IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.5.2018
COM(2018) 297 final
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI
Rapport mill-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG)
{SWD(2018) 192 final}
IL-KUMMISSJONI EWROPEA
Brussell, 16.5.2018
COM(2018) 297 final
RAPPORT MILL-KUMMISSJONI
Rapport mill-Kummissjoni dwar l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG)
{SWD(2018) 192 final}
Kuntest
Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG) twaqqaf 10 snin ilu bl-għan li juri solidarjetà, kif ukoll bħala mezz ta' appoġġ, mal-ħaddiema li ngħataw is-sensja kawża tal-bidliet kbar strutturali fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni. Il-kamp ta’ applikazzjoni stabbilit inizjalment fir-Regolament (KE) Nru 1927/2006 ġie estiż fl-2009 bir-Regolament (KE) Nru 546/2009 sabiex jinkludi wkoll is-sensji li jirriżultaw mill-kriżi ekonomika u finanzjarja globali. Il-FEG jikkonfinanzja miżuri implimentati mill-Istati Membri sabiex jgħinu lill-ħaddiema ssensjati jintegraw ruħhom lura fis-suq tax-xogħol meta t-tkeċċija tagħhom ikun kellha impatt sinifikanti fuq l-ekonomija, speċjalment fuq il-livelli ta' impjieg f'reġjun jew f'settur. Klawżola ta' deroga fl-Artikolu 6(2) tar-Regolament attwali (UE) Nru 1309/2013 1 (minn hawn 'il quddiem "ir-Regolament dwar il-FEG") tippermetti lill-Istati Membri li jiffaċċjaw rati għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ sabiex jinkludu liż-żgħażagħ "barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET)" fl-applikazzjonijiet tal-FEG sal-aħħar tal-2017 2 .
Kamp ta' applikazzjoni tal-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu
F'konformità mal-Artikolu 20 tar-Regolament dwar il-FEG, il-Kummissjoni għamlet din l-evalwazzjoni ta’ nofs it-terminu biex tivvaluta kif u sa liema punt il-FEG jilħaq l-objettivi tiegħu.
L-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tkopri d-29 każ kollha tal-FEG sottomessi fl-2014 u fl-2015 3 . Il-każijiet, li jikkonċernaw 10 Stati Membri different, ikopru 21 settur ekonomiku, bl-akbar numru ta' applikazzjonijiet għall-FEG f'dan il-perjodu ta' żmien ġejjin mis-settur awtomobilistiku (erba' każijiet) u mis-settur tal-bejgħ bl-imnut (tliet każijiet). In-numru ta' applikazzjonijiet għall-FEG naqas minħabba l-irkupru ekonomiku, u b'hekk naqset ukoll id-data disponibbli għall-analiżi.
Ġew ivvalutati l-effikaċja, is-sostenibbiltà, l-effiċjenza, il-koerenza, ir-rilevanza u l-valur miżjud għall-UE tar-riżultati miksuba. Dan imur lil hinn mir-rekwiżiti ta' valutazzjoni tal-effikaċja u s-sostenibbiltà stipulati fir-Regolament dwar il-FEG, li jippermetti li ssir valutazzjoni komprensiva fil-livelli tal-istrumenti u tal-każijiet 4 .
L-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu hija ppreżentata fil-forma ta' Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni (SWD). Id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni tal-evalwazzjoni huwa bbażat primarjament fuq l-istudju ta' evalwazzjoni ta' kuntrattur estern li ġie aċċettat mid-DĠ EMPL f'Diċembru 2016. Aktar evidenza għall-SWD inġabret u ġiet analizzata minn rapporti u evalwazzjonijiet preċedenti u mill-esperjenza ġenerali tal-ġestjoni tal-FEG.
F'konformità mal-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG, dan ir-rapport jiġbor fil-qosor ir-riżultati ewlenin għall-Istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE u għall-imsieħba soċjali. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni se jikkontribwixxu wkoll għall-iżvilupp tat-tfassil u l-orjentazzjoni tal-politika futuri tal-FEG.
