Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Lussemburgu tal-2018
u l-għoti ta' opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-Lussemburgu tal-2018
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Fit-22 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Hija ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ukoll ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija fejn il-Lussemburgu ma kienx identifikat bħala wieħed mill-Istati Membri li jridu jwettqu analiżi fil-fond. Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Marzu 2018. Fl-14 ta’ Marzu 2018, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro (“rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro”).
(2)Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li l-Lussemburgu jiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika għaż-Żona tal-Euro kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet minn (1) sa (2) hawn taħt.
(3)Ir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2018 għal-Lussemburgu ġie ppubblikat fis-7 ta’ Marzu 2018. Dan ir-rapport ivvaluta ċertu progress fl-indirizzar tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta’ Lulju 2017, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Lussemburgu lejn il-miri nazzjonali tiegħu tal-Ewropa 2020.
(4)Fit-30 ta' April 2018, il-Lussemburgu ppreżenta l-Programm Nazzjonali ta' Riforma għall-2018 tiegħu u l-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tiegħu. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.
(5)Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020. Kif kien previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta' Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet dettalji ulterjuri dwar kif tista' tagħmel użu minn din id-dispożizzjoni f'linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropew ma' governanza ekonomika tajba.
(6)Bħalissa l-Lussemburgu qiegħed fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2018, il-Gvern qed jippjana tnaqqis fis-surplus nominali minn 1,5 % tal-PDG fl-2017 għal 1,1 % tal-PDG fl-2018, segwit minn kważi żieda kostanti minn hemm ’il quddiem, sakemm jintlaħaq surplus ta’ 2,4 % tal-PDG fl-2022. L-objettiv baġitarju fuq terminu medju — defiċit strutturali ta’ 0,5 % tal-PDG — se jibqa’ jiġi ssodisfat b’marġni matul il-perjodu kollu tal-programm. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2018, il-proporzjon tad-dejn tal-amministrazzjoni pubblika għall-PDG mistenni li jibqa’ ferm taħt il-valur ta’ referenza tat-Trattat ta’ 60 % tal-PDG. Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed dawn il-projezzjonijiet baġitarji huwa favorevoli għall-perjodu li jwassal għall-2020 u plawżibbli minn hemm’ il quddiem. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2018 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali huwa mbassar li se jirreġistra surplus ta’ 0,8 % tal-PDG fl-2018 u 0,3 % tal-PDG fl-2019, aktar baxx, b’mod partikolari għall-2019, milli fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018, iżda għadu ogħla mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-opinjoni li hu previst li l-Lussemburgu jikkonforma mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir fl-2018 u fl-2019.
(7)L-ekonomija tal-Lussemburgu qed tkompli tiżdied b’mod stabbli u kellha prestazzjoni aħjar mill-medja taż-Żona tal-Euro mir-reċessjoni globali tal-2009. Is-settur finanzjarju jibqa’ l-mutur ewlieni tat-tkabbir ekonomiku u qed ikompli jkun sod u profittabbli. Dan huwa rifless f’surpluses kbar kemm fil-bilanċ tas-servizzi kif ukoll il-bilanċ ġenerali tal-kont kurrenti. Is-settur estern tal-kontribuzzjoni relattiva għal tkabbir tal-PGD reali kien jirrappreżenta medja ta’ 61 % fl-2013-2016, minkejja bilanċ kummerċjali negattiv rikorrenti. Il-Lussemburgu huwa kreditur nett għall-bqija tad-dinja u fi tmiem l-2016, l-assi esterni gross u l-obbligazzjonijiet laħqu EUR 10,5 triljun. L-awtoritajiet nazzjonali implimentaw aktar miżuri ta’ sorveljanza u makroprudenzjali u l-intermedjarji finanzjarji kkonċernati qed jaġġustaw mal-qafas ta’ politika nazzjonali u tal-UE li qed jinbidlu.
