Brussell, 23.5.2018

COM(2018) 421 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 tal-Portugall

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 tal-Portugal


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 tal-Portugall

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 tal-Portugal

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi 2 , u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 3 ,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew 4 ,

Wara li kkunsidra l-konklużjonjiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fit-22 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Ħadet kont dovut tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill u mill-Kummissjoni fis-17 ta' Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Marzu 2018. Fit-22 ta’ Novembru 2017, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih identifikat lill-Portugall bħala wieħed mill-Istati Membri li għalih trid issir analiżi fil-fond. Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Marzu 2018. Fl-14 ta’ Jannar 2018, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (“ir-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro”).

(2)Bħala Stat Membru li għandu bħala munita l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, jenħtieġ li l-Portugall jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (3) hawn taħt.

(3)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2018 għall-Portugall 5 ġie ppubblikat fis-7 ta’ Marzu 2018. Dan ir-rapport jivvaluta l-progress tal-Portugall biex jindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta’ Lulju 2017, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Portugall lejn il-miri nazzjonali tiegħu tal-Ewropa 2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha wkoll ġew ippubblikati fis-7 ta’ Marzu 2018 6 . L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li l-Portugall għaddej minn żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, stokkijiet kbar ta’ obbligazzjonijiet esterni netti, dejn privat u pubbliku u proporzjon għoli ta’ self improduttiv huma vulnerabbiltajiet f’kuntest ta’ tkabbir baxx fil-produttività. Pożizzjoni prudenti tal-kont kurrenti u li jinżammu l-kisbiet fil-kompetittività huma meħtieġa biex jiġi żgurat l-aġġustament tal-obbligazzjonijiet esterni netti. Il-proporzjon tad-dejn privat baqa’ jonqos minn livelli għoljin minħabba li reġa’ beda t-tkabbir nominali u flussi negattivi żgħar ta’ kreditu, u l-proporzjon tad-dejn mal-PDG tal-gvern huwa projjettat li qabad xejra ‘l isfel, f’kuntest ta’ bżonnijiet persistenti ta’ diżingranaġġ. L-interventi fis-settur finanzjarju għenu biex jitnaqqsu r-riskji għall-istabbiltà, għalkemm il-banek baqgħu penalizzati minn profittabbiltà baxxa u stokk kbir (għalkemm qed jonqos) ta’ self improduttiv. Biex ikun hemm prospetti aħjar fir-rigward tal-kompetittività, tad-diżingranaġġ u tat-tkabbir potenzjali huwa essenzjali li jkun hemm tkabbir akbar fil-produttività. Il-qgħad ilu jonqos b’pass mgħaġġel matul diversi snin. Għad fadal lakuni fil-politika, speċjalment fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-miżuri pjanati biex jitnaqqas l-għadd ta’ self improduttiv u biex jitjieb l-ambjent tan-negozju. L-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ diversi pjanijiet ta’ riforma, inkluż miżuri li jindirizzaw is-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol u riformi fiskali strutturali biex titjieb is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, se jkollhom bżonn jiġu mmonitorjati.

(4)Fis-27 ta’ April 2018, il-Portugall ippreżenta l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 tiegħu u l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 tiegħu. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin. Il-Programm ta’ Stabbiltà jindika xejra ‘l isfel qawwija tal-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali mal-PDG. Il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Portugall jinkludi impenji kemm għat-terminu qasir kif ukoll għat-terminu medju u jkopri l-isfidi identifikati fir-rapport tal-pajjiż 2018. B’mod partikolari, iħabbar il-miżuri fl-oqsma tal-kwalifiki u l-innovazzjoni, li jistgħu jtejjbu l-produttività u jżidu l-valur tal-esportazzjonijiet Portugiżi. L-istrateġija ppreżentat biex jitnaqqas is-self improduttiv flimkien mal-azzjoni għall-promozzjoni tal-kapitalizzazzjoni tad-ditti jikkontribwixxu għat-tnaqqis tas-sitwazzjoni tad-dejn tal-ekonomija Portugiża u tnaddaf il-karti tal-bilanċ tal-banek. B’kollox, l-implimentazzjoni effettiva tal-programmi ppreżentati għandha tirfed il-korrezzjoni tal-iżbilanċi.