Konklużjonijiet Ewlenin
Il-fatt li l-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-FEG saret kmieni kien ifisser li l-informazzjoni u l-esperjenza mill-perjodu kurrenti kienu limitati. Barra minn hekk, it-titjib ekonomiku wassal għal tnaqqis fin-numru ta' applikazzjonijiet għall-FEG u b'hekk l-evidenza disponibbli kompliet tonqos. Ir-riżultati tal-evalwazzjoni għandhom jitqiesu b'kawtela, minħabba r-robustezza limitata tad-data disponibbli, minkejja l-isforzi tal-Kummissjoni biex tevalwa u tikkonsulta bl-aktar mod wiesa' possibbli.
Fir-rigward tat-tagħlimiet meħuda dwar l-organizzazzjoni, tagħlima importanti waqt dan l-eżerċizzju kienet li ż-żmien tal-evalwazzjoni kif stipulat fir-Regolament dwar il-FEG kien kmieni wisq. L-inizjattivi futuri għandhom jitħallew javvanzaw biżżejjed fiċ-ċiklu ta' implimentazzjoni biex tkun tista' tinġabar biżżejjed evidenza u tiġi analizzata u l-evalwazzjonijiet għandhom għalhekk jiġu skedati skont dan.
Rigward l-effikaċja tal-FEG, ir-rata ta' integrazzjoni mill-ġdid tal-ħaddiema ssensjati fis-suq tax-xogħol tjiebet meta mqabbla mal-perjodu tal-finanzjament preċedenti (minn 49 % għal 56 %). Madankollu, l-evidenza tissuġġerixxi li r-rati tal-integrazzjoni mill-ġdid huma speċifiċi ħafna skont il-każ u jiddependu, pereżempju, fuq il-qagħda ekonomika speċifika fiż-żona inkwistjoni. Għalhekk mhux biss huwa diffiċli li tqabbel ir-rati tal-integrazzjoni mill-ġdid, iżda wkoll li jinstabu komparaturi xierqa ta’ miżuri simili. Sabiex jingħeleb dan l-ostakolu huwa rrakkomandat ħafna li l-Istati Membri jiżviluppaw miri speċifiċi għall-każ.
Il-mobilizzazzjoni tal-assistenza offruta lill-ħaddiema ssensjati tista' tkun iġġustifikata jew billi jintwera li s-sensji seħħew minħabba l-"globalizzazzjoni" jew minħabba l-"kriżi ekonomika u finanzjarja". Madankollu, l-ebda wieħed minn dawn it-termini ma ġie definit fir-Regolament dwar il-FEG. B'mod ġenerali, in-nuqqas ta' definizzjonijiet jista' jinftiehem bħala li joffri ċerta flessibilità, iżda fl-istess ħin joħloq ċerti inċertezzi. Is-sejba ta' evidenza ġusta sabiex każ jiġi ġġustifikat hija sfida kbira u spiss iżżomm lill-Istati Membri milli japplikaw. Dan huwa wkoll dovut għall-fatt li spiss mhuwiex possibbli li jiġi identifikat u iżolat il-fattur deċiżiv li skatta avveniment ta' ristrutturar.
Għalkemm il-każijiet ta' ssensjar taħt il-livell limitu ġenerali ta' 500 ħaddiem issensjati jistgħu jkunu eliġibbli taħt klawżola ta' deroga, l-Istati Membri mhumiex ċerti dwar kif juru li s-sensji aktarx li jkollhom impatt sinifikanti fuq l-ekonomija, speċjalment fil-livelli tal-impjiegi, peress li dan l-impatt ukoll mhuwiex definit aktar mir-Regolament. Jidher li huwa importanti ħafna li l-impatt sinifikanti jiġi definit b'mod aktar ċar, pereżempju billi jiġu żviluppati indikaturi speċifiċi jew skeda ta' punteġġi li tgħin fl-analiżi tal-impatt.
