Brussell, 11.6.2018

COM(2018) 452 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Politika Komuni tas-Sajd u dwar konsultazzjoni b’rabta mal-opportunitajiet tas-sajd għall-2019

{SWD(2018) 329 final}


dwar is-sitwazzjoni attwali tal-Politika Komuni tas-Sajd u dwar konsultazzjoni b’rabta mal-opportunitajiet tas-sajd għall-2019

1.    Daħla

Din il-Komunikazzjoni tagħti ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni attwali tal-Politika Komuni tas-Sajd (il-PKS). Hija tippreżenta l-progress li sar biex tintlaħaq l-Fmsy (jiġifieri l-mortalità mis-sajd li biha jkun hemm ir-rendiment massimu sostenibbli), il-bidliet fil-qagħda tal-istokkijiet tal-ħut, l-isforzi biex titranġa s-sitwazzjoni fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, il-qagħda tal-flotta tal-UE, il-progress li sar f’termini tal-governanza, id-dħul gradwali tal-obbligu tal-ħatt l-art u d-dimensjoni esterna tal-PKS 1 . Hija tistabbilixxi wkoll il-prinċipji maħsubin biex jirfdu l-proposti tal-Kummissjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2019. L-Istati Membri, il-Kunsilli Konsultattivi (l-ACs), partijiet ikkonċernati oħrajn u l-pubbliku jistgħu jipprovdu suġġerimenti dwar dawn id-direzzjonijiet tal-politika.

Skont il-PKS, il-pressjoni tas-sajd fuq l-istokkijiet tal-ħut ikkonċernati trid tiġi allinjata mill-iktar fis possibbli u sa mhux aktar tard mill-2020 mal-għan li l-istokkijiet jerġgħu jinġiebu f’livelli li jistgħu jipproduċu r-rendiment massimu sostenibbli (l-MSY) u li dawn jinżammu f’dawk il-livelli. Il-fatt li jinkiseb dan il-għan se jikkontribwixxi wkoll biex, sal-2020, jinkiseb status ambjentali tajjeb fl-ibħra Ewropej 2 , u biex jitnaqqas kemm jista’ jkun l-impatt negattiv tal-attivitajiet tas-sajd fuq l-ekosistemi tal-baħar.

1.Progress fl-implimentazzjoni tal-PKS

Kompla jsir progress sinifikanti fl-implimentazzjoni tal-PKS:

Øfil-kisba tal-għan tal-Fmsy: fiż-żona tal-ICES 3 , jidher li, b’mod ġenerali, il-pressjoni tas-sajd qed tonqos u l-indikatur rilevanti (F/Fmsy) issa stabbilizza ruħu u huwa ta’ madwar 1, li jfisser li, bħala medja, il-livelli tal-isfruttament huma qrib il-livell tal-Fmsy għall-istokkijiet kollha. B’mod parallel, fl-2018 kompla żdied l-għadd ta’ qabdiet totali permissibbli (TACs) 4 stabbilit skont l-Fmsy u minn 44 sar 53, u dan jirrappreżenta 69 % mit-TACs ivvalutati skont l-Fmsy fiż-żona tal-ICES;

Øfiż-żieda mill-ġdid tal-istokkijiet: sa mill-2013 ’l hawn, il-bijomassa tal-istokk riproduttiv kompliet tiżdied fiż-żona tal-ICES u fl-2016, bħala medja, din kienet madwar 39 % ogħla milli kienet fl-2003, filwaqt li l-proporzjon tal-istokkijiet li jinsabu ’l barra mil-limiti bijoloġiċi sikuri naqas minn 65 % fl-2003 għal madwar 30 % fl-2016;

Øfit-titjib fil-qagħda tal-istokkijiet fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed: minkejja li s-sitwazzjoni fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed għadha waħda ta’ tħassib kbir, qed jittieħdu passi sinifikanti biex is-sajd eċċessiv jiġi miġġieled fil-livelli kollha;

Øfiż-żieda tal-prestazzjoni soċjoekonomika ġenerali: qed tkompli titjieb il-prestazzjoni ekonomika tal-flotta tal-UE u fl-2016 din għamlet qligħ nett ta’ EUR 1.3 biljun;

Øfit-titjib fil-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd: il-kapaċità tal-flotta tal-UE kompliet tonqos. Issa din hija kważi 20 % inqas mil-limiti tal-kapaċità għat-tunnellaġġ u iktar minn 13 % inqas mil-limiti tal-kapaċità għas-saħħa tal-magna;

Øfil-progress b’rabta mal-pjanijiet pluriennali: wara li daħal fis-seħħ il-pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-Baħar Baltiku 5 u li ntlaħaq qbil dwar il-pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-Baħar tat-Tramuntana 6 , il-Kummissjoni pproponiet żewġ pjanijiet pluriennali ġodda, wieħed għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran 7 u wieħed għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fl-Ilmijiet tal-Punent 8 . Qed tkompli għaddejja wkoll il-ħidma fuq il-pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-Baħar Adrijatiku li ġie propost is-sena li għaddiet 9 ;

Øfid-dħul gradwali tal-obbligu tal-ħatt l-art: fl-1 ta’ Jannar 2019 l-obbligu tal-ħatt l-art se jidħol fis-seħħ għall-ispeċijiet kollha li għalihom hemm limiti tal-qbid u, fil-Mediterran, ukoll għall-ispeċijiet kollha li għalihom hemm daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni. Il-Kummissjoni qed taħdem mal-Istati Membri u mal-partijiet ikkonċernati biex tiffaċilita l-implimentazzjoni sħiħa ta’ dan l-obbligu;

Øfil-promozzjoni, fil-livell internazzjonali, tal-prinċipji tal-UE b’rabta mal-ġestjoni tas-sajd: l-UE tinsab fuq quddiem fil-promozzjoni u fl-implimentazzjoni gradwali tas-sajd sostenibbli fil-livell internazzjonali, hekk kif wera s-suċċess tal-aħħar edizzjoni tal-konferenza msejħa “L-Oċean Tagħna” li hija organizzat.

 

1.1.Progress fil-kisba tal-FMSY 

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ikkalkula x-xejriet fil-pressjoni tas-sajd (F/Fmsy) 10 .

Skont dan il-Kumitat, fiż-żona tal-ICES, il-mortalità mis-sajd qed tonqos b’mod kostanti u fl-2016, il-valur tal-indikatur kien qrib il-1 (meta mqabbel ma’ valur ta’ 1.5 fl-2003), li jfisser li, bħala medja, il-livelli tal-isfruttament huma qrib il-livell tal-FMSY għall-istokkijiet kollha. Fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, ix-xejriet fil-valuri ta’ F/FMSY juru livell medjan li jvarja xi ftit, iżda li baqa’ ta’ madwar 2.3 bejn l-2003 u l-2015, mingħajr xejra li jonqos.

