Brussell, 13.6.2018

COM(2018) 468 final

RAPPORT TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-evalwazzjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi ta’ għajnuna tal-UE għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari fil-Bulgarija, fis-Slovakkja u fil-Litwanja

{SWD(2018) 344 final}


1Introduzzjoni

Mal-adeżjoni tagħhom fl-UE, il-Bulgarija, is-Slovakkja u l-Litwanja impenjaw ruħhom li jagħlqu tmien reatturi tal-enerġija nukleari qabel it-tmiem tat-tul tal-ħajja ppjanat tagħhom:

·l-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Kozloduy fil-Bulgarija (l-unitajiet 1 sa 4);

·l-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Bohunice V1 fis-Slovakkja (2 unitajiet); u

·l-impjant tal-enerġija nukleari ta’ Ignalina fil-Litwanja (2 unitajiet).

L-UE impenjat ruħha li tipprovdi assistenza finanzjarja għad-dekummissjonar sikur ta’ dawk ir-reatturi.

Fit-13 ta’ Diċembru 2013 ġew adottati żewġ Regolamenti tal-Kunsill 1 , 2 sabiex jingħata appoġġ lil dawn il-programmi ta’ dekummissjonar fil-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020, filwaqt li titkompla l-assistenza mogħtija fil-perjodi preċedenti.

Dan ir-rapport jiġbor fil-qosor il-konklużjonijiet tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-programmi ta’ għajnuna tal-UE għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari (minn hawn 'il quddiem “il-programmi”) fil-Bulgarija, fis-Slovakkja u fil-Litwanja; dan jirrevedi wkoll il-progress li sar fl-2017 u fis-snin preċedenti. Ir-rapport jissodisfa r-rekwiżiti tar-rapportar kemm tal-Artikolu 6 kif ukoll tal-Artikolu 9 tar-Regolamenti.

Matul il-QFP 2014-2020, il-Kummissjoni rrapportat tliet darbiet dwar dan is-suġġett 3 , 4 , 5 . Dan ir-rapport, kif stabbilit fil-pjan direzzjonali tal-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu 6 , janalizza u jippreżenta:

·kemm il-programmi ta’ Kozloduy, Bohunice u Ignalina laħqu l-objettivi tagħhom f’termini ta’ riżultati u impatti;

·l-effiċjenza tal-użu tar-riżorsi; u

·il-valur miżjud tal-UE.

Skont l-Artikolu 9 taż-żewġ Regolamenti, l-evalwazzjoni tindirizza wkoll jekk hemmx bżonn li jiġu mmodifikati l-objettivi u l-proċeduri ta’ implimentazzjoni speċifiċi 7 deskritti fl-Artikolu 2(2) u fl-Artikolu 7 rispettivament.

Huwa importanti li jiġi nnutat li r-Regolamenti attwali jirrestrinġu l-kamp ta’ applikazzjoni tal-programmi għall-attivitajiet ta’ dekummissjonar biss, filwaqt li jeskludu miżuri ta’ mitigazzjoni fis-settur tal-enerġija li kienu appoġġjati f’perjodi preċedenti. Tali bidla mill-finanzjament ta’ taħlita kumplessa ta’ enerġija u proġetti ta’ dekumissjonar lejn sforz uniku u ffukat fuq il-programmi ta’ dekummissjonar msejsa fuq pjanijiet iddettaljati approvati għad-dekummissjonar kienet prerekwiżit essenzjali għal żieda fl-effettività u l-effiċjenza.

2Objettivi

Iż-żewġ Regolamenti jsegwu l-objettiv ġenerali li jgħinu lill-Istati Membri rispettivi biex jilħqu b’mod sikur l-istat aħħari tad-dekummissjonar, filwaqt li jżommu l-ogħla standards ta’ sikurezza.

Fit-tliet każijiet kollha, il-programmi huma ddefiniti kif xieraq f’termini ta’ kamp ta’ applikazzjoni, baġit u ppjanar, b’dati ta’ skadenza skedati lil hinn mill-perjodu ta’ finanzjament attwali. Ir-rimi ta’ fjuwil użat u ta’ skart radjuattiv f’repożitorju ġeoloġiku fond mhux inkluż fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-programmi, u jrid jiġi żviluppat minn kull Stat Membru fil-programm nazzjonali tiegħu għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv kif meħtieġ mid-Direttiva 8 9 rilevanti.

Ir-Regolamenti jiddefinixxu wkoll l-objettivi speċifiċi:

It-tliet programmi kollha

·iż-żarmar tas-swali tat-turbini u tal-bini awżiljarju;

·il-ġestjoni sikura tal-iskart li ġej mill-proċess tad-dekummissjonar skont pjanijiet iddettaljati għall-ġestjoni tal-iskart.

Il-programmi ta’ Kozloduy u Bohunice

·iż-żarmar ta’ komponenti kbar u tagħmir kbir fil-bini tar-reattur.

Il-programm ta’ Ignalina

·it-tneħħija tal-fjuwil mill-qalba tar-reattur tal-unità 2 u mill-pixxini tal-fjuwil tar-reattur tal-unitajiet 1 u 2 fil-faċilità għall-ħżin fix-xott tal-fjuwil użat;

·il-manutenzjoni b’mod sikur tal-unitajiet tar-reatturi.

Il-proċeduri ta’ implimentazzjoni7 jistabbilixxu l-linja ta’ referenza għal kull programm ta’ dekummissjonar sal-istat aħħari rispettiv u jipprovdu miri konkreti għal kull objettiv speċifiku.

3Għodod

Il-Kummissjoni bbażat l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tagħha prinċipalment fuq:

(1)Studju estern 10 li twettaq fl-2017, li inkluda riċerka ddettaljata bbażata biss fuq id-dokumentazzjoni, intervisti ma’ partijiet ikkonċernati fil-mira, żjarat fuq il-post, analiżi tal-konsultazzjoni pubblika u konsultazzjoni mmirata addizzjonali, eżerċizzju ta’ valutazzjoni komparattiva bi strumenti komparabbli, u grupp ta’ esperti.