Il-problemi ta' kapaċità amministrattiva u finanzjarja tal-awtoritajiet nazzjonali kemm waqt il-fażijiet tal-applikazzjoni kif ukoll tal-implimentazzjoni huma ostakolu ieħor għall-Istati Membri biex jiddeċiedu dwar il-possibbiltà ta' applikazzjoni. Il-problemi jirrigwardaw l-aktar in-nuqqas ta' disponibbiltà ta' kofinanzjament tal-assistenza mogħtija, u l-insuffiċjenza ta' persunal tal-awtoritjaiet li jittrattaw il-FEG. Dan iseħħ b'mod partikolari meta jkun hemm ftit li xejn esperjenza bl-użu tal-FEG, jew bl-assistenza għar-ristrutturar inġenerali.
Fattur deċiżiv wara l-fatt li l-FEG jintuża inqas mit-13-il Stat Membru li daħlu fl-UE mill-2004 (EU-13) huwa l-istruttura industrijali tal-pajjiżi. It-telf tal-impjiegi minħabba bidla strutturali kkawżata mill-globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ huwa inqas prevalenti fl-EU-13.
Il-miżuri tal-FEG huma offruti apparti l-miżuri nazzjonali regolari u/jew jintensifikawhom. Ma ġewx osservati effetti ta' spostament fil-livell tal-każijiet.
L-għajnuna offruta mill-FEG ma kinitx tkun disponibbli kieku ma kienx hekk. Dan juri l-komplementarjetà u l-addizzjonalità tal-miżuri tal-FEG.
L-assistenza tal-FEG tneħħi wkoll l-ostakoli għall-parteċipazzjoni fil-miżuri nazzjonali jew tal-FEG, billi toffri servizzi addizzjonali bħall-assistenza għall-ivvjaġġar jew faċilitajiet għall-indukrar tat-tfal.
Rigward id-deroga dwar in-NEETs, l-Istati Membri kkonċernati wrew interess kbir fl-użu tagħha, ħlief għal Spanja. Madankollu, b'kollox, id-deroga ntużat biss f'disa' każijiet fi tliet Stati Membri differenti. Madankollu, kull fejn intużat, l-għajnuna ntużat fil-biċċa l-kbira miż-żgħażagħ fil-mira u din l-għajnuna ma kinux jirċevuha b'mod ieħor.
Fi ftit każijiet, l-evalwazzjoni enfasizzat ċerti problemi fl-iżgurar tat-twassil fil-ħin tad-data ta' monitoraġġ. Jekk din id-diffikultà tibqa' tippersisti, il-Kummissjoni jkollha tikkunsidra li tieħu l-miżuri xierqa.
Fuq nota aktar ġenerali, ir-rekwiżiti ta' monitoraġġ limitati stipulati fir-Regolament dwar il-FEG joħolqu problema u ostakolu għal analiżi aktar dettaljata.
Rigward is-sostenibbiltà tar-riżultati, minħabba li ċ-ċiklu ta' implimentazzjoni ma kienx avvanza biżżejjed u l-evalwazzjoni setgħet għalhekk tkopri biss medda ta' sentejn (l-applikazzjonijiet sottomessi fl-2014 u fl-2015) mhemmx data robusta disponibbli. L-impjegabbiltà inġenerali tjiebet minħabba l-aġġornament u t-titjib tal-ħiliet. Fil-livell individwali ġie osservat li l-benefiċjarji żviluppaw awtostima ogħla, li aktarx kienet se tirriżulta f'approċċ aktar proattiv lejn it-tiftix ta' impjieg.
