Brussell, 8.6.2018

COM(2018) 448 final

RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Regolament (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta' Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta' skema ta' liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta' injam fil-Komunità Ewropea
Rapport annwali ta' sinteżi għas-sena 2016


RAPPORT MILL-KUMMISSJONI

Regolament (KE) Nru 2173/2005 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea
Rapport annwali ta’ sinteżi għas-sena 2016

1.    Introduzzjoni

Fl-2005, l-Unjoni Ewropea (UE) adottat ir-Regolament (KE) Nru 2173/2005 1 tal-20 ta’ Diċembru 2005 dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjoni ta’ injam fil-Komunità Ewropea (minn hawn ’l quddiem “ir-Regolament FLEGT”), bħala parti mill-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tal-2003 dwar l-Infurzar tal-Liġi, Tmexxija u Kummerċ fis-Settur Forestali (FLEFGT) 2 . Fl-2008, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Regolament (KE) Nru 1024/2008 3  li jistabbilixxi miżuri dettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament FLEGT.

Ir-Regolament FLEGT jistabbilixxi r-regoli tal-UE għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ liċenzjar FLEGT permezz tal-konklużjoni ta’ Ftehimiet ta’ Sħubija Volontarji (VPAs) ma’ pajjiżi li jipproduċu l-injam, inkluż rekwiżit għall-importazzjonijiet fl-UE ta’ prodotti tal-injam li joriġinaw mill-pajjiżi sħab tal-FLEGT li jkunu koperti minn liċenzja FLEGT.

L-iskema ta’ liċenzjar FLEGT bdiet titħaddem għall-ewwel darba fil-15 ta’ Novembru 2016 bil-bidu tal-liċenzjar FLEGT mill-Indoneżja. L-Indoneżja kienet l-uniku pajjiż sieħeb tal-FLEGT li ħaddem din l-iskema fl-2016.

L-Artikolu 8(3) tar-Regolament FLEGT jirrikjedi li l-Kummissjoni tħejji u tippubblika rapport ta’ sinteżi annwali bbażat fuq l-informazzjoni mressqa mill-Istati Membri fir-rapporti annwali tagħhom li jkopru s-sena kalendarja preċedenti b'konformità mal-Artikolu 8(1).

Biex tiffaċilita r-rappurtar mill-Istati Membri, ġie stabbilit format ta’ rappurtar mill-Kummissjoni b'konformità mal-Artikolu 8(2). Il-format kien miftiehem mal-Istati Membri fil-Grupp ta’ Esperti tal-FLEGT. Sabiex jiġi ffaċilitat il-monitoraġġ tal-iskema ta’ liċenzjar FLEGT, il-format jinkludi mhux biss id-data meħtieġa skont l-Artikolu 8(1), iżda wkoll informazzjoni essenzjali dwar l-obbligi ewlenin tal-Istati Membri skont ir-Regolament FLEGT (eż. Awtorità/jiet kompetenti nominati, penali) kif ukoll informazzjoni dwar aspetti prattiċi tal-implimentazzjoni tal-iskema ta’ liċenzjar FLEGT. 

Dan ir-rapport jipprovdi analiżi tal-ewwel rapporti annwali mressqa mill-Istati Membri dwar l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ liċenzjar FLEGT għall-2016 u jkopri l-perjodu ta’ bejn il-15 ta’ Novembru u l-31 ta’ Diċembru 2016. L-analiżi tagħti stampa tal-qagħda attwali tal-implimentazzjoni tar-Regolament FLEGT fl-UE kollha u tiddeskrivi l-konklużjonijiet u l-passi li jmiss.

Saret analiżi aktar dettaljata tar-rapporti nazzjonali għall-Kummissjoni mill-konsulent UNEP-WCMC. Din tagħti aktar dettalji u tinsab fis-sit elettroniku tal-Kummissjoni 4 .

2.Kuntest

Il-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam huwa problema mifruxa ta’ tħassib internazzjonali ewlieni. Dan għandu impatt devastanti fuq xi wħud mill-aktar foresti importanti tad-dinja li għad fadal kif ukoll fuq il-persuni li jgħixu fihom u li jiddependu mir-riżorsi li jipprovdu l-foresti. Jikkontribwixxi għad-deforestazzjoni tropikali u għad-degradazzjoni tal-foresti, li jistgħu jkunu responsabbli għal minn 7 sa 14 % 5 tal-emissjonijiet totali tas-CO2 minn attivitajiet tal-bniedem; dan jhedded il-bijodiversità, u jimmina l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti u għandu impatt negattiv fuq it-tnaqqis tal-faqar, fuq it-tkabbir ekonomiku sostenibbli u inklużiv u fuq l-iżvilupp sostenibbli, inkluż billi jdgħajjef il-vijabbiltà kummerċjali tal-operaturi li jaġixxu b'konformità mal-leġiżlazzjoni applikabbli.

Il-Pjan ta’ Azzjoni FLEGT tal-2003 jistabbilixxi r-rispons tal-UE biex tittratta l-qtugħ illegali tas-siġar għall-injam u l-kummerċ assoċjat miegħu billi jtejjeb il-governanza tal-foresti, isaħħaħ l-infurzar tal-liġi u jippromwovi l-kummerċ ta’ injam u ta’ prodotti tal-injam maħsuda b’mod legali.

Il-ħolqien ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT biex ikun żgurat li injam maħsud b’mod legali biss jiġi esportat minn pajjiżi parteċipanti fl-iskema huwa wieħed mill-elementi ewlenin tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-FLEGT. L-iskema ta’ liċenzjar FLEGT tiġi implimentata permezz tal-konklużjoni ta’ VPAs ma’ pajjiżi li jipproduċu l-injam.

Skont il-VPA tal-FLEGT, il-pajjiżi esportaturi jiżviluppaw sistemi biex jivverifikaw il-legalità tal-esportazzjonijiet tal-injam tagħhom lejn l-UE u sistema ta’ liċenzjar li tiggarantixxi li l-injam importat fl-UE jkun ġie maħsud b’konformità mar-rekwiżiti legali tal-pajjiż sieħeb, kif stabbilit fil-VPA rilevanti tal-FLEGT.