Fiż-żona tal-ICES, għall-2018, il-Kummissjoni pproponiet TACs li kienu konformi mal-Fmsy jew li kienu naqra inqas minnha għas-76 TAC kollha li għalihom ingħata parir dwar l-Fmsy. Il-Kunsill stabbilixxa 53 TAC skont l-Fmsy: 29 fl-Ilmijiet tal-Punent (u wieħed għal stokk tal-ħut tal-baħar fond), 17 fil-Baħar tat-Tramuntana u 7 fil-Baħar Baltiku.

F’termini tal-volumi:

-fil-Baħar Baltiku, it-TACs ġew stabbiliti abbażi tal-pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-Baħar Baltiku. 95 % mill-qabdiet mistennija ġejjin minn TACs stabbiliti skont l-Fmsy u 4 % ġejjin minn TACs b’avviżi ta’ prekawzjoni;

-fil-Baħar tat-Tramuntana, fi Skagerrak u f’Kattegat, għall-istokkijiet li għalihom ġie vvalutat l-Fmsy u li l-ġestjoni tagħhom hija f’idejn l-UE waħedha, 99.7 % mill-ħatt l-art mistenni jiġi minn TACs stabbiliti skont l-Fmsy;

-fl-Ilmijiet tal-Majjistral u tal-Lbiċ, għall-istokkijiet li għalihom ġie vvalutat l-Fmsy u li l-ġestjoni tagħhom hija f’idejn l-UE waħedha, din iċ-ċifra hija ta’ 94 % u ta’ 90 % rispettivament.

Għall-ewwel darba, il-Kunsill qabel ukoll fuq l-għeluq tas-sajd għas-sallur għal perjodu ta’ tliet xhur sabiex jitħares il-ħut li jbid. Barra minn hekk, il-Kummissjoni u l-Istati Membri ntrabtu b’mod politiku li jsaħħu l-implimentazzjoni tar-Regolament dwar is-sallur u li jevalwaw kemm dan huwa effettiv 11 .

Għall-istokkijiet tal-ħut tal-baħar fond, f’Novembru tal-2016 ġew stabbiliti l-opportunitajiet tas-sajd għall-2017 u l-2018, u dawn jirrappreżentaw inqas minn 1 % mill-ħatt l-art kollu tal-UE. Għall-istokkijiet tal-ħut tal-baħar fond, id-dejta u l-valutazzjonijiet huma limitati, ħlief għall-grenadier imnieħru tond fl-Ilmijiet tal-Majjistral, li għalih it-TAC ġie stabbilit fil-valur tal-Fmsy.

Għall-istokkijiet li dwarhom iridu jsiru konsultazzjonijiet mal-Istati kostali, mill-għaxar TACs li għalihom ingħata parir dwar l-Fmsy, waħda biss hija konformi mal-Fmsy, jiġifieri dik għall-aringa Atlantu-Skandjana, li tirrappreżenta 4 % mill-ħatt l-art tat-TACs kollha tal-Istati kostali f’termini tal-volum. Għalhekk se jkun diffiċli li tintlaħaq l-Fmsy sal-2020 għall-istokkijiet kollha tal-Istati kostali.

Fil-Mediterran, 13 % biss minn 47 stokk (jiġifieri 6 stokkijiet) mhumiex mistada żżejjed, u dawn huma t-trilja tal-ħama fis-subżona ġeografika 10 (in-Nofsinhar tal-Baħar Tirrenjan), fis-subżoni ġeografiċi 17 u 18 (il-Baħar Adrijatiku) u fis-subżona ġeografika 22 (il-Baħar Eġew), l-inċova fis-subżona ġeografika 22 (il-Baħar Eġew), il-gamblu l-abjad fis-subżona ġeografika 9 (il-Baħar Ligurjan u t-Tramuntana tal-Baħar Tirrenjan), u s-siċċ fis-subżona ġeografika 17 (il-Baħar Adrijatiku tat-Tramuntana). Fil-Baħar l-Iswed, ħamsa mis-sitt stokkijiet ivvalutati għadhom mistada żżejjed, ħlief għal-laċċ ikħal. Huwa ċar li għad hemm bżonn ta’ iktar sforzi sabiex l-għan tal-Fmsy għall-2020 jintlaħaq f’dawn il-baċiri tal-baħar kif spjegat hawn taħt fit-Taqsima 2.3.

1.2.Xejriet tal-bijomassa

Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd ikkalkula wkoll l-evoluzzjoni tal-bijomassa tal-istokk riproduttiv mill-2003 ’l hawn 12 .

Fiż-żona tal-ICES, b’mod ġenerali, matul dan il-perjodu l-bijomassa tal-istokk riproduttiv kompliet tiżdied u fl-2016, bħala medja, din kienet madwar 39 % ogħla milli kienet fl-2003. Il-perċentwal tal-istokkijiet li jinsabu f’limiti bijoloġiċi sikuri wkoll qed jiżdied. Fl-2018, 81 % mill-opportunitajiet tas-sajd mistennija jiġu minn stokkijiet li jinsabu f’limiti bijoloġiċi sikuri, 11 % minn stokkijiet li jinsabu ’l barra minn dawn il-limiti u 8 % minn stokkijiet b’avviżi ta’ prekawzjoni li ma nafux jinsabux f’limiti bijoloġiċi sikuri jew le.

Fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, mill-2003 ’l hawn b’mod essenzjali l-bijomassa tal-istokk riproduttiv ma nbidlitx. Madankollu, wieħed għandu joqgħod attent meta jqis dawn ir-riżultati, għax hemm livell għoli ta’ inċertezza.

1.3.Azzjonijiet speċifiċi għall-Mediterran u għall-Baħar l-Iswed

Il-Kummissjoni Ewropea ħadet passi sinifikanti biex tiġġieled is-sajd eċċessiv fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed, kemm fil-livell tal-UE u kemm mas-sħab internazzjonali tagħha.

Fil-livell tal-UE, waħda mill-prijoritajiet tal-Kummissjoni hija li tkompli tallinja l-pjanijiet nazzjonali ta’ ġestjoni li ġew adottati fil-kuntest tar-Regolament dwar il-Mediterran 13 mal-PKS. Fl-2017 ħames pjanijiet nazzjonali ta’ ġestjoni ġew eżaminati mill-ġdid u ġew aġġornati skont il-pariri tal-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd. Dawn jinkludu l-pjanijiet għas-sajd bit-tartaruni, għas-sajd bit-tartaruni tal-kosta, għas-sajd bix-xbieki tat-tkarkir tat-tip “gangui” u għas-sajd bit-tartaruni ż-żgħar tal-borża fil-Kroazja, fi Franza, fil-Greċja u fi Spanja. Dan il-proċess se jsir b’rata iktar mgħaġġla fl-2018.

F’dawn il-baċiri tal-baħar jingħataw prijorità wkoll infurzar u kontroll aħjar. Fl-2017, il-Kummissjoni wessgħet il-kamp ta’ applikazzjoni tal-programm speċifiku ta’ kontroll u spezzjoni għall-Mediterran biex ikun ikopri l-merluzz u l-gamblu abjad fil-Kanal ta’ Sqallija 14 . L-għadd ta’ kampanji konġunti li l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd ikoordinat ukoll żdied b’mod sostanzjali 15 .

Għall-progress li sar fil-pjanijiet pluriennali tal-UE, ara t-Taqsima 2.5.1 ta’ hawn taħt.