Fuq livell istituzzjonali, l-użu tal-assistenza tal-FEG trawwem l-iżvilupp ta' mekkaniżmu eżekuttiv ġenerali ta' assistenza għar-ristrutturar fl-Istati Membri bi ftit esperjenza fl-indirizzar ta' sensji kollettivi. Fl-Istati Membri li għandhom ħafna esperjenza f'din il-kwistjoni u li għandhom mekkaniżmi eżekuttivi stabbiliti, il-FEG iservi bħala għodda sabiex jittestjaw miżuri innovattivi, li aktar tard jistgħu jiġu inkorporati f'assistenza regolari.
Fir-rigward tal-effiċjenza tal-assistenza mobilizzata, it-tul tal-proċeduri waqt il-proċess deċiżjonali xorta waħda ġie kkritikat minkejja t-tqassir sostanzjali taż-żmien u l-iskadenzi aktar stretti għall-Kummissjoni u għall-Istati Membri. Iż-żmien tal-proċedura ta' applikazzjoni tnaqqas u issa niżel għal madwar 200 jum minn madwar 300 jum fil-perjodu ta' programmazzjoni preċedenti.
F'nofs il-każijiet l-Istati Membri jesprimu opinjoni pożittiva dwar il-gwida li ngħataw mill-Kummissjoni waqt il-fażi tal-applikazzjoni.
Jenħtieġu aktar sforzi biex tiġi żgurata l-koerenza tal-finanzjament. Għalkemm fil-livell tal-każijiet, ma ġiet identifikata ebda koinċidenza ma' finanzjament nazzjonali jew Ewropew ieħor, hemm lok li l-FEG u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE) jiġu allinjati aktar. Il-FEG ġie mfassal biex joffri miżuri li jikkomplementaw strumenti oħrajn bħall-FSE. Approċċ integrat jista' fl-aħjar mod jiġi osservat fl-interazzjoni bejn il-finanzjament nazzjonali u l-FEG. Madankollu, l-Istati Membri attwalment ma jfasslux pakketti ta' investiment tal-kapital uman li fihom ikunu jistgħu jintegraw l-assistenza tal-FEG meta jkunu ffaċċjati b'avvenimenti kbar ta' ristrutturar. Barra minn hekk, il-FEG jista' jkun ikkoordinat aħjar bir-rakkomandazzjonijiet stipulati fil-Qafas ta' Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar (QFR).
Fir-rigward tar-rilevanza tal-finanzjament tal-FEG, hemm indikazzjonijiet li l-FEG huwa strument importanti għall-iżvilupp tal-kapital uman. Il-partijiet ikkonċernati, b'mod partikolari dawk b'esperjenza fit-tqegħid tal-miżuri tal-FEG fil-prattika staqsew jekk il-FEG kienx il-mezz ġust biex tingħata asisstenza lin-NEETs. Sa grad ferm inqas iżda xorta waħda sinifikanti, il-kriterju tal-kriżi ġie meqjus li ma għadux aktar rilevanti. Fid-dawl tal-bidliet fil-mod kif taħdem il-globalizzazzjoni, l-interkonnessjoni dejjem tikber bejn l-ekonomiji mondjali u ż-żieda fl-iżvilupp ta' katini ta' valur mondjali aktarx li jżidu aktar ir-rilevanza tal-kriterju tal-globalizzazzjoni, iżda se jagħmluha aktar diffiċli wkoll li jintwera li s-sensji kienu effettivament ikkawżati mill-globalizzazzjoni. Fid-dawl tad-diffikultajiet biex tiġi pprovduta l-evidenza li ssostni l-applikazzjonijiet, huwa ċar li l-FEG jista' jkun mobilizzat ħafna aktar malajr kieku ma tkunx meħtieġa daqstant dokumentazzjoni. Imbagħad il-FEG jiffunzjona aħjar bħala strument ta' għajnuna ta' emerġenza.