(2)Studju estern 11 li twettaq fl-2016, li inkluda evalwazzjoni tal-istimi tal-kost globali tal-programmi, valutazzjoni tar-riskji generali, analiżi tal-fondi nazzjonali u sorsi oħrajn, u analiżi tar-robustezza tal-baġits tal-Istati.

(3)Verifika tematika tal-proċeduri tal-akkwist li twettqet minn kuntrattur estern.

(4)Il-valutazzjoni interna tar-riżultati tal-azzjoni ta’ monitoraġġ perjodiku li twettqet mill-Kummissjoni u d-dokumentazzjoni pprovduta mill-partijiet ikkonċernati.

(5)Ir-Rapport Speċjali 12 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

4Valutazzjoni tar-rilevanza, il-koerenza, l-effettività, l-effiċjenza u l-valur miżjud tal-UE

Dan ir-rapport jivvaluta jekk il-programmi jinsabux fit-triq it-tajba biex jilħqu l-objettivi maħsuba tagħhom u jinkludi rakkomandazzjonijiet dwar kif tista’ tittejjeb l-implimentazzjoni tagħhom. Ir-rapport huwa akkumpanjat b’dokument ta’ ħidma tal-persunal li jipprovdi informazzjoni u analiżi fattwali.

L-operaturi kollha tad-dekummissjonar qed jaħdmu bis-sħiħ fuq attivitajiet ta’ dekummissjonar. Is-Slovakkja avvanzat l-aktar u attwalment qed twettaq Żarmar u Dekontaminazzjoni (Ż&D) fil-bini tar-reattur fis-sit ta’ Bohunice. Iż-Ż&D jinsabu fi stadju avvanzat fil-bini awżiljarju fis-siti ta’ Kozloduy u Ignalina. Barra minn hekk, il-proġett ewlieni relatat mas-sigurtà fil-Litwanja sabiex jitneħħa l-fjuwil nukleari użat mir-reattur RBMK (simili għal dak użat f’Chernobyl) issa miexi ’l quddiem ġmielu. It-tneħħija tal-fjuwil mill-qalba tar-reattur tal-Unità 2 ġiet finalizzata fit-25 ta’ Frar 2018 (jiġifieri 15-il xahar qabel l-iskeda).

B’mod ġenerali, il-programmi jinsabu fit-triq it-tajba biex jilħqu l-objettivi speċifiċi tar-Regolamenti bil-finanzjament ipprovdut f’dan il-QFP. Fl-attivitajiet ta’ monitoraġġ, ġiet osservata tendenza ċara lejn effiċjenza akbar, kif ġie kkonfermat minn espert indipendenti. F’xi oqsma, ir-riskju ta’ dewmien jeħtieġ aktar mitigazzjoni u segwitu mill-qrib.

L-evalwazzjoni twettqet skont ħames kriterji ewlenin: ir-rilevanza, il-koerenza, l-effettività, l-effiċjenza u l-valur miżjud tal-UE.

Ir-rilevanza

(1)Sa fejn huwa kkonċernat il-QFP 2014-2020, l-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-programmi jibqgħu ferm rilevanti sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet li ġew identifikati meta tħejja l-QFP (jiġifieri l-progress fid-dekummissjonar lil hinn mill-punt li ma jistax jitreġġa’ lura u l-kisba ta’ sikurezza mtejba).

Il-koerenza

(2)Ir-Regolamenti huma koerenti mal-politiki tal-UE li l-għan tagħhom huwa li jiżguraw l-ogħla livell ta’ sikurezza nukleari. Il-bażi ġuridika tal-programmi hija mfassla biex tkun konsistenti bis-sħiħ mal-acquis tat-Trattat Euratom, b’mod partikolari fil-qafas tas-sikurezza nukleari 13 , 14 u l-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv8. Dan huwa mingħajr preġudizzju għan-natura eċċezzjonali tal-finanzjament mill-UE li tirriżulta minn avvenimenti storiċi speċifiċi li jirfdu l-programmi. L-appoġġ tal-UE żgura li jiġu segwiti strateġiji ta’ żarmar immedjat u ppermetta li l-livell tal-periklu radjoloġiku jitnaqqas b’mod aktar rapidu u żamm milli jingħadda piż żejjed lill-ġenerazzjonijiet futuri, filwaqt li parzjalment kopra r-responsabbiltajiet tal-Istati Membri.

(3)Billi ssodisfaw il-kondizzjonalitajiet ex ante, l-Istati Membri sawru l-kamp ta’ applikazzjoni tal-programmi. Bħala riżultat, il-ġestjoni fit-tul tal-fjuwil użat u tal-iskart radjuattiv ta’ livell għoli ġiet eskluża b’mod espliċitu mill-programmi u tibqa’ taħt ir-responsabbiltà finanzjarja tal-Istati Membri f’konformità mal-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom.

(4)Il-programmi huma konsistenti wkoll mal-politiki tal-UE f’oqsma bħall-protezzjoni ambjentali u soċjali.

L-effettività

(5)S’issa, sar progress fit-tliet programmi kollha, u eventwalment, il-kwistjonijiet li kienu għadhom pendenti mill-qafas finanzjarju preċedenti ġew solvuti. Infrastrutturi ewlenin għall-ġestjoni tal-fjuwil użat u tal-iskart radjoattiv saru operazzjonali jew jinsabu fl-istadji finali ta’ kummissjonar, filwaqt li jagħtu momentum ġdid lill-attivitajiet ta’ dekummissjonar.

(6)Fit-tliet siti kollha, iż-Ż&D fis-swali tat-turbini u fil-bini awżiljarju mxew ’il quddiem sew. L-operaturi tad-dekummissjonar irnexxielhom b’suċċess jidentifikaw u jeliminaw l-ostakoli fil-proċessi.

(7)Fir-rigward taż-Ż&D, sar progress fil-bini tar-reatturi (żona kkontrollata) fit-tliet siti, b’mod konsistenti mal-iskedi u d-dati tat-tmiem rispettivi tal-programm.