Fil-livell internazzjonali, l-għan tal-Kummissjoni huwa li ssarraf f’azzjonijiet konkreti l-impenji politiċi li ttieħdu fid-Dikjarazzjoni ta’ Malta MedFish4Ever 16 .

Fl-2017, fil-qafas tal-Kummissjoni Ġenerali għas-Sajd fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed (il-GFCM), intlaħaq ftehim dwar miżuri importanti proposti mill-UE, li kienu dawn li ġejjin:

-pjan pluriennali għall-barbun imperjali fil-Baħar l-Iswed;

-pjan ta’ azzjoni reġjonali sabiex jiġi miġġieled is-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (is-sajd IUU);

-skema konġunta internazzjonali ta’ spezzjoni u ta’ sorveljanza barra l-ilmijiet li jinsabu fil-ġuriżdizzjoni nazzjonali tal-Kanal ta’ Sqallija;

-pjan ta’ ġestjoni reġjonali adattiv għall-isfruttament tal-qroll l-aħmar fil-Mediterran; u

-żona b’sajd ristrett fil-Fossa ta’ Jabuka/Pomo fil-Baħar Adrijatiku.

L-iktar pass importanti fl-2018 se jkun l-adozzjoni tad-Dikjarazzjoni ta’ Sofija mill-Istati kostali ta’ mal-Baħar l-Iswed b’segwitu għad-Dikjarazzjoni ta’ Bucharest li ġiet approvata fl-2016. Il-Kummissjoni se timmira wkoll li tilħaq ftehim dwar pjan ta’ ġestjoni reġjonali għas-sallur u dwar miżuri ta’ konservazzjoni għas-sajd għall-ħut tal-qiegħ fil-Lvant tal-Mediterran u fiċ-ċentru tal-Mediterran, għall-ispeċijiet kummerċjali ewlenin tal-ħut bħar-Rapana venosa, kif ukoll għall-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku minħabba li, għal dawn tal-aħħar, ma hemm fis-seħħ l-ebda pjan pluriennali tal-UE.

Ix-xogħol li l-UE qed tagħmel fil-qafas tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (l-ICCAT) ukoll beda jħalli l-frott:  il-livelli għoljin tal-bijomassa rrappurtati fil-każ tat-tonn fl-Atlantiku tal-Lvant u fil-Mediterran ippermettew li jiżdiedu t-TACs għall-2018 sal-2020 skont il-parir xjentifiku 17 . Dan witta t-triq ukoll għal qafas ġdid ta’ ġestjoni, li jimxi minn pjan ta’ żieda mill-ġdid tal-istokkijiet għal pjan ta’ ġestjoni, u li jippermetti li jerġa’ jkun hemm is-sajd fuq skala żgħira, filwaqt li jżomm regoli stretti ta’ kontroll. Il-pjan ta’ rkupru għall-pixxispad tal-Mediterran li ġie adottat dan l-aħħar jistabbilixxi TAC ta’ 10,500 tunnellata mill-2017 ’il quddiem u tnaqqis lineari ta’ 3 % fis-sena sal-2022. Fl-2017, l-ICCAT adottat ukoll l-iffriżar tal-kapaċità tas-sajd tal-bastimenti li jistadu għall-alongi fil-Mediterran 18 .

1.4.Il-qagħda tal-flotta tal-UE

Il-kapaċità tal-flotta tal-UE kompliet tonqos. F’Diċembru tal-2017, kien hemm 82 912-il bastiment b’kapaċità ġenerali ta’ 1 487.983 f’tunnellaġġ gross u ta’ 5 763.933 f’kilowatts (kW). Dan jirrappreżenta tnaqqis ta’ 1.45 % mis-sena l-oħra f’termini tal-għadd ta’ bastimenti, ta’ 6.54 % f’termini tal-kilowatts u ta’ 9.59 % f’termini tat-tunnellaġġ gross. Madankollu, għadd ta’ segmenti tal-flotta mhumiex ibbilanċjati mal-opportunitajiet tas-sajd tagħhom.

Il-prestazzjoni ekonomika tal-flotta tal-UE reġgħet tjiebet u fl-2016 kien hemm qligħ nett ta’ EUR 1.3 biljun. Il-flotta tal-UE ħattet l-art madwar 5 miljun tunnellata ta’ frott il-baħar, li kellu valur irrappurtat ta’ EUR 7.7 biljun meta nħatt l-art. Il-valur miżjud gross u l-qligħ gross (minbarra s-sussidji) li l-flotta tal-UE ġġenerat kienu jammontaw għal EUR 4.5 biljun u EUR 2.1 biljun rispettivament. F’termini tal-marġni tal-qligħ nett, dan kien ta’ 17 %, li kien ferm ogħla mill-marġni li kien hemm fl-2015 (li kien ta’ 11 %). It-tbassir għall-2017 u għall-2018 jissuġġerixxi li se jkun hemm riżultati ekonomiċi pożittivi.

F’dak li għandu x’jaqsam mas-sostenibbiltà soċjali, l-impjiegi kollha fil-flotta tal-UE, mogħtija bħala ekwivalenti tal-ingaġġ full-time (FTE), naqsu b’rata medja ta’ 1.3 % fis-sena mill-2008 ’l hawn, b’mod parzjali minħabba t-tnaqqis fil-kapaċità tal-flotta tal-UE. Madankollu, il-paga medja għal kull FTE żdiedet b’rata medja ta’ 2.7 % fis-sena. Il-paga medja annwali hija ta’ EUR 24 800 għal kull FTE.

Żvilupp importanti fit-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol fil-flotta tal-UE huwa t-traspożizzjoni b’suċċess fil-liġi tal-UE tal-Konvenzjoni C188 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-xogħol fil-qasam tas-sajd, kif qablu s-sħab soċjali tal-UE 19 . Din il-Konvenzjoni toħloq strument koerenti wieħed biex ittejjeb il-kundizzjonijiet tax-xogħol u tal-għajxien fuq il-bastimenti tas-sajd. Madankollu, ftit Stati Membri biss irratifikaw il-konvenzjonijiet internazzjonali rilevanti għas-sajd 20 u t-traspożizzjoni ta’ dawn l-istandards fil-liġi tal-UE għadha mhix kompluta. L-iżgurar ta’ kundizzjonijiet tax-xogħol, tas-saħħa u tas-sikurezza deċenti abbord il-bastimenti tas-sajd jinsab fuq quddiem nett fl-aġenda tal-Kummissjoni.

1.5.Governanza

1.5.1.Il-progress b’rabta mal-pjanijiet pluriennali

L-adozzjoni ta’ pjan pluriennali għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Baħar tat-Tramuntana huwa żvilupp importanti li se jgħin biex ikun żgurat sajd sostenibbli fit-tul. Dan huwa t-tieni pjan pluriennali li ntlaħaq qbil dwaru wara dak għall-istokkijiet tal-Baħar Baltiku li ntlaħaq qbil dwaru fl-2016. Għall-kuntrarju ta’ dan, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għadhom ma qablux bejniethom dwar il-pjan pluriennali li l-Kummissjoni pproponiet fl-2017 għas-sardin u għall-inċova fil-Baħar Adrijatiku u ftit hemm prospetti li dan jiġi adottat malajr. Il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati kollha sabiex tiffaċilita d-diskussjonijiet sabiex ikunu jistgħu jiġu implimentati mill-iktar fis possibbli l-miżuri biex dawk l-istokkijiet li jinsabu f’qagħda kritika jitħarsu.

