont ta’ proviżjonament) ta’ EUR 137,8 miljun biex jiġi aġġustat il-Fond għall-ammont fil-mira ta’ 9% tal-obbligazzjonijiet pendenti totali;

·Ir-riżultat ekonomiku tal-operazzjonijiet finanzjarji ammonta għal EUR 16,0 miljun;

Tnaqqis:

·L-Interventi tal-Fond biex ikopri l-inadempjenzi fil-pagament għal ammont totali ta’ EUR 86,4 miljun.

·Il-valutazzjoni tal-portafoll naqset bi EUR 12,8 miljun minħabba l-aġġustament tal-valur tiegħu skont il-valur fis-suq.

2.2.Tranżazzjonijiet sinifikanti tal-Fond fl-2017

2.2.1Talbiet għall-Fond ta’ Garanzija 2017

Is-Sirja

Fl-2017, il-BEI baqa' jaffaċċa arretrati fuq self sovran Sirjan. Minħabba f'hekk, u f’konformità mal-Ftehim ta' Garanzija bejn l-UE u l-BEI, il-BEI għamel 13-il sejħa addizzjonali fuq il-Fond ta’ Garanzija tal-UE sal-31 ta' Diċembru 2017 għal ammont totali ta’ EUR 56,3 miljun (ara l-punt 5).

L-Ajruport ta' Enfidha (it-Tuneżija)

Fl-2017, il-Kummissjoni ħallset EUR 28,7 miljun lill-BEI għal 3 sejħiet fuq self inadempjenti lill-Ajruport ta' Enfidha (it-Tuneżija) (ara l-punt 5).

2.2.2Proviżjonament tal-Fond ta’ Garanzija 2017

Fi Frar 2017 ammont ta' EUR 240,5 miljun ġie trasferit mill-baġit lill-Fond li jikkorrispondi għall-ammont ta’ proviżjonament għall-2017.

Il-kontribuzzjoni mill-baġit tal-UE lill-Fond trasferita fl-2018 kienet ikkalkulata skont l-Artikolu 3 u l-Artikolu 5 tar-Regolament:

L-Artikolu 3 tar-Regolament jistabbilixxi l-ammont fil-mira għall-Fond ta’ 9% tat-total tal-obbligazzjonijiet tal-kapital pendenti li jirriżultaw minn kull operazzjoni, flimkien ma' kull imgħax dovut mhux imħallas.

Skont l-Artikolu 5 tar-Regolament, l-ammont li jrid jiġi trasferit mill-baġit għall-Fond fis-sena n + 1 huwa kkalkulat fuq il-bażi tad-differenza bejn l-ammont fil-mira u l-valur tal-assi netti tal-Fond fi tmiem is-sena n - 1, ikkalkulat fil-bidu tas-sena n.

Biex il-Fond jiġi aġġustat għal 9% tat-total tal-obbligazzjonijiet tal-kapital pendenti, ammont ta’ EUR 137,8 miljun kien ikkalkulat fuq il-bażi tal-operazzjonijiet garantiti pendenti fil-31 ta’ Diċembru 2016 u mdaħħla fil-baġit tal-UE tal-2018 għall-proviżjonament tal-Fond. L-ammont kien approvat mill-Kunsill u mill-Parlament Ewropew u rikonoxxut bħala assi (riċevibbli) tal-Fond fil-karta tal-bilanċ tal-31 ta’ Diċembru 2017.

2.3.Tranżazzjonijiet sinifikanti wara d-data tar-rapportar (sa tmiem Frar 2018)

Fi Frar 2018, l-ammont ta’ proviżjonament imsemmi hawn fuq, ta’ EUR 137,8 miljun, ġie trasferit mill-baġit tal-UE għall-Fond.

Fil-15 ta' Jannar 2018, EUR 0,14 miljun irkuprati mill-Ajruport ta' Enfidha ġew ikkreditati lill-Fond ta’ Garanzija. Dan l-ammont kien rikonoxxut bħala assi (riċevibbli) fil-karta tal-bilanċ tal-31 ta' Diċembru 2017.

Fi Frar u f'Marzu 2018, tħallsu b'kollox EUR 10,6 miljun f'żewġ sejħiet għal pagamenti inadempjenti tas-Sirja (EUR 3,2 miljun u EUR 7,4 miljun inklużi penali applikati mill-BEI).

3.Rapporti finanzjarji prekonsolidati tal-Fond

Ir-rapporti finanzjarji prekonsolidati tal-Fond jitħejjew biex jinkludu l-operazzjonijiet tal-kontijiet li ma jkunux inklużi fir-rapporti finanzjarji tal-Fond imħejjija mill-BEI (ara l-SWD). Dawn huma parti mir-rapporti finanzjarji konsolidati tal-UE.