(8)Kif indikat fir-rakkomandazzjoni taż-Żona tal-Euro tal-2018, il-ġlieda kontra strateġiji ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa hija essenzjali sabiex jiġu evitati distorsjonijiet tal-kompetizzjoni bejn id-ditti, jiġi provdut trattament ġust ta’ min iħallas it-taxxa u jiġu salvagwardjati l-finanzi pubbliċi. Effetti konsegwenzjali ta’ strateġiji ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa bejn l-Istati Membri jirrikjedu azzjoni koordinata ta’ politiki nazzjonali biex jikkumplementaw il-leġiżlazzjoni tal-UE. Minkejja d-daqs tas-settur finanzjarju tiegħu, il-livell għoli ta’ pagamenti ta’ dividendi, imgħax u royalties bħala perċentwal tal-PDG jissuġġerixxu li r-regoli fiskali tal-pajjiż huma użati minn kumpaniji li jinvolvu ruħhom f’ippjanar aggressiv tat-taxxa. Il-biċċa l-kbira tal-investiment dirett barrani huwa miżmum mill-“entitajiet bi skop speċjali”. In-nuqqas ta’ taxxi miżmuma fuq interessi u royalties li jħallu l-pajjiż (jiġifieri minn residenti tal-UE għal residenti ta’ pajjiż terz) u l-eżenzjoni minn taxxi minn ras il-għajn fuq ħlasijiet ta’ dividendi taħt ċerti ċirkostanzi jista’ jwassal biex dawk il-pagamenti jevadu t-taxxa kompletament, jekk huma wkoll mhux soġġetti għat-taxxa fil-ġurisdizzjoni riċeventi. Il-Kummissjoni tieħu nota pożittiva meħuda mil-Lussemburgu (jiġifieri, l-adozzjoni ta’ sistema ta’ inċentivi tat-taxxa favur il-privattivi konformi mar-regoli internazzjonali). Fuq il-bażi ta’ skambji riċenti, il-Kummissjoni se tkompli bid-djalogu kostruttiv tagħha biex tiġġieled kontra strateġiji ta’ ppjanar aggressiv tat-taxxa.
(9)Għal għexieren ta’ snin, l-awtoritajiet tal-Lussemburgu raw kif għamlu biex jiddiversifikaw l-ekonomija, billi żviluppaw numru ta’ setturi inkluż l-industrija tal-ICT u s-settur tal-ispazju. Meta wieħed iqis il-livell għoli tal-kosti lavorattivi, l-attivitajiet b’valur miżjud ogħla joffru l-potenzjal li jiżblokkaw is-sorsi alternattivi ta’ tkabbir. Għalhekk, id-diversifikazzjoni b’suċċess tal-ekonomija tal-Lussemburgu tiddependi ħafna fuq is-setturi li huma anqas sensittivi għal-livelli tal-kosti lavorattivi. Fil-biċċa l-kbira, dawn huma bbażati fuq ir-riċerka u l-innovazzjoni, li hemm tendenza li jippreżentaw intensità ogħla ta’ teknoloġija u ta’ għarfien. Din l-istrateġija ġiet imsaħħa dan l-aħħar. Proġetti kbar ta’ investiment pubbliku, inklużi r-RuŻ u regolamenti tas-suq, fost miżuri oħra, qed jiġu implimentati biex jiġu żviluppati dawn is-setturi ta’ prijorità. Bejn l-2000 u l-2016, il-Lussemburgu żied in-nefqa fir-RuŻ pubblika tiegħu b’ħames darbiet, u li tilħaq 0,60 % tal-PDG. Dawn l-investimenti wasslu lill-pajjiż biex jibni rapidament sistema tar-riċerka pubblika li taħdem tajjeb. Madankollu, filwaqt li l-investiment fir-RuŻ pubbliku hija ogħla mill-medja taż-Żona tal-Euro, l-investiment privat fir-RuŻ u l-prestazzjoni tal-innovazzjoni, kif imkejla permezz tal-iskorbord tal-innovazzjoni Ewropea, kompla jonqos. L-istruttura tal-ekonomija tal-Lussemburgu jispjega parzjalment l-intensità tar-RuŻ kummerċjali iżjed baxxa meta mqabbla mal-bqija tad-dinja, billi s-setturi li jirrappreżentaw l-akbar parti tal-PDG tal-Lussemburgu (servizzi u, b’mod partikolari, is-settur finanzjarju) tradizzjonalment jinvestu inqas fir-RuŻ. Madankollu, din ix-xejra hija iżjed qawwija fil-Lussemburgu meta mqabbla mal-medja tal-UE u l-intensità tar-RuŻ kummerċjali naqset għal 0,64 % tal-PDG fl-2016, minn 1,5 % tal-PDG fl-2000. Ix-xejra ta’ tnaqqis ta’ investiment privat tindika li għad hemm ostakli f’dan il-qasam. Dan jindika wkoll nuqqas ta’ effett ta’ lieva minn sforzi ta’ RuŻ pubbliċi fuq l-investiment tan-negozju. Konsegwentement, il-bini ta’ kapaċitajiet tar-riċerka pubblika jeħtieġ li jiġi integrat aħjar f’approċċ komprensiv fl-ekosistema tal-innovazzjoni. Fl-2017, ġiet adottata liġi ġdida li ġġedded l-iskemi ta’ għajnuna għar-riċerka, l-iżvilupp u l-innovazzjoni, u twessa’ l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ għajnuna pubblika disponibbli.
