Brussell, 23.5.2018

COM(2018) 314 final

2018/0159(NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar l-għanijiet tas-sikurezza u r-rekwiżiti funzjonali għall-vapuri tal-passiġġieri ta’ inqas minn 24 metru tul

{SWD(2018) 238 final}


MEMORANDUM TA’ SPJEGAZZJONI

1.KUNTEST TAL-PROPOSTA

Raġunijiet u għanijiet tal-proposta

Fl-20 ta’ Diċembru 2017, daħlu fis-seħħ l-emendi għad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 1 li teskludi mill-kamp ta’ applikazzjoni tagħha l-vapuri żgħar tal-passiġġieri (jiġifieri, vapuri ta’ inqas minn 24 m fit-tul), b’effett mill-21 ta’ Diċembru 2019. Dan irriżulta mir-rakkomandazzjonijiet tal-Kontroll tal-Idoneità tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) dwar il-leġiżlazzjoni ta’ sigurtà tal-vapuri tal-passiġġieri tal-UE 2 .

Id-Direttiva 2009/45/KE ġabet magħha livell għoli komuni tas-sikurezza madwar l-UE u benefiċċji importanti fis-suq intern. Madankollu, naqset milli tagħmel dan fir-rigward ta’ vapuri żgħar (ta’ tul inqas minn 24 metru) li għalihom ma ġewx armonizzati diversi aspetti prinċipali tas-sikurezza (dan jirrifletti d-diffikultà li jiġu applikati l-istandards preskrittivi attwali b’mod komuni għall-varjetà kbira ta’ vapuri żgħar u l-kundizzjonijiet li joperaw fihom madwar l-UE). Sar ċar ukoll li l-firxa wiesgħa ta’ servizzi li dawn il-bastimenti huma mibnija għalihom tipproduċi varjetà wiesgħa ħafna ta’ disinji u soluzzjonijiet tekniċi. Dan wassal biex l-identifikazzjoni ta’ sett komuni ta’ regoli dettaljati tkun sfida verament kbira u kien hemm bżonn ta’ approċċ regolatorju differenti.

Madankollu, b’kollox, minn madwar 1950 vapur żgħir, madwar 60 vapur tal-azzar żgħir biss ġew iċċertifikati skont id-Direttiva 2009/45/KE. Dan minħabba l-fatt li l-maġġoranza l-kbira tal-vapuri żgħar bħalissa qed jinbnew b’materjali oħrajn differenti mill-azzar (injam, madwar 1000 vapur, materjal kompost, madwar 590 vapur u aluminju, madwar 170 vapur). Għal dawn il-vapuri, attwalment ma jeżisti l-ebda standard komuni jew punt ta’ referenza tas-sikurezza, kemm fil-livell internazzjonali kif ukoll fl-UE. Kull Stat Membru għandu approċċ differenti biex jirregola s-sikurezza tagħhom, u dan iwassal għal differenzi fil-miżuri, l-approċċi u l-interpretazzjonijiet, li jagħmel il-bini tal-vapuri għal suq intern usa' ħaġa ta’ sfida.

In-nuqqas ta’ standards tas-sikurezza armonizzati jippreżenta sfida importanti, speċjalment għas-sidien tal-vapuri Ewropej iżgħar, li jiddependu fuq is-suq użat b’vapuri żgħar tal-passiġġieri (72% minn madwar 360 sid ta’ vapuri b’vapuri tal-passiġġieri fid-Direttiva 2009/45/KE għandhom vapur tal-passiġġieri domestiku wieħed biss). F’każ li l-vapur ma jkunx iċċertifikat skont id-Direttiva, fil-prinċipju għandu japplika r-rikonoxximent reċiproku. Madankollu, fil-prattika, kull vapur huwa kważi prototip, jiġifieri, mibni għal skop speċifiku skont l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi determinati mis-sid futur tiegħu. Fil-każ tal-bidla tal-bandiera, il-vapur jeħtieġ għalhekk li jiġi mmodifikat u li jiġi ċċertifikat mill-ġdid – bl-ispejjeż addizzjonali assoċjati li jimplika dan.

F’dak li jikkonċerna l-istatistiċi tal-aċċidenti, kif irrappurtat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ta' appoġġ, id-dejta mill-2011 ma wriet l-ebda tħassib imminenti rigward is-sikurezza. Għall-vapuri domestiċi żgħar tal-passiġġieri li huma barra l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva, ġew irreġistrati 555 aċċident bejn l-2011 u l-2017 fil-Pjattaforma Ewropea ta’ Informazzjoni dwar id-Diżgrazzji tal-Baħar (EMCIP), b’165 persuna feruta u bi 11-il persuna mejta. Dan ifisser madwar 2 imwiet għal kull 100 aċċident u 1 persuna feruta għal kull 3 aċċidenti.

Madankollu, in-nuqqas ta’ ċerti rekwiżiti f’xi Stati Membri (eż. dwar is-subdiviżjoni tal-vapuri ż-żgħar) jew il-varjetà ta’ rekwiżiti li jikkonċernaw eż. l-iżolament min-nar, joħloq il-bżonn għal iktar kunsiderazzjoni tal-livell ta’ sigurtà miksub (determinat minn miżuri addizzjonali mfassla għall-kundizzjonijiet lokali u ġeofiżiċi, bħar-restrizzjonijiet tan-navigazzjoni).

L-għanijiet tas-sikurezza u r-rekwiżiti funzjonali proposti għall-vapuri tal-passiġġeri żgħar ta’ tul inqas minn 24 m jipprevedu prinċipji rakkomandati għas-sikurezza ta’ dawn il-bastimenti li, jekk jitħaddnu mill-Istati Membri u jiġu żviluppati iktar, iwittu t-triq għal approċċ iktar komuni fir-rigward tas-skurezza għall-vapuri tal-passiġġieri żgħar li joperaw fuq vjaġġi domestiċi fl-ilmijiet tal-UE.

Dan l-approċċ il-ġdid, ibbażat fuq il-prestazzjoni iktar milli fuq ir-rekwiżiti preskrittivi, iħalli grad ta’ libertà biex isir aġġustament għaċ-ċirkostanzi lokali fejn ikun meħtieġ u jippromwovi disinji innovattivi. Jirrifletti aħjar ukoll il-varjetà wiesgħa ta’ disinji, materjali u operazzjoni tal-vapuri tal-passiġġieri żgħar, li huma iktar sensittivi għall-kundizzjonijiet operattivi lokali.

Għaldaqstant, il-proposta tfittex li tistieden lill-Istati Membri biex iħaddnu l-approċċ ta’ sikurezza rrakkomandat, ibbażat fuq il-prestazzjoni għall-vapuri żgħar tal-passiġġieri.

Konsistenza ma’ dispożizzjonijiet ta’ politika eżistenti fil-qasam tal-politika

Din il-proposta hija kompletament konsistenti mad-Direttiva (UE) 2017/2108, b’mod partikolari l-premessa 8 tagħha fejn il-koleġiżlaturi stiednu lill-Kummissjoni biex kemm jista’ jkun malajr tadotta linji gwida għall-vapuri żgħar tal-passiġġieri, sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jqisuhom meta jiddeterminaw l-istandards nazzjonali ta’ sikurezza tagħhom. Dawn il-linji gwida għandhom iqisu kwalunkwe ftehim internazzjonali u konvenzjonijiet mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (IMO), kif xieraq u għandhom jevitaw milli jintroduċu rekwiżiti addizzjonali li jmorru lil hinn mir-regoli internazzjonali eżistenti. L-għan huwa li jwittu t-triq għal approċċ iktar komuni fir-rigward tas-sikurezza għall-vapuri żgħar tal-passiġġieri li joperaw fuq vjaġġi domestiċi fl-ilmijiet tal-UE. 

Il-proposta hija kompletament konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-kontroll tal-idoneità tar-REFIT dwar l-iżvilupp tal-linji gwida jew standards għal vetturi żgħar, fuq il-bażi tar-rekwiżiti funzjonali bħala parti minn qafas standard ibbażat fuq l-għanijiet. Ir-rakkomandazzjoni tibni primarjament fuq lezzjonijiet u esperjenzi miksuba fil-livell internazzjonali fil-qafas tal-OMI.

Konsistenza ma’ politiki oħra tal-Unjoni

Il-proposta taħdem fuq l-aġenda ta’ Regolamentazzjoni Aħjar tal-Kummissjoni billi tiżgura li l-azzjoni tal-UE hija meħtieġa, iżżid il-valur u żżomm il-pass mal-iżviluppi politiċi, soċjetali u teknoloġiċi li qed jevolvu. Hija taħdem ukoll fuq l-għanijiet tal-Istrateġija tat-Trasport Marittimu tal-2018 3 billi fost l-oħrajn tiżgura servizzi ta’ trasport ta’ kwalità fuq l-ilma fit-trasport tal-passiġġieri fl-UE.

2.BAŻI ĠURIDIKA, SUSSIDJARJETÀ U PROPORZJONALITÀ

Bażi ġuridika

Il-proposta hija bbażata fuq l-Artikolu 292 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li skontu, il-Kunsill jadotta rakkomandazzjonijiet li jaġixxu fuq proposta mill-Kummissjoni, flimkien mal-Artikolu 100 (2) TFUE li jipprevedi miżuri li għandhom x’jaqsmu mat-trasport fuq il-baħar.

Sussidjarjetà (għal kompetenza mhux esklużiva)

Din l-inizjattiva timmira biex tiffaċilita t-trasferiment tal-vapuri bejn ir-reġistri nazzjonali u tippermetti biex il-kompetizzjoni sseħħ fuq l-istess livell, mingħajr ma tikkomprometti l-livell tas-sikurezza. Tipprovdi wkoll livell ta’ sikurezza komuni rakkomandat fl-UE għall-vapuri żgħar tal-passiġġieri li joperaw fuq vjaġġi domestiċi fl-ilmijiet tal-UE. L-ebda minn dawn l-objettivi ma tista’ tinkiseb permezz ta’ azzjoni uniliterali fil-livell tal-Istati Membri.

Proporzjonalità

Ir-rakkomandazzjoni tipprovdi lill-Istati Membri punt ta’ riferiment mhux vinkolanti fuq il-livell ta’ sikurezza tal-vapuri żgħar tal-passiġġieri, li jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jiggwidaw lilhom infushom skont il-miri ta’ sikurezza komuni, tibgħat sinjal ċar dwar il-potenzjal tas-suq intern u jkun jista’ jinbena iktar fuqu. Il-kontroll ta’ idoneità tar-REFIT irrakkomanda l-qafas tal-istandards ibbażati fuq il-prestazzjoni għall-vapuri żgħar tal-passiġġieri bħala l-uniku approċċ regolatorju li jkun proporzjonat u li jiġġenera valur miżjud tal-UE. Dan l-approċċ iħalli grad ta’ libertà biex isir aġġustament għaċ-ċirkostanzi lokali fejn ikun meħtieġ u jippromwovi disinji innovattivi.

Għażla tal-istrument

Fid-dawl tan-novità tal-approċċ propost, l-adozzjoni tiegħu mill-Istati Membri tal-UE huwa essenzjali għas-suċċess tiegħu. Għalhekk, ir-rekwiżiti funzjonali u l-għanijiet ta’ sikurezza proposti jitressqu quddiem l-Istati Membri bħala ispirazzjoni u gwida. Din l-inizjattiva tieħu l-forma ta’ Proposta tal-Kummissjoni għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill, biex tfittex l-approvazzjoni tal-approċċ propost mill-Kunsill fi strument mhux vinkolanti.