(8)L-outputs ewlenin tal-programmi tad-dekummissjonar huma materjali li għandhom jintużaw mill-ġdid jew jiġu riċiklati u skart radjuattiv ikkundizzjonat li għandu jinħażen temporanjament (maħżen tal-iskart interim) jew jintrema. Għat-tliet programmi, dawn l-outputs kienu aktar baxxi minn dak li kien ippjanat s’issa minħabba diversi raġunijiet: (i) inċertezzi inerenti fil-karatterizzazzjoni tal-impjanti wasslu biex il-valuri mmirati ġew issopravalutati; (ii) input aktar baxx fil-faċilitajiet tal-ġestjoni tal-iskart minn attivitajiet ta’ żarmar; u (iii) sfidi tekniċi relatati ma’ flussi speċifiċi ta’ skart li ntiret. Madankollu, il-proċessi tal-ġestjoni tal-iskart taw prova li, b’mod ġenerali, huma kapaċi jipprovdu l-produttività meħtieġa bl-ogħla standards ta’ sikurezza.

L-effiċjenza

(9)Fil-bidu tal-QFP attwali, it-tliet Stati Membri stabbilew pjanijiet iddettaljati ta’ dekummissjonar sabiex jiġu ssodisfati l-kondizzjonalitajiet ex ante. Għalhekk, l-istimi tal-kost totali tal-programmi ġew inklużi u aġġornati fir-rigward ta’ kwistjonijiet preċedenti. Fl-2016, il-Kummissjoni ffinalizzat il-valutazzjoni tagħha ta’ dawn il-pjanijiet u kkonkludiet li dawn kienu kompleti, rilevanti, komprensivi u li, b’mod ġenerali, l-istimi tal-kost globali kienu xierqa — kif appoġġat mir-riżultati ta’ reviżjoni indipendenti11 — diment li l-kontinġenzi jiżdiedu għal-livell ta’ 16 %. Għalhekk, kemm il-limiti tal-kamp ta’ applikazzjoni tal-appoġġ tal-UE kif ukoll il-kostijiet bażi ġew stabbiliti b’mod ċar sabiex tiġi mmonitorjata l-kosteffettività.

(10)L-analiżi turi li, b’mod ġenerali, il-programmi ġew implimentati b’mod kosteffettiv fil-qafas finanzjarju attwali, u li l-proċess ta’ pprogrammar għandu livell ferm ogħla ta’ maturità.

(11)Il-valutazzjoni komparattiva finanzjarja tal-attivitajiet ta’ dekummissjonar tibqa’ sfida dinjija. Din il-limitazzjoni hija riflessa fid-diffikultajiet involuti fit-tqabbil tat-tliet programmi ma’ xulxin u ma’ programmi oħrajn ta’ dekummissjonar minkejja l-użu usa’ tal-Istruttura Internazzjonali għall-Kostijiet tad-Dekummissjonar 15 .

(12)L-analiżi identifikat ukoll tliet fatturi ewlenin li jinfluwenzaw il-kosteffettività:

·Il-governanza fis-seħħ mill-2014 mexxiet il-programmi lejn effiċjenza akbar, u l-bidliet organizzazzjonali kellhom impatt pożittiv fuq il-kosteffettività.

·Allegatament, livelli dejjem akbar ta’ kontribuzzjonijiet nazzjonali appoġġaw responsabbiltà u interess personali ekonomiku akbar fl-Istati Membri. Madankollu, ma kien hemm l-ebda evidenza li sehem ogħla ta’ kontribuzzjonijiet nazzjonali fil-livell ta’ proġetti individwali jikkorrispondi għal prestazzjoni ogħla.

·Implimentazzjoni fil-ħin hija essenzjali għall-kosteffettività. L-eliminazzjoni tal-ostakoli riportati mill-qafas finanzjarju preċedenti u l-irkupru, fejn possibbli, tad-dewmien akkumulat ikkontribwew għall-kosteffettività (pereżempju r-riżoluzzjoni ta’ tilwim kuntrattwali li ilu għaddej f’Ignalina). Barra minn hekk, il-metodoloġija tal-ġestjoni 16 tal-valur iggwadanjat u s-sett ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni pprovdew lill-partijiet ikkonċernati tal-programm b’sett ta’ għodod biex jantiċipaw l-impatt tad-dewmien, bil-prospettiva li jiġi mitigat jew evitat l-effett negattiv fuq il-kostijiet (ara pereżempju l-kaxxa ta’ tagħrif dwar il-programm ta’ Bohunice).

·Il-kostijiet tax-xogħol huma komponent sostanzjali tal-kostijiet tad-dekummissjonar assoċjati b'mod intrinsiku mal-fatturi taż-żmien. Meta x-xogħol jitwettaq primarjament mill-persunal tal-operaturi tad-dekummissjonar, id-dewmien imġarrab jista’ jaffettwa l-kost, speċjalment meta dan jaffettwa l-mogħdija kritika, jiġifieri d-data tat-tmiem tal-programm. Sabiex jimmitigaw dan ir-riskju, l-istrateġiji ta’ esternalizzazzjoni jipprovdu flessibbiltà xierqa biex jaġġustaw il-ħtiġijiet u l-isforzi. L-implimentazzjoni ta’ tali strateġiji hija żviluppata sew f’Bohunice u qed tavvanza f’Ignalina, fejn fl-2017 ġie stabbilit pjan strutturat dwar id-deċiżjoni “make or buy” (il-produzzjoni jew ix-xiri).

·Min-naħa l-oħra, l-iskjerament tal-persunal tal-impjant (li kien impjegat matul il-ħajja operazzjonali tar-reatturi) huwa prattika tajba tal-ġestjoni tal-għarfien peress li dan jiżgura li l-esperjenza rilevanti tiġi trasferita ’l quddiem sabiex jitnaqqas iż-żmien tal-implimentazzjoni. Madankollu, din il-prattika ġġib magħha r-riskju li jkun hemm wisq membri tal-persunal u li tiġi limitata l-flessibbiltà tal-organizzazzjoni, speċjalment meta ma jkunx hemm disponibbli opportunitajiet alternattivi.

