Brussell, 29.6.2018

COM(2018) 506 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea u dwar l-applikazzjoni tad-derogi mogħtija

{SWD(2018) 354 final}
{SWD(2018) 355 final}


1.    Introduzzjoni

Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (“ir-Regolament ESA 2010” 1 ) jinkludi żewġ dispożizzjonijiet li jistabbilixxu r-rekwiżiti tar-rappurtar:

   L-Artikolu 6(3) jispeċifika li:

Il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-Kumitat dwar is-Sistema tal-Istatistika Ewropea, għandha tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Lulju 2018 dwar l-applikazzjoni tad-derogi mogħtija sabiex ikun ivverifikat jekk dawn ikunx għadhom iġġustifikati.

   L-Artikolu 12 jispeċifika li:

“Reviżjoni [Rieżami]

Sal-1 ta’ Lulju 2018 u kull ħames snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport dwar l-applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Ir-rapport għandu jevalwa, inter alia:

il-kwalità tad-data rigward il-kontijiet nazzjonali u reġjonali;

(b) l-effikaċja ta’ dan ir-Regolament u tal-proċess ta’ sorveljanza [monitoraġġ] applikat għas-SEK [ESA] 2010; u

(c) il-progess dwar data rigward passivi [obbligazzjonijiet] kontinġenti u fuq id-disponibbiltà tad-data tas-SEK [ESA] 2010 u l-passivi kontinġenti.”

Dan ir-rapport jissodisfa ż-żewġ rekwiżiti l’huma. Dan hu akkumpanjat minn żewġ Dokumenti ta’ Ħidma tal-Persunal li jipprovdu dettall u analiżi addizzjonali.

It-Taqsima 2 tar-rapport tipprovdi aktar informazzjoni kuntestwali dwar l-għanijiet u l-użi tal-ESA 2010. It-Taqsima 3 tiddiskuti l-implimentazzjoni tar-Regolament u tkopri l-punti meħtieġa skont l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 12 imsemmija hawn fuq. It-Taqsima 4 hija l-konklużjoni.

2.    Kuntest

Is-Sistema Ewropea tal-Kontijiet Nazzjonali u Reġjonali (l-ESA 2010) hi l-qafas tal-kontabbiltà tal-UE kompatibbli b’mod internazzjonali li jagħti deskrizzjoni sistematika u dettaljata tal-ekonomija. L-ESA 2010 ġiet ippubblikata bħala r-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Mejju 2013. Din ġiet applikata għall-ewwel darba għad-data mibgħuta lill-Kummissjoni mill-1 ta’ Settembru 2014; u minn dakinhar ’il quddiem, l-Istati Membri bagħtu d-data lill-Eurostat skont ir-regoli tal-ESA 2010.

L-ESA 2010 hi differenti mill-predeċessur tagħha l-ESA 95 2 , kemm fl-ambitu u anki fil-kunċetti, u dan jixhed l-iżviluppi fil-kejl tal-ekonomiji moderni, l-avvanzi fir-riċerka metodoloġika u l-ħtiġijiet tal-utenti. L-istruttura tal-ESA 2010 hi konsistenti mal-linji gwida dinjin dwar il-kontabbiltà nazzjonali stabbiliti fis-Sistema tal-Kontijiet Nazzjonali tal-2008 (SNA 2008 3 ). Il-Eurostat ippubblika diversi manwali u gwidi prattiċi li jsostnu l-implimentazzjoni tal-ESA 2010 4 .

Il-kontijiet nazzjonali huma s-sors għal għadd ta’ indikaturi ekonomiċi ewlenin għat-tfassil tal-politika u analiżi ekonomika min-naħa tal-akkademja, l-gvernijiet u l-istituzzjonijiet internazzjonali. Il-prodott domestiku gross (PDG) hu l-aktar kejl li jintuża sikwit għad-daqs kumplessiv ta’ ekonomija, filwaqt li l-indikaturi derivati bħall-PDG per capita jintużaw bil-bosta biex iqabblu l-istandards tal-għajxien materjali jew biex jimmonitorjaw il-konverġenza jew id-diverġenza ekonomiċi fl-UE.

Minbarra dan, il-komponenti tal-PGD u l-indikaturi relatati, bħal dawk għall-output, l-importazzjonijiet u l-esportazzjonijiet, il-konsum jew l-investiment domestiċi (privati u pubbliċi), jipprovdu għarfien siewi fuq il-muturi ewlenin tal-attività ekonomika u b’hekk jipprovdu bażi għal tfassil, monitoraġġ u evalwazzjoni ta’ politiki speċifiċi tal-UE.

Id-data tal-ESA 2010 tintuża wkoll għal skopijiet amministrattivi speċifiċi bħad-determinazzjoni tal-kontribuzzjoni ta’ kull Stat Membru għar-raba’ riżorsa proprja tal-UE (abbażi tal-introjtu nazzjonali gross 5 ), il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv u l-Proċedura ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi (ara wkoll it-Taqsima 3c).