3.IR-RIŻULTATI TAL-EVALWAZZJONIJIET EX-POST, TAL-KONSULTAZZJONIJIET MAL-PARTIJIET IKKONĊERNATI U TAL-VALUTAZZJONIJIET TAL-IMPATT

L-evalwazzjonijiet ex post/il-kontrolli tal-idoneità tal-leġiżlazzjoni eżistenti

Din l-inizjattiva ssegwi fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-kontroll tal-idoneità mmexxija mill-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT). Il-verifika tal-idoneità uriet li l-objettivi prinċipali tal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri relatati mas-sikurezza tal-passiġġieri u mas-suq intern jibqgħu rilevanti ħafna. Madankollu, fost l-oħrajn identifikat ukoll għadd ta’ kwistjonijiet sostanzjali, inkluż il-possibbiltà li jiġu żviluppati standards armonizzati għall-vapuri mhux mibnija mill-azzar jew materjali ekwivalenti, li attwalment mhumiex koperti mill-qafas regolatorju tal-UE. Ir-riżultati tal-kontroll tal-idoneità u l-azzjonijiet ta’ segwitu korrispondenti ġew deskritti fir-rapport tal-Kummissjoni.

Konsultazzjonijiet ma’ partijiet ikkonċernati

Ir-rekwiżiti funzjonali u l-għanijiet tas-sikurezza proposti għall-vapuri żgħar tal-passiġġieri (il-Gwida tal-Vapuri Żgħar tal-Passiġġieri) 4 ġew żviluppati ma’ esperti nazzjonali u organizzazzjonijiet ta’ partijiet interessati fil-qafas tal-Grupp ta’ Esperti tas-Sigurtà tal-Vapuri tal-Passiġġieri (PSS), li tkabbar għal dan l-iskop biex jinkludi osservaturi ta’ partijiet interessati. Ix-xogħol tekniku ġie kkoordinat mill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, li organizzat sessjoni ta’ ħidma fit-13 ta’ Novembru 2017, flimkien mal-laqgħat regolari tal-Grupp ta’ Esperti PSS u kkoordinat grupp ta’ korrispondenza stabbilit għal dan l-iskop.

Filwaqt li l-maġġoranza l-kbira ta’ esperti minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti u organizzazzjonijiet ta’ partijiet interessati jappoġġjaw din l-inizjattiva, kien hemm xi mistoqsijiet dwar il-ħtieġa u l-valur miżjud ta’ din l-inizjattiva. Il-ħarsa ġenerali u r-rispons ipprovdut għal dawn il-mistoqsijiet huwa rrappurtat fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal li jakkumpanjah.

Barra minn hekk, ġiet organizzata konsultazzjoni onlajn bejn Lulju u Novembru 2017 5 . Din il-konsultazzjoni kienet immirata lejn l-operaturi ekonomiċi involuti fil-bini u l-kummerċ tal-vapuri tal-passiġġieri li huma inqas minn 24 metru fit-tul, bħat-tarzni, disinjaturi, sidien u operaturi tagħhom. Il-partijiet interessati kollha l-oħrajn jistgħu jikkontribwixxu għal din il-konsultazzjoni kif iħossuhom tajbin. Din il-konsultazzjoni tnediet biex tiġbor l-opinjonijiet tal-operaturi ekonomiċi, speċjalment dawk żgħar u żgħar ħafna, dwar safejn ir-regoli komuni tal-UE għall-vapuri żgħar tal-passiġġieri jistgħu jiffaċilitaw is-suq intern tal-vapuri żgħar tal-passiġġieri. Il-konsultazzjoni mmirat ukoll biex tiġbor evidenza aneddotali biex tappoġġja dan. Ikkumplimentat il-konsultazzjoni msemmija hawn fuq mal-awtoritajiet nazzjonali u l-partijiet interessati li ffukat fuq l-iżvilupp tekniku tar-rekwiżiti funzjonali u l-għanijiet tas-sikurezza nnifishom.

B’mod ġenerali, ir-riżultati wrew li din l-inizjattiva hija appoġġjata bil-qawwa mill-operaturi ekonomiċi (kif ukoll minn ftit amministrazzjonijiet nazzjonali li sottomettew ukoll it-tweġibiet jew il-pożizzjonijiet tagħhom) u li r-regoli tas-sigurtà komuni tal-UE għall-vapuri żgħar tal-passiġġieri jidhru li għandhom impatt pożittiv jew pożittiv ħafna fuq l-istabbiliment u l-iffaċilitar tas-suq intern ma’ dawn il-bastimenti, il-kompetizzjoni li qed tiżdied u possibbilment ukoll l-innovazzjoni fis-suq. Fil-kummenti ġenerali tagħhom, dawk li wieġbu enfasizzaw li kwalunkwe regola komuni tal-UE għandha tkun ibbażata fuq prattiki eżistenti u għandha tkun flessibbli biżżejjed biex tippermetti li l-kundizzjonijiet tat-tħaddim lokali u l-kompetenza esperta jiġu riflessi sew.

Fir-rigward tan-novità tal-approċċ rakkommandat, tqies li għadu kmieni għall-adozzjoni tar-regoli komuni tal-UE. Huwa meħtieġ iktar żvilupp tal-qafas komuni tas-sikurezza bbażat fuq il-prestazzjoni għall-vapuri żgħar tal-passiġġieri biex jiġi identifikat u vvalutat, flimkien mal-Istati Membri u l-partijiet interessati, kif dan jista’ jsir fil-livell tal-UE u l-impatti tiegħu.

Il-ġbir u l-użu tal-għarfien espert

Billi tikkonċerna d-dejta fuq il-flotta u l-aċċidenti, din l-inizjattiva tibni fuq id-dejta miġbura waqt il-proċess tal-kontroll tal-idoneità REFIT u hija rrappurtata fid-Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni: "Kors ta’ aġġustament: Kontroll tal-Idoneità tal-Leġiżlazzjoni dwar is-Sigurtà tal-Vapuri tal-Passiġġieri tal-UE’, adottat fis-16 ta’ Ottubru 2015 6 . Is-sejbiet tal-istudju estern imwettaq għas-sostenn tal-kontroll tal-idoneità ntużaw ukoll 7 , kif ukoll ir-riżultati tax-xogħol preċedenti dwar din il-kwistjoni. L-Aġenzija Ewropea tas-Sigurtà Marittima (EMSA) pprovdiet l-assistenza teknika essenzjali f’dan il-proċess, inkluż ħarsa ġenerali tal-iktar prattiki eżistenti rilevanti għal dawn il-vapuri.

Valutazzjoni tal-impatt

Il-proposta ma tiddefinixxi ebda standard jew proċedura speċifiċi tas-sikurezza u għalhekk mhux mistennija li jkollha xi impatti sinifikanti diretti jew alternattivi tal-politika li jistgħu jkunu vvalutati ex-ante. Ir-rekwiżiti funzjonali u l-għanijiet tas-sikurezza rakkomandati ġew żviluppati fuq il-bażi ta’ prattiki eżistenti u flimkien mal-esperti tal-Istati Membri u l-organizzazzjonijiet tal-partijiet interessati. F’dan l-istadju, jitressqu quddiem l-Istati Membri bħala ispirazzjoni u gwida, biex juru li approċċ iktar komuni għas-sikurezza tal-vapuri tal-passiġġieri huwa fattibbli. Fl-ebda każ ma huma intenzjonati biex jiġu applikati b’mod obbligatorju.

Il-proposta hija akkumpanjata minn Dokument ta’ Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jiddeskrivi l-prattiki rilevanti eżistenti u jirrapporta dwar l-input tal-partijiet interessati. Jekk fil-futur il-Kummissjoni tiddeċiedi li tkompli fuq din l-inizjattiva bl-iżvilupp ta’ standards jew proċeduri tas-sikurezza speċifiċi, titwettaq valutazzjoni tal-impatt.

Idoneità regolatorja u simplifikazzjoni

Din l-inizjattiva hija bbażata fuq dak li jissejjaħ il-qafas tal-istandards ibbażat fuq il-prestazzjoni li ġie identifikat fil-kontroll tal-idoneità REFIT bħala l-uniku approċċ regolatorju li jkun proporzjonat u li jiġġenera valur miżjud. Jekk l-Istati Membri jiddeċiedu li jiggwidaw lilhom infushom bir-rekwiżiti funzjonali u bl-għanijiet tas-sigurtà komuni għal dan it-tip ta’ vapuri fil-livell tal-UE, dan jibgħat messaġġ ċar fuq il-potenzjal tas-suq intern li jkun jista’ jkompli jinbena fuqu.

Peress li din l-inizjattiva, f’dan l-istadju, ma timmirax biex tiddefinixxi xi standard jew proċedura tas-sikurezza speċifika u peress li l-użu tagħha se jitħalla kompletament għad-deċiżjoni tal-Istati Membri, mhuwiex mistenni li jkollha xi benefiċċji u ffrankar kwantifikabbli immedjat. Dawn l-impatti jiġu kkwantifikati f’każ li din l-inizjattiva tittieħed b’suċċess u tkompli tiġi żviluppata.

Drittijiet fundamentali

Il-proposta m’għandha l-ebda konsegwenza għall-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali

4.IMPLIKAZZJONIJIET BAĠITARJI

Il-proposta m’għandha l-ebda implikazzjoni għall-baġit tal-Unjoni.    

5.ELEMENTI OĦRAJN

Pjanijiet ta’ implimentazzjoni u arranġamenti ta’ monitoraġġ, ta’ valutazzjoni u ta’ rappurtar

Mhumiex previsti arranġament ta’ rappurtar.

Dokumenti ta’ spjegazzjoni (għad-direttivi)

Mhumiex meħtieġa dokumenti ta’ spjegazzjoni għal din it-tip ta’ inizjattiva.

Spjegazzjoni dettaljata tad-dispożizzjonijiet speċifiċi tal-proposta

Fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni tar-rekwiżiti funzjonali u l-għanijiet tas-sikurezza proposti (il-Gwida tal-Vapuri Żgħar tal-Passiġġieri), l-għan huwa li jkopri l-vapuri żgħar tal-passiġġieri kollha li huma inqas minn 24 m fit-tul, irrispettivament mill-materjal li huma mibnijin minnu. Il-Gwida tal-Vapuri Żgħar tal-Passiġġieri ġiet ispirata mill-approċċi regolatorji bbażati fuq il-prestazzjoni eżistenti u tikkorrispondi għall-ewwel żewġ livelli tal-mudell standard ibbażat fuq l-għanijiet tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u l-esperjenza mal-applikazzjoni tiegħu.

L-istruttura tal-Gwida tal-Vapuri Żgħar tal-Passiġġieri proposta ssegwi l-kategoriji tas-sikurezza u subkategoriji f'konvenzjonijiet u kodiċijiet marittimi eżistenti, jiġifieri, kategorija ta’ sikurezza (Kapitolu) u subkategorija ta’ sikurezza (Regolament), inkluż (a) rekwiżit funzjonali; (b) perikli indirizzati; u (c) rekwiżit tal-prestazzjoni.

