Brussell, 23.5.2018

COM(2018) 427 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 tar-Renju Unit

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2018 tar-Renju Unit


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 tar-Renju Unit

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2018 tar-Renju Unit

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2 ,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew 3 ,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fit-22 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Fis-17 ta’ Novembru 2017, hija kkunsidrat ukoll il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamata mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, fejn ir-Renju Unit a ma kienx identifikat bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.

(2)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2018 għar-Renju Unit 4 ġie ppubblikat fis-7 ta’ Marzu 2018. Huwa vvaluta l-progress tar-Renju Unit fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta’ Lulju 2017, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tar-Renju Unit lejn il-miri nazzjonali tiegħu ta’ Ewropa 2020.

(3)Fid-29 ta’ Marzu 2017, ir-Renju Unit innotifika lill-Kunsill Ewropew bl-intenzjoni tiegħu li joħroġ mill-Unjoni Ewropea. Sakemm ftehim ta’ ħruġ ratifikat ma jistabbilixxix data oħra jew il-Kunsill Ewropew, f’konformità mal-Artikolu 50(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u bi qbil mar-Renju Unit, ma jiddeċidix b’mod unanimu li t-Trattati ma jibqgħux japplikaw f’data aktar tard, il-liġijiet primarji u sekondarji kollha tal-Unjoni, ma jibqgħux japplikaw għar-Renju Unit mit-30 ta’ Marzu 2019, 00: 00 (CET). Ir-Renju Unit imbagħad isir pajjiż terz. In-negozjati għadhom għaddejjin sabiex jiġi żgurat ħruġ ordnat, inkluża l-possibbiltà li jkun hemm perjodu ta’ tranżizzjoni sa tmiem l-2020, li matulu l-liġi tal-Unjoni tkompli tapplika għar-Renju Unit, kif ukoll fih. F’dan il-kuntest, il-Kummissjoni ma ppreżentatx jew elaborat dwar xi xenarju bbażat fuq arranġamenti possibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit wara l-Brexit, minħabba li dawn il-kwistjonijiet għadhom qed jiġu nnegozjati.

(4)Fit-30 ta' April 2018, ir-Renju Unit ippreżenta l-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 tiegħu u l-programm ta' Konverġenza tal-2018 tiegħu. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(5)Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 , fejn ikun neċessarju biex jingħata appoġġ lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru jirrieżamina u jipproponi emendi fil-Ftehim ta' Sħubija tiegħu u fil-programmi rilevanti. Il-Kummissjoni pprovdiet dettalji ulterjuri dwar kif tista' tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni f'linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropew ma' governanza ekonomika tajba 6 .

(6)Bħalissa r-Renju Unit jinsab fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u soġġett għar-regola tad-dejn. Fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2017-2018, il-gvern jistenna li d-defiċit nominali jaqa’ minn 2,2 % tal-PDG fl-2017-2018 għal 1,8 % tal-PDG fl-2018-2019 u għal 1,7 % tal-PDG fl-2019-2020. Il-Programm ta’ Konverġenza ma jinkludix objettiv baġitarju fuq terminu medju. Skont il-Programm ta’ Konverġenza, il-proporzjon tad-dejn għall-PDG ġenerali tal-gvern huwa mistenni li jiġi stabbilit b’mod ġenerali għal madwar 85,5 % mill-2017-2018 għall-2019-2020 qabel ma jerġa’ jaqa’ għal 84,8 % tal-PDG fl-2021-2022. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-proġettazzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli. Għalkemm il-miżuri meħtieġa biex jappoġġaw il-miri tad-defiċit ippjanati huma speċifikati sew b’mod ġenerali, il-pressjonijiet li qed jikbru fuq l-infiq tal-gvern f’għadd ta’ oqsma joħolqu riskju għall-kisba tat-tnaqqis fl-iżbilanċ ippjanat.

(7)Fil-11 ta’ Lulju 2017, il-Kunsill irrakkomanda lir-Renju Unit biex jiżgura li r-rata tat-tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett 7 ma taqbiżx il-1,8 % fl-2018-2019, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali ta’ 0,6 % tal-PDG. Fl-istess ħin, il-Kunsill indika li għandha tingħata kunsiderazzjoni biex tinkiseb pożizzjoni fiskali li tikkontribbwixxi għal kemm it-tisħiħ tal-irkupru li għaddej kif ukoll is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi tar-Renju Unit. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2018, hemm riskju ta’ ċerta devjazzjoni mir-rekwiżiti tal-parti preventiva fl-2018-2019.