L-ambitu tal-prodott tal-iskema ta’ liċenzjar FLEGT ikopri lista ewlenija ta’ prodotti obbligatorji, kif elenkati fl-Anness II tar-Regolament FLEGT, kif ukoll prodotti addizzjonali speċifiċi għall-pajjiż li għandhom jiġu elenkati fl-Anness III (b’konformità mal-ambitu tal-prodott miftiehem fil-VPA rilevanti).

Sal-lum ġew konklużi sitt VPAs mal-Kamerun, mar-Repubblika Ċentru-Afrikana, mal-Gana, mal-Indoneżja, mal-Liberja u mar-Repubblika tal-Kongo. Għadhom għaddejjin negozjati ma’ disa' pajjiżi sħab oħra, b’mod partikolari mal-Kosta tal-Avorju, mar-Repubblika Demokratika tal-Kongo, mal-Gabon, mal-Guyana, mal-Ħonduras, ma’ Laos, mal-Malasja, mat-Tajlandja u mal-Vjetnam.

Il-VPA tal-FLEGT bejn l-UE u l-Indoneżja daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2014 6 . Dan jistabbilixxi l-qafas, l-istituzzjonijiet u s-sistemi tal-iskema ta’ liċenzjar FLEGT fl-Indoneżja. Jiddeskrivi l-kontrolli tal-katina tal-provvista, il-qafas tal-konformità legali u r-rekwiżiti tal-awditjar indipendenti tas-sistema, imsejħa s-Sistema tal-Assigurazzjoni tal-Legalità tal-Injam (TLAS) jew ‘Sistem Verificasi Legalitas Kayu (SVLK)’ bl-Indoneżjan.

Wara l-evalwazzjoni konġunta pożittiva tat-TLAS Indoneżjan, l-Indoneżja saret l-ewwel pajjiż li jħaddem skema ta’ liċenzjar FLEGT mill-15 ta' Novembru 2016. B'konformità mal-Artikoli 10(1) u 10(3) tar-Regolament FLEGT, id-deċiżjoni li jinbeda t-tħaddim tal-iskema ta’ liċenzjar FLEGT fl-Indoneżja involviet l-emenda, permezz ta’ Regolament Delegat tal-Kummissjoni 7 , tal-Annessi I u III mar-Regolament FLEGT sabiex tiġi inkluża l-Indoneżja u l-Unità ta’ Informazzjoni dwar il-Liċenzjar (LIU) tagħha fil-lista tal-“Pajjiżi sħab u l-awtoritajiet tal-liċenzjar innominati tagħhom” li tinsab fl-Anness I, u l-lista tal-prodotti koperti mill-iskema ta’ liċenzjar FLEGT fl-Anness III “Prodotti tal-injam li għalihom l-iskema ta’ liċenzjar FLEGT tapplika biss fir-rigward tal-pajjiżi sħab korrispondenti”. Dan jirrigwarda bosta mill-prodotti koperti fir-Regolament tal-UE dwar l-Injam (EUTR) 8 , kif ukoll għamara, injam li jintuża bħala karburant, għodod tal-injam, materjal tal-injam li jintuża fl-imballaġġar, xogħol ta’ injam għall-bennejja, polpa tal-injam, il-karta u prodotti tal-karta, oġġetti tal-kċina jew tal-mejda u prodotti oħrajn, skont l-Anness I tal-VPA Indoneżja-UE 9 . Żewġ tipi ta’ prodotti huma esklużi mill-ambitu tal-iskema ta’ liċenzjar FLEGT għall-Indoneżja: 1) Kannadindja jew prodotti tal-bambù, u 2) karta magħmula minn materjal mhux tal-injam jew irriċiklat. Barra minn hekk, għandu jiġi nnutat li għadd ta’ prodotti (eż. zkuk), filwaqt li fil-prinċipju huma koperti mill-iskema ta’ liċenzjar FLEGT xorta huma pprojbiti mill-esportazzjonijiet skont il-leġiżlazzjoni Indoneżjana u b'konformità mal-Artikolu 4 tal-VPA dawn ma jistgħux jiġu koperti b’liċenzja FLEGT u għalhekk ma jistgħux jiġu importati fl-UE.

Biex tappoġġja l-implimentazzjoni tal-iskema ta’ liċenzjar FLEGT fl-UE, il-Kummissjoni żviluppat sistema tal-IT għall-ġestjoni elettronika tal-Liċenzji FLEGT mill-Istati Membri, imsejħa FLEGIT/TRACES 10 , li sservi wkoll bħala repożitorju ċentrali għal-liċenzji FLEGT. Il-Kummissjoni ppubblikat ukoll fl-2014 il-Linji Gwida ta’ Implimentazzjoni tad-Dwana u l-FLEGT 11 biex tappoġġja d-dwana fit-twettiq effettiv tal-kompiti tagħha skont ir-Regolament FLEGT. Barra minn hekk, il-Punt ta’ Informazzjoni dwar il-Liċenzji FLEGT ( www.flegtlicence.org ) ġie żviluppat biex jagħti informazzjoni rilevanti lill-operaturi u lill-Awtoritajiet Kompetenti tal-FLEGT (CAs) dwar l-implimentazzjoni tal-iskema tal-liċenzjar FLEGT. Fl-aħħar nett, b'konformità mal-Artikolu 3(2) tar-Regolament ta’ implimentazzjoni (KE) 1024/2008, il-Kummissjoni pprovdiet lill-Istati Membri bl-ismijiet u b'dettalji rilevanti oħrajn tal-Awtoritajiet tal-Liċenzjar maħtura mill-Indoneżja, kampjuni awtentikati ta’ timbri u firem għal kull Awtorità tal-Liċenzjar u kampjuni tal-mudell tal-liċenzja FLEGT li jintużaw mill-Indoneżja.

3.Analiżi tar-rapporti annwali dwar FLEGT

B'konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament FLEGT, l-Istati Membri huma meħtieġa jressqu sat-30 ta’ April rapporti annwali 12 dwar l-implimentazzjoni tal-iskema tal-liċenzjar FLEGT li jkopru s-sena kalendarja preċedenti. Ir-rapporti annwali 13 mressqa mill-Istati Membri jipprovdu mekkaniżmu importanti għall-Kummissjoni biex tissorvelja l-implimentazzjoni tar-Regolament FLEGT. Dawn jipprovdu wkoll bażi għal skambju ta’ informazzjoni bejn l-Istati Membri u ma’ partijiet interessati oħrajn, u jappoġġjaw l-identifikazzjoni ta’ żviluppi, tendenzi, lakuni jew sfidi kif ukoll soluzzjonijiet possibbli.