L-esperjenza uriet li d-definizzjoni ta’ saff separat ta’ għanijiet għal kull rekwiżit funzjonali speċifiku wera li kellu valur miżjud relattivament żgħir. Għaldaqstant, fil-Gwida tal-Vapuri Żgħar tal-Passiġġieri, l-għanijiet u r-rekwiżiti funzjonali ngħaqdu. Madankollu u fuq il-bażi tar-rispons mill-esperti, tfasslu għadd ta’ għanijiet ġenerali għall-Gwida fit-totalità tagħha (milli għal kull rekwiżit).

Ir-rekwiżiti funzjonali ġew estratti jew ispirati minn sorsi eżistenti u esperjenzi fil-livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali, inkluż il-Konvenzjoni SOLAS 1974, ix-xogħol li għaddej fl-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, il-leġiżlazzjoni nazzjonali tal-Iżvezja, kif ukoll ir-regoli tal-ANEP 77. Fejn kien disponibbli, intużaw l-istess sorsi biex jiġu stabbiliti l-perikli indirizzati u r-rekwiżiti ta’ prestazzjoni li jikkorrispondu. Il-formolazzjoni tal-kliem tar-rekwiżiti funzjonali ġiet irfinata flimkien mal-esperti, kif deskritt fid-dettall fid-dokument ta’ Ħidma tal-Persunal ta' appoġġ. F’każ ta’ opinjonijiet diverġenti, inżammet is-soluzzjoni appoġġjata mill-maġġoranza tal-esperti.

Fl-aħħar nett, il-Gwida tal-Vapuri Żgħar tal-Passiġġieri nkitbet b’attenzjoni biex kemm jista’ jkun tevita kliem kwalitattiv u soluzzjonijiet tekniċi speċifiċi biex tevita ambigwità u biex ma tfixkilx l-innovazzjoni.

2018/0159 (NLE)

Proposta għal

RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

dwar l-għanijiet tas-sikurezza u r-rekwiżiti funzjonali għall-vapuri tal-passiġġieri ta’ inqas minn 24 metru tul

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikoli 292 u 100(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)Id-Direttiva (UE) 2017/2108 tal-Parlament Ewropew u ta-Kunsill 8 li ġiet adottata fil-15 ta’ Novembru 2017 eskludiet il-vapuri tal-passiġġieri li huma inqas minn 24 metru fit-tul ("vapuri żgħar tal-passiġġieri") magħmulin mill-azzar jew materjal ekwivalenti mill-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 9 skont ir-rakkomandazzjonijiet tal-kontroll tal-idoneità tal-Programm dwar l-Idoneità u l-Prestazzjoni tar-Regolamentazzjoni (REFIT) dwar il-leġiżlazzjoni tas-sigurtà tal-vapuri tal-passiġġieri tal-UE 10 . Din l-emenda se tkun applikabbli mill-21 ta’ Diċembru 2019.

(2)Il-kontroll tal-idoneità wera li r-rekwiżiti preskrittivi tad-Direttiva 2009/45/KE li jirriżultaw mill-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar tal-1974 (‘il-Konvenzjoni SOLAS tal-1974’) urew diffikultà biex jadattaw għall-vapuri żgħar tal-passiġġieri. Fin-nuqqas ta’ tħassib speċifiku fuq is-sikurezza u standards adegwati pprovduti mid-Direttiva 2009/45/KE, il-vapuri li huma inqas minn 24 m fit-tul, għalhekk ġew esklużi mill-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dik id-Direttiva.

(3)Il-vapuri żgħar tal-passiġġieri prinċipalment jinbnew minn materjali li mhumiex l-azzar u l-maġġoranza l-kbira ta’ din il-flotta għalhekk kienet diġà ċċertifikata skont il-leġiżlazzjoni nazzjonali. L-Istati Membri għandhom approċċi differenti biex jirregolaw is-sikurezza tal-vapuri żgħar tal-passiġġieri, li jwassal għal differenzi fl-istandards u r-regoli tas-sikurezza. Din id-diverġenza tikkostitwixxi sfida importanti, speċjalment għal sidien tal-vapuri iżgħar fl-Unjoni, li jiddependu fuq is-suq tal-vapuri żgħar tal-passiġġieri użati. Dan ġie kkonfermat mir-riżultati tal-konsultazzjoni miftuħa, fejn il-maġġoranza ta’ dawk li wieġbu kienu intrapriżi żgħar jew mikrointrapriżi. Il-konsultazzjoni uriet li approċċ iktar komuni għar-regoli tas-sikurezza għall-vapuri żgħar tal-passiġġieri jista’ jkollu impatt pożittiv fuq il-funzjonament tas-suq intern f’dan il-qasam.

(4)Ġie stabbilit suq intern għall-inġenji ta’ rikreazzjoni permezz tad-Direttiva 94/25/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 11 , li tarmonizza l-karatteristiċi tas-sikurezza tal-inġenji ta’ rikreazzjoni fl-Istati Membri kollha u b’hekk tneħħi ostakoli għall-kummerċ fihom bejn l-Istati Membri. Dan mhuwiex il-każ għall-vapuri żgħar tal-passiġġieri.

(5)Il-kontroll tal-idoneità rrakkomanda qafas tal-istandards ta’ prestazzjoni bħala l-uniku approċċ li jista’ jkun proporzjonat u li jista’ jiġġenera valur miżjud fil-livell tal-Unjoni. Dan l-approċċ iħalli grad ta’ libertà biex jiġi aġġustat maċ-ċirkostanzi lokali fejn ikun hemm bżonn u jippromwovi disinji innovattivi, soġġetti għall-verifika li jintlaħaq il-livell ta’ sikurezza meħtieġ. B’paragun ma’ qafas regolatorju preskrittiv, jirrifletti aħjar il-varjetà wiesgħa ta’ disinji, materjali u operazzjoni tal-vapuri żgħar tal-passiġġieri, kif ukoll il-fatt li l-Istati Membri huma f’pożizzjoni aħjar biex jivvalutaw il-limitazzjonijiet lokali fuq in-navigazzjoni tal-vapuri żgħar tal-passiġġieri f'termini ta’ distanza għax-xatt jew il-port u l-kundizzjonijiet tat-temp.

(6)Ir-rekwiżiti funzjonali u l-għanijiet tas-sigurtà annessi ma’ din ir-Rakkomandazzjoni huma bbażati fuq dan il-qafas ta’ standards ta’ prestazzjoni, kif ukoll fuq l-esperjenza internazzjonali, nazzjonali u tal-Unjoni eżistenti. Ġew żviluppati flimkien mal-partijiet interessati u mal-esperti tal-Istati Membri u jekk jitħaddnu mill-Istati Membri u jkomplu jiġu żviluppati jistgħu jipprovdu referenza għall-passiġġieri li jbaħħru domestikament fuq dawk il-vapuri fl-ilmijiet tal-Unjoni. Jistgħu jiffaċilitaw l-aċċess għall-operaturi u l-manifatturi tal-Unjoni għas-suq tal-Unjoni usa’ wkoll.

(7)Din ir-Rakkomandazzjoni tinkludi rekwiżiti funzjonali u għanijiet tas-sikurezza li huma aktar adattati għall-vapuri żgħar tal-passiġġieri. L-Istati Membri għalhekk għandhom ikunu mistiedna biex jiggwidaw lilhom infushom bir-rekwiżiti funzjonali u bl-għanijiet tas-sikurezza mehmuża f’din ir-rakkomandazzjoni, sabiex jiksbu approċċ iktar komuni lejn ir-regoli ta’ sikurezza applikabbli għall-vapuri żgħar tal-passiġġieri.

ADOTTAT DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:1.L-Istati Membri huma mistiedna biex iwittu t-triq lejn approċċ iktar komuni għar-regoli tas-sikurezza għall-vapuri tal-passiġġieri li huma inqas minn 24 metru fit-tul (‘vapuri żgħar tal-passiġġieri’) li joperaw fuq vjaġġi domestiċi fl-ilmijiet tal-Unjoni u la jkunu inġenji ta’ rikreazzjoni kif definit fl-Artikolu 3(2) tad-Direttiva 2013/53/UE u lanqas vapuri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 3(1) tad-Direttiva 2009/45/KE, kif emendat bid-Direttiva (UE) 2017/2108 u applikabbli mill-21 ta’ Diċembru 2019.

2.Għal dan l-għan, huwa rrakkomandat li mill-21 ta’ Diċembru 2019, l-Istati Membri tal-UE:

(a)jiggwidaw lilhom infushom, fejn rilevanti, bir-rekwiżiti funzjonali u l-għanijiet ta’ sikurezza għall-vapuri żgħar tal-passiġġieri espressi fl-Anness;

(b)jappoġġjaw iktar żvilupp tal-għanijiet u r-rekwiżiti msemmija fil-punt (a) fil-qafas ibbażat fuq il-prestazzjoni, inkluż l-identifikazzjoni u l-valutazzjoni ta’ forom alternattivi tal-verifika u l-implimentazzjoni tagħhom;

(c)jinkoraġġixxu l-involviment tal-partijiet interessati f’dan il-proċess.

3.Ir-Rakkomandazzjoni ma tinterferixxix mad-dritt tal-Istati Membri biex jiddefinixxu r-regoli ta’ sikurezza applikabbli għall-vapuri żgħar tal-passiġġieri msemmija fil-punt 1.

Magħmul fi Brussell,

   Għall-Kunsill

   Il-President

(1)    Id-Direttiva (UE) 2017/2108 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 li temenda d-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 315, 30.11.2017, p. 40-51).
(2)    COM(2015)508.
(3)    Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni - L-Objettivi strateġiċi u r-rakkomandazzjonijiet għall-politika tal-UE tat-trasport marittimu sal-2018 (COM/2009/0008).
(4)    Inizjalment żviluppat fit-titolu ta’ ħidma "Kodiċi ta’ Inġenji Żgħar".
(5)    Websajt ta’ konsultazzjoni: https://ec.europa.eu/info/consultations/targeted-consultation-safety-goals-and-functional-requirements-small-passenger-ships .
(6)    SWD(2015)197
(7)    Tractebel, 2015. Support Study for the Fitness Check (FC) – Evaluation of Passenger Ship Safety Legislation (ippubblikat fl-EU bookshop: https://publications.europa.eu/en/web/general-publications/publications )
(8)    Id-Direttiva (UE) 2017/2108 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Novembru 2017 li temenda d-Direttiva 2009/45/KE dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 315, 30.11.2017, p. 40).
(9)    Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).
(10)    COM(2015) 508.
(11)    Revokata u sostitwita bid-Direttiva 2013/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Novembru 2013 dwar id-dgħajjes li jintużaw għar-rikreazzjoni u l-inġenji tal-ilma personali (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 90).

Brussell,23.5.2018

COM(2018) 314 final

ANNESS

tal-

Proposta għal Rakkomandazzjoni tal-Kunsill

dwar l-għanijiet tas-sikurezza u r-rekwiżiti funzjonali għall-vapuri tal-passiġġieri ta’ inqas minn 24 metru tul

{SWD(2018) 238 final}


ANNESS

Gwida għall-Vapuri Żgħar tal-Passiġġieri

IDispożizzjonijiet Ġenerali

I.1.Definizzjonijiet

Sakemm ma jkunx indikat mod ieħor, għall-iskopijiet ta’ din il-Gwida japplikaw id-definizzjonijiet fid-Direttiva 2009/45/KE.

