Brussell, 23.5.2018

COM(2018) 413 final

Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 tal-Latvja

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Latvja tal-2018


Rakkomandazzjoni għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2018 tal-Latvja

u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Latvja tal-2018

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika 1 , u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea 2 ,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew 3 ,

Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,

Billi:

(1)Fit-22 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Hija ħadet debitament inkunsiderazzjoni l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Marzu 2018. Fit-22 ta' Novembru 2017, fuq il-bażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija, li fih il-Latvja ma ġietx identifikata bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru għandu jitwettaq rieżami fil-fond. Fl-istess jum, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Marzu 2018. Fl-14 ta’ Mejju 2018, il-Kunsill adotta r-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro (“rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro”).

(2)Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro, u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-Unjoni Ekonomika u Monetarja, jenħtieġ li l-Latvja tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha ta’ din ir-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika għaż-Żona tal-Euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet hawn taħt, b’mod partikulari (1) u (2).

(3)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2018 għal-Latvja 4 kien ippubblikat fis-7 ta’ Marzu 2018. Dan ir-rapport jivvaluta l-progress tal-Latvja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta’ Lulju 2017, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress tal-Latvja lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020.

(4)Fil-11 ta' April 2018, il-Latvja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma 2018 u fis-16 ta' April 2018 ippreżentat il-Programm ta' Stabbiltà tagħha. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.

(5)Rakkomandazzjonijiet speċifiċi rilevanti għall-pajjiż ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020. Kif kien previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 5 , fejn ikun neċessarju li jingħata sostenn lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru li jirrieżamina u jipproponi emendi għall-Ftehim ta' Sħubija u għall-programmi rilevanti tiegħu. Il-Kummissjoni pprovdiet dettalji ulterjuri dwar kif tista' tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni f'linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropew ma' governanza ekonomika tajba 6 .

(6)Bħalissa l-Latvja qiegħda fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-programm ta’ Stabbiltà tiegħu tal-2018, il-gvern qed jippjana deterjorament tal-bilanċ nominali minn defiċit ta’ 0,5 % tal-PDG fl-2017 għal defiċit ta’ 0,9 % tal-PDG kemm fl-2018 kif ukoll fl-2019 qabel ma jitjieb għal 0,4 % tal-PDG fl-2020 u l-2021. Dan il-perkors huwa mistenni li jkun konsistenti mal-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ żmien ta’ defiċit strutturali ta’ 1 % tal-PDG u d-devjazzjonijiet permessi bbażati fuq ir-riforma tal-pensjonijiet u l-klawsola ta’ riforma strutturali għas-settur tas-saħħa. Il-bilanċ strutturali rikalkulat huwa stmat li se jiżdied minn -1,2 % tal-PDG fl-2017 għal -1,7 % tal-PDG fl-2018, qabel ma jinżel għal madwar -1,5 % tal-PDG fl-2019. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018, il-proporzjoni tad-dejn għall-PDG tal-gvern ġenerali hija pproġettata li tonqos minn 40,1 % tal-PDG fl-2017 għal 36 % tal-PDG sal-2021. Il-previżjonijiet ta’ tkabbir tal-PGD tal-Programm jidhru li huma partikolarment favorevoli għall-2018 u plawżibbli għall-2019, kif imqabbel mal-previżjoni tal-Kummissjoni. Ir-riskji għall-pożizzjoni baġitarja jxaqilbu lejn in-negattiv marbut mal-previżjoni ottimista ta’ rendiment ta’ miżuri biex itejbu l-konformità mar-regoli tat-taxxa.

(7)Fil-11 ta’ Lulju 2017, il-Kunsill irrakkomanda lil-Latvja biex tilħaq l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2018, filwaqt li jitqiesu t-tolleranzi marbuta mal-implimentazzjoni tar-riforma tas-sistema tal-pensjonijiet u ta’ riformi strutturali li għalihom qed tingħata devjazzjoni temporanja. Dan huwa konsistenti mar-rata ta’ tkabbir nominali massima netta tal-infiq primarju tal-gvern 7 ta’ 6,0 % fl-2018, li tikkorrispondi għal deterjorament permess fil-bilanċ strutturali ta’ 0,3 % tal-PDG. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2018. Madankollu, minħabba riżultat aħjar milli mistenni għall-2017, dan ir-riskju jista’ jkun aktar baxx fl-2018. Fl-istess ħin, l-għodda tal-plawżibbiltà bbażata fuq il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2018 tindika grad għoli ta’ inċertezza għall-estimi tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni għal-Latvja abbażi tal-metodoloġija komuni. Jekk jiġu kkonfermati, dawn il-fatturi se jiġu kkunsidrati fil-valutazzjoni ex post għall-2018 fir-rebbiegħa tal-2019.

