Brussell, 18.5.2018

COM(2018) 304 final

KOMUNIKAZZJONI TAL-KUMMISSJONI LILL-PARLAMENT EWROPEW U LILL-KUNSILL

dwar l-Edukazzjoni f'Emerġenzi u Kriżijiet fit-Tul


1. Impenn għal edukazzjoni sikura, inklużiva u ta’ kwalità f’emerġenzi u fi kriżijiet fit-tul fl-azzjoni esterna tal-UE

L-Aġenda 2030 għall-Iżvilupp Sostenibbli, b’mod partikolari l-Għan 4 tagħha, 1 tirrikonoxxi l-importanza ta’ edukazzjoni u taħriġ ta’ kwalità bħala pedament essenzjali fl-indirizzar ta’ sfidi globali ewlenin. Fl-2016, din ġiet rikonoxxuta fis-Summit Umanitarju Dinji bit-tnedija tal-Pjattaforma Education Cannot Wait 2 (l-Edukazzjoni Ma Tistax Tistenna) sabiex tittrasforma l-għoti tal-edukazzjoni f’emerġenzi u fi kriżijiet fit-tul.

Id-dritt għall-edukazzjoni huwa rikonoxxut mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea 3 li hija indirizzata lill-istituzzjonijiet tal-UE kif ukoll lill-Istati Membri meta dawn jimplimentaw il-liġi tal-UE. Huwa essenzjali għall-iżvilupp paċifiku tas-soċjetà 4 , għat-tkabbir ekonomiku u għar-realizzazzjoni tal-potenzjal individwali. It-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea jimpenja lill-UE biex tippromwovi l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal 5 . Id-dritt għal edukazzjoni, taħriġ u tagħlim tul il-ħajja ta’ kwalità u inklużiv huwa l-ewwel prinċipju tal-Pilastru Ewropew għad-Drittijiet Soċjali 6 . It-tfal huma assenjati post speċjali fl-azzjoni esterna tal-UE, imsejjes fuq id-drittijiet tat-tfal 7 u li jafferma li l-“progress fil-każ tat-tfal huwa essenzjali jekk irridu nipprevjenu l-fraġilità tal-istat u niżguraw żvilupp sostenibbli, koeżjoni soċjali, stabbiltà u sigurtà tal-bniedem fil-livell nazzjonali, reġjonali u globali” 8 . 

Madanakollu, ir-realtà hi li l-aċċess għall-edukazzjoni ta’ kwalità qed jiġi miċħud lil miljuni ta’ tfal permezz ta’ kunflitti dejjem aktar fit-tul, ċaqliq sfurzat, vjolenza, tibdil fil-klima u diżastri. Dawn qed iħallu warajhom ġenerazzjonijiet mitlufa, mingħajr edukazzjoni u huma kawżi ewlenin li jwasslu biex ħafna jitilqu fuq vjaġġi perikolużi lejn l-Ewropa 9 u lejn reġjuni oħrajn fid-dinja, u jaffettwaw l-istabbiltà u l-iżvilupp tagħhom

Nofs it-tfal tad-dinja li ma jattendux skola jgħixu f’kuntesti affettwati minn kriżi u minn kunflitt u kważi nofs ir-refuġjati tal-età tal-iskola tal-primarja ma jattendux skola. Dan jobbliga lill-UE twieġeb billi tuża l-firxa ta’ strumenti u approċċi tagħha. Tul dawn l-aħħar snin, l-UE żiedet l-appoġġ tagħha għall-edukazzjoni f’emerġenzi u fi kriżijiet fit-tul mad-dinja kollha b’mod sinifikanti, filwaqt li rrikonoxxiet li l-edukazzjoni huwa l-aktar settur li ma jiġix iffinanzjat b’mod kroniku fi kriżijiet, b’anqas minn 3 % tal-finanzjament globali totali għall-għajnuna umanitarja 10 . L-UE żiedet il-finanzjament għall-edukazzjoni f’emerġenzi u kriżijiet minn 1 % tal-għajnuna umanitarja tagħha fl-2015, għal 8 % fl-2018, bil-għan li fl-2019 tilħaq l-10 %. Proporzjon kbir mill-assistenza għall-iżvilupp bilaterali tal-edukazzjoni ta’ bejn l-2014 u l-2020 huwa allokat lil pajjiżi fraġli u milquta minn kriżijiet. L-UE hija donatur ewlieni għall-edukazzjoni bħala rispons għall-kriżi reġjonali fis-Sirja u qed tipprovdi finanzjament multilaterali sinifikanti lil inizjattivi globali li jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-edukazzjoni f’emerġenzi u kriżijiet 11 .

L-assistenza attwali tal-UE għall-edukazzjoni f’emerġenzi u kriżijiet fit-tul tkopri l-livelli kollha tal-edukazzjoni, il-ħidma mal-gvernijiet, l-aġenziji tan-Nazzjonijiet Uniti, organizzazzjonijiet mhux governattivi, is-soċjetà ċivili, l-atturi tas-settur privat, l-Isħubija Globali għall-Edukazzjoni, u partijiet ikkonċernati oħra. L-appoġġ bilaterali u d-djalogu ta’ politika mal-gvernijiet huwa akkumpanjat minn firxa ta’ inizjattivi sabiex tittaffa l-interruzzjoni tal-edukazzjoni madwar id-dinja, mill-istabbiliment ta’ spazji temporanji għat-tagħlim sal-iżvilupp ta’ programmi ta’ tagħlim mill-bogħod għat-tfal li ma jistgħux jaslu sal-postijiet tal-iskola. Pereżempju, l-UE wieġbet għall-ħtiġijiet tal-edukazzjoni tat-tfal Sirjani b’mod xieraq, bl-użu ta’ finanzjament għall-iżvilupp bilaterali, għajnuna umanitarja, il-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’Reazzjoni għall-Kriżi Sirjana, u l-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija.

F’dawn l-aħħar snin, il-ħtiġijiet fil-prattika żdiedu b’mod sinifikanti u tfaċċaw sfidi ġodda. Filwaqt li d-daqs tal-ħtiġijiet huwa akbar mir-riżorsi tagħha, l-UE għandha r-rwol li ssaħħaħ ir-rispons tagħha, u tiffoka fuq li tilħaq lil dawk bl-akbar bżonn ta’ appoġġ 12 , u li timmobilizza l-appoġġ globali għal azzjoni ulterjuri.

Għalhekk, din il-Komunikazzjoni tipproponi qafas ta’ politika tal-UE aġġornat sabiex, permezz ta’ azzjoni esterna tal-UE, jiġu indirizzati l-isfidi dejjem jikbru tal-edukazzjoni f’emerġenzi u kriżijiet fit-tul barra mill-UE. Hija tipproponi approċċ li jsaħħaħ ir-responsabbiltà reċiproka fost l-istrumenti esterni rilevanti tal-UE sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet tal-edukazzjoni f’emerġenzi u kriżijiet permezz ta’ assistenza umanitarja u għall-iżvilupp, abbażi ta’ koordinazzjoni, kumplimentarjetà u azzjoni ta’ politika (“nexus” 13 ”). Hija tirrifletti wkoll prijoritajiet ġodda u emerġenti, bħall-effetti tal-vjolenza fuq l-edukazzjoni.

Ir-rispons għall-ħtiġijiet tal-edukazzjoni f’emerġenzi u fi kriżijiet jitlob approċċ olistiku. Din il-Komunikazzjoni tistabbilixxi l-fehim tat-terminu edukazzjoni f’emerġenzi u fi kriżijiet fit-tul tal-Kummissjoni fl-aktar sens wiesa tiegħu; imsejjes fuq approċċ strateġiku u integrat għall-promozzjoni ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim sikuri, inklużivi u ta’ kwalità għal kulħadd. L-edukazzjoni tinkludi t-tagħlim tul il-ħajja, inkluż l-implimentazzjoni formali u mhux formali 14 ta’ livelli stabbiliti ta’ sistemi tal-edukazzjoni, sabiex jiġu inklużi l-edukazzjoni bikrija tat-tfal, primarja, sekondarja, postsekondarja, mhux terzjarja, u terzjarja (inkluż taħriġ tekniku u vokazzjonali, l-università, u forom oħra ta’ ħiliet u żvilupp).