Id-definizzjonijiet li ġejjin japplikaw ukoll:

(a)"sistemi ta’ sopravivenza" tfisser sistemi indipendenti mill-vapur prinċipali li jistgħu jakkomodaw lill-persuni kollha abbord biex jipproteġuhom minn perikli għall-ħajja jew relatati mas-saħħa f’każ li l-vapur ikollu bżonn jiġi evakwat;

(b)"ħin tal-evakwazzjoni" tfisser il-ħin li hemm bżonn biex il-persuni abbord kollha jitqiegħdu f’sistemi ta’ sopravivenza.

I.2.Kamp ta’ applikazzjoni

Din il-Gwida tikkonċerna vapuri tal-passiġġieri ġodda bi gverta sħiħa ta’ inqas minn 24 metru fit-tul, meta jkunu involuti fuq vjaġġi domestiċi.

Din il-Gwida ma tikkonċernax vapuri tal-passiġġieri li huma:

(i)    vapuri tal-gwerra u tat-truppi;

(ii)    vapuri tat-tbaħħir;

(iii)    vapuri li ma jaħdmux b’mezzi mekkaniċi;

(vii)    jottijiet tad-divertiment;

(viii)    vapuri imħaddma esklussivament f’żoni portwarji;

(ix)    vapuri tas-servizzi offshore;

(x)    offerti;

(xi)    inġenji ta’ veloċità għolja;

(xii)    vapuri tradizzjonali;

(xiii) ferries bil-kejbil; jew

(xiv) vapuri tal-injam b'binja primittiva.

I.3.Għanijiet

L-għanijiet prinċipali ta’ din il-Gwida huma dawn li ġejjin:

(1)Id-disinn, il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tal-vapur u s-sistemi tiegħu għandhom jiżguraw is-sikurezza fuq il-baħar, il-prevenzjoni tal-korriment tal-bnedmin jew it-telf tal-ħajja u l-evitar tal-ħsara għall-ambjent, b’mod partikolari għall-ambjent marittimu u għall-proprjetà.

(2)In-nar għandu jiġi evitat, skopert, miżmum u mitfi, filwaqt li jinżammu sistemi ta’ sikurezza essenzjali waqt u wara li jkun hemm nar.

(3)It-tnaqqis tar-riskju għall-ħajja, għall-vapur, għall-merkanzija tiegħu u għall-ambjent minħabba nar.

(4)Issalva u tgħin lill-ħajja tal-bnedmin waqt u wara sitwazzjoni ta’ emerġenza, inkluż evakwazzjoni potenzjali tal-vapur.

(5)L-iżgurar ta’ komunikazzjonijiet u trażmissjoni u riċeviment effettivi ta' allerti ta’ periklu.

(6)L-iżgurar ta’ navigazzjoni sikura.

I.4.Kundizzjonijiet tat-tħaddim

(1)Il-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati (kemm il-parametri kif ukoll il-limitazzjonijiet) u l-limiti tal-istess rotta tat-tbaħħir għandhom jiġu definiti għal kull vapur. Dawk il-kundizzjonijiet jiddeterminaw l-istandards li għandu jissodisfa l-vapur.

(2)Vapur għandu jopera biss fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati li għandhom jiġu riflessi fid-dokumentazzjoni uffiċjali tal-vapur.

I.5.Sistema ta’ Ġestjoni tas-Sikurezza

Kull vapur għandu jkun soġġett għal sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza adattata għall-operazzjonijiet imwettqa. Din is-sistema ta’ ġestjoni tas-sikurezza għandha tiżgura s-sikurezza fuq il-baħar, il-prevenzjoni tal-korriment tal-bnedmin jew it-telf tal-ħajja u l-evitar tal-ħsara għall-ambjent, b’mod partikolari għall-ambjent tal-baħar u għall-proprjetà.

I.6.Trasport tal-Merkanzija

Meta t-trasport tal-merkanzija u ta' oġġetti perikolużi jkun permess mil-leġiżlazzjoni nazzjonali għall-vapuri tal-passiġġieri li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Gwida, għandhom jiġu kkunsidrati l-prinċipji li ġejjin:

(1)Il-merkanzija ttrasportata fuq vapuri għandha tiġi mmaniġġjata b’tali mod li s-sikurezza ta’ dawk abbord, il-vapur u l-inħawi fejn jinsab ma tiġix ipperikolata.

(2)Il-merkanzija għandha tiġi stivata u marbuta b’tali mod li jiġi mminimizzat ir-riskju li l-merkanzija tiċċaqlaq waqt it-trasport. Żoni ta’ merkanzija, trasportaturi tat-tagħbija u arranġamenti ta' rbit tal-merkanzija għandhom jitfasslu u jinżammu sabiex ikunu jistgħu jassorbu l-forzi li jistgħu jirriżultaw minħabba aċċellerazzjoni waqt it-trasport.

(3)Oġġetti perikolużi għandhom jiġu ttrasportati b’tali mod li s-sikurezza ta’ dawk abbord, tal-vapur u taż-żona fejn jinsab ma tiġix ipperikolata u biex l-impatt fuq l-ambjent tal-madwar ikun imminimizzat.

I.7.Innovazzjoni Teknika

Meta soluzzjoni innovattiva timplika perikli addizzjonali għal dawk identifikati f’din il-Gwida, għandhom jittieħdu miżuri speċifiċi biex jindirizzaw dawn il-perikli.

I.8.Tagħmir tal-Baħar li jinġarr fuq il-Vapuri

Ħlief għaż-żoni koperti mil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għall-armonizzazzjoni tal-prodotti u sa fejn din tkun applikabbli għat-tagħmir tal-baħar li jinġarr fuq il-vapuri 1 , it-tagħmir tal-baħar installat fuq vapuri tal-passiġġieri fl-ambitu ta’ din il-Gwida għandu jikkonforma mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2 . F’ċirkostanzi eċċezzjonali u ġġustifikati kif xieraq, fejn l-amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera kompetenti tippermetti l-installazzjoni ta’ tagħmir li ma jikkonformax mar-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva, għandha tiżgura li dan it-tagħmir jipprovdi livell ekwivalenti ta’ sikurezza fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati.



II-1Kostruzzjoni, stabbiltà, kontroll tal-vapur u installazzjonijiet tal-enerġija

II-1.1.Saħħa strutturali

Rekwiżiti Funzjonali

L-istruttura tal-vapur għandha tkun imfassla, mibnija u miżmuma sabiex tipprovdi s-saħħa meħtieġa biex tkun tiflaħ it-tagħbijiet u l-istressijiet li jkun soġġett għalih il-vapur fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati.

Perikli Indirizzati

Falliment strutturali minħabba serratizzi li ma jifilħux għat-tagħbijiet u għall-istressijiet li se jkun soġġett għalihom il-vapur.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

Id-disinn, il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tal-istruttura għandhom jikkonformaw mal-istandards speċifikati għall-klassifikazzjoni bir-regoli ta’ organizzazzjoni rikonoxxuta jew regoli ekwivalenti użati minn Amministrazzjoni tal-Istat bandiera, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 3 .

II-1.2.L-Ankrar

Rekwiżiti Funzjonali

Vapur għandu jkun kapaċi jinżamm f'postu marbut ma' post f'qiegħ tal-baħar mingħajr l-użu tal-enerġija.

Perikli Indirizzati

Telf ta’ kontroll – il-vapur ikun jista' jinġarr mal-kurrent waħdu, u potenzjalment dan jista' jirriżulta f’ħabta jew f'li l-vapur jinkalja 4 .

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex jippermettu li jżommu l-vapur marbut ma' qiegħ tal-baħar indipendentament mid-disponibbiltà tal-enerġija jew tal-propulsjoni jew tat-tnejn li huma.

II-1.3.Rmiġġ

Rekwiżiti Funzjonali

Vapur għandu jkun jista’ jiġi rmiġġat u, wara, mingħajr l-użu tal-enerġija, jibqa’ marbut mal-moll jew ma' kwalunkwe post ta’ rmiġġ.

Perikli Indirizzati

·Ġarr mal-kurrent b'mod liberu tal-vapur fil-port.

·It-tkissir tal-elementi ta’ rmiġġ.

·Is-sikurezza tal-persuni li jimbarkaw u jiżbarkaw.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex bihom ikun jista' jsir l-irbit tal-vapur mal-moll jew ma' kwalunkwe post ta’ rmiġġ ieħor, indipendentament mid-disponibbiltà tal-enerġija jew propulsjoni, jew it-tnejn.

(b)L-iktar element dgħajjef fis-sistema rispettiva għandu jkun kapaċi jiflaħ it-tagħbijiet mistennija meta l-vapur ikun irmiġġat miegħu.

(c)Għandu jiġi żgurat li l-vapur jinżamm fil-pożizzjoni waqt li l-passiġġieri jimbarkaw u jiżbarkaw.

II-1.4.Sistema ta’ Rmunkar

Rekwiżiti Funzjonali

Għandhom jiġu pprovduti faċilitajiet biex jippermettu li l-vapur jiġi rmunkat.

Perikli Indirizzati

Telf ta’ kontroll – għandu jkun possibbli li l-vapur jiġi rmunkat f’każ ta’ telf ta’ propulsjoni jew ta' direzzjoni, jew it-tnejn.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

Il-qawwa tas-sistema għandha tkun biżżejjed biex tiflaħ tagħbijiet ta’ rmunkar taħt l-agħar każ ta’ kundizzjonijiet tat-tħaddim.

II-1.5.Tankijiet

Rekwiżiti Funzjonali

L-arranġamenti tat-tankijiet għandhom jiġu ddisinjati u l-likwidi għandhom jinħażnu b’tali mod li tiġi pprevenuta l-ħsara fuq il-persuni abbord u fuq il-vapur.

Perikli Indirizzati

·Splużjoni minħabba konċentrazzjoni ta’ gassijiet perikolużi fit-tankijiet.

·Tixrid ta’ likwidi maħżuna fit-tankijiet.

·Ħsara strutturali minħabba pressjoni eċċessiva fit-tankijiet.

·Telf ta’ enerġija: id-dħul tal-ilma fit-tankijiet li jkun fihom karburant jew żejt ta’ lubrifikazzjoni, li jikkawża l-falliment ta’ propulsjoni jew il-ġenerazzjoni tal-enerġija.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)Għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti biex jipprevjenu t-tqabbid tal-fwar f’tank.

(b)Għandu jkun possibbli li jiġi ddeterminat il-livell ta’ fluwidu f’tank u fi spazji vojta mhux aċċessibbli.

(c)Għandhom jiġu stabbiliti arranġamenti biex jipprevjenu nuqqas ta’ pressjoni jew pressjoni eċċessiva.

(d)Id-dħul tax-xita jew tal-ilma tal-baħar fit-tankijiet li jkun fihom il-karburant jew iż-żejt tal-lubrifikazzjoni għandu jiġi evitat anke jekk jinkisru l-arranġamenti biex tiġi evitata pressjoni eċċessiva jew it-tqabbid tal-fwar.