Ir-Regolament ESA 2010 jipprevedi:

a) metodoloġija dwar standards komuni, definizzjonijiet, klassifikazzjonijiet u regoli tal-kontabbiltà li jridu jintużaw biex jiġu kkompilati kontijiet u tabelli komparabbli għall-iskopijiet tal-UE (l-Anness A tar-Regolament);

b) programm (stabbilit fl-Anness B tar-Regolament) li jistipula l-limiti taż-żmien sa meta l-Istati Membri għandhom jibagħtu lill-Eurostat il-kontijiet u t-tabelli li jridu jiġu kkompilati skont il-metodoloġija definita fl-Anness A.

Il-Eurostat jippubblika fuq is-sit web tiegħu d-data trażmessa skont l-Anness B u jżid l-aggregati tal-UE u taż-żona tal-euro.

3.    Implimentazzjoni tar-Regolament

a)    Id-disponibbiltà ta’ data dwar il-kontijiet nazzjonali u reġjonali

Ir-Regolament ESA 2010 jeżiġi li l-Istati Membri għandhom jipprovdu data kif jispeċifika l-Anness B tiegħu. L-Artikolu 6 tar-Regolament ippermetta li l-Istati Membri japplikaw għal derogi temporanji mir-rekwiżiti tat-trażmissjoni tal-ESA 2010 qabel is-17 ta’ Ottubru 2013. Din it-taqsima tar-rapport tindirizza l-iżviluppi fid-disponibbiltà tad-data fl-Istati Membri u tippreżenta r-riżultati ta’ analiżi tad-derogi mogħtija.

Id-disponibbiltà tad-data skont ir-rekwiżiti tal-ESA 2010

Il-Kummissjoni (il-Eurostat) tivvaluta b’mod regolari jekk id-disponibbiltà tad-data tal-Istati Membri tkunx konformi mar-rekwiżiti tal-ESA 2010. L-analiżi sottostanti tkopri l-valutazzjoni tal-kompletezza tad-data u, sa ċertu punt, it-tempestività. Il-valutazzjonijiet saru f’Ottubru 2015, f’April 2016, fi Frar 2017 u f’Jannar 2018. Jista’ jiġi konkluż li d-disponibbiltà tad-data tjiebet b’mod ċar bejn Ottubru 2015 u Jannar 2018: filwaqt li l-2015, 64 % tat-tabelli trażmessi mill-Istati Membri ma kellhomx nuqqasijiet u 4 % kellhom problemi serji, fl-2018 il-persentaġġi korrispondenti kienu 81 % u 1 % rispettivament — ara l-Grafika 1.

Grafika 1: Id-disponibbiltà tad-data għal 22 tabella 6 tal-programm ta’ trażmissjoni tal-ESA 2010 (Ottubru 2015 – Jannar 2018), l-UE u n-Norveġja

Sottomissjoni ta’ data kompluta. Dan ifisser li l-Istat Membru jipprovdi d-data kollha. Jaf ikun hemm xi nuqqasijiet rari, ħafna drabi minuri.

Sottomissjoni ta’ data kważi kompluta. Jaf ikun hemm xi ftit nuqqasijiet jew nuqqasijiet żgħar iżda l-indikaturi importanti huma pprovduti.

Id-data ntbagħtet b’xi nuqqasijiet dwar l-indikaturi importanti jew hemm akkumulazzjoni ta’ indikaturi inqas importanti.

Id-data ntbagħtet b’nuqqasijiet sinifikanti jew ma ntbagħtitx.

Id-derogi u l-iżvilupp tagħhom maż-żmien

Wara valutazzjoni bir-reqqa skont għadd ta’ kriterji predefiniti, il-Kummissjoni adottat id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/403 li tagħti 888 deroga temporanja lil 27 Stat Membru 7 . Barra minn hekk, l-Awtorità tas-Sorveljanza tal-EFTA tat 145 deroga lin-Norveġja u lill-Iżlanda.

Peress li d-derogi mir-rekwiżiti tat-trażmissjoni jnaqqsu d-disponibbiltà tad-data u b’hekk jaffettwaw l-interessi tal-utenti, il-Eurostat jimmonitorja l-qagħda attwali tad-derogi mogħtija b’mod regolari u jivverifika li l-Istati Membri qed jirrispettaw l-iskadenzi tad-derogi. Fi tmiem l-2015, l-2016 u l-2017 sar monitoraġġ estensiv. Tul il-proċess tal-monitoraġġ, id-derogi kollha jiġu kklassifikati f’erba’ klassijiet: “closed” (magħluqa), “on track” (fid-direzzjoni t-tajba), “with difficulties” (b’diffikultajiet) u “not yet addressed” (għadha mhix indirizzata).

Bejn tmiem l-2015 u tmiem l-2017, l-għadd ta’ derogi “fid-direzzjoni t-tajba” jew “magħluqa” żdied jew baqa’ stabbli fl-Istati Membri kollha. Għat-28 Stat Membru f’daqqa, hemm tranżizzjoni ċara minn derogi li għadhom ma ġewx indirizzati (tnaqqis minn 31 % għal 13 %) lejn derogi magħluqin (żieda minn 25 % għal 54 %) — ara l-Grafika 2.

