Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 tal-Ungerija
u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Konverġenza tal-2018 tal-Ungerija
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 9(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Fit-22 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Hija kkunsidrat kif xieraq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, fejn l-Ungerija ma kinetx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond.
(2)Ir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2018 għall-Ungerija ġie ppubblikat fis-7 ta’ Marzu 2018. Dan ir-rapport jivvaluta l-progress tal-Ungerija biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta’ Lulju 2017, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Ungerija lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020.
(3)Fit-30 ta’ April 2018, l-Ungerija ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 tagħha u l-Programm ta’ Konverġenza tal-2018 tagħha. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.
(4)Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020. Kif previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fejn ikun neċessarju biex jingħata appoġġ lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru jirrieżamina u jipproponi emendi fil-Ftehim ta' Sħubija u fil-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet dettalji ulterjuri dwar kif tista' tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni f'linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropew ma' governanza ekonomika tajba.
(5)Bħalissa l-Ungerija qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u hija soġġetta għar-regola tad-dejn. Fil-Programm ta’ Konverġenza tal-2018 tagħha, il-Gvern qed jippjana deterjorament fid-defiċit nominali minn 2,0 % fl-2017 għal 2,4 % fl-2018 u titjib gradwali wara għal 0,5 % tal-PDG sal-2022. L-objettiv baġitarju fuq terminu medju — defiċit strutturali ta’ 1,5 % tal-PDG — huwa ppjanat li jintlaħaq sal-2020. Fuq il-bażi tal-bilanċ strutturali rikalkulat, l-objettiv baġitarju fuq terminu medju se jintlaħaq sal-2022. Skont il-Programm ta’ Konverġenza, il-proporzjon tad-dejn pubbliku mal-PDG huwa mistenni li jonqos gradwalment għal kemmxejn taħt is-60 % sa tmiem l-2022. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa favorevoli, li joħloq riskji notevoli għall-implimentazzjoni tal-miri tad-defiċit.
(6)Il-Programm ta’ Konverġenza tal-2018 jindika li l-impatt fuq il-baġit tal-miżuri relatati mas-sigurtà fl-2017 huwa sinifikanti, u jipprovdi evidenza adegwata dwar l-ambitu u n-natura ta’ dawn l-ispejjeż baġitarji addizzjonali. Skont il-Kummissjoni, l-infiq addizzjonali eliġibbli fl-2017 ammonta għal 0,17 % tal-PDG għal miżuri relatati mas-sigurtà. Id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikoli 5(1) u 6(3) tar-Regolament (UE) Nru 1466/97 ikopru dan l-infiq addizzjonali, fis-sens li l-influss tar-refuġjati huwa avventiment mhux tas-soltu, l-impatt tiegħu fuq il-finanzi pubbliċi tal-Ungerija huwa wieħed sinifikanti u s-sostenibbiltà ma tiġix kompromessa billi tiġi permessa devjazzjoni temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju. Għalhekk, l-aġġustament meħtieġ lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju għall-2017 tnaqqas biex jitqiesu l-ispejjeż addizzjonali relatati mas-sigurtà.
(7)Fit-12 ta’ Lulju 2016, il-Kunsill rrakkomanda lill-Ungerija tikseb aġġustament fiskali annwali ta’ 0,6 % tal-PDG lejn l-objettiv fuq terminu medju fl-2017, sakemm l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju ma jintlaħaqx b’inqas sforz. Fuq il-bażi tad-data tar-riżultati għall-2017, l-Ungerija nstabet li qiegħda f’devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju. F’konformità mal-Artikolu 121(4) TFUE u l-Artikolu 10(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97, il-Kummissjoni ħarġet avviż lill-Ungerija fit-23 ta’ Mejju 2018 li devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju ġiet osservata fl-2017. Fi XX ta’ Ġunju, il-Kunsill adotta rakkomandazzjoni sussegwenti lill-Ungerija li tikkonferma l-ħtieġa għall-Ungerija biex tieħu l-miżuri meħtieġa biex tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx it-2,8 % fl-2018, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 1 % tal-PDG. Fuq il-bażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, hemm ir-riskju ta’ devjazzjoni mill-isforz rakkomandat.