(e)Meta jkun hemm bżonn għandu jiġi pprovdut dħul sikur fit-tank.

II-1.6.Imbark u żbark 5

Rekwiżiti Funzjonali

Il-passiġġieri u l-ekwipaġġ għandhom ikunu jistgħu jimbarkaw b’mod sikur fuq il-vapur u jiżbarkaw b’mod sikur mill-vapur.

Perikli Indirizzati

·Korrimenti ta’ persuni waqt l-imbark u l-iżbark

·Persuni li jweġġgħu b’vetturi waqt li jimbarkaw u jiżbarkaw.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex jiġi evitat li l-ekwipaġġ u l-passiġġieri jweġġgħu waqt li jkunu qegħdin jimbarkaw jew jiżbarkaw, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari għall-possibbiltà li wieħed jaqa’ bejn il-vapur u l-moll jew kwalunkwe post ta’ rmiġġ ieħor.

(b)L-art użata għall-imbark u għall-iżbark għandha tkun reżistenti għaż-żlieq, speċjalment meta tkun imxarrba.

(c)Il-persuni li jkunu mexjin għandhom jiġu sseparati mit-traffiku tal-vetturi.

(d)Il-faċilitajiet tal-imbark u tal-iżbark għall-passiġġieri b’mobbiltà mnaqqsa għandhom ikunu mfassla għall-bżonnijiet speċifiċi tagħhom.

II-1.7.Freeboard

Rekwiżiti Funzjonali

(1)Il-vapur għandu jkollu freeboard u għoli tal-pruwa biżżejjed għall-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati:

1.1.Biex jipprovdi riserva ta’ kapaċità taż-żamma fil-wiċċ.

1.2.Biex jipprevjeni t-tbaħħir żejjed tal-ibħra.

(2)Is-saħħa u l-istabbiltà strutturali tal-vapur għandhom ikunu biżżejjed għall-fundar tal-baħar li jikkorrispondi għall-freeboard assenjat.

Perikli Indirizzati

·Għarqa jew qlib.

·Ħsara strutturali minħabba tagħbija eċċessiva.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)Il-vapur, fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati għandu jkollu freeboard li:

a.1.tippermetti l-vapur jibqa’ fil-wiċċ b’riserva ta’ kapaċità ta' żamma f'wiċċ l-ilma;

a.2.tipprevjeni li t-tbaħħir ifixkel il-kapaċità ta' żamma f'wiċċ l-ilma tal-vapur, b’mod partikolari fil-parti ta’ quddiem.

(b)Il-pixka (draught) li tikkorrispondi mal-freeboard assenjata (pixka massima) għandha tiġi mmarkata b’tali mod li tkun viżibbli għal osservatur estern.

(c)Il-pixka ta’ quddiem u ta’ wara għandhom jiġu mmarkati b’tali mod li jkunu viżibbli għall-osservatur estern.

(d)Għandu jiġi vverifikat li l-istabbiltà u s-saħħa strutturali huma biżżejjed għall-kundizzjoni ta' tagħbija li tikkorrispondi għall-freeboard assenjata (pixka).

II-1.8.Stabbiltà

Rekwiżiti Funzjonali

(1)Il-vapur għandu jkollu reżistenza għall-inklinazzjoni sabiex ma jinqalibx meta jiġi disturbat u enerġija ta’ restawr biżżejjed biex jerġa’ lura għal pożizzjoni wieqfa ladarba jitneħħa d-disturb, fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati.

(2)Wara li kwalunkwe spazju singolu li mhuwiex intenzjonat li jidħol ilma fih u li huwa f’kuntatt mal-qoxra jimtela bl-ilma, il-vapur għandu jkun jista’ jibqa’ fil-wiċċ f’kundizzjoni tali li tippermetti lin-nies kollha abbord jevakwaw il-vapur.

Perikli Indirizzati

·Għarqa jew qlib f’kundizzjoni intatta

·Għarqa jew qlib f’kundizzjoni ta’ ħsara.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)Fil-kundizzjonijiet ta’ tagħbija previsti, fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati ta’ mewġ u riħ il-vapur għandu:

a.1.jirreżisti l-irroljar jew il-mejl ikkawżat mid-disturbi;

a.2.jerga’ lura għall-pożizzjoni wieqfa minn rolljar jew mejl ikkawżati minn disturb, wara t-tneħħija tad-disturb.

(b)Wara li kwalunkwe spazju singolu li mhuwiex intenzjonat li jidħol ilma fih u li huwa f’kuntatt mal-qoxra jimtela bl-ilma, il-vapur għandu jibqa’ fil-wiċċ u jżomm stabbiltà adegwata:

b.1.f’angolu kompatibbli mal-iskjerament tas-sistemi ta’ sopravivenza rilevanti kif indikat fil-Kapitolu III.

b.2.f’angolu kompatibbli mal-possibbiltà tal-passiġġieri li jiċċaqalqu tul il-vapur.

(c)Meta tiġi kkalkulata l-kundizzjoni li fiha l-vapur jibqa’ fil-wiċċ u jżomm stabbiltà adegwata wara ħsara, għandhom jiġu kkunsidrati wkoll il-mumenti ta’ inklinazzjoni li jseħħu relatati ma’ din is-sitwazzjoni f'termini tal-pożizzjoni tal-passiġġieri, l-użu ta’ apparat li jsalva l-ħajja u kundizzjonijiet tal-istat tat-temp u l-baħar.

II-1.9.Reżistenza għall-Ilma u t-Temp

Rekwiżiti Funzjonali

Il-vapur għandu jkun iddisinjat biex jipprovdi livell ta’ reżistenza għall-ilma u t-temp li jipproteġi lill-vapur mill-ħalel u mid-dħul tal-ilma li jista’ jipperikola l-kapaċità taż-żamma fil-wiċċ jew l-istabbiltà, fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati.

Perikli Indirizzati

L-għarqa jew il-qlib minħabba akkumulazzjoni mhux intenzjonata ta’ ilma fil-vapur.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)Il-vapur għandu jkollu ġonot li jifilħu għad-dħul tal-ilma u li jifilħu għat-temp biex jipprevjenu l-akkumulazzjoni tal-ilma fi spazji li jistgħu jipperikolaw l-istabbiltà ddisinjata jew il-parametri taż-żamma fil-wiċċ fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim maħsuba.

(b)Il-vapuri kollha għandhom jiġu ddisinjati b’livell li taħtu għandu jkun tali li ma jidħolx ilma fih fil-kundizzjonijiet operattivi intenzjonati: il-livell li ma jidħolx ilma fih.

(c)L-istruttura esterna u l-fittings esterni tal-vapur għandhom ikunu jifilħu għat-temp ’il fuq mil-livell li ma jidħolx ilma fih, għallinqas, sal-gverta jew il-livell ta’ wara.

(d)Il-parti ta’ quddiem tal-vapur għandha tipprovdi protezzjoni kontra d-dħul tal-ilma għall-bqija tal-vapur mill-konsegwenzi ta’ kolliżjoni.

(e)Għandha tkun installata sistema li tkun kapaċi tneħħi likwidu akkumulat minn kwalunkwe spazju li mhux suppost jidħol ilma fih fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati. Fl-ispazji tal-makkinarju, għandha tiġi pprovduta sistema ta’ allarm ta’ livell għoli ħafna.

(f)Il-gvieret esposti kollha għandhom ikunu b'tali mod li jbattlu l-ilma b’mod awtomatiku.

II-1.10.Il-protezzjoni tal-persuni abbord

Rekwiżiti Funzjonali

Kwalunkwe sistema, apparat jew tagħmir installat fuq il-vapur għandu jkun iddisinjat u installat b’tali mod li ma jikkawżax korriment lil xi persuna abbord.

Perikli Indirizzati

Korriment lil persuni abbord.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)Il-persuni abbord għandhom jiġu protetti minn dan kollu li ġej:

a.1.partijiet li jiċċaqalqu;

a.2.elementi li jaħarqu;

a.3.partijiet li jistgħu jikkawżaw xokk elettriku;

a.4.uċuh li jiżolqu;

a.5.livelli eċċessivi ta’ storbju u vibrazzjonijiet;

a.6.elementi taħt tagħbija;

a.7.sustanzi tossiċi.

(b)Għandhom jiġu pprovduti mezzi li jipproteġu lill-persuni kollha abbord milli jaqgħu fil-baħar.

II-1.11.Propulsjoni u Tmun

Rekwiżiti Funzjonali

Għandu jkun possibbli li jiġu kkontrollati kemm il-veloċità kif ukoll id-direzzjoni tal-vapur fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati, inkluż xenarji ta’ falliment potenzjali.

Perikli indirizzati

Inabbiltà ta' manuvrar minħabba nuqqas ta’ kapaċità ta’ għoti ta' direzzjoni jew propulsjoni, li potenzjalment tirriżulta f’kolliżjoni jew inkaljar.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)Għandu jiġi pprovdut eċċess tat-tagħmir ta’ propulsjoni u ta' għoti ta' direzzjoni, inkluż kwalunkwe servizz awżiljarju, filwaqt li jitqies id-daqs tal-vapur u ż-żona operattiva.

(b)Għandu jkun possibbli li tikkontrolla l-funzjonijiet prinċipali tal-makkinarju ta’ propulsjoni (mekkaniku, elettriku, eċċ.) mill-pont tan-navigazzjoni, inkluż il-veloċità u d-direzzjoni tal-forza propulsiva, fi kwalunkwe valur ta’ mejl u inklinazzjoni lonġitudinali fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati.

(c)Indikaturi operattivi li jipprovdu allert bikri ta’ kwalunkwe modalità ta’ falliment fil-propulsjoni jew it-tmun għandhom ikunu disponibbli għall-kaptan fil-pont tan-navigazzjoni.

(d)Il-modalitajiet ta’ falliment li jistgħu jħallu lill-vapur mingħajr il-kontroll tal-propulsjoni jew għoti ta' direzzjoni għandhom jiġu indikati b'allarm viżibbli u li jinstema’ fil-pont tan-navigazzjoni u jekk ikun bl-ekwipaġġ, fl-ispazju tal-makkinarju rilevanti.

(e)Għandu jkun possibbli li jkun hemm kontroll lokali tal-veloċità u l-għoti ta' direzzjoni.

(f)Għandhom jiġu pprovduti mezzi ta’ ordnijiet ta’ komunikazzjoni mill-pont tan-navigazzjoni għall-pożizzjonijiet tal-kontroll lokali għall-propulsjoni u t-tmun.

(g)Għandu jkun possibbli li tibda u twaqqaf is-sistema ta’ propulsjoni prinċipali u li toperaha, minn pożizzjoni ta’ vapur wieqaf, mingħajr rikors għal sorsi ta’ enerġija esterni.

(h)Id-disinn, il-bini u l-manutenzjoni tal-makkinarju prinċipali u awżiljarju meħtieġ biex jikkontrolla l-veloċità u d-direzzjoni tal-vapur għandhom jikkonformaw mal-istandards speċifikati għall-klassifikazzjoni mir-regoli ta’ organizzazzjoni rikonoxxuta jew regoli ekwivalenti użati minn Amministrazzjoni tal-Istat tal-bandiera, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 391/2009.