(5)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020. Kif kien previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 7 , fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru biex jirrieżamina u jipproponi emendi fil-Ftehim ta' Sħubija u fil-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet dettalji ulterjuri dwar kif tista' tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni f'linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej ma' governanza ekonomika tajba 8 .

(6)Bħalissa l-Portugall qiegħed fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u hija soġġetta għar-regola tad-dejn tranżizzjonali. Fil-programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2018, il-Portugall qed jippjana li jilħaq defiċit nominali ta’ 0,7 % tal-PDG u ta’ 0,2 % tal-PDG fl-2018 u fl-2019, rispettivament, u li jtejbu aktar għal surplus ta’ 1,4 % tal-PDG fl-2021. Dawn il-pjanijiet ma jinkludux l-impatt potenzjali li jżid id-defiċit tal-miżuri ta’ appoġġ għall-banek mill-2019 ’il quddiem. Hu ppjanat li l-objettiv baġitarju fuq terminu medju – surplus strutturali ta’ 0,25 % tal-PDG – jintlaħaq sal-2020. Il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 jipprojetta li l-proporzjon tad-dejn tal-gvern ġenerali mal-PDG jilħaq 122,2 % fl-2018 u 118,4 % fl-2019, li mbagħad ikun ta’ 107,3 % fl-2021. Ix-xenarju makroekonomiku li fuqu huma msejsa dawn il-projjezzjonijiet baġitarji huwa plawżibbli għall-2018, iżda favorevoli għas-snin ta’ wara. Fl-istess ħin, il-miżuri meħtieġa sabiex jiġu sostnuti l-miri ppjanati b’rabta mad-defiċit mill-2018 ’il quddiem ma ġewx speċifikati biżżejjed.

(7)Il-Programm ta' Stabbiltà 2018 tal-Portugall jindika li l-impatt baġitarju tan-nirien fil-foresti fuq skala kbira li seħħew fl-2017 kien sinifikanti u jeħtieġ evidenza adegwata tal-ambitu u n-natura ta’ dawn l-ispejjeż baġitarji addizzjonali. B’mod partikolari, il-Programm ta' Stabbiltà jindika li l-baġit 2018 jinkludi nefqa eċċezzjonali li tammonta għal madwar 0,07 % tal-PDG fir-rigward ta’ miżuri preventivi għall-protezzjoni tat-territorju nazzjonali kontra n-nirien fil-foresti. Il-Programm ta' Stabbiltà jistabilixxi nefqa relatata mal-ġestjoni tal-emerġenzi, ikklassifikata bħala ta’ darba, u għall-prevenzjoni. Minħabba n-natura integrata ta’ dawn in-nefqiet u minħabba r-rabta diretta man-nirien fil-foresti fuq skala kbira tal-2017, it-trattament speċifiku tan-nefqa tal-prevenzjoni tan-nirien fil-foresti għandu jkun ikkunsidrat f’applikazzjoni tal-”klawsola ta’ avveniment mhux tas-soltu”. Skont il-Kummissjoni, in-nefqa addizzjonali eliġibbli fl-2018 tammonta għal 0,07 % tal-PDG għal miżuri preventivi. Il-provvedimenti stipulati fl-Artikoli 5(1) u 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 ikopru din in-nefqa addizzjonali, minħabba li nirien fil-foresti fuq skala kbira bla preċedent huma meqjusa avvenimenti mhux tas-soltu, l-impatt tagħhom fuq il-finanzi pubbliċi tal-Portugall huwa sinifikanti u s-sostenibbiltà ma tkunx kompromess jekk tingħata devjazzjoni temporanja mit-triq ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju ta' terminu medju. Valutazzjoni finali, inkluż dwar ammonti eliġibbli, se jsir fir-rebbiegħa 2019 abbażi tad-data osservata għall-2018 kif ipprovduti mill-awtoritajiet Portugiżi.