Dan ikun irid jitqies ukoll fid-dawl tal-kamp ta' applikazzjoni tal-FEG li jkopri l-globalizzazzjoni u l-kriżi finanzjarja, iżda l-ebda żvilupp ekonomiku kbir ieħor. Il-ħaddiema li jiġu ssensjati għal raġunijiet oħrajn, pereżempju l-awtomatizzazzjoni, jiffaċċjaw sfidi simili ħafna, u jisbqu lil dawk issensjati minħabba l-globalizzazzjoni. Kieku l-kamp ta’ applikazzjoni kellu jitwessa' biex ikopri kwalunkwe tip ta' avveniment ta' ristrutturar li jikkawża impatt negattiv sinifikanti, il-fond ikun adatt għal kwalunkwe żvilupp. Għaldaqstant, ma jkunx jenħtieġ aktar li jiġi argumentat li dawn l-avvenimenti ta' ristrutturar għandhom ikunu koperti mill-kamp ta' applikazzjoni tal-FEG.
L-evalwazzjoni sabet li l-FEG iġġenera valur miżjud għall-UE. Dan huwa partikolarment minnu f'terminu tal-effetti tal-volum tiegħu, li jfisser li l-assistenza tal-FEG mhux biss iżżid in-numru u l-varjetà ta' servizzi offruti, iżda wkoll il-livell ta' intensità tagħhom. Barra minn hekk, l-interventi tal-FEG għandhom viżibilità għolja u juru l-valur miżjud tal-UE tal-intervent direttament lill-pubbliku ġenerali.
Implikazzjoni għat-tfassil tal-politiki futuri
L-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu turi li l-FEG qed jikseb l-għanijiet tiegħu li jikkontribwixxi għall-prijorità tat-tkabbir inklużiv tal-Istrateġija Ewropa 2020. Dan jinkiseb billi tintwera solidarjetà mal-ħaddiema ssensjati, u jingħatalhom appoġġ, minħabba l-globalizzazzjoni u l-kriżi ekonomika u finanzjarja. Hemm fehim komuni u evidenza sostanzjata li din l-għajnuna hija utli, u jekk il-FEG ma kienx jeżisti din l-għajnuna ma kinitx tkun offruta mod ieħor.
Madankollu, jenħtieġ titjib fid-disinn tal-FEG. Ħafna sfidi jistgħu jiġu indirizzati fil-futur, speċjalment fid-dawl tad-dibattiti ta' wara l-2020.
Dwar il-kamp ta' applikazzjoni
L-evidenza li nġabret waqt il-konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati li saru matul il-ħidma tal-evalwazzjoni turi li d-disinn tal-FEG jenħtieġ reviżjoni jew aktar definizzjoni, bħal pereżempju l-kamp ta’ applikazzjoni eżatt tiegħu u l-kriterji li jiskattaw l-użu tiegħu. F'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-avvenimenti ta' ristrutturar irid ikollhom impatt sinifikanti fqu l-ekonomija u s-suq tax-xogħol sabiex tiġi ġġustifikata l-mobilizzazzjoni tal-assistenza tal-FEG. Madankollu, il-kunċett ta' "impatt sinifikanti" mhuwiex definit b'mod ċar. Fil-każ, b'mod speċjali, ta' sensji iżgħar taħt il-livell limitu tas-soltu ta' 500 ħaddiem issensjat, f'żoni rurali, dawn jistgħu tabilħaqq ikunu eliġibbli taħt, pereżempju, il-klawżola ta' deroga speċifikata fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament dwar il-FEG iżda l-Istati Membri mhumiex ċerti dwar kif jagħtu prova tal-impatt sinifikanti. Jidher li huwa importanti li jiġi definit indikatur ċar relatat mal-impjiegi u mal-effetti soċjali. Dan jimporta b'mod speċjali hekk kif il-katini tal-valur isiru aktar integrati u inqas lokalizzati, u peress li l-SMEs jiffurmaw l-akbar sehem ta' negozju f'bosta Stati Membri.