(8)Fl-2019, fid-dawl tal-fatt li l-proporzjon tad-dejn pubbliku tal-Ungerija se jaqbeż is-60 % tal-PDG u li l-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni pprojettat se jilħaq it-2,3 %, jenħtieġ li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx it-3,9 % f’konformità mal-aġġustament strutturali ta’ 0,75 % tal-PDG li joriġina mill-matriċi ta’ rekwiżiti taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fuq il-bażi tal-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti minn dak ir-rekwiżit fl-2019. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li miżuri ulterjuri sinifikanti se jkunu meħtieġa mill-2018 biex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir, fid-dawl tal-previżjonijiet fiskali li qed jiddeterjoraw b’mod qawwi, f’konformità mar-rakkomandazzjoni indirizzata lill-Ungerija fl-XX ta’ Ġunju 2018 bil-għan li tikkoreġi d-devjazzjoni sinifikanti osservata mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv fuq terminu medju.
(9)Ir-rata ġenerali tal-impjieg tjiebet b’mod sinifikanti u x-xejra ekonomika favorevoli tipprovdi opportunità favur ir-reintegrazzjoni fid-dinja tax-xogħol, b’mod speċjali tal-persuni qiegħda. Id-disparità bejn il-ġeneri hija wiesgħa, speċjalment fil-grupp tal-età 25-39, li tista’ tiġi spjegata parzjalment minħabba l-provvediment limitat ta’ indukrar tat-tfal ta’ kwalità. Il-livell ta’ parteċipazzjoni fl-indukrar tat-tfal għal tfal taħt l-età ta’ 3 snin huwa ferm anqas mill-mira ta’ Barċellona u mill-medja tal-UE. Għalkemm l-iskema tax-xogħlijiet pubbliċi tibqa’ l-politika attiva ewlenija tas-suq tax-xogħol, il-fatt li l-għadd ta’ parteċipanti fiha naqas b’mod sinifikanti jirrappreżenta żvilupp pożittiv. Madankollu, l-iskema għadha mhijiex iffokata biżżejjed u l-effettività tagħha fl-integrazzjoni mill-ġdid tal-parteċipanti fis-suq tax-xogħol miftuħ għadha limitata meta titqies is-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol. Il-politiki attivi tas-suq tax-xogħol li jiffokaw iktar fuq titjib tal-ħiliet u taħriġ mill-ġdid huma sottożviluppati.
(10)Il-proporzjon ta’ persuni f’riskju ta’ faqar u ta’ esklużjoni soċjali naqas sa 26,3 % fl-2016, iżda għadu ogħla mill-medja tal-UE. It tfal b’mod ġenerali huma iktar esposti għall-faqar minn gruppi ta’ età oħrajn. Il-livell ta’ benefiċċji tal-introjtu minimu huwa anqas minn 50 % tal-limitu tal-faqar għal unità domestika b’membru wieħed, li jagħmlu l-iktar wieħed baxx fl-UE. L-adegwatezza tal-benefiċċji tal-qgħad hija baxxa ħafna: it-tul ta’ żmien massimu ta’ tliet (3) xhur tagħhom huwa kklassifikat bħala l-iqsar fl-UE, u jirrappreżenta biss madwar kwart taż-żmien medju meħtieġ minn dawk li qed ifittxu xogħol biex isibu impjieg. Barra minn hekk, il-livelli ta’ pagament huma fost l-iktar baxxi fl-UE.
(11)L-istrutturi u l-proċessi Ungeriżi tad-djalogu soċjali għadhom sottożviluppati u ma jippermettux involviment sinifkanti tas-sħab soċjali fit-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politika. In-nuqqasijiet fl-impenn tal-partijiet ikkonċernati u t-trasparenza limitata għandhom impatt fuq il-bażi tal-evidenza u fuq il-kwalità tat-tfassil ta’ politika, filwaqt li joħolqu inċertezza għall-investituri u jnaqqsu r-rata tal-konverġenza.