(8)Fil-11 ta’ Lulju 2017, il-Kunsill irrakkomanda lill-Portugall biex jiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett 9 ma teċċedix 0,1 % fl-2018, u dan jikkorrespondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ mill-anqas 0,6 % tal-PDG. Fl-istess waqt, ġie ddikjarat li l-valutazzjoni tal-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-2018 u l-valutazzjoni sussegwenti tar-riżultati baġitarji tal-2018 se jkollhom bżonn iqisu kif dovut l-għan li tintlaħaq pożizzjoni fiskali li tikkontribwixxi kemm għat-tisħiħ tal-irkupru li għaddej kif ukoll għall-iżgurar tas-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi. Wara l-valutazzjoni tal-Kummissjoni dwar is-saħħa tal-irkupru fil-Portugall, filwaqt li tqisu b’mod xieraq l-isfidi tas-sostenibbiltà tiegħu, li twettqet fil-kuntest tal-opinjoni tagħha dwar l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju tal-Portugall, ma jeħtieġx li jitqies l-ebda element addizzjonali f’dan ir-rigward. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament rakkomandat fl-2018 u matul l-2017 u l-2018 meħuda flimkien.

(9)Fl-2019, fid-dawl tal-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika tal-Portugall li huwa ogħla minn 60 % tal-PDG u l-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni projettat ta’ 1,3 %, ir-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett9 ma għandhiex teċċedix 0,7 %, f’konformità mal-aġġustament strutturali ta’ 0,6 % tal-PDG li jirriżulta mill-matriċi ta’ rekwiżiti skont il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Jekk il-linji politiċi ma jinbidlux, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti minn dak ir-rekwiżit fl-2019 u matul l-2018 u l-2019 meħuda flimkien. Fl-istess ħin il-Portugall huwa previst li se jikkonforma mar-regola tad-dejn tranżizzjonali fl-2018 u fl-2019. Kollox ma’ kollox il-Kunsill huwa tal-opinjoni li mill-2018 ’il quddiem ser ikunu meħtieġa miżuri sabiex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. L-użu ta’ kwalunkwe dħul mhux previst biex jitnaqqas iktar il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika jkun rispons prudenti.

(10)L-iżgurar tas-sostenibbiltà tad-dejn pubbliku jiddependi fuq konsolidazzjoni fiskali sostenibbli permezz ta’ titjib strutturali fil-finanzi pubbliċi, li jrid jinkiseb permezz ta’ ġbir aktar b’qawwi tad-dħul u kontrolli fuq l-infiq. Biex jitjiebu l-kontrolli fuq l-infiq, huwa kruċjali li jkun hemm infurzar effettiv tal-liġi tal-kontroll tal-impenji, implimentazzjoni f’waqtha u stretta tal-liġi qafas tal-baġit u analiżi tal-infiq u l-isforzi ta’ razzjonalizzazzjoni kontinwi. L-ippjanar u l-implimentazzjoni baġitarji għadhom ta’ sfida konsiderevoli partikolarment fis-settur tas-saħħa, fejn il-ħlasijiet tard (arretrati) għadhom wisq, u dan jindika wkoll dgħufijiet fis-sistemi ta’ kontroll tal-kontabilità u tal-prassi maniġerjali. Għal konsolidazzjoni fiskali sostenibbli, jenħtieġ li jiġu indirizzati l-ispejjeż għoljin marbutin max-xjuħija u li qed jiżdiedu. Fuq terminu medju, riskji fiskali akbar relatati max-xjuħija huma mistennija li jkunu marbutin mal-ispejjeż tal-finanzjament tal-pensjonijiet, filwaqt li l-ispejjeż relatati mas-saħħa se jżidu l-pressjoni fuq terminu twil. Passi biex titjieb is-sostenibbiltà fuq terminu medju tas-sistema tal-pensjonijiet, flimkien ma’ strateġija komprensiva biex jiġu indirizzati l-ispejjeż marbuta mas-saħħa tax-tixjiħ għandhom jgħinu biex dawn ir-riskji jiġu indirizzati.