L-approċċ tal-Kummissjoni għall-edukazzjoni f’emerġenzi u fi kriżijiet jinkludi emerġenzi f’daqqa u li jevolvu bil-mod, kunflitti, sitwazzjonijiet ta’ vjolenza, ċaqliq sfurzat, diżastri (magħmula mill-bniedem u naturali) u emerġenzi tas-saħħa pubblika, kriżijiet fit-tul u rikorrenti jew kombinazzjoni ta’ dawn. Dan l-approċċ, billi jimmira li jappoġġja l-għoti kontinwu tal-edukazzjoni, jaħdem tul in-nexus umanitarju u tal-iżvilupp biex ikopri t-tħejjija, it-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri, il-prevenzjoni, il-mitigazzjoni, ir-rispons għall-emerġenzi, l-assistenza matul kriżijiet fit-tul u l-irkupru.

1.1. It-theddida ta’ ġenerazzjonijiet mitlufa

It-tfal jiffurmaw terz mill-popolazzjoni tad-dinja, iżda jinkludu aktar min-nofs in-nies kollha affettwati minn kriżijiet umanitarji. In-numru ta’ bniet u subien li qegħdin jesperjenzaw dawn il-kriżijiet jammonta għal nofs it-tfal li ma jattendux skola fid-dinja, u dan in-numru qed jiżdied 15 . Is-Sirja, l-Iraq, il-Jemen, l-Afganistan, is-Sudan t’Isfel, u r-Repubblika Demokratika tal-Kongo huma fost uħud mill-35 pajjiż affettwat mill-kriżi fejn kważi 75 miljun tifel u tifla tal-età tal-iskola (bejn 3 snin u 18-il sena) jesperjenzaw interruzzjoni fl-edukazzjoni tagħhom 16 . Dan ir-riskju huwa konsiderevolment ogħla għal nies spostati. L-Aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti tistma li bħalissa aktar minn 65 miljun persuna jinsabu spostati (l-ogħla numru mit-Tieni Gwerra Dinjija ’l hawn), bid-durata medja tal-ispostament ta’ spiss taqbeż l-20 sena 17 . Ftit aktar minn nofs ir-refuġjati tal-età tal-iskola primarja jattendu l-iskola, filwaqt li anqas minn kwart tal-grupp ekwivalenti tal-età jattendu skola sekondarja u 1 % biss jirċievu edukazzjoni terzjarja. Il-bniet, b’mod partikolari, huma aktar żvantaġġati, billi huwa darbtejn u nofs aktar probabbli li ma jattendux skola f’pajjiżi affettwati 18 . 

Il-futur ta’ miljuni ta’ tfal u żgħażagħ huwa mhedded minn żieda fil-vjolenza f’kuntesti edukattivi 19 , inklużi attakki fuq skejjel u universitajiet, bħal ħtif ta’ studenti, użu militari ta’ skejjel, il-preżenza ta’ mini tal-art, materjal militari mhux splodut u fdalijiet tal-gwerra madwar skejjel, u l-qerda ta’ bini edukattiv. L-edukazzjoni tista’ tiġi abbużata mill-awtoritajiet biex jiġu mrawma l-mibegħda u l-intolleranza, tiżdied l-inugwaljanza u l-oppressjoni u jiġu rreklutati tfal vulnerabbli biex jinvolvu ruħhom f’atti ta’ vjolenza 20 . L-inugwaljanzi fl-għoti tal-edukazzjoni jistgħu jiġġeneraw sens ta’ inġustizzja u jkomplu jiżvantaġġaw lil gruppi emarġinati, li eventwalment jista’ jħeġġeġ il-kunflitt 21 . 

It-tfal u ż-żgħażagħ li ma jattendux skola huma esposti għal żieda fir-riskji ta’ vjolenza sesswali u sessista, estremiżmu vjolenti, żwieġ sfurzat, tqala f’età prematura, tħaddim tat-tfal u reklutaġġ sfurzat 22 . Kunflitti persistenti, vjolenti u spiss fit-tul, ċaqliq sfurzat, inugwaljanzi u opportunitajiet ekonomiċi limitati u aċċess limitat għas-servizzi bażiċi jkomplu jżidu l-vulnerabbiltà ta’ dawn ir-riskji. L-effetti tal-kriżijiet fuq l-aċċess għall-edukazzjoni, bħall-għeluq tal-iskejjel jew il-preżenza militari fl-iskejjel, tista’ twassal biex in-nies jiċċaqalqu biex ifittxu ambjent aktar sikur, spiss f’ċirkostanzi ta’ periklu għal ħajjithom. L-edukazzjoni hija assi portabbli vitali.

L-emerġenzi u l-kriżijiet fit-tul ikomplu jdgħajfu s-sistemi tal-edukazzjoni li diġà huma neqsin mir-riżorsi, billi jimminaw l-eżiti tat-tagħlim u l-potenzjal tat-tfal u ż-żgħażagħ. L-interruzzjonijiet frekwenti tal-iskola u l-ħsara psikosoċjali kkawżata minn avvenimenti trawmatiċi jimpedixxu t-tagħlim u jiġu aggravati min-nuqqas ta’ għalliema u klassijiet iffullati żżejjed.



1.2. Tisħiħ tal-azzjoni esterna tal-UE

Sabiex tilħaq l-Għanijiet tal-Iżvilupp Sostenibbli, u f’konformità mal-Aġenda Edukazzjoni 2030, l-UE sejra tiffoka fuq erba' oqsma ta’ azzjoni ta’ prijorità strateġiċi:

1.It-tisħiħ tas-sistemi u s-sħubiji għal rispons tal-edukazzjoni rapidu, effiċjenti, effettiv u innovattiv;

2.Il-promozzjoni tal-aċċess, l-inklużjoni u l-ekwità;

3.L-appoġġ tal-edukazzjoni għall-paċi u l-protezzjoni;

4.L-appoġġ tal-edukazzjoni ta’ kwalità għal eżiti ta’ tagħlim aħjar.

Sabiex tagħmel progress f’dawn il-prijoritajiet, il-Kummissjoni sejra ttejjeb il-modi ta’ ħidma f’termini ta’ koordinazzjoni, tmexxija globali u finanzjament.

Il-programmazzjoni u l-ippjanar konġunti u kkoordinati se jiġu promossi fil-Kummissjoni, mal-Istati Membri tal-UE u ma’ donaturi u sħab oħra, b’bilanċ ta’ rispons ta’ terminu qasir, medju u twil. L-UE se tuża r-rwol globali, il-kapaċità u l-istrumenti tagħha sabiex iżżid l-attenzjoni globali fuq ħtiġijiet li ma ġewx issodisfati u t-tnaqqis fil-finanzjament, u sabiex issaħħaħ il-koordinazzjoni u l-kapaċitajiet ta’ rispons operazzjonali.

Fl-aħħar tliet snin, iż-żidiet fil-finanzjament umanitarju tal-UE għall-edukazzjoni f’emerġenzi rriżultaw minn sforzi politiċi miżjuda, ibbażati fuq id-daqs tal-ħtiġijiet. Dan il-finanzjament issa jenħtieġ li jiġi sostnut sabiex ikunu jistgħu jintlaħqu l-prijoritajiet strateġiċi tal-UE, u fl-aħħar nett jintlaħqu l-miljuni ta’ tfal u żgħażagħ f’riskju li jsiru ġenerazzjonijiet mitlufa.

·Mill-2019, il-Kummissjoni se timmira li talloka 10 % mill-assistenza umanitarja tagħha għall-edukazzjoni f’emerġenzi u kriżijiet fit-tul 23 .

·Il-Kummissjoni sejra tappoġġja finanzjament globalment flessibbli u prevedibbli, f’waqtu u koordinat għall-edukazzjoni f’emerġenzi u kriżijiet fit-tul.