Grafika 2: Il-qagħda attwali tad-derogi (tmiem l-2015 – tmiem l-2017), total tal-UE

Verifika tad-derogi mogħtija

Kif jispeċifika t-tieni paragrafu tal-Artikolu 6(3) tar-Regolament ESA 2010, dan ir-rapport tal-Kummissjoni jivvaluta jekk il-ġustifikazzjonijiet għad-derogi li l-Istati Membri taw fl-2013 għadhomx validi. Għal dak il-għan, il-Eurostat nieda kwestjonarju li fih l-Istati Membri kellhom jindikaw li d-derogi tagħhom:

·għadhom validi (f’tali każ ikunu jistgħu jibqgħu l-istess);

·għadhom validi parzjalment (kellu jinbidel xi aspett wieħed jew aktar tad-derogi); jew

·ma għadhomx validi (id-derogi jistgħu jitneħħew għax ikunu ġew solvuti u d-data ġiet sottomessa).

Mir-riżultati analizzati tal-kwestjonarju joħroġ fid-dieher li ħafna mill-Istati Membri diġà solvew bosta mill-problemi li oriġinarjament kienu wassluhom biex japplikaw għad-derogi, u dan saħansitra qabel is-sena meta kellhom jiskadu. Minn fost it-365 deroga tal-Istati Membri kollha tal-UE li kellhom jiskadu fl-2018, fl-2019 jew fl-2020, 67 % (244 deroga) għadhom validi u jistgħu jibqgħu l-istess.

Għal 27 % tad-derogi (98 deroga – ilkoll derogi li jistgħu jingħalqu għax id-data diġà ġiet sottomessa qabel iż-żmien), il-ġustifikazzjoni ma għadhiex valida.

Għal għadd relattivament limitat ta’ derogi (23, jew 6 %), il-ġustifikazzjoni hi valida parzjalment. Dan jikkonċerna d-derogi li l-ambitu tagħhom jista’ jiġi ristrett, eżempju billi jitneħħew il-varjabbli mid-deroga, jitqassar il-perjodu kopert, titmexxa ’l quddiem l-ewwel sena tat-trażmissjoni, eċċ.

B’konformità mar-riżultati ta’ dan ir-rieżami, jixraq li tiġi emendata d-Deċiżjoni 2014/403/UE biex jitqiesu l-bidliet fil-ġustifikazzjonijiet tad-derogi eżistenti.

Azzjonijiet meħuda biex titjieb id-disponibbiltà tad-data

Il-Eurostat, b’koperazzjoni mal-kompilaturi nazzjonali tad-data, qed jaħdem bla heda biex itejjeb id-disponibbiltà tad-data għall-utenti tiegħu. Isir monitoraġġ regolari tad-disponibbiltà tad-data tul il-perjodi tal-produzzjoni tad-data, iżda jsiru wkoll monitoraġġ (annwali) strutturali u rieżami annwali regolari tal-qagħda kurrenti tad-derogi.

L-Istati Membri għamlu u għadhom jagħmlu sforzi sinifikanti biex itejbu d-disponibbiltà tad-data b’konformità mar-rekwiżiti tal-ESA 2010. Il-Kummissjoni (il-Eurostat) tappoġġa dawn l-isforzi permezz ta’ laqgħat, sessjonijiet ta’ ħidma, korsijiet, manwali u documenti ta’ gwida. Il-koperazzjoni teknika ssir permezz tal-Gruppi ta’ Ħidma dwar il-Kontijiet Nazzjonali u dwar il-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv iggwidati bil-laqgħa tad-Diretturi tal-Istatistika Makroekonomika tal-Istituti Nazzjonali tal-Istatistika.

Is-sostenn finanzjarju tal-Kummissjoni lill-Istati Membri hu għodda importanti biex tħeġġiġhom itejbu d-disponibbiltà tad-data u jitneħħew id-derogi, anki qabel jiskadu. Bejn l-2010 u l-2017, ingħataw għadd ta’ għotjiet lill-Istati Membri biex jimplimentaw l-ESA 2010 u jtejbu d-data tal-ESA 2010, fosthom għall-iżvilupp ta’ data volontarja u ta’ data koperta mid-derogi.

Fl-għadd limitat tal-każijiet fejn in-nuqqas ta’ forniment ta’ data mill-Istati Membri l-obbligi tal-ESA 2010 tippreġudika serjament lid-disponibbiltà tad-data, il-Eurostat ifakkar lill-Istati Membri konċernati dwar ir-rekwiżiti tat-trażmissjoni.

Konklużjoni

Id-disponibbiltà tad-data tjiebet ġmielu bejn Ottubru 2015 u Jannar 2018. L-Istati Membri rispettivi solvew ħafna mid-derogi li skadew sal-2017. Barra minn hekk, għadd sinifikanti ta’ Stati Membri qed jipprovdu (parti minn) id-data koperta mid-derogi, anki qabel id-data tal-ewwel trażmissjoni stabbilita fid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/403/UE. Jixraq li l-Kummissjoni temenda d-Deċiżjoni 2014/403/UE biex jitqiesu l-bidliet fil-ġustifikazzjonijiet tad-derogi eżistenti.