Dan ir-rapport annwali ta’ sinteżi mħejji b'konformità mal-Artikolu 8(3) huwa bbażat fuq l-informazzjoni mogħtija mill-Istati Membri fir-rapporti annwali tal-2016 tagħhom, li jkopru l-perjodu ta’ berjn il-15 ta’ Novembru l-31 ta’ Diċembru 2016; 15-il Stat Membru ressqu r-rapporti tagħhom sal-iskadenza, filwaqt li 13 ressqu r-rapporti tagħhom wara l-iskadenza.

4.L-implimentazzjoni – is-sitwazzjoni attwali

Ir-Regolament FLEGT jirrikjedi li l-Istati Membri jinnominaw CA jew CAs u jadottaw penali effettivi, proporzjonati u dissważivi biex jinfurzaw ir-Regolament. Ir-rapporti nazzjonali jagħtu ħarsa ġenerali lejn l-istatus tal-implimentazzjoni nazzjonali u huma mezz ta’ valutazzjoni tal-livell ta’ konsistenza miksub mill-Istati Membri.

4.1In-nomina tal-awtoritajiet kompetenti

Skont l-Artikolu 7(1) tar-Regolament FLEGT, l-Istati Membri kollha nnominaw CA jew CAs 14 u l-Istati Membri kollha li rrappurtaw ħlief wieħed (il-Portugall) taw informazzjoni dwar l-att leġiżlattiv li jinnomina s-CAs.

F’seba' Stati Membri, l-awtorità tad-dwana ġiet innominata bħala s-CA għal-liċenzjar FLEGT, jew bħala parti mis-CA. F’21 Stat Membru, id-dwana u s-CA huma awtoritajiet separati. F’dawn l-Istati Membri huwa importanti li jkun hemm arranġamenti fis-seħħ biex jiżguraw li l-awtoritajiet ikunu jistgħu jikkooperaw b’mod effettiv fuq l-ipproċessar tal-liċenzji FLEGT, billi s-CA tkun tista’ tiddelega kompiti rilevanti lid-dwana u tikseb l-informazzjoni meħtieġa biex tivverifika li liċenzja FLEGT tkun tikkorrispondi ma’ vjeġġ partikolari. Dan id-delegar ġie stabbilit f’dawn l-Istati Membri kollha ħlief wieħed (il-Belġju). Xi Stati Membri madankollu rrapportaw li l-kooperazzjoni bejn l-aġenziji differenti tista’ titjieb aktar.

4.2 Il-kwantitajiet ta’ injam importat u l-għadd relatat ta’ Liċenzji FLEGT

B’konformità mal-Artikolu 8(1) tar-Regolament FLEGT, l-Istati Membri għandhom jirrapportaw għas-sena kalendarja preċedenti b’mod partikolari dwar dawn li ġejjin:

(a)il-kwantitajiet ta’ prodotti tal-injam importati fl-Istat Membru taħt l-iskema ta’ liċenzjar FLEGT, għal kull Intestatura tas-SA speċifikata fl-Annessi II u III u għal kull pajjiż sieħeb;

(b)l-għadd ta’ liċenzi FLEGT riċevuti 15 , għal kull Intestatura tas-SA speċifikata fl-Annessi II u III u għal kull pajjiż sieħeb;

(c)l-għadd ta’ każi u l-kwantitajiet ta’ prodotti tal-injam involuti fejn ikun ġie applikat l-Artikolu 6(1) 16  

Ta’ min wieħed jinnota li jidher li l-Istati Membri interpretaw l-informazzjoni li għandha tiġi rrappurtata dwar l-għadd ta’ liċenzji u dwar il-kwantitajiet f’din it-taqsima b’mod differenti.



L-għadd ta’ liċenzji

Fl-2016, 16 mit-28 Stat Membru rċevew liċenzji FLEGT u l-għadd ta’ liċenzji varjaw b’mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri (Figura 1). Ġie rrapportat li ġew riċevuti total ta’ 591 liċenzja.

Xi Stati Membri rrapportaw kull liċenzja b’mod separat u enfasizzaw dawk il-liċenzji li kienu jinkludu aktar minn kodiċi ta’ Komodità Armonizzata (SA) waħda. Oħrajn irrappurtaw skont il-kodiċi tas-SA billi kkombinaw il-kwantitajiet inklużi fuq liċenzji differenti. Peress li l-approċċ tal-aħħar iwassal għal għadd doppju ta’ xi liċenzji, l-Istati Membri ġew ikkuntattjati biex jikkonfermaw l-għadd totali ta’ liċenzji riċevuti fl-2016; l-Istati Membri inkwistjoni kollha wieġbu biex jikkonfermaw l-għadd totali.

Figura 1:    L-għadd ta’ liċenzji FLEGT riċevuti fl-2016.

Il-kwantitajiet esportati

L-Istati Membri rrapportaw importazzjonijiet ta’ aktar minn 13,600 tunnellata ta’ injam b’liċenzja FLEGT matul il-perjodu ta’ rappurtar. Il-kategoriji prinċipali tal-prodotti importati 17 inkludew għamara (SA 9403), prodotti tal-karta (SA 4802), injam tal-mastrudaxxa (SA 4418), plajwudd u prodotti simili (SA 4412) u injam b’“forma kontinwa” (SA 4409) (Figura 2). L-Istati Membri importaturi ewlenin ta’ dawn il-prodotti jidhru fl-Figura 3.

Figura 2:    L-importazzjonijiet ta’ prodotti b’liċenzja FLEGT mill-Indoneżja lejn l-UE fl-2016 irrappurtati skont il-piż (kg), bil-kodiċi tas-SA (ara l-Anness A għad-deskrizzjoni sħiħa tal-kodiċijiet tas-SA).

Figura 3:    L-Istati Membri importaturi ewlenin tal-UE għas-6 gruppi ta’ prodotti FLEGT li huma liċenzjati mill-Indoneżja fl-UE fl-2016, kif irrapportat skont il-piż (kg) (ara Anness A għal deskrizzjoni sħiħa tal-kodiċijiet tas-SA).