II-1.12.Sors ta’ Enerġija ta’ Emerġenza

Rekwiżiti Funzjonali

Is-sistemi ta’ sikurezza essenzjali għandhom jingħataw l-enerġija minn mill-inqas żewġ sorsi ta’ enerġija differenti indipendenti minn xulxin, waħda minnhom is-sors ta’ enerġija ta’ emerġenza li huwa esklussivament iddedikat għal sistemi ta’ sikurezza essenzjali.

Perikli indirizzati

·Il-falliment ta’ sistemi ta’ sikurezza essenzjali minħabba nuqqas ta’ enerġija.

·Il-falliment li tixgħel jew tħaddem sorsi ta’ enerġija ta’ emerġenza minħabba kundizzjonijiet ta’ temperatura jew mejl u inklinazzjoni lonġitudinali.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)Is-sors ta’ enerġija ta’ emerġenza għandu jiġi attivat awtomatikament f’każ li jkun hemm falliment fis-sorsi tal-enerġija l-oħrajn li jagħtu l-enerġija lil sistemi ta’ sikurezza essenzjali.

(b)Is-sors ta’ enerġija ta’ emerġenza u s-sistema ta’ distribuzzjoni assoċjata għandhom ikunu ppożizzjonati b’tali mod li s-sistema tibqa' taħdem f’każ ta’ nar, f’każ ta' dħul tal-ilma jew f’każ ta' inċident ieħor li jaffettwa s-sorsi tal-enerġija li jagħtu l-enerġija lis-sistemi ta’ sikurezza essenzjali.

(c)Is-sistemi ta’ sikurezza essenzjali, meta jkunu mwaħħlin, huma dawn kollha li ġejjin:

c.1.tagħmir tad-drenaġġ;

c.2.tagħmir tad-detezzjoni tan-nar;

c.3.pompa tat-tifi tan-nar ta’ emerġenza u, fejn ikun rilevanti, sistemi ta’ bexxiexa;

c.4.it-tagħmir ta’ komunikazzjoni meħtieġ biex javża lill-persuni kollha abbord, biex iwissi u jitkellem mas-servizzi ta’ tiftix u ta' salvataġġ u jittrażmetti sinjali attivi li jippermettu l-lokalizzazzjoni tal-vapur;

c.5.allarmi u allerti;

c.6.dwal tan-navigazzjoni u t-tagħmir meħtieġ għaż-żamma ta' funzjonijiet tan-navigazzjoni;

c.7.dwal ta’ emerġenza inkluż dak meħtieġ għal rotot ta’ ħrib f'emerġenza;

c.8.kwalunkwe sistema oħra meħtieġa biex tippermetti lill-persuni kollha abbord jevakwaw il-vapur.

(d)Is-sistemi ta’ sikurezza essenzjali għandhom mill-inqas jinżammu għaż-żmien mistenni biex tiġi riċevuta assistenza jew biex isir salvataġġ minn mezzi esterni.

(e)Is-sorsi ta’ enerġija ta’ emerġenza għandhom:

e.1.joperaw b’mod effiċjenti fi kwalunkwe mejl u inklinazzjoni lonġitudinali fil-kundizzjonijiet ta’ ħsara previsti u operattivi intenzjonali u

e.2.jkunu kapaċi jiġu operati minnufih fi kwalunkwe temperatura fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati.

(f)Id-disinn, il-kostruzzjoni u l-manutenzjoni tas-sorsi tal-enerġija ta' emerġenza u tas-sistema ta' distribuzzjoni tagħhom għandhom jikkonformaw mal-istandards speċifikati għall-klassifikazzjoni bir-regoli ta’ organizzazzjoni rikonoxxuta jew regoli ekwivalenti użati minn Amministrazzjoni tal-Istat bandiera, f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill.



II-2Sikurezza kontra n-Nar

II-2.1.It-Tqabbid

Rekwiżiti Funzjonali

(1)Għandu jiġi evitat it-tqabbid ta’ materjali kombustibbli u likwidi, gassijiet u fwar fjammabbli.

(2)Materjali kombustibbli, likwidi fjammabbli u żoni fejn jistgħu jakkumulaw gassijiet fjammabbli jew fwar għandhom jiġu identifikati, kif ukoll sorsi ta’ tqabbid potenzjali bħal batteriji għall-propulsjoni.

Perikli indirizzati

It-tqabbid ta’ materjal kombustibbli jew likwidi u gassijiet u fwar fjammabbli.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex jevitaw u jikkontrollaw tnixxijiet ta’ likwidi fjammabbli.

(b)Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex jillimitaw l-akkumulazzjoni tal-gassijiet u fwar fjammabbli.

(c)Is-sorsi ta’ tqabbid għandhom jiġu separati mill-materjali kombustibbli, likwidi u gassijiet fjammabbli.

(d)Il-likwidi u l-gassijiet fjammabbli għandhom jinħażnu fi spazji ddedikati.

(e)Għandhom jittieħdu miżuri ta’ sikurezza addizzjonali, inkluż l-użu tal-Kodiċi Internazzjoni tas-Sikurezza għall-Vapuri li jużaw Gassijiet jew Karburanti b'Punt ta' Fjammabilità Baxx (Kodiċi IGF), jekk jintuża karburant b’punt ta’ fjammabbiltà taħt is-60°C.

II-2.2.It-tixrid tan-Nirien

Rekwiżiti Funzjonali

(1)Għandu jiġi pprovdut mezz ta’ kontroll għall-provvediment tal-arja għal kull spazju magħluq.

(2)Għandu jiġi pprovdut mezz ta’ kontroll biex iwaqqaf il-fluss tal-likwidi fjammabbli.

(3)It-tagħbija tan-nirien tal-ispazji abbord għandha tkun limitata.

Perikli indirizzati

Tixrid tan-nirien.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)Għandu jkun possibbli li jingħalqu l-kanali ta’ ventilazzjoni kollha ta’ spazji b’riskju għoli ta’ nirien u ta' spazji li jeħtieġu protezzjoni kbira min-nirien minn pożizzjoni barra l-ispazju.

(b)Għandu jkun possibbli li twaqqaf kwalunkwe ventilazzjoni b’mutur minn pożizzjoni barra l-ispazju fejn hija installata l-ventilazzjoni.

(c)Il-ventilazzjoni tal-ispazji ta’ akkomodazzjoni għandha tkun indipendenti mill-ventilazzjoni minn kwalunkwe spazju b’riskju kbir ta’ nar.

(d)Għandu jiġi pprovdut mezz ta’ kontroll biex tkun tista' titwaqqaf kwalunkwe sistema li tuża likwidi fjammabbli, eż. pompi tal-karburant, pompi taż-żejt lubrifikant, pompi taż-żejt termali u separaturi taż-żejt (purifikaturi).

(e)L-uċuh esposti li ġejjin għandu jkollhom karatteristiċi ta’ tixrid tal-fjamma baxxi ħafna.

e.1.kurituri u turġien li jiffurmaw parti minn rotta ta’ ħruġ mill-periklu;

e.2.soqfa u kisi fl-ispazji ta’ akkomodazzjoni, spazji ta’ servizz u stazzjonijiet ta’ kontroll.

(f)Materjal kombustibbli, meta jiġi installat għandu jkollu valur kalorifiku limitat. Dan il-limitu għandu jiddependi fuq il-materjal tal-kostruzzjoni tal-vapur, iżda fl-ebda każ m’għandu jkun ogħla minn 45MJ/m2.

(g)It-tagħbija ta’ nar massima f’kull spazju għandha tkun limitata f’konformità mal-MSC.1/Circ. 1003 jew standard ekwivalenti ieħor.

II-2.3.Il-Ġenerazzjoni tad-duħħan u t-Tossiċità

Rekwiżiti Funzjonali

Il-kwantità ta’ duħħan u ta' prodotti tossiċi rilaxxati minn materjali waqt nar għandha tkun limitata, inkluż fil-każ ta' finituri tal-uċuħ.

Perikli indirizzati

Periklu għall-ħajja minn duħħan u minn prodotti tossiċi ġġenerati waqt nar fi spazji fejn il-persuni għandhom l-aċċess.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)Żebgħa, verniċ u finituri oħrajn użati fuq uċuh interni esposti m’għandhomx ikunu jipproduċu kwantitajiet eċċessivi ta’ duħħan u prodotti tossiċi.

(b)Il-kisi tal-gverta primarja, jekk jiġi applikat fl-ispazji tas-servizzi u l-akkomodazzjoni u l-istazzjonijiet ta’ kontroll, għandu jkun ta’ materjal approvat li m’għandux jagħti lok għal perikli splussivi jew tossiċi jew ta’ duħħan f’temperaturi elevati.

II-2.4.Detezzjoni tan-Nar u Allarm

Rekwiżiti Funzjonali

Installazzjonijiet fissi ta’ sistemi ta’ detezzjoni tan-nar u sistemi ta’ allarm ta' nar għandhom ikunu xierqa għan-natura tal-ispazju, il-potenzjal tat-tkabbir tan-nar u ġenerazzjoni potenzjali ta’ duħħan u gassijiet.

Perikli indirizzati

In-nuqqas ta’ detezzjoni tan-nar abbord fi stadju bikri biex jiġi pprovdut biżżejjed ħin għat-tifi tan-nar jew l-abbandun sikur, jew it-tnejn.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)Għandhom jiġu pprovduti mezzi ta’ detezzjoni tan-nar fi spazji ta’ riskju għoli u spazji klassifikati bħala li jeħtieġu protezzjoni kbira min-nar f’konformità mal-punt II-2.5(a).

(b)Il-mezzi ta’ detezzjoni tan-nar għandhom jipprovdu sinjal fil-pont tan-navigazzjoni f’każ ta’ nar. Dan is-sinjal għandu jkun akkumpanjat minn allarm li jinstema’.

(c)Jekk l-allarm li jinstema’ fil-pont tan-navigazzjoni ma jiġix rikonoxxut f’ħin raġjonevoli, imbagħad għandu jinstema’ f’kull spazju tal-vapur fejn l-ekwipaġġ għandu aċċess.

(d)Il-livell tal-ħoss tal-allarm għandu jkun aġġustat skont il-livell ta’ storbju fuq il-vapur f’operazzjoni normali, sabiex ikun jista’ jinstema' mill-ekwipaġġ.

(e)Għandu jkun possibbli li tidentifika l-ispazju fejn ikun ġie skopert in-nar.

II-2.5.Protezzjoni Kontra Nirien Strutturali

Rekwiżiti Funzjonali

(1)In-nirien għandhom jinżammu fl-ispazju tal-oriġini, sabiex jiġi pprovdut ħin biżżejjed għat-tifi tan-nar jew biex il-persuni kollha abbord jevakwaw il-vapur, jew għat-tnejn.

(2)Kull vapur għandu jiġi subdiviż b’konfini termali u strutturali.