(8)Fl-2019, jenħtieġ li l-Latvja tilħaq l-objettiv baġitarju tagħha għall-perjodu medju, b’kont meħud tal-benefiċċju temporanju relatat mal-implimentazzjoni ta’ riforma strutturali fis-settur tal-kura tas-saħħa mogħtija għall-2017-2019. Dan huwa konsistenti mar-rata ta’ tkabbir nominali massima netta tal-infiq primarju tal-gvern ta’ 4,3 % fl-2019, li tikkorrispondi għal titjib meħtieġ fil-bilanċ strutturali ta’ 0,4 % tal-PDG. Fuq il-bażi tal-previżjoni tal-Kummissjoni tal-2018, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti minn dak ir-rekwiżit fl-2019 u matul l-2018 u l-2019 meħuda flimkien. Kollox ma’ kollox il-Kunsill huwa tal-opinjoni li mill-2018 ’il quddiem se jkunu meħtieġa aktar miżuri sabiex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir.

(9)L-inugwaljanza fl-introjtu fil-Latvja hija għolja. Il-proporzjon bejn l-introjti ta’ 20 % tal-popolazzjoni l-iktar sinjura mal-ifqar 20 % kien ta’ 6,3 fl-2017, fost l-ogħla fl-UE, billi r-ridistribuzzjoni permezz tas-sistema taxxa-benefiċċju hija aktar baxxa. Is-sistema fiskali tal-Latvja ġiet ristrutturata u l-progressività tat-taxxa fuq id-dħul personali żdiedet; madankollu, il-porzjon tat-taxxa fuq il-persuni b’paga baxxa għadu relattivament għoli u jiskoraġġixxi l-impjiegi formali. Ir-riforma fiskali hija limitata f’termini ta’ ċaqliq tat-tassazzjoni għal sorsi oħra li huma inqas detrimentali għat-tkabbir u l-kisba tal-objettiv ta’ politika ddikjarat li jiżdied is-sehem tad-dħul mit-taxxa fil-PDG. Is-sehem baxx tad-dħul mit-taxxa fil-PGD jillimita r-riżorsi għal provvista ta’ servizzi pubbliċi sostenibbli u l-inklużjoni soċjali. Il-potenzjal ta’ dħul minn tassazzjoni tal-proprjetà u tal-kapital mhuwiex użat biżżejjed meta mqabbel mal-pajjiżi l-oħrajn tal-UE. Minkejja li sar xi progress fil-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa, il-konformità mat-taxxa tibqa’ sfida serja.

(10)Dgħufijiet fis-sistemi ta’ protezzjoni soċjali huma riflessi fil-proporzjon għoli ta’ persuni f’riskju ta’ faqar jew esklużjoni soċjali u jindika l-isfidi dwar id-dħul minimu, il-pensjonijiet u l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabbiltà. Ir-rati tal-faqar fost il-persuni b’diżabbiltà u l-anzjani żdiedu f’dawn l-aħħar snin u huma fost l-ogħla fl-Ewropa. Ir-riforma tal-livell minimu tal-introjtu, imħabbra fl-2014, ma ġietx implimentata, u jista’ jkollha effett negattiv fuq l-ifqar konsumaturi domestiċi. L-adegwatezza tal-benefiċċji tal-assistenza soċjali żdiedet biss bi ftit u għadha baxxa. Il-pensjonijiet minimi tax-xjuħija qatt ma żdiedu mill-2006. Is-sehem ta’ persuni li qegħdin jiffaċċjaw privazzjoni ta’ alloġġ estrema hija fost l-ogħla fl-Ewropa u l-akkomodazzjoni soċjali hija skarsa.