·Xi sfidi tekniċi jibqgħu intrinsiċi għall-proċess tad-dekummissjonar, u s-suq tad-dekummissjonar għadu fl-istadju tal-iżvilupp. Dan wassal għal waqtiet ta’ intoppi fost il-kuntratturi.

·Fir-rigward tal-modifiki fil-leġiżlazzjoni, ġew innotati żidiet fil-kost, u d-dewmien żdied matul il-proċessi ta’ approvazzjoni regolatorja fit-tliet pajjiżi kollha. Deċiżjonijiet ta’ sikurezza fil-qasam nukleari jridu jittieħdu indipendentement minn fatturi ekonomiċi speċifiċi; għalhekk, l-operaturi tad-dekummissjonar għandhom jaħdmu mar-regolaturi biex jantiċipaw tali żviluppi fil-qasam regolatorju u jqisu b’mod xieraq il-proċessi regolatorji fl-ippjanar tal-proġett. Filwaqt li fil-Litwanja u fis-Slovakkja ġew identifikati xi prattiki tajba, din il-kwistjoni affettwat il-programm ta’ Kozloduy.

·Meta wieħed iqis il-fatt li 3 reatturi biss mid-90 li ngħalqu fl-Ewropa ġew iddekummissjonati bis-sħiħ, fil-bidu l-programmi kellhom ifittxu li jżidu l-effiċjenza l-aktar bit-tagħlim mill-azzjoni. F’dan ir-rigward, il-kondiviżjoni tal-għarfien bejn it-tliet programmi kienet għodda ewlenija lejn l-effiċjenza matul il-QFP attwali. Il-Kummissjoni ħeġġet b'mod kontinwu lill-partijiet ikkonċernati biex jaqsmu prattiki tajba, b’mod partikolari bejn is-Slovakkja u l-Bulgarija minħabba s-similarità tal-impjanti tagħhom (reatturi VVER).

Il-valur miżjud tal-UE

(13)Il-valur miżjud tal-programmi, kif ġie meqjus storikament, jonqos b’mod naturali hekk kif tavvanza l-implimentazzjoni. Mill-bidu tagħhom, il-valur miżjud tal-programmi ġie stabbilit f’termini ta’ sikurezza nukleari u mitigazzjoni finanzjarja.

·Wara l-2020, id-diskrepanzi finanzjarji stmati fil-Bulgarija u s-Slovakkja ma jipperikolawx il-finalizzazzjoni tal-programmi sad-dati tat-tmiem ippjanati.

·Fil-Litwanja, id-diskrepanza finanzjarja wara l-2020 naqset ukoll bis-saħħa tal-involviment ulterjuri tal-Litwanja. Madankollu, id-diskrepanza għadha mdaqqsa (EUR 1.331 biljun).

·Filwaqt li t-tliet ekonomiji tal-Istati Membri huma kapaċi b’mod ċar li jassorbu l-ħtiġijiet finanzjarji permezz ta’ riżorsi finanzjarji nazzjonali, jekk dan isir, l-impatt ikun aktar sinifikanti għal-Litwanja (0,3 %- 0,5 % tal-baġit annwali tagħha).

·Il-programmi kkontribwew għal tnaqqis sostanzjali fil-livell ta’ periklu radjoloġiku u r-riskju għall-pubbliku ġenerali. Fis-Slovakkja u l-Bulgarija, l-aktar riskji importanti relatati mas-sikurezza nukleari ġew eliminati. Fil-Litwanja, bħalissa qed issir it-tneħħija tal-fjuwil użat mill-bini tar-reattur — sat-tmiem ta’ dan il-proċess (skedat li jitlesta sal-2022, iżda ffinanzjat taħt il-QFP attwali), il-periklu radjoloġiku residwali se jitnaqqas b’mod sostanzjali skont id-daqs u primarjament se jkun rappreżentat mill-qlub tal-grafit irradjati.

(14)L-industrija nukleari tal-UE miexja lejn fażi ġdida karatterizzata minn żieda fl-attivitajiet fil-fażi finali taċ-ċiklu tal-ħajja. Madankollu, huma biss ftit programmi ta’ dekummissjonar li għamlu progress sinifikanti, inklużi l-programmi ta’ Kozloduy, Ignalina u Bohunice. Għalhekk, huwa evidenti li l-industrija tad-dekummissjonar għadha ma laħqitx maturità sħiħa. F’dan il-kuntest, l-appoġġ tal-UE għall-programmi tad-dekummissjonar fil-Bulgarija, fis-Slovakkja u fil-Litwanja pprovda valur addizzjonali lill-industrija tad-dekummissjonar kollha tal-UE f’termini ta’ għarfien u esperjenza. Għalhekk, il-kondiviżjoni tal-għarfien u l-aspetti ta’ kapitalizzazzjoni tal-programmi jservu bħala bażi biex jiġi żgurat valur miżjud tal-UE kontinwu li b’dan il-mod itejjeb is-siurezza nukleari. Dan il-proċess jista’ jkompli jiġi sfruttat fil-ġestjoni tal-grafit irradjat, li huwa sfida teknika dinjija 17 .

Fl-2017, il-programm ta’ Kozloduy saritlu evalwazzjoni li ssir kull tliet snin f’konformità mar-rekwiżiti legali u prattika tajba nazzjonali. Skont l-informazzjoni disponibbli bħalissa, l-istima mat-tlestija 18 għandha tiżdied bi 23 %. Peress li l-Istati Membri pprovdew kontribuzzjoni nazzjonali akbar, il-ħtiġijiet ta’ finanzjament wara l-2020 bħalissa huma madwar EUR 92 miljun. Fi kwalunkwe każ, il-fondi allokati jiżguraw it-twettiq effettiv u effiċjenti tal-objettivi tal-programm stabbiliti fil-QFP 2014-2020.

