Rakkomandazzjoni għal
RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL
dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2018 ta’ Spanja
u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 ta’ Spanja
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 121(2) u 148(4) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1176/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Novembru 2011 dwar il-prevenzjoni u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi, u b'mod partikolari l-Artikolu 6(1) tiegħu
Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,
Wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Impjiegi,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni Soċjali,
Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tal-Politika Ekonomika,
Billi:
(1)Fit-22 ta’ Novembru 2017, il-Kummissjoni adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, li ta bidu għas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-2018. Hija kkunsidrat kif xieraq il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, ipproklamat mill-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni fis-17 ta’ Novembru 2017. Il-prijoritajiet tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir ġew approvati mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Marzu 2018. Fit-22 ta’ Novembru 2017, abbażi tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, il-Kummissjoni adottat ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija, li fih hija identifikat lil Spanja bħala wieħed mill-Istati Membri li dwaru kellha titwettaq analiżi fil-fond. Fl-istess data, il-Kummissjoni adottat ukoll rakkomandazzjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro, li ġiet approvata mill-Kunsill Ewropew fit-22 ta’ Marzu 2018. Fl-14 ta’ Mejju 2018, il-Kunsill adotta r-Rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika taż-Żona tal-Euro (“Rakkomandazzjoni għaż-Żona tal-Euro”).
(2)Bħala Stat Membru li l-munita tiegħu hija l-euro u fid-dawl tal-interkonnessjonijiet mill-qrib bejn l-ekonomiji fl-unjoni ekonomika u monetarja, jenħtieġ li Spanja tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa u f’waqtha tar-rakkomandazzjoni dwar il-politika ekonomika għaż-Żona tal-Euro, kif riflessa fir-rakkomandazzjonijiet (1) sa (3) ta’ hawn taħt.
(3)Ir-rapport tal-pajjiż tal-2018 għal Spanja ġie ppubblikat fis-7 ta’ Marzu 2018. Dan ivvaluta l-progress li għamlet Spanja biex tindirizza r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż adottati mill-Kunsill fil-11 ta’ Lulju 2017, is-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet adottati fis-snin preċedenti u l-progress ta’ Spanja lejn il-miri nazzjonali tagħha tal-Ewropa 2020. Ir-rapport inkluda wkoll analiżi fil-fond skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1176/2011, li r-riżultati tagħha ġew ippubblikati wkoll fis-7 ta’ Marzu 2018. L-analiżi tal-Kummissjoni twassalha biex tikkonkludi li Spanja qed tesperjenza żbilanċi makroekonomiċi. B’mod partikolari, stokkijiet kbar ta’ dejn estern u intern, kemm pubbliku kif ukoll privat, f’kuntest ta’ livell għoli ta' qgħad, qed ikomplu jikkostitwixxu vulnerabbiltajiet b’rilevanza transfruntiera. Ir-riekwilibriju estern qed javvanza, bis-saħħa tas-surpluses fil-kont kurrenti rreġistrati mill-2013 ’il quddiem, li huma sostnuti minn titjib strutturali fil-prestazzjoni kummerċjali. Madankollu, l-obbligazzjonijiet esterni netti għadhom għoljin. It-tnaqqis fid-dejn tas-settur privat qiegħed ukoll jagħmel progress, appoġġat minn kundizzjonijiet favorevoli tat-tkabbir, imma l-bżonnijiet ta' diżingranaġġ jippersistu. Settur finanzjarju iktar b'saħħtu qed jappoġġa l-attività ekonomika. Minkejja tkabbir b'saħħtu fil-PDG nominali, id-dejn tal-gvern bħala proporzjon mill-PDG qed jonqos bil-mod wisq. Ir-rata tal-qgħad kompliet it-tnaqqis rapidu tagħha, imma għadha għolja ħafna u l-grad għoli ta' segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol jimpedixxi tkabbir fil-produttività iktar mgħaġġel. Wara l-momentum qawwi ta’ riformi bejn l-2012 u l-2015, il-progress fl-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet sar aktar limitat. Is-sitwazzjoni ekonomika attwali tipprovdi tieqa ta’ opportunità biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta’ riforma pendenti bil-għan li l-ekonomija Spanjola ssir iktar reżiljenti u jiżdied it-tkabbir tal-produttività.