(11)Is-suq tax-xogħol qiegħed jissikka minħabba żviluppi demografiċi negattivi u l-emigrazzjoni. Filwaqt li t-tkabbir tal-impjiegi qed isir limitat minħabba provvista ta’ ħaddiema li qed tonqos, l-opportunitajiet tax-xogħol ivarjaw bejn ir-reġjuni u l-livelli tal-ħiliet. Ir-riforma kurrikulari fl-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ bil-għan li tarmonizza l-edukazzjoni ma’ ħtiġijiet ta’ ħiliet kontemporanji mxiet ’il quddiem. Madankollu, huma meħtieġa aktar sforzi biex tiġi implimentata bis-sħiħ ir-riforma u biex tiżdied il-parteċipazzjoni tal-edukazzjoni vokazzjonali u t-taħriġ kemm inizjali kif ukoll kontinwa. L-implimentazzjoni ta’ approċċ ġdid ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol beda, bl-involviment tas-sħab soċjali u l-kumpaniji. Madankollu, ftit student huma reġistrati fl-iskema. Il-parteċipazzjoni tal-adulti fit-tagħlim żdiedet biss bi ftit u l-involviment ta’ dawk qiegħda f’miżuri attivi tas-suq tax-xogħol hija aktar baxxa minn dik f’ħafna Stati Membri oħra. Dan huwa sors ta’ tħassib kbir fil-kuntest ta’ rata għolja ta’ qgħad fost il-ħaddiema bi ftit kwalifiki. F’kuntest usa’, it-tisħiħ tal-kapaċità tal-imsieħba soċjali hija importanti biex jitrawwem l-involviment tagħhom.

(12)Qed iseħħu riformi fis-sistema tas-saħħa. Iż-żieda tal-finanzjament għal kura tas-saħħa hija mistennija li tindirizza xi restrizzjonijiet għall-aċċess marbuta ma’ limiti annwali ta’ servizz u żmien twil ta’ stennija. Madankollu, il-finanzjament pubbliku tal-kura tas-saħħa jibqa’ sew taħt il-medja tal-UE u l-miżuri biex iżidu l-effiċjenza għad iridu jiġu implimentati, inklużi miżuri effettivi ta’ prevenzjoni, ir-razzjonalizzazzjoni tas-settur tal-isptarijiet, it-tisħiħ tal-kura primarja u l-immirar ta’ ġestjoni tal-kwalità. Ir-riżultati tas-saħħa huma relattivament baxxi u l-aċċess f’waqtu għal kura tas-saħħa bi prezz raġonevoli għal kulħadd jibqa’ ta’ tħassib. Il-ħlasijiet għolja mħallsa miċ-ċittadin innifsu u t-tqassim tas-servizzi tas-saħħa f’żewġ gruppi ta’ servizzi (“sħiħ” u “minimu”) iġib ir-riskji li jnaqqas l-aċċess ta’ ċerti gruppi u li jwassal għal riżultati negattivi għas-saħħa.

(13)Id-dgħufijiet fil-kwalità regolatorja u l-effiċjenza u l-effettività baxxa tal-amministrazzjoni pubblika huma ta’ detriment fuq l-ambjent tan-negozju. Fl-2016 il-gvern ippreżenta pjan ta’ riforma ambizzjuż għal settur pubbliku iżgħar u aktar professjonali, bl-għan li jtejjeb l-effiċjenza permezz ta’ tnaqqis fil-persunal u ċentralizzazzjoni tal-funzjonijiet ta’ appoġġ, it-tisħiħ ta’ ħlas ibbażat fuq il-prestazzjoni u ż-żieda fit-trasparenza. Dan il-pjan huwa limitat għall-amministrazzjoni ċentrali, filwaqt li titjib sinifikanti fl-effiċjenza jista’ jitwettaq ukoll fil-livell muniċipali. Intrapriżi tal-istat, li huma responsabbli għal parti konsiderevoli għall-ekonomija, huma koordinati fil-livell tal-gvern. Filwaqt li l-kumpaniji li huma proprjetà tal-gvern ċentrali huma soġġetti għal qafas ta’ governanza korporattiva ċentralizzata, portijiet, u intrapriżi li huma proprjetà tal-muniċipalitajiet jibqgħu barra minn dan il-mekkaniżmu.