(12)Ġew implimentati miżuri biex itejbu s-sistema tat-taxxa, iżda għad hemm xi problemi. Għalkemm qed jonqos, il-porzjon ta’ taxxa fuq ix-xogħol, speċjalment għal ċerti gruppi b’introjtu baxx, għadu għoli meta mqabbel ma’ pajjiżi oħra tal-UE. Il-kumplessità ġenerali tas-sistema tat-taxxa, flimkien mal-preżenza kontinwa ta’ taxxi speċifiċi għal setturi, tibqa’ punt dgħajjef. Huma essenzjali miżuri kontra l-istrateġiji ta’ ppjanar aggressiv tal-kontribwenti biex jimpedixxu d-distorzjonijiet tal-kompetizzjoni bejn id-ditti, jipprovdu trattament ġust tal-kontribwenti u jissalvagwardjaw il-finanzi pubbliċi. L-effetti konsegwenzjali tal-istrateġiji ta’ ppjanar aggressiv tal-kontribwenti bejn l-Istati Membri jitolbu azzjoni koordinata ta’ politiki nazzjonali biex tikkomplementa l-leġiżlazzjoni tal-UE. L-Ungerija tirreġistra dħul u ħruġ ta’ kapital relattivament għoljin permezz ta’ entitajiet bi skop speċjali, li mhumiex konnessi mal-ekonomija reali. In-nuqqas ta’ taxxi minn ras il-għajn fuq pagamenti ta’ dividend, ta’ interessi u ta’ royalties li joħorġu mill-pajjiż (jiġifieri minn residenti tal-UE għal residenti ta’ pajjiżi terzi), li jsiru minn kumpaniji bbażati fl-Ungerija jista’ jwassal biex dawk il-pagamenti jaħarbu t-taxxa għalkollox, jekk ma jkunux soġġetti għal taxxa fil-ġurisdizzjoni reċipjenti. Il-Kummissjoni tieħu nota li l-Ungerija tirrikonoxxi li pagamenti li joħorġu mill-pajjiż, jekk użati ħażin, jistgħu jwasslu għal ippjanar aggressiv tat-taxxa. Fuq il-bażi ta’ skambji riċenti, il-Kummissjoni se tkompli d-djalogu kostruttiv tagħha biex tiġġieled kontra strateġiji ta’ ppjanar fiskali aggressiv tal-kontribwenti.
(13)L-ostakli regolatorji fis-servizzi, u partikolarment fin-negozju bl-imnut, għandhom impatt fuq il-prestazzjoni tas-settur u jfixklu r-riallokazzjoni effiċjenti tar-riżorsi, il-produttività u l-innovazzjoni. Hemm xejra kontinwa li ċerti servizzi jiġu fdati lil ditti tal-Istat maħluqa speċjalment għal dan il-għan, għad-detriment tal-kompetizzjoni miftuħa. In-nuqqas ta’ prevedibbiltà tal-qafas legali hija problema ulterjuri, speċjalment fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, li fis-snin riċenti kellu jħabbat wiċċu ma’ bidliet frekwenti fir-regolamenti. Billi r-regolamenti proposti huma spiss imfassla apposta għall-fatturat jew l-erja kummerċjali, huma jaffettwaw prinċipalment katini ta’ bejgħ bl-imnut barranin. Dan iżid l-inċertezza fost l-operaturi tan-negozji u jista’ jiskoraġġixxi l-investiment. Huwa meħtieġ ambjent regolatorju stabbli li jiffavorixxi l-kompetizzjoni. Ir-regolamentazzjoni restrittiva tal-professjonijiet għadha għolja fl-Ungerija, b’mod partikolari fir-rigward ta’ professjonijiet ewlenin bħall-kontabilità u s-servizzi legali.
(14)Għad fadal tħassib rigward il-prevenzjoni u l-prosekuzzjoni tal-korruzzjoni. F’konformità ma’ diversi indikaturi, jidher li l-esponiment tal-Ungerija għall-korruzzjoni żdied matul l-aħħar snin u r-riskji tal-korruzzjoni jistgħu jaffetwaw il-potenzjal tat-tkabbir tal-pajjiż b’mod negattiv. Il-funzjonamaent tas-servizz tal-prosekuzzjoni huwa ta’ importanza kruċjali biex jiġġieled il-korruzzjoni u l-ħasil tal-flus u filwaqt li miżuri biex jiġġieldu l-korruzzjoni fil-livelli baxxi jidhru li ġew applikati b’ċertu suċċess, ma hemmx biżżejjed enfasi fuq impenn għal investigazzjonijiet f’każijiet ta’ livelli għoljin. Trasparenza limitata u restrizzjonijiet fuq l-aċċess għal-informazzjoni jkomplu jostakolaw il-miżuri għall-prevenzjoni tal-korruzzjoni. Ittieħdu passi sinifikanti fir-rigward tal-akkwist pubbliku, imma hemm lok sabiex it-trasparenza u l-kompetizzjoni fil-proċess tas-sejħiet għall-offerti jkomplu jitjiebu.
(15)Ir-riżultati edukattivi tal-ħiliet bażiċi huma ferm inqas mill-medja tal-UE, speċjalment għal tfal bi sfond soċjoekonomiku żvantaġġat. L-istudenti jiġu strimjati kmieni f’tipi ta’ skejjel differenti, b’distakki kbar fir-riżultati edukattivi u fil-perkorsi lejn l-impjieg. Tfal żvantaġġati, inklużi tfal Rom, għandhom it-tendenza li jkunu kkonċentrati fl-iskejjel sekondarji vokazzjonali, li huma kkaratterizzati minn livelli iktar baxxi fil-ħiliet bażiċi u rati ogħla ta’ tluq bikri mill-iskola, u l-persuni li jtemmu dawn l-iskejjel bħala medja jirċievu pagi iktar baxxi. Ir-rata ta’ tluq bikri mill-iskola żdiedet għal medja ta’ 12,4 %, u hija partikolarment għolja fost it-tfal Rom. Dawn l-isfidi huma partikolarment rilevanti fil-kuntest tal-edukazzjoni inklużiva u ta' kwalità. L-ammont ta’ applikanti li qed jiċkien u rati għolja ta’ tluq bikri mill-iskola fl-edukazzjoni terzjarja se jkomplu jrażżnu r-rati ta’ kisbiet fi żmien meta d-domanda għal ħaddiema b’livell għoli ta’ kwalifiki qiegħda tikber.