Uħud mill-Istati Membri rrappurtaw abbażi tal-kwantitajiet fil-liċenzji FLEGT, filwaqt li oħrajn irrapportaw abbażi tal-kwantitajiet fid-dikjarazzjonijiet doganali 18 . Ġaladarba, minħabba diversi raġunijiet, jista’ jkun hemm xi diskrepanzi bejn il-kwantitajiet irrappurtati fil-liċenzja FLEGT u l-kwantitajiet fid-dikjarazzjonijiet tad-dwana, iż-żewġ approċċi differenti jwasslu biex id-data ma tkunx dejjem komparabbli. Taħt l-approċċ tal-ewwel, il-liċenzji approvati fl-aħħar tal-2016 jingħaddu lejn it-totali importati fl-2016 (“kummerċ fi tmiem is-sena”) anke jekk il-vjeġġ ikun ġie approvat biss mid-dwana fl-2017, filwaqt li taħt l-approċċ tal-ewwel, il-kwantitajiet korrispondenti jingħaddu għall-2017. L-Artikolu 8(1) tar-Regolament FLEGT jispeċifika li l-Istati Membri għandhom jirrappurtaw dwar il-kwantitajiet tal-prodotti tal-injam impurtati; id-diskrepanzi fir-rappurtar jidhru li ġejjin minn interpretazzjonijiet differenti tar-Regolament u l-mudell tar-rapportar.

Każi ta’ vjeġġi mhux koperti b’Liċenzja FLEGT

Fl-2016, il-vjeġġi kollha rilevanti mill-Indoneżja kienu koperti minn liċenzji FLEGT validi u ebda wieħed mill-Istati Membri ma applika l-Artikolu 6(1) tar-Regolament FLEGT, jiġifieri ma nħarġet ebda penali jew azzjoni oħra meħuda skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali fis-seħħ.

4.3Verifika ulterjuri tal-vjeġġi

Skont l-Artikolu 5(4) tar-Regolament FLEGT, is-CAs għandhom jiddeċiedu dwar il-ħtieġa għal verifika ulterjuri ta’ vjeġġi bl-użu ta’ approċċ ibbażat fuq ir-riskju. Id-dispożizzjonijiet jinsabu fis-seħħ fi 17-il Stat Membru rigward liema aġenzija għandha twettaq il-verifika ulterjuri dwar vjeġġi b’liċenzja FLEGT kif u meta jkun meħtieġ (Anness B, Tabella 1). L-Istati Membri rrappurtaw li jużaw għadd ta’ kriterji ta’ riskju biex jistabbilixxu jekk ikunx hemm ħtieġa ta’ verifika addizzjonali ta’ vjeġġ, inkluż f’każi ta’ nuqqas ta’ qbil bejn l-informazzjoni dwar liċenzja FLEGT u dokumentazzjoni oħra, bħal fatturi, poloz tal-kargu u l-informazzjoni dwar l-iżdoganar (Anness 1, Tabella 1).

Iddaħħlu fis-seħħ arranġamenti għal assistenza fl-identifikazzjoni tal-injam minn esperti minn 12-il Stat Membru u 3 Stati Membri oħra rrapportaw li kienu qegħdin jippreparaw dawn l-arranġamenti; 10 Stati Membri m’għandhom ebda arranġament fis-seħħ u 3 Stati Membri ma taw ebda informazzjoni.

Rigward il-591 vjeġġ b’liċenzja FLEGT irrappurtati li ġew importati fl-UE fl-2016, 3 Stati Membri wettqu kontrolli fiżiċi fuq il-vjeġġi FLEGT: Ċipru (3 kontrolli), l-Italja (8 kontrolli) u r-Renju Unit (kontroll 1). Mill-bqija tal-Istati Membri, 23 ikkonfermaw li ma sarux kontrolli fiżiċi filwaqt li 2 Stati Membri (ir-Rumanija, is-Slovenja) ma speċifikawx jekk twettqux verifiki fiżiċi.

4.4Tariffi fuq l-ipproċessar ta’ liċenzji FLEGT

L-Istati Membri jistgħu jitolbu ħlasijiet għall-ipproċessar ta’ liċenzji FLEGT skont l-Artikolu 5(6) tar-Regolament FLEGT u 5 Stati Membri rrappurtaw li jagħmlu dan – b’tariffi li jvarjaw minn madwar EUR 11 sa EUR 390 19 – filwaqt li 23 Stat Membru rrapportaw li bħalissa mhumiex qegħdin jitolbu tariffi 20 (Anness B, Tabella 2).

4.5Penali

Skond l-Artikolu 5(8) tar-Regolament FLEGT, “kull Stat Membru għandu jistabbilixxi l-pieni li għandhom jiġu applikati għall-ksur tad-disposizzjonijiet ta' dan ir-Regolament. Tali penali għandhom ikunu effettivi, proporzjonati u dissważivi.” Ebda wieħed mill-Istati Membri ma rrapporta li impona xi penali relatati mal-ksur tar-Regolament FLEGT fl-2016.

Ir-rapporti nazzjonali ta’ 19-il Stat Membru kien fihom informazzjoni dwar il-firxa ta’ pieni potenzjali. Għad-9 Stati Membri l-oħra, l-informazzjoni nkisbet permezz ta’ kuntatt dirett mas-CAs. Ġie rrappurtat li ġew imposti spejjeż amministrattivi minn 6 Stati Membri, 8 rrappurtaw li jistgħu jimponu tariffi kriminali u 14 irrapportaw li jistgħu jimponu ż-żewġ tipi ta’ tariffi. Il-multi potenzjali jvarjaw minn ammont żgħir ta’ EUR 30 sa ammont kbir ta’ EUR 24 miljun u l-priġunerija ġiet ikkonfermata bħala penali possibbli għal ksur f’16-il Stat Membru (Anness B, Tabella 3).

B’konformità mal-Artikolu 5(7) tar-Regolament FLEGT, id-dwana tista’ tissospendi r-rilaxx tal-prodotti tal-injam jew iżommhom meta jkollha raġuni biex temmen li l-liċenzja tista’ ma tkunx valida u 25 Stat Membru rrapportaw li jistgħu jissekwestraw prodotti tal-injam (Figura 4). Ċipru, il-Ġermanja, il-Portugall, is-Slovakkja u l-Iżvezja speċifikaw li l-oġġetti konfiskati jintremew b’waħda jew aktar minn dawn il-miżuri: il-bejgħ jew il-qerda tal-vjeġġ jew billi jirritornaw il-vjeġġi lejn il-pajjiż tal-oriġini. Fl-Italja, oġġetti kkonfiskati jistgħu jintużaw għal skopijiet edukattivi jew xjentifiċi, jinbiegħu bi rkant pubbliku jew jinqerdu.

