IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 29.6.2018
COM(2018) 497 final
RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL
Rapport Komprensiv lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-użu tal-Garanzija tal-UE għall-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-funzjonament tal-fond ta’ garanzija tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS)
Werrej
1. Introduzzjoni
2. Garanzija tal-UE
3. L-użu tal-Garanzija tal-UE
3.1. It-Tieqa ta’ Infrastruttura u Innovazzjoni (IIW)
3.1.1. Il-Portafoll tad-Dejn tal-IIW
3.1.2. Il-portafoll tal-Ekwità tal-IIW
3.2. It-Tieqa għall-SMEs (SMEW)
4. Il-Funzjonament tal-Fond ta’ Garanzija tal-UE taħt il-FEIS
4.1. Il-mekkaniżmu ta’ proviżjonament tal-Fond ta’ Garanzija
4.2. Flussi annwali u kumulattivi
4.3. Il-kompożizzjoni u l-karatteristiċi ewlenin tal-portafoll
4.4. Prestazzjoni
4.5. Valutazzjoni tal-adegwatezza tal-Ammont fil-Mira u l-livell tal-Fond ta’ Garanzija FEIS
5. Konklużjonijiet
1. Introduzzjoni
Fl-2014 il-Kummissjoni ħabbret il-Pjan ta’ Investiment għall-Ewropa, inizjattiva ġdida li ġiet stabbilita fl-2015 biex tappoġġja investiment fl-Ewropa wara l-kriżi finanzjarja u ekonomika.
Il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) ġie stabbilit, flimkien maċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment, skont ir-Regolament (UE) 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta’ Proġetti ta’ Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 — il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (ir-Regolament FEIS), bl-għan li tingħata spinta lill-investimenti fl-Unjoni permezz tal-mobilizzazzjoni ta’ finanzjament privat.
Il-ftehim dwar l-immaniġġjar tal-FEIS u dwar l-għoti tal-Garanzija tal-UE ("il-Ftehim dwar il-FEIS") ġie ffirmat mill-Kummissjoni Ewropea u mill-Bank Ewropew tal-Investiment (il-BEI) fit-22 ta' Lulju 2015. L-ewwel emenda u d-dikjarazzjoni mill-ġdid tal-Ftehim dwar il-FEIS ġiet iffirmata fil-21 ta’ Lulju 2016. It-tieni emenda u d-dikjarazzjoni mill-ġdid tal-Ftehim dwar il-FEIS ġiet iffirmata fil-21 ta’ Novembru 2017.
Fit-tmiem l-2017, ir-Regolament FEIS kien emendat bir-Regolament (UE) 2017/2396 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Diċembru 2017 li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1316/2013 u (UE) 2015/1017 fir-rigward tal-estensjoni tad-durata tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi kif ukoll l-introduzzjoni ta’ titjib tekniku għal dak il-Fond u għaċ-Ċentru Ewropew ta’ Konsulenza għall-Investimenti
(ir-Regolament FEIS 2.0). Ir-Regolament FEIS 2.0 żied, fost l-oħrajn, il-Garanzija tal-UE u aġġusta r-rata ta’ proviżjonament fil-mira. It-tielet emenda u dikjarazzjoni mill-ġdid tal-Ftehim dwar il-FEIS kien iffirmat fid-9 ta’ Marzu 2018 biex jirrifletti r-Regolament FEIS 2.0.
L-Artikolu 18(3)(b) tar-Regolament FEIS jiddisponi li l-Kummissjoni, sat-30 ta’ Ġunju 2018 u kull tliet snin wara dik id-data, għandha tippubblika rapport komprensiv dwar l-użu tal-Garanzija tal-UE u l-funzjonament tal-Fond ta’ Garanzija.
Aktar informazzjoni dettaljata dwar l-implimentazzjoni tal-FEIS tinstab fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanja l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond InvestEU għall-perjodu 2021-2027 u li jippreżenta r-riżultati ta’ valutazzjoni esterna indipendenti tal-applikazzjoni tar-Regolament FEIS.
Id-data tal-għeluq għaċ-ċifri użati f'dan ir-rapport hija l-31 ta' Diċembru 2017.