F’Marzu tal-2018, il-Kummissjoni pproponiet żewġ pjanijiet pluriennali ġodda, wieħed għas-sajd għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran u wieħed għall-ispeċijiet tal-ħut tal-qiegħ fl-Ilmijiet tal-Punent.Sabiex tinkiseb l-Fmsy u sabiex jiġi implimentat bis-sħiħ l-obbligu tal-ħatt l-art, huwa importanti li jintlaħaq qbil dwar dawn il-proposti.

1.5.2.Ir-reġjonalizzazzjoni u l-involviment tal-partijiet ikkonċernati

Ir-riforma tal-PKS li saret fl-2013 daħħlet ir-reġjonalizzazzjoni: meta tapplika r-reġjonalizzazzjoni, l-Istati Membri kkonċernati jistgħu jibagħtu rakkomandazzjonijiet konġunti sabiex il-Kummissjoni tadotta atti delegati. Il-pjanijiet pluriennali tal-ġenerazzjoni l-ġdida fihom ukoll dispożizzjonijiet dwar ir-reġjonalizzazzjoni li jippermettu lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati jaħdmu flimkien fuq miżuri ta’ ġestjoni speċifiċi li jkunu adattati għall-baċiri tal-baħar tagħhom.

Ir-reġjonalizzazzjoni kellha rwol importanti fid-dħul gradwali tal-obbligu tal-ħatt l-art. Għall-kuntrarju, saru inqas rakkomandazzjonijiet konġunti b’rabta mal-miżuri ta’ konservazzjoni għas-siti ta’ Natura 2000 u għal żoni protetti oħrajn skont l-Artikolu 11 tal-PKS u dawk li saru jkopru biss ċerti żoni tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Baħar Baltiku. Sabiex l-Istati Membri tal-Mediterran jifhmu aktar il-vantaġġi li jkun hemm meta jiġu implimentati miżuri ta’ konservazzjoni fil-kuntest tal-PKS, f’Ottubru tal-2017 saret sessjoni ta’ ħidma apposta dwar dan is-suġġett f’Zadar. L-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jridu jagħmlu iktar sforzi b’rabta ma’ dan. Sabiex tiffaċilitalhom ħidmiethom, il-Kummissjoni se toħroġ dokument ta’ gwida dwar kif għandhom jitħejjew l-atti delegati skont l-Artikolu 11 tal-PKS. Barra minn hekk, iktar kmieni din is-sena, il-Kummissjoni ħarġet rapport dwar l-eżerċizzju tas-setgħat delegati fil-kuntest tal-PKS 21 .

Ir-reġjonalizzazzjoni saħħet ukoll ir-rwol tal-Kunsilli Konsultattivi, li huma l-organizzazzjonijiet ewlenin tal-partijiet ikkonċernati stabbiliti fil-kuntest tal-PKS. L-Istati Membri jridu jikkonsultaw lill-Kunsilli Konsultattivi meta jkunu qed iħejju r-rakkomandazzjonijiet konġunti tagħhom. Minħabba f’hekk, l-għadd ta’ rakkomandazzjonijiet tal-Kunsilli Konsultattivi reġa’ żdied minn 56 fl-2016 għal 64 fl-2017.

L-għarfien espert tal-Kunsilli Konsultattivi huwa importanti ferm biex il-PKS tiġi implimentata b’suċċess. Il-Kummissjoni u l-Istati Membri jibnu fuq l-analiżi tagħhom biex jevitaw sitwazzjonijiet ta’ kwoti limitanti fil-qafas tar-regoli tal-UE li huma fis-seħħ jew tal-inqas biex itaffuhom. Il-Kunsilli Konsultattivi jistgħu jiżviluppaw ukoll strateġiji ta’ ġestjoni sostenibbli, bħaż-żewġ strateġiji ta’ ġestjoni għal-lingwata fil-Golf tal-Biskalja u fil-Fliegu tal-Lvant, li wasslu għal sajd skont l-Fmsy li, min-naħa tiegħu, wassal għal żieda fil-kwoti għas-sajjieda.

 

1.6.L-obbligu tal-ħatt l-art

Matul l-2018 kompla jsir progress fid-dħul gradwali tal-obbligu tal-ħatt l-art. L-obbligu tal-ħatt l-art diġà japplika għalkollox għas-sajd għall-ispeċijiet pelaġiċi u għas-sajd fil-Baħar Baltiku u fil-Baħar l-Iswed. Fil-każ tas-sajd għall-ħut tal-qiegħ, kien hemm żieda ġenerali fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art f’termini tal-volum, li żdied minn 35 % għal 44 % mis-sena l-oħra ’l hawn: din tikkorrispondi għal 34 % fil-Baħar tat-Tramuntana, għal 51 % fl-Ilmijiet tal-Majjistral u għal 65 % fl-Ilmijiet tal-Lbiċ. Fil-Mediterran, bħalissa madwar 66 % mill-ħatt l-art kollu jaqa’ taħt l-obbligu tal-ħatt l-art. Din iċ-ċifra tammonta għal madwar 94 % għall-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar, għal 24 % għall-ispeċijiet tal-ħut tal-qiegħ u għal 71 % għall-molluski bivalvi. Fil-Baħar l-Iswed, sa mill-2017 ’l hawn, l-obbligu tal-ħatt l-art ikopri l-qabdiet kollha tal-ispeċijiet li għalihom hemm TAC, jiġifieri l-laċċ ikħal u l-barbun imperjali.

Skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament Bażiku, mill-1 ta’ Jannar 2019, l-obbligu tal-ħatt l-art se jibda japplika għall-qabdiet kollha tal-ispeċijiet li għalihom hemm limiti tal-qbid u, fil-Mediterran, ukoll għall-qabdiet tal-ispeċijiet li għalihom hemm daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni. Sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni sħiħa u fil-ħin tal-obbligu tal-ħatt l-art, għandhom jintużaw bis-sħiħ il-possibbiltajiet kollha li toffri l-PKS.

Abbażi tal-informazzjoni disponibbli, s’issa l-obbligu ta’ ħatt l-art ma wassal għall-ebda sitwazzjoni ta’ kwoti limitanti. Madankollu, l-għan tal-Fmsy għall-2020 u l-applikazzjoni sħiħa tal-obbligu tal-ħatt l-art huma ta’ sfida u, għalhekk, l-Istati Membri u l-Kunsilli Konsultattivi qed jitħeġġu jkomplu l-ħidma tagħhom, b’mod partikulari biex jidentifikaw il-każijiet li għalihom hemm biżżejjed ħut fis-sistema u għalhekk it-tpartit jista’ jevita s-sitwazzjonijiet ta’ kwoti limitanti. L-Istati Membri għandhom iqisu wkoll jekk jistgħux itejbu r-regoli interni tagħhom. Il-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd għadu qed jintuża ftit ferm biex jappoġġa l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art u kien hemm biss EUR 49 miljun allokati għal miżuri marbutin mal-obbligu tal-ħatt l-art 22 .