2. Prijoritajiet strateġiċi għall-edukazzjoni f’emerġenzi u fi kriżijiet fit-tul

2.1. It-tisħiħ tas-sistemi u s-sħubiji għal rispons tal-edukazzjoni rapidu, effiċjenti, effettiv u innovattiv

Bil-għan li jiżguraw id-disponibbiltà, il-prevedibbiltà u t-trasparenza tal-finanzjament għall-edukazzjoni f’emerġenzi u kriżijiet u f’konformità mal-impenji tas-Summit Umanitarju Dinji 2016 24 , l-azzjonijiet tal-UE se jtejbu l-effettività tar-rispons fin-nexus umanitarju u tal-iżvilupp. B’dan, il-Kummissjoni se tadotta perspettivi kondiviżi fuq terminu qasir, medju u twil, mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni aktar b’saħħithom, analiżijiet konġunti, sorveljanza konġunta tal-azzjonijiet, u kontribuzzjonijiet kondiviżi ta’ rapportar, fost miżuri oħra. Dan se jikkontribwixxi għal taħlita rilevanti b’mod kuntestwali ta’ assistenza finanzjarja pluriennali u fuq terminu minn qasir sa medju.

Il-Kummissjoni sejra ssaħħaħ u tissimplifika l-azzjonijiet tagħha għall-għoti tal-edukazzjoni bħala bene pubbliku globali, permezz ta’ finanzjament multilaterali, assistenza teknika, tlaqqigħ globali, parteċipazzjoni f’korpi konsultattivi u opportunitajiet oħra esterni ta’ ingaġġ.

Il-Kummissjoni se tieħu approċċ immirat biex issaħħaħ is-sistemi tal-edukazzjoni, billi tisfrutta r-rwol tagħha fid-djalogu politiku u l-appoġġ bilaterali għal dan il-għan. Fejn possibbli u xieraq, il-finanzjament tal-Unjoni se jappoġġja s-sistemi tal-gvern, inklużi dawk li jospitaw lir-refuġjati 25 , bħala l-entitajiet responsabbli primarji għad-dritt għall-edukazzjoni. Jekk l-appoġġ dirett tal-gvernijiet ma jkunx possibbli jew xieraq, it-tisħiħ tas-sistema se jappoġġja lill-aktar atturi tal-edukazzjoni disponibbli xierqa 26 .

Sabiex tiffaċilita l-prijoritizzazzjoni bbażata fuq il-ħtiġijiet tal-assistenza tal-UE, allinjata mal-prijoritajiet tal-awtoritajiet nazzjonali, il-Kummissjoni se tinkludi ħtiġijiet tal-edukazzjoni relatati ma’ emerġenzi u kriżijiet fit-tul fl-appoġġ għas-settur tal-edukazzjoni. Il-finanzjament tal-Unjoni se jkun ibbażat fuq valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet b’saħħithom, inkluż minn ministeri tal-edukazzjoni, aġenziji tan-NU, organizzazzjonijiet mhux governattivi, organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, atturi tas-settur privat u atturi rilevanti oħra.

L-atturi fil-livelli kollha se jkunu appoġġjati sabiex jittejbu l-ġbir, il-ġestjoni u l-analiżi tad-data, inkluż dwar il-finanzjament tal-edukazzjoni u d-data dwar l-eżiti tat-tagħlim. L-azzjonijiet li jidentifikaw l-aħjar prattiki u modi effettivi u innovattivi għall-kondiviżjoni u l-ġestjoni tal-informazzjoni se jiġu appoġġjati wkoll. Il-bini tal-kapaċità għall-atturi kollha fis-settur u fil-livelli kollha se jingħata prijorità, f’koordinazzjoni mas-settur privat fejn xieraq.

Filwaqt li l-UE impenjat ruħha għas-servizzi tal-edukazzjoni pubblika 27 , l-atturi tas-soċjetà ċivili u s-settur privat jistgħu jipprovdu valur miżjud fl-appoġġ għal dawn is-servizzi. Il-Kummissjoni se tingaġġa lis-settur privat fl-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta’ approċċi innovattivi u biex jorbot ir-riformi fl-edukazzjoni ma’ ħtiġijiet soċjetali u opportunitajiet fis-suq tax-xogħol. Hemm bżonn ta’ sħubijiet u mekkaniżmi ta’ koordinazzjoni mtejba ma’ setturi rilevanti oħrajn, bħas-saħħa, l-għajxien, il-protezzjoni u n-nutrizzjoni, għal rispons integrat u olistiku għall-ħtiġijiet tat-tfal f’emerġenzi u kriżijiet.

Eżempji ta’ prattika tajba:

Fil-Lebanon, l-UE tappoġġja l-istrateġija tal-Ministeru tal-Edukazzjoni u l-Edukazzjoni Għolja “Reaching all Children with Education” sabiex tiffaċilita l-integrazzjoni tar-refuġjati Sirjani fis-sistema nazzjonali. L-appoġġ tal-UE huwa kkoordinat permezz ta’ Qafas Umanitarju u ta’ Żvilupp Konġunt fil-livell tal-pajjiż, li jinkludi bilanċ ta’ assistenza bilaterali u appoġġ permezz tal-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b’reazzjoni għall-Kriżi Sirjana u assistenza umanitarja. L-implimentazzjoni hija appoġġjata mill-aġenziji tal-UE u minn organizzazzjonijiet mhux governattivi.

L-UE għandha rwol ewlieni fil-Forum ta’ Djalogu dwar l-Edukazzjoni, mibdi taħt il-Fond Education Cannot Wait, li jlaqqa’ flimkien lill-atturi umanitarji u tal-iżvilupp ingaġġati fl-appoġġ tal-edukazzjoni fis-Sirja. Dan ippermetta sorveljanza kondiviża tal-programmazzjoni, analiżijiet konġunti u koordinazzjoni aħjar.

L-UE appoġġjat sforzi riċenti biex tapplika l-Qafas ta’ Rispons Komprensiv għar-Refuġjati fil-livell reġjonali inkluż permezz ta’ Konferenza Ministerjali dwar l-Edukazzjoni tar-Refuġjati li saret f’Djibouti f’Diċembru 2017 taħt l-awspiċji tal-Awtorità Intergovernattiva dwar l-Iżvilupp tar-reġjun u l-Gvern tal-Djibouti. L-impenji stabbiliti fid-Dikjarazzjoni u l-Pjan ta’ Azzjoni li rriżultaw jinkludu l-integrazzjoni ta’ refuġjati fis-sistemi ta’ edukazzjoni nazzjonali, l-iżvilupp ta’ standards u miri minimi u l-iżvilupp ta’ mekkaniżmu reġjonali għar-rikonoxximent tal-kwalifiki.

Fl-2015, terremoti fin-Nepal qerdu 35 000 klassi u ċaħħdu lil madwar miljun tifel u tifla mit-tagħlim tagħhom. L-UE ħadmet mal-Gvern u ma’ sħab oħra biex tipprovdi ċentri tat-tagħlim tranżizzjonali u provvisti essenzjali sabiex tippermetti lil kemm jista’ jkun studenti jirritornaw lura lejn l-iskola mill-aktar fis. L-UE qed tappoġġja l-Pjan ta’ Żvilupp tas-Settur tal-Iskejjel tan-Nepal għal bini ġdid aħjar f’żoni affettwati mit-terremoti, filwaqt li jilħaq popolazzjonijiet emarġinati, u jsaħħaħ il-kapaċitajiet ta’ ppjanar u ġestjoni fil-livelli kollha u jiżgura tagħlim ta’ kwalità aħjar.