(10)Il-Lussemburgu huwa mistenni li ma jilħaqx il-mira tiegħu għall-2020 li jnaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet b’effett ta’ serra. It-tniġġis tal-arja u l-konġestjoni tat-traffiku fis-sigħat l-aktar intensivi huma problemi kbar għall-pajjiż, u b’hekk tiġi ggravata l-konċentrazzjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu u l-emissjonijiet ta’ gass b’effett ta’ serra. Fl-2015, aktar minn nofs l-emissjonijiet ta’ gassijiet serra ġew mis-settur tat-trasport. Il-livell baxx ta’ tassazzjoni fuq il-fjuwil tat-trasport, l-għadd kbir ta’ karozzi tal-kumpanija u l-livell għoli tal-prezzijiet tad-djar huma fost il-fatturi prinċipali li jistimulaw livelli għoljin tal-użu tal-karozzi u żieda fl-għadd ta’ ħaddiema transfruntiera. Ir-rati tat-taxxa fuq il-fjuwil tat-trasport huma fost l-aktar baxxi fl-UE u jipprovdu inċentiv għal żieda fil-konsum tal-fjuwil, inkluż il-bejgħ transfruntiera. Madankollu, il-miżuri riċenti inkoraġġew l-iżvilupp ta’ mobbiltà iktar sostenibbli, b’mod partikolari permezz tar-riforma tat-taxxa tal-2016, iżda wkoll permezz ta’ investiment sostanzjali fit-trasport pubbliku. L-aktar sfidi urġenti huma b’mod partikolari biex jikkompletaw u jaġġornaw l-infrastrutturi tal-ferroviji.
(11)Il-Lussemburgu jibqa’ impenjat biex inaqqas aktar ir-restrizzjonijiet regolatorji fis-settur tas-servizzi tan-negozju. Miżuri riċenti ffokaw b’mod partikolari fuq il-professjonijiet ta’ periti u inġiniera, u ġew imħabbra riformi addizzjonali biex inaqqsu aktar ir-restrizzjonijiet fuq dawn iż-żewġ professjonijiet. Barra minn hekk, l-hekk imsejħa liġi omnibus adottata f’Marzu 2017 introduċiet miżuri ta’ simplifikazzjoni amministrattiva (jiġifieri li tippermetti għal screening orizzontali għal proċeduri amministrattivi). Madankollu, fadal ostakli regolatorji fis-settur tas-servizzi għan-negozju. In-nuqqas ta’ proċedura ta’ valutazzjoni tal-ekwivalenza speċifika għal rekwiżiti ta’ assigurazzjoni professjonali, li tippermetti kopertura ta’ assigurazzjoni ekwivalenti minn fornituri ta’ servizzi minn Stati Membri oħra jistgħu jkunu sors ta’ restrizzjonijiet. Il-professjoni ta’ avukat hija partikolarment affettwata minn regolamenti li huma restrittivi ħafna meta mqabbla mal-medja tal-UE. Il-kamp ta’ applikazzjoni wiesa’ ta’ din l-attività riżervata għandha impatt fuq il-provvista ta’ servizzi ta’ konsulenza legali minn avukati jew fornituri oħra ta’ servizzi, b’mod partikolari għas-servizzi online. Restrizzjonijiet oħra jinkludu rekwiżiti dwar il-forma ġuridika u l-parteċipazzjoni azzjonarja, ir-regoli dwar l-inkompatibbiltà u r-restrizzjonijiet multidixxiplinari.