It-termini globalizzazzjoni u kriżi mhumiex definiti b'mod ċar lanqas, u l-Istati Membri spiss ikunu ambigwi taħt liema kriterju għandhom jissottomettu l-applikazzjoni. L-identifikazzjoni ta' xiex effettivament ikun skatta avveniment ta' ssensjar biex wieħed jara jekk l-avveniment jistax jikkwalifika bħala applikazzjoni potenzjali, u li dan jiġi ppruvat f'applikazzjoni, huwa meqjus regolarment bħala wieħed mill-ostakoli ewlenin biex Stat Membru japplika. Fid-dawl ta' dawn id-diffikultajiet, u meta wieħed iqis li aktar impjiegi jintilfu minħabba bidla teknoloġika (f'dawk il-każijiet il-ħaddiema ssensjati jiffaċċjaw l-istess sfidi bħal dawk issensjati minħabba l-globalizzazzjoni, peress li l-ħiliet tagħhom isiru antikwati jew skaduti), soluzzjoni possibbli tista' tkun li fil-kamp ta' applikazzjoni tiegħu jiġu inklużi l-avvenimenti ta' ssensjar kollha fuq skala kbira li jikkawżaw impatt sinifikanti. Dan iwassal għal użu aktar bilanċjat tal-FEG, li jestendi l-potenzjal tiegħu għall-Istati Membri tal-EU-13. Dan inaqqas il-piż tal-għoti ta' evidenza għal applikazzjoni biex jiġi ppruvat li l-impjiegi mitlufa kienu kawża tal-globalizzazzjoni. Minħabba li dan huwa wkoll wieħed miż-żewġ passi li jieħdu l-aktar ħin fil-fażi tal-applikazzjoni, din is-simplifikazzjoni tħaffef il-mobilizzazzjoni tal-assistenza tal-FEG bi ftit ġimgħat. Dan joffri wkoll aktar possibbiltajiet għal Stati Membri iżgħar li japplikaw għall-assistenza.
Dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar
Sabiex tiġi analizzata aktar l-effikaċja tal-FEG, l-Istati Membri għandhom ikunu meħtieġa jiġbru data ta' monitoraġġ aktar dettaljata, speċjalment dwar il-kategorija ta' ħaddiema (sfond professjonali u edukattiv), l-istatus tal-impjieg tgħhom u t-tip ta' impjieg misjub.
Il-kapaċità għall-applikazzjoni u l-implimentazzjoni tal-każijiet tal-FEG
Ir-raġuni ewlenija li żżomm lill-Istati Membri li setgħu kellhom każ potenzjali tal-FEG milli japplikaw hija l-problema ta' kapaċità finanzjarja u istituzzjonali. Minn naħa, jista' jkun sempliċi nuqqas ta' ħaddiema – attwalment l-Istati Membri jistgħu jitolbu Assistenza Teknika biss jekk jimplimentaw każ tal-FEG. Billi s-sensji jistgħu jseħħu għal għarrieda, ikun importanti li l-Istati Membri jkunu lesti li jirreaġixxu immedjatament u jistgħu jissottomettu applikazzjoni mingħajr ebda dewmien. Barra minn hekk, f'ċerti Stati Membri, jidher li jenħtieġu sforzi aktar profondi ta' bini tal-kapaċità istituzzjonali sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni effettiva u effiċjenti ta' każijiet tal-FEG. Għaldaqstant, baġit permanenti għal Assistenza Teknika jista' jgħin biex jiġi żgurat il-bini kostanti tal-kapaċità fl-Istati Membri. Dan huwa l-każ fil-Greċja, pereżempju, fejn l-awtoritajiet huma ffaċċjati bl-isfida ta' implimentazzjoni ta' diversi każijiet tal-FEG, mingħajr ma jistgħu jibnu fuq esperjenza kbira fl-għajnuna għar-ristrutturar.