Biex jaqdi l-interessi tal-utenti, il-Eurostat b’koperazzjoni mal-Istati Membri se jieħu l-azzjonijiet meħtieġa kollha biex issir l-implimentazzjoni sħiħa tar-Regolament ESA 2010. Il-Eurostat se jibqa’ f’kuntatt mill-qrib mal-Istati Membri biex fis-snin li ġejjin tkompli titjieb id-disponibbiltà tad-data, u se jissokta b’ħidmitu b’rabta mal-monitoraġġ tad-derogi.

b)    Il-kwalità tad-data dwar il-kontijiet nazzjonali u reġjonali

Din it-Taqsima tippreżenta: (i) il-valutazzjoni mill-Eurostat tal-kwalità tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali mibgħuta mill-Istati Membri tal-UE, l-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera fl-2016; u (ii) informazzjoni ta’ kwalità dwar il-pubblikazzjoni mill-Eurostat stess tal-aggregati Ewropej.

Saret valutazzjoni tal-kwalità skont l-Artikolu 4 tar-Regolament ESA 2010, li jeżiġi li l-kwalità tad-data tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali mibgħuta lill-Eurostat trid issirilha valutazzjoni skont il-kriterji tal-kwalità tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika stabbilita mir-Regolament (KE) Nru 223/2009 dwar l-istatistika Ewropea 8 . Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni Nru 2016/2304 9 jistabbilixxi l-modalitajiet, l-istruttura, il-perjodiċità u l-indikaturi tal-proċess ta’ valutazzjoni.

B’mod ġenerali, id-data mibgħuta fl-2016 kienet skont l-istandards tal-kwalità tas-Sistema Ewropea tal-Istatistika u r-Regolament ESA 2010. L-Istati Membri setgħu jikkonformaw mar-rekwiżiti tad-data u l-metodoloġija l-ġodda, filwaqt li l-proċess ta’ adattament tas-sistemi nazzjonali tal-kompilazzjoni tad-data se jibqa’ għaddej sal-2020. Ir-riżultati kumplessivi għall-kriterji differenti tal-kwalità qed jingħataw hawn taħt.

Ir-rilevanza

Ir-rata tal-kompletezza kienet għolja ħafna għat-tabelli trimestrali u annwali u ta’ benefiċċju dirett għall-utenti. Ir-rata medja tal-kompletezza għall-aggregati ewlenin tal-kontijiet nazzjonali, l-istatistika tal-finanzi tal-gvern, il-kontijiet settorjali nonfinanzjarji u l-kontijiet finanzjarji kienet bejn 95 % u 100 %. Għat-tabelli tal-provvista, l-użu u l-input-output u l-kontijiet reġjonali, il-kompletezza medja kienet bejn 88 % u 97 %. Volontarjament, kull Stat Membru bagħat xi data addizzjonali li ma kinitx mitluba.

L-akkuratezza

Ħafna mill-Istati Membri tal-UE, l-Iżlanda u n-Norveġja jippubblikaw informazzjoni online dwar il-politiki nazzjonali tagħhom ta’ reviżjoni. Għalkemm għal dan ir-rapport ma saritx analiżi dettaljata tar-reviżjoni tad-data mibgħuta mill-Istati Membri, l-analiżi tar-rati ta’ reviżjoni tal-aggregati Ewropej ewlenin turi li l-Istati Membri jipprovdu data ta’ kwalità tajba, b’hekk il-Eurostat jista’ jippubblika stimi kmieni u affidabbli dwar il-PDG u l-impjiegi, kemm għall-aggregati tal-UE u anki taż-żona tal-euro.

It-tempestività u l-puntwalità

Fl-2016, permezz tad-data li bagħtu l-Istati Membri tal-UE, il-pubblikazzjoni tal-istimi rapidi preliminari tal-PDG tal-UE u taż-żona tal-euro tressqet ’il quddiem bi 15-il ġurnata u l-kontijiet settorjali trimestrali taż-żona tal-euro bi 18-il ġurnata. Dan hu titjib qawwi fit-tempestività tal-pubblikazzjoni tal-aggregati Ewropej. Kumplessivament, il-puntwalità tat-trażmissjoni tal-kontijiet nazzjonali trimestrali kienet relattivament għolja. Min-naħa l-oħra, il-puntwalità tat-trażmissjoni tad-data annwali kienet pjuttost baxxa: din jeħtieġ titjib.

L-aċċessibbiltà u ċ-ċarezza

L-Istati Membri kollha tal-UE kif ukoll l-Istati Membri tal-EFTA jippubblikaw dokumentazzjoni online dwar il-metodoloġija u l-metodi tal-kompilazzjoni tal-kontijiet nazzjonali. Iżda l-kontenut tal-informazzjoni disponibbli jvarja ferm fost l-Istati Membri u fejn xieraq jista’ jitjieb. Madwar nofs l-Istati Membri tal-UE għandhom sett komprensiv ta’ dokumentazzjoni aċċessibbli online.