3.1.Pożizzjoni Finanzjarja prekonsolidata fil-31 ta’ Diċembru 2017

Karta tal-bilanċ — Assi

il-31 ta' Diċembru 2017

il-31 ta' Diċembru 2016

ASSI MHUX KURRENTI

2 077 970 486

1 945 964 058

Assi finanzjarji

2 077 970 486

1 945 964 058

ASSI KURRENTI

344 990 638

324 202 070

Assi finanzjarji

120 771 792

122 687 046

Riċevibbli

136 093

4 653 326

Flus u ekwivalenti ta' flus

224 082 753

196 861 698

ASSI TOTALI

2 422 961 124

2 270 166 128

Karta tal-bilanċ - Obbligazzjonijiet

il-31 ta' Diċembru 2017

il-31 ta' Diċembru 2016

RIŻORSI TAL-KONTRIBUTURI

2 160 971 521

1 958 000 325

Il-kontribuzzjoni tal-Kummissjoni Ewropea

1 709 171 640

1 468 631 390

Riżerva ta’ valur ġust

22 700 055

35 493 647

Qligħ imfaddal

429 099 826

453 875 288

OBBLIGAZZJONIJIET MHUX KURRENTI

208 033 976

259 381 269

Dispożizzjonijiet finanzjarji

208 033 976

259 381 269

OBBLIGAZZJONIJIET KURRENTI

53 955 627

52 784 534

Dispożizzjonijiet finanzjarji

50 408 230

49 674 541

Ammonti pagabbli

3 547 397

3 109 993

RIŻORSI TOTALI TAL-KONTRIBUTURI + OBBLIGAZZJONIJIET

2 422 961 124

2 270 166 128


Id-differenza ta’ EUR 137,8 miljun bejn il-valur totali tal-karta tal-bilanċ prekonsolidata tal-Fond (EUR 2 422 961 124) u l-valur tal-Fond fir-rapporti finanzjarji mħejjija mill-BEI (EUR 2 560 761 845) tista’ tiġi spjegata l-aktar bil-punti li ġejjin:

·Ir-rapporti finanzjarji prekonsolidati jinkludu l-ammonti kollha surrogati lill-UE b'riżultat tal-pagamenti ta’ garanzija għas-sejħiet tal-BEI għal pagamenti parzjali ta’ self inadempjenti (arretrati dovuti flimkien mal-imgħax akkumulat fuq pagamenti tardivi). Madankollu, fid-dawl tas-sitwazzjoni politika tas-Sirja u fuq il-bażi tad-deċiżjoni tal-Uffiċjal tal-Kontabilità tal-KE, dawn l-ammonti ġew kompletament indeboliti fir-rapporti finanzjarji tal-2017.

·Ir-rapporti finanzjarji prekonsolidati ma jinkludux EUR 137,8 miljun ta' kontribuzzjoni mill-baġit tal-UE għall-Fond ittrasferiti fl-2018 peress li dan ir-riċevibbli huwa paċut mill-ammont pagabbli korrispondenti fil-kontijiet konsolidati tal-UE.

·Il-provvedimenti finanzjarji ta’ EUR 258,4 miljun relatati ma’ pagamenti parzjali futuri tas-self Sirjan pendenti li għad baqa' ġew rikonoxxuti fir-rapporti finanzjarji prekonsolidati fl-2017.

·L-obbligazzjonijiet kurrenti (Pagabbli) fil-karta tal-bilanċi prekonsolidata jinkludu ammont pagabbli akkumulat ta’ EUR 2,6 miljun għat-tariffi tal-irkupru tal-BEI.

·Il-pagamenti ta’ sejħiet mill-Fond ta’ Garanzija lill-BEI (u fejn applikabbli l-irkupri suċċessivi tas-sejħiet u mgħaxijiet ta' inadempjenza) huma rikonoxxuti bħala tnaqqis (żidiet) tal-Assi Netti (Kontribuzzjoni tal-UE) fir-rapporti finanzjarji mħejjija mill-BEI. Fir-rapporti finanzjarji prekonsolidati, l-ammonti mħallsa għal sejħiet tal-BEI ma jitnaqqsux mill-Assi Netti peress li jsiru ammonti surrogati. L-ammonti relatati huma jew kontabilizzati bħala dħul (imgħax ta' inadempjenza u penali akkumulati, qligħ mill-kambju barrani) jew bħala spejjeż (tat-tariffi tal-irkupru tal-BEI akkumulati, indebolimenti, telf mill-kambju barrani). Dan iwassal għal differenza permanenti bejn il-partiti tal-Assi Netti (Kontribuzzjoni tal-UE u qligħ imfaddal) rikonoxxuta fir-rapporti finanzjarji mħejjija mill-BEI u fir-rapporti finanzjarji prekonsolidati mħejjija mill-KE.