(4)Attwalment, Spanja tinsab fil-parti korrettiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Fil-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 tagħha, Spanja tippjana li tikkoreġi d-defiċit eċċessiv sal-2018, f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Awwissu 2016 li tagħti avviż lil Spanja biex tieħu miżuri għat-tnaqqis tad-defiċit liema miżuri huma meqjusa neċessarji sabiex tiġi rimedjata s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv. Il-bilanċ tal-amministrazzjoni pubblika huwa ppjanat li jkompli jitjieb u jilħaq iż-0,1 % tas-surplus tal-PDG fl-2021. Il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 jinkorpora l-miżuri kollha inklużi fl-abbozz tal-liġi baġitarja ppreżentata lill-Parlament fit-3 ta’ April, kif ukoll miżuri addizzjonali mħabbra sa tmiem April. L-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ pożizzjoni baġitarja bbilanċjata f’termini strutturali mhuwiex ippjanat li jintlaħaq matul iż-żmien tal-Programm ta' Stabbiltà tal-2018. Il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 jipprevedi li l-proporzjon tad-dejn pubbliku mal-PDG jonqos sa 97,0 % fl-2018, 95,2 % fl-2019, u 89,1 % fl-2021. L-assunzjonijiet makroekonomiċi tal-Programm huma plawżibbli. B’mod ġenerali, il-kisba ppjanata tal-miri tad-defiċit nominali tibqa’ tiddependi fuq perspettiva ekonomika b’saħħitha u nfiq pubbliku li jikber b’inqas mill-PDG nominali. Ir-riskji għall-kisba tal-miri fiskali jirrelataw kemm ma’ tkabbir ta’ dħul aktar b’saħħtu, kif ukoll ma’ żidiet fl-infiq iktar imrażżna meta mqabbla mal-previżjoni tal-Kummissjoni, u mal-materjalizzazzjoni possibbli ta’ obbligazzjonijiet kontinġenti oħrajn.
(5)Fit-8 ta’ Awwissu 2016, il-Kunsill talab lil Spanja biex iġġib fi tmiemha s-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sal-2018 u, b’mod partikolari, biex tnaqqas id-defiċit pubbliku għal 4,6 % tal-PDG fl-2016, 3,1 % tal-PDG fl-2017 u 2,2 % tal-PDG fl-2018. Skont il-previżjoni aġġornata tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa tal-2016, it-titjib fil-bilanċ pubbliku tqies bħala konsistenti ma’ deterjorament fil-bilanċ strutturali b’0,4 % tal-PDG fl-2016, u ma’ titjib ta’ 0,5 % tal-PDG kemm fl-2017 kif ukoll fl-2018. Spanja laħqet id-defiċit nominali ta’ 3,1 % tal-PDG fl-2017, kif meħtieġ fid-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Awwissu 2016. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni tal-2018, id-defiċit nominali se jonqos għal 2,6 % tal-PDG fl-2018, 0,4 % tal-PDG ’il fuq mill-mira tad-defiċit nominali fil-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 u dik stabbilita mill-Kunsill. Meta mqabbla mal-Programm ta' Stabbiltà tal-2018, il-previżjoni tal-Kummissjoni tistenna inqas tkabbir fid-dħul pubbliku u infiq kemmxejn ogħla. Fil-previżjoni tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni, il-bilanċ strutturali huwa previst li jiddeterjora b’0,3 % tal-PDG fl-2018 (fil-kuntest tal-miżuri li jżidu d-defiċit inklużi fl-abbozz tal-liġi baġitarja għall-2018 li ġew ippreżentati fil-parlament fit-3 ta’ April) u li jitjieb biss ftit fl-2019. Għalhekk, l-isforz fiskali fl-2018, kif ukoll matul il-perjodu 2016-2018, mhuwiex mistenni li jiġi ggarantit. Filwaqt li l-espansjoni ekonomika qed tappoġġa t-tnaqqis tad-defiċit, mhijiex qed tintuża biex issaħħaħ strutturalment il-finanzi pubbliċi. Għalhekk, fl-Opinjoni tagħha dwar l-Abbozz tal-Pjan Baġitarju ta’ Spanja, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-pjan huwa ġeneralment konformi mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir, billi skont il-previżjoni tal-Kummissjoni tal-2018, id-defiċit eċċessiv se jiġi kkoreġut b’mod f’waqtu, iżda huwa espansjonarju.