2. Garanzija tal-UE
L-Unjoni tipprovdi garanzija irrevokabbli u mingħajr kundizzjoni għall-BEI għall-operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment taħt il-FEIS. L-UE hija l-ġebla tax-xewka ta’ Garanzija tal-FEIS. Billi tipprovdi ġarr ta’ riskju ogħla lill-BEI, il-Garanzija tal-UE tippermetti għal żieda fil-volum ta’ riskju ogħla mill-proġetti appoġġati minn operazzjonijiet ta’ finanzjament u ta’ investiment tal-BEI taħt it-Tieqa għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni (IIW) u, bħala riżultat, jgħin jindirizza l-fallimenti tas-suq u sitwazzjonijiet ta’ investiment subottimali. Il-Garanzija tal-UE tippermetti volum ikbar ta’ self u numru akbar ta’ kumpaniji li għandhom jiġu koperti taħt it-Tieqa għall-SMEs permezz tal-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI) u b’hekk tiffaċilita l-aċċess għall-finanzi
għal SMEs u kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja.
Parti mill-operazzjonijiet globali tal-FEIS hija koperta mill-Garanzija tal-UE, filwaqt li parti oħra titwettaq b'riskju proprju tal-BEI. Id-dotazzjoni inizjali tal-Garanzija tal-UE kienet ta’ EUR 16-il biljun mill-baġit tal-UE, flimkien ma’ allokazzjoni ta’ EUR 5 biljun tar-riżorsi tal-BEI stess. Dawn l-ammonti żdiedu għal EUR 26 biljun u EUR 7.5 biljuni, rispettivament, bir-Regolament FEIS 2.0.
Il-Garanzija tal-UE tkopri l-operazzjonijiet ta' finanzjament u investiment iffirmati mill-BEI fil-qafas tat-Tieqa għall-Infrastruttura u l-Innovazzjoni (IIW) u mill-FEI fil-qafas tat-Tieqa għall-SMEs (SMEW). It-tqassim inizjali bejn iż-żewġ twieqi kien sa massimu ta’ EUR 13.5 biljun għall-IIW u sa massimu ta’ EUR 2.5 biljun għall-SMEW. Meta wieħed iqis b’mod partikolari r-reazzjoni qawwija għall-SMEW, il-Bord ta' Tmexxija tal-FEIS, magħmul minn membri li jirrappreżentaw il-Kummissjoni u l-BEI, iddeċieda li juża l-flessibilità prevista fir-Regolament
biex isaħħaħu permezz ta’ riassenjazzjoni ta’ EUR 500 miljun mill-IIW għas-SMEW f’Lulju 2016. Ir-Regolament FEIS 2.0 kompla jżid is-sehem tal-SMEW, billi stabilixxa limitu massimu ta’ EUR 6.5 biljun li jista’ jiġi aġġustat mill-Bord ta’ Tmexxija sa massimu ta’ EUR 9 biljun
.
In-natura tal-Garanzija tal-UE qed tevolvi fi ħdan it-tul ta’ ħajja tal-FEIS, fis-sens li l-kopertura disponibbli taħt il-Garanzija tal-UE tista’ tkun disponibbli għal operazzjonijiet ġodda wara l-amortizzament ta’ dawk eżistenti, dment li l-Garanzija tal-UE qatt ma taqbeż EUR 26 biljun mis-6 ta’ Lulju 2018 (jew EUR 16-il biljun qabel dik id-data) u li l-pagamenti netti aggregati mill-baġit ġenerali tal-Unjoni taħt il-garanzija tal-UE ma għandhomx ikunu iktar minn EUR 26 biljun mis-6 ta’ Lulju 2018 (jew EUR 16-il biljun qabel dik id-data).
Tabella 1 — Il-qsim tal-Garanzija tal-UE u l-iżvilupp tagħha tul iż-żmien
|
(f’biljuni ta’ EUR)
|
FEIS 1.0
|
FEIS 1.0 aġġustament
|
FEIS 2.0
|
|
IIW
|
13.5
|
13.0
|
19.5
|
|
SMEs
|
2.5
|
3.0
|
6.5
|
|
Il-Garanzija Totali tal-UE
|
16.0
|
16.0
|
26.0
|
|
|
|
|
|
|
Kapaċità tar-rfigħ tar-riskji tal-BEI
|
5.0
|
5.0
|
7.5
|
|
FEIS Totali
|
21.0
|
21.0
|
33.5
|
Sors: Is-servizzi tal-Kummissjoni
3. L-użu tal-Garanzija tal-UE
Din it-taqsima teżamina l-użu tal-Garanzija tal-UE skont l-attivitajiet differenti appoġġjati mill-FEIS. Il-Garanzija tal-UE tkopri prodotti differenti taħt iż-żewġ twieqi (IIW u SMEW).