Il-Kummissjoni ntrabtet li taħdem bis-sħiħ mal-Istati Membri u mal-Kunsilli Konsultattivi sabiex tiffaċilita l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art. L-emenda tal-Artikolu 15(6) tal-PKS li saret dan l-aħħar sabiex il-pjanijiet għall-iskartar tal-ħut ikunu jistgħu jiġġeddu għal perjodu addizzjonali ta’ tliet snin hija prova ta’ dan l-impenn 23 . Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jużaw dan il-perjodu addizzjonali biex jilħqu qbil dwar il-pjanijiet pluriennali li l-Kummissjoni pproponiet dan l-aħħar, minħabba li dawn it-tipi ta’ pjanijiet huma għodda utli biex jiġu indirizzati s-sitwazzjonijiet potenzjali ta’ kwoti limitanti. Il-Kummissjoni se tkompli tgħin biex jiġu esplorati iktar possibbiltajiet, b’mod partikulari b’rabta ma’ sitwazzjonijiet ta’ kwoti limitanti, fil-limiti tar-regoli tal-UE li huma fis-seħħ u abbażi ta’ eżempji speċifiċi li jressqulha l-Istati Membri.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-infurzar u mal-kontroll, qed joħroġ dejjem iktar biċ-ċar li l-mezzi ta’ kontroll tradizzjonali bħall-ispezzjonijiet fuq il-baħar u s-sorveljanza mill-ajru mhumiex daqshekk effettivi daqs it-teknoloġiji ta’ monitoraġġ elettroniku kontinwu mill-bogħod bħat-televiżjoni b’ċirkwit magħluq (is-CCTV) u s-sensuri. Minħabba li m’hemmx qbil fil-livell reġjonali u sabiex tiżgura kundizzjonijiet ekwi, dan l-aħħar il-Kummissjoni bdiet taħditiet mal-Istati Membri u mal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd (l-EFCA) biex din il-kwistjoni tiġi indirizzata fil-programmi speċifiċi ta’ kontroll u ta’ spezzjoni adottati skont ir-Regolament ta’ Kontroll 24 .

1.7.Il-kuntest usa’: il-governanza internazzjonali tal-oċeani u l-konferenza msejħa “L-Oċean Tagħna” li saret fl-2017

Fl-2017, l-UE organizzat ir-raba’ edizzjoni tal-konferenza msejħa “L-Oċean Tagħna”, li kienet suċċess kbir, minħabba li wasslet għal 433 impenn tanġibbli li jammontaw għal wegħdiet finanzjarji ta’ EUR 7.2 biljun u għal 2.5 miljun km2 ta’ żoni addizzjonali tal-baħar protetti.

Fil-qafas tal-Komunikazzjoni Konġunta dwar il-governanza internazzjonali tal-oċeani, il-ħidma tal-Kummissjoni fil-livell internazzjonali tiffoka wkoll fuq l-affarijiet li ġejjin:

-il-promozzjoni, b’mod attiv, tal-ġestjoni sostenibbli tas-sajd barra l-ibħra tal-UE permezz tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd;

-l-appoġġ għal koordinazzjoni aħjar bejn l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd u l-konvenzjonijiet dwar l-ibħra reġjonali u għall-kooperazzjoni ma’ organizzazzjonijiet dinjin;

-il-ġlieda kontra s-sajd IUU u t-tisħiħ tal-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi tal-oċeani permezz ta’ djalogi bilaterali u ta’ gruppi ta’ ħidma bilaterali dwar dan it-tip ta’ sajd. Id-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Miżuri tal-Istati tal-portijiet f’Ġunju tal-2016, l-adozzjoni tal-Linji Gwida mhux obbligatorji dwar l-iskemi ta’ dokumentazzjoni tal-qbid tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (l-FAO) f’Lulju tal-2017 u t-tnedija tal-ewwel verżjoni ta’ ħidma tar-Reġistru dinji tal-bastimenti tas-sajd, tal-bastimenti għat-trasport refriġerat u tal-bastimenti tal-provvista tal-FAO f’April tal-2017 huma żviluppi sinifikanti f’dan il-qasam;

-it-tnaqqis tad-diskrepanzi fil-kuntest internazzjonali. L-ilħiq ta’ ftehim internazzjonali li jipprevjeni s-sajd kummerċjali mhux irregolat fl-ibħra internazzjonali tal-Artiku huwa kisba importanti f’dan il-qasam;

-l-iżvilupp ta’ sajd u akkwakultura sostenibbli u l-bini tal-kapaċità f’dan is-settur permezz ta’ programmi ta’ appoġġ iffinanzjati mill-UE ma’ entitajiet reġjonali u ma’ pajjiżi fil-Paċifiku, fl-Afrika tal-Punent u fl-Oċean Indjan. Fl-2017 ġew adottati żewġ programmi reġjonali ġodda – wieħed imsejjaħ “PESCAO” (marbut mal-Afrika tal-Punent) u wieħed imsejjaħ “PEUMP” (marbut mal-Paċifiku);

-it-titjib fil-governanza tas-settur tas-sajd u l-iżvilupp sostenibbli tas-sajd lokali permezz tal-ftehimiet ta’ sħubija dwar is-sajd sostenibbli.

Ir-Regolament il-ġdid dwar il-ġestjoni sostenibbli ta’ flotot tas-sajd esterni 25 , li daħal fis-seħħ fit-12 ta’ Diċembru 2017, għandu l-għan li jsaħħaħ ir-rwol tal-UE bħala attur globali ewlieni fil-qasam tas-sajd, fil-governanza tal-oċeani u fil-ġlieda kontra s-sajd IUU.

2.Proposti għat-TACs għall-2019

L-iffissar tat-TACs għall-2019 se jkun ikkaratterizzat minn tliet fatturi ewlenin, li huma l-għan tal-Fmsy għall-2020 li daqt magħna, l-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligu tal-ħatt l-art mill-2019 ’il quddiem u l-opportunitajiet tas-sajd ibbażati fuq pjanijiet pluriennali għall-Baħar Baltiku u għall-Baħar tat-Tramuntana. Dawn it-tliet fatturi huma importanti kemm għall-partijiet ikkonċernati u kemm għall-Istati Membri u jridu jitqiesu meta jkunu qed jiġu ffissati t-TACs sabiex tkun żgurata l-koerenza.

2.1.Għanijiet ġenerali tal-proposti għall-opportunitajiet tas-sajd għall-2019

L-għan ewlieni tal-Kummissjoni huwa li jkompli jsir progress lejn l-ilħiq tal-Fmsy minħabba li din hija l-aħħar sena qabel l-għan tal-Fmsy għall-2020. Għall-istokkijiet li għalihom ġie vvalutat l-Fmsy u li l-ġestjoni tagħhom hija f’idejn l-UE waħedha sar progress kbir min-naħa tal-Unjoni, kif spjegat hawn fuq.

