Brussell, 23.5.2018

COM(2018) 335 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT

dwar ir-rieżami tal-flessibbiltà taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir

{SWD(2018) 270 final}


KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI KOMUNIKAZZJONI MILL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW, LILL-KUNSILL, LILL-BANK ĊENTRALI EWROPEW, LILL-KUMITAT EKONOMIKU U SOĊJALI, LILL-KUMITAT TAR-REĠJUNI U LILL-BANK EWROPEW TAL-INVESTIMENT

dwar ir-rieżami tal-flessibbiltà taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir

Fit-13 ta’ Jannar 2015, il-Kummissjoni ħarġet Komunikazzjoni dwar “l-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir” 1 . Tat gwida ġdida dwar kif jiġu applikati regoli eżistenti tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (il-“Patt”) biex tissaħħaħ ir-rabta bejn il-prijorità ewlenija tal-istrateġija ekonomika fuq tliet livelli tal-Kummissjoni l-ġdida, jiġifieri l-investiment, ir-riformi strutturali u r-responsabbiltà fiskali b’appoġġ għall-impjiegi u t-tkabbir kif ukoll tqis aħjar it-tibdiliet fis-sitwazzjoni ekonomika. Il-kjarifiki l-ġodda mill-Kummissjoni ġew diskussi mal-Istati Membri b’mod estensiv. Dawn irriżultaw fil-pubblikazzjoni ta’ pożizzjoni komuni maqbula mal-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju (KEF), li ġiet approvata mill-Kunsill tal-ECOFIN fit-12 ta’ Frar 2016.

It-Taqsimiet 2.2 u 5 tal-pożizzjoni miftehma b’mod komuni dwar il-flessibbiltà jitolbu li l-Kummissjoni tirrieżamina l-effettività tal-kjarifiki l-ġodda sal-aħħar ta’ Ġunju 2018. B’mod partikulari, jenħtieġ li r-rieżami jindirizza żewġ elementi ewlenin, jiġifieri l-effettività tal-modulazzjoni tal-isforz fiskali matul iċ-ċiklu ekonomiku kif ukoll l-applikazzjoni tal-flessibbiltà għar-riformi strutturali u l-investiment. Anness tekniku jippreżenta l-kalkulazzjonijiet u d-dettalji meħtieġa sottostanti għas-sejbiet ta’ dan ir-rieżami.

1. Infakkru l-elementi ewlenin tal-flessibbiltà taħt il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir

Il-Komunikazzjoni ta’ Jannar 2015 ġiet adottata fi żmien meta l-Ewropa kienet bdiet toħroġ mir-riċessjoni ekonomika li bdiet fl-2008 iżda kienet għadha qed tħabbat wiċċha ma’ rkupru dgħajjef u fraġli, b’differenzi kbar minn pajjiż għal ieħor. B’mod partikulari, il-qgħad baqa’ għoli b’mod persistenti, l-investiment privat u pubbliku kien dgħajjef u għadd ta’ Stati Membri ħabbtu wiċċhom ma’ livelli ta’ dejn għolja bħala legat tal-kriżi. L-inflazzjoni baqgħet imrażżna u ħafna anqas mill-mira tal-Bank Ċentrali Ewropew.

F’dan l-isfond, il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni u l-pożizzjoni mifthema b’mod komuni taw gwida operazzjonali dwar kif jiġu applikati r-regoli eżistenti b’mod responsabbli, differenzjat u li jiffavorixxi t-tkabbir.

Il-kjarifiki jikkonċernaw biss il-parti preventiva tal-Patt, li l-għan tiegħu hu li jiggarantixxi qagħda finanzjarja b’saħħitha fl-Istati Membri kollha fuq perjodu ta’ żmien medju. Il-prinċipju fundamentali tar-responsabbiltà fiskali ġie osservat u kkonfermat mill-ġdid mill-Kummissjoni. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni ppermettiet li r-rekwiżit tal-aġġustament fiskali rrakkomandat mill-Istati Membri jvarja skont i) il-flussi fl-ambjent ekonomiku u ii) il-ħtieġa li jiġu promossi riformi strutturali u l-investiment pubbliku.