(11)B’mod simili, il-kontroll tan-nefqa, il-ġestjoni tad-dejn u t-titjieb tas-sostenibbiltà kumplessiva finanzjarja tal-impriżi tal-Istat jistgħu jikkontribwixxu b’mod sinifikanti għat-titjib strutturali tal-finanzi pubbliċi. Għalkemm id-dħul nett kumplessiv għadu negattiv, ir-riżultati operazzjonali tal-intrapriżi tal-istat ġeneralment tjiebu f’dawn l-aħħar snin, għajr fis-settur tas-saħħa, fejn marru għall-agħar. Total tad-dejn mhux konsolidat tal-korporazzjonijiet pubbliċi inkluż fl-amministrazzjoni pubblika wkoll għadu għoli, madwar 19,0 % tal-PDG fi tmiem l-2017. Qed jibdew jintużaw miżuri biex jitjieb il-monitoraġġ tal-intrapriżi tal-istat, iżda l-impatt tagħhom għadu jrid jidher. Ġestjoni kontinwa tad-dejn u pjan ta’ rikapitalizzazzjoni tal-intrapriżi tal-istat għandu jnaqqas id-dejn u jbaxxi l-kostijiet tal-imgħax, iżda inċentivi tajba jistgħu jissaħħu billi jiġi żgurat qafas prevedibbli u trasparenti għal trasferimenti baġitarji limitati.

(12)L-irkupru tas-suq tax-xogħol Portugiż għadu għaddej, f’konformità mal-prestazzjoni ekonomika aħjar. L-ekonomija żiedet madwar 150,000 impjieg fl-2017 u r-rata tal-impjiegi (bejn l-20 u l-64 sena) żdiedet sa 73,7 %, lura għal-livelli ta’ qabel il-kriżi. Ir-rata tal-qgħad naqset b’mod konsiderevoli u issa hija inqas mill-medja taż-żona tal-euro. Ir-rata tal-qgħad fit-tul naqset b’mod rapidu, għalkemm għadha relattivament għolja. Barra mill-politiki attivi tas-suq tax-xogħol fis-seħħ, l-eżenzjonijiet mis-sigurtà soċjali u servizz pubbliku tal-impjiegi li huwa ta’ mudell tal-appoġġ personalizzat għal dawk li qed ifittxu impjieg, il-Portugall qiegħed ukoll jippjana li jimplimenta punti ta’ waqfa waħda għall-impjieg fl-2018. Dan jista’ jkollu rwol ewlieni biex il-miżuri ta’ attivazzjoni jilħqu firxa usa’. L-indikaturi tal-faqar u tal-inugwaljanza komplew jitjiebu wkoll. Ir-rata “ta’ dawk f’riskju ta’ faqar jew ta’ esklużjoni soċjali” kompliet toqrob lejn il-medja tal-UE u s-sehem tal-introjtu ta’ dawk l-aktar fqar, 20 %, żdied mill-2015 ‘l hawn. Madankollu, il-livell tal-inugwaljanza tal-introjtu għadu għoli. Barra minn hekk, l-effettività tat-trasferimenti soċjali (esklużi l-pensjonijiet) biex jaqilgħu lin-nies mill-faqar hija baxxa, l-adegwatezza tal-iskema tal-introjtu minimu (għalkemm aħjar) għadha limitata u l-affordabbiltà tad-djar hija sfida dejjem tikber għal familji bi dħul baxx.