Iż-Ż&D fis-swali tat-turbini u l-bini awżiljarju mxew ’il quddiem sew, filwaqt li għandhom jitlestew sal-2020.

Kisba ewlenija hija l-installazzjoni ta’ faċilità tal-ogħla livell għat-tnaqqis tal-volum tal-iskart , li twassal prestazzjoni għolja ħafna meta mqabbla ma’ faċilitajiet simili fl-UE.

F’dan il-QFP, id-dewmien imġarrab fil-programm ta’ Kozloduy (ara l-valur iggwadanjat vs l-indiċi tal-prestazzjoni bażiku jew skedat) ma affettwax il-mogħdija kritika (jiġifieri d-data tat-tmiem) f’dan l-istadju. Madankollu, il-proġett li jirrigwarda ż-żarmar tal-qlub tar-reatturi jinsab fil-fażi preparatorja u għadu mhux ċar kemm il-programm ta’ Kozloduy se jagħmel progress lejn dan l-objettiv fl-2020.

Il-programm ta’ Bohunice laħaq livell għoli ta’ maturità: l-istima mat-tlestija għall-programm globali naqset bi ftit u hija appoġġata bi pjan tal-ogħla livell ta’ żvilupp tekniku għar-riskji u l-kontinġenzi; dan jipprovdi livell għoli ta’ fiduċja fl-istimi. Il-bilanċ tal-varjazzjonijiet fl-istimi tal-kost fil-livell tal-proġett juri wkoll li l-istimi globali inizjali kienu sodi minkejja l-inċertezzi inerenti f’tali programmi kumplessi.

Iż-Ż&D fis-swali tat-turbini u l-bini awżiljarju resqin lejn tmiemhom; l-aħħar kompitu, jiġifieri ż-żarmar tat-torrijiet tat-tkessiħ (ara l-immaġni ta' Novembru 2017), miexi sew, u għandu jitlesta fl-2018. 

Fil-bini tar-reattur, twettaq ukoll xogħol importanti ta’ Ż&D, minkejja sfidi tekniċi li tfaċċaw fl-istadji bikrin. Kif ġie rrappurtat f’komunikazzjonijiet preċedenti3, id-dekontaminazzjoni taċ-ċirkwiti primarji tat-tkessiħ tar-reatturi esperjenzat dewmien, li seta’ jħalli impatt fuq id-data tat-tmiem tad-dekummissjonar. Madankollu, l-istruttura tal-governanza wriet li hija xierqa sabiex tiżgura effettività u effiċjenza bis-saħħa tal-identifikazzjoni bikrija tal-kwistjonijiet (monitoraġġ, indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u ġestjoni tal-valur gwadanjat) u bl-identifikazzjoni malajr ta’ miżuri ta’ mitigazzjoni. Bħala riżultat, l-attività reġgħet lura fit-triq it-tajba u l-operatur tad-dekummissjonar irreveda l-fażijiet finali tal-programm, li evita kwalunkwe impatt fuq id-durata; bħalissa, id-data tat-tmiem inizjali (2025) qed tiġi rispettata. Dan huwa rifless fil-parametri u l-indiċi tal-valur gwadanjat (il-linja maqtugħa tindika l-linja ta’ referenza l-ġdida u hija bbażata fuq il-fużjoni tat-tliet programmi ta’ dekummissjonar finali li ġejjin).

S’issa, iċ-ċirkwiti tat-tkessiħ tar-reatturi ġew dekontaminati għalkollox. Dan il-proċess fisser li kienu meħtieġa inqas membri tal-persunal għaż-żarmar tar-reatturi u li d-data tat-tmiem tal-programm fl-2025 qed tiġi rrispettata.

Minħabba t-tip ta’ reattur, il-programm ta’ Ignalina huwa sfida bla preċedent. L-istima tal-baġit mat-tlestija tal-programm ilha stabbli mill-2014. Id-diskrepanza finanzjarja wara l-2020 naqset minħabba l-impenn politiku mill-gvern tal-Litwanja li jżomm livell minimu ta’ kontribuzzjonijiet nazzjonali ta’ 14 % għat-tul kollu tal-programm. Il-fondi allokati bħalissa jiżguraw twettiq effettiv u effiċjenti tal-objettivi tal-programm stabbiliti fil-QFP 2014-2020.

Il-kisba ewlenija hija t-tneħħija tal-fjuwil nukleari użat mill-bini tar-reatturi. Dan il-proċess beda fir-raba’ trimestru tal-2016 u mexa ’l quddiem skont kif ippjanat; dan jista’ jitlesta qabel mingħajr ma tiġi pperikolata s-sikurezza operazzjonali. L-immaġni turi l-btieti tal-fjuwil maħżun użat fil-faċilità l-ġdida ta’ ħażna temporanja minn Ottubru 2017.

Iż-Ż&D fis-swali tat-turbini u l-bini awżiljarju mxew ’il quddiem sew. Ġew żarmati volumi kbar ta’ tagħmir, filwaqt li ġiet massimizzata kwalunkwe għażla possibbli għall-użu mill-ġdid u r-riċiklaġġ.

F’dan il-QFP, id-dewmien imġarrab fil-programm ta’ Ignalina (ara l-valur gwadanjat vs l-indiċi tal-prestazzjoni bażiku jew skedat) ma affettwax il-mogħdija kritika (jiġifieri d-data tat-tmiem) f’dan l-istadju. Madankollu, il-proġett li jirrigwarda ż-żarmar tal-qlub tar-reatturi jinsab f’fażi preparatorja u jirrappreżenta riskju għall-iżvilupp f’waqtu tal-programm wara l-2020.



5Valutazzjoni tal-Governanza

L-istruttura tal-governanza żgurat implimentazzjoni effettiva u effiċjenti tal-programmi. Il-fatturi ewlenin ta’ suċċess jinkludu definizzjonijiet ċari tar-rwoli u tar-responsabbiltajiet kif ukoll qafas ta’ monitoraġġ imsaħħaħ.