Madankollu, huwa diffiċli li jkun żgurat li t-TACs ikunu fil-livell tal-Fmsy il-ħin kollu. Kemm għal raġunijiet bijoloġiċi u kemm għal raġunijiet soċjoekonomiċi, jista’ jkun li l-istokkijiet ma jkunux jistgħu jiġu mistada kollha fil-livell tal-Fmsy fl-istess ħin. Għalhekk, il-ħarsien tal-għan tal-Fmsy tal-PKS jeħtieġ sforz kontinwu.

2.2.Kif se nilħqu l-għanijiet tagħna – il-proċess mix-xjenza lejn in-negozjar tal-opportunitajiet tas-sajd

Il-proposti tal-Kummissjoni għall-opportunitajiet tas-sajd se jissejsu fuq il-parir xjentifiku tal-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (l-ICES), li jingħata biċċa biċċa f’diversi partijiet 26 . Il-Kummissjoni beħsiebha tkopri l-ikbar ammont ta’ stokkijiet possibbli fil-proposti inizjali tagħha. Madankollu, fil-każ tal-proposta speċifika għall-Baħar tat-Tramuntana u għall-Atlantiku, minħabba li l-parir jinħareġ tard – jiġifieri biċċa biċċa bejn Ottubru u Diċembru, din se jkompli jkun fiha opportunitajiet tas-sajd pro memoria għall-istokkijiet li għalihom il-parir jinħareġ tard.

Karatteristika importanti ta’ dan il-proċess hija l-konsultazzjoni mal-partijiet ikkonċernati, li għandha rwol importanti ferm fih. Il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati jibdew ħidmiethom kmieni abbażi tal-parir tal-ICES, li jinsab għad-dispożizzjoni tal-pubbliku, minflok ma joqogħdu jistennew il-proposti tal-Kummissjoni. Imbagħad, il-partijiet ikkonċernati jkollhom iċ-ċans jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet tagħhom lill-Kummissjoni dwar l-opportunitajiet tas-sajd, b’mod partikulari permezz tal-Kunsilli Konsultattivi rispettivi tagħhom, u jaqsmu fehmiethom mal-Istati Membri. F’dan l-istadju, il-partijiet ikkonċernati jridu jqisu wkoll l-impatt soċjoekonomiku tal-parir tal-ICES.

Il-Kummissjoni se tħejji l-proposti tagħha billi tqis il-konsultazzjonijiet imsemmijin hawn fuq. Hija se tagħmel erba’ proposti, li se jkopru l-Baħar Baltiku, l-istokkijiet tal-ħut tal-baħar fond, l-Atlantiku u l-Baħar tat-Tramuntana u l-Baħar l-Iswed rispettivament (li se jinħarġu f’Settembru fil-każ tal-ewwel tnejn u f’Novembru fil-każ tal-aħħar tnejn) u li se jiġu diskussi fi tliet laqgħat separati tal-Kunsill.

Il-Kummissjoni se tispjega dawn il-proposti lill-Istati Membri u tiddiskutihom magħhom fil-perjodu ta’ qabel il-laqgħat rilevanti tal-Kunsill u matul dawn il-laqgħat. Matul id-diskussjonijiet, il-Kummissjoni se tivvaluta jekk il-kisba ta’ rati ta’ sfruttament skont il-valuri tal-Fmsy fl-2019 hix se thedded b’mod serju s-sostenibbiltà soċjali u ekonomika tal-flotot tas-sajd ikkonċernati jew le, abbażi tal-analiżi ekonomika soda li l-Istati Membri jkunu pprovdew 27 . Sabiex dawn id-diskussjonijiet ikunu organizzati aħjar, il-Kummissjoni tistieden lill-Istati Membri jħejju l-kunsiderazzjonijiet soċjoekonomiċi tagħhom fil-ħin abbażi tal-parir tal-ICES u jikkonsultaw lill-partijiet ikkonċernati tagħhom. Sabiex ikun hemm valutazzjoni siewja tal-kunsiderazzjonijiet soċjoekonomiċi, l-Istati Membri għandhom jibagħtu l-kummenti tagħhom lill-Kummissjoni tal-inqas xahrejn qabel il-laqgħa rilevanti tal-Kunsill.

Minħabba li l-proposti dwar it-TACs għandhom jiġu adottati qabel ma r-Renju Unit joħroġ mill-Unjoni, m’hi prevista l-ebda bidla fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet fl-2018. Id-dispożizzjonijiet attwali tal-abbozz tal-ftehim dwar il-ħruġ kif maqbul fil-livell tan-negozjaturi fid-19 ta’ Marzu 2018 jipprevedu perjodu ta’ tranżizzjoni, u skonthom id-deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar l-opportunitajiet tas-sajd għall-2019 għandhom japplikaw bis-sħiħ għar-Renju Unit għall-2019 kollha. Madankollu, dawk id-dispożizzjonijiet jiddependu mill-approvazzjoni formali, min-naħa tal-Unjoni u min-naħa tar-Renju Unit, tal-Ftehim dwar il-ħruġ kollu kemm hu u sakemm tingħata din l-approvazzjoni, ma hemm l-ebda ċertezza legali dwar l-implimentazzjoni tagħhom.

3.3 L-iffissar tal-opportunitajiet tas-sajd għat-tipi ta’ stokkijiet differenti

L-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet tal-Baħar Baltiku u tal-Baħar tat-Tramuntana se jiġu ffissati fil-kuntest tal-pjanijiet pluriennali rilevanti, li jiddefinixxu l-firxiet ta’ mortalità tal-Fmsy u b’hekk joffru ċertu flessibbiltà. Il-Kummissjoni għandha l-għan li tantiċipa aħjar il-ħtieġa li tintuża din il-flessibbiltà u bħalissa qed taħdem mal-ICES sabiex, bħala parti mill-parir annwali tiegħu, dan jibagħtilha informazzjoni dwar l-eżistenza tas-sajd imħallat u dwar id-dipendenza tal-ispeċi jew id-dipendenza ta’ bejn speċijiet differenti. Jekk dan il-parir ikun disponibbli fil-ħin, il-Kummissjoni beħsiebha tuża l-firxa kollha ta’ valuri tal-Fmsy biex tipproponi t-TACs meta dan ikun iġġustifikat minħabba s-sitwazzjonijiet ta’ sajd imħallat jew ta’ dipendenza tal-ispeċi jew ta’ dipendenza ta’ bejn speċijiet differenti, kif stabbilit fil-pjanijiet pluriennali.