Sa tmiem l-2017, il-grupp tal-BEI (il-BEI u l-FEI) kienu ffirmaw 606 operazzjonijiet taħt il-FEIS għal finanzjament totali ta’ EUR 37,4 biljun. Dawn l-operazzjonijiet huma mistennija li jimmobilizzaw EUR 207.3 biljuni f’invesmenti fit-28 Stati Membri kollha tal-UE u fl-objettivi kollha stabbiliti fir-Regolament FEIS (ara l-Illustrazzjoni 1).
Illustrazzjoni 1: L-investiment mobilizzat mill-FEIS għal operazzjonijiet iffirmati skont l-IIW u l-SMEW (skont is-settur mill-31 ta’ Diċembru 2017)
Sors: BEI
Fi tmiem l-2017, l-esponiment tal-baġit tal-UE għal pagamenti futuri possibbli skont il-Garanzija tal-UE f’termini ta’ operazzjonijiet iffirmati (żborsati u mhux żborsati) ammonta għal EUR 13.5 biljun, filwaqt li l-esponiment żborsat pendenti totali kopert mill-Garanzija tal-UE kien jammonta għal kważi EUR 10,1 biljuni.
Ma saru l-ebda sejħiet ta’ garanzija fuq il-baġit tal-Unjoni minħabba l-operazzjonijiet ta’ nuqqas ta’ ħlas matul il-perjodu kopert minn dan ir-rapport. Il-Garanzija tal-UE kienet tintuża biss biex tkopri l-ispejjeż tal-finanzjament tal-BEI, li tħallsu minn dħul minn operazzjonijiet tal-IIW.
3.1. It-Tieqa ta’ Infrastruttura u Innovazzjoni (IIW)
Taħt l-IIW, l-allokazzjoni tal-operazzjonijiet tal-BEI għal dejn jew ekwità tal-portafoll tkun ibbażata fuq is-sistema tal-gradazzjoni tas-self tal-BEI u fuq il-valutazzjoni tar-riskju standard tal-BEI. Taħt l-IIW, il-Garanzija tal-UE li tammonta għal EUR 13-il biljun huwa mqassam kif ġej:
I.sa EUR 10,5 biljuni għal operazzjonijiet tat-tip tad-dejn.
II.sa EUR 2,5 biljuni għal operazzjonijiet ta’ titoli tat-tip ta’ ekwità.
Mill-31 ta’ Diċembru 2017, skont l-IIW, il-BEI ffirma 278 operazzjoni għal finanzjament totali ta’ EUR 27,4 biljun, li huwa mistenni li jimmobilizza investimenti ta’ EUR 131,4 biljun f’27 Stat Membru tal-UE.
3.1.1. Il-Portafoll tad-Dejn tal-IIW
IL-Portafoll tad-Dejn tal-IIW jinkludi l-operazzjonijiet kollha ffirmati u mhux ikkanċellati tat-tip ta’ dejn. Għal kull operazzjoni tat-tip ta’ dejn, il-BEI jwettaq il-valutazzjoni tar-riskju standard tiegħu, bl-involviment tal-kalkolu tar-rata ta’ probabbiltà ta’ inadempjenza u rkupru, mingħajr ma titqies il-Garanzija tal-UE (sabiex ikun jirrifletti r-riskju globali tat-tranżazzjoni
). L-operazzjonijiet sostnuti mill-Garanzija tal-UE tipikament għandhom profil ta' riskju ogħla minn dak tal-operazzjonijiet normali tal-BEI u għaldaqstant jaqgħu taħt l-ambitu ta’ attivitajiet speċjali
. It-tranżazzjonijiet inqas riskjużi jistgħu jiddaħħlu fil-portafoll tal-FEIS sakemm tingħata prova ċara tal-valur miżjud għoli tagħhom u sakemm l-inklużjoni tagħhom tkun konsistenti mal-kriterju tal-għoti tal-addizzjonalità.