Il-koerenza

Għal dan ir-rapport saret analiżi limitata tal-koerenza. Il-koerenza interna kumplessiva fi ħdan u bejn xi tabelli tal-kontijiet nazzjonali speċifiċi kienet għolja ħafna għal kważi kull Stat Membru. Xi diskrepanzi żgħar innutati għal ftit Stati Membri kienu kkawżati l-aktar mill-prattiċi ta’ arrotondament.

c)    L-effikaċja tar-Regolament u tal-proċess tal-monitoraġġ

L-effikaċja tar-Regolament

Ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 għandu l-għan li jistabbilixxi l-ESA 2010 u jiżgura data komparabbli, aġġornata u affidabbli għall-politika tal-UE u għal skopijiet oħra. L-Artikolu 5(1) jipprovdi li “[l-ESA] 2010 għandha tiġi applikata għall-ewwel darba għad-data stabbilita b’konformità mal-Anness B li trid tiġi trażmessa mill-1 ta’ Settembru 2014”. Wara dawn l-ewwel trażmissjonijiet mill-Istati Membri kollha, il-Eurostat ippubblika l-ewwel riżultati tal-ESA 2010 għall-PDG u l-aggregati ewlenin tiegħu fis-17 ta’ Ottubru 2014, li jinkludu analiżi tal-impatt tal-bidliet metodoloġiċi u tat-titjib statistiku fuq il-livell tal-PDG.

L-aktar bidliet metodoloġiċi sinifikanti introdotti bl-ESA 2010 huma r-reġistrazzjoni tan-nefqa għar-riċerka u l-iżvilupp bħala formazzjoni grossa tal-kapital fiss minflok bħala konsum intermedju, kif kien il-każ bl-ESA preċedenti. Din il-bidla tirrikonoxxi l-importanza dejjem akbar tal-proprjetà intellettwali fl-ekonomiji tal-Istati Membri u tagħmel l-ESA aktar utli għall-utenti. Din il-bidla metodoloġika żżid il-livell tal-PDG fiż-żona tal-euro u fl-EU-28 kull sena, pereżempju b’1,9 % fl-2010.

Filwaqt li tqis f’aktar dettall l-analiżi tad-disponibbiltà u l-kwalità tad-data li hemm fit-Taqsimiet 3a u 3b ta’ dan ir-rapport, il-Kummissjoni jidhrilha li r-Regolament kien effikaċi biex jistabbilixxi l-ESA 2010 u hu effikaċi biex jiżgura l-forniment ta’ data komparabbli, aġġornata u affidabbli mill-Istati Membri.

L-effikaċja tal-proċess tal-monitoraġġ applikat għall-ESA 2010

L-implimentazzjoni tal-ESA 2010 fl-Istati Membri qed tiġi monitorjata b’diversi modi.

Il-kompletezza u l-kwalità tad-data trażmessa mill-Istati Membri huma monitorjati kontinwament, b’enfasi partikolari fuq is-segwitu tad-derogi. Dan il-proċess hu deskritt fit-Taqsimiet 3a u 3b ta’ hawn fuq.

Id-data rrappurtata dwar l-introjtu nazzjonali gross (ING) tiġi monitorjata bi proċess apposta fil-kuntest tar-riżorsi proprji, irregolat mir-Regolament (KE, Euratom) Nru 1287/2003 (“ir-Regolament ING”). 10 . Hemm mekkaniżmu ta’ tranżizzjoni fis-seħħ li permezz tiegħu l-istimi tal-ING ibbażati fuq l‑ESA 2010 jinqalbu f’ċifri tal-ESA 95 għas-snin mill-2010 sal-2013 b’metodu miftiehem. Mis-sena tar-rappurtar 2014 ’il quddiem, ir-riżorsa proprja tal-ING hi bbażata fuq id-data tal-ESA 2010.

Skont ir-Regolament ING, il-Kummissjoni (il-Eurostat) tivverifika s-sorsi u l-metodi użati mill-Istati Membri biex jikkalkulaw l-ING. Dan tagħmlu permezz tal-mekkaniżmi ta’ verifika annwali u multiannwali.

Il-proċess ta’ verifika annwali hu bbażat fuq id-data mibgħuta fil-Kwestjonarju tal-ING u r-Rapport ta’ Kwalità mehmuż miegħu mibgħuta kull sena qabel it-22 ta’ Settembru. Dan il-proċess iwassal biex tinħareġ opinjoni mill-Kumitat tal-ING dwar l-adegwatezza tad-data tal-ING għall-finijiet tar-riżorsi proprji.

Il-proċess ta’ verifika pluriennali hu bbażat fuq ħafna elementi, iżda qabelxejn fuq “l-Inventarju tal-ING tas-sorsi u l-metodi” ikkompilat minn kull Stat Membru u diskuss waqt iż-żjarat tal-Eurostat f’kull Stat Membru. Fl-aħħar nett, meta l-Kummissjoni jkun jidhrilha li jenħtieġ isiru xi bidliet fil-metodoloġija sottostanti taċ-ċifri tal-ING, din tista’ tagħmel xi riżervi. Permezz t’hekk, iċ-ċifri jitjiebu fejn meħtieġ.

Id-data dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern hi monitorjata fil-kuntest tal-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv (EDP). Dan jinvolvi wkoll il-validazzjoni tal-istatistika tal-finanzi tal-gvern (GFS) sottostanti fir-rigward tal-EDP. Il-bażi ġuridika għall-monitoraġġ tad-data tal-gvern hi r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 11 . Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 220/2014 12 jistipula li l-ESA 2010 trid tintuża għall-finijiet tal-EDP u tal-GFS mill-1 ta’ Settembru 2014.