(14)Il-korruzzjoni għadha qed tostakola l-ambjent kummerċjali tal-Latvja, u l-prevenzjoni tal-kunflitti tal-interess għadha riġida u formalistika. Id-dewmien biex ikun hemm leġiżlazzjoni dwar il-protezzjoni tal-informaturi huwa ta’ detriment fuq ir-responsabbiltà u l-effiċjenza tal-amministrazzjoni pubblika. Ir-Regolament tal-proċess ta’ insolvenza ġie msaħħaħ b’mod sinifikanti tul dawn l-aħħar snin, li llimita l-opportunitajiet għall-abbużi. Madankollu, il-Kunsill għall-Ġudikatura ħeġġeġ l-investigazzjoni ta’ akkużi ta’ abbużi tal-passat fil-falliment tas-sistema billi rreveda ċerti każijiet. Huwa rrakkomanda li jittejbu l-kwalifiki tal-imħallfin għall-valutazzjoni u r-reviżjoni disponibbli għall-miżuri dixxiplinarji.

(15)Il-banek Latvjani li jservu klijenti mhux residenti huma esposti għal riskju għoli ta’ involviment fil-ħasil tal-flus. Dan joħloq sfidi għall-integrità tas-sistema finanzjarja, jista’ jkun ta’ ħsara għar-reputazzjoni tagħha u jaffettwa b’mod negattiv l-investiment u t-tkabbir ekonomiku. Il-qafas ta’ kontra l-ħasil ta’ flus, reċentement ġie msaħħaħ; se jkunu meħtieġa sforzi kontinwi biex jinkiseb titjib sostenibbli. Il-Latvja reċentement adottat liġi bil-għan li tillimita b’mod sinifikanti l-esponiment tal-Latvja għar-riskji ta’ ħasil tal-flus fis-settur finanzjarju. Elementi fundamentali qed itejbu l-iskambju ta’ informazzjoni bejn l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-aġenziji tal-infurzar tal-liġi u jrażżnu tranżazzjonijiet ma’ kumpaniji finti. Il-konsegwenzi tal-liġi u l-effettività tagħha jeħtieġ li jiġu ssorveljati.

(16)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika tal-Latvja u ppubblikatha fir-rapport għal kull pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 u l-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil-Latvja fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fil-Latvja imma qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-ħtieġa li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.

(17)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 u l-opinjoni tiegħu 8 hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni 1.

B’DAN JIRRAKKOMANDA li l-Latvja tieħu azzjoni fl-2018 u l-2019 biex:

1.Tilħaq l-objettiv baġitarju ta’ terminu medju fl-2019, filwaqt li jitqiesu t-tolleranzi marbuta mal-implimentazzjoni ta’ riformi strutturali li għalihom qed tingħata devjazzjoni temporanja. Tnaqqas it-tassazzjoni għal dawk bi dħul baxx billi tmexxiha fuq sorsi oħra, partikolarment il-kapital u l-proprjetà, u billi ttejjeb il-konformità mar-regoli tat-taxxa.

2.Ittejjeb l-adegwatezza tal-benefiċċji tal-introjtu minimu, pensjonijiet tax-xjuħija minimi u l-appoġġ ta’ dħul minimu għal persuni b’diżabbiltà. Iżżid ir-rilevanza għas-suq tax-xogħol tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali, u ttejjeb il-ħiliet ta’ ħaddiema bi ftit kompetenzi professjonali u persuni li qed ifittxu impjieg. Iżżid l-aċċessibbiltà, il-kwalità u l-kosteffettività tas-sistema tal-kura tas-saħħa.

3.Issaħħaħ l-effiċjenza tas-settur pubbliku, b’mod partikolari fir-rigward tal-awtoritajiet lokali u l-intrapriżi tal-istat. Isaħħaħ ir-responsabbiltà tal-amministrazzjoni pubblika billi tipproteġi lill-informaturi, tipprevjeni kunflitti ta’ interess u ssegwi r-riżultati tal-valutazzjoni li għaddejja ta’ dawn l-aħħar proċedimenti ta’ insolvenza.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.
(2)    COM(2018) 413 final.
(3)    P8_TA(2018)0077 u P8_TA(2018)0078.
(4)    SWD(2018) 212 final.
(5)    Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320).
(6)    COM (2014) 494 final.
(7)    L-infiq primarju nett tal-gvern hu magħmul mill-infiq totali tal-gvern mingħajr l-infiq marbut mal-imgħax, l-infiq marbut mal-programmi tal-Unjoni kompletament koperti mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fl-infiq marbut mal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni ta’ kapital fiss gross finanzjat nazzjonalment hija mwittija fuq perjodu ta’ erba’ (4) snin. Miżuri ta’ dħul diskrezjonarji jew żidiet fid-dħul mitluba mil-liġi huma meqjusa. Miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tal-infiq huma nnettjati.
(8)    Skont l-Artikolu 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97.