(6)Għall-2019, jekk tikseb korrezzjoni f’waqtha u dejjiema tad-defiċit eċċessiv, Spanja tkun soġġetta għall-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u għar-regola tranżitorja tad-dejn. Fid-dawl tal-proporzjon tad-dejn pubbliku ta’ Spanja li hu aktar minn 60 % tal-PDG u l-marġni pożittiv tal-potenzjal tal-produzzjoni pprojettat ta’ 2,3 % tal-PDG, l-infiq pubbliku primarju nett jenħtieġ li jonqos b’tal-inqas 0,3 % fl-2019, f’konformità mal-aġġustament strutturali ta’ 1,0 % tal-PDG li jirriżulta mill-matriċi tar-rekwiżiti taħt il-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Fl-istess ħin, hemm sinjali li l-kapaċità mhux użata qed tiġi sottovalutata. Fl-2019, Spanja hija mistennija tirreġistra waħda mill-ogħla rati ta’ qgħad fl-UE, li għandu jillimita l-pressjonijiet fuq il-pagi, speċjalment fis-settur privat, filwaqt li l-inflazzjoni hija mistennija tibqa’ ferm taħt it-2 %. Dan jindika staġnar li jippersisti fis-suq tax-xogħol. Barra minn hekk, anki jekk il-valutazzjoni tal-Kummissjoni tal-plawżibbiltà tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni ma timmarkax id-differenzi fl-istimi tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni fuq il-bażi ta’ metodoloġija miftiehma b’mod komuni bħala implawżibbli, hija tindika firxa pjuttost wiesgħa ta’ stimi tal-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni għal Spanja. Fuq din il-bażi, aġġustament strutturali annwali ta’ 0,65 % tal-PDG, li jikkorrispondi għal rata ta’ tkabbir massimu ta’ nfiq pubbliku primarju nett ta’ 0,6 %, jidher adegwat. Skont il-previżjoni tar-rebbiegħa tal-Kummissjoni, jekk il-politiki ma jinbidlux, hemm riskju ta’ devjazzjoni sinifikanti mill-aġġustament fiskali meħtieġ fl-2019. Barra minn hekk, Spanja mhijiex prevista tikkonforma mar-rekwiżit tar-regola tranżitorja tad-dejn fl-2019. B’mod ġenerali, il-Kunsill huwa tal-fehma li jeħtieġ li Spanja tkun lesta tieħu miżuri ulterjuri biex tiżgura l-konformità fl-2018 u li l-miżuri meħtieġa jenħtieġ li jittieħdu mill-2019 biex ikun hemm konformità mad-dispożizzjonijiet tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. L-użu ta’ gwadanni mhux previsti biex ikompli jitnaqqas il-proporzjon tad-dejn pubbliku jkun prudenti.
(7)Barra min hekk, f’Awwissu 2016, il-Kunsill talab ukoll lil Spanja tieħu miżuri biex ittejjeb il-qafas fiskali tagħha, bil-għan li żżid l-awtomatizzazzjoni tal-mekkaniżmi biex tipprevjeni u tikkoreġi d-devjazzjonijiet mill-miri fiskali u biex issaħħaħ il-kontribut tar-regoli tal-infiq tal-Liġi ta’ Stabbiltà għall-konsolidazzjoni fiskali. Madankollu, il-Programm ta' Stabbiltà tal-2018 ma jirrapportax pjanijiet biex jirrinforza r-regoli tal-infiq domestiku. Lanqas ma jirrapporta miżuri biex iżid l-awtomatizzazzjoni tal-mekkaniżmi korrettivi u ta’ prevenzjoni fil-liġi. Il-Kunsill talab ukoll lil Spanja tieħu miżuri biex ittejjeb il-qafas politiku ta’ akkwist pubbliku tagħha. Spanja għamlet progress bl-adozzjoni ta’ liġi ġdida dwar il-kuntratti tas-settur pubbliku f’Novembru 2017. Madanollu, il-leġiżlazzjoni ġdida tista’ biss ittejjeb l-effiċjenza u t-trasparenza tal-akkwist pubbliku jekk tiġi implimentata malajr u b’mod ambizzjuż billi tistabbilixxi l-istruttura ta’ governanza ġdida u ttejjeb il-mekkaniżmi ta’ kontroll tal-proċeduri ta’ akkwist fil-livelli kollha ta’ amministrazzjoni. B’mod partikolari, l-Istrateġija Nazzjonali ta’ Akkwist Pubbliku jenħtieġ li tispeċifika l-kontrolli ex ante u ex post li għandhom jitwettqu mill-istrutturi l-ġodda. F’Ġunju 2017, il-gvern ikkummissjona lill-awtorità fiskali indipendenti biex twettaq rieżami tal-infiq fuq sussidji magħżula tas-settur pubbliku. Il-Kummissjoni timmonitorja l-implimentazzjoni tar-rieżami, li huwa mistenni jitlesta sal-bidu tal-2019.