Perikli indirizzati

Persuni abbord feruti minn nar qabel jaslu f’sistema ta’ sopravivenza.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)L-ispazji abbord għandhom jiġu klassifikati kif ġej:

a.1.Spazji b’riskju ta’ nar għoli, inkluż:

·spazji li fihom makkinarju ta’ kombustjoni intern;

·spazji ro-ro;

·spazji li fihom likwidi fjammabbli;

·ċerti kompartamenti tal-batteriji tal-elettriku ta’ kapaċità għolja.

a.2.Spazji li jeħtieġu protezzjoni għolja min-nar, inkluż:

·rotot ta’ ħruġ mill-periklu, inkluż turġien u kurituri;

·stazzjonijiet ta’ kontroll;

·spazji ta’ akkomodazzjoni;

·spazji fejn jinġemgħu in-nies u spazji tal-imbarkazzjoni;

·spazji ta’ makkinarju ta’ propulsjoni u ta' għoti ta' direzzjoni;

·kompartamenti użati għall-konverżjoni tal-enerġija elettrika, id-distribuzzjoni u t-tagħmir tal-ħżin (batteriji).

(b)Bejn spazju b’riskju għoli ta’ nar u spazju li jeħtieġ protezzjoni għolja kontra nar għandu jkun hemm konfini termali li jipprovdu protezzjoni strutturali kontra n-nirien (SFP, structural fire protection).

(c)L-SFP tal-konfini termali għandha tevita l-passaġġ tal-fjamma u tad-duħħan għal 60 minuta bħala regola ġenerali. Dan il-ħin jista’ jitnaqqas bħala funzjoni tal-ħin tal-evakwazzjoni kkalkulat f’konformità mal-punt II-2.6, iżda fl-ebda każ m’għandu jkun inqas minn 30 minuta.

(d)F’konfini termali magħmula mill-azzar, it-temperatura medja tal-parti mhux esposta m’għandhiex togħla iktar minn 140 °C ’il fuq mit-temperatura oriġinali u t-temperatura fl-ebda punt, inkluż kwalunkwe ġonta, m’għandha togħla iktar minn 180°C ’il fuq mit-temperatura oriġinali waqt il-ħin tal-SPF meta soġġetti għat-test tan-nar standard.

(e)Meta materjali differenti mill-azzar jintużaw fil-konfini termali, l-iżolament għandu jkun wieħed fejn il-qalba strutturali ma tilħaqx temperatura li titlef il-proprjetajiet strutturali tagħha waqt il-ħin tal-SFP. Pereżempju, it-temperatura tal-aluminju li għandha titqies hija 200 oC.

(f)Għall-vapuri li mhumiex tal-azzar, kull limitu ta’ spazju ta’ riskju għoli ta’ nar f’kuntatt mal-qoxra għandu jiġi pprovdut b’konfini termali.

(g)Il-protezzjoni kontra nirien tal-kanali ta’ ventilazzjoni għandha tkun l-istess bħal dik tal-ispazju fejn ikunu installati.

II-2.6.Ħin tal-Evakwazzjoni

Rekwiżiti Funzjonali

Il-ħin meħtieġ biex jiġi evakwat il-vapur għandu jiġi kkalkulat 6 jew muri abbord, jew it-tnejn, għal kull vapur.

Perikli indirizzati

Imwiet jew korrimenti f’każ ta’ emerġenza li teħtieġ l-evakwazzjoni tal-vapur.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)Fid-determinazzjoni tal-ħin tal-evakwazzjoni, il-mezzi ta’ ħruġ mill-periklu għandhom jiġu kkunsidrati bħala li jistgħu jintużaw.

(b)Il-ħin ta’ evakwazzjoni espress f’minuti għandu jkun taħt il-valur li ġej:

Ħin massimu = (SFP-7)/3

Fejn SFP huwa l-ħin tal-protezzjoni kontra nar strutturali f’minuti.

II-2.7.It-Tifi tan-Nar

Rekwiżiti Funzjonali

In-nirien għandhom jitrażżnu u jintfew fl-ispazju tal-oriġini.

Perikli indirizzati

Tixrid tan-nirien.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)Għandu jkun possibbli li tilħaq kull spazju tal-vapur fejn il-persuni jkollhom aċċess u gvieret miftuħa b’ġett ta’ ilma bi pressjoni effettiva u kapaċità adattata għall-vapur inkunsiderazzjoni.

(b)Għandhom jiġu installati mill-inqas żewġ pompi tan-nar tal-ilma fuq il-vapur, waħda minnhom titħaddem mis-sors ta’ enerġija ta’ emerġenza (pompa tan-nar ta’ emerġenza).

(c)Il-pompa tan-nar ta’ emerġenza u l-ġbid tal-arja tagħha għandha tkun lokalizzata fi spazju separat minn dawk b’pompi tan-nar oħrajn u separati b’barriera termali minn spazji ta’ makkinarju ta’ propulsjoni.

(d)L-ispazji kollha b’riskju kbir ta’ nar għandhom jiġu pprovduti b’sistema ta’ tifi tan-nar fissa.

(e)Għandu jkun hemm sistemi ta’ bexxiexa fl-ispazji tal-akkomodazzjoni tal-irqad.

(f)Għandu jkun hemm apparat tat-tifi tan-nar portabbli fil-viċinanza tad-daħla tal-ispazji b’riskju kbir ta’ nar jew li għandhom bżonn ta’ protezzjoni min-nar għoli.

(g)Il-mezz użat għall-mezz tat-tifi tan-nar fiss jew portabbli:

g.1.għandu jkun xieraq skont it-tip ta’ nar li x’aktarx ikun hemm fl-ispazju protett u

g.2.m’għandux ikun ta’ ħsara għall-ħajja tal-bniedem sakemm ikun hemm:

·mezzi biex jiġi żgurat li l-ispazju jista’ jkun magħluq totalment u kwalunkwe fetħa tingħalaq minn barra tal-ispazju; u

·mezzi biex jiżguraw li l-ebda persuna ma tkun ġewwa l-ispazju qabel ma jinbeda t-tifi tan-nar rilevanti.

II-2.8.Mezzi ta’ Ħrib

Rekwiżiti Funzjonali

Il-persuni abbord għandhom ikunu jistgħu jilħqu sistema ta’ sopravivenza permezz ta’ rotot ta’ ħrib aċċessibbli, li huma mmarkati b’mod viżibbli, ħielsa minn ostakoli u protetti min-nirien u għargħar.

Perikli indirizzati

Persuni abbord li ma jkunux jistgħu iħallu l-vapur f’każ ta’ evakwazzjoni.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)Il-vapuri għandhom jiġu pprovduti b’mill-inqas żewġ mezzi ta’ ħrib minn kull spazju okkupat normalment, li eventwalment iwasslu għall-pożizzjonijiet ta’ imbarkazzjoni.

(b)Iż-żewġ mezzi ta’ ħrib għandhom ikunu b’tali mod li fi kwalunkwe xenarju ta' nar plawżibbli, iż-żewġ mezzi ta’ ħruġ mill-periklu ma jkunux imblukkati.

(c)Il-mezzi ta’ evakwazzjoni għandhom:

c.1.għandhom jiġu pprovduti b’puġġamani;

c.2.m’għandhomx jiġu ostakolati;

c.3.għandhom jiġu mmarkati b’mod ċar, b’marki viżibbli f’kundizzjonijiet ta’ viżibbiltà baxxa.

c.4.għandhom jiġu pprovduti b’illuminazzjoni mħaddma minn żewġ sorsi ta’ enerġija, waħda minnhom tkun is-sors ta’ enerġija ta’ emerġenza. u

c.5.għandhom ikunu wesgħin biżżejjed biex jippermettu l-moviment ħieles tal-persuni abbord, inkluż persuni libsin tagħmir protettiv, it-trasport ta’ persuni fuq streċers u persuni b’diżabbiltà.

(d)Pjanijiet li juru r-rotot ta’ ħrib għandhom jintwerew fuq ġewwa ta’ kull kabina, jekk ikun applikabbli u fl-ispazji pubbliċi.

IIIApparat u Arranġamenti tas-Salvataġġ

III.1.Prontezza Ġenerali Biex Jintuża l-Apparat ta’ Salvataġġ

Rekwiżiti funzjonali

L-apparat kollu tas-salvataġġ (LSA) għandu jkun fi stat ta’ prontezza kontinwa, indipendentament mill-provvisti tal-vapur fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati.

Perikli Indirizzati

·Il-korriment tal-persuni abbord waqt operazzjonijiet normali, taħriġ, manutenzjoni jew sitwazzjonijiet ta’ emerġenza.

·Malfunzjoni jew dewmien meta jintuża LSA f’emerġenza vera jew waqt taħriġ jew eżerċizzji ta’ prattika.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

L-apparat tas-salvataġġ għandu jkun:

(a)faċilment aċċessibbli;

(b)mhux ostakolat u mhux imsakkar;

(c)operabbli u kapaċi jintuża indipendentament mill-provvisti tal-enerġija tal-vapur;

(d)miżmum fi stat ta’ prontezza kontinwa;

(e)kapaċi jopera fil-kundizzjonijiet tat-tħaddim intenzjonati; u

(f)kapaċi jiġi skjerat fi kwalunkwe mejl u inklinazzjoni lonġitudinali fil-kundizzjonijiet ta’ ħsara previsti u operattivi intenzjonati.

III.2.Provvediment tal-Informazzjoni ta’ Emerġenza

Rekwiżiti funzjonali

Jiġu pprovduti informazzjoni u istruzzjonijiet ta’ emerġenza diġà disponibbli lill-persuni kollha abbord, skont l-assenjazzjoni tagħhom għall-apparat li jsalva l-ħajja.

Perikli Indirizzati

Nuqqas ta’ informazzjoni u istruzzjonijiet xierqa għall-passiġġieri rigward il-proċeduri ta’ emerġenza, li potenzjalment jikkawża dewmien addizzjonali, konfużjoni jew paniku.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)L-istruzzjonijiet u l-informazzjoni lill-persuni kollha abbord għandhom ikunu:

a.1.ppreżentati b’tali mod li jagħmilhom possibbli li jinftiehmu (eż. l-istil u l-lingwa); u

a.2.distribwiti b’mod ċar mal-vapur kollu.

(b)L-informazzjoni u l-istruzzjonijiet rigward il-proċeduri ta’ emerġenza, il-post u l-użu tat-tagħmir għandhom mill-inqas jinkludu:

b.1.direzzjonijiet għall-istazzjonijiet fejn jinġemgħu in-nies;

b.2.il-post tal-LSA; u

b.3.it-tħaddim u l-użu tal-LSA.

(c)L-istruzzjonijiet għal-LSA għandhom ikunu jinqraw u jinftiehmu f’kundizzjonijiet ta’ viżibbiltà baxxi (eż. dwal ta’ emerġenza) u l-postijiet tal-istivar għal-LSA għandhom ikunu mmarkati b’mod ċar.

III.3.Komunikazzjoni

Rekwiżiti funzjonali

(1)Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex iwissu u jiggwidaw is-servizzi tat-Tfittix u s-Salvataġġ (SAR, Search and Rescue) għall-post tal-vapur u s-sistemi ta’ sopravivenza.

(2)Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex jippermettu lill-kaptan jew lill-ekwipaġġ biex jikkomunikaw simultanjament mal-persuni kollha abbord waqt emerġenzi.

(3)Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex iwissu lill-persuni kollha abbord dwar l-emerġenzi.

Perikli Indirizzati

·Id-diffikultajiet biex jiġu skoperti mis-SAR f’każ ta’ emerġenza (kemm il-vapur jew kwalunkwe sistema ta’ sopravivenza fil-baħar).