(8)Fl-2019-2020, skont il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika tar-Renju Unit ta’ 'l fuq minn 60 % tal-PDG, u l-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni pproġettat ta’ 0,4 %, rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett jinħtieġ li ma jaqbiżx il-1,6 %, f’konformità mal-aġġustament strutturali ta’ 0,6 % tal-PDG, li joriġina mill-matriċi tar-rekwiżiti skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Skont il-politiki mhux mibdula, ir-Renju Unit huwa mistenni li jikkonforma mar-rekwiżit fl-2019-2020. Huwa mbassar prima facie li r-Renju Unit ikun konformi mar-regola tad-dejn tranżizzjonali fl-2018-2019 u fl-2019-2020 bħala riżultat tad-devjazzjoni annwali permessa ta’ 0,25 %. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li r-Renju Unit irid ikun lest li jieħu miżuri ulterjuri sa mill-2018-2019 biex ikun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(9)Il-provvista netta annwali tal-akkomodazzjoni qed tkompli tiżdied fost firxa ta’ inizjattivi tal-gvern biex jiġi stimulat is-suq tad-djar u rkupru ċikliku. Madankollu, din tibqa’ ferm taħt l-estimi tad-domanda u r-Renju Unit għadu qed iħabbat wiċċu ma’ sfida kbira biex jipprovdi akkomodazzjoni xierqa. Dan huwa marbut ma’ regolamentazzjoni stretta ħafna u kumplessa tas-suq tal-artijiet. In-nuqqas ta’ akkomodazzjoni u spejjeż għoljin tal-abitazzjoni huma kwistjonijiet partikolari f’żoni b’domanda għolja u li qed tikber. Il-Gvern jirrikonoxxi din il-problema u stabbilixxa objettivi ambizzjużi biex tiżdied il-provvista fis-snin li ġejjin. Fl-istess ħin, il-gvern afferma mill-ġdid l-impenn tiegħu biex jillimita l-iżvilupp madwar iċ-ċentri urbani. Is-sjieda tad-djar naqset b’mod sinifikanti għal gruppi ta’ età iżgħar, li jikkontribwixxi għal inugwaljanza bejn il-ġenerazzjonijiet. Il-produttività tax-xogħol hija baxxa u staġnata. Partijiet kbar tal-ekonomija ma jiffunzjonawx tajjeb fil-motivaturi prinċipali tal-produttività — il-ħiliet, l-investiment u proċessi effiċjenti ta’ negozju. In-netwerks tar-Renju Unit tat-triq, tal-ferroviji u l-avjazzjoni għandhom ukoll pressjonijiet ta’ kapaċità sinifikanti u li dejjem qed jikbru.

(10)Għalkemm il-figuri tas-suq tax-xogħol ewlenin jibqgħu jkunu fil-biċċa l-kbira pożittivi, għad hemm tħassib dwar il-kwalità ta’ ċerti impjiegi. Dan huwa marbut ma’ kwistjonijiet dwar l-iżvilupp tal-ħiliet, forom atipiċi ta’ xogħol, il-pagi, il-produttività, il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-faqar fost dawk li għandhom l-età tax-xogħol. Kien hemm stqarrijiet ta’ politika u żviluppi sinifikanti rigward dawn il-kwistjonijiet kollha. Il-koerenza f’dawn il-politiki relatati hija importanti ħafna. F’dak li jirrigwarda l-ħiliet, ħafna mill-enfasi sa issa kien fuq l-apprendistati u r-riformi fis-settur tal-edukazzjoni teknika. Enfasi fuq il-kwalità għat-tnejn li huma jistgħu jipprovdu effett multiplikatur sostenibbli għas-soċjetà kif ukoll għall-ekonomija. Ir-Renju Unit huwa fost dawk l-Istati Membri li diġà jissodisfaw aktar minn żewġ terzi tal-abbozz tal-kriterji fil-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta’ Kwalità u Effettivi u, għaldaqstant it-twaqqif u s-sorveljanza tal-miri ta’ kwalità, pereżempju permezz ta’ stħarriġ dwar s-sitwazzjoni tal-gradwati huma fattibbli. Ir-riżorsi huma proporzjonati ma’ dawk allokati għal apprendistati u t-T-Levels (kwalifiki tekniċi ġodda) il-ġodda għal persuni li jitilqu kmieni mill-iskola huma meħtieġa għal għażliet ta’ tagħlim tul il-ħajja, b’mod partikolari għal dawk li jinqabdu fl-istadju ta’ impjieg fil-livell ta’ dħul.

(11)Il-kwistjonijiet dwar il-protezzjoni u l-inklużjoni soċjali jenħtieġu wkoll attenzjoni biex jitmexxew ‘il quddiem. Ir-riformi fil-kura tat-tfal qed jiġu implimentati iżda jistgħu jkunu meħtieġa dispożizzjonijiet addizzjonali, partikolarment għat-tfal taħt it-tliet snin. L-impatt ta’ ċerti riformi tal-assistenza soċjali u t-tnaqqis għad iridu jinħassu b’mod sħiħ, b’mod partikolari fost il-familji.

(12)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew 2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tar-Renju Unit u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Konverġenza tal-2018 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lir-Renju Unit fi snin preċedenti. Il-Kummissjoni qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fir-Renju Unit imma qieset ukoll sa liema punt dawn jikkonformaw mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni Ewropea billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(13)Fl-isfond ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Konverġenza tal-2018 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni 1 hawn taħt.

B'DAN JIRRAKKOMANDA li r-Renju Unit jieħu azzjoni fl-2018 u fl-2019 biex:

1.Jiżgura li r-rata tat-tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma jaqbiżx il-1,6 % fl-2019-2020, li jikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,6 % tal-PDG.

2.Iżid il-provvista tad-djar, partikolarment f’oqsma tal-ogħla domanda, inkluż permezz ta’ riformi addizzjonali għas-sistema tal-ippjanar.

3.Jindirizza l-ħtiġijiet tal-ħiliet u l-progress permezz tal-istabbiliment ta’ miri ta’ riżultati għall-kwalità u l-effettività tal-apprendistati u b’aktar investiment fiż-żieda tal-ħiliet ta’ dawk li diġà jinsabu fis-suq tax-xogħol.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    COM(2018) 427 final.
(3)    P8_TA (2018) 0077 u P8_TA (2018) 0078.
(4)    SWD(2018) 226 final.
(5)    Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(6)    COM(2014) 494 final.
(7)    L-infiq pubbliku primarju nett huwa magħmul min-nefqa totali tal-gvern bl-esklużjoni tan-nefqa fuq l-imgħax, in-nefqa fuq programmi tal-Unjoni li jikkorrispondu bis-sħiħ mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fin-nefqa tal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjata nazzjonalment hija mifruxa fuq perjodu ta’ erba’ (4) snin. Miżuri ta’ dħul diskrezjonarji jew żidiet fid-dħul mitluba mil-liġi huma meqjusa. Miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-infiq huma nnettjati.