(16)Riżultati ħżiena fil-qasam tas-saħħa, aggravati minn stili ta’ ħajja dannużi għas-saħħa, jippersistu, filwaqt li għandhom impatt negattiv fuq il-kapital uman. Il-livelli baxxi ta’ nfiq fil-kura tas-saħħa, flimkien ma’ allokazzjoni ineffiċjenti tar-riżorsi, jillimitaw l-effettività tas-sistema tal-kura tas-saħħa Ungeriża. Dan, flimkien ma’ dipendenza qawwija fuq ħlasijiet mill-but, għandu implikazzjonijiet negattivi fuq l-ekwità għall-aċċess f’waqtu għal kura tas-saħħa affordabbli, preventiva u kurattiva ta’ kwalità tajba. In-nuqqas ta’ ħaddiema fil-kura tas-saħħa jxekkel ukoll l-aċċess għall-kura, għalkemm żidiet riċenti fis-salarji naqqsu din l-isfida. L-isforzi tar-riformi li għaddejjin bħalissa huma ffokati biex jindirizzaw l-użu eċċessiv tas-servizzi tal-kura fl-isptarijiet, fejn kawża primarja ta’ dan hija li l-fornituri tal-kura primarja mhumiex mgħammra sew biex jaġixxu bħala gwardjani effettivi. Razzjonalizzazzjoni ulterjuri tal-użu tar-riżorsi tal-isptarijiet, flimkien ma’ investimenti mmirati biex isaħħu s-servizzi tal-kura primarja, jistgħu jippermettu t-tnaqqis fid-differenzi fl-aċċess għall-kura, jixprunaw it-titjib fl-effiċjenza u jtejbu r-riżultati tas-saħħa b’mod effettiv.
(17)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Ungerija u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż għall-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Konverġenza għall-2018, il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lill-Ungerija fis-snin preċedenti. Il-Kummissjoni qieset mhux biss ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fl-Ungerija, iżda qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali fil-futur.
(18)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina il-Programm ta’ Konverġenza tal-2018 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa b'mod partikolari fir-rakkomandazzjoni nru 1 hawn taħt.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Ungerija tieħu azzjoni fl-2018 u l-2019 biex:
1.Fl-2018, tiżgura konformità mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ XX ta’ Ġunju 2018 bil-għan li tikkoreġi d-devjazzjoni sinifikanti mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju. Fl-2019, tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx it-3,9 %, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,75 % tal-PDG.
2.Tkompli tissimplifika s-sistema tat-taxxa, b’mod partikolari billi tnaqqas taxxi speċifiċi għas-setturi. Ittejjeb il-kwalità u t-trasparenza tal-proċess tat-teħid ta’ deċiżjonijiet permezz ta’ djalogu soċjali effettiv u impenn ma’ partijiet interessati oħrajn u permezz ta’ valutazzjonijiet tal-impatt regolari u adegwati. Tirrinforza l-qafas kontra l-korruzzjoni, issaħħaħ l-isforzi tal-prosekuzzjoni u ttejjeb it-trasparenza u l-kompetizzjoni fl-akkwist pubbliku, fost l-oħrajn billi tagħmel id-data miksuba mis-sistema ta’ akkwist elettroniku aċċessibbli għall-pubbliku. Issaħħaħ il-kompetizzjoni, l-istabbiltà regolatorja u t-trasparenza fis-settur tas-servizzi, b’mod partikolari tal-bejgħ bl-imnut.
3.Tillibera r-riżervi tax-xogħol billi ttejjeb il-kwalità tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol. Ittejjeb ir-riżultati edukattivi u żżid il-parteċipazzjoni tal-gruppi żvantaġġati, b’mod partikolari r-Rom, f'edukazzjoni ordinarja inklużiva u ta’ kwalità. Ittejjeb l-adegwatezza u l-kopertura tal-assistenza soċjali u tal-benefiċċji tal-qgħad.
Magħmul fi Brussell,