Miżuri ta' appoġġ
Jidher li huwa meħtieġ li l-assistenza tal-FEG tiġi inkorporata aktar mill-qrib fil-Qafas ta' Kwalità tal-UE għall-antiċipazzjoni tal-bidla u r-ristrutturar (QFR) u li jiġi mfassal approċċ aktar ikkoordinat kemm għall-miżuri preventivi b'antiċipazzjoni ta' avvenimenti ta' ristrutturar kbar, kif ukoll ta' miżuri reattivi ta' darba bħal dawk attwalment kofinanzjati mill-FEG. Dan jista' jfisser it-twessigħ tal-firxa ta' attività tal-FEG, jew approċċ ikkoordinat aktar mill-qrib ma' strumenti oħrajn tal-UE bħall-FSE. Għalkemm id-disinn tal-istrument juri komplementarjetà ċara tal-fondi, l-Istati Membri jistgħu jinkorporaw aħjar l-assistenza tal-FEG f'pakkett komprensiv ta' għajnuna għar-ristrutturar. It-tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol jeħtieġu investimenti intensivi fil-kapital uman, kemm fil-forma ta' miżuri antiċipattivi proattivi kif ukoll ta' miżuri reattivi.
Il-klawżola ta' deroga dwar in-NEETs
Il-qgħad fost iż-żgħażagħ se jibqa' sfida kbira. L-esperjenza turi li jekk l-assistenza tal-FEG tiġi offruta lin-NEETs, din tintuża fil-parti l-kbira minnha. Madankollu, wieħed għandu jaħseb dwar jekk il-FEG huwiex il-mezz ġust biex tingħata din l-għajnuna jew jekk kanali oħrajn joffrux aktar possibbiltajiet li jintlaħqu ż-żgħażagħ ikkonċernati. Jista' jitqies li mhuwiex ġust li tingħata għajnuna biss lin-NEETs f'reġjuni affettwati minn avveniment ta' ristrutturar kollettiv ikkawżat mill-globalizzazzjoni jew mill-kriżi finanzjarja, iżda mhux lil dawk f'reġjuni affettwati mill-awtomatizzazzjoni.
Implikazzjonijiet politiċi
Fil- White Paper dwar il-Ġejjieni tal-Ewropa , il-Kummissjoni tesprimi tħassib rigward il-movimenti ta' isolazzjoni, tħassib akbar dwar il-benefiċċji tal-kummerċ miftuħ u l-ekonomija soċjali tas-suq tal-UE inġenerali.
Fid- Dokument ta’ riflessjoni dwar l-isfruttar tal-globalizzazzjoni , il-Kummissjoni tidentifika t-taħlita ta' globalizzazzjoni relatata mal-kummerċ u tibdil teknoloġiku bħala l-ixprunaturi ewlenin għaż-żieda fid-domanda għal ħiliet speċjalizzati u għat-tnaqqis fl-għadd ta’ impjiegi għal dawk b’livell aktar baxx ta’ kwalifiki. Minkejja l-vantaġġi kbar ġenerali ta' kummerċ aktar miftuħ u aktar integrazzjoni tal-ekonomiji dinjija, dawn l-effetti negattivi jenħtieġ li jiġu indirizzati. Peress li l-benefiċċji attwali tal-globalizzazzjoni diġà mhumiex imqassma b'mod ugwali fost in-nies u r-reġjuni, li jikkawża impatt sinifikanti fuq dawk li huma affettwali ħażin, hemm il-periklu li l-avvanzi teknoloġiċi li qed jevolvu b'ritmu rapidu se jħeġġu aktar dawn l-effetti. Biex dan id-distakk ma jkomplix jikber, l-Ewropa se jkollha tgħin lill-ħaddiema jiksbu l-ħiliet meħtieġa. Bil-ħsieb speċifiku għall-FEG, id-Dokument ta' Riflessjoni jargumenta li għandu jiġi kkunsidrat li l-istrument isir aktar operattiv, sabiex jiġi żgurat użu aktar mgħaġġel f'każ ta' avveniment ta' ristrutturar kbir. Se tkun meħtieġa aktar flessibbiltà biex ikun jista' jappoġġja firxa usa' ta' azzjonijiet ta' żvilupp ekonomiku mill-attenzjoni attwali fuq il-ħaddiema affettwati. Jenħtieġ li jitnaqqas id-distakk bejn il-miżuri ta' terminu qasir u l-istrateġiji ta' konverżjoni fit-tul appoġġjati mill-politika ta' koeżjoni.