·L-inabbiltà li tiġi stabbilita komunikazzjoni effettiva bejn iż-żewġ naħat bejn il-membri tal-ekwipaġġ biex jappoġġjaw attivitajiet ta’ salvataġġ, ħruġ mill-periklu u ta’ evakwazzjoni.

·Inabbiltà li informazzjoni u istruzzjonijiet effettivi rigward kwalunkwe emerġenza jiġu pprovduti fil-ħin lill-persuni abbord.

·Inabbiltà li l-persuni abbord jiġu mwissija fil-ħin għal sitwazzjoni ta’ emerġenza.

·Dewmien u fallimenti organizzazzjonali.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)Għandhom jiġu pprovduti l-mezzi li ġejjin biex jiggwidaw lis-servizzi tas-SAR għall-vapur u għas-sistemi ta’ sopravivenza:

a.1.sinjal elettroniku li jista’ jiġi skopert awtomatikament u mill-bogħod mis-servizzi tas-SAR (inkluż sinjali emessi minn sistemi ta’ navigazzjoni satellitari bħall-Galileo);

a.2.sinjal li jista’ jiġi perċepit b’mod viżiv fil-viċinanza; u

a.3.sistema ta’ komunikazzjoni portabbli biex tintuża bejn is-sistemi ta’ sopravivenza u s-SAR.

(b)Il-mezzi għall-komunikazzjoni interna għandhom:

b.1.jipprovdu komunikazzjoni fuq iż-żewġ naħat bejn il-membri tal-ekwipaġġ, indipendentament mill-ispazju tal-vapur fejn jinstabu;

b.2.jipprovdu informazzjoni u istruzzjonijiet kontinwi li jinstemgħu fl-ispazji kollha fejn il-persuni għandhom aċċess.

(c)Il-mezzi għat-twissija tal-persuni kollha abbord għandhom:

c.1.ikunu jistgħu jinstemgħu fl-ispazji kollha fejn għandhom aċċess għalihom il-persuni; u

c.2.ikunu adegwati għall-komunikazzjoni verbali abbord.

III.4.Evakwazzjoni

Rekwiżiti funzjonali

(1)Kull vapur għandu jkollu stazzjonijiet ta' ġemgħa tal-persuni kollha abbord, fejn dawn il-persuni għandhom jinġemgħu qabel jiġu trasferiti għas-sistemi ta’ sopravivenza.

(2)Għandu jkun possibbli li kwalunkwe persuna tiġi trasferita mill-istazzjon ta' ġemgħa għal sistema ta’ sopravivenza mingħajr korriment u “b’saqajn xotti”, jiġifieri, minħajr il-bżonn li tidħol fl-ilma anke għal żmien limitat.

(3)Għandhom jiġu pprovduti mezzi għas-sopravivenza tal-persuni kollha wara l-evakwazzjoni.

Perikli Indirizzati

·Sistemi ta’ sopravivenza inadegwati li la huma suffiċjenti, xierqa u lanqas aċċessibbli għall-persuni kollha abbord.

·Persuni li ma jinġemgħux kif suppost, li jikkawżaw dewmien u konfużjoni fl-evakwazzjoni.

·Possibbiltà li ċerti sistemi ta’ sopravivenza ma jkunux disponibbli b’riżultat ta’ telf minħabba nar, għargħar u ħsarat oħra.

·Ħsarat fis-sistemi ta’ sopravivenza jew għall-persuni, jew it-tnejn, waqt il-varar.

·Għarqa.

·Ipotermja.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)Kull vapur għandu jġorr sistemi ta’ sopravivenza distribwiti mal-vapur b’kapaċità suffiċjenti, sabiex f’każ li sistema ta’ sopravivenza tintilef jew titqies li m’għadhiex taħdem, is-sistemi ta’ sopravivenza li jibqa’ jkunu jistgħu jakkomodaw in-numru totali ta’ persuni li l-vapur huwa ċċertifikat li jġorr.

(b)Id-distribuzzjoni, l-arranġamenti ta’ skjerament u l-kapaċità tas-sistemi ta’ sopravivenza għandhom jippermettu lill-persuni kollha li l-vapur huwa ċertifikat li jġorr biex jiġu akkomodati fuq kull naħa tal-vapur 7 .

(c)L-istazzjonijiet tal-ġemgħa għandhom jipprovdu biżżejjed spazju biex jinġemgħu l-persuni kollha abbord.

(d)L-ebda persuna m’għandha tkun mistennija taqbeż iktar minn 1 metru għoli għas-sistema ta’ sopravivenza. Għal għoli ikbar, għandu jiġi pprovdut tagħmir biex jiffaċilita l-imbarkazzjoni (eż. żurżieqa tal-evakwazzjoni jew sellum tal-imbarkazzjoni).

(e)Il-varar tas-sistema ta’ sopravivenza għandu jsir mingħajr l-ebda ostakolu jew interferenza ma’ strutturi oħra, speċjalment mal-iskrun.

(f)Kull vapur għandu jġorr tagħmir ta’ żamma fil-wiċċ individwali adegwat għal kull persuna abbord.

(g)Għandha tiġi pprovduta protezzjoni termali adegwata skont il-kundizzjonijiet tat-tħaddim.

III.5.Salvataġġ

Rekwiżiti funzjonali

Għandhom jiġu pprovduti mezzi għall-irkupru tal-persuni mill-ilma.

Perikli Indirizzati

L-inabbiltà li tiġi rkuprata persuna mill-ilma b’mod effettiv u ta’ malajr, li tista’ tikkawża deterjorament tal-ħajja tas-superstitu jew anke t-telf tal-ħajja.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)Il-vapur għandu jġorr għajnuniet ta' żamma fil-wiċċ li jistgħu jitwaddbu mill-vapur lil persuna fl-ilma.

(b)L-irkupru ta’ persuna mill-ilma għandu jitwettaq mill-vapur jew minn unità ddedikata.

IVKomunikazzjonijiet bir-radju

Rekwiżiti Funzjonali

(1)Il-vapur għandu jkun jista’ jittrażmetti u jirċievi informazzjoni dwar is-sikurezza marittima rilevanti.

(2)Kull vapur għandu jkun jista’ jittrażmetti u jirċievi allerti ta’ diffikultà.

(3)Għandu jkun possibbli li tikkomunika ma’ mezzi ta’ assistenza esterni, kemm tal-ajru jew marittimi, waqt l-operazzjoni tas-SAR.

Perikli Indirizzati

·L-inkapaċità li tirċievi u tittrażmetti informazzjoni ta’ sikurezza marittima rilevanti.

·Nuqqas ta’ komunikazzjoni mal-mezzi esterni f’każ ta’ emerġenza.

·Inkapaċità ta’ assistenza lill-vapuri tal-madwar f’diffikultà.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

Kull vapur għandu jkun jista’:

(a)jittrażmetti allerti ta’ diffikultà mill-vapur għax-xatt;

(b)jirċievi allerti ta’ diffikultà mix-xatt għall-vapur;

(c)jittrażmetti u jirċievi allerti ta’ diffikultà mill-vapur għall-vapur (anke permezz ta’ sistemi satellitari);

(d)jittrażmetti u jirċievi komunikazzjonijiet ta’ koordinazzjoni ta’ tiftix u salvataġġ;

(e)jittrażmetti u jirċievi komunikazzjonijiet fuq ix-xena;

(f)jittrażmetti u jirċievi informazzjoni dwar is-sikurezza marittima;

(g)jittrażmetti u jirċievi komunikazzjonijiet bir-radju ġenerali lejn jew min-netwerks jew sistemi tar-radju fuq ix-xatt. u

(h)jittrażmetti u jirċievi komunikazzjonijiet minn pont għal pont.



VNavigazzjoni

Rekwiżiti Funzjonali

Il-vapur għandu jkun iddisinjat, mibni, mgħammar u miżmum sabiex waqt li jkun fuq il-baħar ikun jista’:

(1)jiġi nnavigat b’mod indipendenti; u

(2)jipprovdi allerti lill-ekwipaġġ dwar il-perikli tan-navigazzjoni kollha, fissi jew mobbli.

Perikli Indirizzati

·Kolliżjonijiet jew inkaljar.

·Nuqqas milli tiġi aċċertata l-pożizzjoni tal-vapur.

Rekwiżiti tal-Prestazzjoni

(a)Għandha tkun disponibbli informazzjoni dettaljata dwar iż-żona tal-baħar ġeografika fejn ikun qed jopera l-vapur.

(b)Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex jiġu stabbiliti l-pożizzjoni, id-direzzjoni u l-veloċità tal-vapur (bħal sistemi ta’ navigazzjoni satellitari inkluż Galileo).

(c)Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex jassistu fin-navigazzjoni u fl-evitar ta’ kolliżjoni (bħal sistemi ta’ navigazzjoni satellitari inkluż Galileo).

(d)Il-konfigurazzjoni tal-pont tan-navigazzjoni għandha tipprovdi viżibbiltà sħiħa għall-arloġġ tan-navigazzjoni.

(e)Għandhom jiġu stabbiliti mezzi biex tiġi stabbilita d-direzzjoni tar-rotazzjoni tal-iskrun u d-domanda għall-enerġija u l-pożizzjoni tat-tmun fir-rigward tad-direzzjoni prinċipali tal-vapur.

(f)Għandhom jiġu pprovduti mezzi biex jiġi ddeterminat il-fond tal-ilma.

(g)Għandu jkun possibbli li tiskopri l-vapur mill-vapuri tal-madwar.

(1)    Għandu jiġi mfakkar li l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni għall-armonizzazzjoni tas-sikurezza tal-prodotti tapplika għal ċertu tagħmir tal-baħar li jinġarr fuq il-vapuri, b’mod partikolari id-Direttiva 2014/53/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-armonizzazzoni tal-liġijiet tal-Istati Membri marbuta mat-tqegħid fis-suq ta’ tagħmir tar-radju u li tħassar id-Direttiva 1999/5/KE (ĠU L 153, 22.5.2014, p. 62).
(2)    Id-Direttiva 2014/90/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' Lulju 2014 dwar tagħmir tal-baħar u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 96/98/KE (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 146).
(3)    Ir-Regolament (KE) Nru 391/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2009 dwar ir-regoli u l-istandards komuni għall-organizzazzjonijiet għall-ispezzjoni u l-perizji tal-vapuri (ĠU L 131, 28.5.2009, p.11).
(4)    Huwa rikonoxxut li l-ankraġġ tal-vapur ma' punt f'qiegħ tal-baħar ma jistax jiġi ggarantit f'kull sitwazzjoni. Dan jiddependi fuq ħafna fatturi bħat-tip ta’ art, il-fond tal-baħar, il-kundizzjonijiet tal-ambjent, eċċ. iżda f’ċirkostanzi xierqa jista’ jtaffi l-ġarr mal-kurrent.
(5)    Is-sistemi bbażati fuq ix-xatt mhumiex koperti.
(6)    MSC.1/Circ.1533 u MSC.1/Circ.1166, kif emendat, jistgħu iservu bħala referenza għall-kunċett ta’ kalkolu.
(7)    Dan ir-rekwiżit mhux neċessarjament ifisser li hija meħtieġa 100% tal-kapaċità f’kull parti tal-vapur. Huwa possibbli li tuża sistemi ta’ sopravivenza li jistgħu jintużaw minn kull naħa tal-vapur.