Brussell, 23.5.2018

COM(2018) 419 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 tal-Awstrija

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 tal-Awstrija


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 tal-Awstrija

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 tal-Awstrija

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2 ,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew 3 ,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fit-22 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Ġie kkunsidrat b’mod xieraq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, proklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, fejn l-Awstrija ma kinetx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Marzu 2018. Fl-14 ta’ Mejju 2018, il-Kunsill adotta r-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (“rakkomandazzjoni għaż-żona tal-euro”).

(2)Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, l-Awstrija tinħtieġ li tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha ta’ din ir-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika għaż-żona tal-euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (2) hawn isfel.

(3)Ir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2018 għall-Awstrija 4 ġie ppubblikat fis-7 ta’ Marzu 2018. Dan ir-rapport jivvaluta l-progress tal-Awstrija biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta’ Lulju 2017, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Awstrija lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020.

(4)Fil-25 ta’ April 2018, l-Awstrija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 tagħha u fil-21 ta’ Marzu 2018, l-Awstrija ppreżentat il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 tagħha. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(5)Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 , fejn ikun neċessarju biex jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru jirrieżamina u jipproponi emendi fil-Ftehim ta' Sħubija tiegħu u fil-programmi rilevanti. Il-Kummissjoni pprovdiet dettalji ulterjuri dwar kif tista' tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni f'linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej ma' governanza ekonomika tajba 6 .

(6)Bħalissa l-Awstrija qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u hija soġġetta għar-regola tad-dejn. Fil-programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2018, il-gvern qed jistenna li d-defiċit nominali se jitjieb minn 0,7 % tal-PDG fl-2017 għal surplus ta’ 0,4 % tal-PDG fl-2022. L-objettiv baġitarju fuq terminu medju — defiċit strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG sal-2017 — għandu jintlaħaq fl-2019. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà, il-proporzjon ta’ dejn tal-gvern mal-PDG hu mistenni li jonqos gradwalment minn 78,1 % tal-PDG fl-2017 għal 62,2 % tal-PDG fl-2022. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa favorevoli għall-2018, u plawżibbli wara. Ir-riskji ewlenin sottostanti għall-ippjanar baġitarju fuq terminu medju huma xi miżuri ta’ politika diskrezzjonali previsti mill-2020, bħar-riforma mħabbra tat-taxxa fuq l-introjtu personali, li l-effetti baġitarji n etti tagħha għadhom ma ġewx speċifikati sew.

(7)Il-Programm ta’ Stabbiltà jindika li l-impatt baġitarju marbut mal-influss eċċezzjonali ta’ refuġjati kif ukoll mal-miżuri relatati mas-sigurtà huwa sinifikanti, u jipprovdi evidenza adegwata dwar l-ambitu u n-natura ta’ dawn l-ispejjeż baġitarji addizzjonali. Skont il-Kummissjoni, in-nefqa eliġibbli addizzjonali fl-2017 ammontat għal 0,03 % tal-PDG b’rabta mal-influss eċċezzjonali ta’ refuġjati filwaqt li ma kienx hemm iktar spejjeż fuq miżuri relatati mas-sigurtà. Id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5(1) u 6(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 ikopru din in-nefqa addizzjonali, minħabba l-fatt li l-influss ta’ refuġjati kif ukoll il-gravità tat-theddida tat-terroriżmu huma ċirkustanzi mhux tas-soltu, l-impatt tagħhom fuq il-finanzi pubbliċi tal-Awstrija huwa sinifikanti u s-sostenibbiltà ma tkunx kompromessa billi tiġi permessa devjazzjoni temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju. Għalhekk, l-aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju għall-2017 tnaqqas biex jitqiesu l-ispejjeż addizzjonali relatati mar-refuġjati u mas-sigurtà.

(8)Fil-11 ta’ Lulju 2017, il-Kunsill irrakkomanda li l-Awstrija tiżgura li d-devjazzjoni mill-objettiv baġitarju ta' terminu medju fl-2018 ikun limitat għall-provvediment marbut mal-impatt baġitarju tal-influss eċċezzjonali ta' refuġjati u tal-miżuri relatati mas-sigurtà. Dan huwa konsistenti ma’ rata ta’ tkabbir nominali massima ta’ nefqa primarja netta tal-gvern ta’ 3,3 % fl-2018, ekwivalenti għal deterjorament permess fil-bilanċ strutturali ta’ 0,2 % tal-PDG. Filwaqt li jitqiesu l-marġnijiet mogħtija, il-previżjoni tal-Kummissjoni għar-rebbiegħa tal-2018 tindika riskju ta’ xi devjazzjoni minn dak ir-rekwiżit fl-2018, u fl-2017 u fl-2018 flimkien.