(13)Minkejja żieda sinifikanti fl-għadd ta’ impjiegi permanenti fl-2017, il-proporzjon ta’ impjegati temporanji għadu stabbli għal 22 %, u dan huwa wieħed mill-ogħla livelli fl-UE. Fl-2017, madwar 82 % tal-impjegati temporanji kienu f’din is-sitwazzjoni kontra qalbhom. Filwaqt li għadd dejjem akbar ta’ persuni qed jiċċaqalqu minn impjieg temporanju għal wieħed permanenti, il-kuntratti temporanji baqgħu n-norma għall-persuni qiegħda li jsibu impjieg. Barra minn hekk, id-distakk (diġà wiesgħa) fil-pagi bejn l-impjegati temporanji u dawk permanenti kiber matul il-kriżi. Miżuri biex jippromwovi l-ħolqien ta’ impjiegi permanenti (pereż. Contrato-Emprego) u eżenzjonijiet mill-kontribuzzjonijiet soċjali għal min jimpjega persuni minn gruppi vulnerabbli kienu effettivi iżda ma kellhomx biżżejjed kopertura. Xi aspetti tal-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tal-impjiegi u ineffiċjenzi fil-proċeduri tal-qrati jistgħu jiskoraġġixxu r-reklutaġġ b’kuntratti indefiniti. Madankollu, ma hemm l-ebda azzjoni attwali ppjanata biex tirrieżamina l-qafas legali tas-sensji. Il-gvern qed jippjana miżuri biex jindirizza s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol permezz ta’ diskussjoni tripartitika mal-isħab soċjali.

(14)Il-livelli kumplessiv tal-ħiliet tal-forza tax-xogħol adulta għadhom fost l-aktar baxxi fl-Ewropa u jxekklu l-potenzjal tal-innovazzjoni u tal-kompetittività tal-pajjiż. Dawn jinkludu l-ħiliet diġitali: fl-2017, kienu biss 50 % taċ-ċittadini ta’ bejn is-16-il sena u l-74 sena li kellhom ħiliet diġitali bażiċi jew aħjar (kontra l-medja tal-UE ta’ 57 %). Qed jiġu introdotti programmi f’dan ir-rigward (b’mod partikolari Qualifica u l-inizjattiva tal-kompetenzi diġitali nazzjonali Incode 2030), iżda l-effettività tagħhom f’li jtejbu l-ħiliet bażiċi tal-ħaddiema (numeriċi, litterali u diġitali) u fl-aħħar mill-aħħar jgħollu l-produttività se jiddependu fuq il-kopertura u l-kwalità tat-taħriġ offrut, jiġifieri jmorru lil hinn mis-sempliċi rikonoxximent tal-ħiliet. Filwaqt li l-evidenza turi li ż-żidiet ta’ dan l-aħħar fil-paga minima (li jammontaw għal żieda kumulattiva ta’ 18,3 % mill-2014) ma xeklux ir-rata tal-impjiegi fost il-ħaddiema bi ftit ħiliet, iż-żieda sostanzjali fl-għadd ta’ impjegati koperti, sa 20,4 % fit-tielet kwart tal-2017, irriżultaw f’żieda tal-kompressjoni tal-pagi. Dan jhedded li jnaqqas primjum tal-pagi tal-ħiliet, b’mod partikolari bejn lill-ħaddiema bi ftit ħiliet u dawk b’ħiliet medji u b’hekk jitnaqqsu l-inċentivi għal persuni b’livell baxx ta’ ħiliet biex jinvestu fl-edukazzjoni u t-taħriġ. Il-Gvern qed jimmonitorja mill-qrib l-iżviluppi fil-paga minima flimkien mas-sħab soċjali.