Il-modulazzjoni tal-aġġustament fiskali matul iċ-ċiklu ekonomiku ġie indirizzat mill-hekk imsejħa “matriċi tar-rekwiżiti” (minn issa 'l quddiem, sempliċiment “matriċi”). Dan ifisser li jenħtieġu sforzi fiskali akbar għall-Istati Membri fi żminijiet ekonomikament tajba u / jew b’livelli għolja ta’ dejn pubbliku, filwaqt li jenħtieġu sforzi fiskali iżgħar għall-Istati Membri fi żminijiet ekonomikament ħżiena u / jew b’livelli baxxi ta’ dejn pubbliku (ara l-Kaxxa).

Ġie identifikat rilassament temporanju u limitat tal-aġġustament fiskali mitlub biex jiġu appoġġati r-riformi strutturali u l-investiment. Il-Patt jippermetti li Stat Membru jitbiegħed mill-qagħda finanzjarja b’saħħitha tiegħu (jew il-proċess ta’ konverġenza lejha) biex jakkomoda l-ispejjeż fuq perjodu ta’ żmien qasir b’riformi strutturali ta’ implimentazzjoni li se jkollhom gwadann fuq perjodu ta’ żmien twil.  2 Dan jikkorrispondi għall-hekk imsejħa “klawżola dwar ir-riforma strutturali”. Ir-rotta fiskali ta’ Stat Membru tista’ takkomoda wkoll investiment pubbliku sinifikanti mwettaq fil-livell nazzjonali iżda kofinanzjat mill-Unjoni. Dan jikkorrispondi għall-hekk imsejħa “klawżola dwar l-investiment”. Is-salvagwardji għaż-żewġ klawżoli tpoġġew fis-seħħ biex jibbilanċjaw il-flessibbiltà mal-ħtieġa li tiġi ppriżervata l-prudenza fiskali. Il-Kaxxa tagħti aktar informazzjoni dwar il-funzjonament taż-żewġ klawżoli.

Kaxxa: l-elementi ewlenin tal-Komunikazzjoni ta’ Jannar 2015

Il-Komunikazzjoni tat-13 ta’ Jannar 2015 tikkonsisti f’żewġ komponenti ewlenin. Tagħti orjentazzjoni għall-applikazzjoni tal-flessibbiltà fil-parti preventiva tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (i) biex tqis il-flussi ċikliċi tal-ekonomija, u (ii) biex tagħti lok għall-implimentazzjoni tar-riformi strutturali u l-investiment. 

Modulazzjoni ċiklika tal-aġġustamenti fiskali mitluba

Id-daqs tal-aġġustament fiskali mitlub jingħata mill-hekk imsejjħa “matriċi tar-rekwiżiti”. Il-matriċi tagħti analiżi dettaljata tal-aġġustament annwali mitlub u tqis iċ-ċiklu ekonomiku, il-livell tad-dejn u s-sostenibbilà ta’ kull Stat Membru, u d-direzzjoni li fiha tkun miexja l-ekonomija.

Iċ-ċiklu ekonomiku huwa prinċipalment meħud mill-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni, jiġifieri d-differenza bejn il-produzzjoni attwali u l-prodott potenzjali stmat. Aktar kemm ikun kbir il-marġni tal-potenzjal tal-produzzjoni pożittiv (negattiv), aktar ikun kbir (żgħir) l-isforz tal-aġġustament mitlub. Pożizzjonijiet fiskali ġenerali mhux favorevoli jirrikjedu aġġustament fiskali aktar mgħaġġel, speċifikament f’każ ta’ sostenibbiltà fiskali f’riskju jew jekk il-proporzjon tad-dejn għall-PDG jkun ogħla mis-60 % tal-valur referenzjarju tal-PDG tat-Trattat.