(12)Għad hemm tħassib dwar is-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi minħabba żieda għolja prevista fl-ispejjeż marbutin mat-tixjiħ. Il-Lussemburgu għandu żieda kbira pproġettata fil-proporzjon ta’ xjuħija tal-popolazzjoni li se tkun dipendenti sal-2070 u, skont l-aħħar previżjonijiet tal-Ministeru tas-Sigurtà Soċjali, il-bilanċ operazzjonali tas-sistema tal-pensjonijiet se jkun qed jopera defiċit sal-2023. Madankollu, il-bilanċi favorevoli attwali u tal-passat tas-sistema tal-pensjonijiet ġew imfaddla u r-riżervi akkumulati se jippermettu l-vijabbiltà tas-sistema għal perjodu ta’ aktar minn 20 sena. Skont ir-Rapport dwar it-Tixjiħ tal-2018, l-ispejjeż marbuta mal-età mistennija jiżdiedu bi 13-il punt perċentwali tal-PDG bejn l-2016 u l-2070, u b’hekk jaqbżu l-limiti tas-sostenibbiltà u b’mod partikolari xprunati mill-pensjonijiet (8,9 pp tal-PDG). In-nefqa fuq is-saħħa u l-kura fit-tul bħala proporzjon tal-PDG hija waħda mill-ogħla fost l-Istati Membri. Minkejja r-riforma adottata fl-2017, huwa mbassar li tiżdied bi 3 pp mil-livell attwali sal-2070.
(13)Ir-rata ta’ impjieg tal-anzjani għadha partikolarment baxxa u aktar miżuri huma meħtieġa biex itejbu l-impjegabbiltà tagħhom u l-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol. Dan huwa importanti wkoll biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi. Skemi ta’ rtirar kmieni li jħeġġu l-ħaddiema biex jitilqu l-impjieg għadhom mifruxa ħafna, b’ 59,2 % ta’ attribwiti ġodda tal-pensjonijiet huma pensjonijiet bikrin tax-xjuħija. Il-liġi li tissopprimi l-iskema ta’ rtirar kmieni għaddiet f’Diċembru 2017 iżda l-impatt nett tagħha fuq l-età medja effettiva tal-irtirar u fuq in-nefqa mhuwiex ċert billi tiffaċilita l-kundizzjonijiet fuq skemi ta’ rtirar kmieni. Dan ir-riżultat dgħajjef fis-suq tax-xogħol jista’ jiġi attribwit parzjalment ukoll għal diżinċentivi finanzjarji għax-xogħol, li huma relattivament għolja għal dan il-grupp. L-inkoraġġiment tal-impjieg tal-ħaddiema kbar fl-età jeħtieġ strateġija komprensiva li tinkludi miżuri biex jgħinu lill-ħaddiema jibqgħu jaħdmu għal żmien itwal. Il-“Patt tal-Età”, abbozz ta’ liġi ppreżentat lill-Parlament f’April 2014, li għandu l-għan li jħeġġeġ lill-kumpaniji b’aktar minn 150 impjegat biex jimpjegaw u jżommu l-ħaddiema aktar avvanzati fl-età, għadu ma ġiex adottat. F’dak li għandu x’jaqsam mal-edukazzjoni, il-Lussemburgu jeħtieġ li jindirizza l-impatt qawwi tal-isfond soċjoekonomiku tal-istudenti fuq ir-riżultati tagħhom fl-edukazzjoni. Dan huwa importanti wkoll sabiex jirrispondi għad-domanda kbira għal ħiliet speċjalizzati ħafna.