Azzjonijiet ewlenin sabiex tittejjeb il-governanza, ir-responsabbiltà u l-finanzjament:

·Appoġġ għat-tisħiħ ta’ koordinazzjoni, trasparenza u responsabbiltà mal-UE kollha, bħal permezz tal-appoġġ għat-titjib għall-istandard tal-Inizjattiva ta’ Trasparenza dwar l-Għajnuna Internazzjonali għar-rapportar dwar l-edukazzjoni f’emerġenzi u kriżijiet;

·Promozzjoni ta’ sħubijiet kollaborattivi aktar b’saħħithom, inkluż fil-livell globali, bħall-finanzjament ta’ azzjonijiet ta’ edukazzjoni ta’ partijiet ikkonċernati multipli li joħolqu valur miżjud u impatt iktar qawwi permezz tal-għarfien espert u l-esperjenzi tas-sħab kollha, b’mod partikolari l-aġenziji tan-NU u s-settur privat;

·Investiment, f’kollaborazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali, f’approċċi innovattivi għall-ġestjoni tad-data, it-trasparenza u r-rapportar, inkluż l-intraċċar ta’ għalliema u tfal li ma jattendux skola, sabiex jiġu ffaċilitati l-kontinwità tal-edukazzjoni u r-rikonoxximent tal-kisbiet;

·Appoġġ għall-bini tal-kapaċità tal-atturi tal-edukazzjoni f’emerġenzi u kriżijiet, bħal korpi ta’ koordinazzjoni, atturi ta’ rispons u gvernijiet, b’enfasi fuq is-soċjetà ċivili u l-atturi lokali, permezz ta’ inizjattivi ta’ żvilupp tal-kapaċità ġodda u stabbiliti, bħall-korsijiet tal-Cluster tal-Edukazzjoni Globali.

2.2. Il-promozzjoni tal-aċċess, l-inklużjoni u l-ekwità

Il-koeżistenza paċifika, is-sensittività interkulturali u l-integrazzjoni ta’ suċċess fil-komunitajiet ospitanti u l-koeżjoni soċjali huma funzjonijiet kruċjali tal-edukazzjoni f’emerġenzi u kriżijiet. L-UE sejra tappoġġja l-integrazzjoni ta’ tfal u żgħażagħ spostati fis-sistemi tal-edukazzjoni, inkluż appoġġ għall-komunitajiet ospitanti, biex b’hekk timplimenta b’mod attiv impenji fil-Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp u l-Komunikazzjoni Lejn Ħajja b’Dinjità 28 .

Filwaqt li jirrikonoxxu d-daqs tal-bżonn u l-limitazzjonijiet fl-appoġġ tal-UE f’dan ir-rigward, l-azzjonijiet se jenfasizzaw fuq dawk li jinsabu l-aktar fil-bżonn, bħal:

·Tfal u żgħażagħ li ma jattendux skola u dawk f’riskju ta’ interruzzjoni edukattiva;

·Tfal u żgħażagħ li jiġu spostati b’mod sfurzat (refuġjati u nies spostati internament) u l-komunitajiet ospitanti tagħhom;

·Gruppi vulnerabbli u żvantaġġati, inklużi dawk it-tfal u ż-żgħażagħ separati u mhux akkumpanjati, f’żoni li diffiċli jintlaħqu, li qed jgħixu b’diżabbiltajiet jew bi ħtiġijiet addizzjonali, li huma assoċjati ma’ forzi jew gruppi armati (inkluż attenzjoni partikolari għar-riintegrazzjoni tagħhom permezz tal-edukazzjoni) u li jappartjenu għal minoranzi etnolingwistiċi, u gruppi soċjoekonomiċi ifqar.

Fil-livelli kollha huwa meħtieġ rispons proattiv u rapidu sabiex titnaqqas l-interruzzjoni tal-edukazzjoni u jitrawmu opportunitajiet tal-edukazzjoni inklużivi, sikuri u protettivi. Kull ġimgħa, xahar u sena li t-tfal iqattgħu barra mill-iskola matul is-snin tal-iskola tagħhom ikomplu jaqtgħuhom mir-rotta tal-edukazzjoni tagħhom u jnaqqsu l-probabbiltà li dawn jirritornaw lura l-iskola.

Minħabba li l-maġġoranza ta’ tfal u żgħażagħ spostati b’mod sfurzat jiġu ospitati f’pajjiżi bi dħul minn baxx sa medju 29 , l-appoġġ flessibbli fuq terminu medju jrid jimxi id f’id ma’ finanzjament prevedibbli fuq terminu twil sabiex tissaħħaħ ir-reżiljenza u l-effettività tas-sistemi tal-edukazzjoni. Is-sistemi tal-edukazzjoni jeħtieġ li jadattaw sabiex jirregolaw spostament rikorrenti u fit-tul u sabiex jindirizzaw il-ħtiġijiet tal-popolazzjonijiet spostati b’mod sfurzat u tal-komunitajiet ospitanti. Dan jitlob li jiġu indirizzati l-isfidi tal-pajjiżi ospitanti sabiex jiġu żgurati servizzi tal-edukazzjoni inklużivi u ta’ kwalità, ibbażati fuq impenn għall-kondiviżjoni tar-responsabbiltà ma’ pajjiżi affettwati.

L-emerġenzi u l-kriżijiet fit-tul għandhom effett sproporzjonat fuq l-edukazzjoni tan-nisa u tal-bniet. Riskji speċifiċi marbuta mas-sess, li jesperjenzaw il-bniet u s-subien f’emerġenzi u kriżijiet, jinkludu żwiġijiet bikrija u sfurzati, tqala f’età prematura, tħaddim tat-tfal, reklutaġġ fi gruppi armati u vjolenza sesswali u sessista. Is-servizzi tal-edukazzjoni jeħtieġ li jwieġbu għall-ħtiġijiet tal-bniet u tas-subien, bħal li tingħata prijorità lit-tojlits segregati fir-riabilitazzjoni tal-iskejjel, sabiex jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-sikurezza tal-istudenti u tal-ġenituri. Il-Kummissjoni se tkompli tisħaq fuq l-importanza tal-inklużjoni ta’ gruppi vulnerabbli u żvantaġġati. Jenħtieġ li ż-żgħażagħ, li spiss ma jingħatawx għajnuna mill-appoġġ tal-edukazzjoni hekk kif jerfgħu ir-responsabbiltajiet ta’ adulti, jingħataw attenzjoni speċjali, b’enfasi partikolari fuq il-ħtiġijiet speċifiċi għas-sess tagħhom.

Eżempji ta’ prattika tajba:

B’appoġġ mill-UE, il-proġett innovattiv Trasferiment ta’ Flus Kondizzjonali għall-Edukazzjoni laħaq ’il fuq minn 290 000 tifel u tifla f’familji refuġjati vulnerabbli billi jappoġġjahom biex jattendu l-iskola regolarment.

L-UE appoġġjat l-iżvilupp tar-Rispons Rapidu għat-Tibdil Demografiku fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Dan jipprovdi valutazzjonijiet tal-ħtiġijiet rapidi sabiex jiġi żgurat pakkett ta’ assistenza integrat għall-popolazzjonijiet f’kuntesti ta’ spostament, mard jew diżastri naturali.

L-UE, flimkien mal-Istati Membri, hija l-akbar kontributur finanzjarju għall-Aġenzija tal-Fondi u tax-Xogħol tan-Nazzjonijiet Uniti (UNRWA) li topera f’appoġġ għar-refuġjati Palestinjani. L-UNRWA tappoġġja lil aktar minn 513 000 tifel u tifla u żgħażagħ biex jattendu kważi 700 skola elementari, preparatorja u sekondarja u ċentri tat-taħriġ vokazzjonali li joperaw f’Gaża, fix-Xatt tal-Punent u madwar ir-reġjun.

Meta fl-2014 l-Ebola laqtet lil Sierra Leone, l-iskejjel ingħalqu għal disa’ xhur. Is-Sħubija Globali għall-Edukazzjoni, b’appoġġ mill-UE, għenet biex tipprovdi edukazzjoni alternattiva permezz tat-televixin u tar-radju lit-tfal biex jaraw u jisimgħu waqt li jkunu barra mill-iskola. Ladarba l-iskejjel setgħu jinfetħu mill-ġdid, is-Sħubija żgurat id-disponibbiltà ta’ ambjenti tat-tagħlim sikuri permezz tad-diżinfettar tal-iskejjel u l-provvediment ta’ stazzjonijiet u provvisti tal-ħasil tal-idejn.