Flessibbiltà biex tiġi promossa r-riforma strutturali u l-investiment

Il-parti preventiva tal-Patt tagħti l-flessibbiltà meħtieġa fir-regoli mingħajr ma tikkomprometti r-responsabbiltà fiskali. Rigward ir-riformi strutturali u l-investiment, din tieħu l-forma ta’ provvediment fiskali (teknikament, devjazzjoni temporanja mill-Objettiv Baġitarju ta’ Terminu Medju jew il-mixja lejh) li jikkorrispondi għall-impatt fuq il-baġit fuq perjodu ta’ żmien qasir.

Jenħtieġ li kemm ir-riformi strutturali kif ukoll l-investiment ikollhom effetti baġitarji pożittivi fuq perjodu ta’ żmien twil u jżidu t-tkabbir potenzjali. Ir-riformi strutturali jridu jkunu kbar u implimentati bis-sħiħ. L-investiment jeħtieġ li jkun fil-parti l-kbira tiegħu kofinanzjat mill-Unjoni, iżda titqies biss il-parti ffinanzjata b’mod nazzjonali.

Iż-żewġ klawżoli rigward ir-riformi strutturali u l-investiment huma soġġetti għal salvagwardji biex jippriżervaw il-prudenza fiskali. Pereżempju, jistgħu jiġu applikati biss darba kull perjodu ta’ aġġustament lejn qagħda finanzjarja b’saħħitha. Jenħtieġ li l-użu tal-klawżoli ma jwassalx għal ksur tal-limitu tad-defiċit ta’ 3 % u jenħtieġ li tiġi ppriżervata marġni ta’ sigurtà rigward dak il-limitu. L-Istati Membri fi żminijiet ekonomiċi ħżiena biss jistgħu japplikaw għal klawżola dwar l-investiment. Barra minn hekk, jenħtieġ li l-investiment pubbliku totali ma jonqosx.

2. Is-sejbiet ewlenin tar-rieżami

F’konformità mal-mandat mogħti lill-Kummissjoni, ir-rieżami jirrispondi żewġ mistoqsijiet ewlenin. L-ewwel waħda hi jekk il-matriċi li tispeċifika l-aġġustament fiskali annwali kinitx effettiva fil-modulazzjoni tal-aġġustament fiskali mitlub matul iċ-ċiklu ekonomiku. It-tieni mistoqsija hija jekk flessibbiltà addizzjonali effettivament tippermettix aktar riformi strutturali u investiment. Is-sejbiet ewlenin tar-rieżami (ara l-Kaxxa għall-analiżi sħiħa) jistgħu jinġabru fil-qosor kif ġej.

Il-modulazzjoni ċiklika ta’ aġġustamenti fiskali mitluba kienet effettiva. Il-matriċi kienet il-bażi għat-twaqqif u l-kwantifikazzjoni tar-rekwiżiti tal-aġġustamenti fiskali fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż proposti mill-Kummissjoni fil-kuntest tas-Semestru Ewropew mill-2015. It-tfassil tal-matriċi jippromwovi modulazzjoni reali tal-isforz fiskali mitlub skont iċ-ċiklu ekonomiku u l-livell tad-dejn pubbliku fl-Istati Membri. Din il-modulazzjoni ma tnaqqasx ir-ritmu standard tal-aġġustament fiskali meħtieġ. Għaldaqstant, tappoġġa l-kisba ta’ qagħda finanzjarja b’saħħitha matul il-perjodu ta’ żmien medju u tippromwovi t-tnaqqis tad-dejn b’ritmu soddisfaċenti.