Huma u jitħejjew il-proposti, huwa importanti wkoll li jitqies il-fatt li, mill-2019 ’il quddiem, l-opportunitajiet tas-sajd se jiġu proposti fil-kuntest tal-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligu tal-ħatt l-art. Filwaqt li fis-snin ta’ qabel, il-Kummissjoni kienet tipproponi żidiet fil-kwoti wara li tkun għamlet il-proposta inizjali tagħha, minn din is-sena l-Kummissjoni beħsiebha tipproponi l-parir tal-ICES dwar il-ħatt l-art għall-firxiet tal-Fmsy fil-każ tal-Baħar Baltiku u tal-Baħar tat-Tramuntana, filwaqt li tnaqqas il-kwoti de minimis jekk ikun hemm bżonn. Dan se jgħodd ukoll fil-każ tal-Atlantiku. Sabiex tkun iffaċilitata l-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligu tal-ħatt l-art fl-2019, huwa importanti li jintużaw l-għodod kollha ta’ mitigazzjoni disponibbli, fosthom kull parir tal-ICES dwar l-approċċ tas-sajd imħallat meta dan ikun xieraq.

F’dak li għandu x’jaqsam mal-parir xjentifiku, ta’ min jinnota li, kull tant snin, l-ICES joħroġ valuri ta’ referenza għall-istokkijiet. Meta t-tali valuri ta’ referenza jwasslu għal differenzi sinifikanti fil-parir għall-2019 meta mqabbel mal-parir tal-ICES għall-2018, il-Kummissjoni beħsiebha tqis il-limitazzjoni tad-differenzi l-kbar fuq bażi ta’ każ b’każ sabiex il-parir jiddaħħal b’mod gradwali u jitnaqqas l-impatt tiegħu fuq l-iffissar tat-TACs, filwaqt li jitħares il-qafas legali fis-seħħ.

Xi pjanijiet pluriennali adottati qabel ir-riforma tal-PKS tal-2013 m’għadhomx kompatibbli mal-PKS il-ġdida, pereżempju minħabba li l-għan tagħhom mhuwiex daqshekk ambizzjuż. Dan huwa l-każ tal-pjanijiet għall-merluzz u għall-awwista. F’każijiet bħal dawn, il-Kummissjoni beħsiebha tipproponi TACs li bihom tinkiseb l-Fmsy fl-2019, filwaqt li tqis kull parir tal-ICES dwar is-sajd imħallat.

Għall-istokkijiet li għalihom ġie vvalutat l-Fmsy u li dwarhom iridu jsiru konsultazzjonijiet ma’ pajjiżi sħab li mhumiex Stati Membri tal-UE fil-kuntest tal-konsultazzjonijiet bejn l-UE u n-Norveġja u l-Istati kostali, il-Kummissjoni qed tkompli tipprova tilħaq ftehim magħhom filwaqt li tkompli tipprova tmexxi ’l quddiem il-kisba tal-Fmsy.

Minbarra l-istokkijiet li għalihom ġie vvalutat l-Fmsy, il-proposta tal-Kummissjoni se tkopri wkoll xi ftit stokkijiet oħrajn li għalihom l-ICES se juża mudelli għat-tbassir tax-xejriet u se jagħti parir kwantitattiv dwar il-qabdiet abbażi ta’ indikatur tal-Fmsy. Għal dawn l-istokkijiet, il-Kummissjoni beħsiebha tuża l-istess approċċ li tuża għall-istokkijiet li għalihom ikun ġie vvalutat ir-rendiment massimu sostenibbli.

Fl-aħħar nett, għal għadd ta’ stokkijiet li jinqabdu biss bħala qabdiet aċċessorji, bħalma huma l-hekk imsejħa “stokkijiet koperti minn dikjarazzjoni dwar l-istokkijiet”, il-Kummissjoni tirċievi avviżi ta’ prekawzjoni mingħand l-ICES. Dan huwa l-każ għall-qabdiet aċċessorji li jsiru skont il-pjan għall-Baħar Baltiku u għall-Baħar tat-Tramuntana, iżda wkoll għall-qabdiet aċċessorji li jsiru fl-Atlantiku. Xi kultant il-livell ta’ użu tal-kwoti ta’ dawn it-TACs għall-qabdiet aċċessorji jkun baxx. Dawn mhumiex importanti ħafna mil-lat ekonomiku u l-informazzjoni dwar l-istatus tagħhom hija limitata. Il-Kummissjoni se tivvaluta l-aħjar approċċ għall-ġejjieni filwaqt li tqis il-parir tal-ICES, il-fatt li dawn jirrappreżentaw 5 % biss mill-ħatt l-art skont it-TACs u l-ħtieġa li jiġu evitati sitwazzjonijiet ta’ kwoti limitanti għas-sajd li jkollu fil-mira speċijiet importanti mil-lat ekonomiku.

F’dak li għandu x’jaqsam mas-sallur, li huwa stokk li jinsab f’qagħda kritika, il-Kummissjoni beħsiebha ddaħħal miżuri xierqa għall-baċiri kollha tal-baħar fil-proposta tagħha għall-opportunitajiet tas-sajd fl-Atlantiku u fil-Baħar tat-Tramuntana abbażi tal-aktar parir xjentifiku riċenti. Is-sena d-dieħla, il-Kummissjoni se terġa’ tivvaluta s-sitwazzjoni filwaqt li tqis ir-riżultati tal-evalwazzjoni tar-Regolament dwar is-sallur, is-sejbiet li joħorġu mir-rapporti tal-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-pjanijiet ta’ ġestjoni tagħhom għas-sallur u r-riżultati tal-implimentazzjoni tal-għeluq temporanju li ddaħħal fis-seħħ.

Bħas-soltu, l-opportunitajiet tas-sajd għall-istokkijiet li huma f’idejn l-Organizzazzjonijiet Reġjonali għall-Ġestjoni tas-Sajd se jiġu trasposti abbażi tad-deċiżjonijiet tagħhom.

3.Konklużjoni

B’mod ġenerali, l-Unjoni Ewropea qed tagħmel progress fl-implimentazzjoni tal-PKS, u l-għadd ta’ TACs stabbiliti skont l-Fmsy qiegħed dejjem jikber. Madankollu, mhuwiex il-waqt li nillaxkaw f’ħidmietna. Irridu nkomplu mexjin f’din it-triq minħabba li l-2020 daqt magħna.

Fil-Mediterran u fil-Baħar l-Iswed is-sitwazzjoni għadha waħda ta’ tħassib. L-UE qed tieħu l-inizjattiva biex titranġa din is-sitwazzjoni, fosthom mas-sħab internazzjonali tagħha. Il-Kummissjoni se tagħmel l-almu tagħha biex tiffaċilita ftehim malajr u siewi dwar iż-żewġ pjanijiet pluriennali l-ġodda li pproponiet għall-ispeċijiet pelaġiċi fil-Baħar Adrijatiku u għall-istokkijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Punent tal-Mediterran. L-Istati Membri għandhom iżidu wkoll l-isforzi tagħhom biex jiżguraw li l-pjanijiet nazzjonali ta’ ġestjoni li adottaw fil-kuntest tar-Regolament dwar il-Mediterran ikunu allinjati mal-PKS il-ġdida.