Azzjonijiet ewlenin għat-titjib tal-aċċess, tal-inklużjoni u tal-ekwità:

·Appoġġja u ppromwovi mekkaniżmi ta’ rispons proattivi u rapidi, inkluż minn organizzazzjonijiet umanitarji u gvernijiet, sabiex tilħaq it-tfal u ż-żgħażagħ matul emerġenzi u kriżijiet, u immira li tirritornahom lura lejn l-iskola fi żmien tliet xhur 30 ;

·Agħti prijorità lill-appoġġ għat-tfal u għaż-żgħażagħ l-aktar fil-bżonn minħabba f’emerġenzi u kriżijiet fit-tul;

·Fejn possibbli, saħħaħ, il-kapaċità tal-atturi ewlenin fis-sistemi tal-edukazzjoni, speċjalment ministeri tal-edukazzjoni, sabiex tgħinhom jippreparaw u jadattaw sistemi tal-edukazzjoni biex jimmaniġġjaw spostament rikorrenti u fit-tul;

·Appoġġja l-ħtiġijiet speċifiċi għas-sess tat-tfal u ż-żgħażagħ, speċjalment fir-rigward tal-edukazzjoni u l-protezzjoni, b’enfasi speċjali fuq l-edukazzjoni tal-bniet u t-tfajliet, f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi ta’ bejn l-2016 u l-2020 31 .

2.3. L-appoġġ tal-edukazzjoni għall-paċi u l-protezzjoni

L-edukazzjoni hija għodda b’saħħitha għat-trasformazzjoni soċjali, l-ekwità mtejba, il-prosperità u l-bini tal-paċi. Madankollu, ġestjoni tal-edukazzjoni batuta, abbużiva jew manipulattiva tista’ tħeġġeġ il-kunflitt permezz tal-oppressjoni, l-inugwaljanza tal-opportunità u l-eżitu jew il-promozzjoni tal-mibegħda u l-vjolenza. L-UE sejra tippromwovi l-Edukazzjoni Sensittiva għall-Kunflitti 32 u tappoġġja politiki tal-edukazzjoni bbażati fuq l-evidenza li jippromwovu l-ugwaljanza u jipproteġu lit-tfal u liż-żgħażagħ mill-istigmatizzazzjoni minn oħrajn, il-promozzjoni tal-mibegħda, l-estremiżmu vjolenti u r-reklutaġġ fi gruppi armati.

L-istabbiliment ta’ ambjenti tat-tagħlim sikuri, protettivi u ta’ kwalità huwa ċentrali għall-approċċ tal-Kummissjoni. Hemm bżonn ta' prattiki tajba biex jipproteġu lit-tfal u liż-żgħażagħ, abbażi tal-prinċipju “Tagħmilx ħsara”. Minħabba fil-kollass tas-salvagwardji istituzzjonali u soċjali li spiss iseħħ matul kriżi, is-sistemi ta’ salvagwardja tat-tfal huma meħtieġa fl-istadji tal-preparazzjoni, tal-ippjanar u tal-implimentazzjoni u tat-tranżizzjoni tal-azzjonijiet. Il-Kummissjoni tirrikonoxxi u tappoġġja r-rwol ċentrali tal-ġenituri u l-indokraturi fl-edukazzjoni u fil-protezzjoni tat-tfal u r-rwol usa’ tal-komunitajiet fit-tnejn.

B’rilevanza partikolari f’emerġenzi u kriżijiet, il-protezzjoni jenħtieġ li tkun fil-qalba tas-sistemi tal-edukazzjoni fil-livelli kollha, b’enfasi fuq politiki, proċessi u prattiki mhux vjolenti fl-iskejjel inkluż il-prevenzjoni ta’ vjolenza sesswali u sessista. Se jiġu appoġġjati azzjonijiet għat-tisħiħ tal-valutazzjonijiet u tal-ippjanar tal-ħtiġijiet tal-protezzjoni tat-tfal, flimkien ma’ interventi innovattivi sabiex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet identifikati.

Sabiex tappoġġja sistemi tal-edukazzjoni aktar reżiljenti, l-assistenza tal-UE se testendi lil hinn mill-appoġġ infrastrutturali tar-reżistenza għad-diżastri 33 , għall-appoġġ għal ippjanar tal-edukazzjoni sensittiv għall-kriżijiet u t-tnaqqis tar-riskju ta’ diżastri. Jenħtieġ li l-infrastruttura tal-edukazzjoni tkun strutturalment sikura u twassal għal tagħlim sikur u inklużiv. L-appoġġ għal infrastruttura f’emerġenzi u kriżijiet se jinkludi firxa ta’ opzjonijiet, allinjati ma’ standards miftiehma fuq livell nazzjonali, bħal spazji tat-tagħlim temporanji, riabilitazzjoni ta’ skejjel li sofrew ħsarat u l-bini ta’ skejjel.

L-edukazzjoni hija komponent ewlieni fl-approċċ għar-reżiljenza tal-Kummissjoni 34 , minħabba li jgħin fil-bini ta’ reżiljenza individwali u soċjetali. L-edukazzjoni hija bażi tar-reżiljenza individwali, li tiżgura l-benesseri ta’ ġenerazzjonijiet ġodda, tipprovdi l-protezzjoni u trawwem il-benessri soċjali u emozzjonali u l-iżvilupp konjittiv tan-nies affettwati minn emerġenzi u kriżijiet. L-assistenza tal-UE se tippromwovi l-għoti ta’ appoġġ psikosoċjali, bħall-appoġġ għall-għalliema u indokraturi oħra u rotot ta’ riferiment u rispons għat-tfal u ż-żgħażagħ fil-bżonn ta’ servizzi speċjalizzati. Tali azzjonijiet jenħtieġ li jkunu inkorporati f’mekkaniżmi ta’ riferiment u f'rispons nazzjonali u eżistenti.

Sabiex tindirizza u taħdem biex teqred l-attakki fuq l-edukazzjoni, il-Kummissjoni tirrikonoxxi u tappoġġja l-ħidma tal-Koalizzjoni Globali għall-Ħarsien tal-Edukazzjoni mill-Attakki u se tappoġġja inizjattivi għall-promozzjoni u l-introduzzjoni tad-Dikjarazzjoni dwar l-Iskejjel Sikuri 35 . Jenħtieġ li l-iskejjel ikunu żoni sikuri, kif protetti taħt il-Liġi Umanitarja Internazzjonali.

Eżempji ta’ prattika tajba:

L-UE appoġġjat il-proġett Skejjel bħala Żoni ta’ Paċi fir-Repubblika Demokratika tal-Kongo. Il-proġett jimmira li jiżgura l-protezzjoni tal-bniet u s-subien fl-iskejjel, jevita l-interruzzjonijiet fl-edukazzjoni minħabba f’kunflitt armat u jiżgura li t-tfal kollha jirnexxu u jiġu mgħallma f’atmosfera ħielsa mill-interferenza, mill-vjolenza u mill-attakki.

Il-Programm Tagħlim Aħjar huwa appoġġjat mill-UE fil-Palestina 36 sabiex jipprovdi appoġġ psikosoċjali lit-tfal li jesperjenzaw ħmir il-lejl matul l-esperjenzi ta’ vjolenza tagħhom. Huwa jikkombina attivitajiet fi gruppi li l-għalliema jistgħu jagħtu ma’ servizzi speċjalizzati għal tfal li jeħtieġu appoġġ addizzjonali.

Sabiex tappoġġja l-edukazzjoni ta’ tfal spostati li jirritornaw lejn il-villaġġi tagħhom fiż-Żoni Tribali Amministrati Federalment tal-Pakistan (FATA), l-UE ħadmet mal-awtoritajiet lokali u ma’ aġenziji oħrajn sabiex “tibni mill-ġdid aħjar” fuq terminu twil. Spazji tat-tagħlim sikuri, protettivi u li jilqgħu kemm lin-nisa kif ukoll lill-irġiel ġew ipprovduti lil 45 000 tifel u tifla. Attivitajiet ta’ bini tal-paċi, ħiliet vokazzjonali, programmi ta’ apprendistat ġew ipprovduti liż-żgħażagħ. Dawn l-azzjonijiet jiffurmaw parti minn pjan ta’ edukazzjoni tal-gvern lokali fuq għaxar snin li qed jiġi żviluppat mill-amministrazzjoni reġjonali, b’appoġġ mill-UE.