Rwoli u Responsabbiltajiet

Kull Stat Membru ħatar koordinatur tal-programm (deputat ministru/segretarju tal-istat) responsabbli għall-programmar, il-koordinazzjoni u l-monitoraġġ tal-programm ta’ dekummissjonar. Dan żgura sorveljanza komprensiva tal-programm fil-livell nazzjonali u tejjeb l-aċċess tal-Kummissjoni għall-informazzjoni fir-rwol superviżorju tagħha.

L-analiżi identifikat ukoll oqsma għal titjib ulterjuri:

·involviment akbar tal-Istati Membri bħala partijiet ikkonċernati finanzjarji għal sjieda akbar flimkien ma’ responsabbiltà akbar tal-operaturi tad-dekummissjonar;

·il-puntwalità taċ-ċiklu ta’ pprogrammar/rapportar annwali għandha titjieb billi jiġu simplifikati l-proċeduri.

Qafas ta’ Monitoraġġ

F’kull Stat Membru jeżistu kumitati li għandhom funzjonijiet ta’ monitoraġġ u rappurtar, kopreseduti minn rappreżentant tal-Kummissjoni u mill-koordinaturi tal-programmi. Il-kumitati huma mgħammra b’tabella operattiva ta’ indikaturi ewlenin tal-prestazzjoni u miri ddettaljati sabiex dawn ikunu jistgħu jmexxu l-programm permezz ta’ proċess ta’ valutazzjoni u ta’ teħid tad-deċiżjonijiet infurmat tajjeb. L-objettivi u l-indikaturi dettaljati (proposti mit-tliet Stati Membri u approvati mill-Kummissjoni7) ipprovdew informazzjoni kwantitattiva sabiex jitkejjel il-proċess lejn l-objettivi speċifiċi tar-Regolamenti. Barra minn hekk, il-metodoloġija tal-ġestjoni tal-valur gwadanjat tejbet is-superviżjoni tal-Kummissjoni kemm tal-effettività kif ukoll tal-effiċjenza, b’effett kaskata pożittiv fil-livell nazzjonali.

Din l-analiżi tal-evalwazzjoni issa tipprovdi opportunità biex jiġu riveduti l-indikaturi tal-prestazzjoni sabiex:

·jitqiesu l-kisbiet u jerġgħu jiġu kkalibrati l-indikaturi biex jirriflettu l-progress attwali fil-perjodi li ġejjin;

·jiġi ffaċilitat it-tqabbil tal-prestazzjoni tal-programmi; u

·jiġi żgurat monitoraġġ effettiv sat-tlestija tal-proġetti pluriennali kollha ffinanzjati fil-perjodu attwali.

Kofinanzjament

Il-bażi ġuridika għall-appoġġ finanzjarju tal-UE ma tiddefinix il-livell meħtieġ tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali. Bħala riżultat, il-prattika ta’ kofinanzjament kompliet f’konformità mal-ftehimiet ta’ qabel l-adeżjoni. Filwaqt li dan l-approċċ ħoloq inċertezzi, fil-preżent, il-livelli ta’ kontribuzzjonijiet nazzjonali tal-qafas finanzjarju żdiedu għall-ammonti rrapportati fit-Tabelli 1 u 2. Dawn juru żborż u fondi stabbiliti akkumulati mill-bidu tal-programm ta’ għajnuna għad-dekummissjonar.

B’mod ġenerali, il-kontribuzzjonijiet nazzjonali huma fi ħdan il-firxiet iddefiniti skont il-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej (FSIE). Barra minn hekk, l-analiżi ma rriżultat fl-ebda evidenza li sehem ogħla ta’ kontribuzzjonijiet nazzjonali fil-livell tal-proġetti individwali jikkorrispondi għal prestazzjoni aħjar. F’dan il-kuntest, il-kwistjoni reali ma tidhirx li hija l-livell tal-kontribuzzjonijiet nazzjonali, iżda pjuttost il-perċezzjoni ġenerali li, min-natura tagħhom, il-programmi huma miftuħin (open-ended). Peress li l-istabbiliment tal-linji ta’ referenza sawwar il-kamp ta’ applikazzjoni, iż-żmien u l-kostijiet tal-programmi, il-fattur essenzjali sabiex jinkiseb il-livell xieraq ta’ sjieda huwa li jitlesta t-trasferiment tar-riskji tal-ġestjoni (pereżempju żidiet fl-istimi tal-kost tal-proġett u dewmien) lejn l-Istati Membri benefiċjarji.

Tabella 1 — Żborż (pagamenti lil benefiċjarji finali), 31/12/2017 (EUR miljun)

Stat Membru

UE*

Kozloduy

215 (37 %)

364 (63 %)

Bohunice

185 (44 %)

240 (56 %)

Ignalina

159 (15 %)

928 (85 %)

* Tinkludi kontribuzzjonijiet minn donaturi oħrajn.    
Sors: Rapporti ta’ Monitoraġġ, BERŻ, CPMA

Tabella 2 — Fondi stabbiliti (żborż kif ukoll allokazzjonijiet), 31/12/2017 (EUR miljun)

Stat Membru

UE*

Kozloduy

458

800

Bohunice

476

681

Ignalina

478

1568

* Tinkludi kontribuzzjonijiet minn donaturi oħrajn.    
Sors: Rapporti ta’ Monitoraġġ, Programmi ta’ Ħidma Annwali, BERŻ, CPMA

Valutazzjoni komparattiva

Intgħażlu tliet strumenti “komparaturi” bħala parti mill-eżerċizzju tal-valutazzjoni komparattiva: il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-mekkaniżmu tal-għoti tal-għajnuna ta’ appoġġ baġitarju u proġetti ewlenin tal-FSIE. Fir-rigward tal-programmi, il-valutazzjoni komparattiva magħżula tinkludi proġetti b’kumplessità kbira u innovazzjonijiet tekniċi li għandhom sistemi ta’ ġestjoni u ta’ governanza differenti ħafna. L-eżerċizzju wassal għas-sejbiet li ġejjin:

·B’mod ġenerali, il-qafas tal-monitoraġġ tal-prestazzjoni huwa konformi mal-aħjar prattika, b’mod partikolari prattiki li jirregolaw l-operazzjonijiet tal-appoġġ baġitarju.