(8)Fis-27 ta' April 2018, Spanja ppreżentat il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tagħha tal-2018 kif ukoll il-Programm ta' Stabbiltà tagħha tal-2018. Biex jitqiesu l-konnessjonijiet ta’ bejniethom, iż-żewġ programmi ġew ivvalutati fl-istess ħin.
(9)Ir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż rilevanti ġew indirizzati fl-ipprogrammar tal-Fondi Strutturali u ta’ Investiment Ewropej għall-perjodu 2014-2020. Kif kien previst fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fejn ikun neċessarju biex jingħata appoġġ lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet rilevanti tal-Kunsill, il-Kummissjoni tista' titlob lil Stat Membru jirrieżamina u jipproponi emendi fil-Ftehim ta' Sħubija tiegħu u fil-programmi rilevanti. Il-Kummissjoni pprovdiet dettalji ulterjuri dwar kif tista' tagħmel użu minn dik id-dispożizzjoni f'linji gwida dwar l-applikazzjoni tal-miżuri li jorbtu l-effettività tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej ma' governanza ekonomika soda.
(10)L-impjiegi komplew jiżdiedu b’ritmu sod fi Spanja, sostnuti bl-effetti tar-riformi fis-suq tax-xogħol li saru fil-passat u bil-moderazzjoni tal-pagi. Ir-rata ta’ qgħad qed tkompli tonqos, iżda għadha ’l fuq sew mill-livelli ta’ qabel il-kriżi fil-pajjiż u hija fost l-ogħla fl-UE. Dan jinvolvi potenzjal konsiderevoli mhux sfruttat ta’ ħiliet, b’mod partikolari fost iż-żgħażagħ qiegħda. Il-proporzjon ta’ persuni li ilhom mingħajr impjieg għal iktar minn sena qed jonqos, iżda għadu jirrappreżenta kważi nofs il-persuni kollha qiegħda. Spanja addottat sett ta’ inizjattivi politiċi biex testendi l-appoġġ individwali lil persuni qiegħda fit-tul u biex tgħin liż-żgħażagħ jidħlu fis-suq tax-xogħol u jtejbu l-impjegabbiltà tagħhom, speċjalment billi żżid l-għadd ta’ benefiċjarji tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. L-effettività ta’ dawn il-miżuri tiddependi wkoll fuq il-kapaċità tal-impjiegi pubbliċi reġjonali u s-servizzi soċjali li jipprovdu appoġġ personalizzat lil dawk li qed ifittxu x-xogħol, li qed titjieb, iżda bil-mod. Hemm ukoll lok għal aktar kooperazzjoni ma’ min iħaddem, b’mod partikolari billi jiżdied il-perċentwal ta’ postijiet battala ġestiti mis-servizzi għall-impjieg, u billi jitjieb it-tfassil tal-profili u t-tqabbil ta’ dawk li qed ifittxu x-xogħol mal-ħtiġijiet ta’ min iħaddem. Fl-istess ħin, jenħtieġ li jinżammu l-isforzi biex jiġu kkoordinati l-impjiegi u s-servizzi soċjali, fejn sar progress mill-2017.