Azzjonijiet ewlenin għall-appoġġ u t-tisħiħ tal-edukazzjoni għall-paċi u l-protezzjoni:

·Ippromwovi u implimenta l-prinċipji u l-linji gwida ta’ Edukazzjoni Sensittiva għall-Kunflitt, bħal li tiżgura li t-tagħlim irawwem ir-rispett għad-diversità, it-tolleranza u ċittadinanza attiva u responsabbli, permezz ta’ tagħlim għall-għalliema, l-iżvilupp ta’ kurrikulu u l-iżvilupp professjonali tal-għalliema;

·Saħħaħ is-sistemi tal-edukazzjoni biex tħejji u twieġeb għal diżastri, bħal permezz tal-Qafas Komprensiv tas-Sigurtà tal-Iskejjel 37 ;

·Appoġġja l-azzjonijiet għall-prevenzjoni u r-rispons għall-vjolenza, inkluż vjolenza sesswali u sessista relatata mal-iskejjel, permezz tat-tisħiħ ta’ oqfsa għas-salvagwardja tat-tfal;

·Appoġġja approċċi innovattivi għat-titjib tar-reżiljenza personali tat-tfal u taż-żgħażagħ affettwati minn emerġenzi u kriżijiet fit-tul, inkluż permezz ta’ azzjonijiet li jinkorporaw appoġġ psikosoċjali u interventi tat-tagħlim soċjali u emozzjonali;

·Appoġġja permezz tal-kanali kollha disponibbli għall-UE it-tmiem tal-attakki fuq l-edukazzjoni u appoġġja b’mod attiv inizjattivi u proġetti li jfittxu li jipproteġu l-edukazzjoni mill-attakki;

·Appoġġja azzjonijiet li jilħqu lil hinn mill-fruntieri tal-iskola u jippromwovu l-komunità usa’ u l-ingaġġ tal-indokraturi fl-edukazzjoni u fil-protezzjoni f’emerġenzi u fi kriżijiet fit-tul.

2.4. L-appoġġ tal-edukazzjoni ta’ kwalità għal eżiti ta’ tagħlim aħjar

L-assistenza tal-UE għall-edukazzjoni hija msejsa fuq il-premessa li s-sistemi tal-edukazzjoni jenħtieġ li jkunu ta’ kwalità tajba, sabiex jippermettu lit-tfal u liż-żgħażagħ biex jirnexxu fit-tagħlim tagħhom 38 . L-impenji tal-UE għal kurrikuli rilevanti, għalliema u prinċipali mħarrġa, materjali tat-tagħlim xierqa u d-disponibbiltà ta’ infrastruttura tal-iskola xierqa jibqgħu strumentali għall-assistenza f’emerġenzi u kriżijiet fit-tul 39 .

F’kuntesti ta’ kriżi, partikolarment f’pajjiż b’introjtu baxx, id-disponibbiltà ta’ għalliema kkwalifikati u mħarrġa spiss tkun nieqsa. L-għalliema jista’ jkun li ma jkollhomx il-ħiliet lingwistiċi jew pedagoġiċi biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-istudenti. Huma, u persunal ieħor tal-edukazzjoni, jistgħu huma nfushom ikunu esperjenzaw trawma u jeħtieġu appoġġ. Għalliema spostati jista' ma jkollhomx id-dokumentazzjoni biex jgħallmu fil-komunità ospitanti tagħhom. L-UE se tappoġġja politiki u azzjonijiet li jiżguraw id-disponibbiltà ta’ forza tax-xogħol tat-tagħlim imħarrġa.

L-UE se tappoġġja miżuri speċjali, bħall-appoġġ tranżitorju u ta’ żamma, sabiex tegħleb l-isfidi li l-istudenti jistgħu jesperjenzaw meta jintegraw f’sistema tal-edukazzjoni. Hemm bżonn ta’ rispons imfassal apposta għal kull livell ta’ edukazzjoni, ibbażat fuq l-età, is-sess u l-isfond edukattiv tal-istudenti. Dan jista’ jinkludi forom ta’ edukazzjoni mhux formali u alternattivi u jqis il-ħtiġijiet differenti f’kull livell ta’ edukazzjoni.

L-integrazzjoni ta’ tfal u żgħażagħ spostati b’mod sfurzat fis-sistemi tal-edukazzjoni nazzjonali titlob iż-żamma ta’ rabtiet essenzjali bejn il-lingwa, l-identità u l-kultura. L-għarfien espert tal-UE fil-politiki tal-lingwa, kif muri madwar l-UE, se jiġi sfruttat permezz tad-djalogu ta’ politika u l-assistenza. Dan se jappoġġja l-promozzjoni ta’ politiki tal-lingwa progressivi u bbażati fuq l-evidenza relatati mal-użu tal-lingwa materna u lingwi addizzjonali.

Billi tiġi rikonoxxuta n-natura dejjem aktar fit-tul tal-ispostament, u li l-popolazzjonijiet spostati aktarx jesperjenzaw spostamenti multipli, il-mobbiltà u l-akkreditament bejn is-sistemi tal-edukazzjoni u fihom jeħtieġ li jiġu mtejba 40 . In-nuqqas ta’ dokumentazzjoni ma għandux jifforma ostaklu għall-aċċess f’waqtu għall-edukazzjoni mal-wasla għal tfal u żgħażagħ spostati, filwaqt li jeħtieġ li jiġu stabbiliti protokolli sabiex jiġi żgurat li d-dritt għall-edukazzjoni jieħu preċedenza fuq kwalunkwe sistema ta’ akkreditament. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-aċċess għall-edukazzjoni bażika ma jiġix miċħud abbażi ta’ eżamijiet 41 . Minflok, jenħtieġ li jintużaw mekkaniżmi ta’ valutazzjoni xierqa sabiex jiġi identifikat kif l-aċċess u l-appoġġ jistgħu jiġu mtejba u sabiex il-politika tiġi informata. Bl-istess mod, iż-żgħażagħ jeħtieġ li jkunu jistgħu jagħmlu l-eżamijiet u jiksbu ċ-ċertifikazzjoni li normalment tkun il-bażi għal opportunitajiet tal-edukazzjoni ulterjuri u għall-impjieg.

L-UE impenjat ruħha għal edukazzjoni primarja u sekondarja ta’ kwalità inklużiva u ekwa, u tifhem li l-ħiliet fundamentali bħall-ħiliet tal-litteriżmu u tan-numeriżmu bażiċi, huma elementi kostitwenti essenzjali għal edukazzjoni ulterjuri.  42  

L-UE tirrikonoxxi wkoll l-importanza tal-Edukazzjoni u t-Taħriġ Tekniċi u Vokazzjonali relatati mas-suq tax-xogħol u l-edukazzjoni għolja 43 . It-taħriġ tal-impjegabbiltà u l-iżvilupp tal-ħiliet fi kriżijiet jeħtieġ li jqisu l-pressjonijiet ekonomiċi u soċjali fuq l-istudenti, bħat-tħaddim tat-tfal, il-moviment ristrett u n-normi tas-sessi. L-impenji tal-UE għall-iżvilupp tal-ħiliet, u għall-promozzjoni tal-impjegabbiltà, il-ħidma diċenti u l-għajxien, jenfasizzaw il-ħtieġa li jiġu żgurati opportunitajiet ekwi għat-tfajliet kif ukoll għall-ġuvintur, u għal gruppi żvantaġġati oħrajn.

L-UE se tkompli tappoġġja sħubiji ta’ riċerka u tagħlim iddedikati sabiex issaħħaħ il-bażi ta’ evidenza tas-settur. F’dan il-kuntest, jenħtieġ li jiġu mfittxija sinerġija mal-Programm Qafas tal-UE għar-riċerka u l-innovazzjoni bil-għan li jiġu indirizzati b’mod effettiv l-isfidi tal-edukazzjoni f’emerġenzi u f’sitwazzjonijiet ta’ kriżi fl-azzjoni esterna tal-UE.