Il-Kummissjoni nediet il- Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali li jqis il-bidla fir-realtajiet tal-ambjent tax-xogħol. B'mod aktar speċifiku, il-Pilastru jissuġġerixxi prinċipju relatat mal-attivazzjoni u l-iffaċilitar ta' tranżizzjonijiet fis-suq tax-xogħol: Kulħadd għandu d-dritt għal assistenza f'waqtha u mfassla apposta biex jittejbu l-opportunitajiet ta' impjieg jew il-prospetti ta' impjieg indipendenti. Dan jinkludi d-dritt li wieħed jirċievi appoġġ għal tfittxija, taħriġ u kwalifikazzjoni mill-ġdid ta' xogħol. Kulħadd għandu d-dritt li jittrasferixxi l-protezzjoni soċjali u l-intitolamenti ta' taħriġ matul tranżizzjonijiet professjonali. Il-FEG joffri strument importanti u viżibbli fil-livell tal-UE fejn dan il-prinċipju jista' jitqiegħed fil-prattika f'każ ta' avvenimenti kbar ta' ristrutturar. Il-FEG juri li huwa għodda utli għall-indirizzar tal-effetti avversi tal-globalizzazzjoni, u l-viżibilità għolja tiegħu tista' tgħin biex jonqos it-tħassib dwar l-ekonomija soċjali tas-suq tal-UE.
L-evalwazzjoni ta' nofs it-terminu wriet li l-FEG qed joħloq valur miżjud għall-UE billi joffri assistenza lill-ħaddiema ssensjati f'avvenimenti kbar ta' ristrutturar. Għaldaqstant il-Kummissjoni hija ħerqana biex tkompli tiddiskuti l-assistenza attwalment mogħtija mill-FEG mal-Parlament Ewropew u mal-Kunsill u mal-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha. Il-FEG huwa meqjus bħala parti essenzjali mill-pakkett ta' miżuri ta' investiment ta' kapital uman offrut. Il-Kummissjoni qed tikkunsidra li tkompli tiżviluppa l-FEG sabiex tkun lesta għall-isfidi tal-perjodu ta' wara l-2020.
Bħalissa qed tiġi eżaminata estensjoni tal-klawżola ta' deroga.
Id-data dwar il-każijiet sottomessi fl-2016 hija disponibbli fir-Rapport Biennali dwar il-FEG, COM(2017)636 final .
L-evalwazzjoni hija bbażata fuq il-Linji Gwida tal-Kummissjoni għal Regolamentazzjoni aħjar (Better Regulation Guidelines - BRG) COM(2015)215 final . Il-BRG kienu ġew introdotti fl-2015 bħala approċċ integrat li jkopri ċ-ċiklu tal-politika kollu bl-għan li jtejjeb il-kwalità tat-tfassil tal-politiki u l-liġijiet tal-UE biex jiksbu l-għanijiet tagħhom bl-inqas spejjeż. Rigward l-evalwazzjonijiet, minbarra li jistabbilixxi qafas estiż ta' kriterji ta' evalwazzjoni li għandhom ikunu vvalutati, il-BRG jitolbu wkoll konsultazzjonijiet vasti mal-partijiet ikkonċernati. Il-Kummissjoni kkonsultat bl-aktar mod wiesa' possibbli sabiex tiżgura li l-interess pubbliku ġenerali tal-UE - għall-kuntrarju tal-interessi speċjali ta' firxa dejqa ta' gruppi ta' partijiet ikkonċernati - ikun rifless sew fit-tfassil futur tal-FEG, f'konformità mal-BRG.