A) B)

 

Figura 4: (A) L-għadd ta’ Stati Membri fejn il-konfiska ta’ oġġetti tal-injam hija penali possibbli u (B) dettalji dwar liema awtorità hija responsabbli mid-disponiment ta’ oġġetti maqbuda 21

4.6    L-isfidi tal-Implimentazzjoni

L-Istati Membri rrappurtaw ukoll xi kwistjonijiet u sfidi tekniċi rigward il-verifika ta’ ċerti liċenzji FLEGT li kienu jeħtieġu verifika ulterjuri u komunikazzjoni mal-awtoritajiet Indoneżjani biex jiksbu iktar informazzjoni. Dan kien partikolarment dovut għal xi każi ta’ nuqqas ta’ informazzjoni dwar il-liċenzji FLEGT meta mqabbla mad-dikjarazzjonijiet doganali (eż. klassifikazzjoni tal-kodiċi tas-SA differenti, piżijiet jew volumi inkonsistenti, speċijiet differenti ta’ injam eċċ.) marbuta pereżempju ma’ żbalji fil-kompilazzjoni tal-liċenzja FLEGT, opinjonijiet diverġenti bejn l-Istati Membri u l-awtoritajiet doganali Indoneżjani dwar il-klassifikazzjoni korretta ta’ ċerti oġġetti, jew bidliet li jsiru fl-aħħar minuta fil-konfigurazzjoni ta’ ċerti vjeġġi li ma jkunux riflessi b’mod xieraq fil-liċenzja FLEGT. Barra minn hekk, l-iskambju f’waqtu ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-UE u dawk Indoneżjani ġie identifikat bħala qasam li jeħtieġ titjib.

5. Konklużjonijiet

Dan l-ewwel rapport ikopri perjodu limitat ta’ żmien (mill-15 ta’ Novembru sal-31 ta’ Diċembru 2016) u għadd limitat ta’ liċenzji FLEGT (591). Madankollu, dan juri li l-Kummissjoni u l-Istati Membri implimentaw il-miżuri kollha meħtieġa għall-implimentazzjoni tal-iskema ta’ liċenzjar FLEGT, inkluża l-ħatra tas-CAs, l-iżvilupp ta’ arranġamenti għall-kooperazzjoni mal-awtoritajiet tad-dwana fejn meħtieġ, u l-iffissar ta’ dispożizzjonijiet għal penali għal ksur tar-Regolament FLEGT.

L-informazzjoni rrappurtata mill-Istati Membri tissuġġerixxi li l-vjeġġi rilevanti kollha mill-Indoneżja kienu koperti kif jixraq mil-liċenzji FLEGT u ma kien hemm ebda każ fejn inħarġu penali jew ittieħdu miżuri oħra ta’ infurzar biex jittrattaw vjeġġi li ma kinux akkumpanjati b’liċenzja FLEGT.

Meta nqisu li l-iskema ta’ liċenzjar FLEGT bdiet titħaddem għall-ewwel darba fl-2016 u rrappreżentat novità għall-operaturi u għall-awtoritajiet tas-settur privat kemm fl-UE kif ukoll fl-Indoneżja, nistgħu nikkonkludu li l-implimentazzjoni tal-iskema mxiet ’l quddiem tajjeb. Madankollu, l-Istati Membri enfasizzaw l-isfidi tal-implimentazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ każi ta’ nuqqas ta’ qbil dwar il-liċenzji FLEGT meta mqabbla mad-dikjarazzjonijiet doganali u fir-rigward tal-komunikazzjoni f’waqtha mal-awtoritajiet Indoneżjani.

6. Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni se tkompli taħdem f’kooperazzjoni mal-Istati Membri lejn l-applikazzjoni konsistenti tar-Regolament FLEGT fl-UE kollha, inkluż billi tiżviluppa dokumenti gwida addizzjonali jew billi tirrevedi l-Linji Gwida ta’ Implimentazzjoni tad-Dwana u l-FLEGT, fejn meħtieġ, fid-dawl tal-esperjenza sal-lum. Il-Kummissjoni se tkompli taħdem fuq it-titjib ulterjuri tas-sistema FLEGIT/TRACES IT u sejra tkompli tikkoopera fl-iskambju tad-data ma’ Stati Membri li żviluppaw is-sistemi nazzjonali tagħhom stess.

B’mod parallel, il-Kummissjoni se tkompli taħdem mill-qrib mal-awtoritajiet Indoneżjani biex tindirizza l-kwistjonijiet u l-isfidi identifikati hawn fuq bħala parti mid-diskussjonijiet usa’ dwar l-implimentazzjoni tal-VPA FLEGT UE-Indoneżja u s-sorveljanza tal-impatti tagħha. Il-Kummissjoni se tkompli tesplora wkoll mal-Indoneżja l-integrazzjoni possibbli tas-sistemi tal-IT rispettivi u l-possibbiltà li fuq medda twila ta’ żmien isir ċaqliq lejn sistema ta’ liċenzjar kompletament elettronika.

Il-firxa wiesgħa fit-tariffi stabbiliti mill-Istati Membri għall-ġestjoni tal-liċenzji FLEGT tista’ tirrifletti kostijiet amministrattivi differenti assoċjati mal-ipproċessar tal-liċenzji FLEGT, jew stimi differenti tal-ħidma involuta. Il-Kummissjoni se tippromwovi diskussjoni fost l-Istati Membri dwar dan is-suġġett.

Fl-aħħar nett, dan l-ewwel eżerċizzju ta’ rappurtar ippermetta l-identifikazzjoni ta’ diversi oqsma li jeħtieġu titjib fil-format tar-rappurtar. Għalhekk il-format tar-rappurtar għall-2018 għandu jiġi rivedut sabiex tiġi ċċarata l-informazzjoni li għandha tingħata mill-Istati Membri fir-rigward tal-Artikolu 8 tar-Regolament FLEGT.

Anness A

Spjegi tal-Kodiċijiet tas-Sistema Armonizzata (SA) tal-prodotti FLEGT importati fl-2016

Kodiċi tas-SA

Dettalji

Ex. 4407

Injam isserrat jew imlaqqax mit-tul, imfellel jew imqaxxar, inċanat, xkatlat jew imminċottat fit-truf, ta’ ħxuna ta’ iktar minn 6 mm.