Eżempji ta’ prattika tajba:

Fl-Iraq, l-UE appoġġjat ir-riforma tas-sistema tat-Taħriġ u tal-Edukazzjoni Teknika u Vokazzjonali sabiex iżżid il-kompetittività u rilevanza tagħha f’konformità mal-istandards internazzjonali.

Fl-2018, l-UE nediet l-inizjattiva “Nibnu r-Reżiljenza: Opportunitajiet tal-Edukazzjoni f’Ambjenti Fraġli u Affettwati minn Kriżijiet. Din tikkombina r-riċerka u l-programmazzjoni ta’ diversi pajjiżi f’seba’ pajjiżi fl-Afrika mal-finanzjament ta’ madwar EUR 20 miljun fuq 4 snin.

Fil-Kenja, l-UE appoġġjat programmi ta’ taħriġ għal refuġjati Somali sabiex isiru għalliema akkreditati fil-kamp tar-refuġjati ta’ Kakuma. L-għalliema użaw it-teknoloġija tal-informazzjoni sabiex jipparteċipaw fil-kurrikuli ta’ taħriġ tal-għalliema permezz ta’ tagħlim mill-bogħod.

Azzjonijiet ewlenin sabiex tittejjeb il-kwalità tal-edukazzjoni:

·Appoġġja l-inizjattivi sabiex tippermetti ċ-ċertifikazzjoni, il-mobbiltà, l-akkreditament, ir-rikonoxximent u t-tranżizzjoni ta’ tfal u żgħażagħ spostati bejn sistemi tal-edukazzjoni, u azzjonijiet li jiżguraw id-dħul u ż-żamma tat-tfal permezz ta’ diversi rotot tal-edukazzjoni formali u mhux formali;

·Ippromwovi u appoġġja r-riforma fis-sistema tal-edukazzjoni, b’mod partikolari r-riforma fil-kurrikuli, sabiex tadatta għal ħtiġijiet li qegħdin jinbidlu f’emerġenzi u fi kriżijiet fit-tul, bħall-espansjoni u t-tisħiħ tal-forza tax-xogħol tat-tagħlim sabiex tissodisfa l-ħtiġijiet tal-istudenti f’emerġenzi u fi kriżijiet u introduċi programmi ta’ tagħlim aċċellerat għat-tfal li jkunu tilfu snin ta’ edukazzjoni;

·Appoġġja azzjonijiet li jisfruttaw it-teknoloġija tal-informazzjoni u riżorsi edukattivi miftuħa għall-aċċess miftuħ għat-tagħlim diġitali u għall-iskambju virtwali u innovazzjonijiet oħra;

·Appoġġja l-Edukazzjoni u t-Taħriġ Tekniċi u Vokazzjonali marbuta mal-ħiliet u l-għajxien, b’attenzjoni għall-ħtiġijiet speċifiċi tat-tfajliet u l-ġuvintur, inkorporati f’tagħlim prattiku u rilevanti għal opportunitajiet tal-għajxien;

·Appoġġja mekkaniżmi għall-kondiviżjoni, l-aġġornament u l-applikazzjoni ta’ standards 44 rilevanti għall-edukazzjoni f’emerġenzi u fi kriżijiet.

3. Konklużjoni

L-attenzjoni dejjem tikber għall-edukazzjoni f’emerġenzi u fi kriżijiet barra mill-UE f’dawn l-aħħar snin tirrifletti d-daqs dejjem jikber u allarmanti tal-ħtiġijiet u tal-isfidi li jridu jiġu indirizzati. Din il-Komunikazzjoni tipprovdi qafas ta’ politika olistiku u effettiv dwar kif l-UE tista’ tavvanza din l-aġenda u tibni fuq ir-rwol ta’ tmexxija tagħha f’dan id-dominju ta’ politika. Din l-ambizzjoni hija appoġġjata mill-eżempju tat-tfal u taż-żgħażagħ li jegħlbu d-diversità sabiex ikomplu l-edukazzjoni tagħhom.

Il-Kummissjoni, bl-appoġġ tas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) inkluż id-Delegazzjonijiet tal-UE, se tinvolvi lill-Istati Membri b’mod attiv, ma’ pajjiżi oħra, organizzazzjonijiet internazzjonali u atturi tas-settur pubbliku u privat, sabiex tippromwovi u tappoġġja kooperazzjoni u koordinazzjoni aktar effiċjenti u effettiva għal appoġġ aktar rapidu, prevedibbli u sostenibbli għall-edukazzjoni f’emerġenzi u fi kriżijiet fit-tul. B’dan, is-servizzi tal-Kummissjoni u s-SEAE se jippromwovu wkoll l-ilħuq tal-objettivi tal-Kunsens Ewropew għall-Iżvilupp il-ġdid u l-Komunikazzjoni Lejn Ħajja b’Dinjità. Ir-rwol tal-Istati Membri huwa fundamentali f’dan ir-rigward.

Il-Kummissjoni tistieden lill-Parlament Ewropew jieħu nota tal-orjentazzjonijiet tal-politika stabbiliti f’din il-Komunikazzjoni u lill-Kunsill biex japprovahom permezz tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill.

(1)

Żgura edukazzjoni ta’ kwalita inklużiva u ekwa u ppromwovi opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja għal kulħadd.

(2)

  http://www.educationcannotwait.org/

(3)

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, Artikolu 14. ĠU C 326, 26.10.2012, p. 391–407; L-Assemblea Ġenerali tan-NU, il-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal, 20 Nov. 1989, NU, Serje ta’ Trattati, vol. 1577

(4)

Strateġija Globali għall-Politika Barranija u ta’ Sigurtà tal-Unjoni Ewropea ppreżentata mill-HRVP f’Ġunju 2016 https://europa.eu/globalstrategy/sites/globalstrategy/files/pages/files/eugs_review_web_13.pdf

(5)

L-Artikolu 3(3) it-tieni subparagrafu u (5) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jimpenja b’mod definit lill-UE biex tippromwovi l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal fl-azzjoni interna u esterna tal-UE.

(6)

Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istabbiliment ta’ Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, COM(2017) 250

(7)

Il-linji gwida tal-UE dwar il-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, adottati mill-Kunsill fl-2017.

(8)

COM(2008) 55 u l-Linji Gwida tal-UE għall-Promozzjoni u l-Protezzjoni tad-Drittijiet tat-Tfal, adottati mill-Kunsill fl-2017.

(9)

COM (2017) 211 Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill: Il-Protezzjoni tat-Tfal Migranti

(10)

Ir-Rapport tal-UNESCO dwar il-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni Globali (2016) Aid to education stagnates, jeopardising global targets u r-Rapport tal-UNESCO dwar il-Monitoraġġ tal-Edukazzjoni Globali (2017) Accountability in Education: meeting our commitments

(11)

L-UE, permezz tal-assistenza għall-iżvilupp tagħha, wegħdet EUR 475 miljun għall-Isħubija Globali għall-Edukazzjoni u tikkontribwixxi EUR 16-il miljun lill-Education Cannot Wait fil-perjodu bejn l-2018 u l-2020, u, permezz tal-assistenza umanitarja tagħha, EUR 1 miljun lill-Cluster tal-Edukazzjoni Globali fl-2018-2019.

(12)

Ara t-Taqsima 3.2 għall-prijoritizzazzjoni ta’ dawk l-aktar fil-bżonn.

(13)

Implimenta l-impenji tal-UE fil-Komunikazzjoni “Lejn Ħajja b’Dinjità: minn Dipendenza fuq l-Għajnuna għal Ħajja Indipendenti” (COM(2016) 234) u l-Kunsens Ewropew Ġdid dwar l-Iżvilupp ĠU C 210, 30.6.2017, p. 1–24.