3.2.Rapport tal-Introjtu Prekonsolidat

Hekk kif isir għall-karta tal-bilanċ, ir-rapport finanzjarju prekonsolidat tal-Prestazzjoni Finanzjarja jitħejja biex ikun inkluż fir-Rapporti Finanzjarji konsolidati tal-UE.

2017

2016

Dħul minn attivitajiet operatorji

939 062

-

Spejjeż minn attivitajiet operatorji

(3 834 219)

(310 636 400)

RIŻULTAT MINN ATTIVITAJIET OPERATORJI

(2 895 157)

(310 636 400)

Introjtu finanzjarju

29 913 694

39 947 802

Kostijiet finanzjarji

(51 793 999)

(114 563 908)

RIŻULTAT FINANZJARJU

(21 880 305)

(74 616 106)

RIŻULTAT EKONOMIKU TAS-SENA

(24 775 462)

(385 252 506)

·Dħul minn attivitajiet operatorji jinkludi provvedimenti finanzjarji rivertiti li jirriżultaw minn tnaqqis fil-valur attwali tal-pagamenti parzjali futuri Sirjani pendenti.

·Spejjeż minn attivitajiet operatorji jinkludu l-iktar tariffi ta' ġestjoni tal-BEI mħallsin (EUR 0,9 miljun) u t-tariffa ta' rkupru tal-BEI ta' darba (EUR 1,5 miljun; ara l-punt 2.2), tariffi ta' rkupru tal-BEI akkumulati (EUR 0,5 miljun) u tariffi ta' kustodja u ta' awditjar (EUR 0,2 miljun)

·Id-dħul finanzjarju jinkludi l-iktar id-dħul mill-imgħax mill-portafoll tal-investiment (EUR 8,8 miljun), qligħ realizzat fuq bejgħ ta’ assi finanzjarji (EUR 9,2 miljun) u mgħax għal ħlas tardiv akkumulat fuq ammonti surrogati (EUR 11,7 miljun)

·L-ispejjeż finanzjarji jinkludu l-iktar telf minn indeboliment fuq ammonti surrogati lill-UE fl-2017 (ara l-punt 5) u spejjeż tal-imgħax fuq flus u ekwivalenti ta’ flus (EUR 1,0 miljun).

4.Ġestjoni tal-Flus tal-Fond ta’ Garanzija 

4.1.Politika ta' Investiment 

L-assi likwidi tal-Fond huma investiti skont il-prinċipji ta’ ġestjoni stipulati fl-Anness tal-Ftehim, kif emendat 2 . Għaldaqstant, 20% tal-Fond irid jiġi investit f'investimenti għal perjodu qasir (sa sena). Dawn l-investimenti jinkludu titoli b'rata varjabbli, irrispettivament mid-dati tal-maturità tagħhom, u titoli b'rati fissi b'massimu ta' sena għad-data tal-maturità, irrispettivament mill-perjodu ta' maturità inizjali tagħhom. Biex jinżamm ekwilibriju bejn l-istrumenti varji li jipprovdu l-likwidità meħtieġa, jinżamm minimu ta' EUR 100 miljun fi strumenti tas-suq tal-flus, partikolarment f'depożiti bankarji.

Sa 80% tal-Fond jista' jitqiegħed f'portafoll ta' bonds b'maturità residwa ta' mhux iktar minn 10 snin u 6 xhur mid-data tal-pagament. Id-durata medja tal-kollokamenti tal-assi kollha tal-Fond ma tistax taqbeż il-5 snin. L-investimenti f'bonds għandhom jirrispettaw kriterji speċifiċi bħal-likwidità, il-kwalità kreditizja, l-eliġibilità tal-kontropartijiet u l-limiti ta’ konċentrazzjoni. Sabiex tiġi żgurata diversifikazzjoni tar-riskju, l-ammont totali investit fil-bonds għal kull emittent ma jridx jaqbeż l-10% tal-ammont nominali totali tal-portafoll.

4.2.Il-prestazzjoni u l-iżviluppi tas-suq

Is-sena 2017 kienet karatterizzata minn żieda fir-rendimenti fis-swieq tal-introjtu fiss Ewropej, imma din kienet ikkumpensata bi tnaqqis fil-firxiet tal-kreditu għal livelli storikament baxxi.