4408

Folji għall-fuljetta (inklużi dawk magħmulin bit-tiflil ta’ injam laminat), għall-plywood jew għal injam simili laminat u injam ieħor, isserrat mit-tul, imfellel jew imqaxxar, inċanat, xkatlat, impalellat jew imminċottjat fit-truf jew le, mhux eħxen minn 6 mm

4409

Injam (inklużi strixxi u freġji għal kisi ta’ art bil-parkè, mhux immuntat) b’forma kontinwa (mudullun, gruvjat, irbattut, iċċanfrinat, ingastat-V, imżebbeġ, iffurmat, ittundjat jew simili) tul xi xifer, tarf jew wiċċ tiegħu, inċanat, xkatlat jew imminċottat fit-truf jew le.

4412

Plywood, pannelli miksijin bil-fuljetta (veneered) u injam laminat simili

4414

Gwarniċi tal-injam għal pitturi, ritratti, mirja jew oġġetti simili (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja)

4415

Kontenituri tal-ippakkjar, kaxxi, ċestuni u ppakkjar simili, tal-injam; rukkelli tal-injam għall-kejbils; palits, palits tal-kaxxi u twavel oħrajn tat-tagħbija, tal-injam; għenuq tal-palits tal-injam (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja)

4416

Btieti, bramel, tankijiet, tnelli u prodotti oħrajn ta’ buttar u partijiet tagħhom, tal-injam, inklużi l-injam imqawwes (staves) (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja)

4417

Għodod, il-partijiet prinċipali ta’ għodod, mankijiet ta’ għodod, xkupi jew xkupilji proprja u l-mankijiet tagħhom, tal-injam; forom ta’ stvali jew żraben, tal-injam (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja)

4418

Xogħol tal-injam għall-bennejja, inklużi pannelli ċellulari tal-injam, pannelli mmuntati għall-paviment, shingles u shakes (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja)

4419

Oġġetti tal-mejda u tal-kċina, tal-injam (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja)

Ex. 4420.90

Intarsjar fl-injam u injam ingastat; kaxxetti u kaxxi għall-ġawhar u pożati, u oġġetti simili, tal-injam;

Ex. 4421.90

Oġġetti oħrajn tal-injam

Oħrajn - Laqx għas-sulfarini (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja) u - Oħrajn - Blokok tal-injam għall-iċċangar (mhux tal-bambù jew tal-kannadindja)

4802

Karta u kartun mhux miksijin, ta’ tip użat għall-kitba, għall-istampar jew għal għanijiet grafiċi oħrajn, u kartun tal-ippanċjar u karta għat-tejp tal-ippanċjar mhux imtaqqbin, f’rombli jew f’folji rettangulari (inklużi kwadri), ta’ kull qies, ħlief karta tat-titlu 4801 jew 4803; karta jew kartun magħmulin bl-idejn (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew irriċiklat)

4804

Karta jew kartun tat-tip tal-kraft mhux miksi, f’rombli jew f’folji, ħlief dawk tal-intestatura 4802 jew 4803 (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew irriċiklat)

4810

Karta u kartun, miksijin min-naħa waħda jew miż-żewġ naħat b’kawlina (tafal taċ-Ċina) jew sustanzi oħrajn inorganiċi, b’materjal li jgħaqqad jew le, u mingħajr ebda kisi ieħor, bil-wiċċ miżbugħ, bil-wiċċ imżejjen jew stampat jew le, f’rombli jew f’folji rettangulari (inklużi kwadri), ta’ kull qies (mhux minn materjal li mhux tal-injam irriċiklat)

4817

Envelops, kartolini tal-ittri, kartolini sempliċi u kartolini għall-korrispondenza, tal-karta jew tal-kartun; kaxxi, boroż, kartieri u pakketti għall-kitba (compendiums), tal-karta jew tal-kartun, li fihom taħlita ta’ kartolerija tal-karti (mhux minn materjal li mhux tal-injam jew irriċiklat)

9401

Sedili (ħlief dawk tal-intestatura 94.02), kemm jekk jinbidlu f’sodod jew le, u partijiet tagħhom

9403

Għamara oħra u partijiet tagħha

9406

Bini pprefabbrikat

Anness B

Tabella 1: Dispożizzjonijiet u kriterji użati biex jiddeterminaw il-ħtieġa ta’ verifiki addizzjonali fuq vjeġġi

Kriterji użati biex jiddeterminaw il-ħtieġa ta’ verifiki addizzjonali

Pajjiż

L-awtorità li għandha twettaq il-verifiki ġiet innominata

Nuqqas ta’ qbil bejn id-dokumenti tal-liċenzja u tal-vjeġġ

Irregolaritajiet fid-dokumenti

Valutazzjoni ġenerali tar-riskji doganali

Valutazzjoni tar-riskji (eż. oriġini, importatur)

Verifiki għall-għarrieda

Oħrajn

L-Awstrija

Il-Belġju

Il-Bulgarija

Intelliġenza fuq l-importatur jew il-vjeġġ

Il-Kroazja

Ċipru

Saru verifiki fuq il-vjeġġi kollha

Ir-Repubblika Ċeka

Id-Danimarka

L-Estonja

Il-Finlandja

Franza

Il-Ġermanja

Il-Greċja

Kriterji mhux speċifikati

L-Ungerija

L-Irlanda

L-Italja

Tħassib issostanzjat

Il-Latvja

Kriterji mhux speċifikati

Il-Litwanja

Japplikaw kriterji tar-Reġ. FLEGT

Il-Lussemburgu

Kriterji mhux speċifikati

Malta

*

*kull 25 vjeġġ ivverifikat

In-Netherlands

Il-Polonja

Il-Portugall

Ir-Rumanija

Kriterji mhux speċifikati

Is-Slovakkja

Is-Slovenja

Spanja

Il-kriterji għadhom qed jipu żviluppati Japplikaw kriterji tar-Reġ. FLEGT

L-Iżvezja

Ir-Renju Unit

Intelliġenza fuq l-importatur jew il-vjeġġ

Tabella 2: Livelli approssimattivi tat-tariffi u l-bażi tal-kalkolu għal dawk l-Istati Membri li jimponu tariffi fuq l-importaturi għall-ipproċessar tal-liċenzji FLEGT

Pajjiż

Tariffi għak kull liċenzja FLEGT

Il-bażi tal-kalkolu

L-Awstrija

EUR 105.90

Ibbażat fuq l-għadd ta’ importazzjonijiet fl-aħħar 1.5 snin, il-ħin li jieħu l-ipproċessar tal-liċenzji u l-istima tat-tul u tal-ispejjeż tal-verifiki fiżiċi.