Taħt il-Portafoll tad-Dejn tal-IIW, il-baġit tal-Unjoni jipprovdi 100 % tal-biċċa tal-ewwel telf tal-garanzija għall-portafoll tad-dejn implimentati mill-BEI skont il-FEIS. L-ewwel parti tat-telf huwa mistenni li jkun ta’ madwar 25 % għall-Portafoll-Standard tad-Dejn tal-IIW u 33 % għall-Portafoll-Ibridu
tal-volum tal-portafoll ġenerali tal-operazzjonijiet iffinanzjati mill-BEI fl-aħħar tal-perjodu ta’ investiment, filwaqt li r-riskju li jkun għad fadal jinġarr kompletament mill-BEI.
Il-Garanzija tal-UE tista’ tissejjaħ fil-każ ta’ inadempjenza minn debituri tal-BEI jew, jekk isir proċess ta’ ristrutturar, biex tkopri telf fir-rigward ta’ operazzjonijiet tat-tip ta’ dejn.
Operazzjonijiet tad-dejn tal-BEI jiġġeneraw dħul stabbilit skont il-metodoloġija tal-BEI. Id-dħul marbut mar-riskju huwa kondiviż bejn l-Unjoni u l-BEI abbażi ta’ riskju meħud, f’konformità mal-prinċipji tal-kondiviżjoni tar-riskji u d-dħul stabbiliti fil-Ftehim dwar il-FEIS.
Mill-31 ta’ Diċembru 2017, 207 operazzjonijiet tat-tip ta’ dejn (li minnhom 14-il operazzjoni ibrida) kienu ġew iffirmati taħt l-IIW għal finanzjament totali ta’ EUR 24,1 biljun.
3.1.2. Il-portafoll tal-Ekwità tal-IIW
Il-Portafoll ta’ Ekwità tal-IIW jinkludi l-operazzjonijiet kollha ffirmati u mhux ikkanċellati tat-tip ta’ ekwità. Taħt dan il-portafoll, il-Garanzija tal-UE tista’ tintuża biex issostni investimenti diretti f’kumpaniji jew proġetti individwali (investimenti diretti ta’ ekwità) jew finanzjament għal fondi jew riskji ta’ portafolji analogi (portafoll tat-tip ta’ ekwità).
Il-BEI iwettaq valutazzjoni standard u jiddetermina jekk operazzjoni ġġorrx magħha riskji tat-tip ta’ ekwità jew le, irrispettivament mill-forma legali u nomenklatura tagħha. L-investimenti tat-tip ta' ekwità għandhom jkunu pprezzati skont is-suq, u fin-nuqqas ta' dan, għandu jintuża l-ittestjar jew il-parametraġġ referenzjarju tas-suq.
Skont il-Portafoll-Standard ta’ Ekwità tal-IIW, għal kull operazzjoni l-Garanzija tal-UE tkopri 100 % tal-ammonti ffinanzjati mill-BEI, sakemm il-BEI jinvesti fuq bażi pari passu ammont ekwivalenti waħdu.
Il-garanzija tal-UE tista’ tintuża biex tkopri l-aġġustamenti tal-valur negattiv
(telf mhux realizzat), għat-telf realizzat fuq bejgħ u l-ispejjeż tal-finanzjament tal-BEI, għall-parti tal-investimenti ta’ ekwità garantit mill-UE.
L-ammonti ta’ flus kollha jitqiesu bħala dħul, li huma riċevuti fir-rigward tal-Portafoll-Standard ta’ Ekwità tal-IIW, jintużaw biex titħallas il-Garanzija tal-UE.
It-tielet emenda u dikjarazzjoni mill-ġdid tal-Ftehim dwar il-FEIS tad-9 ta’ Marzu 2018 jipprevedi l-ħolqien ta’ Portafoll-NPBs ta’ Ekwità IIW. Fuq bażi ta’ portafoll, il-Garanzija tal-UE għandha tipprovdi 95 % tal-ewwel parti tat-telf, filwaqt li l-BEI għandu jżomm il-5 % li jifdal kif ukoll ir-riskju residwali kollu.
Mill-31 ta’ Diċembru 2017, 77 operazzjonijiet tat-tip ta’ ekwità kienu ġew iffirmati taħt l-IIW għal finanzjament totali ta’ EUR 3,3 biljuni.