(14)

Allinjata mar-rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1–5: Tagħlim formali jsir f’ambjent organizzat u strutturat, iddedikat speċifikament għat-tagħlim u tipikament iwassal għall-għoti ta’ kwalifika, ġeneralment f’forma ta’ ċertifikat jew diploma; Tagħlim mhux formali jsir permezz ta’ attivitajiet ippjanati, fejn ikun hemm forma ta’ appoġġ għat-tagħlim, jista’ jkopri programmi li jrawmu l-ħiliet tax-xogħol, il-litteriżmu fost l-adulti u l-edukazzjoni bażika għal min jitlaq kmieni mill-iskola.

(15)

Ir-Rapport dwar l-Iżvilupp Dinji tal-Grupp tal-Bank Dinji (2017): Learning to Realise Education’s Promise. Tfal li jgħixu fl-aktar kuntesti fraġli jiffurmaw madwar 20 % tal-popolazzjoni tat-tfal tal-età tal-iskola primarja tad-dinja, iżda minkejja dan jikkostitwixxu madwar 50 % ta’ dawk li ma jattendux skola, żieda minn 42 % fl-2008.

(16)

L-Istitut għall-Iżvilupp Barrani (2016) “A common platform for education in emergencies and protracted crises: Evidence paper.” ODI, Londra

(17)

UNHCR Global Trends: Forced Displacement in 2016

(18)

UNICEF (2017) Education Uprooted: For every migrant, refugee and displaced child, education.

(19)

Il-Koalizzjoni Globali għall-Protezzjoni tal-Edukazzjoni mill-Attakki. Ir-Rapport Education Under Attack 2018.

(20)

Burde et al (2015) What works to promote children’s educational access, quality of learning and wellbeing in crisis-affected contexts.

(21)

UNESCO (2011) Education for All Global Monitoring Report, The hidden crisis: Armed conflict and education

(22)

Nicolai et al (2015) Education in emergencies and protracted crises towards a strengthen response: Background paper for the Oslo Summit on education for development.

(23)

Taqbeż il-livell ta’ rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali dwar il-Finanzjament tal-Opportunità tal-Edukazzjoni Globali (Ir-rapport The Learning Generation, 2016).

(24)

L-inizjattiva Grand Bargain, li tnediet fis-Summit Umanitarju Dinji fl-2016, tinkludi serje ta’ bidliet fil-prattiki tax-xogħol tad-donaturi u tal-organizzazzjonijiet tal-għajnuna, inkluż it-tħejjija ta’ programmazzjoni tal-flus, finanzjament akbar għal interventi nazzjonali u lokali u t-tnaqqis tal-burokrazija permezz ta’ rekwiżiti ta’ rapportar armonizzati.

(25)

Il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din il-Komunikazzjoni huwa limitat għall-azzjoni barra mill-UE.

(26)

F’oqsma appoġġjati mhux governattivi, l-awtoritajiet lokali jew il-fornituri ta’ servizzi alternattivi, is-sistemi ta’ koordinazzjoni umanitarji/tal-iżvilupp jew oħrajn jistgħu jitqiesu bħala parti mis-sistema li għandha tissaħħaħ. Fil-każ li gvern ikun responsabbli għal attakki fuq studenti jew iċ-ċaħda tad-drittijiet tal-edukazzjoni ta’ gruppi emarġinati, jistgħu jintalbu alternattivi.

(27)

COM (2016) 234. Impenji għall-enfasi tal-edukazzjoni fuq: il-koordinazzjoni u l-approċċ nexus; ir-rwol potenzjali ta’ għalliema spostati; l-appoġġ għall-funzjonament tajjeb ta’ servizzi tal-edukazzjoni pubblika; l-użu ta’ avvanzi teknoloġiċi u l-iffaċilitar tal-aċċess għall-edukazzjoni għolja għal studenti spostati.

(28)

Il-Kunsens Ewropew ġdid dwar l-Iżvilupp ĠU C 210, 30.6.2017 u l-COM(2016) 234 Lejn Ħajja b’Dinjità: minn Dipendenza fuq l-għajnuna għal Ħajja indipendenti

(29)

UNHCR Global Trends: Forced Displacement in 2016

(30)

Din il-mira hija konformi mal-ambizzjonijiet fid-Dikjarazzjoni ta’ New York għar-Refuġjati u l-Migranti, 2017

(31)

Il-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi ta’ bejn l-2016 u l-2020, il-konklużjonijiet tal-Kunsill (26 ta’ Ottubru 2015), 13201/15

(32)

In-netwerk tal-Interaġenziji dwar l-Edukazzjoni fl-Emerġenzi. Nota ta’ Gwida dwar l-Edukazzjoni Sensittiva għall-Kunflitti. 2013.

(33)

COM (2014) 216 Il-Qafas ta’ Hyogo għal Azzjoni wara l-2015: Il-Ġestjoni tar-riskji biex tinkiseb reżiljenza

(34)

COM (2017) 21 u COM (2011) 637. L-UE timpenja ruħha li ssaħħaħ l-appoġġ għal edukazzjoni ta’ kwalità biex tagħti liż-żgħażagħ l-għarfien u l-ħiliet li jkunu membri attivi ta’ soċjetà li qed tevolvi. Il-Kunsens Ewropew dwar l-Iżvilupp il-ġdid jimpenja lill-UE u lill-Istati Membri tagħha sabiex japplikaw l-approċċ nexus, biex b’mod attiv jibnu reżiljenza soċjetali u tal-istat, tal-komunità u individwali. Din hija marbuta mal-prevenzjoni u mal-indirizzar ta’ kriżijiet, it-tnaqqis ta’ vulnerabbilitajiet kroniċi u l-bini ta’ awtoreżiljenza, u reżiljenza soċjetali u tal-istat.

(35)

Id-Dikjarazzjoni dwar l-Iskejjel Sikuri (2015) tipprovdi lill-Istati bl-opportunità li jesprimu appoġġ politiku wiesa' għall-protezzjoni u l-kontinwazzjoni tal-edukazzjoni f’kunflitt armat, u hija l-istrument għall-istati biex japprovaw u jimpenjaw ruħhom biex jimplimentaw il-Linji Gwida għall-Ħarsien tal-Iskejjel u l-Universitajiet minn Użu Militarju matul Kunflitt Armat.

(36)

Din id-deżinjazzjoni ma għandhiex tiġi interpretata bħala rikonoxximent ta’ Stat tal-Palestina u hija mingħajr preġudizzju għall-pożizzjonijiet individwali tal-Istati Membri fuq din il-kwistjoni.

(37)

L-Uffiċċju tan-Nazzjonijiet Uniti għat-Tnaqqis tar-Riskju tad-Diżastri u l-Alleanza Globali għat-Tnaqqis tar-Riskju ta’ Diżastri u r-Reżiljenza fis-Settur tal-Edukazzjoni (2017) Il-Qafas Komprensiv għas-Sigurtà fl-Iskejjel.

(38)

COM(2002) 116 Komunikazzjoni dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-kuntest tat-tnaqqis tal-faqar f’pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp

(39)

Ibid.

(40)

Jista’ jiġi applikat tagħlim mill-Pjan ta’ Azzjoni dwar l-Integrazzjoni ta’ Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi tal-Kummissjoni Ewropea, fejn il-Kummissjoni tkun tat prijorità lill-appoġġ għal valutazzjoni bikrija, lid-dokumentazzjoni u r-rikonoxximent ta’ ħiliet u kwalifiki akkademiċi u professjonali.

(41)

Dan jirreferi għal eżamijiet għal kwalunkwe test/eżami li huwa assoċjat mal-konsegwenzi għall-parteċipant (eżamijiet ta’ riskju għoli), bħal eżami ta’ dħul.

(42)

COM(2002) 116 Komunikazzjoni dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ fil-kuntest tat-tnaqqis tal-faqar f’pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp

(43)

Ibid.

(44)

 Bħall-Istandards Minimi għall-Edukazzjoni tan-Network tal-Interaġenziji għall-Edukazzjoni f’Emerġenzi: it-Tħejjija, ir-Rispons, l-Irkupru. 2010