·L-istrumenti kollha jfittxu li jiżguraw sjieda nazzjonali b’saħħitha tal-implimentazzjoni tal-proġett permezz ta’ proċedura bikrija ta’ xiri sfurzat u involviment attiv tal-Istati Membri.

·Tnejn mill-istrumenti komparaturi kellhom qafas iddefinit b’mod ċar għall-kofinanzjament, b’rati ta’ kofinanzjament tal-UE stabbiliti b’mod ċar fil-bażi ġuridika u limiti ta’ żmien għall-iżborż sabiex jiġi evitat id-dewmien.

·L-istrumenti kollha tal-valutazzjoni komparattiva joffru qafas pluriennali pjuttost milli qafas annwali għall-programmar.

7Konklużjonijiet

F’konformità mal-aspettattivi stabbiliti fil-QFP attwali, il-Bulgarija, is-Slovakkja u l-Litwanja għamlu progress effettiv u effiċjenti fid-dekummissjonar tar-reatturi tagħhom. Kien hemm sfidi u intoppi minħabba l-kumplessità tal-programmi, għalkemm is-sistema tal-ġestjoni wriet dejjem aktar li din tiflaħ taffaċċjahom. L-ostakoli mill-qafas finanzjarju preċedenti ġew eliminati u d-dewmien ittrasferit ġie rkuprat sa fejn kien possibbli.

Fl-2014, it-tħejjija u l-approvazzjoni tal-pjanijiet ta’ dekummissjonar rispettivi kienu kisba ewlenija u ddefinew il-limiti tal-programmi ta’ għajnuna, bil-ħtiġijiet finanzjarji sabiex jintlaħaq l-istat aħħari tad-dekummissjonar li eventwalment kien stabbilit. Fl-istadju ta’ nofs it-terminu, dawn il-ħtiġijiet ġew ikkonfermati għall-programmi ta’ Bohunice u ta’ Ignalina; għall-programm ta’ Kozloduy, ir-reviżjoni kontinwa tal-pjan tad-dekummissjonar tista’ tirriżulta f’żieda fl-istimi tal-kost wara l-2020.

Barra minn hekk, l-objettivi u l-indikaturi ddettaljati pprovdew bażi tajba għall-kejl tal-progress lejn l-ilħuq tal-objettivi speċifiċi. Madankollu, l-analiżi wriet ukoll li jkun opportun li dawn l-indikaturi jiġu kkalibrati mill-ġdid sabiex jiġi żgurat monitoraġġ effettiv kontinwu kif ukoll komparabilità possibbli bejn il-programmi.

Fil-QFP 2014-2020 mhu se jkun meħtieġ l-ebda finanzjament addizzjonali. Madankollu, il-kisba ta’ fondi addizzjonali meħtieġa fuq perjodu ta' żmien itwal (għal wara l-2020) għall-programm ta’ Ignalina titlob segwitu bir-reqqa fil-Litwanja.

Il-livelli tal-kontribuzzjoni nazzjonali li ntlaħqu jidhru xierqa biex tiġi appoġġata effiċjenza xierqa; madankollu, il-fatt li dawn mhumiex stabbiliti fil-bażi ġuridika, joħloq inċertezzi residwi. Hemm probabbiltà kbira illi ż-żieda fir-relattiv nazzjonali għall-kontribuzzjonijiet tal-UE u d-definizzjoni ta’ qafas ċar u formalizzat għal “kofinanzjament” (jew fil-livell tal-programm jew tal-proġett) ikomplu jħeġġu sjieda nazzjonali u tiftix ekonomiku akbar min-naħa tal-benefiċjarji. Barra minn hekk, it-trasferiment espliċitu tar-riskji (infiq żejjed fil-kost, dewmien) lejn l-Istati Membri rispettivi jkollu impatt akbar fil-kuntest attwali.

L-analiżi wriet ukoll li, fis-siti se jinkisbu livelli ta’ sigurtà mtejba ħafna b’riżultat tal-finanzjament mill-UE f’dan il-QFP. Żviluppi ewlenin mistennija fil-qasam jinkludu:

·fil-Bulgarija: il-progress stabbli tal-kostruzzjoni tal-Faċilità Nazzjonali tar-Rimi, il-ġestjoni tal-iskart li ntiret u l-bidu ta’ xogħlijiet Ż&D ewlenin fil-bini tar-reatturi;

·fis-Slovakkja: iż-żarmar finali tal-qlub tar-reatturi;

·fil-Litwanja: il-progress stabbli biex jitneħħa l-fjuwil u l-preparazzjonijiet biex tiżżarma l-qalba tal-grafit irradjat, li huwa proġett pijunier u ta’ skala bla preċedent.

·Abbażi tar-riżultati ta’ din l-evalwazzjoni, il-Kummissjoni tqis li dawn il-miżuri m’għandhomx jiġu emendati jew sospiżi fil-QFP attwali. L-objettivi speċifiċi (l-Artikolu 2(2) tar-Regolamenti) jibqgħu validi filwaqt li, preferibbilment, il-proċeduri ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu riveduti sabiex jibbenefikaw mit-tagħlimiet miksuba. Kwalunkwe aġġornament bħal dan għandu jkollu l-għan li jirrinforza r-rwol tal-Kumitati ta’ Monitoraġġ u dak tal-Koordinatur tal-Programm kif ukoll li jkompli jtejjeb is-sistema ta’ governanza billi jissimplifika ċ-ċiklu tal-ġestjoni tal-programm, jirfina l-kontenut tal-programmi u tad-dokumenti ta’ monitoraġġ u jaġġorna u jsaħħaħ il-miri u l-indikaturi għall-miżuri pluriennali li jmorru lil hinn mill-2020.