3.2. It-Tieqa għall-SMEs (SMEW)
It-Tieqa għall-SMEs (SMEW) tal-FEIS tiffaċilita l-aċċess għas-self u l-finanzjament tal-ekwità għal intrapriżi żgħar u ta’ daqs medju (SMEs) u, sa ċertu punt, anki kumpaniji żgħar b’kapitalizzazzjoni medja. Huwa implimentat mill-FEI.
Fil-qasam ta’ appoġġ għall-finanzjament ta’ self, il-parti tal-SMEW li tibbenefika mill-garanzija tal-UE taħt il-FEIS isaħħaħ l-istrumenti finanzjarji eżistenti tal-UE għall-SMEs b’tali mod li l-intervent tagħhom ikun aktar malajr u jkunu jistgħu jsostnu volum ikbar ta’ self u numru akbar ta’ kumpaniji. B’mod speċifiku, is-sostenn li huwa pprovdut għall-Faċilità ta’ Garanzija għal Self COSME jtejjeb l-aċċess għall-finanzi għal SMEs aktar riskjużi, lill-Faċilità ta’ Garanzija għall-SMEs InnovFin li tiffoka fuq intrapriżi innovattivi u intensivi fir-riċerka, il-Faċilità tal-Garanzija tal-EaSI li tappoġġja l-mikrofinanzjament u l-intrapriżi soċjali u biex il-faċilità ta’ Garanzija CCS li tipprovdi appoġġ iddedikat għall-SMEs fis-setturi kulturali u kreattivi. Taħt dawn il-prodotti, il-FEIS jappoġġa garanzija li l-FEI joħroġ lill-banek, li billi jiżgura li dawn jestendu s-self lill-benefiċjarji mmirati, jew b’volumi akbar tal-portafoll ġenerali jew fuq kondizzjonijiet aħjar milli mingħajr il-Garanzija tal-UE.
Fil-qasam ta’ finanzjament ta’ ekwità, il-parti SMEW tibbenefika mill-Garanzija tal-UE taħt il-FEIS tappoġġa faċilità li l-FEI tuża biex tinvesti f’fondi ta’ ekwità, fondi ta’ fondi jew vetturi ta' koinvestiment li jwasslu l-finanzjament ta’ ishma f’kumpaniji fi stadju bikri (eż. il-bidu) u wkoll kumpaniji fl-istadju ta' tkabbir u espansjoni (eż. skala ups).
Il-Garanzija tal-UE allokata għall-SMEW skont ir-Regolament FEIS tammonta għal EUR 3 biljun (wara t-trasferiment minn IIW deskritti fit-taqsima 2). Ir-Regolament FEIS 2.0, il-Garanzija tal-UE estiża għall-SMEW ġie estiża b’EUR 3,5 biljun oħra disponibbli biex jintużaw matul il-perjodu 2018–2020. Minbarra l-istrumenti koperti mill-Garanzija tal-UE fl-ambitu tal-FEIS, l-SMEW jibbenefika wkoll minn involviment dirett tal-BEI ta’ EUR 2,5 biljun li serva biex jiġi estiż il-mandat tar-Riżorsi tal-Kapital ta’ Riskju tal-BEI lill-FEI b’appoġġ ta’ finanzjament ta’ ekwità għall-SMEs u l-kumpaniji b’kapitalizzazzjoni medja. Dan il-kontribut dirett mill-BEI għall-FEIS kien estiż b’EUR 1,5 biljun oħra fil-kuntest tal-FEIS 2.0.
Sa tmiem l-2017, il-FEI kien iffirma operazzjonijiet SMEW ma’ 305 intermedjarju finanzjarju għal total ta’ finanzjament tal-FEI ta’ kważi EUR 10 biljuni. Dawn l-operazzjonijiet huma mistennija jimmobilizzaw investiment ta’ EUR 76 biljun f’kull wieħed mit-28 Stat Membru tal-UE. Sa tmiem l-2017, b’kollox 135,785 kumpanija kienu diġà rċevew finanzjament appoġġati mill-FEIS taħt l-SMEW u nħolqu jew ġew appoġġati 1,5 miljun impjieg.