(14)Il-prezzijiet tal-proprjetà komplew jiżdiedu. Dan jista’ jdgħajjef l-abbiltà tal-Lussemburgu biex jattira u jżomm il-forza tax-xogħol b’ħiliet speċjalizzati, li proporzjon kbir minnha huwa magħmul minn persuni li mhumiex ċittadini. Il-pressjonijiet tal-prezzijiet tad-djar huma riżultat ta’ diskrepanza fundamentali bejn il-provvista u d-domanda. Fuq in-naħa tal-provvista, nuqqas ta’ art disponibbli u nuqqas ta’ inċentivi għal sidien privati biex ibigħu l-art jew bini jidhru li jirrappreżentaw ostaklu għall-ħolqien ta’ djar ġodda. Hija meħtieġa aktar ħidma biex tinkoraġġixxu l-investiment fl-akkomodazzjoni, billi jiżdiedu l-inċentivi għall-promozzjoni ta’ bejgħ ta’ proprjetà immobbli, bit-titjib tal-proċeduri amministrattivi tal-għoti tal-permessi tal-bini u l-għoti ta’ akkomodazzjoni soċjali affordabbli. Ir-riforma tat-taxxa fuq il-qligħ minn bejgħ ta’ proprjetà immobbli adottata dan l-aħħar u l-aġġornament tal-programm ta’ akkomodazzjoni soċjali x’aktarx li jżid il-provvista tad-djar, minħabba x-xejra kontinwa lejn prezzijiet ogħla. Fuq in-naħa tad-domanda, rata għolja ta’ tkabbir tal-popolazzjoni u l-impjiegi qed iżidu l-prezzijiet. Is-sitwazzjoni tas-swieq tad-djar tkabbar ukoll il-problema tat-traffiku u tat-tniġġis. Barra minn hekk, iż-żieda fil-prezzijiet tad-djar għandha riperkussjonijiet fuq id-dejn tal-unitajiet domestiċi, u dan wassal għal tħassib dwar is-sostenibbiltà tad-dejn tal-familji. Id-dejn tal-unitajiet domestiċi żdied b’mod rapidu matul l-aħħar 10 snin u laħaq madwar 165 % tal-introjtu disponibbli fl-2016, li jirrifletti l-inflazzjoni tal-proprjetà immobbli, billi madwar 80 % tad-dejn tal-unitajiet domestiċi jirriżulta minn self ipotekarju. Madankollu, is-superviżuri tal-Lussemburgu qed jintroduċu miżuri makroprudenzjali rilevanti u r-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku biex jitnaqqsu l-vulnerabbiltajiet u r-riskji potenzjali għall-istabbiltà finanzjarja. Wara l-proposti tal-kumitat nazzjonali għar-riskju sistemiku, il-gvern reċentement ippreżenta wkoll sensiela ta’ miżuri, inkluż limitazzjonijiet bażati fuq is-self, biex tiġi evitata akkumulazzjoni ta’ vulnerabbiltà tad-djar, għalkemm dawn għad iridu jiġu approvati mill-Parlament.
(15)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Lussemburgu u ppubblikatha fir-rapport tal-pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2018 u l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma għall-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil-Lussemburgu fis-snin preċedenti. Il-Kummissjoni mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Lussemburgu iżda qieset ukoll il-grad ta’ konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali fil-futur.
(16)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà għall-2018, u huwa tal-opinjoni li l-Lussemburgu mistenni jikkonforma mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir,
B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Lussemburgu jieħu azzjoni fl-2018 u l-2019 biex:
1.Iżid ir-rata tal-impjieg tal-persuni mdaħħla fl-età billi jtejjeb l-opportunitajiet ta’ impjieg tagħhom u l-impjegabbiltà filwaqt li jkompli jitrażżan l-irtirar bikri, bil-ħsieb li jtejjeb is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistema tal-pensjonijiet.
2.Inaqqas aktar ir-restrizzjonijiet regolatorji fis-settur tas-servizzi tan-negozju.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President