(11)Il-proporzjon ta’ impjegati b'kuntratti temporanji huwa fost l-ogħla fl-UE, u jinkludi l-iktar ħaddiema żgħażagħ u ħaddiema bi ftit kwalifiki. Il-kuntratti temporanji huma spiss b’tul ta’ żmien qasir u rari jservu bħala pass ’il quddiem lejn kuntratt permanenti. L-użu mifrux tagħhom, inkluż f’setturi li huma inqas suxxettibbli għal attività staġjonali jew ċiklika, jista’ jimpedixxi iktar tkabbir fil-produttività u huwa spiss assoċjat ma’ intitolamenti iktar baxxi għall-benefiċċji soċjali u riskji ikbar ta’ faqar. Filwaqt li l-kuntratti indefiniti żdiedu bħala perċentwal tat-tkabbir tal-impjieg nett f’dawn l-aħħar sentejn, jeħtieġ azzjoni ulterjuri biex jingħataw inċentivi għal tranżizzjonijiet minn kuntratti temporanji għal dawk indefiniti. Is-sistema ta’ inċentivi għar-reklutaġġ għadha frammentata u ma timmirax b’mod effettiv biex jiġu promossi l-impjiegi indefiniti. Spanja adottat pjan biex tnaqqas id-dipendenza fuq l-impjiegi b'terminu fiss fis-settur pubbliku, iżda l-implimentazzjoni tiegħu għadha kif bdiet, u hemm bżonn li jingħata spinta sabiex tintlaħaq il-mira ta’ 8 % stipulata għall-2019. Il-kapaċità u l-effikaċja ikbar tal-ispettorati tax-xogħol biex jiġġieldu kontra l-abbuż tal-kuntratti temporanji rriżultat f’għadd akbar minnhom li qed jiġu kkonvertiti f’kuntratti permanenti, iżda ma jidhirx li qed jiskoraġġixxi lil min iħaddem milli jkompli jużahom b’mod estensiv. Il-mejda tonda tripartitika stabbilita fil-bidu tal-2017 biex tiddiskuti l-kwalità tal-impjiegi għadha ma għamlitx proposti speċifiċi. L-involviment tas-sħab soċjali fit-tfassil tal-politika żdied riċentement iżda għad hemm lok għal aktar titjib.
(12)It-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi qed jgħinu biex jonqos il-proporzjon ta’ persuni li jgħixu f’riskju ta’ faqar u esklużjoni soċjali, li minkejja kollox għadu iktar mill-medja tal-UE, kif ukoll l-inugwaljanza fl-introjtu. Il-faqar fost dawk li jaħdmu huwa ta’ tħassib, speċjalment fost unitajiet domestiċi b’membri impjegati b’kuntratti temporanji jew part-time. Ir-rata ta’ faqar fost it-tfal, għalkemm qed tonqos, għadha għolja ħafna. L-impatt tat-trasferimenti soċjali fuq it-tnaqqis tal-faqar huwa inqas mill-medja tal-UE u qed jonqos. L-iskemi ta’ garanzija tal-introjtu għadhom karatterizzati minn differenzi kbar fil-kondizzjonijiet tal-aċċess f’reġjuni differenti u mill-frammentazzjoni tal-ħafna skemi nazzjonali mmirati lejn gruppi differenti ta’ persuni li qed ifittxu impjieg u ġestiti minn amministrazzjonijiet differenti. B'riżultat ta’ dan, għadd ta’ persuni fil-bżonn ma jirċevux appoġġ. Għad ma hemmx pjan ta’ azzjoni b’segwitu għar-riċerka riċenti li vvalutat l-effikaċja tal-iskemi nazzjonali u reġjonali ta’ garanzija tal-introjtu. It-tnedija ta’ sistema ta’ Karta Soċjali għandha twassal biex il-benefiċċji soċjali mogħtija jsiru iktar trasparenti u tiffaċilita l-parteċipazzjoni fil-miżuri ta’ attivazzjoni assoċjati, għalkemm mhijiex se tindirizza direttament id-dgħufiji tal-iskemi eżistenti. L-effettività tal-benefiċċji tal-familja hija wkoll baxxa u l-kopertura mhijiex konsistenti. Is-sistema tal-pensjonijiet Spanjola tilgħab rwol importanti fiż-żamma tal-kwalità tal-ħajja tal-anzjani, li minħabba dan jiffaċċaw riskju iktar baxxa ta’ faqar mill-ġenerazzjonijiet iżgħar. Meta mqabbla mal-pagi, il-pensjonijiet attwali huma fost l-ogħla fl-UE. Il-projezzjonijiet fir-Rapport tal-2018 dwar it-Tixjiħ u r-Rapport dwar l-Adegwatezza tal-Pensjonijiet jindika li r-riformi tal-2011 u l-2013 għenu biex jiżguraw is-sostenibbiltà u l-adegwatezza relattiva tal-pensjonijiet fit-tul. Madankollu, iż-żidiet fil-pensjonijiet u l-posponiment tal-fattur ta’ sostenibbiltà propost matul il-proċess tal-adozzjoni tal-abbozz tal-baġit tal-2018 joħolqu dubji dwar l-impenn ta’ dawn ir-riformi. Fl-istess ħin, huma ma jindirizzawx l-isfida ewlenija għall-adegwatezza tal-introjtu tal-pensjonanti futuri, li hija pjuttost relatata mal-qgħad għoli u mas-segmentazzjoni fis-suq tax-xogħol.