4. Il-Funzjonament tal-Fond ta’ Garanzija tal-UE taħt il-FEIS
Il-Fond ta’ Garanzija taħt il-FEIS (il-Fond ta’ Garanzija) ġie stabbilit skont l-Artikolu 12 tar-Regolament FEIS u huwa ffinanzjat prinċipalment minn pagamenti mill-baġit ġenerali tal-Unjoni u d-dħul li joriġina minn operazzjonijiet taħt il-Garanzija tal-UE. Il-Fond ta’ Garanzija jikkostitwixxi riżervi ta’ likwidità, li minnu l-BEI għandu jitħallas fil-każ ta’ talba mill-garanzija tal-UE. Il-Fond ta’ Garanzija jrid jinżamm f’ċertu perċentwal
(ir-Rata Mmirata) tal-ammont totali tal-obbligi taħt il-Garanzija tal-UE, li bħalissa huwa 35 %. B’hekk, ir-riżerva ta’ likwidità hija maħsuba biex tipprovdi marġni ta’ sigurtà adattata li tevita li l-baġit tal-Unjoni jiġi espost għal sejħiet ta’ garanzija għall-għarrieda, li jista’ jinvolvi tnaqqis fl-infiq jew emendi tal-baġit. Għalhekk, hija tikkontribwixxi għall-prevedibbiltà tal-qafas baġitarju.
B'konformità mal-Ftehim dwar il-FEIS, is-sejħiet jitħallsu mill-Fond ta’ Garanzija jekk l-ammont tagħhom ikun akbar mill-fondi għad-dispożizzjoni tal-BEI fil-kont tal-FEIS. Il-kont tal-FEIS, immaniġġjat mill-BEI, ġie stabbilit bl-għan li jinġabar d-dħul tal-Unjoni li jirriżulta minn operazzjonijiet taħt il-Garanzija tal-UE u l-ammonti rkuprati u, sa fejn iwassal il-bilanċ disponibbli, għall-ħlas ta' sejħiet taħt il-Garanzija tal-UE u għall-ħlas tal-ispejjeż amministrattivi u spejjeż ta’ rkupru li jistgħu jiġu rkuprati tal-BEI.
4.1. Il-mekkaniżmu ta’ proviżjonament tal-Fond ta’ Garanzija
Il-proviżjonament tal-Fond ta’ Garanzija jsir permezz ta’:
·Kontribuzzjonijiet mill-baġit ġenerali tal-Unjoni; il-baġit allokat għall-proviżjonament tal-Fond ta’ Garanzija jammonta għal EUR 8 425 miljun;
·Dħul u kwalunkwe pagamenti oħra li l-Unjoni tirċievi f’konformità mal-Ftehim dwar il-FEIS (jiġifieri proġetti li jibbenefikaw minn appoġġ tal-FEIS); dan id-dħul assenjat lill-Fond ta’ Garanzija jammonta għal EUR 675 miljun;
·Ir-ritorni (interessi) fuq riżorsi tal-Fond tal-Garanzija investiti fis-swieq finanzjarji;
·Ammonti rkuprati minn proġetti li għalihom kienet imsejħa Garanzija tal-UE (jiġifieri debituri f’kontumaċja).
Il-proviżjonament tal-Fond ta’ Garanzija jsir progressivament, b’kont meħud taż-żieda fl-iskopertura li ġġarrab mill-Garanzija tal-UE u huwa ġestit direttament mill-Kummissjoni; ir-riżorsi tiegħu huma investiti skont il-prinċipji ta’ ġestjoni finanzjarja tajba u regoli prudenzjali xierqa.
4.2. Flussi annwali u kumulattivi
L-iskeda tal-pagamenti tal-partita tal-baġit ta’ proviżjonament tal-Fond ta’ Garanzija huwa ppreżentat fit-tabella 1. Fl-2016, ammont ta’ EUR 1 018-il miljun kien disponibbli għall-Fond. Minn dan, il-parti l-kbira ġiet minn approprjazzjonijiet ta’ pagament tal-baġit ġenerali tal-Unjoni (EUR 1 012 miljun), filwaqt li ammont ta’ EUR 6,33 miljuni ġie rkuprat mill-kont tal-FEIS (bħala dħul assenjat). Fl-2017, ammont ta’ EUR 2 490 miljun sar disponibbli għall-Fond ta’ Garanzija. Minn dan, ammont ta’ EUR 39,2 miljun, li jirriżulta minn operazzjonijiet taħt il-Garanzija tal-UE, kien irkuprat mill-kont tal-FEIS (bħala dħul assenjat).