Il-Finlandja

EUR 390*

Ibbażat fuq l-irkupru tal-ispejjeż.

Il-Greċja

EUR 100

Mhux speċifikat

L-Italja

EUR 50

Ibbażat fuq sagħtejn xogħol fuq l-ivvalidar tal-liċenzja mis-CA.

Ir-Renju Unit

£ 9.60 [EUR 11.33]

Ibbażat fuq l-għadd ta’ importazzjonijiet fl-aħħar 7 snin, il-livelli tal-kummerċ mistennija u l-irkupru tal-ispejjeż għas-CA/dwana/Forza tal-Fruntieri; għadu taħt reviżjoni.

*Il-Finlandja minn dak iż-żmien naqqset din it-tariffa għal EUR 70 għal kull liċenzja FLEGT mill-1 ta’ Jannar 2018.

Tabella 3: Ħarsa ġenerali lejn il-penali li jistgħu jiġu imposti fuq livell nazzjonali għal ksur tar-Regolament FLEGT

Pajjiż

Kriminali/

Amministrattivi*

Sanzjonijiet finanzjarji

Priġunerija

Il-bażi legali

L-Awstrija

A

EUR 15 000; EUR 30 000 għall-intenzjoni jew għal ksur ripetut

Mhux speċifikat

Il-liġi “Holzhandelsüberwachungsgesetz” (BGBl. I Nr. 178/2013)

Il-Belġju

A u C

EUR 480 -1 200 000 (Amministrattivi); EUR 960 - 24 000 000 (Kriminali)

Kriminali: 8 ijiem - 3 snin

Liġi tal-21 ta’ Diċembru 1998 dwar in-normi tal-prodotti - il-liġi ambjentali

Il-Bulgarija

[A u C]

[EUR 260-5110] BGN 500 - 10 000 (penali iżjed ħorox possibbli)

Mhux speċifikat

L-Att dwar il-Forestrija

Il-Kroazja

C

[EUR 1340 – 20 100] HRK 10 000-150 000

Mhux speċifikat

Liġi dwar l-Implimentazzjoni tad-Digriet tal-Unjoni Ewropea dwar il-Kummerċ fil-Qtugħ Illegali tal-Injam u l-Prodotti ta’ dan l-Injam

Ċipru

[C]

EUR 40 000

Sa sentejn

Law 125(I)/2010

Ir-Repubblika Ċeka

A

[EUR 150 400] CZK 4 000 000

Mhux speċifikat

L-Att dwar it-Tariffi Nru. 242/2016

Id-Danimarka**

A u C

Ebda minimu jew massimu stabbilit fil-leġiżlazzjoni – livell iddeterminat mill-qorti; sekwestru tal-oġġetti

Ebda minimu jew massimu – livell iddeterminat mill-qorti;

L-Att Legali tat-18 ta’ Frar 2013 Nru. 169

L-Estonja**

A u C

Sa EUR 3200

Sa 5 snin

Il-Kodiċi Penali tal-Estonja

Il-Finlandja

C

Jiddependi mill-każ

Sa 4 snin

Il-Liġi “FLEGT-lupajärjestelmästä” 1425/2014; Il-Kodiċi Kriminali 39/1889

Franza

[ A u C ]

1-2x tal-valur tal-oġġetti; konfiska tal-oġġetti/oġġetti assoċjati

Sa 3 snin

Il-kodiċi doganali nazzjonali

Il-Ġermanja

A

EUR 50 000

Mhux speċifikat

Il-Liġi “Holzhandels-Sicherungs-Gesetz”

Il-Greċja

A u C

EUR 50

1-6 xhur (ostakolu fl-ispezzjoni); Xahrejn - sentejn (pussess/traffikar)

Il-Liġi 86/1969 u l-Liġi 2637/1998; Id-Deċiżjoni Ministerjali Konġunta 135279/159/2016/(A’ 83)

L-Ungerija**

A u C

[EUR 323 – 3227] HUF 100 000 - 1 000 000 (amministrattivi)

Attività mingħajr permess sa 3 snin (kriminali)

Il-Kodiċi Kriminali Ungeriż (Att C tal-2012), il-Kodiċi Doganali Ungeriż (Att XIII tal-2016), id-Digriet Nru 11/2016 (IV. 29) tal-NGM

L-Irlanda**

A u C

Sa EUR 250,000

Sa sena

L-Istrument Statutorju S.I. Nru 251 tal-2015

L-Italja

A u C

EUR 2000 - EUR 50 000

Xahar - Sena

Id-digriet leġislattiv Nru. 178/2014 (D. Lgs. 30-10-2014 Nru. 178)

Il-Latvja**

A u C

Mhux speċifikat; sekwestru tal-oġġetti

Mhux speċifikat

Il-kodiċi ta’ ksur amministrattiv u l-Liġi Kriminali

Il-Litwanja

A

EUR 30 - EUR 6 000

Mhux speċifikat

Il-kodiċi tal-Ksur Amministrattiv tar-Repubblika tal-Litwanja

Il-Lussemburgu

A u C

EUR 251 – EUR 250.000

8 ijiem - xahar

Il-Liġi “Loi du 21 juillet 2012 (CE) n°2173/2005”

Malta

C

EUR 1500 – EUR 25 000 (l-ewwel kundanna); EUR 2 500 – EUR 50 000 (kundanni sussegwenti); sekwestru tal-oġġetti

30 jum - sentejn

S.L. 549.95 Skema ta’ Liċenzjar għall-Infurzar tal-Liġi u t-Tmexxija u l-Kummerċ fis-Settur tal-Forestrija

In-Netherlands

C

Sa EUR 8100; sekwestru tal-oġġetti

Ma tapplikax

Il-liġi doganali u r-regolament doganali

Il-Polonja

A

2x il-valur tal-oġġetti

Mhux speċifikat

L-Att dwar il-foresti tat-28 ta’ Settembru 1991 (Ġurnal Uffiċjali tal-2017, 788)

Il-Portugall**

A u C

Sa EUR 165,000; sekwestru tal-oġġetti 

Sa 3 snin

Il-Liġi Ġenerali (Nru. 15/2001) dwar ir-reati fiskali

Ir-Rumanija

[ A u C ]