(15)It-tluq bikri mill-iskola għadu ogħla mill-medja tal-UE, iżda qabad xejra ‘l isfel fuq terminu twil, parzjalment bis-saħħa ta’ miżuri li qed jiġu implimentati biex jinkoraġġixxu għas-suċċess edukattiv u jnaqqsu r-rati ta’ tluq bikri mill-iskola. L-eżiti edukattivi għadhom jitjiebu, iżda hemm tħassib dwar l-ekwità peress li l-proporzjonijiet ta’ dawk li jiksbu biss livelli batuti jvarjaw b’mod sinifikanti bejn il-kwarti soċjoekonomiċi baxxi u dawk għoljin. Dawk li jiksbu edukazzjoni terzjarja (età bejn 30 u 34 sena) naqsu minn 34,6 % fl-2016 għal 33,9 % fl-2017, ferm taħt il-mira nazzjonali ta’ 40 % sal-2020. Minkejja l-livell għoli ta’ impjegabbiltà tax-xjenza, tal-inġinerija, tat-teknoloġija u tal-gradwati fil-matematika, huma biss ftit dawk l-istudenti li jidħlu f’dawn l-oqsma.

(16)Minkejja l-iżviluppi pożittivi fis-Sistema Portugiża għar-Riċerka u l-Innovazzjoni f’dawn l-aħħar snin, b’mod partikolari f’termini ta’ kwantità u kwalità tar-riżorsi umani u produzzjoni xjentifika, kumplessivament fadal ostakli sinifikanti fil-ħolqien ta’ kultura u ta’ kundizzjonijiet abilitanti għal kooperazzjoni akbar bejn id-dinja akkademika u l-impriżi. Dawn jinkludu ostakli għat-trasferiment tal-għarfien u tat-teknoloġija, għall-kummerċjalizzazzjoni tar-riżultati tar-riċerka kif ukoll għax karriera fir-riċerka ma tinċentivax biżżejjed riċerkaturi biex jesploraw direzzjonijiet ta’ “riċerka intraprenditorjali” u l-opportunitajiet għal kollaborazzjoni mal-industrija. Żieda fis-sensibilizzazzjoni u ċ-ċarezza tal-proprjetà intellettwali fir-relazzjoni bejn l-akkademja u d-dinja tan-negozju tista’ tikkontribwixxi biex jonqos il-ħin tal-eżekuzzjoni tal-objettivi kuntrattwali, il-monetizzazzjoni ekonomika tal-għarfien xjentifiku kif ukoll il-potenzjal ekonomiku tagħhom.

(17)Strateġija komprensiva għal tnaqqis aktar mgħaġġel tal-assi improduttivi qiegħda tiġi implimentata. Dan għen biex il-proporzjon ta’ self improduttiv jonqos minn 17,2 % tas-self gross fl-aħħar tal-2016 għal 14,6 % fit-tielet kwart tal-2017. Is-self korporattiv improduttiv huwa ta’ tħassib partikolari, peress li dan huwa responsabbli għal madwar żewġ terzi tal-istokk totali tas-self improduttiv; il-proporzjon ta’ self korporattiv improduttiv għadu għoli fil-livell ta’ 26,6 % tas-self gross. Is-soluzzjoni tal-assi ħżiena hija essenzjali biex tillibera l-provvista ta’ kreditu għal investimenti ġodda u għat-tkabbir sostenibbli. Madankollu, il-proċeduri għal ditti mhux solventi u swieq sekondarji illikwidi għall-assi ħżiena għadhom ta’ tfixkil sinifikanti biex jitnaqqas il-proporzjon tas-self improduttiv. Għalkemm żidiet fil-kapital, flimkien mal-isforzi li għaddejjin biex jitnaqqsu l-kostijiet, qed itejbu l-prospetti tas-settur finanzjarju, l-profittabbiltà għadha baxxa, l-iskopertura għad-dejn sovran għolja u l-bafers kapitali dgħajfa.