(13)L-indirizzar tan-nuqqasijiet fil-kapaċità tal-innovazzjoni tad-ditti Spanjoli jista’ jtejjeb il-produttività tagħhom. Il-prestazzjoni tal-innovazzjoni u t-tkabbir fil-produttività huma mxekkla minn livelli ta’ investiment persistentement dgħajfa fir-riċerka u l-iżvilupp, li jagħmlu l-ilħiq tal-mira nazzjonali tal-intensità tar-riċerka u żvilupp tal-Ewropa 2020 ta’ 2 % improbabbli ħafna. Din it-tendenza hija msaħħa permezz tar-rata ta’ eżekuzzjoni baxxa u li qed tonqos tal-baġit pubbliku għar-riċerka u żvilupp. Filwaqt li l-governanza tal-politika nazzjonali dwar ir-riċerka u l-innovazzjoni qed tiġi ssemplifikata, parzjalment permezz tal-Aġenzija Statali l-ġdida għar-Riċerka, il-koordinazzjoni bejn il-livell nazzjonali u dak reġjonali fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-politika għadha dgħajfa. L-iżvilupp ta’ kultura ta’ evalwazzjoni biex tivvaluta sistematikament l-effettività tal-programmi u tal-politiki ta’ appoġġ se tippermetti t-tagħlim dwar il-politiki u toħloq sinerġiji fil-livelli kollha ta’ amministrazzjoni.
(14)Il-kapaċità ta’ innovazzjoni limitata tad-ditti Spanjoli hija spjegata wkoll mill-ispariġġ fil-ħiliet, li jaffettwa b'mod negattiv il-potenzjal fit-tul tat-tkabbir tal-produttività. Il-kwalifikazzjoni nieqsa u l-kwalifikazzjoni żejda fuq ix-xogħol huma mifruxa fi Spanja. Minkejja li tjiebu b’mod sostanzjali tul dan l-aħħar deċennju, ir-rati ta’ tluq bikri mill-iskola huma ogħla sew mill-medja tal-UE. Dawn, flimkien mar-riżultati edukattivi, ivarjaw bil-kbir minn reġjun għal ieħor u jistgħu jaffettwaw l-opportunitajiet indaqs. Programmi mmirati biex jindirizzaw dawn id-differenzi sa issa kellhom biss effetti limitati. Il-Patt Soċjali u Politiku Nazzjonali dwar l-Edukazzjoni mmirat lejn riforma fil-fond tas-sistema edukattiva, għadu fil-fazi ta’ negozjati. Sadanittant, l-iżvilupp professjonali tal-għalliema jrid jiġi sostnut billi jitnaqqsu l-kuntratti temporanji u permezz ta’ iktar riżorsi għat-taħriġ tagħhom. Fl-istess ħin, il-gradwati universitarji b’mod partikolari jiffaċċaw diffikultajiet biex isibu impjiegi adegwati, stabbli fis-suq tax-xogħol. Iktar kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni u n-negozju tista’ ssaħħaħ l-aċċess għas-suq tax-xogħol tal-gradwati żgħażagħ, filwaqt li tipprovdi lid-ditti bil-ħiliet meħtieġa biex itejbu l-kapaċità ta’ innovazzjoni tagħhom. F’dan il-kuntest, il-proposta għal strateġija diġitali nazzjonali ġdida tirrikonoxxi l-bżonn li jkun hemm titjib fil-ħiliet diġitali. L-isfidi huma marbuta mal-għadd baxx ta’ speċjalisti tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni, kif ukoll biex jiġi promoss ir-rwol tas-sistema edukattiva fl-avvanz tal-ħiliet diġitali. It-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema f’ħiliet diġitali jista’ jippermetti wkoll lill-kumpaniji Spanjoli biex jibqgħu kompetittivi f’ekonomija dejjem aktar diġitalizzata.