Il-bażi ġuridika tal-EDP tipprovdi għal rappurtar fid-dettall u regolari lill-Kunsill 13 u lill-Parlament Ewropew, inkluż dwar l-aspetti tal-GFS. Minbarra dan, il-Eurostat jirrapporta regolarment dwar il-konsistenza tad-data tal-GFS sottostanti mal-EDP kif ukoll dwar aspetti ta’ komparabbiltà, akkuratezza, disponibbiltà/tempestività u disseminazzjoni (kif ukoll firxa ta’ indikaturi addizzjonali tal-kwalità).

L-indikaturi tal-Proċedura ta’ Żbilanċi Makroekonomiċi jinħadmu abbażi tal-istatistika sottostanti ġġenerata mill-istituti nazzjonali tal-istatistika u l-banek ċentrali, li tkun ġejja minn dominji differenti fosthom il-kontijiet nazzjonali u l-bilanċ tal-pagamenti. Il-Eurostat qed jimmonitorja b’mod attiv il-kwalità ta’ dik l-istatistika sottostanti u b’mod partikolari l-konsistenza bejn il-bilanċ tal-pagamenti u l-istatistika tal-kontijiet nazzjonali, b’enfasi fuq il-kontijiet nonfinanzjarji. Għall-monitoraġġ tal-kontijiet finanzjarji u tal-bilanċ tal-pagamenti, il-Eurostat jikkopera mal-Bank Ċentrali Ewropew.

L-introduzzjoni tal-ESA 2010 tiżgura l-konsistenza tal-kompilazzjoni tal-PDG skont l-istandards internazzjonali tal-kontijiet nazzjonali. Din tikkontribwixxi għal komparabbiltà aħjar mhux biss fost l-Istati Membri tal-UE iżda anki fuq livell dinji. Madankollu, għad fadal xi sfidi b’rabta mal-globalizzazzjoni: pereżempju, l-impatt fuq il-PDG bir-rilokalizzazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ intrapriżi multinazzjonali kbar f’ekonomiji żgħar u miftuħin.

Barra minn hekk, politika Ewropea armonizzata komuni dwar ir-reviżjoni għall-istatistika dwar il-kontijiet nazzjonali u l-bilanċ tal-pagamenti li tkopri r-reviżjonijiet referenzjarji ppjanati u ta’ rutina ġiet żviluppata u l-implimentazzjoni volontarja tagħha mill-Istati Membri diġà bdiet. Il-politika għandha l-għan li ttejjeb l-aderenza għall-prinċipju doppju tal-allinjament fil-livell nazzjonali fost id-dominji tal-istatistika u l-allinjament ikkoordinat fil-livell tal-UE fost l-Istati Membri.

Bħala konklużjoni, il-Kummissjoni jidhrilha li l-kombinament ta’ diversi attivitajiet tal-monitoraġġ hi effikaċi biex tkun żgurata statistika tal-ESA 2010 ta’ kwalità għolja u komparabbli.

d)    Il-progess b’rabta mad-data dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti

Id-data dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti jiġborha l-Eurostat fil-kuntest tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE 14 . L-Artikolu 14(3) ta’ dik id-Direttiva jistabbilixxi rekwiżiti statistiċi ġodda għall-Istati Membri:

“Għas-sottosetturi kollha ta’ amministrazzjoni pubblika [gvern estiż], l-Istati Membri għandhom jippubblikaw informazzjoni rilevanti dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti b’impatti potenzjalment kbar fuq il-baġits pubbliċi, inklużi l-garanziji governattivi, is-self inadempjenti [improduttiv] u l-obbligazzjonijiet li jirriżultaw mill-operat ta’ korporazzjonijiet pubbliċi, inkluż il-kobor tagħhom. L-Istati Membri għandhom jippubblikaw ukoll informazzjoni dwar il-parteċipazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika fil-kapital ta’ korporazzjonijiet pubbliċi u privati fir-rigward ta’ ammonti ekonomikament sinifikanti.”

Ir-Regolament ESA 2010 jirrikonoxxi dan ta’ hawn fuq (fil-Premessi 19, 20 u 22) u jeżiġi li l-Kummissjoni tirrapporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar id-disponibbiltà tal-informazzjoni relatata f’intervalli speċifikati (ara l-Artikoli 11 u 12). F’dan il-kuntest, f’Ġunju 2016, il-Kummissjoni ppubblikat l-ewwel “Rapport dwar l-obbligazzjonijiet impliċiti b’impatt potenzjali fuq il-baġits pubbliċi” 15 u fl-2018 se jitħejja rapport ieħor.

Id-data miġbura mill-Eurostat fil-kuntest tad-Direttiva msemmija hawn fuq hi s-sors ewlieni tal-informazzjoni dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti tal-gvernijiet fl-Istati Membri 16 . Il-mudelli għall-ġbir tad-data u l-gwida tal-implimentazzjoni ngħataw fid-Deċiżjoni tal-Eurostat tat-22 ta’ Lulju 2013 dwar id-defiċit u d-dejn tal-gvern — Supplement on contingent liabilities and potential obligations to the EDP related questionnaire 17 .