(18)Aċċess għall-finanzi u għall-kapital għadu sfida ewlenija għall-ekonomija Portugiża. Il-kisba ta’ aċċess stabbli għall-finanzjament, u b’mod partikolari għal kapital ta’ ekwità, hija meqjusa bħala waħda mill-isfidi ewlenin għall-intrapriżi Portugiżi, u hija amplifikata mill-pressjonijiet tad-diżingranaġġ. F’termini relattivi, sorsi alternattivi ta’ finanzi għadhom ftit li xejn rilevanti. Fis-snin reċenti, tniedew programmi u linji ta’ kreditu ġodda, flimkien ma’ aktar simplifikazzjonijiet tal-ambjent kummerċjali, iżda għad hemm lok għal titjib. Fl-istess ħin, għalkemm qed jonqsu, is-self improduttiv u d-dejn korporattiv għadhom għoljin u allokazzjoni aħjar tal-kapital lejn ditti aktar produttivi tkun ta’ benefiċċju għall-ambjent tal-investiment.

(19)Minkejja progress fl-introduzzjoni ta’ simplifikazzjoni amministrattiva għal kwistjonijiet trasversali li jaffettwaw il-ħajja ta’ kuljum taċ-ċittadini u tan-negozji, ostakli regolatorji u amministrattivi speċifiċi għas-setturi għadhom ixekklu l-investiment u l-allokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi. Ħeġġa ġdida fil-flussi tax-xogħol proċedurali billi jitqassru l-iskadenzi għat-teħid tad-deċiżjonijiet, derogar mill-prinċipju tal-approvazzjoni taċita f’każijiet limitati ħafna biss u s-sostituzzjoni tal-iskemi ta’ awtorizzazzjoni li jirrikjedu l-preżentazzjoni ta’ dokumenti multipli b’“dikjarazzjonijiet responsabbli” huma riformi f’setturi speċifiċi tassew meħtieġa f’dan ir-rigward. Imposti amministrattivi fis-settur tal-kostruzzjoni għandhom jinġiebu fi proporzjon mal-ispejjeż reali. Il-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku għadha limitata. Il-kodiċi rivedut tal-akkwist pubbliku jimmira lejn li jippromwovi t-trasparenza, il-kompetizzjoni u l-ġestjoni aħjar tal-kuntratti pubbliċi. L-implimentazzjoni tar-regoli l-ġodda għandha tkun immonitorjata, inkluż l-impatt tar-regoli aktar stretti dwar l-użu tal-aġġudikazzjonijiet diretti. Għalkemm is-sistema ġudizzjarja Portugiża qed tkompli ttejjeb l-effiċjenza tagħha, it-tul tal-proċedimenti fil-qrati amministrattivi għadu problema. Barra minn hekk, il-korruzzjoni u n-nuqqas ta’ trasparenza għadhom perċepiti min-negozji bħala oqsma ta’ tħassib. Filwaqt li kompla l-progress fir-rigward tal-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni, sforzi biex titjieb il-kultura tal-integrità fl-istituzzjonijiet pubbliċi s’issa għadhom ma wrewx riżultati suffiċjenti.

(20)Ftit li xejn saru riformi regolatorji mill-programm ta’ assistenza finanzjarja ‘l hawn, u dan waqqaf jew xi drabi anki reġġa’ lura riformi miftiehma f’dak il-kuntest. Il-gruppi korporattivi huma pprojbiti milli jipprovdu diversi servizzi professjonali. Id-digrieti li jirregolaw ċerti servizzi kummerċjali professjonali, speċjalment is-servizzi legali, huma inqas ambizzjużi mil-liġi qafas f’aspetti deċiżivi, bħal pereżempju, il-forma ġuridika, il-parteċipazzjoni azzjonarja, il-ġestjoni, ir-reklamar u l-prattiki multidixxiplinari. Riforma fl-awtorizzazzjoni u fir-reġistrazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi tal-kostruzzjoni ftit li xejn ġiet ikkumplimentata minn tħaffif tal-kontrolli tas-servizzi ta’ istallazzjoni u tal-kontrolli tal-bini.