Mill-31 ta’ Diċembru 2017, l-ammont kumulattiv ta’ EUR 3 508 miljuni tħallas u ġie investit f’bonds.
Mill-31 ta’ Diċembru 2017, l-operazzjonijiet tal-FEIS immaniġġjati mill-EIB taħt l-IIW iġġeneraw dħul ta’ EUR 78,5 miljuni għall-UE
, li minnhom EUR 61,0 miljun matul is-sena 2017.
Mill-31 ta’ Diċembru 2017, ammont ta’ EUR 0,4 miljun kien tħallas biex ikopri l-ispejjeż ta’ finanzjament tal-BEI. Barra minn hekk, ammont ta’ EUR 1,0 miljun kien tħallas biex ikopri tariffi u spejjeż oħra amministrattivi għal operazzjonijiet tal-FEIS immexxija mill-FEI taħt l-SMEW, f’konformità mar-Regolament FEIS u fil-Ftehim dwar il-FEIS. Dawn l-ammonti ġew imħallsa mill-kont tal-FEIS.
4.3. Il-kompożizzjoni u l-karatteristiċi ewlenin tal-portafoll
Il-portafoll ta’ investiment tal-Fond huwa investit skont il-prinċipji ta’ ġestjoni stipulati fid-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2016)165 tal-21 ta’ Jannar 2016 li tapprova l-linji gwida tal-ġestjoni tal-assi tal-fond ta’ garanzija tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi.
Dawn il-linji gwida jipprevedu li l-assi fil-portafoll ta’ investiment għandhom jipprovdu biżżejjed likwidità fir-rigward ta’ talbiet potenzjali għal ħlas ta' garanzija, filwaqt li xorta għandhom l-għan li jtejbu kemm jista’ jkun il-livell ta’ rendiment u ta’ riskju li huwa kompatibbli maż-żamma ta’ livell għoli ta’ sigurtà u stabbilità.
L-istrateġiji ta’ investiment u l-ġestjoni tar-riskju ġew adottati biex b'hekk jirriflettu l-objettivi ta’ investiment u l-prospettiva tal-kundizzjonijiet tas-suq. L-approċċ ta’ investiment huwa mmirat lejn diversifikazzjoni mtejba f’diversi klassijiet ta’ assi bi dħul fiss.
Fi tmiem Diċembru 2017, il-portafoll ta’ investiment kien magħmul fil-biċċa l-kbira minn titoli maħruġa minn Sovranitajiet (42,5 % tal-valur tas-suq) kif ukoll minn sottosovranitajiet, is-supranazzjonali u l-aġenziji (SSA) (21,5% tal-valur tas-suq) u bonds koperta (25,5% tal-valur tas-suq). Il-bqija ġie allokat prinċipalment għal bonds mhux garantiti maħruġa minn korporattivi u istituzzjonijiet finanzjarji. Madwar 18 % tal-portafoll kienu investiti f’investimenti ddenominati f’USD f’forma likwida u bi klassifikazzjoni għolja (AA/AAA). L-iskopertura għar-riskju tal-valuta ta’ dawn l-investimenti ġiet iħħeġġjata.
Id-durata tal-portafoll
fi tmiem l-2017 kienet ta’ 3.47 snin. Il-klassifikazzjoni tal-kreditu medja hija A-.
Il-biċċa l-kbira tal-portafoll jiġi investit f’titoli likwidi u parti adegwata (16 % tat-total tal-valur tal-portafoll) timmatura f’inqas minn 12-il xahar.
Il-profil tal-portafoll, f’termini ta’ durata, riskju ta’ kreditu u likwidità, ġie kkalibrat skont il-flussi tal-flus imbassra li jirriżultaw minn operazzjonijiet tal-FEIS taħt il-garanzija tal-UE (eż. sejħiet proġettati, dħul).
4.4. Prestazzjoni
Il-prestazzjonihija kkalkulata fuq il-bażi peżata sabiex ma tiġix affettwata mid-daqs tal-portafoll, li kiber b’mod konsiderevoli matul is-sentejn.