(9)L-Awstrija għandha tikseb l-għan baġitarju tagħha fuq terminu medju fl-2019, filwaqt li tqis il-marġnijiet marbuta mal-avvenimenti mhux tas-soltu li għalihom ingħatat devjazzjoni temporanja. Dan huwa konsistenti ma’ rata ta’ tkabbir nominali massima ta’ nefqa primarja netta tal-gvern ta’ 2,9 % fl-2018, ekwivalenti għal deterjorament permess fil-bilanċ strutturali ta’ 0,3 % tal-PDG. Fuq il-bażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2018, jekk il-politiki ma jinbidlux, hemm riskju ta’ xi devjazzjoni minn dan ir-rekwiżit għall-Awtrija fl-2019, minħabba d-devjazzjoni fl-2018 u l-2019 meta dawn jitqiesu flimkien. Fl-istess ħin, l-Awstrija hija prevista li tkun qrib b’0,1 % tal-PDG mill-objettiv tat-terminu medju tagħha fl-2019. Barra minn hekk, huwa previst li l-Awstrija tikkonforma mar-regola tad-dejn fl-2018 u fl-2019. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li l-Awstrija għandha tkun lesta biex tieħu miżuri ulterjuri biex tiżgura l-konformità fl-2018 u li miżuri ulterjuri neċessarji se jkunu meħtieġa fl-2019 biex tkun konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir.]

(10)Skont ir-rapport tal-2018 dwar it-Tixjiħ, iż-żieda projjettata fin-nefqa tal-pensjonijiet, il-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul tindika li hemm riskju medju għas-sostenibbiltà fiskali fuq perjodu medju u fit-tul. In-nefqa pubblika fuq il-pensjonijiet tal-Awstrija huwa ogħla mill-medja tal-UE (13,8 % meta mqabbla ma’ 11,2 % tal-PDG fl-2016) u hija mistennija li tiżdied aktar sal-2070 (0,5 % kontra -0,2 % tal-PDG). Għalkemm ir-riformi riċenti, pprovdew b’suċċess, inċentivi għall-irtirar iktar tard, l-akkumulazzjoni ulterjuri ta’ drittijiet għal benefiċċji matul il-ħajja tax-xogħol estiża ma ttejjibx is-sostenibbiltà fit-tul. Fl-età ta’ 60 sena, l-età statutorja tal-irtirar tan-nisa hija wkoll fost l-aktar baxxi fl-UE. L-età statutorja tal-irtirar tan-nisa se taġġusta biss gradwalment mill-2024, u tinkiseb armonizzazzjoni mal-età statutorja tal-irtirar tal-irġiel biss fl-2033. B’mod ġenerali iż-żieda fl-età statutorja tal-irtirar u r-restrizzjoni tal-irtirar bikri għandhom jiżguraw is-sostenibbiltà tal-pensjonijiet fil-kuntest ta’ tixjiħ demografiku.

(11)In-nefqa fuq is-saħħa pubblika hija ogħla mill-medja tal-UE (7 % meta mqabbla ma’ 6,8 % tal-PDG fl-2016) u hija mistennija li tiżdied aktar mill-medja tal-UE (1,3 punti perċentwali kontra 0,9 % punti perċentwali tal-PDG), u dan għandu jżid in-nefqa fuq is-saħħa għal 8,3 % tal-PDG sal-2070. In-nefqa fuq il-kura fit-tul hija projjettata li tirdoppja minn 1,9 % għal 3,8 % tal-PDG sal-2070. L-introduzzjoni tal-limiti tan-nefqa permezz tal-Liġi dwar l-Ugwalizzazzjoni Finanzjarja tal-2017 u r-riforma dwar it-tisħiħ tal-kura tas-saħħa primarja kif ukoll it-tnaqqis tad-dipendenza fuq is-settur tal-isptarijiet bdew jindirizzaw il-kwistjoni tas-sostenibbiltà. Madankollu, l-għadd persistentement għoli ta' aġenziji tal-assigurazzjoni tas-saħħa jipprovdi indikazzjoni ta’ ffrankar potenzjali ulterjuri fl-ispejjeż ta’ governanza u amministrattivi. B’żieda ma’ dan, proċeduri tal-akkwist pubbliku iktar effettivi (pereżempju proċeduri għall-offerti mill-UE kollha, l-użu ta’ kriterji ta’ aġġudikazzjoni oħra minbarra l-prezz u l-aggregazzjoni transreġjonali tal-offerti) jistgħu jtejjbu l-kwalità u l-kosteffiċjenza. Fil-qasam tal-kura fit-tul, miżuri ta’ politika reċenti bħad-deċiżjoni tal-abbolizzjoni tar-rikors għall-assi privati ta’ persuni biex jiffinanzjaw il-kura fit-tul ta’ pazjenti rikoverati huma mistennija jiżdiedu, iktar milli jillimitaw, in-nefqa f’dan il-qasam.