Il-volatilità tar-rati ntlaqtet minn avvenimenti politiċi, inklużi l-elezzjonijiet Netherlandiżi, Franċiżi u Ġermaniżi, aspettattivi ta' inqas xiri tal-assi mill-banek ċentrali u t-titjib fl-ambjent ekonomiku globali. Il-kurva sovrana Ġermaniża żdiedet b'14, 33 u 22 punt bażi f'perjodi ta' maturità ta' sentejn, 5 snin u 10 snin rispettivament (il-kurva "bear steepened"). Is-sena 2017 kienet ikkaratterizzata mill-iktar volatilità tas-suq baxxa fl-istorja, imma hija sostnuta minn makrovolatilità baxxa.

Minkejja li l-inċertezza politika mistennija tibqa' għolja fl-2018 l-iktar minħabba l-elezzjonijiet Taljani, l-ekonomija globali għandha tkompli tespandi b'pass iktar mgħaġġel mill-medja. Skont il-kunsens tas-suq, iż-Żona tal-euro mistennija tikber bi 2,2% fl-2018 wara li kibret bi 2,4% fl-2017. Fl-istess ħin, l-inflazzjoni għandha tibqa' debboli, madwar 1,5%, li huwa inqas mill-mira tal-BĊE ta' 2%. Minkejja it-tnaqqis fil-qgħad, hekk kif il-kurvi Phillips qed isiru iktar ċatti, il-pressjoni fuq il-prezzijiet qed tiżdied bil-mod ħafna. Iż-żieda fil-prezz taż-żejt għall-ogħla livell f'4 snin tikkontrobilanċja dan l-effett.

Banek ċentrali globali ewlenin għadhom qed iwettqu politiki monetarji akkomodanti b'xiri ta' assi persistenti, imma n-normalizzazzjoni diġà bdiet. Il-FED mistenni jgħolli r-rati tliet darbiet fl-2018, u l-BĊE se jkompli bix-xiri ta' assi ta' EUR 30bn fix-xahar sa Settembru 2018. Il-BĊE naqqas ix-xiri mensili tiegħu minn EUR 60bn għal 30bn minn Jannar 2018, imma r-riinvestimenti tat-tifdijiet iżidu EUR 15bn fix-xahar, li jwassal biex it-tnaqqis ikun inqas sinifikanti. Il-minuti pessimisti ta' Diċembru tal-BĊE u l-kummenti sussegwenti jżidu l-probabilità li t-taffija kwantitattiva (QE) tintemm f'Settembru 2018 jew mhux aktar tard mill-aħħar tas-sena.

Fl-2018, ir-rendimenti sovrani Ewropej jistgħu jiżdiedu iktar jekk elementi fundamentali ekonomiċi qawwija u aspettattivi li l-inflazzjoni tiżdied minħabba l-prezzijiet ogħla taż-żejt ikunu kkonfermati. Il-kurvi jistgħu jsiru iktar weqfin b'mod pessimist peress li t-terminu l-qasir huwa iktar ankrat ma' indikazzjonijiet għall-ġejjieni. Il-kontinwazzjoni tax-xiri tal-assi mill-banek ċentrali għadha qed issostni firxiet tal-kreditu fl-ewwel nofs tal-2018, imma l-livelli storikament baxxi attwali jistgħu jibdew jinnormalizzaw ruħhom u jespandu meta joqrob Settembru, meta probabbilment il-BĊE jtemm il-QE.

L-evoluzzjoni tar-rati tas-Suq Monetarju tul l-2017 (sors: Bloomberg)

Il-prestazzjoni tal-portafoll tal-Fond kien immonitorizzat fuq bażi ta' valwazzjoni skont is-suq. Matul l-2017, il-portafoll kellu redditu annwali MTM ta' 0,1624%, prestazzjoni li qabżet il-parametru referenzjarju b'+6,58 bps (ara t-taqsima 2.4.2 "Prestazzjoni" tad-dokument ta' ħidma tal-persunal (SWD) għal aktar dettalji li ġraw matul is-sena).Il-parametru referenzjarju tal-Fond huwa indiċi mħallat magħmul l-aktar minn indiċijiet iBoxx (b’mod partikolari indiċijiet EUR tas-Sovrani taż-Żona tal-Euro u EUR Kollateralizzati Koperti) u Euribid għall-iskopertura ta' terminu qasir.