EUR 950 - EUR 1500 (kummerċjalizzazzjoni ta’ injam /prodotti tal-injam illegali); EUR 3300 - EUR 5000 (importazzjoni, transport, pussess u/jew ipproċessar/kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti FLEGT); EUR 250 (nuqqas ta’ tressiq ta’ liċenzja FLEGT)

Mhux speċifikat

Il-Liġi nru. 171/2010 rigward l-istabbiliment u s-sanzjonar fuq kontravenzjonijiet forestali

Is-Slovakkja**

C

Sa EUR 99 581.75; konfiska tal-oġġetti

Mhux speċifikat

L-Att Doganali (Att Nru. 199/2004)

Is-Slovenja

A

EUR 1000 - EUR 20 000

Regolament dwar l-implimentazzjoni tar-Regolamenti (ES) dwar l-istabbiliment ta’ skema ta’ liċenzjar FLEGT għall-importazzjonijiet ta’ injam fil-Komunità Ewropea (Ġurnal Uffiċjali Nru. 77/2012)

Spanja**

[ A u C ]

EUR 500 – 350 % tal-valur tal-oġġetti (amministrattivi). Sa 6 darbiet tal-valur tal-oġġetti, il-konfiska tal-oġġetti u l-kanċellazzjoni tad-dritt għall-importazzjoni (kriminali)

Sa 5 snin

Ley Orgánica 12/1995, de 12 de diciembre, and Ley Orgánica 6/2011, de 30 de junio, por la que se modifica la Ley Orgánica 12/1995, de 12 de diciembre, de represión del contrabando

L-Iżvezja

C

Mhux speċifikat

Sa sentejn

Ir-Reg. 2012:30; Ir-Reg. 2000:1225

Ir-Renju Unit

[ A u C ]

[EUR 23 300] £ 20 000 jew 3x tal-valur tal-oġġetti (l-ogħla ammont minnhom); kundanna bbażata fuq l-akkuża: penali ta’ kwalunkwe ammont

6 xhur; kundanna bbażata fuq l-akkuża: sa 3 snin

L-Att dwar l-Amministrazzjoni tad-Dwana u tas-Sisa (CEMA) 1979

*    L-informazzjoni li ma ġietx speċifikata b’mod ċar mill-Istati Membri, iżda li ġiet dedotta abbażi tat-tweġibiet tagħhom, hija indikata f’parenteżi kwadri “[....]”.

**    Ibbażata fuq l-informazzjoni mressqa lill-Kummissjoni fl-2014 u/jew kjarifiki ulterjuri mitluba direttament mill-Awtoritajiet Kompetenti

(1)

ĠU L 347, 30.12.2005, p. 1

(2)

COM/2003/0251 finali.

(3)

ĠU L 277, 18.10.2008, p.23.

(4)

  http://ec.europa.eu/environment/forests/flegt.htm

(5)

  https://ec.europa.eu/jrc/en/news/reporting-greenhouse-gas-emissions-deforestation-and-forest-degradation-pan-tropical-biomass-maps .

(6)

   Aktar informazzjoni dwar il-VAP UE-Indoneżja tinsab hawnhekk: ĠU L 150, 20.5.2014, p. 252, u ĠU L 213, 12.08.2015, p. 11. 

(7)

     ĠU L 223, 18.8.2016, p. 1.

(8)

     ĠU L 295, 12.11.2010, p. 23.

(9)

     ĠU L 187, 15.7.2015, p. 30.

(10)

     FLEGIT/TRACES hija applikazzjoni tal-web - komponent tas-sistema TRACES NT (Sistema Esperta tal-Kontroll tal-Kummerċ, Teknoloġija Ġdida) - u tista’ tintuża minn importaturi tal-UE u mill-aġenti tagħhom, mill-Awtoritajiet Kompetenti tal-FLEGT tal-Istati Membri u mid-dwana tal-UE għall-verifika u għall-ġestjoni elettronika tal-Liċenzji FLEGT b’mod rapidu u sikur. Wieħed u għoxrin (21) Stat Membru jużaw il-FLEGIT, filwaqt li 4 Stati Membri (il-Bulgarija, il-Litwanja, il-Latvja u l-Lussemburgu) bħalissa ma jużaw ebda sistema elettronika. Tliet (3) Stati Membri (ir-Renju Unit, in-Netherlands u Spanja) żviluppaw is-sistemi nazzjonali tagħhom stess għall-ġestjoni elettronika tal-Liċenzji FLEGT. Fil-ġejjieni, is-sistemi nazzjonali kollha mistennija jsiru interkonnessi mal-FLEGIT.

(11)

   ĠU C 389, 4.11.2014, p. 2

(12)

   L-użu ta’ formola ta’ rappurtar stabbilita mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 8(2) tar-Regolament FLEGT.

(13)

      http://ec.europa.eu/environment/forests/flegt.htm  

(14)

   Ara http://ec.europa.eu/environment/forests/pdf/list_competent_authorities_flegt.pdf  

(15)

   jiġifieri l-għadd ta’ liċenzji depożitati mas-CA

(16)

     jiġifieri l-konformità ma-leġiżlazzjoni nazzjonali f’każi ta’ vjeġġi mhux koperti minn liċenzja FLEGT

(17)

   Franza u r-Renju Unit irrapportaw ukoll li rċevew liċenzji taħt il-kodiċi tas-SA 4420 (4420.10, ornamenti),    li mhumiex fl-ambitu tal-VPA u ebda liċenzja FLEGT mhija meħtieġa.

(18)

   Għall-Italja, mhuwiex ċar jekk il-kwantitajiet irrappurtati humiex ibbażati fuq importazzjonijiet attwali jew fuq dawk inklużi fil-    liċenzji, għalkemm dan tal-aħħar jidher li hu l-każ.

(19)

   Il-Finlandja minn dak iż-żmien naqqset din it-tariffa għal EUR 70 għal kull liċenzja FLEGT mill-1 ta’ Jannar 2018.

(20)

   Il-Belġju rrapporta li bħalissa qiegħed jikkunsidra li jintroduċi tariffi ta’ madwar EUR 50 għal kull liċenzja.

(21)

   Xi Stati Membri għandhom aktar minn aġenzija waħda responsabbli mir-rimi ta’ oġġetti