Sa mit-twaqqif f’April 2016, il-Fond ta’ Garanzija ta prestazzjoni assoluta ta’ 0.2 % fid-data limitu ta’ dan ir-rapport, fl-aħħar ta’ Diċembru 2017. Dan ir-ritorn viċin iż-żero nkiseb fi sfond ta’ rati negattivi (speċjalment għal dak li huwa pperċepit mis-swieq bħala “nuqqas ta’ riskju ta’ kreditu” u skoperturi likwidi fl-Ewropa
) u ż-żieda fir-rati tal-imgħax fl-Istati Uniti
.
4.5. Valutazzjoni tal-adegwatezza tal-Ammont fil-Mira u l-livell tal-Fond ta’ Garanzija FEIS
Ir-Rata Mmirata tal-Fond ta’ Garanzija kien oriġinarjament stabbilit għal 50 % tal-obbligi ta’ garanzija totali tal-UE. Din il-mira ġiet ikkalkolata qabel il-bidu tal-FEIS.
Fl-2016, l-evalwazzjoni interna tal-Kummissjoni tal-FEIS
ikkonkludiet li l-proviżjonament tal-Fond ta’ Garanzija jista’ jiġi aġġustat. Il-valutazzjoni tar-riskju tal-prodotti differenti appoġġati mill-Garanzija tal-UE turi li b’mod ġenerali, il-baġit tal-Unjoni għandu jkun protett b’mod adegwat minn sejħiet potenzjali taħt il-Garanzija tal-UE bir-Rata Mmirata għall-proviżjonament tal-Fond ta’ Garanzija ta’ 35 %, b’kunsiderazzjoni tal-irkupri, id-dħul u l-flussi minn operazzjonijiet preċedenti tal-FEIS.
Il-Kunsill u l-Parlament Ewropew approvaw il-proposta tal-Kummissjoni u r-Rata Mmirata ġiet stabbilita f’livell ta’ 35 % tat-total tal-obbligi ta’ Garanzija tal-UE hekk kif jidħol fis-seħħ ir-Regolament FEIS 2.0. L-adegwatezza r-Rata Mmirata ġiet ikkonfermat abbażi tal-portafoll tal-FEIS fi tmiem l-2017.
5. Konklużjonijiet
L-evalwazzjoni indipendenti tal-applikazzjoni tar-Regolament FEIS li tirfed il-Proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tistabbilixxi l-Programm InvestEU kkonkluda r-rilevanza ġenerali u l-effettività tal-Garanzija tal-UE.
Bejn l-2014 u l-2017, Attivitajiet Speċjali tal-BEI esperjenzaw żieda ta’ kważi ħames darbiet, b’operazzjonijiet tal-FEIS taħt il-Garanzija tal-UE jammontaw għal 95 % ta’ Attivitajiet Speċjali tal-BEI fl-2016 u l-2017, u b’hekk intwera l-valur miżjud tal-Garanzija tal-UE. Il-proviżjoni ta’ aktar kapaċità tal-ġarr tar-riskju lill-BEI u l-FEI wassal għal riskju ogħla ta’ finanzjament mill-Grupp tal-BEI.
L-evalwazzjoni kkonfermat ukoll li l-livelli ta’ Garanzija tal-UE u l-kontribuzzjoni tal-BEI kienu ta’ daqs xieraq għall-perjodu 2015–2018 billi dan ippermetta lill-Grupp BEI biex jimmobilizza livell ta’ investiment f’konformità mal-aspettattivi. L-aġġustament tar-Rata Mmirata għall-Fond ta’ Garanzija tal-FEIS 2.0 wassal għal użu aktar effiċjenti tal-baġit tal-UE. Barra minn hekk, billi parti kbira tal-fondi addizzjonali meħtieġa għall-proviżjonament tal-estensjoni tal-Fond ta’ Garanzija se joriġinaw minn dħul tal-FEIS u r-rimborżi minn strumenti finanzjarji oħrajn, l-impatt fuq partijiet oħra tal-baġit tal-UE kien limitat, u dan iwassal għal żieda fl-effiċjenza ta’ appoġġ baġitarju tal-UE.
Fl-aħħar nett, il-valutazzjoni kkunsidrat li, b’mod ġenerali, l-approċċ ta’ mudellar tar-Rata Mmirata tal-FEIS tidher li hi xierqa u konformi mal-prattika industrijali.