(15)Id-differenzi regolatorji fl-ambjent tan-negozju ukoll jilagħbu parti f'li jżommu t-tkabbir tal-produttività mrażżan. Fil-kuntest attwali, id-differenzi regolatorji u r-restrizzjonijiet fl-ambjent tan-negozju jikkontribwixxu biex iżommu l-“mark-ups” għoljin, inaqqsu l-mobilità ġeografika tal-kumpaniji u tal-ħaddiema u jrażżnu t-tkabbir tal-produttività. Il-Liġi dwar l-Unità tas-Suq, li kellha l-għan li tilqa’ din l-isfida, ġiet implimentata biss b’mod parzjali. Il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Liġi fil-livell reġjonali u lokali jrid jitjieb u r-rwol tal-konferenzi intersettorjali jrid jissaħħaħ. Il-Liġi introduċiet il-prinċipju li l-konformità ma’ ċerti rekwiżiti f’parti waħda mit-territorju tippermettu lin-negozji joperaw fit-territorju kollu. Fid-diversi sentenzi ppubblikati fl-2017, il-Qorti Kostituzzjonali sostniet li dan il-prinċipju mhuwiex validu fl-assenza ta’ standards minimi komuni jew ekwivalenti għall-aċċess għal attività ekonomika jew għall-eżerċizzju tagħha. Fid-dawl ta’ dawn is-sentenzi, it-twaqqif ta’ standards komuni jew ekwivalenti konsistenti fit-territorju kollu jista’ jgħin biex jiġu ssodisfati l-objettivi tal-Liġi. Barra minn hekk, il-kooperazzjoni bejn il-livelli differenti ta’ amministrazzjoni jenħtieġ li titjieb fl-istadji kollha tal-implimentazzjoni biex l-effetti negattivi tal-frammentazzjoni fuq in-negozji jiġu indirizzati b’mod aktar effettiv. Il-ħidma tal-Kumitat għal Regolamentazzjoni Aħjar, li ġie stabbilit biex jiżgura li l-leġiżlazzjoni kienet allinjata mal-acquis tal-UE dwar is-servizzi, tiġi intensifikata u kompluta. Ir-restrizzjonijiet li jaffettwaw ċerti professjonijiet regolati bħal periti u inġiniera ċivili kienu enfasizzati wkoll fil-Pakkett għas-Servizzi adottat f’Jannar 2017 u sa issa ma ttieħdet l-ebda miżura speċifika biex jiġu indirizzati.
(16)B’mod aktar ġenerali, it-titjib fil-kwalità tal-istituzzjonijiet jista’ jsaħħaħ il-fiduċja fl-ekonomija Spanjola u jamplifika l-gwadanji mill-miżuri li ġew adottati biex iżidu t-tkabbir tal-produttività. Sar progress fit-trasparenza tal-finanzjament tal-partiti, u fid-dikjarazzjoni tal-assi u tal-kunflitti ta’ interess. L-ambjent tan-negozju gawda wkoll minn progress fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni, għalkemm għad fadal xi tħassib f’dan il-qasam. Il-perċezzjonijiet tal-indipendenza tas-sistema ġudizzjarja tjiebu wkoll fost iċ-ċittadini u n-negozji. L-isforzi biex tkompli tittejjeb l-effettività tas-sistema ġudizzjarja għadhom għadejjin u jenħtieġ li jitkomplew. Għalkemm sar xi progress f’dan il-qasam wiesa’, l-isfida sabiex titrawwem fiduċja fl-istituzzjonijiet fil-livelli kollha ta’ amministrazzjoni għadha hemm.
(17)Aktar titjib fl-infrastruttura tat-trasport, tal-enerġija u tal-ilma se jrawwem koeżjoni territorjali, integrazzjoni aħjar fis-suq komuni u tkabbir tal-produttività. Il-konnessjonijiet transfruntiera tat-trasport u tal-enerġija, kif ukoll l-infrastruttura tal-ilma, jiffaċċaw diskrepanzi fl-investiment. Jista’ jsir użu aħjar mill-infrastrutturi ferrovjarji tal-passiġġieri u tal-merkanzija. Il-gejġijiet differenti li jikkoeżistu fi Spanja, fil-Portugall u fi Franza huma ostaklu kritiku għall-konnettività aħjar tal-ferroviji, għalkemm taqsimiet ġodda li jużaw il-gejġ standard prevalenti ġew kompluti riċentement. Wieħed isib ukoll nuqqasijiet fil-konnessjonijiet ferrovjarji tal-merkanzija bejn il-portijiet prinċipali mal-kosti tal-Atlantiku u tal-Mediterran u ż-żoni industrijali interni. Konnettività insuffiċjenti timpedixxi wkoll integrazzjoni aktar mill-qrib fis-swieq tal-elettriku u tal-gass tal-UE. Hemm bżonn ta’ iktar investiment fl-infrastruttura biex titjieb il-ġestjoni tal-ilma, pereż. biex jiġi trattat l-ilma mormi, jitnaqqsu t-tnixxijiet fin-netwerks u tittejjeb il-provvista tal-ilma. Dan se jwassal għal benefiċċji ambjentali, ekonomiċi u soċjali fi Spanja.