Erba’ Stati Membri applikaw biex jużaw il-klawżoli dwar ir-riformi strutturali u / jew dwar l-investiment mill-2015: l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja u l-Finlandja għar-riformi strutturali; l-Italja u l-Finlanda għall-investiment. Kważi nofs l-Istati Membri kienu jkunu eliġibbli biex japplikaw biex jużaw il-klawżola dwar ir-riformi strutturali iżda ħafna minnhom ma talbux biex jagħmlu dan. Il-kundizzjoni li Stat Membru jrid ikun għaddej minn żminijiet ekonomiċi ħżiena biex jibbenefika mill-klawżola dwar l-investiment illimitat l-użu tagħha b’mod sinifikanti. Il-ħtieġa li jiġi rispettat il-marġni ta’ sigurtà fil-konfront tal-limitu tad-defiċit ta’ 3 % għal tliet snin ukoll żammet lura lil xi Stati Membri.

L-impatt pożittiv tar-riformi u l-investiment dwar is-sostenibbiltà fiskali jevolvi fuq perjodu ta’ żmien itwal minn dak kopert minn dan ir-rieżami. Ta’ min jinnota wkoll li l-impatt fuq il-volumi tal-investiment pubbliku huwa kumpless biex jiġi vvalutat bi preċiżjoni.

3. Konklużjoni: l-approċċ il-ġdid ħadem u wassal ir-riżultati

B’mod ġenerali, ir-rieżami juri li l-objettivi ewlenin tal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-pożizzjoni mifthema b’mod komuni dwar il-flessibbiltà ġew issodisfati fil-parti l-kbira tagħhom. Dawn jipprovdu qafas prevedibbli u trasparenti li ppermetta li l-Kummissjoni tapplika r-regoli eżistenti tal-Patt b’mod speċifiku għall-pajjiż u bbilanċjat. L-ewwel rapport annwali 3 maħruġ mill-Bord Fiskali Ewropew enfasizza wkoll implimentazzjoni bbilanċjata tal-Patt.

Il-flessibbiltà permessa mill-Patt ippermettiet li jintlaħaq bilanċ tajjeb bejn l-objettiv li tiġi żgurata politika fiskali prudenti u li tiġi stabilizzata l-ekonomija. It-tbassir tar-rebbiegħa 2018 tal-Kummissjoni Ewropea juri li d-dejn pubbliku u d-defiċits naqsu, filwaqt li l-attività ekonomika żdiedet mill-2016 (Fig. 1 u 2).

Għall-futur, il-modulazzjoni ċiklika tħeġġeġ lill-Istati Membri biex iżidu l-isforz fiskali tagħhom fiż-żminijiet tajbin biex jagħmlu l-ekonomiji tagħna aktar reżiljenti. Bl-espansjoni ekonomika fl-Ewropa fil-ħames sena tagħha, wasal iż-żmien biex jinbnew buffers fiskali, li jippermettu li stabilizzaturi awtomatiċi jaqdu r-rwol tagħhom bis-sħiħ fit-tnaqqis fir-ritmu li jmiss u jtaffu l-impatti soċjali u fuq il-qgħad. Dan huwa urġenti, billi t-titjib fis-sitwazzjonijiet fiskali ta’ ħafna Stati Membri dan l-aħħar kienu mmexxija l-aktar miċ-ċiklu kummerċjali pożittiv u billi l-livelli tad-dejn pubbliku għadhom qrib l-ogħla livelli storiċi tagħhom f’diversi Stati Membri.

Figura 1: Żviluppi fil-finanzi pubbliċi u tkabbir reali fl-EU-28

Sors: Tbassir tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni Ewropea

Figura 2: Żviluppi fil-finanzi pubbliċi u tkabbir reali fiż-żona tal-euro

Sors: Tbassir tar-rebbiegħa tal-2018 tal-Kummissjoni Ewropea

(1)

COM(2015) 12 final

(2)

L-Artikolu 5(1) u l-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-KE (KE) Nru 1466/97

(3)

Bord Fiskali Ewropew, Rapport Annwali 2017, 15 ta’ Novembru 2017.