(1)      Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1368/2013 tat-13 ta’ Diċembru 2013 dwar l-appoġġ, min-naħa tal-Unjoni, għall-programmi ta’ għajnuna għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari fil-Bulgarija u s-Slovakkja, u li jirrevoka r-Regolamenti (Euratom) Nru 549/2007 u (Euratom) Nru 647/2010 (ĠU L346, 20.12.2013, p. 1) u r-rettifika (ĠU L8, 11.1.2014, p. 31).
(2)      Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1369/2013 tat-13 ta’ Diċembru 2013 dwar l-appoġġ, min-naħa tal-Unjoni, għall-programm ta' għajnuna għad-dekummissjonar ta' impjanti nukleari fil-Litwanja, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1990/2006 (ĠU L346, 20.12.2013, p. 7) u r-rettifika (ĠU L8, 11.1.2014, p. 30 u ĠU L121, 24.4.2014, p. 59).
(3)      Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-ħidma skont il-programm ta’ assistenza għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari fil-Bulgarija, fil-Litwanja u fis-Slovakkja fl-2016 u fis-snin preċedenti — COM(2017) 328 final.
(4)      Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-ħidma fil-programm ta' għajnuna għad-dekummissjonar nukleari lill-Bulgarija, lil-Litwanja u lis-Slovakkja fl-2015 u fis-snin preċedenti — COM(2016) 405 final.
(5)      Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-ħidma fi ħdan il-programm ta' għajnuna għad-dekummissjonar nukleari għall-Bulgarija, il-Litwanja u s-Slovakkja għall-perjodu 2010-2014 — COM(2015) 78 final.
(6)       http://ec.europa.eu/smart-regulation/roadmaps/docs/plan_2016_249_ndap_evaluation_en.pdf .
(7)      Id-Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni tas-7.8.2014 dwar ir-regoli ta' applikazzjoni għall-programmi ta' għajnuna għad-dekummissjonar ta' impjanti nukleari għall-Bulgarija, il-Litwanija u s-Slovakkja għall-perjodu 2014-2020 — C(2014) 5449 final.
(8)

     Id-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom tad-19 ta’ Lulju 2011 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għall-ġestjoni responsabbli u sikura ta’ fjuwil użat u skart radjuattiv, ĠU L 199, 2.8.2011, p. 48-56.

(9)

     Ir-Rapport tal-Kummissjoni lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew dwar il-progress fl-implimentazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2011/70/Euratom u inventarju tal-iskart radjuattiv u tal-fjuwil użat preżenti fit-territorju tal-Komunità u l-prospetti futuri – C(2017) 236 final.

(10)

     “Support to the mid-term evaluation of the Nuclear Decommissioning Assistance Programmes” (Appoġġ lill-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu tal-Programmi ta’ Għajnuna għad-Dekummissjonar ta’ Impjanti Nukleari) Rapport finali, EY, 2017.

(11)

   “Nuclear Decommissioning Assistance Programme (NDAP) – Assessment of the robustness of the financing plans considering the economic-financial-budgetary situation in each concerned Member State and of the relevance and feasibility of the detailed decommissioning plans” (Il-Programm ta’ Assistenza għad-Dekummissjonar tal-Impjanti Nukleari (NDAP) – Valutazzjoni tas-sodezza tal-pjanijiet ta’ finanzjament b’kunsiderazzjoni tas-sitwazzjoni ekonomika, finanzjarja u baġitarja f’kull Stat Membru kkonċernat u tar-rilevanza u tal-fattibilità tal-pjanijiet dettaljati għad-dekummissjonar), Deloitte, NucAdvisor, VVA Europe, studju mħejji għall-Kummissjoni Ewropea, id-DĠ għall-Enerġija, 2016.

(12)      Rapport Speċjali tal-QEA Nru 22/2016 - EU nuclear decommissioning assistance programmes in Lithuania, Bulgaria and SlovakiaU nuclear decommissioning assistance programmes in Lithuania, Bulgaria and Slovakia: some progress made since 2011, but critical challenges ahead. (Il-programmi ta’ assistenza tal-UE għad-dekummissjonar ta’ impjanti nukleari fil-Litwanja, fil-Bulgarija u fis-Slovakkja: sar ċertu progress mill-2011, iżda jridu jingħelbu sfidi kritiċi fil-ġejjieni)
(13)      Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/71/Euratom tal-25 ta’ Ġunju 2009 li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sigurtà tal-installazzjonijiet nukleari (ĠU L 172, 2.7.2009, p. 18-22.
(14)      Id-Direttiva tal-Kunsill 2014/87/Euratom tat-8 ta’ Lulju 2014 li temenda d-Direttiva 2009/71/Euratom li tistabbilixxi qafas Komunitarju għas-sikurezza nukleari ta’ installazzjonijiet nukleari (ĠU L 219, 25.7.2014, p. 42-52).
(15)      “International Structure for Decommissioning Costing (ISDC) of Nuclear Installations” (Struttura Internazzjonali Għall-Kostijiet tad-Dekummissjonar (ISDC) ta’ Installazzjonijiet Nukleari), OECD 2012, NEA Nru 7088.
(16)      Miżura ta’ progress li tipprovdi l-valur tax-xogħol li twettaq espress f’termini tal-baġit assenjat għal dak ix-xogħol.
(17)    S’issa, għadu ma ġie żarmat l-ebda reattur tal-enerġija b’qalba tal-grafit, minkejja li ħafna minnhom ingħalqu bosta snin ilu. Minbarra l-Litwanja, Stati Membri oħrajn wettqu proġetti simili peress li dawn jipposjedu inventarji sinifikanti ta’ grafit irradjat: Ir-Renju Unit (86 000 t), Franza (23 000 t), il-Litwanja (3 800 t), Spanja (3 700 t), l-Italja (3 000 t), il-Belġju (2 500 t), il-Ġermanja (2 000 t).
(18)      L-istima mat-tlestija hija l-kost totali mistenni tat-tlestija tax-xogħol tal-programm, li hija kkalkulata abbażi tal-prestazzjoni s’issa.    
Il-baġit mat-tlestija huwa l-valur totali ppjanat tal-programm (linja ta’ referenza).