Din id-Deċiżjoni tispeċifika li l-Eurostat se jiġbor u jippubblika indikaturi magħżula relatati mal-obbligazzjonijiet kontinġenti li ġejjin: garanziji tal-gvern, sħubiji pubbliċi privati (PPPs) barra l-karta bilanċjali, obbligazzjonijiet ta’ entitajiet ikkontrollati mill-gvern ikklassifikati barra mill-gvern estiż (korporazzjonijiet pubbliċi) u selfiet improduttivi inadempjenti (assi tal-gvern 18 ).

L-Istati Membri ppubblikaw data fil-livell nazzjonali u għaddewha lill-Eurostat għall-ewwel darba sal-aħħar ta’ Diċembru 2014. Minn dakinhar ’l hawn, il-ġbir tad-data sar kull sena u wara toħroġ il-pubblikazzjoni tal-Eurostat sa tmiem Jannar ta’ kull sena. Il-Eurostat jippubblika ċ-ċifri f’miljuni tal-munita nazzjonali u bħala persentaġġi tal-PDG fid-databażi tiegħu, flimkien mal-metadata relatata u n-noti ta’ qiegħ il-paġna speċifiċi għall-pajjiżi. Magħhom joħroġ ukoll stqarrija għall-istampa 19 .

Minn mindu sar l-ewwel ġbir tad-data fl-2014, l-Istati Membri għamlu progress sinifikanti fil-kompletezza tad-data (f’termini tal-inklużjoni tal-obbligazzjonijiet kollha) u fil-kopertura tad-data (b’rabta mal-kopertura sħiħa tal-gvern estiż). Għadd ta’ Stati Membri rieżaminaw u rrevedew iċ-ċifri tagħhom biex jallinjawhom aħjar mal-linji gwida miftiehma.

Il-kompletezza u l-kopertura tad-data jvarjaw skont l-indikatur u skont l-Istat Membru. Għal ħafna mill-Stati Membri, fil-ġabra tad-data tal-Eurostat hemm kopertura sħiħa u tajba tad-data għall-indikaturi kollha. Iżda għal xi Stati Membri, id-data għadha mhix eżawrjenti għalkollox. B’mod partikolari, għad irid isir progress fejn tidħol id-data dwar is-self improduttiv. Minbarra dan, għall-obbligazzjonijiet tal-korporazzjonijiet pubbliċi, mhux l-Istati Membri kollha inkludew l-obbligazzjonijiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji u/jew l-obbligazzjonijiet tal-unitajiet ikkontrollati mill-gvern lokali.

4.    Konklużjonijiet u l-isfidi tal-ġejjieni

Dan ir-rapport janalizza d-disponibbiltà u l-kwalità tad-data tal-ESA 2010, l-effikaċja tar-Regolament u tal-proċess tal-monitoraġġ, u l-progress fejn jidħlu l-obbligazzjonijiet kontinġenti, kif jeżiġu l-Artikolu 6(3) u l-Artikolu 12 tar-Regolament ESA 2010.

L-ESA 2010 ġiet introdotta għall-ewwel darba fl-Istati Membri f’Settembru 2014. Minn dakinhar issoktat l-implimentazzjoni, pereżempju billi ssolvew xi derogi mogħtija lil Stati Membri individwali. F’dan il-kuntest, il-kompletezza tad-data tjiebet b’mod sinifikanti, inkluż dwar l-obbligazzjonijiet kontinġenti. B’segwitu tal-analiżi f’dan ir-rapport, jixraq li d-Deċiżjoni 2014/403/UE tiġi emendata biex jitqiesu l-bidliet fil-ġustifikazzjonijiet tad-derogi eżistenti.

Fl-2016, permezz tad-data li bagħtu l-Istati Membri tal-UE, sar titjib qawwi fit-tempestività tal-aggregati Ewropej, għax il-pubblikazzjoni tal-istimi rapidi preliminari tal-PDG tal-UE u taż-żona tal-euro tressqet ’il quddiem bi 15-il ġurnata u l-kontijiet settorjali trimestrali taż-żona tal-euro bi 18-il ġurnata. Analiżi tar-reviżjonijiet li dawn l-istimi rapidi turi li huma sodi.

Il-Kummissjoni jidhrilha li r-Regolament ESA 2010, flimkien ma’ diversi attivitajiet tal-monitoraġġ ibbażati fuq oqfsa legali oħra, huma effikaċi biex jiżguraw l-għoti ta’ data komparabbli, aġġornata u affidabbli mill-Istati Membri għall-politika tal-UE u għal finijiet oħra.

Madankollu, għad fadal xi sfidi fosthom fejn tidħol il-globalizzazzjoni. Id-data tal-kontijiet nazzjonali ta’ ekonomiji żgħar u miftuħa hi sensittiva għar-rilokalizzazzjonijiet tal-operazzjonijiet tal-intrapriżi multinazzjonali kbar, ħafna drabi b’rabta ma’ movimenti ta’ proprjetà intellettwali. B’mod partikolari, il-ħidma relatata mal-globalizzazzjoni se jkollha bżonn koperazzjoni intensifikata u skambju tal-informazzjoni fil-livell internazzjonali.