L-implimentazzjoni sħiħa tal-obbligu tal-ħatt l-art ukoll hija ta’ sfida, kemm biex jittaffew is-sitwazzjonijiet potenzjali ta’ kwoti limitanti u kemm biex tiġi żgurata implimentazzjoni armonizzata fuq il-baħar permezz ta’ għodod xierqa ta’ infurzar u ta’ kontroll. Issa li l-flotta tal-UE fil-biċċa l-kbira tagħha qed tagħti qligħ, huwa ż-żmien li niżguraw li jkunu fis-seħħ il-miżuri meħtieġa biex ikun żgurat li l-ġejjieni tas-settur tas-sajd tal-UE jkun wieħed kompetittiv u sostenibbli.

Skeda

L-iskeda ta’ ħidma ppjanata hija kif ġej:

Meta

X’hiex

F’Mejju, f’Ġunju, f’Ottubru u f’Diċembru

Parir dwar l-istokkijiet mingħand l-ICES

Bejn Ġunju u Settembru

Konsultazzjoni pubblika dwar il-Komunikazzjoni

Fl-14 ta’ Settembru

Seminar mal-partijiet ikkonċernati dwar il-qagħda tal-istokkijiet

F’Settembru

L-adozzjoni tal-proposti dwar it-TACs għall-Baħar Baltiku

F’Ottubru

L-adozzjoni tal-proposti dwar it-TACs għall-istokkijiet tal-ħut tal-baħar fond

Laqgħa tal-Kunsill dwar it-TACs għall-Baħar Baltiku

F’Novembru

L-adozzjoni tal-proposti dwar it-TACs għall-Atlantiku, għall-Baħar tat-Tramuntana u għall-Baħar l-Iswed

Laqgħa tal-Kunsill dwar it-TACs għall-istokkijiet tal-ħut tal-baħar fond

F’Diċembru

Laqgħa tal-Kunsill dwar it-TACs għall-Atlantiku, għall-Baħar tat-Tramuntana u għall-Baħar l-Iswed

   

(1) Ir-rapporti sħaħ dwar l-implimentazzjoni tal-obbligu tal-ħatt l-art, dwar il-bilanċ bejn il-kapaċità tas-sajd u l-opportunitajiet tas-sajd u dwar il-progress li sar b’rabta mal-Fmsy u mal-qagħda tal-istokkijiet, li huma meħtieġa skont l-Artikolu 15(14), l-Artikolu 22(4) u l-Artikolu 50 tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-11 ta’ Diċembru 2013 (ĠU L 354, 28.12.2013), jinsabu fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanja lil din il-Komunikazzjoni.
(2) Id-Direttiva 2008/56/KE (ĠU L 164, 25.6.2008, p. 19).
(3) Iż-żona 27 tal-FAO, jiġifieri l-Atlantiku tal-Grigal u l-ibħra ta’ madwaru.
(4) It-TACs jew l-opportunitajiet tas-sajd huma limiti tal-qbid mogħtija f’tunnellati jew f’ċifri li huma stabbiliti għall-biċċa l-kbira mill-istokkijiet tal-ħut kummerċjali.
(5) Ir-Regolament (UE) 2016/1139 tas-6 ta’ Lulju 2016 (ĠU L 191, 15.7.2016, p. 1).
(6)  COM(2016) 493 final – 2016/0238(COD).
(7)  COM(2018) 115 final – 2018/0050(COD). 
(8) COM(2018) 149 final – 2018/0074(COD).
(9)  COM(2017) 97 final – 2017/0043(COD).
(10) Fid-dokument bir-referenza STECF-Adhoc-18-01.
(11) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1100/2007 tat-18 ta’ Settembru 2007 (ĠU L 248, 22.9.2007, p. 17). Il-pjan direzzjonali tal-evalwazzjoni ġie ppubblikat f’April tal-2018 u jinsab fis-sit web li ġej: http://ec.europa.eu/info/law/better-regulation/initiatives/ares-2018-1986447_mt.  
(12) Fid-dokument bir-referenza STECF-Adhoc-18-01.
(13) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 ( ĠU L 36, 8.2.2007, p. 6 ).
(14) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/17 tal-5 ta’ Jannar 2018 ( ĠU L 4, 9.1.2018, p. 20 ).
(15) Minn 482 spezzjoni fl-2014 għat-tonn għal 2,855 spezzjoni fl-2017 għat-tonn, għall-pixxispad, għall-alongi, għall-ispeċijiet pelaġiċi ż-żgħar fil-Baħar Adrijatiku u għall-ispeċijiet tal-ħut tal-qiegħ fil-Kanal ta’ Sqallija.
(16) Id-Dikjarazzjoni ta’ Malta MedFish4Ever, iffirmata fil-kuntest tal-Konferenza Ministerjali dwar is-sostenibbiltà tas-sajd fil-Mediterran ( Malta, it-30 ta’ Marzu 2017 ).
(17) Ir-Rakkomandazzjoni 17-07 tal-ICCAT li temenda r-Rakkomandazzjoni 14-04.
(18) Ir-Rakkomandazzjoni 17-05 tal-ICCAT li tistabbilixxi miżuri ta’ ġestjoni għall-istokk tal-alongi fil-Mediterran.
(19) Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/159 tad-19 ta’ Diċembru 2016 (ĠU L 25, 31.1.2017, p. 12).
(20) Il-Konvenzjoni C188 tal-2007 tal-Organizzazzjoni Internazzjonali tax-Xogħol dwar ix-xogħol fil-qasam tas-sajd, il-Konvenzjoni STCW-F tal-1995 tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, u l-Ftehim ta’ Cape Town tal-2012 dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll ta’ Torremolinos dwar is-sikurezza tal-bastimenti tas-sajd tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali.
(21)  COM(2018) 79 final.
(22)

Dawn il-miżuri jinkludu l-appoġġ għat-tagħmir li jtejjeb is-selettività tal-irkaptu tas-sajd, għat-tagħmir ta’ abbord u għat-tagħmir li jelimina l-qbid skartat, l-investiment fil-portijiet tas-sajd, fis-swali tal-irkant, fis-siti tal-ħatt l-art u fil-postijiet tal-kenn, u l-miżuri marbutin mal-kummerċjalizzazzjoni li jkollhom l-għan li jsibu swieq ġodda u li jtejbu l-kundizzjonijiet għat-tqegħid fis-suq tal-prodotti tas-sajd, fosthom tal-qabdiet mhux mixtieqa li jkunu nħattu l-art.

(23) Ir-Regolament (UE) 2017/2092 (ĠU L 302, 17.11.2017, p. 1).
(24) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1224/2009 tal-20 ta’ Novembru 2009 (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 1).
(25) Ir-Regolament (UE) 2017/2403 tat-12 ta’ Diċembru 2017 (ĠU L 347, 28.12.2017, p. 81).
(26) Fi tmiem Mejju tal-2018 għall-istokkijiet kollha tal-Baħar Baltiku, fil-bidu ta’ Ġunju għall-istokkijiet tal-ħut tal-baħar fond, fi tmiem Ġunju tal-2018 għal 61 stokk tal-Baħar tat-Tramuntana, tal-Golf tal-Biskalja u tal-Baħar Ċeltiku u bejn Ottubru u Diċembru tal-2018 għal stokkijiet oħrajn tal-Baħar tat-Tramuntana u tal-Atlantiku.
(27) Il-premessa 7 tar-Regolament Bażiku dwar il-PKS.