(12)Il-Liġi tal-Ugwaljanza Finanzjarju tal-2017 ikkontribwixxiet biex tissimplifika r-relazzjonijiet fiskali bejn il-livelli differenti tal-gvern billi tat bidu għal finanzjament orjentat lejn il-funzjonijiet, is-simplifikazzjoni tad-distribuzzjoni ta’ trasferimenti intergovernattivi, u l-assenjazzjoni ta’ sors proprju ta’ dħul għall-Istati. Madankollu, minkejja dawn l-isforzi ta’ riforma, il-qafas fiskali għadu opak u d-diskrepanza sinifikanti bejn ir-responsabbiltajiet għan-nefqa u għall-ġbir tad-dħul għadha tippersisti, u dan jipprovdi inċentivi dgħajfa għad-dixxiplina baġitarja fil-livell sottonazzjonali.

(13)Minkejja r-riforma tat-taxxa tal-2016, il-piż tat-taxxa fuq ix-xogħol għadu għoli u huwa mistenni li jiżdied b’mod gradwali maż-żmien jekk il-kategoriji tat-taxxa ma jiġux indiċjati skont l-inflazzjoni. Dawk bi dħul ogħla bbenefikaw minn riforma relattivament ħafna aktar milli dawk bi dħul baxx u l-piż tat-taxxa għal dawk bi dħul baxx għadu għoli. Ir-riforma tat-taxxa bbenefikat ukoll lill-irġiel aktar milli lin-nisa. Min-naħa l-oħra, sorsi ta’ dħul jitqiesu li huma inqas detrimentali għat-tkabbir, bħat-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà, jidhru mhux utilizzati biżżejjed, l-iktar minħabba bażi tat-taxxa li fil-biċċa l-kbira għadha żmienha. Id-dħul mit-taxxi rikorrenti fuq il-proprjetà fl-Awstrija huwa baxx ħafna, u jammonta għal 0,2 % tal-PDG meta mqabbel mal-medja tal-UE ta’ 1,6 % tal-PDG fl-2016. Billi tisposta l-piż tat-taxxa mix-xogħol għal sorsi ta' dħul inqas detrimentali jista’ jgħin biex tiġi indirizzata din il-problema.

(14)Is-suq tax-xogħol jaħdem tajjeb, madankollu, għad baqa’ sfidi għal gruppi speċifiċi, (pereżempju, nisa u persuni bi sfond ta’ migrazzjoni). Minkejja r-rata għolja ġenerali ta’ nisa f'impjieg, l-eżiti tas-suq tax-xogħol f’termini ta’ impjieg full-time jibqgħu pjuttost dgħajfa. Ir-rata ta’ impjieg part-time tan-nisa, 47,9 % fl-2016, tibqa’ fost waħda mill-ogħla fl-UE (medja tal-UE: 31,4 %). Il-kwistjonijiet relatati mal-aċċess għall-indukrar tat-tfal formali, inkluż b’mod partikolari barra miz-zona urbana, jikkontribwixxu għal dan l-eżitu. Is-sehem għoli ta’ nisa f’impjieg part-time, li huwa fil-parti l-kbira r-riżultat ta’ nisa li jwettqu ħidma importanti li bla ħlas bħall-indukrar tat-tfal u l-familjari, kif ukoll qligħ iktar baxx għal impjieg imħallas bis-sigħa, jikkontribwixxu għal diskrepanza għolja b’mod persistenti bejn il-pagi tal-irġiel u tan-nisa. Dan tal-aħħar għandu impatt dirett fuq l-akkumulazzjoni tad-drittijiet tal-pensjoni tan-nisa, li jirriżulta f’diskrepanza kbira fil-pensjoni.

(15)Ir-riżultati tat-tagħlim għal studenti żvantaġġati ma tjibux. Għad fadal distakk wiesa’ fil-prestazzjoni bejn l-istudenti bi sfond ta’ migrazzjoni u dawk mingħajru. Testijiet nazzjonali fl-2016 ikkonfermaw li aktar minn 25 % tal-istudenti ma għandhomx ħiliet bażiċi fil-Ġermaniż. L-ittestjar internazzjonali reċenti kkonferma wkoll distakk dejjem jikber għal dawk li għandhom sfond soċjoekonomiku dgħajjef jew ta’ migrazzjoni. Meta wieħed iqabbel ir-riżultati tal-Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti (PISA) tal-2012 u tal-2015, il-proporzjoni ta’ studenti li jkollhom riżultati baxxi żdied fit-tliet oqsma ewlenin li ġew mistħarrġa, jiġifieri fil-matematika, il-qari u x-xjenza. L-istudenti nattivi jkollhom prestazzjoni aqwa mill-migranti tal-ewwel ġenerazzjoni b’livell ekwivalenti għal kważi tliet snin ta’ skola.