Sfida oħra għall-istatistika hi ż-żieda fid-diġitalizzazzjoni tal-ekonomija u tas-soċjetà. Qed ifeġġu modi ġodda ta’ produzzjoni u konsum, u modi ġodda ta’ skambju bejn l-unitajiet domestiċi u n-negozji. L-utenti qed jistaqsu jekk dawn il-fenomeni ġodda humiex qed jiġu riflessi kif suppost fil-kontijiet nazzjonali.

It-tielet kwistjoni ta’ prijorità hi t-titjib ta’ miżuri bbażati fuq il-kontijiet nazzjonali, jiġifieri l-benesseri, is-sostenibbiltà u l-inugwaljanza.

Il-Eurostat qed jinvesti għadd sinifikanti ta’ riżorsi biex jindirizza dawn il-kwistjonijiet ta’ prijorità, kemm fl-Ewropa kif ukoll mas-sħab internazzjonali tiegħu.

(1)

ĠU L 174, 26.6.2013, p. 1.

(2)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2223/96 tal-25 ta’ Ġunju 1996 dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fil-Komunità (ĠU L 310, 30.11.1996, p. 1).

(3)

  http://unstats.un.org/unsd/nationalaccount/docs/SNA2008.pdf

(4)

Ara http://ec.europa.eu/eurostat/web/esa-2010/manuals-guidelines għal elenku.

(5)

L-ewwel, l-introjtu nazzjonali gross (ING) ibbażat fuq l-ESA 2010 jinqaleb għall-istandards tal-ESA 95 (ara t-Taqsima 3c).

(6)

It-trażmissjoni tad-data għal tabella addizzjonali (it-Tabella 29 “intitolamenti għall-pensjoni akkumulati sa ċerta data fl-assigurazzjoni soċjali”) saret obbligatorja biss fi tmiem l-2017. Għalhekk din it-tabella mhix ikkunsidrata fil-valutazzjonijiet.

(7)

Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/403/UE tas-26 ta’ Ġunju 2014 dwar l-għoti ta’ derogi lill-Istati Membri fir-rigward tat-trażmissjoni tal-istatistika skont ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 195, 2.7.2014, p. 1).

(8)

Ir-Regolament (KE) Nru 223/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Marzu 2009 dwar l-Istatistika Ewropea u li jħassar ir-Regolament (Euratom, KE) Nru 1101/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trażmissjoni ta’ data soġġetta għall-kunfidenzjalità statistika lill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej, ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 322/97 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 89/382/KEE, Euratom li tistabbilixxi Kumitat dwar il-Programmi tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU L 87, 31.3.2009, p. 164).

(9)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/2304 tad-19 ta’ Diċembru 2016 dwar il-modalitajiet, l-istruttura u l-indikaturi tal-frekwenza u tal-valutazzjoni tar-rapporti ta’ kwalità tad-data mibgħuta skont ir-Regolament (UE) Nru 549/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 345, 20.12.2016, p. 27).

(10)

Ir-Regolament tal-Kunsil (KE, EURATOM) Nru 1287/2003 tal-15 ta’ Lulju 2003 fuq l-armonizzazzjoni tad-dħul gross nazzjonali bi prezzijiet tas-suq (ir-Regolament GNI) (ĠU L 181, 19.7.2003, p. 1).

(11)

Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 tal-25 ta’ Mejju 2009 dwar l-applikazzjoni tal-Protokoll dwar il-proċedura tal-iżbilanċ eċċessiv anness mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea (Verżjoni kodifikata) (ĠU L 145, 10.6.2009, p. 1).

(12)

Ir-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 220/2014 tas-7 ta’ Marzu 2014 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 479/2009 fir-rigward tar-referenzi għas-sistema Ewropea tal-kontijiet nazzjonali u reġjonali fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 69, 8.3.2014, p. 101).

(13)

Il-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju.

(14)

Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/85/UE tat-8 ta’ Novembru 2011 dwar ir-rekwiżiti għal oqfsa baġitarji tal-Istati Membri (ĠU L 306, 23.11.2011, p. 41).

(15)

  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1435910317596&uri=CELEX:52015DC0314

(16)

Jeżistu wkoll xi ġabriet oħra tad-data tal-Eurostat (jiġifieri t-Tabella supplimentari għall-kriżi finanzjarja, il-kwestjonarju relatat mal-EDP, eċċ.). Dawn jipprovdu informazzjoni limitata u/jew kunfidenzjali dwar tipi partikolari ta’ obbligazzjonijiet kontinġenti.

(17)

  http://ec.europa.eu/eurostat/documents/1015035/2041337/ESTAT-decision-Suppl-on-conting-liab-EDP-Q.pdf/0b35165a-ee53-470a-a15a-7beaa98aac8b

(18)

 L-Istati Membri jenħtieġ jippubblikaw l-istess indikaturi fil-livell nazzjonali u anki d-data dwar il-parteċipazzjoni tal-gvern fil-kapital tal-korporazzjonijiet.

(19)

  http://ec.europa.eu/eurostat/web/government-finance-statistics/contingent-liabilities .