(18)Fil-kuntest tas-Semestru Ewropew tal-2018, il-Kummissjoni wettqet analiżi komprensiva tal-politika ekonomika ta’ Spanja u ppubblikatha fir-rapport speċifiku għall-pajjiż tal-2018. Hija vvalutat ukoll il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018, il-Programm ta’ Riforma Nazzjonali tal-2018 u s-segwitu mogħti għar-rakkomandazzjonijiet indirizzati lil Spanja fi snin preċedenti. Hija mhux biss qieset ir-rilevanza tagħhom għall-politika fiskali u soċjoekonomika sostenibbli fi Spanja, iżda qieset ukoll il-konformità tagħhom mar-regoli u mal-gwida tal-Unjoni, fid-dawl tal-bżonn li tissaħħaħ il-governanza ekonomika kumplessiva tal-Unjoni billi jingħata kontribut fil-livell tal-Unjoni għad-deċiżjonijiet nazzjonali futuri.
(19)Fid-dawl ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm ta’ Stabbiltà tal-2018 u l-opinjoni tiegħu hija riflessa b’mod partikolari fir-rakkomandazzjoni 1 hawn taħt.
(20)Fid-dawl tal-analiżi fil-fond tal-Kummissjoni u ta’ din il-valutazzjoni, il-Kunsill eżamina l-Programm Nazzjonali ta’ Riforma u l-Programm ta’ Stabbiltà. Ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu skont l-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru L1176/2011 huma riflessi fir-rakkomandazzjonijiet nru 1 sa 3 ta’ Spanja hawn taħt.
B’DAN JIRRAKKOMANDA li Spanja tieħu azzjoni fl-2018 u fl-2019 biex:
1.Tiżgura l-konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-8 ta’ Awwissu 2016 billi tagħti avviż taħt il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, inkluż permezz ta’ miżuri biex issaħħu l-oqfsa fiskali u tal-akkwist pubbliku [fil-livelli kollha ta’ amministrazzjoni]. [Wara dan, tiżgura li r-rata ta’ tkabbir nominali tal-infiq pubbliku primarju nett ma taqbiżx 0,6 % fl-2019, li tikkorrispondi għal aġġustament strutturali annwali ta’ 0,65 % tal-PDG. Tuża qligħ mhux mistenni biex taċċellera t-tnaqqis tal-proporzjon tad-dejn pubbliku.
2.Tiżgura li s-servizzi għall-impjieg u soċjali jkollhom il-kapaċità jipprovdu appoġġ effettiv għal dawk li qed ifittxu x-xogħol, inkluż permezz ta’ kooperazzjoni aħjar ma’ min iħaddem. Trawwem tranżizzjonijiet lejn kuntratti indefiniti. Ittejjeb l-appoġġ lill-familji u tindirizza nuqqasijiet ta’ kopertura fi skemi ta’ garanzija tal-introjtu, billi tissimplifika s-sistema ta’ skemi nazzjonali u tnaqqas id-differenzi fil-kondizzjonijiet ta’ aċċess għas-sistemi reġjonali. Tnaqqas it-tluq bikri mill-iskola u d-disparitajiet reġjonali f’termini ta’ riżultati edukattivi, b’mod partikolari billi tappoġġa aħjar lill-istudenti u lill-għalliema.
3.Iżżid l-investiment pubbliku fir-riċerka u l-innovazzjoni u twettaq b’mod sistematiku evalwazzjonijiet ta’ politiki ta’ appoġġ f’dan il-qasam biex tiżgura l-effettività tagħhom. Iżżid il-kooperazzjoni bejn l-edukazzjoni u n-negozji bl-għan li jitnaqqas l-ispariġġ fil-ħiliet eżistenti. Ittejjeb l-implimentazzjoni tal-Liġi dwar l-Unità tas-Suq billi tiżgura li, fil-livelli kollha ta’ amministrazzjoni, ir-regoli li jmexxu l-aċċess u l-eżerċizzju għal attivitajiet ekonomiċi, speċjalment għas-servizzi, ikunu konformi mal-prinċipji ta’ din il-liġi u billi ttejjeb il-kooperazzjoni bejn l-amministrazzjonijiet.
Magħmul fi Brussell,
Għall-Kunsill
Il-President