(16)Filwaqt li l-produttività hija għolja fl-Awstrija, it-tkabbir tal-produttività kien dgħajjef matul dawn l-aħħar snin minkejja l-isforzi konsiderevoli tal-Awstrija, bħal pereżmpju l-investiment fir-riċerka u l-iżvilupp u t-titjib fil-qafas għal negozji ġodda. L-ingranaġġ li jibqa' għall-appoġġ tat-tkabbir tal-produttività huma relatati mad-diġitalizzazzjoni tan-negozji, mat-tkabbir tal-kumpaniji u mal-kompetizzjoni fis-servizzi. L-Awstrija għandha ħafna ostakoli għall-aċċess u regoli restrittivi fuq l-eżerċitar ta’ servizzi tan-negozju u fuq il-professjonijiet regolati. Dawn jinkludu rekwiżiti ta’ parteċipazzjoni azzjonarja, attivitajiet riżervati estensivi u restrizzjonijiet interdixxiplinarji 7 . Sforzi kontinwi biex jitnaqqsu l-piżijiet u l-evalwazzjoni ppjanata tar-regolamentazzjoni tal-kummerċ tal-Awstrija (Gewerbeordnung) huma strumenti importanti biex jindirizzaw din il-kwistjoni.

(17)Aktar kompetizzjoni fis-settur tas-servizzi tista’ tikkontribwixxi biex tindirizza l-isfidi tal-Awstrija fit-tixrid tat-teknoloġiji diġitali u tal-mudelli ta’ negozju, b’mod partikolari fost intrapriżi mikro, żgħar u ta’ daqs medju. Id-diġitalizzazzjoni ta’ dawn l-intrapriżi hija partikolarment importanti fl-Awtrija minħabba li jifformaw is-sisien tal-ekonomija Awstrijaka. Inizjattivi bħal “KMU Digital” u “AT: net” u l-implimentazzjoni tal-Pjan Direzzjonali Diġitali għall-Awstrija huma importanti. Kwistjoni oħra tirrigwarda t-tkabbir tal-kumpaniji u b’mod partikolari ta’ kumpaniji innovattivi ħafna. Finanzjament fi stadju iktar tard, bħall-forom ta’ kapital ta' riskju u aċċess għas-swieq kapitali pubbliċi għat-tkabbir, huwa diffiċli. Kumpaniji b’rata għolja ta’ tkabbir huma kruċjali għat-tixrid ta’ teknoloġiji u ta' mudelli kummerċjali ġodda, inklużi dawk diġitali, u b’hekk għat-tkabbir tal-produttività.

(18)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Awstrija u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018, il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Awstrija fi snin preċedenti. Il-Kummissjoni qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għal politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Awstrija imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika globali tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni fid-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(19)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 u l-opinjoni tiegħu 8 hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni 1 hawn taħt.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Awstrija tieħu azzjoni fl-2018 u l-2019 biex:

1.Tikseb l-għan baġitarju fuq terminu medju fl-2019, filwaqt li tqis il-marġnijiet marbuta mal-avvenimenti mhux tas-soltu li għalihom ingħatat devjazzjoni temporanja. Tiżgura s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa u tal-kura fit-tul u tal-pensjoni, inkluż billi tiżdied l-età statutorja tal-irtirar u billi l-irtirar kmieni jiġi ristrett. Is-servizzi pubbliċi jsiru aktar effiċjenti, inkluż permezz tal-allinjament tar-responsabbiltajiet għall-finanzjament u għall-infiq.

2.Jitnaqqas il-porzjon tat-taxxa, b’mod partikolari għal dawk b’introjtu baxx permezz ta’ bidla tal-piż tat-taxxa għal sorsi ta’ dħul li jkunu ta’ inqas ħsara għat-tkabbir. Ittejjeb l-eżiti tas-suq tax-xogħol għan-nisa. Titjib fil-ħiliet bażiċi għal żgħażagħ żvantaġġati u persuni bi sfond ta’ migrazzjoni. Appoġġ għat-tkabbir billi tistimula d-diġitalizzazzjoni tal-intrapriżi u t-tkabbir tal-kumpaniji u billi tnaqqas l-ostakli regolatorji fis-settur tas-servizzi.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    COM(2018) 419 final.
(3)    P8_TA(2018)0077 u P8_TA(2018)0078.
(4)    SWD(2018) 218 final.
(5)    Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(6)    COM(2014) 494 final.
(7)    Rakkomandazzjonijiet biex jiġu indirizzati dawn il-kwistjonijiet saru f’Jannar 2017 f’COM(2016) 820 u SWD (2016)436.
(8)    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.