5.Talbiet għall-Fond ta’ Garanzija 

Is-Sirja

Fid-dawl tad-deterjorament tas-sitwazzjoni fis-Sirja, il-Kunsill tal-Affarijiet Barranin, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ħadu deċiżjonijiet fl-2011 li jipprojbixxu żborzi mill-BEI b’rabta mal-ftehimiet ta’ self eżistenti kif ukoll li jissospendu l-kuntratti ta’ assistenza teknika tal-BEI għal proġetti sovrani fis-Sirja. Il-miżuri restrittivi ġew suċċessivament minquxa fir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 36/2012 tat-18 ta’ Jannar 2012, kif emendat.

B'hekk, il-BEI ma pprova jagħmel l-ebda operazzjoni ta' finanzjament ġdida minn Mejju 2011 'il quddiem u l-iżborżi kollha li għaddejjin bħalissa u s-servizzi ta’ assistenza teknika lis-Sirja ilhom sospiżi minn Novembru 2011 sa ma jingħata avviż ieħor.

Il-BEI qed jaffaċċa arretrati fuq self sovran Sirjan li ilhom minn Novembru 2011. B’hekk, u f’konformità mal-ftehim ta' garanzija bejn l-UE u l-BEI, il-BEI għamel 51 sejħa fuq il-Fond ta’ Garanzija tal-UE sal-31 ta' Diċembru 2017 għal ammont totali ta’ EUR 365,3 miljun (inklużi l-penali applikati mill-BEI u l-ammonti rkuprati).

L-Ajruport ta' Enfidha (it-Tuneżija).

Minn Settembru 2016 sa Diċembru 2017, il-Kummissjoni ħallset EUR 33,4 miljun lill-BEI għal erba' sejħiet fuq self inadempjenti lill-Ajruport ta' Enfidha Airport (it-Tuneżija). L-aħħar ħlas sar fil-15 ta' Diċembru 2017.

6.Rimunerazzjoni tal-BEI 

Ir-rimunerazzjoni tal-BEI hija magħmula mit-tariffi ta' ġestjoni u mit-tariffi tal-irkupru. It-tariffi ta' ġestjoni jkopru l-ġestjoni tal-Fond. It-tariffi ta' rkupru jkopru l-isforzi ta' rkupru tal-BEI rigward talbiet wara inadempjenzi koperti mill-garanzija tal-UE għall-operazzjonijiet finanzjarji tal-BEI barra mill-Unjoni.

It-tieni Ftehim Supplimentari għall-Ftehim bid-data tat-8 ta' Mejju 2002 jistabbilixxi li t-tariffi ta' ġestjoni tal-Bank għandhom jiġu kkalkulati bl-applikazzjoni ta’ rati annwali digressivi għal kull segment tal-assi tal-Fond. Din ir-rimunerazzjoni hija kkalkulata fuq il-bażi tal-medja annwali tal-assi tal-Fond.

It-tariffi ta' ġestjoni tal-Bank għall-2017 ġew iffissati għal EUR 915 279 u ddaħħlu bħala spiża fir-Rapport tal-Introjtu u bħala dovuti (obbligazzjonijiet) fil-Karta tal-Bilanċ.

It-tariffi ta' rkupru pagabbli lill-BEI huma kkalkulati fuq il-bażi tal-Ftehim ta' Rkupru ffirmat bejn il-Kummissjoni u l-Bank f'Lulju 2014. Fi tmiem l-2017 l-ammont dovut akkumulat tat-tariffi ta' rkupru għas-Sirja kien ta' EUR 2 560 285. Fil-15 ta' Diċembru 2017, tħallset tariffa ta' rkupru ta' darba ta' EUR 1 467 504 bħala parti mis-sejħa finali tas-self inadempjenti lill-Ajruport ta' Enfidha (it-Tuneżija).

(1)    ĠU L 145, 10.6.2009, p. 10; ir-Regolament ikkodifika u ħassar ir-Regolament (KE Euratom) Nru 2728/94 tal-31 t'Ottubru 1994 li jistabbilixxi Fond ta' Garanzija għall-azzjonijiet esterni. Dan ġie emendat fl-14.3.2018 mir-Regolament (UE) 2018/409 tal-PE u tal-Kunsill
(2)    Kif emendat bil-Ftehim Supplimentari Nru 1 tat-23 ta’ Settembru 1996, il-Ftehim Supplimentari Nru 2 tat-8 ta’ Mejju 2002, il-Ftehim Supplimentari Nru 3 tal-25 ta’ Frar 2008 u l-Ftehim Supplimentari Nru 4 tad-9 ta’ Novembru 2010.