(21)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Portugall u ppubblikatha fir-rapport speċifiku tal-pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018, il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Portugall fi snin preċedenti. Il-Kummissjoni qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Portugall, iżda qieset ukoll kemm huma konformi mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali fil-futur.

(22)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 u l-opinjoni tiegħu 10 hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni 1 ta’ hawn taħt.

(23)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet minn 1 sa 3 hawn taħt,

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Portugall jieħu azzjoni fl-2018 u fl-2019 biex:

1.Jiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma teċċedix 0,7 % fl-2019, u dan jikkorrespondi ma’ aġġustament strutturali annwali ta’ mill-anqas 0,6 % tal-PDG. Juża d-dħul mhux mistenni biex jaċċellera t-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn tal-ammistrazzjoni pubblika mal-PDG. Isaħħaħ il-kontroll tal-infiq, il-kosteffettività u l-ibbaġitjar adegwat, b’mod partikolari fis-settur tas-saħħa, b’enfasi fuq it-tnaqqis tal-arretrati fl-isptarijiet. Itejjeb is-sostenibbiltà finanzjarja tal-impriżi tal-Istat, b’mod partikolari billi jiżdied id-dħul nett kumplessiv tagħhom u billi jnaqqas id-dejn.

2.Jippromwovi ambjent li jħeġġeġ ir-reklutaġġ b’kuntratti indefiniti, inkluż billi jirrieżamina l-qafas ġuridiku f’konsultazzjoni mas-sħab soċjali. Iżid il-livell tal-ħiliet tal-popolazzjoni adulta, inkluż il-litteriżmu diġitali, billi jsaħħaħ u jifrex aktar il-kopertura tal-komponent tat-taħriġ fil-programmi tal-kwalifiki għall-adulti. Iżid l-għadd ta’ dawk li jidħlu għal edukazzjoni għolja, speċjalment fl-oqsma xjentifiċi u teknoloġiċi.

3.Iżid l-effiċjenza tal-proċedimenti tal-insolvenza u tal-irkupru u jnaqqas it-tfixkil għas-suq sekondarju tas-self improduttiv. Ittejjeb l-aċċess għall-finanzi għan-negozji. Inaqqas il-piż amministrattiv billi jqassar l-iskadenzi proċedurali, billi juża aktar l-approvazzjoni taċita u jnaqqas ir-rekwiżiti ta’ preżentazzjoni ta’ dokumenti. Ineħħi r-restrizzjonijiet regolatorji persistenti billi jiżgura implimentazzjoni xierqa tal-liġi qafas għall-professjonijiet regolati ħafna. Iżid l-effiċjenza tal-qrati amministrattivi, fost l-oħrajn billi jnaqqas it-tul tal-proċedimenti.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    ĠU L 306, 23.11.2011, p. 25.
(3)    COM(2018) 421 final.
(4)    P8_TA(2018)0077 u P8_TA(2018)0078.
(5)    SWD(2018) 220 final.
(6)    COM(2018) 120 final.
(7)    Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(8)    COM(2014) 494 final.
(9)    Nefqa primarja netta tal-gvern tinkludi nefqa totali tal-gvern li teskludi n-nefqa tal-interessi, nefqa fuq il-programmi tal-Unjoni li jkunu mqabbla bis-sħiħ mid-dħul ta’ fondi tal-Unjoni u tibdil mhux diskressjonarju fin-nefqa tal-benefiċċju tal-qgħad. Formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjata nazzjonalment hija mifruxa fuq perjodu ta’ erba' snin. Miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul jew żidiet fid-dħul b’mandat skont il-liġi huma meqjusa. Miżuri ta’ darba fuq kemm id-dħul kif ukoll in-nefqa huma nnettjati.
(10)    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.